Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0536

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

/* KUMM/2009/0536 finali */

52009DC0536

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea /* KUMM/2009/0536 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.10.2009

KUMM(2009)536 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea

WERREJ

Ħtieġa u għan 3

1. Suġġetti ewlenin għal pjattaforma tal-UE fl-affarijiet marittimi internazzjonali 3

2. Intejbu r-rwol tal-UE f’Fora multilaterali 7

3. L-istabbiliment ta’ kooperazzjoni reġjonali f’baċiri tal-baħar komuni 9

4. L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali ma’ sħab ewlenin 10

Aġenda politika tal-UE 12

Ħtieġa u għan

L-iżvilupp sostenibbli jinsab fil-qalba tal-aġenda tal-politiki tal-UE. Il-Politika Marittima Integrata (IMP) għandha rwol ċentrali fil-ksib ta’ dan l-għan. L-Ewropa hija kontinent marittimu. L-oċeani u l-ibħra varji tagħna kif ukoll ix-xtut mifruxin tagħna ilhom ferm fiċ-ċentru ta’ attivitajiet marittimi sostanzjali, u jibqgħu jagħtu kontribuzzjoni kbira – ekonomikament, ambjentalment u soċjalment. L-għan tal-IMP huwa l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, kemm tal-ekonomija marittima b'mod partikolari, kif ukoll ir-reġjuni kostali b'mod aktar ġenerali, permezz tat-titjib bejn il-politiki settorjali differenti u permezz tal-iżvilupp ta’ għodod transsettorjali. B’dan il-mod, inkunu nistgħu niżviluppaw reazzjonijiet integrati għall-isfidi marittimi.

Jekk l-IMP għandha tirnexxi , madankollu, ma tistax tkun sempliċement politika Ewropea. L-ekosistemi tal-baħar u l-ekonomiji marittimi jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-IMP ma tistax tippermetti li tinjora dak li qed jiġri ’l barra mill-konfini tal-Ewropa. Tabilħaqq, ħafna mill-aktar sfidi urġenti li jesiġu approċċ integrat ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv mingħajr kooperazzjoni internazzjonali b’saħħitha. Dan huwa minnu kemm għal dawk l-isfidi li huma espliċitament globali, bħalma huma t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, il-kompetizzjoni ġusta fit-tbaħħir u fil-bini tal-bastimenti, u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f’dawk l-oqsma, kif ukoll ta’ dawk il-kwistjonijiet li aktar jolqtu l-livell reġjonali – bħalma hija l-ħtieġa li l-ambjent jiġi mħares mill-impatti ta’ ċerti attivitajiet marittimi fil-Mediterran jew fil-Baħar Baltiku. Fiż-żewġ każijiet, huwa ċar li l-UE jkollha tindirizza dawn il-kwistjonijiet fi sħubijiet internazzjonali. Tabilħaqq, għandna responsabbiltà ċara, kemm bħala attur globali kif ukoll bħala sieħeb reġjonali, li nagħtu sehemna, u saħansitra nieħdu t-tmun f’idejna biex nindirizzaw l-isfidi marittimi.

Fir-rigward tal-isfidi li jiffaċċaw l-ibħra biswit l-UE, il-Kummissjoni diġà ħabbret, inkella se tħabbar dalwaqt, il-viżjoni tagħha tal-passi meħtieġa f’Komunikazzjonijiet speċifiċi. Dan l-approċċ reġjonali jsegwi direttament mit-talba magħmula mill-Kunsill Ewropew li l-Kummissjoni tqis mill-qrib l-ispeċifiċitajiet reġjonali hekk kif tkompli tiżviluppa l-aġenda tal-IMP.

Din il-Komunikazzjoni tikkomplementa dan l-approċċ reġjonali billi tesplora kif l-IMP għandha tiġi estiża fl-arena internazzjonali usa’. Tipprevedi l-ħolqien ta’ qafas tal-UE għal approċċ globali integrat lejn l-affarijiet marittimi. Tipproponi mod li bih l-awtorità tal-UE, bħala potenza internazzjonali marittima għandha tissaħħaħ fuq il-livell multilaterali. Dan jiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali ma’ ġirien marittimi li magħhom l-UE taqsam il-baċiri tal-baħar, kif ukoll jgħin l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali eqreb ma’ sħab ewlenin. L-isforzi mħeġġa fil-kuntest tad-dimensjoni internazzjonali tal-IMP tal-UE se jkunu koerenti mal-politika globali tal-UE rigward ir-relazzjonijiet esterni u l-politika ta' żvilupp.

