This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0346
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on a harmonised methodology for classifying and reporting consumer complaints and enquiries {SEC(2009)949}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (SEC(2009)949)
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (SEC(2009)949)
/* KUMM/2009/0346 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 7.7.2009 KUMM(2009) 346 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (SEC(2009)949) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi 1. Daħla (1) L-Evalwazzjoni tas-Suq Waħdieni[1] ħtieġet li r-regolamentazzjoni u l-politika jkunu sostnuti minn fehim aħjar tar-riżultati reali għall-konsumaturi fis-suq intern. Minn dak iż-żmien ’il hawn il-Kummissjoni għamlet sforz kbir biex tifhem aħjar kif jaħdmu s-swieq għall-konsumaturi permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur[2]. It-Tabella ta’ Valutazzjoni timmira li tidentifika s-swieq li mhumiex jaħdmu sew fir-rigward tar-riżultati ekonomiċi u soċjali għall-konsumaturi. L-ilmenti tal-konsumaturi huma indikatur ewlieni, flimkien mas-sodisfazzjon tal-konsumaturi, il-prezzijiet, it-tibdil u s-sikurezza, fil-monitoraġġ tas-suq intern mill-aspett tal-konsumaturi. (2) L-Istrateġija għall-Politika dwar il-Konsumatur tal-Kummissjoni għall-2007-2013[3] tenfasizza l-iżvilupp ta’ bażi soda ta’ evidenza għall-politika dwar il-konsumatur li tinkludi l-ilmenti tal-konsumaturi. In-Netwerk tal-Politika tal-Konsumatur, grupp ta’ uffiċjali nazzjonali għolja tal-politika tal-konsumatur, ukoll identifika l-ilmenti tal-konsumaturi bħala indikatur importanti tal-politika. L-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur[4] jawtorizza l-Kummissjoni speċifikament biex taħdem flimkien mal-Istati Membri fuq l-iżvilupp ta’ klassifika komuni. (3) Il-Parlament Ewropew approva t-Tabella ta’ Valutazzjoni u l-użu tal-ilmenti bħala indikatur ewlieni, u talab lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jaħdmu għall-armonizzazzjoni tas-sistemi tagħhom ta’ klassifikar tal-ilmenti, u għat-twaqqif ta’ dejtabejż tal-ilmenti tal-konsumaturi komuni għall-UE kollha kemm hi[5]. Il-konsultazzjoni mifruxa maċ-ċittadini madwar l-Ewropa kollha[6] wasslet għal sejħiet għal aġir imħaffef b'reazzjoni għall-ilmenti taċ-ċittadini. (4) Fl-2008, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika biex issir taf l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrapportar tal-ilmenti tal-konsumaturi madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Irrispondiet firxa wiesgħa ta’ 114-il parti interessata. Globalment, il-maġġoranza ta’ dawk li taw tweġiba kienu favur l-iżvilupp ta’ metodoloġija armonizzata f’sistema volontarja. (5) Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-merti tal-użu tal-ilmenti tal-konsumaturi bħala indikatur ewlieni tal-ħidma tas-suq intern. Turi l-limitazzjonijiet tad-dejta dwar l-ilmenti li huma attwalment disponibbli u l-potenzjal enormi tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-armonizzar tad-dejta dwar l-ilmenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni temmen li l-organizzazzjonijiet terzi kollha li jiġbru l-ilmenti tal-konsumaturi fl-UE għandhom volontarjament jadottaw metodoloġija armonizzata biex jikklassifikaw u jirrappurtaw id-dejta li jinġabru. Mal-Komunikazzjoni hemm dokument ta' ħidma għall-Personal li jintroduċi abbozz ta' metodoloġija armonizzata. Biex metodoloġija volontarja tiġi aċċettata mill-akbar firxa possibbli ta' nies, ġie ppubblikat abbozz tal-metodoloġija armonizzata għall-konsultazzjoni pubblika. Il-Kummissjoni biħsiebha tuża l-informazzjoni miġbura mir-risposti għal-konsultazzjoni biex ittejjeb l-abbozz tal-metodoloġija armonizzata. Id-data sa meta jistgħu jintbagħtu l-kummenti hija l-5/10/2009. 