This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0674
Draft Report from the Commission to the Council - Draft Joint Employment Report (JER) 2009/2010
Abbozz ta' Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - L-abbozz tar-Rapport Kunġunt dwar l-Impjiegi (JER) 2009/2010
Abbozz ta' Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - L-abbozz tar-Rapport Kunġunt dwar l-Impjiegi (JER) 2009/2010
/* KUMM/2009/0674 finali */
Abbozz ta' Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - L-abbozz tar-Rapport Kunġunt dwar l-Impjiegi (JER) 2009/2010 /* KUMM/2009/0674 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 15.12.2009 KUMM(2009)674 finali ABBOZZ TA' RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL L-abbozz tar-Rapport Kunġunt dwar l-Impjiegi (JER) 2009/2010 ABBOZZ TA' RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER) 2009/2010 1 IS-SITWAZZJONI TAL-IMPJIEGI FL-2009 U L-PREVIżJONI SAL-2011 Minkejja s-sinjali tal-irkuprar tal-ekonomija fl-UE, il-prospetti tal-impjiegi jibqgħu ġeneralment mhux favorevoli, bil-qgħad globali li għadu qed jiżdied, madankollu b'pass inqas mgħaġġel. Wara perjodu ta' titjib qawwi fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol sal-bidu tal-2008, il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija hedded ħafna minn dan is-suċċess preċedenti. Filwaqt li xi Stati Membri raw riżultati ħafna agħar minn oħrajn, żviluppi min-nofs l-2008 huma mmarkati bi tnaqqis fid-domanda għal ħaddiema ġodda (madwar -30 %), nuqqas ta' impjiegi (-1.9 % = 4.3 miljun impjieg), u l- qgħad dejjem jiżdied speċjalment fost gruppi li diġà qegħdin f'sitwazzjoni ta' suq tax-xogħol relattivament aktar dgħajjef minn qabel il-kriżi (żgħażagħ, ħaddiema b'kapaċitajiet aktar baxxi, immigranti). Dan id-deterjorament serju jirrifletti n-nuqqas ta' negozju fis-setturi/xogħlijiet l-aktar milquta minn dan it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, iżda wkoll l-użu wiesa' ta' arranġamenti ta' xogħol flessibbli, speċjalment għal ħaddiema b'anqas esperjenza, li kienu għaldaqstant l-ewwel li tilfu l-impjiegi tagħhom (bejn it-tieni kwart tal-2008 u t-tieni kwart tal-2009 l-impjiegi fost ħaddiema temporanji naqas b'1.7 miljun, li miljun minnhom fl-ES). Iż-żieda tal-qgħad fl-UE ma kenitx b'saħħitha daqs kemm kien mistenni mit-tnaqqis mgħaġġel tal-PGD. Bosta pajjiżi introduċew miżuri sabiex jevitaw tkeċċija tal-massa inkluż sussidji fuq il-pagi u l-aġġustament tal-ħin tax-xogħol. Il-moderazzjoni tal-pagi u konċessjonijiet oħra dwar il-pagi bi tpattija għall-impjiegi għenu wkoll sabiex jinżammu impjiegi f'bosta setturi[1]. Il-previżjoni l-aktar riċenti tal-Kummissjoni tipprevedi rkuprar ekonomiku gradwali matul is-sentejn li ġejjin (UE PGD + 0.7% fl-2010 u + 1.6% fl-2011)[2]. Madankollu, l-impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol ser jieħu ż-żmien biex juri ruħu, fid-dawl tad-distakki qabel l-impjiegi jirreaġixxu għal bidla fl-attività ekonomika. Bi tnaqqis ikkalkolat fl-impjiegi ta' 2.3% fl-2009 u 1.2% aktar fl-2010 (ekwivalenti għal tnaqqis ta' impjiegi ta' madwar 7.5 miljun matul dawn is-sentejn), il-qgħad huwa previst li jiżdied aktar madwar l-Istati Membri kollha, u jilħaq potenzjalment l-10.3% sal-2010 u jibqa' 10.2% fl-2011, aktar 'il fuq minn 3pp. fuq il-livelli tal-2008. Jekk l-irkuprar ekonomiku ser jirriżulta f'ħolqien konsiderevoli ta' impjiegi ġodda jew ‘tkabbir mingħajr impjiegi’ ser jiddependi l-aktar fuq strateġiji ta' ħruġ ta' suċċess li jħejju lill-individwi u lill-kumpaniji sabiex jilħqu sfidi strutturali, u fuq l-effiċjenza tal-politiki pubbliċi fl-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol sabiex jipprovdu livelli għolja ta' flessibilità u sigurtà. L-Istati Membri ser ikollhom bżonn jivvalutaw regolarment l-effettività tal-miżuri tal-kriżi fi djalogu kostruttiv ma' msieħba soċjali u appoġġjati mit-tagħlim reċiproku wiesa' tal-UE. 2. MIżURI TA' IMPJIEGI TAL-ISTATI MEMBRI FL-2009 Sabiex jiġi pprovdut stimulu immedjat għall-ekonomija, u l-gruppi vulnerabbli jiġu protetti mill-impatt tal-kriżi fuq is-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri saħħew l-impjiegi tagħhom b'mod konsiderevoli u l-politiki soċjali taħt it-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi[3]. 