SUġġETTI EWLENIN GħAL PJATTAFORMA TAL-UE FL-AFFARIJIET MARITTIMI INTERNAZZJONALI

Is-Samit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Johannesburg stabbilixxa miri globali ambizzjużi biex l-oċeani jiġu restawrati għal qagħda ta’ saħħa ekoloġika tajba u l-aqwa produttività possibbli. Dawn jinkludu programm għall-ġestjoni kostali u oċeanika integrata u bbażata fuq l-ekosistemi li tnaqqas it-telf tal-bijodiversità mill-baħar, li tistabbilixxi netwerks ta’ żoni protetti fil-baħar u li treġġa’ lura l-istokkijiet dinjija tal-ħut għal qagħda bijoloġika tajba. Dan l-għan tal-aħħar jinkorpora konċentrazzjoni fuq il-ġlieda kontra sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat (IUU), it-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd fejn meħtieġ, u l-ksib tal-ogħla rendiment sostenibbli sal-2015.

L-UE għamlet progress tajjeb f’ħafna minn dawn il-miri u tibqa’ impenjata lejn il-ksib tagħhom kollha kemm huma. Madankollu, mhux biss għad hemm ħafna xi jsir f’xi wħud minn dawn l-oqsma, imma ċerti sfidi saru aktar prominenti f'dawn l-aħħar snin - xi wħud fil-medda t-twila, bħat-tibdil fil-klima u oħrajn aktar sporadiċi, bħalma hija l-piraterija. L-UE hija determinata biex tgħin fil-bini tal-kapaċità tal-komunità internazzjonali biex jinħakmu kemm l-isfidi marittimi eżistenti, kif ukoll dawk tal-ġejjieni.

Il-governanza internazzjonali bbażata fuq l-istat tad-dritt

Aktar ma d-dinja tagħna ssir globalizzata aktar ma jikbru d-domandi fuq l-ekosistemi tal-baħar tal-pjaneta tagħna. Jekk għandna nlaħħqu mal-isfidi li dan jista’ joħloq, huwa dejjem aktar neċessarju li r-regoli jkunu definiti biċ-ċar, maqsuma b’mod espliċitu u infurzabbli faċilment. Il-Konvenzjoni tan-NU tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) tibqa’ r-referenza ewlenija f’dan il-qasam, kif issupplimentata mill-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut fil-qasam tas-sajd. Madankollu, minkejja appelli ripetuti mill-komunità internazzjonali, u b’mod partikolari mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fiż-żewġ riżoluzzjonijiet annwali rilevanti tagħha, għadd ta' pajjiżi għad iridu jsiru firmatarji għal dawn l-istrumenti u jimplimentawhom. L-UE għandha tħeġġeġ progress reali f’dan il-qasam, peress li s-suċċess jista’ jintlaħaq bl-aħjar mod fuq skala globali. Għandha wkoll tipprovdi għajnuna għal pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiġi żgurat li ma jitħallewx jibqgħu lura minħabba nuqqas ta’ mezzi xierqa.

Is-sħubija globali tal-UNCLOS għandha tkun prijorità għall-UE. Din il-pożizzjoni għandha titħeġġeġ permezz ta’ djalogu ma’ dawk il-pajjiżi li għadhom mhumiex firmatarji tal-Konvenzjoni. L-UE se tkompli tappoġġa l-isforzi tan-NU sabiex tiżgura li l-UNCLOS u ftehimiet ewlenin internazzjonali oħra fil-qasam marittimu jiġu ratifikati mill-pajjiżi sħab u li jkunu msaħħa kif xieraq l-istrumenti xierqa tal-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġi. Għal dan l-għan, l-UE se tirrakkomanda u tħeġġeġ ir-ratifikar u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti ewlenin fil-kuntest tan-negozjati u l-ftehimiet bilaterali rilevanti. Il-proġetti ta’ politika bħat-tiġdid tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, prevista għall-2015 għandhom jaħsbu biex il-governanza marittima internazzjonali tingħata aktar prominenza.

L-UE għandha wkoll tippromwovi użu aħjar tal-istituzzjonijiet stabbiliti fil-kuntest tal-UNCLOS u tiżgura rappreżentanza xierqa tal-UE f’kollha kemm huma.

Il-protezzjoni tal-bijodiversità, inkluż fl-ibħra miftuħa

L-UE tappoġġa bis-sħiħ għadd ta’ impenji u inizjattivi marbuta mal-ħarsien tal-ambjent tal-baħar f’għadd ta’ oqsma marittimi rregolati minn konvenzjonijiet globali u/jew reġjonali. L-UE għandha tafferma mill-ġdid l-appoġġ tagħha għax-xogħol fuq il-bijodiversità tal-baħar, li sar fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, inkluża d-deċiżjoni li jiġi stabbilit sett ta' kriterji għall-identifikazzjoni ta' oqsma lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, u l-ħolqien ta’ lista’ ta’ żoni tal-baħar li jissodisfaw dawn il-kriterji, kif ukoll l-iżvilupp ta’ gwida għall-valutazzjoni tal-impatti ambjentali ta’ attivititajiet imwettqa fl-ibħra miftuħa.