2. L-IMPORTANZA TAL-MONITORAġġ TAL-ILMENTI TAL-KONSUMATURI 2.1. Il-valur tad-dejta dwar l-ilmenti (6) L-ilmenti tal-konsumaturi huma indikatur ewlieni ta' kif qed jaħdem is-suq mill-perspettiva tal-konsumatur. Il-konsumaturi jistgħu jilmentaw minħabba diversi raġuni, bħal mhuma l-kwalità ħażina tal-oġġetti jew tas-servizz, prodotti li fihom xi ħsara, problemi fit-twassil tal-prodotti, eċċ. In-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi dwar l-oġġetti jew is-servizz jistgħu jiġu indirizzati direttament lill-kummerċjanti u/jew lil organizzazzjonijiet terzi, bħall-awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, regolaturi, korpi alternattivi li jirriżolvu t-tilwim, eċċ., li jieħdu ħsieb l-ilmenti tal-konsumaturi. Meta wieħed iqis li biex isir ilment dak li jkun ikun għamel ċertu sforz biex jagħmlu, kull ilment huwa fatt reali li jindika problema potenzjali fis-suq. (7) Fis-sena ta’ qabel Frar 2008, 16 % tal-konsumaturi tal-UE għamlu ilment formali lil xi kummerċjant dwar problema li ltaqgħu magħha[7]. Bl-estrapolazzjoni dan ifisser xi 78 miljun ċittadin Ewropew jagħmel ilment formali f'sena waħda. Kwart minn dawn il-konsumaturi wasslu l-ilment għand organizzazzjoni terza. (8) In-numru ta’ ilmenti li jkunu indirizzati lejn terza persuna huma biss xiber tan-numru reali. Hemm ħafna fatturi li jaffettwaw il-konsumatur għandux jitlob l-għajnuna ta’ parti terza jew le, pereżempju kemm jaħseb li se jieħu jew ma jieħux sodisfazzjon jekk iwassal l-ilment tiegħu, il-livell ta’ anzjetà li dan l-aġir se jikkawżalu, l-aċċess li għandu għas-sistema legali eċċ. Minkejja dan, l-ilmenti li jaslu għand partijiet terzi huma indikatur qawwi ta’ kemm is-suq qiegħed jagħti sodisfazzjon lill-konsumaturi u jistgħu jwasslu għal fehma tajba tal-kundizzjonijiet tas-suq, jistgħu juru x-xejriet emerġenti, u jgħinu fit-tfassil tal-istrateġiji ta’ infurzar u ta' politika tal-awtoritajiet L-ilmenti li jitwasslu għand il-kummerċjanti huma parti normali tal-proċess tas-suq li mhux bilfors juri li dan mhuwiex miexi sew u għalhekk ma jidħlux fl-ambitu ta’ dan l-eżerċizzju. (9) Il-ġabra u l-monitoraġġ tal-ilmenti jistgħu jsawwru d-djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-kummerċjanti, kif jidher mill-eżempji tad-Danimarka, Franza u r-Renju Unit, fejn organizzazzjonijiet terzi jiġbru u jimmonitoraw l-ilmenti tal-konsumaturi għal medda wiesgħa ta’ għanijiet politiċi. L-ilmenti huma użati bħala mezz importanti ta’ tagħrif fl-identifikazzjoni ta’ problemi sistemiċi li jistgħu jkunu għad-detriment tal-konsumaturi. L-ilmenti huma miġbura minn awtoritajiet tal-konsumatur jew korpi li jilqgħu l-ilmenti fl-Istati Membri kollha. (10) Pereżempju, l-awtoritajiet Franċiżi waqqfu sistema ta’ ġbir u klassifikar tal-ilmenti tal-konsumatur, " le baromètre des rèclamations des consommateurs" (il-barometru tal-ilmenti tal-konsumaturi). L-ilmenti jiġu rreġistrati skont is-settur, il-mezz tax-xirja (eż. it-telefown, il-posta, l-internet, ħanut), u t-tip ta’ ilment. Ir-riżultati jintużaw biex jiġu identifikati s-setturi l-iżjed problematiċi u, jekk ikun