This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0478
Report from the Commission to the Council - Annual Report on the implementation of Council Regulation (EC) 866/2004 of 29 April 2004 and the situation resulting from its application {SEC(2009) 1182}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu {SEC(2009) 1182}
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu {SEC(2009) 1182}
/* KUMM/2009/0478 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill - Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu {SEC(2009) 1182} /* KUMM/2009/0478 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 14.9.2009 KUMM(2009) 478 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu {SEC(2009) 1182} RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu Introduzzjoni Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta’ April dwar skema skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 tal-Att tal-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra, GLR) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Ir-Regolament jiddefinixxi t-termini li fuqhom id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi min-naħa għall-oħra tal-Linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru għandu kontroll effettiv u ż-żoni li fihom m’għandux. Dan ir-rapport ikopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2008 u t-30 ta’ April 2009. 1. Emendi għar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra Fis-16 ta’ Ġunju 2008 il-Kunsill addotta Regolament li jemenda r-Regolament tal-Linja l-Ħadra sabiex jiġi ffaċilitat iktar il-kummerċ fuq il-gżira ta’ Ċipru[2]. Ir-Regolament li jemenda pprovda għal eżenzjoni ġenerali tad-dazji fuq prodotti agrikoli li joriġinaw mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru meta jkunu qed jiġu kkummerċjati minn naħa għal oħra tal-Linja. Barra minn hekk, il-valur massimu totali li jkun fihom il-bagalji personali tal-persuni li jaqsmu l-Linja żdied minn EUR 135 sa EUR 260 sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Ċiprijotta Torka. L-oġġetti sa dan l-ammont jistgħu issa jiddaħħlu mingħajr dwana, dazji u taxxi tul il-Linja fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru jew fiż-Żona Bażi Sovrana tar-Renju Unit[3]. Din ir-regola ma tapplikax għal sigaretti u alkoħol li għalihom il-limiti huma definiti fl-Artikolu 6 (2) GLR. Fl-aħħarnett, l-emendi jirregolaw b’mod trasparenti l-introduzzjoni temporanja tal-oġġetti (sa sitt xhur) mill-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern jew iż-Żona Bażi Sovrana (SBA). L-emendi għall-GLR ġew implimentati mingħajr problemi. Iżda, ma wasslux għal żieda notevoli fil-kummerċ ta’ prodotti relatati jew fil-proviżjoni ta’ servizzi miċ-Ċiprijotti Torok minn naħa għal oħra tal-Linja. Fir-rigward tal-introduzzjoni temporanja ta’ oġġetti, ir-regoli nazzjonali Ċiprijotti (fil-forma ta’ Ċirkolari mid-Dipartiment tad-Dwana; rifless mill-Amministrazzjoni SBA) ilhom stabbiliti mill-1 ta’ Novembru 2008. Minn dak iż-żmien, b’kollox, ġew irreġistrati 73 każ; 27 każ kienu dwar oġġetti għat-tiswija, 14-il oġġett għal esibizzjoni u każ wieħed kien dwar tagħmir professjonali. 31 każ ieħor kienu dwar mezzi ta' trasport (irreġistrati f'pajjiżi oħra) ta’ persuni li kienu daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern permezz ta’ port fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u li ddikjaraw intenzjoni li jibqgħu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għal inqas minn sitt xhur. S’issa ma kienet mitluba l-ebda garanzija għall-introduzzjoni temporanja. 