Filwaqt li l-UNCLOS fiha obbligi ġenerali għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u għall-kooperazzjoni, ma jeżistux mekkaniżmi sabiex tittieħed azzjoni effettiva fl-ibħra miftuħa permezz ta’ approċċ transsettorjali. L-UE qiegħda wkoll trawwem approċċ integrat lejn il-ħarsien tad-diversità tal-baħar kif ukoll l-użu sostenibbli tagħha f’żoni ’l barra mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. Ipproponiet Ftehim ta’ Implimentazzjoni fil-kuntest tal-UNCLOS għal dan l-għan, li jista’ jkollu rwol ewlieni sabiex jimtlew il-lakuni fil-qafas legali attwali, partikolarment għall-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar fl-ibħra miftuħa.

L-attivitajiet tas-sajd għandhom impatt kbir fuq il-bijodiversità. L-UE qiegħda taħdem kontinwament sabiex trażżan il-kapaċità żejda mill-flotot, teqred is-sajd IUU u tipprojbixxi l-prattiki tas-sajd li jikkaġunaw ħsarat serji lill-ekosistemi tal-baħar. L-UE qiegħda tappoġġa wkoll lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li huma dipendenti ferm fuq ir-riżorsi tal-baħar, sabiex dawn jużawhom b’mod sostenibbli filwaqt li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

Fl-2008, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 734/2008 dwar il-protezzjoni ta’ ekosistemi marini vulnerabbli f’ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ, biex b’hekk jittrasponi r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 61/105 fil-liġi tal-UE. L-UE issa qiegħda tfittex l-implimentazzjoni globali effikaċi għal din ir-riżoluzzjoni.

Tibdil fil-klima

Il-projezzjonijiet attwali jindikaw li t-tibdiliet fil-klima mistennija jkollhom firxa wiesgħa ta’ konsegwenzi sinifikanti ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi, b’mod partikolari għall-gżejjer u għall-komunitajiet kostali.

L-oċeani, l-ibħra u l-kosti mhumiex l-uniċi żoni li se jkunu milquta. Għandhom ukoll il-potenzjal li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal strateġiji effikaċi tal-mitigazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda tal-enerġija (eż sorsi li jiġġeddu alternattivi), u tekniki għall-ħżin tal-emissjonijiet tas-CO2. Sforzi addizzjonali sabiex jitnaqqas it-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem għadhom meħtieġa minn diversi setturi marittimi, fosthom miżura settorjali globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tiffaċilita l-iżvilupp u l-adozzjoni ta' miżuri ta' tnaqqis globali bħal dawn u l-UE hija ħerqana li tara t-tlestija ta' dan ix-xogħol fil-futur qrib. L-UE stabbilixxiet approċċ strateġiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħha għall-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima permezz ta’ strateġiji ta’ adattament. L-UE issa għandha ttejjeb l-isforzi tagħha sabiex tistabbilixxi ftehim dwar it-tibdil fil-klima wara l-2012, id f’id mas-sħab tagħha fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima. Għandha wkoll tkompli tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja għall-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima[1], sabiex jiġu żviluppati stati kostali u stati-gżejjer, permezz ta' inizjattivi bħall-Alleanza Globali għat-Tibdil fil-Klima[2] u sabiex il-pajjiżi sħab jingħataw għajnuna ħalli jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali ta' adattament fuq medda itwal.

L-iżgurar tas-sikurezza u s-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni

It-tkabbir tal-operazzjonijiet tas-sajd wassal biex is-sikurezza marittima ssir kwistjoni tal-ogħla importanza għall-UE. Bl-adozzjoni tat-3 Pakkett dwar is-Sikurezza Marittima fil-11 ta’ Marzu 2009, l-UE issa għandha wieħed mill-aktar oqfsa komprensivi u avvanzati sabiex tiġi garantita s-sikurezza fit-tbaħħir, essenzjalment permezz ta’ applikazzjoni konverġenti ta’ regoli maqbula internazzjonalment.