hemm bżonn, jittieħdu l-passi xierqa (eż. l-awtoritajiet Franċiżi talbu li tiġi żviluppata kodiċi tal-kondotta fl-industrija tat-telekomunikazzjoni). L-aħħar riżultati tal-" baromètre des réclamations " ġew ippubblikati f'Marzu 2009. Fl-2008 l-awtoritajiet Franċiżi rċievew ’il fuq minn 139 000 ilment. (11) Fis-settur tat-trasport tal-ajru, il-korpi nazzjonali tal-infurzar (ONI) jieħdu ħsieb l-ilmenti tal-konsumaturi skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) 261/2004[8] u l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 1107/2006[9]. Il-Kummissjoni flimkien mal-ONI u l-assoċjazzjonijiet tal-ajru ddisinjaw formola komuni għall-Ewropa li hija disponibbli mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni. Din il-formola għamlet kontribut siewi għall-armonizzazzjoni tar-rappurtaġġ tal-ilmenti tal-passiġġieri tal-ajru, u n-netwerk tal-ONI tieħu ħsieb ’il fuq minn 50 000 ilment fis-sena u numru akbar ta’ domandi. (12) L-Istati Uniti wkoll huma eżempju tajjeb tal-użu li jsir mid-dejta dwar l-ilmenti bl-għan ta’ infurzar. Għandhom dejtabejż ċentralizzat b'ġabra ta’ dejta dwar l-ilmenti tal-konsumaturi li hu mħaddem mill-Federal Trade Commission (il-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ), imsemmija l-Consumer Sentinel (is-Sentinella tal-Konsumatur). L-ilmenti mbagħad jintbagħtu lil awtoritajiet lokali differenti fl-Istati Uniti u lil awtoritajiet oħrajn internazzjonali. Fl-2008, il-Consumer Sentinel irċeviet ’il fuq minn 1,2 miljun ilment marbutin mal-frodi (52 %), mas-serq tal-identità (26 %) u kwistjonijiet oħra. Il-konsumaturi b'kollox irrappurtaw li ħallsu xi EUR 1,2 biljun[10] f'dawn il-każi ta’ frodi, b'ammont medju ta’ xi EUR 300. (13) Apparti l-infurzar, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu wkoll jużaw id-dejta dwar l-ilmenti biex jagħmlu djalogu msejjes fuq il-provi mal-kummerċjanti, biex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jinkwetaw lill-konsumaturi. Id-dejta tista’ tintuża fit-tejbien tal-prattiċi kummerċjali, biex tippromwovi l-awto-regolamentazzjoni jew, meta jkun falla kull tentattiv ieħor, biex tinħalaq leġiżlazzjoni ġdida. 2.2. L-argument favur metodoloġija armonizzata tal-UE għall-klassifikar u r-rappurtar tal-ilmenti. (14) Il-valur tal-armonizzazzjoni tal-ilmenti klassifikati fuq livell tal-UE jkun konsiderevoli kemm għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati nazzjonali u għall-korpi kollha li jieħdu ħsieb l-ilmenti. Klassifikazzjoni tal-UE tkun tistimula l-armonizzazzjoni statistikali fuq livell nazzjonali u wkoll tiffaċilita l-paraguni tas-swieq u l-problemi tal-konsumaturi bejn l-Istati Membri u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur. (15) L-għan tat-Tabella huwa li juża l-indikaturi ewlenin b'mod integrat. Il-politika ma għandhiex tkun imsejsa biss fuq in-numru ta’ ilmenti. Numru kbir ta’ ilmenti f'pajjiż wieħed ma jfissirx bilfors li s-suq mhuwiex sejjer tajjeb; dan jista’ jkun dovut għall-eżistenza ta’ korpi effettivi li jieħdu ħsieb l-ilmenti jew għal xi kampanja ġdida ta’ tagħrif dwar id-drittijiet tal-konsumatur. Bl-istess mod, numru żgħir ta’ ilmenti f'settur partikolari ma jfissirx bilfors li kollox miexi ħarir. Għalhekk hemm ippjanati żewġ stħarriġiet biex jikkomplementaw id-dejta dwar l-ilmenti u jittrattaw il-fatturi involuti. Stħarriġ dwar l-għoti ta’ setgħa lill-konsumatur ikun, inter alia , juri kemm il-konsumaturi huma ġeneralment lesti li jressqu l-ilmenti