2. Miżuri implementattivi Fil-21 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni addottat deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ esperti fitosanitarji biex iwettqu spezzjonijiet fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li ma jaqgħux taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern (ara l-punt 4.6 t’hawn taħt) 3. Persuni li jaqsmu l-linja 3.1. Il-qsim fil-postijiet ta’ qsim awtorizzati Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini Ċiprijotti, ta' ċittadini oħrajn tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja fil-postijiet tal-qsim awtorizzati. Skont id-dejta disponibbli mir-Repubblika ta’ Ċipru, 730 310 (is-sena preċedenti: 633 163) Ċiprijotti Griegi f’193 909 vettura (is-sena preċedenti: 426,990)[4] 426 990) Ċiprijotti Griegi qasmu miż-żoni kkontrollati mill-ġvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1287 126 (is-sena preċedenti: 1 162 739) Ċiprijotti Torok f’451 334 vettura (is-sena preċedenti: 602,992) qasmu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta' rappurtar[5]. Skont id-dejta mir-Repubblika ta’ Ċipru, matul il-perjodu ta’ rappurtar 739 097 ċittadin tal-UE mhux ta’ ċittadinanza Ċiprijotta u ċittadini ta’ pajjiżi terzi qasmu l-fruntier (ċifra għas-sena preċedenti mhux disponibbli). Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dejta dwar il-persuni u l-vetturi li jaqsmu l-postijiet ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia , li t-tnejn huma taħt l-awtorità tal-amministrazzjoni tal-SBA. Ebda statistika dettaljata mhija miżmuma minn dawn tal-aħħar għal dawn iż-żewġ punti ta’ qsim. Ċifri medji annwali għal dan il-perjodu ta’ rappurtar huma meqjusa mill-Amministrazzjoni SBA għal 94 000 Ċiprijotti Griegi li qasmu għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 243 000 Ċiprijotti Torok għall-SBA għal Stovilia u 34 000 Ċiprijotti Griegi li qasmu għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 168000 Ċiprijotti Torok li qasmu għall-SBA għal Pergamos [6]. In-numru ta’ persunal tal-Puliżija tar-Repubblika ta’ Ċipru (minn hawn ’il quddiem: CYPOL) li jaħdmu direttament fil-punti ta’ qsim naqas ftit minn 67 (2008) għal 63 (2009). Ma kien irrappurtat l-ebda inċident importanti fir-rigward tal-qsim ta’ kuljum ta' persuni fil-postijiet tal-qsim. 3.2. Migrazzjoni illegali minn naħa għal oħra tal-Linja l-Ħadra In-numru għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja b’mod illegali għadha kwistjoni li toħloq tħassib serju. Fil-perjodu ta’ rappurtar, id-dejta mir-Repubblika ta’ Ċipru tindika li n-numru totali ta’ immigranti illegali maqbuda naqas ftit meta mqabbel mal-livell rekord tas-sena l-oħra (minn 5844 għal 5560) – Anness IV CYPOL irrapurtat li minn dawn il-5 560 immigrant illegali, 35 biss daħlu direttament fiż-żoni kkontrollati mill-gvern filwaqt li 5 525 daħlu f'żoni kkontrollati mill-gvern tul il-Linja l-Ħadra. Minn dawn il-5 525 immigrant illegali, 5 347 ġew maqbuda minn CYPOL u 178 mill-Pulizija fis-SBA u sussegwentement mgħoddija lil CYPOL. Skont CYPOL, l-immigranti illegali kienu ġejjin l-iktar minn dawn il-pajjiżi: is-Sirja (48 %) l-Iran (9%) u x-Xatt tal-Punent u l-istrixxa ta’ Gaża (9 %). Numru kbir ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jidħlu b'mod illegali aktar tard japplikaw għall-ażil (2 226 minn 5 560). B’mod simili, numru sinifikanti ta’ immigranti illegali telqu volontarjament (2 415 meta mqabbel ma’ 1 509 is-sena l-oħra)[7]. L-evalwazzjoni tar-rotta ta’ dħul li twassal għaż-żoni kkontrollati mill-gvern minn CYPOL hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta’ qabel[8], l-iktar permezz ta’ dokumenti u dikjarazzjonijiet li saru mill-immigranti stess. Fir-rigward ta’ dokumenti, ċifri minn CYPOL jindikaw xejra inkwetanti li 65% (is-sena l-oħra: 47%) ta’ dawk l-immigranti illegali li huma rrappurtati li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern tul il-Linja (3 486 minn 5 347) fil-passaporti tagħhom għandhom jew boll għad-dħul jew ħruġ Tork jew Ċiprijott Tork (36 % u 28 % rispettivament[9]), viża maħruġa mit-Turkija li hi