2.1. Jiżdiedu nies li lesti jaħdmu u jiġu modernizzati s-sistemi għall-ħarsien soċjali Minħabba r-riskju ta' aktar żieda fil-qgħad, sforzi ulterjuri sabiex il-qgħad fit-tul u l-inattività permanenti jiġu evitati jibqgħu neċessarji biex jinżamm il-kapital uman. Barra minn hekk, sforzi kontinwi sabiex il-provvista tax-xogħol tiżdied, speċjalment għal gruppi b'parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol strutturalment baxxa, huma essenzjali sabiex jinżamm it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Minkejja l-isforzi sabiex jiġi indirizzat it-tħassib urġenti ta' gruppi speċifiċi (żgħażagħ, immigranti, ħaddiema b'kapaċitajiet aktar baxxi, ħaddiema b'diżabilità) l-istabbiliment tal-inċentivi xierqa għal ħidma għal dawn il-gruppi hija dejjem diffiċli, u aktar u aktar fi żmien ta' kriżi. L-Istati Membri introduċew miżuri sabiex itejbu l-inċentivi tax-xogħol u jaraw li x-xogħol irendi , billi jnaqqsu t-taxxi jew iżidu l-benefiċċji fix-xogħol: livelli ta' pagi mingħajr taxxa ogħla jew aġġustament 'il fuq tal-parentesi (AT, BE, DE, DK, FI, LV, MT, SE, SK); supplimenti ta' pagi msaħħa u inċentivi ta' taxxa mmirati għax-xogħol (BE, ES, FR, LT, LV, NL, SE, SK); kif ukoll rati tat-taxxa fuq id-dħul imnaqqsa, ta' spiss immirati lejn dawk bi dħul baxx (AT, DK, FI, FR, HU, LT, LU, LV, PL, SE, UK). Tnaqqis ieħor ta' taxxa huwa mmirat biex jinkoraġġixxi r-ritorn tal-ommijiet lejn ix-xogħol (MT) jew jappoġġja l-familji (AT). Dawn ir-riformi tejbu l-inċentivi tax-xogħol għal dawk bi dħul baxx, u għandu jsir aktar sabiex tinkiseb parteċipazzjoni għolja u bbilanċjata tas-suq tax-xogħol, fir-rigward tal-livelli tal-ħiliet, sess (l-esklużjoni hi riskju partikolari għan-nisa speċjalment dawk li għandhom responsabbiltajiet ta' kura) u età. Is-sitwazzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ Iż-żieda tal-qgħad fost iż- żgħażagħ (tal-età 15-24) kienet drammatika fl-2009 u teħtieġ azzjoni ta' politika aktar b'saħħitha, partikolarment billi twassal linji ta' tranżizzjoni aħjar mill-edukazzjoni għall-impjiegi, u dispożizzjoni aktar qawwija u kwalità ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), inkluż appoġġ finanzjarju tal-UE u nazzjonali lill-kumpaniji. Is-sistemi tal-VET jistgħu jillimitaw l-impatt tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ (DE), u ż-żieda tat-taħriġ tal-apprentistat (FIN, FR, UK) għandha l-potenzjal li ssir dispożizzjoni tal-VET aktar permanenti. Skemi ta' sussidji fuq l-impjiegi (BG, EL, FR, IT, UK) jappoġġjaw id-domanda għal ħaddiema żgħażagħ. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol hija wkoll sfida strutturali f'bosta Stati Membri, u l-kriżi wriet kif din timponi l-piż tal-flessibilità tax-xogħol partikolarment fuq iż-żgħażagħ permezz ta' kuntratti atipiċi. Sforzi vigorużi huma meħtieġa sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni ta' żgħażagħ bi sfond ta' migrazzjoni jew minoranza jew diżabilità. Madankollu, progress sar, u bosta inizjattivi riċenti jmorru fid-direzzjoni t-tajba: garanzija ta' edukazzjoni u taħriġ (DE, AT), appoġġ immedjat ta' ċentri ta' xogħol għaż-żgħażagħ f'riskju (DK), appoġġ tal-Fondazzjoni tax-Xogħol għaż-żgħażagħ wara li jitilfu l-impjieg (AT) jew servizzi ta' komunikazzjoni għaż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni u lanqas fl-impjiegi (MT, SI). Il-perspettiva tas-suq tax-xogħol kurrenti twassal l-urġenza tal-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' inklużjoni attivi u komprensivi b'azzjoni bbilanċjata u integrata fit-tliet pilastri: swieq tax-xogħol inklussivi, aċċess għal servizzi ta' kwalità, u appoġġ adegwat għad-dħul. Riformi tat-taxxa li jinkludu t-tnaqqis tat-tassazzjoni tax-xogħol (ara p.6) jistgħu jipprovdu inklużjoni fis-suq tax-xogħol. Bosta Stati Membri stabbilixxew miżuri pożittivi sabiex jappoġġjaw lil dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol : sussidji tal-impjiegi immirati (FI, FR, HU, IT, LT, PL, SE) u inċentivi għall-impjiegi ta' nies b'diżabilità (ES, IE, RO). Miżuri kumplimentari jinkludu programmi ta' taħriġ imsaħħa u/jew aktar aċċessibbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u promozzjoni ta' impjiegi fl-ekonomija soċjali jew settur mingħajr qligħ (AT, ES, PL, PT, SI), u skemi ta' rati tax-xogħol (LV). Il-ħolqien dirett ta' xogħol fis-settur pubbliku kien previst fi wħud mill-pajjiżi biss (ES, CY, HU), jew bħala konsegwenza ta' limitazzjonijiet ta' nefqa pubblika jew ta' riżervi fir-rigward tal-effiċjenza ta' miżuri bħal dawn. Ħafna mill-Istati Membri integraw azzjonijiet fil-politiki tagħhom favur il-gruppi żvantaġġati. Fir-rigward ta' problemi speċifiċi li jaffettwaw Roma u gruppi oħra emarġinati bl-istess mod, xi pajjiżi qed isegwu approċċ 'espliċitu iżda mhux esklussiv'. Huwa importanti li l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki jiġi mmonitorjat u evalwat fuq bażi kontinwa, inkluż l-interazzjoni tagħhom mal-politiki ta' integrazzjoni. Ħaddiema ikbar s'issa ma kinux f'riskju partikolari li jitilfu l-impjieg minħabba l-kriżi, iżda dawn iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet sostanzjali biex jiġu impjegati mill-ġdid. Bosta Stati Membri introduċew miżuri speċifiċi sabiex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta' ħaddiema ikbar fl-età fis-suq tax-xogħol (NL, PL, PT) u jistimulaw id-domanda għal ħaddiema ikbar fl-età (NL). Għalkemm hemm ftehim ġenerali fir-rigward tal-ħtieġa li rtirar kmieni jiġi evitat, hemm indikazzjonijiet li ċerti pajjiżi jistgħu jerġgħu lura għal din l-għażla. Dan għandu jiġi evitat permezz ta' opportunitajiet ta' impjiegi aħjar għal ħaddiema ikbar fl-età, appoġġ għal titjib tal-ħiliet tagħhom sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol u inċentivi mtejba sabiex jibqgħu jaħdmu permezz tas-sistemi tal-pensjoni u strutturi oħra ta' taxxi/benefiċċji. Minkejja li d-domanda globali għal ħaddiema ġodda qed tonqos, xi pajjiżi (BE, DE, FI, FR, LT) li qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' xogħol u ħiliet ikomplu jippromwovu l-provvista tax-xogħol permezz ta' migrazzjoni ekonomika . Miżuri speċifiċi sabiex nies b'ħiliet għoljin jiġu attirati (DE, FI, FR, LT), estensjoni tal-viża b'mod aktar sempliċi u proċeduri ta' permessi tar-residenza (FI, PT), u viża speċjali u permessi tar-residenza għal dawk bi kwalifiki għolja (FR, IE). Madankollu, l-Istati Membri jeħtieġ li jwettqu b'aktar qawwa l-integrazzjoni fit-tul tal-immigranti u d-dixxendenti tagħhom li diġà jgħixu fl-UE, li fosthom in-nuqqas ta' impjiegi żdied b'mod sostanzjali matul il-kriżi. Il-politiki kurrenti jiffokaw prinċipalment fuq it-tijib tal-livelli ta' kwalifiki u l-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni globali. Azzjoni ulterjuri hija meħtieġa inkluż inkoraġġiment lill-kumpaniji sabiex jimpjegaw forza ta' xogħol aktar diversa, pereżempju permezz ta' karti dwar id-diversità (BE, DE, ES, FR). Is-Servizzi Pubbliċi għall-Impjiegi (PES) jridu jittrattaw i n-numru li dejjem qed jiżdied ta' nies qiegħda u l-modernizzazzjoni tagħhom huwa mezz effettiv sabiex jintlaħqu l-isfidi l-ġodda. Tabilħaqq dan seħħ permezz ta' għaqdiet organizzattivi/kooperazzjoni intensifikata tal-integrazzjoni u s-servizzi ta' assigurazzjoni (DK, EE, EL, FI, FR, HU, NL, SI), tipi ġodda ta' twassil ta' servizzi li jgħaqqdu s-servizzi bbażati fuq l-internet u dawk personali (EE, EL, IE, MT, RO, UK/l-Iskozja), għoti ta' pariri speċjali lill-kumpaniji sabiex iħarrġu lill-impjegati u intervenzjoni proattiva bikrija fil-każ ta' tkeċċija (AT, BG, DK, EE, IE, MT, NL) u gwida għal tiftix ta' xogħol għall-impjegati u min iħaddem (DE, BE, FI, IE, LU, PT, UK). Xi PES intensifikaw il-kooperazzjoni ma' aġenziji ta' impjiegi privati (AT, FR, NL). Dawn l-approċċi jistgħu jispiraw riformi ulterjuri f'pajjiżi oħra, u evalwazzjoni aktar sistematika tista' tkabbar l-evidenza fir-rigward ta' liema proċeduri u programmi huma l-aktar effiċjenti speċjalment fi żminijiet meta l-limitazzjonijiet tal-baġit qed jiżdiedu. Sistemi ta' protezzjoni soċjali soffrew test ta' tensjoni qawwija b'żieda kbira fil-qgħad. Stabbilizzaturi awtomatiċi kienu strumentali biex jittaffa l-impatt soċjali immedjat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku għalkemm bi gradi differenti fi ħdan l-UE; għadd ta' Stati Membri raw