tagħhom. L-istħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-konsumaturi li se jsiru regolari fil-ġejjieni jkunu jikkomplementaw id-dejta dwar l-ilmenti billi jsiru fost dawk li ma jressqux l-ilmenti, u jqis il-proporzjon ta’ dawk li jilmentaw imqabbel ma’ ta’ dawk li, minkejja li jiltaqgħu mal-problemi, ma jressqux l-ilmenti tagħhom. (16) Id-dejta armonizzata għalhekk tipprometti dividend doppju fuq livell tal-UE u fuq livell nazzjonali. Fuq livell nazzjonali tipprovdi għodda b'saħħitha għall-awtoritajiet biex iqabblu l-ħidma tas-suq ma’ ta’ pariġġhom u jidentifikaw l-kwistjonijiet u t-theddid emerġenti komuni, biex ikunu jistgħu jservu aħjar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħhom. L-adozzjoni ta’ metodoloġija armonizzata fuq livell nazzjonali minn l-ikbar numru possibbli ta’ organizzazzjonijiet terzi se tippermetti li l-Istati Membri jfasslu xbiha iżjed sħiħa tas-swieq nazzjonali tal-konsumaturi. Fil-preżent, bi ftit eċċezzjonijiet, fil-maġġoranza tal-Istati Membri hemm numru ma jingħaddx ta’ korpi li jiġbru l-ilmenti, u kull korp jikklassifikahom b'mod differenti. Minħabba f'hekk huwa impossibbli li jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment u li jsir monitoraġġ tas-suq nazzjonali tul perjodu ta’ żmien. Fuq livell tal-UE jkun hemm ambitu kemm għal prijoritizzazzjoni aħjar tal-politiki kif ukoll għat-twassil ta’ għodda b’saħħitha liċ-ċittadini tal-UE biex dawn ikunu jistgħu jikkomunikaw il-problemi tagħhom ta’ kuljum ma’ dawk li jfasslu l-politika u mal-partijiet interessati fuq livell tal-UE. Għaldaqstant għandu jiqsar sew il-ħin meħtieġ għall-Istituzzjonijiet tal-UE biex jirrispondu għall-problemi ta’ kuljum tal-konsumaturi Ewropej. (17) L-adozzjoni ta’ metodoloġija armonizzata tista’ wkoll tkun ta’ valur enormi lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi bħalma huma l-għaqdiet tal-konsumaturi. Ħafna mill-għaqdiet tal-konsumaturi jonqsuhom ir-riżorsi meħtieġa biex jiżviluppaw il-metodoloġiji u l-għodda għall-immaniġġar tal-ilmenti. Dan inaqqsilhom il-possibbiltà li jinfluwenzaw l-aġenda politika ’l fuq minnhom, fi stadju bikri fejn jiġi deċiż il-qafas tat-taħdit dwar il-politika. L-adozzjoni ta’ metodoloġija armonizzata għall-klassifikar tal-ilmenti u d-disponibbiltà tad-dejta reali li tista’ tkun imqabbla se tkun ta’ valur importanti mhux biss fit-taħdidiet mal-politiċi u l-kummerċjanti, iżda wkoll biex jiffissaw il-prijoritajiet tagħhom u jfasslu l-kampanji tat-tagħrif tagħhom. (18) Korpi regolatorji, bħal mhuma l-awtoritajiet dwar il-kompetizzjoni u regolaturi settorali (eż. tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija, tas-servizzi finanzjarji) se jibbenefikaw ukoll. L-ilmenti tal-konsumaturi jipprovdu indikatur ewlieni tar-riżultati tas-suq f'setturi regolati. Tabilħaqq, f'xi setturi bħall dawk tal-enerġija u tas-servizzi postali, għandhom ir-rwol espliċitu li jissorveljaw il-ftuħ tas-swieq u l-kompetizzjoni fuq livell tal-bejgħ bl-imnut billi jqisu l-ilmenti tal-konsumaturi. Fis-swieq li ġew liberalizzati dan l-aħħar, hemm tendenza, li dejjem qed tikber, li l-konsumaturi jindirizzaw l-ilmenti tagħhom lill-awtoritajiet regolatorji. F'ċerti każi, il-kumpaniji waqqfu korpi awtoregolatorji, bħall-Ombudsmen biex jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi. L-adozzjoni tal-istess metodoloġija armonizzata mill-korpi Ewropej regolaturi u awtoregolaturi se jippermettu l-konsistenza u l-komparabilità tad-dejta miġbura mir-regolaturi, mill-korpi awtoregolatorji u kull terza parti oħra li tiġbor l-ilmenti settorjali. 