wkoll valida għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru (1 %) jew 'viża' jew 'permess għar-residenza' tat-'TRNC' (0.2 %)[10]; Skont l-informazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, 131 immigrant illegali (l-aktar Sirjani u Iraqqin) ġew identifikati li għamlu użu mill-konnessjoni diretta tal-vapur minn Latakia fis-Sirja għal Famagusta fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru, u b’hekk evitaw li jgħaddu mit-Turkija. Madankollu, hemm suspett li għadd ħafna ikbar ta’ immigranti illegali użaw din ir-rotta. Bosta “punti ta’ qsim” mhux awtorizzati fi jew qrib il-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsab parzjalment fl-SBA u parzjalment fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru), li għadhom qed jintużaw minn residenti lokali u bdiewa, huma partikolarment diffiċli li jiġu kkontrollati. F’dan il-kuntest, l-Amministrazzjoni SBA infurmat lill-Kummissjoni li l-Pulizija SBA, id-Dwana SBA u d-Dipartiment tal-Immigrazzjoni u r-risorsi militari tar-Renju Unit qed ikomplu jaħdmu fil-qrib biex jikkumbattu l-migrazzjoni illegali. Barra minn hekk, tim speċjali għall-informazzjoni ġie mwaqqaf mid-Dipartiment tad-Dwana u l-Immigrazzjoni SBA, u dan irrekluta wkoll seba' uffiċjali operazzjonali oħra, b’mod ġenerali qed isiru pattulji iktar frekwenti (b’kollox 2 816-il pattulja matul il-perjodu ta’ rappurtar), ġie pprovdut taħriġ addizzjonali u nxtraw assi tekniċi varji (b’mod partikolari għall-viżjoni bil-lejl). L-Amministrazzjoni SBA tkompli wkoll taqsam informazzjoni b’suċċess u żżomm kooperazzjoni tajba maż-żewġ naħat. Skont l-informazzjoni mill-komunità Ċiprijotta Torka, matul il-perjodu ta’ rappurtar, 2 713-il ċittadin ta’ pajjiżi terzi ma ngħatawx permess li jidħlu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru (1 146 kienu mit-Turkija)[11]; 582 immigranti illegali ġew detenuti (il-parti l-kbira minnhom provenjenti mis-Sirja) u ttieħdu 564 deċiżjoni ta’ ritorn (għalkemm fil-fatt ma saru l-ebda deportazzjonijiet). Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u mal-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana fuq il-livell ta’ ħidma. Saret sessjoni ta’ ħidma konġunta flimkien ma’ laqgħat oħrajn li ffukaw b’mod partikolari fuq il-problema tal-migrazzjoni illegali fil-Linja l-Ħadra. F’din l-okkażjoni, ir-rappreżentanti tar-Repubblika ta’ Ċipru infurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu matul il-perjodu ta’ rappurtar. Dawn il-miżuri kienu jinkludu l-addozzjoni minn CYPOL ta’ Pjan Strateġiku ta’ erba’ snin (2008-2011) li minnu l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali hija parti, bl-użu ta’ persunal addizzjonali tal-Għases tal-Pulizija u Servizzi oħra tal-Pulizija fil-pattuljar tal-Linja[12], il-preżenza permanenti ta’ Tim Speċjali tal-Pulizija fiż-żona vulnerabbli tal-irħula ta' Pergamos u Pyla , l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim minn CYPOL u l-Gwardja Nazzjonali ta’ Ċipru f’April 2009 immirat lejn kooperazzjoni iktar fil-qrib u l-użu ta' żewġ elikotteri[13] għas-sorveljanza tal-Linja. Kemm ir-Repubblika ta’ Ċipru kif ukoll l-SBA saħħew is-sorveljanza tagħhom tal-Linja matul il-perjodu ta’ rappurtar. Madanakollu, ir-Repubblika ta’ Ċipru tixtieq tevita kull miżura li possibbilment twassal biex il-Linja tieħu d-dehra ta’ fruntiera esterna. Ebda skambju dirett ta’ informazzjoni bejn il-komunitajiet Ċiprijotti Griegi u Ċiprijotti Torok ma sar matul il-perjodu ta’ rappurtar. Madankollu, fil-qafas tal-Kumitat Tekniku bikomunali dwar Kriminalità u Affarijiet Kriminali li jopera taħt l-awsipċi tan-NU, il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet qablu fil-prinċipju li tiġi stabbilita unità għall-iskambju ta’ informazzjoni. ll-kontroll fil-punti ta’ qsim huwa evalwat bħala effettiv. Madankollu, minħabba n-numru kbir li għadu allarmanti ta’ immigranti illegali, il-Kummissjoni hi tal-fehma li s-sorveljanza msaħħa tal-Linja bejn il-postijiet ta’ qsim li qed jitmexxew mir-Repubblika ta’ Ċipru skont l-Art 3 GLR u mill-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana skont l-Art 2 (5) GLR ikun kontribut importanti biex tiġi indirizzata l-problema tal-migrazzjoni illegali li tidħol fl-UE. Il-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet m’għandhomx ikunu mxekkla. 