ukoll il-ħtieġa li jaġġustaw il-livell (CZ, ES, LT, RO) tad-dewmien, (BE, BG, CZ, EL) jew kopertura (IT, PT) tal-benefiċċji, jew sabiex jistabbilixxu appoġġ ta' dħul ġdid jew akbar għal dawk li ma jikkwalifikawx għal benefiċċji tal-qgħad (eż. FR, LV). Barra l-grupp ta' nies li jikkwalifikaw għal benefiċċji ta' nies qiegħda, xi Stati Membri saħħew ukoll l-appoġġ għal gruppi vulnerabbli (BE, CY, FR, PL) u pensjonanti bi dħul baxx (CY, RO). Il-kapaċità biex tintlaħaq id-domanda li qed tiżdied għas-sigurtà soċjali tvarja b'mod sostanzjali fost l-Istati Membri; din l-isfida inevitabbilment ser tiżdied matul iż-żmien u tenfasizza l-ħtieġa għal politiki qawwija ta' attivazzjoni. L-impjiegi tan-nisa Id-dejta tas-suq tax-xogħol tindika li ġeneralment fl-2009 in-nisa ma kinux affettwati daqshekk ħażin daqs l-irġiel mill-qgħad. Madankollu, żbilanċi qawwija bejn is-sessi jippersistu f'ħafna Stati Membri, b' attività aktar baxxa u rati ta' qgħad aktar għoljin għan-nisa. Minħabba l-kriżi, xi miżuri għall-ugwaljanza bejn is-sessi ġew posposti jew ikkanċellati u l-ebda miżura ġdida ma ttieħdet għajr l-appoġġ ta' impjiegi ġodda fis-settur tal-kura (FI, NL, UK). L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tkun applikata b'mod aktar attiv fil-politiki tal-impjiegi, notevolment meta jiġu definiti u implimentati l-politiki ta' rkupru. Bosta Stati Membri issoktaw sabiex jippromwovu rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol, il-ħajja privata u familjari, partikolarment permezz ta' aċċess u/jew kwalità tas-servizzi tal-kura għal tfal żgħar jew tfal li għadhom ma bdewx jattendu l-iskola, u permezz ta' appoġġ għal kura ta' dipendenti oħra (ES, PT). Riformi riċenti fuq skemi ta' leave tal-maternità u/jew benefiċċji għandhom l-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni/ir-ritorn femminili lejn is-suq tax-xogħol (AT, DE, HU), u jtejbu d-drittijiet tal-liv tal-ġenituri/tal-missier jew il-protezzjoni tal-ħaddiema li jieħdu l-liv (BG, NL, PT). Drittijiet għal arranġamenti flessibbli tax-xogħol (HU, RO, SK, UK) u protezzjoni tal-ħaddiema f'impjiegi flessibli (LT, SK) tjiebu. Filwaqt li d-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa jibqgħu mhux indirizzati biżżejjed mill-biċċa l-kbira tal-Stati Membri, ittieħdu xi miżuri ġodda: trasparenza aħjar (DE, UK), eżaminazzjoni mill-ġdid tal-iskemi tal-evalwazzjoni tax-xogħol (BE), involviment tal-ispezzjoni tax-xogħol u riċerka ġdida (NL), u strateġija tripartita ġdida (FI). 2.2. Titjib fl-adattabilità tal-ħaddiema u l-intrapriżi L-Istati Membri matul dawn l-aħħar sentejn iffokaw fuq l-iżvilupp tal-approċċ tal-flessigurtà, u bdew jifformulaw linji ta' flessigurtà komprensivi skont l-isfidi strutturali individwali u l-pożizzjonijiet inizjali. Hekk kif bdiet il-kriżi l-pressjoni għal adattabilità żdiedet ħafna u ġibdet l-attenzjoni fuq miżuri li jgħinu l-adattament għal kuntesti ġodda f'perspettiva ta' żmien pjuttost qasir. Il-miżuri ewlenin li ttieħdu f'dan ir-rigward huma aġġustamenti temporanji għal produzzjoni li qed tonqos permezz tal- arranġamenti tax-xogħol flessibbli , l-aktar arranġamenti tax-xogħol ta' żmien qasir sabiex sensji u telf ta' kapital uman jiġu evitati[4]. Xi Stati Membri taħt pressjoni ekonomika kbira introduċew jew jipprevedu moderazzjoni tal-pagi fis-settur pubbliku (BG, EL, LT, LV, RO). Fl-NL, il-moderazzjoni tal-pagi mal-ekonomija kollha fuq perjodu medju kienet innegozjata kontra t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Spejjeż għolja tax-xogħol bla paga u diviżjonijiet tat-taxxa għolja huma ostakolu ewlieni għall-impjiegi. Minkejja l-progress fi snin riċenti, id-diviżjonijiet tat-taxxa tal-UE 27 fuq l-ispejjeż tax-xogħol jibqgħu fuq il-livell tagħhom tal-2000 b'madwar 40½ %. Azzjoni ttieħdet sabiex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol li jinkludi tnaqqis ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (BE, BG, CZ, DE, ES, FI, HU, SE) u reviżjoni tas-sistema tat-taxxa sabiex inaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol. Sabiex jinżammu n-nies fl-impjiegi u/jew jiġi promoss ir-reklutaġġ, l-ispejjeż tax-xogħol ġew imnaqqsa f'għadd ta' Stati Membri, b'miri varji lejn ħaddiema b'pagi inqas (CZ), SMEs (NL), dawk li jaħdmu għal rashom (SK) jew mod ieħor permezz ta' benefiċċji tat-taxxa sabiex in-nies qiegħda jiġu megħjuna biex jiftħu negozju (PT). Approċċ alternattiv li ġie ttestjat fl-SE jippermetti lil min iħaddem li jipposponi l-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi sa 12-il xahar, biex jgħin il-fluss tal-likwidità u jnaqqas ir-restrizzjonijiet ta' kreditu. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol tibqa' sfida. Filwaqt li xi pajjiżi (BG, CY, EE, HU, LT, PT) rrevedew il- leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-impjiegi matul dawn l-aħħar snin, konformi mal-approċċ tal-flessigurtà, aktar azzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi evitata s-segmentazzjoni tas-swieq tax-xogħol li jheddu l-prestazzjoni ekonomika tax-xogħol fit-tul, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli speċifiċi. Fl-2008, ħafna mill-Istati Membri diġà raw sehem dejjem jonqos ta' kuntratti għal perjodu fiss, inkluż xogħol temporanju ta' aġenziji , minħabba li l-kriżi għandha tendenza li l-ewwel tolqot l-arranġamenti tax-xogħol. Żviluppi fl-2009 jenfasizzaw li s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol tikkonċentra fuq il-‘flessibilità’ prinċipalment taħt kuntratti ta' perjodu fiss; din l-inugwaljanza tagħmel il-ħsara u mhix effiċjenti u tappella għal distribuzzjoni aħjar tal-bilanċ tal-flessibilità/sigurtà fost il-ħaddiema kollha. Xogħol mhux iddikjarat jibqa' karatteristika persistenti; f'għadd ta' Stati Membri is-sehem tiegħu fl-ekonomija nazzjonali huwa madwar wieħed minn ħamsa u xi azzjoni qed tittieħed. Fil-PT, kuntratti ta' ħaddiema indipendenti irregolari issa qed jiġu ppenalizzati b'mod qawwi. Xi pajjiżi (BG, CY, EL, HU, MT) tejbu l-mekkaniżmi ta' spezzjoni u żiedu s-sanzjonijiet jew introduċew sistemi ta' vouchers b'suċċess (BE). Globalment, l-impenn sabiex ix-xogħol mhux iddikjarat jiġi ttrasformat f'impjiegi formali jeħtieġ azzjoni aktar b'saħħitha. Il-mobilità ġeografika fl-UE tibqa' baxxa. Ftit Stati Membri biss ħadu azzjoni ġdida li tinkludi fieri tal-impjiegi reġjonali (BG), appoġġ speċjali offrut għal-ċaqliq bejn ir-reġjuni (DE, ES, LT) kif ukoll investiment fl-infrastruttura tat-trasport (LT, SK). Inċentivi sabiex tiżdied il-mobilità tax-xogħol, bħal benefiċċji fiskali għal min jivvjaġġa, ġew miżjuda fl-AT, DE, ES, LT, NL u SK. 2.3. Żieda tal-investiment fil-ħiliet u l-kapital uman It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku jenfasizza l-urġenza għal riforma fl-edukazzjoni u s-sistemi tat-taħriġ, għal aktar investiment fiż-żieda tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u li jiġi żgurat qbil aħjar bejn l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u aktar stabbilità eż. permezz ta' aktar ħiliet fil-lingwi.. F'dan ir-rigward, ħafna mill-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma' sensiela ta sfidi strutturali. Xi riformi ġew imfassla u implimentati, iżda r-riżultati għadhom imħallta u għad fadal xi jsir bil-punt fokali fuq il-politiki favur it-tkabbir (edukazzjoni, innovazzjoni u teknoloġiji ekoloġiċi). Strateġiji biex jittejbu l-ħiliet bħala miżuri ta' żmien qasir ġew implimentati f'bosta Stati Membri, ta' spiss bl-appoġġ tal-FSE. Sabiex titħares l-impjegabilità tal-ħaddiema, it-taħriġ fuq ix-xogħol ġie msaħħaħ (AT, BG, CY, EL, IT, LU, MT, PT, SE, UK). Dawn il-miżuri huma l-aħjar meta jiffokaw fuq l-identifikazzjoni ta' impjiegi ġodda u r-rekwiżiti tal-ħiliet tagħhom. Bosta Stati Membri żviluppaw strateġiji ta' ħiliet ġodda li huma mfassla aħjar biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (AT, BE, DK, MT, RO, SK). Barra minn hekk, it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet futuri u l-iżvilupp ta' kurrikuli ġie mħaffef (BE, BG, MT, SI) b'imsieħba soċjali li għandhom rwol ewlieni f'xi Stati Membri (BG, DK, FI, LU). Il-kapaċità tal-Istati Membri sabiex jipprevedu u jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa jvarjaw. Sistema ġdida avvanzata ġiet żviluppata fl-FI b'appoġġ mal-FSE. Previżjoni ta' żmien qasir hija neċessarja sabiex l-ostakoli jiġu evitati. Xi Stati Membri jiddeskrivu studji stimulanti u