L-iżgurar tal-libertà u s-sigurtà tan-navigazzjoni, kif ukoll il-kontinwità fil-provvista u fit-trasport tal-passiġġieri huma ta' importanza ċentrali għall-UE. Huwa għalhekk li l-UE hija impenjata biex tkompli timplimenta u tinforza regolarment l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha f’dan il-qasam. Hija tistenna li s-sħab jagħmlu l-istess, u li jipprovdu livelli reċiproki u ekwivalenti ta’ protezzjoni għall-attivitajiet marittimi tal-UE ’l barra mill-ilmijiet tal-UE.

Il-piraterija u s-serq armat fuq il-baħar jirrappreżentaw theddida serja mhux biss għal attivitajiet marittimi speċifiċi per se, imma wkoll għal firxa wiesgħa ta’ interessi ekonomiċi u ta’ sigurtà internazzjonali. L-UE ilha tieħu sehem attiv fl-iżvilupp tal-isforzi internazzjonali kontra din il-problema, partikolarment fil-kuntest tan-NU. Hija tqis li l-kooperazzjoni mtejba fost is-sħab fil-ġlieda tal-piraterija u l-kawżi ewlenin tagħha kemm permezz tal-azzjonijiet navali kif ukoll azzjonijiet ċivili hija meħtieġa. Madankollu, tirrikonoxxi wkoll li huwa biss permezz tal-istabbiliment mill-ġdid tal-ordni fuq l-art li jkun possibbli li tiġi indirizzata b’mod effikaċi l-piraterija fir-reġjuni milquta l-aktar.

Il-promozzjoni ta’ xogħol deċenti fis-setturi marittimi

It-trasport marittimu, it-tbaħħir, il-bini tal-bastimenti u s-sajd huma setturi globalizzati ferm tal-ekonomiij, u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol f’dawn is-setturi skont standards rikonoxxuti internazzjonalment hija ta’ importanza kruċjali għall-kompetizzjoni u għall-ġustizzja soċjali. Abbażi tal-istrumenti tal-ILO kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ix-xogħol deċenti għal kulħadd, l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha, f’kooperazzjoni mas-sħab sabiex jitħeġġeġ dejjem aktar ix-xogħol deċenti fis-setturi marittimi.

Nifhmu aħjar il-baħar

Ix-xjenza u t-teknoloġija se jkunu ċentrali biex jinkiseb tkabbir ekonomiku verament sostenibbli f’attivitajiet ibbażati fuq il-baħar. Se jkunu meħtieġa sforzi kontinwi ta’ riċerka sabiex jiġu esplorati u mifhuma l-potenzjal u l-problemi tal-baħar u sabiex tiżdied l-ekoeffiċjenza ta’ proċessi marittimi eżistenti u jinsabu soluzzjonijiet għall-isfruttar żejjed u mhux sostenibbli tar-riżorsi b’applikazzjoni tal-approċċ ekosistemiku. L-UE u pajjiżi terzi sħab għandhom itejbu l-parteċipazzjoni fi programmi internazzjonali ta’ riċerka fuq skala kbira li jmorru lil hinn mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali u r-riċerka tal-baħar fond, kif rakkomandat mill-Istrateġija tal-UE għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima[3]. Dan jippermettilhom jidentifikaw aħjar l-interessi komuni u l-benefiċċji reċiproki u jiżviluppaw reazzjoni kollettiva għall-impenji internazzjonali vitali, filwaqt li jagħmlu l-aqwa użu tar-riżultati diġà miksuba fi proġetti kurrenti ma’ pajjiżi terzi ffinanzjati taħt is-6 u s-7 Programm Kwadru ta' Riċerka.

INTEJBU R-RWOL TAL-UE F’FORA MULTILATERALI

Wieħed mill-pilastri tar-relazzjonijiet esterni tal-UE huwa l-"effikaċja tal-multilateraliżmu"[4] bħala l-aktar mod parteċipattiv, mhux diskriminatorju u inklussiv biex tinbena l-governanza internazzjonali. Madankollu, ir-rendiment tal-UE bħala attur fis-sistema multilaterali eżistenti għandu jissaħħaħ meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet marittimi. L-UE għandha dejjem tfittex is-sħubijiet f’organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti għall-affarijiet marittimi, minkejja d-distribuzzjoni kumplessa tal-kompetenza bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Id-diffikultà li jiffaċċaw l-organizzazzjonijiet tradizzjonali intergovernattivi meta jippruvaw jakkomodaw l-ispeċifiċità tal-UE jeħtieġ li tingħeleb.