4. Merkanzija li taqsam il-linja 4.1. Il-valur tal-kummerċ Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[14], il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ’il quddiem: KtKĊT) tirrapporta kull xahar dwar ix-xorta, il-volum u l-valur tal-prodotti li tkun ħarġitilhom dokumenti anċillari. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru kkomunikaw ukoll ix-xorta, il-volum u l-valur tal-oġġetti li qasmu l-Linja f'rapporti lill-Kummissjoni kull xahar. Dawk ir-rapporti jinkludu oġġetti li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-Gvern mill-postijiet ta' qsim ta' Pergamos u Strovilia , li huma taħt l-awtorità tal-Amministrazzjoni SBA. Skont ir-rapporti tal-KtKĊT, il-valur totali tal-oġġetti li nħarġulhom dokumenti anċillari fil-perjodu tar-rappurtar ammonta għal EUR 8 573 421 filwaqt li l-valur tal-oġġetti attwalment fil-kummerċ kien ta’ EUR 5 471 465[15]. Meta mqabbla mal-perjodu ta’ rappurtar ta’ qabel, iċ-ċifri juru żieda fil-valur totali ta’ prodotti li qasmu l-Linja. Skont ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li attwalment qasmu l-Linja żdied b’iktar minn terz għal EUR 6 111 030 meta mqabbel ma’ EUR 4 473 408 fil-perjodu ta’ rappurtaġġ preċedenti. Madanakollu, ta’ min jinnota, li l-kummerċ fil-patata kien jammonta għal kważi 30% tal-valur totali tal-kummerċ u huwa l-element ewlieni fiż-żieda fil-kummerċ fuq il-Linja l-Ħadra. F’Ottubru 2008, qasmu l-Linja prodotti b’valur ta’ aktar minn EUR 830 000. Dan kien l-ogħla livell irrekordjat mindu l-GLR daħal fis-seħħ. Il-komponent ewlieni kien patata, b’valur ta’ iktar minn EUR 450 000. Il-kummerċ fil-Linja l-Ħadra bħala perċentwal tal-kummerċ globali tal-komunità Ċiprijotta Torka qed jiżdied b'rata kontinwa, u fl-2008 laħaq livell rekord ta' kważi 12%. Għalkemm mhux kopert fl-ambitu tal-GLR, wieħed jista’ jinnota li, skont iċ-ċifri tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija Ċiprijotta, fil-perjodu ta’ rappurtaġġ il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-Gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru ammonta għal valur ta' EUR 1 095 060 meta mqabbel mal-EUR 1 015 340 tal-perjodu preċedenti. Għalhekk il-kummerċ miż-żoni kkontrollati mill-gvern lejn il-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess u jammonta biss għal madwar 17% tal-kummerċ fid-direzzjoni opposta (fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti kien għadu madwar 25%)[16]. Il-komunità Ċiprijotta Torka tkompli tapplika sistema ta’ kummerċ, li fil-prinċipju, “tirrifletti” r-restrizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra. Madankollu, l-emendi li saru fl-2008 għall-GLR għadhom ma ġewx riflessi b’mod partikoalri fir-rigward taż-żieda fil-faċilitajiet bla dazju għall-vjaġġaturi minn EUR 135 sa EUR 260 (ara punt 1). Is-sistema ta’ kummerċ Ċiprijotta Torka m’hijiex dejjem applikata b’mod konsistenti, u dan iwassal għal diffikultà fit-twaqqif ta' relazzjonijiet kummerċjali sostenibbli. Il-protezzjoni tal-ekonomija lokali hija dikjarata apertament min-naħa Ċiprijotta Torka bħala r-raġuni ewlenija. Pereżempju, bosta bdiewa tal-patata Ċiprijotti Torok ma ngħatawx permess li jdaħħlu patata taż-żriegħ fil-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru fis-sajf tal-2008 mil-Linja l-Ħadra. Din il-problema ma kienetx ta’ skala li toħloq effett kbir fuq il-produzzjoni tal-patata hemmhekk. 