approċċi għal antiċipazzjoni tal-ħiliet (analiżi tas-suq tax-xogħol, stħarriġ fost min iħaddem fis-CY, IE, LT, RO), ta' spiss b'appoġġ mill-FSE. Iż-żewġ ħiliet tal-previżjoni u l-antiċipazzjoni għandhom jitjiebu fil-futur, anki permezz tal-assessjar ta' ħtiġijiet futuri mill-industrija u dawk li jħarrġu. Xi Stati Membri (AT, BE, DE, EE, ES, IE, MT, NL, PT) stabbilixxew pjanijiet speċifiċi aktar fit-tul, pjanijiet speċifiċi għal kisba tal-kwalifiki . Hemm tendenza ċara lejn istruzzjoni u tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza, b'mod partikolari fil-kurrikuli tal-iskejjel. L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) li tippromwovi trasparenza ta' kwalifiki akbar ibbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim qed tidħol f'fażi kruċjali. Ħafna Stati Membri qed jagħmlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali, li jkopru l-livelli kollha u t-tipi ta' edukazzjoni u taħriġ, u fir-referenzjar tal-oqfsa tagħhom lill-EQF sal-2010. Xi Stati Membri saħħew l-isforzi sabiex jiffaċilitaw il- validazzzjoni ta tagħlim formali u informali (AT, ES, FR, IE, LT, LU, NL, SE, SI) [5]. Xi pajjiżi ħadu inizjattivi sabiex isaħħu r-rwol tal- edukazzjoni ogħla fil-kontinwazzjoni tal-iżvilupp professjonali u personali għal dawk li diġà qegħdin fil-forza tax-xogħol (BE, EL, FI, IT, LT, NL). Madankollu, istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla għadhom jeħtieġu inċentivi sabiex jiżviluppaw kurrikuli aktar flessibbli u tipi ta' attendenzi u jkabbru l-validazzjoni tat-tagħlim preċedenti. L- iffinanzjar tat-tagħlim tul il-ħajja huwa aspett kruċjali speċjalment fil-kuntest ta' restrizzjonijiet ta' nefqa kemm fil-baġit pubbliku kif ukoll f'dak privat. Ħafna Stati Membri żiedu n-nefqa fuq it-tagħlim tul il-ħajja għal ħaddiema b'kapaċitajiet baxxi u nies qegħda. Xi wħud introduċew appoġġ sabiex jgħaqqdu x-xogħol ta' żmien qasir u t-taħriġ ulterjuri (BE, CZ, DE, FR, IE, LU, LV, PT). Sforzi għal taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-adulti jinkludu wkoll miżuri li jimmiraw ir-riżorsi lejn edukazzjoni ogħla (DE, IE, UK). Il-mekkaniżmi tal-iffinanzjar li jgħinu lill-SMEs iħarrġu lill-ħaddiema ġie stabbilit (DE, HU, SI). 2.4. L-użu ta' appoġġ finanzjarju tal-UE sabiex jitjiebu l-azzjonijiet ta' prijorità Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffinanzjaw azzjoni kontra l-kriżi bl-għajnuna tar-riżorsi finanzjarji bil-għan li jappoġġjaw in-nies, il-Kummissjoni mmodifikat l-ipprogrammar u t-tmexxija tal- Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex ittejjeb il-kapaċità tal-FSE biex jitħaffu l-programmi u jimmirawhom lejn setturi u gruppi li l-aktar jeħtieġu appoġġ. Xi Stati Membri (AT, DE, HU, IE, LT, LV, NL, UK) użaw il-possibilità li jemendaw il-Programmi Operattivi tagħhom għal aġġustament tal-kriżi, filwaqt li oħrajn użaw il-flessibilità li diġà teżisti tal-programmi tal-FSE sabiex jimmiraw l-intervenzjonijiet lejn dawk milquta mill-kriżi. L-Istati Membri użaw ukoll il-FSE għall-implimentazzjoni tal- prijoritajiet tal-PERE , pereżempju biex iwessgħu l-kopertura tal-benefiċċji tal-impjiegi (IT), jestendu l-benefiċjarji potenzjali tal-FSE għal gruppi ta' kull età (AT), jestendu l-iskemi tax-xogħol ta' żmien qasir (DE, EL), u jgħaqqduhom mat-taħriġ (CZ) jew iżidu l-appoġġ għall-imprenditorija (PT). Stati Membri oħra mmodifikaw il-programmi tal-FSE tagħhom billi ħadu miżuri ta' żmien qasir kontra l-kriżi speċifikament immirati għal nies qiegħda, bħat-trasferiment tar-riżorsi f'azzjonijiet li jappoġġjaw l-impjegabilità tan-nies qegħda (UK/Wales), sabiex jorjentaw mill-ġdid il-prijoritajiet lejn nies qiegħda (IE) jew jadattaw għal tibdil soċjoekonomiku f'reġjuni partikolari (ES/Navarra). Il-PL biddlet il-kriterji tal-għażla sabiex tiżgura li l-proġetti tal-FSE huma aċċessibbli għal ħaddiema fis-setturi partikolarment milquta mill-kriżi. In-numru ta' applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (EGF) żdiedu b'mod sostanzjali fl-2009 (20 imqabbla ma' 5 fl-2008). B'kollox 12-il pajjiż talbu appoġġ għal 24 300 ħaddiem li tilfu l-impjieg tagħhom f'setturi bħall-azzar u l-industrija tal-karozzi, il-manifattura, il-kostruzzjoni u l-ajruplani għal ammont totali ta' EUR 152.7 miljun. 