Il-Kummissjoni temmen bis-sħiħ li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ikunu koerenti mal-prinċipju tal-unità tar-rappreżentanza esterna tal-UE. Jeħtieġ li l-UE taħdem lejn is-sħubija sħiħa u l-parteċipazzjoni massima fil-ftehimiet u fl-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. Pożizzjonijiet komuni jew koordinati għandhom jiġu adottati f’konformità mad-dmir tal-kooperazzjoni leali. Huwa kruċjali li jekk l-UE għandha ttejjeb l-influwenza tagħha f’fora multilaterali ċentrali, hija ssemma’ leħen wieħed, inkella għallinqas twassal messaġġ konsistenti.

Il-fora tan-Nazzjonijiet Uniti

Permezz tar-riżoluzzjonijiet annwali tagħha dwar l-oċeani u dwar il-liġi tal-baħar, u dwar is-sajd sostenibbli, l-Assemblea Ġenerali tan-NU għandha rwol ċentrali biex tmexxi ’l quddiem l-aġenda marittima fuq il-livell globali. Fil-ġejjieni, is-sehem tal-UE fin-NU għandu jittejjeb sabiex ikun aktar influwenti. L-UE għandha wkoll tipprova tiżgura li t-testi adottati għaż-żewġ riżoluzzjonijiet annwali ikunu simplifikati u ffokati fuq il-prijoritajiet ta’ politika li jeżisti qbil ġenerali dwarhom.

Il-laqgħat annwali tal-Proċess Konsultattiv Informali tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar saru influwenti fl-iffurmar tal-aġenda għall-affarijiet marittimi. L-importanza ta’ dawn il-proċessi għandha terġa’ tiġi affermata u t-tħaddim tagħhom miżmum b’mod attiv.

Filwaqt li l-aktar strument vinkolanti reċenti li ġie adottat taħt il-patroċinju tagħha jmur lura għall-1993 (Il-Ftehim tal-FAO dwar il-Konformità), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u tal-Agrikoltura (il-FAO) tibqa’ forum importanti għall-eżaminar ta’ kwistjonijiet internazzjonali tas-sajd, partikolarment sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw. L-UE għandha tibqa’ żżomm rwol attiv f’dan il-forum.

Mill-2005 ’l hawn, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ilhom japplikaw proċess ta’ koordinazzjoni qabel il-laqgħat tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) li jippermetti għat-tħejjija ta’ pożizzjonijiet komuni inkella ta’ pożizzjonijiet koordinati, u l-preżentazzjoni ta’ sottomissjonijiet komuni dwar kwistjonijiet ta’ kompetenza jew interess tal-UE. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex ittejjeb ir-rwol tal-UE ġejja l-IMO billi tifformalizza l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-UE u tikseb l-istatus ta’ osservatur formali, jekk mhux ta’ sħubija sħiħa, għall-UE[5]. Dan mhux se jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE fil-kapaċità tagħhom bħala partijiet kontraenti tal-IMO.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) hija sieħba ewlenija għall-UE fil-qasam ta’ standards u kooperazzjoni fix-xogħol marittimu u għandha rwol kruċjali fil-ksib ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol deċenti. F’konformità mar-Riżultati tas-Samit Dinji tal-2005 u d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Segment ta’ Livell Għoli tal-ECOSOC tan-NU fl-2006, il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd fil-politiki interni u esterni tagħha bħala wieħed mill-mezzi ewlenin għat-trawwim tal-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u l-globalizzazzjoni ġusta.

Fora intergovernattivi oħra

L-għadd u r-rwol ta’ Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) bħala l-fora ewlenin għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet internazzjonali tal-ħut kibru ferm matul l-aħħar snin[6]. Minkejja dan, l-RFMO għadhom ma rnexxilhomx iwaqqfu l-isfruttament żejjed ta' ħafna stokkijiet tal-ħut u d-degradazzjoni li dan iġib miegħu fl-ekosistemi tal-baħar fl-ambitu tagħhom. L-UE għandha tibda’ xogħolha biex issaħħaħ ix-xogħol tal-RFMO sabiex ittejjeb ir-rendiment tagħhom u l-koerenza globali tal-miżuri tagħhom.

Fl-aħħar snin, l-UE għall-ewwel darba bdiet tiżviluppa pożizzjonijiet komuni fil-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni. Madankollu l-istatus limitat ta’ osservatur jibqa’ jirrestrinġi l-mezzi tagħha biex taġixxi.

Konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar jindirizzaw il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar minn perspettiva integrata, b'konsiderazzjoni għall-pressjonijiet kumulattivi. Għandu jkollhom rwol ċentrali fis-snin li ġejjin biex isegwu fuq il-livell reġjonali, l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istraġija tal-Baħar. Bħala parti mill-approċċ integrat għall-affarijiet marittimi, l-UE għandha tiżgura l-koerenza u tfittex sinerġiji bejn fora differenti, pereżempju bejn konvenzjonijiet ambjentali (bħall-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet Ipperikolati) u l-RFMO jew l-istrumenti tal-IMO[7].