4.2. It-tip ta’ prodotti Iċ-ċifri dwar it-tipi ta’ prodotti kkumerċjati juru għadd limitat ta' prodotti ġodda li qed jaqsmu l-Linja lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern, il-ħut frisk huwa dak l-iktar prominenti. Bħall-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, il-ħaxix kien il-grupp ewlieni ta’ prodotti kkumerċjati, din is-sena segwit mill-materjal għall-bini u oġġetti tal-ġebel[17]. Il-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja matul il-perjodu ta’ rappurtar kien b’eċċezzjoni waħda biss għall-iskop tal-kummerċ fil-ġżira nfisha. F’Mejju 2008, kampjuni tal-ħamrija u l-ilma (bl-ebda valur kummerċjali) qasmu l-Linja u mbagħad intbagħtu bl-ajru l-Ġermanja biex jiġu ttestjati. Madankollu għad hemm suspetti (kif irrappurtat lill-Kummissjoni minn esperti fitosanitarji indipendenti) li l-patata Ċiprijotta Torka, oriġinarjament iddikjarata bħala destinata għall-konsum f'Ċipru, reġgħet ġiet ippakkjata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u nbiegħet barra. 4.3. Irregolaritajiet Minn Mejju 2008, ġew irrapurtati mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru tmien każijiet ta’ irregolaritajiet (li b’kollox jinvolvu valur kummerċjali ta’ EUR 7 166) li fihom l-oġġetti ma ġewx permessi li jaqsmu l-Linja. F’tliet każijiet il-ħut frisk ġie kkonfiskat u meqrud minħabba li l-awtoritajiet veterinarji tar-Repubblika ta’ Ċipru sabu li dawn il-kunsinni ma kienux jissodisfaw il-kriterji tas-sigurtà fl-ikel (valur kummerċjali totali EUR 2 137). Raġunijiet oħra għal rifjutar ta’ oġġetti kienu: prodotti li allegatament ma jikkonformawx mal-ħtiġijiet ta' mmarkar (pereżempju materjal tal-bini u kejbils), ir-riskju li jġorru mard li jittieħed (weraq tad-dielja) u l-projbizzjoni li jiġi kkumerċjat l-injam taċ-ċitru, tal-ewkaliptu u tal-arżnu. Barra minn hekk, abbażi ta’ riskju identifikat ta’ trażmissjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, f'April 2009 il-Kummissjoni waqqfet il-kummerċ tal-ħuxlief u t-tiben fil-Linja l-Ħadra. F’April 2009, matul dibattitu fil-Parlament tar-Repubblika ta’ Ċipru, uħud mill-Membri qalu li kien qed isir użu ħażin mir-Regolament tal-Linja l-Ħadra biex jiġu introdotti prodotti mit-Turkija. L-awtoritajiet relevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru qed jinvestigaw dan. Ebda każijiet ikkonfermati ta’ irregolaritajiet ma tressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni kemm fil-qafas tar-rapporti mensili lill-Kummissjoni kif ukoll permezz ta’ mezzi uffiċjali oħra. 4.4. Żviluppi pożittivi dwar il-moviment ta’ prodotti Matul il-perjodu ta’ rappurtar, żviluppi pożittivi eliminaw xi ostakoli li qabel kienu qed jillimitaw il-kummerċ fil-Linja. Dawn l-iżviluppi jinkludu: - F’Marzu 2009, il-mexxejja tal-komunità Ċiprijotta Griega u Ċiprijotta Torka, fl-okkażjoni tal-avveniment organizzat b'mod konġunt minn TCCoC u l-Karma tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Ċipru (CCCI), għamlu dikjarazzjoni konġunta li tħeġġeġ il-kummerċ fil-Linja l-Ħadra[18]. - Fl-istess avveniment konġunt, ġie mniedi l-proġett 'Interdipendenza’ ffinanzjat minn UNDP-ACT li huwa mmirat biex iżid il-kummerċ fuq il-gżira u l-kooperazzjoni fin-negozju, biex isaħħaħ l-interdipendenza ekonomika, iħeġġeġ il-pjanifikat kooperattiv u joħloq iktar opportunitajiet għal sħubiji. - Tkomplew 'Round Table Meetings' tat-tliet kmamar (il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Ċipru (CCCI), il-KtKIĊ, u il-Kamra tal-Industrija taċ-Ċiprijotti Torok, il-KtIĊT). - Taħt l-awspiċi tal-Proġett EDGE iffinanzjat mill-USAID, twettqu azzjonijiet varji mmirati biex jiffaċilitaw il-kummerċ fil-Linja l-Ħadra. Dawn jinkludu l-faċilitazzjoni tax-xiri tal-patata għaż-żriegħ u makkinarju agrikolu mill-komunità Ċiprijotta Torka, analiżi dettaljati tal-kummerċ biex jiġi skopert il-potenzjal kummerċjali, it-tnedija u l-promozzjoni ta’ websajt interattiva (il-web portal tan’ 'Netwerk tal-Produtturi Ċiprijotti' ) u għajnuna għal xogħol ta’ tħejjija għat-twaqqif ta’ Mekkaniżmu ta’ Arbitraġġ bikomunali tal-Linja l-Ħadra. - Il-kummerċ tal-patata kompla bla xkiel fuq livell għoli. 