3. IT-TRIQ GħALL-ġEJJIENI Il-miżuri tal-impjiegi tal-Istati Membri bi tweġiba għal kriżi ikkontribwew b'mod sinifikanti sabiex jistabbilizzaw l-ekonomiji, u f'ħafna każijiet naqqsu l-impatt negattiv fuq l-impjiegi fl-2009. Madankollu, 'il quddiem se jkun hemm ħafna sfidi : il-kriżi enfasizzat problemi strutturali , partikolarment ir-riskju ta' aktar qgħad strutturali u fit-tul, differenzi persistenti fil-ħiliet, u esklużjoni tas-suq tax-xogħol tal-gruppi l-aktar żvantaġġati. Barra minn hekk, il-koeżjoni soċjali u territorjali tal-UE hija f'riskju minħabba li l-kriżi laqtet pajjiżi u reġjuni b'modi u gradi ta' intensità differenti, li wasslu għal riżultati tas-suq tax-xogħol differenti. Minħabba l-prospett tal-qgħad li għadu qed jiżdied u n-nuqqas ta' postijiet ta' xogħol vakanti fl-2010, il-miżuri robusti tas-suq tax-xogħol ser jibqgħu essenzjali fiż-żmien qasir. F'dan il-qafas, il-kwistjoni ewlenija hija li jitjiebu l-koerenza bejn il-miżuri ta' żmien qasir u r-riformi strutturali fit-tul. L-estenzjoni żejda ta' xi miżuri li ttieħdu matul dawn l-aħħar xhur sabiex il-kriżi tal-impjiegi tiġi ttrattata jista' jkollha impatt negattiv aktar fit-tul fuq il-produttività, il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri. It-titjib tas-sigurtà tal-impjiegi, li tappoġġja t-tranżizzjonijiet u t-tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol kif ukoll il-ħarsien tal-ekwilibri baġitarji huma partikolarment importanti, jenfasizzaw il-ħtieġa ta' risponsi tal-politika komprensivi li huma konformi mal-approċċ tal-flessigurtà. Għaldaqstant, b'sinjali pożittivi fuq l-irkupru moderat fl-attività ekonomika fl-2010, il-kwistjoni ewlenija matul ix-xhur li ġejjin ser tkun sabiex jiġi determinat meta u kif il-miżuri tal-kriżi ser jiġu mneħħija gradwalment. It-tneħħija ta' miżuri ta' stimolu kmieni wisq jista' jkollha impatt negattiv fuq l-impjiegi u d-domanda tax-xogħol filwaqt li t-tneħħija tagħhom tard wisq jista' jkollha impatt negattiv fuq l-irkuprar u tfixkel l-għanijiet tat-tkabbir f'perjodu medju bi tnaqqis aktar bil-mod fil-qgħad, produttività aktar baxxa, jew pożizzjoni baġitarja mhux sostenibbli. Filwaqt li restrizzjonijiet u sitwazzjonijiet ivarjaw u ser jeħtieġu strateġiji differenti, l-Istati Membri għandhom għadd ta' għanijiet ta' politika ta' impjiegi komuni : qgħad aktar għoli għandu jiġi mreġġa' lura u ma jitħalliex isir strutturali; tranżizzjonijiet ta' impjiegi, speċjalment tqabbil bejn ħiliet u impjiegi, jeħtieġu li jitjiebu; iż-żgħażagħ u oħrajn milquta l-aktar mill-kriżi jeħtieġu appoġġ sostnut; it-titjib tal-ħiliet għandhom ikunu relatati aħjar mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol; u l-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol trid titjieb akar speċjalment għan-nisa, għall-ħaddiema ikbar fl-età u għall-immigranti. Approċċ koordinat madwar l-Ewropa b'involviment attiv tal-imsieħba soċjali huwa strumentali fil-kisba ta' dawn l-għanijiet. F'dan il-kuntest, hemm tliet tipi wesgħin ta' sfidi għal politiki futuri tal-impjiegi li fihom il-miżuri tal-kriżi jeħtieġu li jiġu aġġustati fi ħdan qafas ta' riformi strutturali kontinwi: - Il-ħtieġa għall- infurzar ta' miżuri ta' kriżi eżistenti . Dan ser iseħħ partikolarment, għalkemm mhux esklussivament, għal dawk l-Istati Membri fejn l-impjiegi huma mistennija li jiżdiedu b'mod sinifikanti s-sena li ġejja. Hawnhekk l-importanti huwa li wieħed jiffoka fuq it-titjib tal-effettività ta' dawn il-miżuri. B'mod partikolari, l-arranġamenti tax-xogħol ta' żmien qasir jistgħu jibqgħu temporanjament iġġustifikati għal impjiegi sostenibbli sakemm l-impjiegi jibqgħu jiżdiedu - iżda l-kriterji ta' eliġibilità jridu jkunu aktar stretti mqabbla ma' dawk applikati fl-2009. Dawn l-iskemi, li jistgħu jtaffu l-impatt soċjali tal-kriżi fi żmien qasir, isalvaw tkeċċija konsiderevoli u spejjeż ta' ingaġġar għall-kumpaniji u jipprevjenu t-telfa ta' kapital uman speċifiku għal kumpaniji, jistgħu jwasslu sabiex il-kumpaniji jkollhom ħaddiema żejda b'mod sostanzjali fit-tul u jistgħu jkollhom riskju ta' dewmien ta' strutturar mill-ġdid neċessarju. L-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' żieda