L-OECD żviluppat għarfien espert u ospitat diskussjonijiet ta’ politika dwar għadd ta’ setturi marittimi. Għalhekk tista' sservi ta' forum importanti għall-iskambju u l-iżvilupp ulterjuri tal-aqwa prattiki fil-politiki integrati għall-ibħra.

Proċessi Informali

L-UE għandha tkun aktar attiva fil-proċessi informali internazzjonali “sekondarji”, bħalma kienet fit-Task Force dwar is-Sajd Illegali, Mhux rappurtat u Mhux Iddikjarat fl-Ibħra Miftuħa (2003-2006). Preżenza aktar b’saħħitha tal-UE hija mixtieqa, b’mod partikolari fl-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u fil-Forum Globali dwar l-Oċeani, il-Kosti u l-Gżejjer u forum internazzjonali għal djalogu bejn diversi partijiet interessati rigward kwistjonijiet tal-baħar, bil-għan li jagħtu informazzjoni u appoġġ għall-proċessi formali fi ħdan in-NU.

L-ISTABBILIMENT TA’ KOOPERAZZJONI REġJONALI F’BAċIRI TAL-BAħAR KOMUNI

Il-Qafas Ġenerali

L-IMP mhijiex politika li tapplika għal kulħadd bl-istess mod. Minflok, tfittex li tippromwovi miżuri li jkunu adattati għall-ħtiġijiet individwali tar-reġjuni kostali varji tal-Ewropa, u għal oċeani u ibħra differenti li bihom huwa mdawwar il-kontinent Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-IMP twieġeb kompletament it-tħassib tal-komunitajiet kostali, u sabiex tiffaċilità l-governanza marittima mtejba, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa approċċi individwali speċifiċi għal kull baċir tal-baħar. Minħabba li l-isfidi marittimi huma komuni għall-istati kostali kollha, l-istrateġiji għall-baċiri tal-baħar jeħtieġ li jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ġirien.

Diġà ġew imnedija approċċi reġjonali għall-Artiku[8], il-Baltiku[9] u l-Mediterran[10]. L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom issa huma ta’ importanza ewlenija. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tiżviluppa approċċi simili għal baċiri oħra tal-baħar.

Tabilħaqq, jeżistu għadd ta’ kwistjonijiet li lkoll jagħtuna lok nitħassbu fil-baċir tal-Atlantiku tal-UE, bħalma huma s-sajd żejjed, it-tniġġis mill-bastimenti, l-ewtrofikazzjoni u l-iskart fil-baħar. Għaddejjin sforzi fil-kuntest tal-Konvenzjoni tal-OSPAR sabiex jiġu allinjati l-għanijiet strateġiċi ma’ dawk tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija tal-Baħar. It-tkabbir spettakolari tas-settur turistiku tal-ekonomiji tal-Atlantiku u l-protezzjoni msaħħa ta’ dawn iż-żoni naturali huma kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-baċir tal-Atlantiku wkoll għandu potenzjal kbir għal enerġija minn sorsi marittimi li jiġġeddu: turbini tar-riħ, enerġija mill-marej, kurrenti tal-baħar u enerġija mill-mewġ ilkoll għandhom potenzjal kbir għall-iżvilupp.

Il-Baħar l-Iswed ukoll iħabbat wiċċu ma’ sfidi kbar bħalma huma l-ewtrofikazzjoni, it-tniġġis kimiku, it-theddid għall-bijodiversità u tnaqqis serju tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, l-aktar minħabba nuqqas ta' miżuri adegwati għall-konservazzjoni tar-riżorsi mis-sajd fuq il-livell ta' baċir tal-baħar. Il-Konvenzjoni ta’ Bukarest dwar il-protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra t-tniġġis tibqa’ l-unika konvenzjoni reġjonali ewlenija dwar il-baħar fl-Ewropa[11], li għaliha l-UE mhix parti, u dan jostakola biċ-ċar involviment akbar mill-UE f’azzjonijiet li speċifikament jindirizzaw il-ħarsien ambjentali. Fil-qafas tal-inizjattiva tal-UE dwar is-Sinerġija fil-Baħar l-Iswed, is-sħubijiet settorjali dwar l-ambjent, it-trasport u l-enerġija qegħdin jiġu żviluppati għall-implimentazzjoni ta' proġetti ta' sinifikanza reġjonali billi jinġabru flimkien ir-riżorsi mill-baġit tal-UE u minn sorsi oħra, fosthom istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Kooperazzjoni dwar l-għodod tal-IMP tal-UE fuq livell reġjonali

Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali fl-iżvlupp ta’ għodod transsettorjali għat-tfassil integrat tal-politiki. Dan jikkonċerna b’mod partikolari s-sorveljanza integrata tal-attivitajiet marittimi, it-titjib tal-għarfien dwar il-baħar, l-ippjanar spazjali marittimu, u l-ġestjoni integrata ta’ żoni kostali ma' pajjiżi terzi li jaqsmu mal-UE l-istess baċiri tal-baħar.