4.5. Ostakli u diffikultajiet li għandhom jippersistu fil-moviment tal-prodotti Minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi, għadhom jippersistu ħafna ostakoli għall-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Ebda progress ma jista’ jiġi rrapurtat fuq il-kwistjoni ta' trasport mis-sena li għaddiet[19]. Il-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok u partikolarment it-trakkijiet u x-xarabankijiet għad ma għandhomx il-possibbiltà ta' moviment ħieles fil-gżira. Iktar flessibbiltà fuq iż-żewġ naħat f’dan ir-rigward issaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika. Ma jista’ jiġi rrappurtat ukoll l-ebda progress fir-rigward ta’ ostakli oħra għall-kummerċ kif irrappurtat lill-Kummissjoni mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka. In-negozjanti Ċiprijotti Torok baqgħu jirrappurtaw diffikultajiet biex jaħżnu s-supermarkets u biex jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-ġurnali taż-żoni kkontrollati mill-gvern. Jidher li għad hemm ostaklu psikoloġiku għal xi xerrejja li jinsabu fin-Nofsinhar tal-Linja l-Ħadra biex jixtru prodotti Ċiprijotti Torok jekk huma mmarkati bħala tali li huma inqas evidenti meta l-prodotti jiġu ppakkjati (mill-ġdid) mingħajr ma juru l-oriġini preċiż tagħhom[20]. [21] Fir-rigwad tal-Fiera Kummerċjali Internazzjonali ta’ Ċipru fl-2009, il-parteċipazzjoni Ċiprijotta Torka kienet waħda limitata ħafna. Fl-aħħarnett, il-kutrabandu ta’ oġġetti minn naħa għal oħra tal-Linja għadu mifrux (għalkemm possibbilment f’livell ftit inqas għoli minħabba tnaqqis fid-differenzjali tal-prezzijiet). Kummenti informali u rapporti fl-istampa[22] għadhom jissuġġerixxu li l-valur ta’ oġġetti li jiġu kuntrabandati huwa ħafna drabi iktar mill-kummerċ legali. Fuq il-bażi li l-oġġetti li nħatfu mid-Dwana tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-SBA, fost l-oġġetti l-iktar kuntrabandati hemm is-sigaretti u forom oħra ta’ tabakk; oġġetti oħra li jidħlu bil-kuntrabandu jinkludu kwantitajiet kummerċjali ta’ ħut frisk u bebbux. Il-problema tal-kuntrabandu ta' oġġetti tenfasizza l-ħtieġa ta’ sorveljanza effettiva tal-Linja mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni SBA. Barra minn hekk, superviżjoni iktar stretta mill-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana tan-natura u l-kwantità ta' prodotti pprovduti lill-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fir-raħal ta' Pyla , li jinsab fiż-Żona ta’ Protezzjoni (Art 4 (10) GLR) u kontrolli iktar stretti fil-“punti ta’ qsim” informali fi jew ħdejn ir-raħal ta’ Pergamos għandhom ikunu ta’ għajnuna wkoll. 4.6. L-iffaċilitar tal-kummerċ Ittieħdu l-miżuri li ġejjin sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ ta' ċerti prodotti: Patata Fuq il-patata mhemmx tariffi. kull trakk jeħtieġ ikollu Rapport ta’ Spezzjoni Fitosanitarja, maħruġ minn esperti fitosanitarji indipendenti skont l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004[23]. Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ tal-patata minn naħa għal oħra tal-Linja, il-Kummissjoni żgurat il-preżenza permanenti ta’ dawn l-esperti matul żewġ staġuni ewlenin tal-ħsad. Bid-domanda dejjem tikber għas-servizzi tagħhom, il-Kummissjoni ħatret seba’ esperti fitosanitarji indipendenti addizzjonali biex jgħinu fit-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-patata. Frott taċ-ċitru F’Ottubru 2008 l-ewwel kunsinna sinifikanti ta’ frott taċ-ċitru qasmet il-Linja. Kienet segwita minn bosta kunsinni u hemm potenzjal għal iktar tkabbir. Għasel u ħut Il-kummerċ fil-ħut frisk beda fl-aħħar ta’ Ġunju 2008 u, minkejja xi problemi fil-bidu, fl-aħħar kellu suċċess. F’April 2009, ħut b’valur ta’ aktar minn EUR 82,000 ġie kkumerċjat minn naħa għal oħra tal-Linja. Esperti indipendenti ta’ Stati Membri maħtura mill-Kummissjoni, skont l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/330/KE[24], spezzjonaw iktar bastimenti tas-sajd Ċiprijotti Torok. Il-kummerċ tal-għasel ma setgħax jibda matul il-perjodu ta’ rappurtar għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur u protezzjoni tas-saħħa minħabba riżultati mhux sodisfaċenti tal-analiżi tal-kampjuni tal-għasel. It-tadam u l-basal Esperti indipendenti ta’ Stati Membri wettqu spezzjonijiet għall-għarrieda sabiex jevalwaw il-ħasda totali rispettiva bħala appoġġ għall-isforzi tal-KtKIĊ biex ittejjeb it-traċċabilità u s-sorveljanza. 5. Konklużjonijiet Il-kontroll tal-Linja l-Ħadra fil-punti ta’ qsim awtorizzati huwa sodisfaċenti. Kemm ir-Repubblika ta’ Ċipru kif ukoll iż-Żoni tal-Bażi Sovrana tar-Renju Unit saħħew is-sorveljanza tagħhom tal-Linja l-Ħadra matul il-perjodu ta’ rappurtar. Madankollu, in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jaqsmu l-Linja b’mod illegali għadu jikkawża tħassib serju, għalkemm in-numru totali ta’ immigranti illegali maqbuda naqas ftit matul il-perjodu ta' rappurtar, meta mqabbel mal-livell rekord tas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni tevalwa li iktar tisħiħ tas-sorveljanza tal-Linja bejn il-punti ta’ qsim mir-Repubblika ta' Ċipru u l-Amministrazzjoni taż-Żona tal-Bażi Sovrana jkun importanti biex tiġi indirizzata l-problema ta’ migrazzjoni illegali. Madanakollu, ir-Repubblika ta’ Ċipru tixtieq tevita kull miżura li possibbilment twassal biex il-Linja l-Ħadra tieħu d-dehra ta’ fruntiera esterna. Fir-rigward tal-prodotti li jaqsmu l-Linja l-Ħadra, meta mqabbel mal-perjodu ta’ rappurtar preċedenti, iċ-ċifri jerġgħu juru żieda fil-valur totali tal-prodotti li qed jaqsmu minn naħa għal oħra tal-Linja. Skont ir-rapporti mogħtija mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur kummerċjali totali tal-prodotti li attwalment qasmu l-Linja żdied b’iktar minn terz għal EUR 6 111 030 meta mqabbel ma’ EUR 4 473 408 fil-perjodu ta’ rappurtaġġ preċedenti. Kważi 30 % kien kummerċ tal-patata. L-emendi għall-GLR li saru s-sena l-oħra ġew implimentati bla problemi. Iżda, ma wasslux għal żieda notevoli fil-kummerċ ta’ prodotti relatati jew fil-proviżjoni ta’ servizzi miċ-Ċiprijoti Torok minn naħa għal oħra tal-Linja. Il-livell ġenerali tal-kummerċ fil-Linja l-Ħadra baqa’ pjuttost limitat, l-aktar minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament. Madankollu, il-kummerċ fil-Linja l-Ħadra żied is-sehem globali tiegħu fil-kummerċ Ċiprijott Tork[25]. Kien hemm żviluppi pożittivi fir-rigward tal-moviment ta’ prodotti. Madankollu, għad fadal ostakli għall-kummerċ fil-Linja l-Ħadra. Il-vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok, u partikolarment it-trakkijiet u x-xarabankijiet, għad ma għandhomx il-possibbiltà ta' moviment ħieles fil-gżira. Barra minn hekk, ma jista’ jiġi rrapurtat l-ebda progress fir-rigward ta’ ostakli oħra għall-kummerċ. Finalment, jidher li l-kuntrabandu tal-oġġetti min-naħa għall-oħra tal-Linja baqa' jinfirex. Il-Kummissjoni wettqet diversi miżuri bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ min-naħa għall-oħra tal-Linja, partikolarment il-kummerċ tal-patata, il-frott taċ-ċitru u l-ħut. Il-konklużjoni ġenerali hi li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra għadu jipprovdi bażi legali li wieħed jista' jaħdem biha biex prodotti u persuni jitħallew jaqsmu minn u lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru. Il-Kummissjoni għandha tibqa’ ssegwi l-implimentazzjoni tar-Regolament. [1] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1). [2] ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1. Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 587/2008 tat-16 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004. [3] Minn hawn ’il quddiem: SBA [4] Skond l-istatistiċi li waslu mir-Repubblika ta’ Ċipru, il-fluss medju fix-xahar ta' vetturi Ċiprijotti Griegi fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru kien ta’ 50,000 sa 60,000 sa Novembru 2007 imbagħad waqa’ f’salt għal madwar terz (15,000 sa 20,000 vettura) u baqa’ fuq dan il-livell baxx minn dak iż-żmien, inkluż matul dan il-perjodu ta’ rappurtar. Din id-differenza tirriżulta l-iktar mill-esklużjoni mill-istatistika rrappurtata minn Novembru 2007 ta’ vetturi li qasmu fil-punti ta’ qsim Pergamos u Strovilia (it-tnejn taħt l-awtorità ta’ Amminsitrazzjoni SBA). [5] L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jżommu l-ebda reġistru fir-rigward tar-ritorn ta’ Ċiprijotti Griegi lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern u dwar ir-ritorn ta’ Ċiprijotti Torok lejn il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru (ara l-Anness VII).. [6] Skont informazzjoni mill-komunità Ċiprijotta Torka, matul il-perjodu ta’ rappurtar, 645,091 Ċiprijott Grieg f’200,892 vettura qasmu miż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,708,919 Ċiprijott Tork f’645,303 vettura qasmu mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni kkontrollati mill-gvern. [7] Ara l-Anness VI [8] Ara b’mod partikolari r-Rapport tal-Linja Ħadra tas-sena l-oħra (Komunnikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27.8.2008, COM(2008) 529 finali), p. 4. [9] Il-perċentwali huma kkalkolati bħala komponenti taċ-ċifra ta’ 65%. [10] Ara l-Annessi VI and VIII [11] Biss 17 minnhom kienu f’punti ta’ qsim fuq il-Linja Ħadra. [12] B’kollox, total minimu ta’ 129 siegħat ta’ xogħol (is-sena l-oħra: 110) kuljum kienu ntużaw għall-pattuljar tal-Linja bejn il-punti ta’ qsim minn 328 uffiċjali tal-Pulizija lokali (is-sena l-oħra: 241); (żieda parzjalment dovuta għall-intensifikazzjoni fl-obbligi ta’ rappurtar). Addizjonalment, Servizzi oħra tal-Pulizija jwettqu operazzjonijiet speċjali kif ukoll pattulji regolari u għall-għarrieda. [13] Matul il-perjodu tar-rappurtar, żewġ elikotteri (wieħed is-sena ta’ qabel) wettaq ammont totali ta’ 100 siegħa ta' pattulji mal-Linja (is-sena l-oħra: 90 siegħa). [14] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3. [15] Ara l-Annessi I, II u III [16] Madanakollu, l-istatisitċi fuq in-nefqa tal-karti ta’ keditu juru li ċ-Ċiprijotti Torok nefqu diversi miljuni ta’ Euro (u dejjem jiżdied) fis-supermarkets u fil-ħwienet l-oħra fiż-żoni kkontrollati mill-gvern, li mhuwiex rifless fl-istatistika uffiċjali tal-Linja l-Ħadra. [17] Ara l-Annessi IV u V [18] Għad-dikjarazzjoni konġunta ara http://www.ktto.net/interdependence/index.html [19] Għal analiżi dettaljata ara r-Rapport dwar il-Linja l-Ħadra tas-sena l-oħra. [20] Għal aktar dettalji ara Mete Hatay, Fiona Mullen, Julia Kalimeri, "Intra-island trade in Cyprus – Obstacles, oppositions and psychological barriers", Prio Cyprus Centre 2008 [21] Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-esperti fitosanitarji indipendenti. [22] Ara perezempju d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-KKIĊ rrapurtata fl-istampa Ċiprijotta fit-12 u t-13 ta' Jannar 2009. [23] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta' Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p. 3. [24] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/330/KE tal-4 ta' Mejju 2007, ĠU L 123, 12.5.2007, p. 30. [25] Matul il-ħames snin minn meta ġie mwaqqaf il-GLR, is-sehem żdied minn madwar 2% għal 10%. B’kollox, il-valur annwali ta’ esportazzjonijiet Ċiprijotti Torok huwa stmat għal madwar EUR 50 miljun.