ta' nuqqas ta' impjiegi jikkunsidraw ukoll li jagħtu aktar importanza lil miżuri oħra li wrew li għandhom impatt favorevoli, partikolarment it-tisħiħ tal- kapaċità tas-Servizzi Pubbliċi għall-Impjiegi biex jipprovdu approċċ aktar personalizzat fl-assistenza ta' tfittxija tal-impjiegi qabel is-sensja. Barra minn dan, għadd ta' tibdil temporanju introdott waqt il-kriżi jista' jkun opportunità għal ftuħ ta' riformi strutturali aktar stabbli li jtejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol . Dan huwa notevolment il-każ għal tibdil introdott f'xi pajjiżi li jikkonċernaw it-tfassil tal-iskemi ta' assigurazzjoni ta' nies qiegħda jew tal-ALMPs. Fl-aħħar nett, il-miżuri ta' żmien qasir b'approċċ ta' flessigurtà inkluż inċentivi ta' xogħol proprju jistgħu jkunu għodod importanti sabiex tiġi indirizzata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. - Il-ħtieġa għall- infurzar tal-miżuri ta' kriżi eżistenti . Dan ser iseħħ speċjalment f'pajjiżi li qegħdin taħt pressjoni qawwija għal konsolidament fiskali. Hawnhekk il-kwistjoni ewlenija hija li jitnaqqsu l-inattività u n-nasbiet tal-qgħad (notevolment it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni femminili) filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-pagi għal dawk l-aktar fil-bżonn u dawk li jkunu qed jesperjenzaw trażizzjonijiet. Huwa minnu wkoll li, filwaqt li l-miżuri kontroproduttivi passivi li ġew introdotti f'riċessjonijiet tal-passat għandhom jiġu evitati (irtirar kmieni, ħruġ lejn diżabilità u skemi ta' benefiċċji tal-mard), il-miżuri ta' appoġġ għal-pagi pprovdew għajnuna għal ħafna li kienu fil-bżonn mill-bidu tal-kriżi, u kkontribwew għaldaqstant sabiex jipprevjenu l-faqar. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li huwa diffiċli ħafna għan-nies l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol li jagħmlu użu effettiv tal-miżuri attivi bħal taħriġ u l-għoti ta' pariri dwar l-impjiegi. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-titjib tal- flessibilità interna kif ukoll esterna . Li tiġi trattatta s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol li qed tiżdied hija prijorità fir-rigward tat-titjib tas-sitwazzjoni tan-nies b'kuntratti mhux standard li ta' spiss għandhom kopertura mhux adegwata b'sistemi ta' assigurazzjoni ta' qgħad u politiki tas-suq tax-xogħol (minħabba d-dispożizzjoni tagħhom hija normalment relatata mal-benefiċċji). L-għan aħħari hu l-bdil tal-punt fokali minn protezzjoni fuq l-impjieg għal assigurazzjoni fis-suq. - Il-ħtieġa għall- infurzar tal-miżuri ta' kriżi eżistenti . Dan ser ikun tħassib immedjat f'pajjiżi fejn il-previżjoni ekonomika u tal-impjiegi hija l-aktar favorevoli u l-punt fokali jista' jkun b'mod sħiħ fuq riformi strutturali . Hawnhekk ser ikun hemm pressjoni ulterjuri fuq il-miżuri ta' riformi fit-tul tas-suq tax-xogħol li issa se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma' numri akbar ta' nies qiegħda; it-titjib tal-effettività ta' dawn il-miżuri ser ikun prijorità għolja. Ir-riformi ispirati mill-flessigurtà li jtejbu l-flessigurtà u s-sigurtà fuq is-swieq tax-xogħol huma meħtieġa, inkluż l-ibbilanċjar tal-protezzjoni tal-impjiegi u s-sigurtà fis-suq, li jnaqqas id-differenzi bejn id-domanda li qed tinħoloq u l-ħiliet disponibbli bħalissa fis-suq tax-xogħol, li tippromwovi l-mobilità tax-xogħol lil hinn mill-fruntieri u bejn xogħlijiet, u t-titjib tar-rispons tal-pagi sabiex tġi żviluppata l-produttività. L-għan aħħari huwa li tiżdied ir-reżistenza tal-ekonomija għal skossi speċifiċi għall-pajjiż jew għas-settur fil-ġejjieni. [1] Id-dokument ta' Sfond tal-Kummissjoni lill Kunsill tal-EPSCO tat-30.11.2009 jagħti analiżi ddettaljata tat-tendenzi u r-rispons tal-politika għal kriżi tal-impjiegi. Għal dejta ddettaljata, ara wkoll L-Osservatorju tas-Suq tax-Xogħol tad-DĠ EMPL tal-Kummissjoni tal-2009 fir-Rapport Ewropew. [2] Il-previżjoni tal-Ħarifa tal-KE tat-3.11.2009 [3] Ara r-rapport tal-PERE tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2009. [4] Aktar dettalji fuq l-STWA mogħtija mid-dokument tal-Kummissjoni lill-EPSCO (cf nota tal-qiegħ 1) [5] Ara COM(2009) 640 24.11.2009.