Barra minn hekk, fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija tal-Baħar, l-UE għandha ssegwi l-isforzi tagħha biex ittejjeb id-djalogu għall-protezzjoni mtejba tal-ambjent tal-baħar ma’ sħab ġirien, kemm fuq il-livell bilaterali kif ukoll dak reġjonali, inkluż permezz tal-konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar.

L-IżVILUPP TA’ RELAZZJONIJIET BILATERALI MA’ SħAB EWLENIN

Id-djalogu huwa l-pedament tal-istrateġija tal-UE għall-involviment ma’ sħab internazzjonali. Jipprovdi pjattaforma għall-bini ta’ alleanzi, jippromwovi l-għarfien reċiproku u jippermetti l-iskambju tal-aqwa prattiki.

Għadd ta’ djalogi settorjali huma għaddejjin bħalissa ma’ sħab ewlenin dwar kwistjonijiet rilevanti għall-Politika Marittima Integrata bħat-trasport marittimu, il-bini tal-bastimenti, kwistjonijiet ambjentali, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd. Dawn id-djalogi ssoltu huma bbażati jew fuq ftehimiet inkella memoranda ta’ ftehim.

Jistgħu jiġu identifikati ħafna karatteristiċi komuni fil-prinċipji, għanijiet u modalitajiet tal-politiki marittimi li attwalment qed jiġu żviluppati minn xi wħud tas-sħab internazzjonali ewlenin tal-UE (eż. il-Kanada, in-Norveġja, il-Ġappun, l-Istati Uniti, il-Brażil, l-Indja, ir-Russja u ċ-Ċina). B’mod partikolari, kollha kemm huma jirrikonoxxu l-ħtieġa għal approċċ integrat sabiex jitrawmu l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra u t-tkabbir sostenibbli fir-reġjuni kostali.

Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tespandi gradwalment l-ambitu ta’ djalogi settorjali bħal dawn f’kooperazzjoni aktar ġenerali dwar l-affarijiet marittimi globali. Hija u tagħmel dan, għandha tagħmel ħilitha biex iżżid it-trasparenza u l-konsistenza fis-setturi differenti kollha kkonċernati, bil-għan li s-sinerġiji jiġu identifikati b'mod aħjar. Il-punti ewlenin għad-diskussjoni se jiffokaw fuq għodod transsettorjali, bħas-sorveljanza marittima, l-għarfien dwar il-baħar, il-ġestjoni integrata taż-żoni kostali, u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-baħar. Dawn għandhom jiffokaw ukoll fuq dawk it-temi fuq l-aġenda ta’ laqgħat multilaterali fil-ġejjieni sabiex jippromwovu l-appoġġ reċiproku u fejn possibbli, jiġu żviluppati inizjattivi konġunti.

L-UE għandha tiffoka fuq l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħha ma’ dawk is-sħab internazzjonali li diġà għandhom politika marittima integrata, inkella li qegħdin jieħdu passi konkreti f’din id-direzzjoni, u li magħhom diġà għandna storja ta’ kollaborazzjoni mill-qrib f’fora multilaterali.

L-aġenda tal-politika tal-UE

L-approċċ integrat għall-affarijiet marittimi beda jistabbilixxi ruħu bħala l-punt ta’ riferiment għall-governanza madwar id-dinja. Il-Politika Integrata Marittima tal-UE hija minn ta’ quddiem f’dan il-qasam. Madankollu, biex jittieħed l-akbar vantaġġ minn dan il-momentum, u sabiex jinkisbu l-ogħla benefiċċji tat-tfassil integrat tal-politika f’darna stess, jeħtieġ li din tiżgura li l-piż tagħha fid-dibattitu internazzjonali, jiżdied u jittejjeb. L-UE għandha għalhekk tappoġġa u tinkoraġġixxi l-adozzjoni wiesgħa tal-prinċipji, l-għodod u l-proċessi tat-tip tal-IMP, ibbażati fuq l-approċċ ekosistemiku, kemm bħala kundizzjoni meħtieġa għall-ġestjoni integrata effettiva fl-ilmijiet tal-UE stess, kif ukoll bħala oġġett fih innifsu, f’konformità mat-twemmin tagħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet multilaterali abbażi tal-kooperazzjoni.

B'mod partikolari, l-UE għandha:

1. Issaħħaħ ir-rwol tagħha bħala attur globali permezz ta’ sehem akbar u aktar unifikat fil-fora multilaterali, f’koerenza mal-prinċipju tal-unità tar-rappreżentanza esterna tal-UE.

2. Tippromwovi sħubija globali tal-UNCLOS.

3. Tistabbilixxi, permezz tal-kunsens reċiproku, djalogi ta’ livell għoli dwar il-kwistjonijiet marittimi flimkien ma’ sħab ewlenin, biex b’hekk tiżgura sinerġiji ma' djalogi settorjali oħra f’oqsma oħra ta' politika.

4. Issegwi djalogu dwar l-IMP, bilateralment permezz tal-istrumenti tal-ENP u multilaterlament fuq il-livell ta’ baċir tal-baħar fi ħdan oqfsa eżistenti (eż l-Unjoni għall-Mediterran, id-Dimensjoni tat-Tramuntana, is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed), il-qsim tal-aqwa prattika fl-implimentazzjoni tal-għodod tal-IMP mal-ġirien tagħha u tħeġġiġhom jimplimentaw għodod bħal dawn.

5. Tkompli taħdem biex l-oċeani u l-kosti jittellgħu aktar ‘il fuq fl-aġenda tat-tibdil fil-klima u tipprovdi għajnuna f’dan il-qasam lil stati kostali u gżejjer li għadhom qegħdin jiżviluppaw, f’konformità mal-istrateġiji u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni fil-iżvilupp tal-UE.

6. Tkompli tappoġġa approċċ integrat għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tal-baħar, partikolarment f’oqsma ’l barra mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, fosthom għall-istabbiliment ta’ żoni protetti tal-baħar.

7. Issegwi l-kooperazzjoni tagħha mal-ILO sabiex tħeġġeġ kundizzjonijiet deċenti ta’ xogħol fis-settur marittimu.

8. Issegwi l-azzjonijiet tagħha biex tiżgura l-libertà, is-sikurezza u s-sigurtà tan-navigazzjoni, inklużi azzjonijiet kontra l-piraterija.

9. Tkompli ssaħħaħ attivitajiet ta’ riċerka dwar il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta' riċerka internazzjonali fuq skala kbira u ma' pajjiżi ġirien tal-UE sabiex jiġu definiti strateġiji komuni reġjonali għar-riċerka dwar il-baħar.

10. Tiżgura l-koerenza bejn l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet varji, partikolarment fl-oqsma tas-sajd, l-ambjent u t-trasport.

11. Tħeġġeġ lill-OECD biex tiżviluppa struttura għall-iskambju tal-aqwa prattiki dwar l-approċċi integrati lejn l-affarijiet marittimi.

12. Tiżviluppa strateġiji għal baċiri tal-baħar komuni kollha rilevanti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex japprovaw l-għanijiet tal-Kummissjoni u l-azzjonijiet proposti kif stabbiliti f'din il-Komunikazzjoni u biex jappoġġaw u jippromwovu l-approċċ indikat fiha.

[1] COM( 2009)475/3 Komunikazzjoni dwar iż-żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta’ Kopenħagen

[2] COM(2007)540 Komunikazzjoni dwar il-Bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima

[3] COM(2008) 534 finali Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta' Żona Ewropea ta' Riċerka b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra

[4] Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà – Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed tinbidel, approvata mill-Kunsill Ewropew fi Brussell fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008 [verżjoni mhux uffiċjali] u mfassal taħt ir-responsabbiltajiet tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Javier SOLANA

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, COM(2009) 8.

[6] Dawn li ġejjin huma ta’ importanza partikolari: il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku, il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku, l-Organizzazzjoni għas-Sajd fil-Majjistral tal-Atlantiku, l-Organizzazzjoni tat-Tonn tal-Oċean Indjan, il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran.

[7] Huma ta’ importanza partikolari il-Konvenzjoni OSPAR għall-Grigal tal-Atlantiku, il-Konvenzjoni ta’ Barċellona għall-Mediterran, il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki għal-Baħar Baltiku, u l-Konvenzjoni ta' Bukarest għall-Baħar l-Iswed.

[8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku”, COM (2008) 763

[9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku”, COM (2009) 248

[10] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran", COM(2009) 466 finali

[11] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Sinerġija tal-baħar l-iswed – Inizjattiva ta' kooperazzjoni reġjonali ġdida” (COM(2007)160 finali).

Top