3. Il-milja tal-lakuna li hemm fid-dejta 3.1. Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni kif inhi llum, id-differenzi mxerrdin mal-UE (19) Ir-riżultati tal-konsulta pubblika u t-talba tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali biex jippreżentaw id-dejta għat-Tabella tal-2009 wrew li filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali u organizzazzjonijiet terzi oħra fl-Istati Membri kollha jiġbru l-ilmenti, l-arranġamenti biex dan isir ivarjaw sew. Dawn id-differenzi jaffettwaw in-numru totali tal-ilmenti u d-dejta relevanti oħra. Filwaqt li l-metodoloġiji mhumiex radikament differenti minn xulxin, għaliex il-prodotti u s-servizzi li huma disponibbli fuq firxa tal-UE ġeneralment jixxiebħu, id-differenzi huma biżżejjed li jagħmluha impossibbli li wieħed jagħmel paraguni diretti. Minkejja dan, jidher ċar li ġeneralment, fl-UE hemm investiment pubbliku sinifikanti fil-ġbir tal-ilmenti, u l-awtoritajiet irrappurtaw ’il fuq minn żewġ miljun ilment u domanda għall-2008. (20) Il-Kummissjoni waqqfet grupp informali ta’ esperti rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet terzi ewlenin li jiġbru l-ilmenti tal-konsumaturi, biex jgħinuha tiżviluppa metodoloġija armonizzata. Il-membri ta’ dan il-grupp ta’ esperti ġejjin minn awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, korpi regolatorji settorjali, korpi awtoregolatorji, mekkaniżmi għar-riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim u Ċentri Ewropej tal-Konsumatur. (21) Il-Kummissjoni għamlet ukoll missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti f’ħames Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) u ppreżentat l-ideat tagħha dwar l-armonizzazzjoni tad-dejta dwar l-ilmenti lin-Netwerk tal-Politika dwar il-Konsumatur, lill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, lill-Grupp Konsultattiv Ewropew tal-Konsumaturi u lin-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi kif ukoll lill-korpi għar-riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, lir-regolaturi dwar l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet u lil partijiet interessati oħrajn. Il-grupp espert jservi wkoll ta’ interlokutur biex jispjega l-proġett u jfittex li jiġbor l-informazzjoni mingħand korpijiet oħra fuq livell nazzjonali. (22) Kuntrattur estern għamel investigazzjoni dettaljata[11] li telenka l-partijiet interessati ewlenin li jiġbru l-ilmenti tal-konsumaturi madwar l-Ewropa u jgħin fl-iżvilupp ta’ metodoloġija armonizzata. Dan il-kuntrattur, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp espert u l-Kummissjoni, żviluppa metodoloġija ta’ klassifika armonizzata u dizzjunarju relatat tad-dejta. (23) Biex waslu għall-metodoloġija tal-klassifika armonizzata proposta u għad-dizzjunarju tad-dejta, il-prinċipji li jidhru hawn taħt ġew ikkunsidrati: - Id-dejta kklassifikata skont il-metodoloġija armonizzata għandha tkun komparabbli ma’ settijiet oħra tad-dejta mit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, pereżempju s-sodisfazzjon tal-konsumatur. - Il-metodoloġija tal-klassifikar armonizzat għanda tkun msejjsa fuq il-klassifikazzjoni l-COICOP Dan ikun jippermetti l-komparabbiltà kemm mal-inflazzjoni tal-prezzijiet kif ukoll mad-dejta miġbura mill-Eurostat u l-uffiċċji statistiċi nazzjonali dwar il-baġits tal-familji. - Id-disinn irid ikun li jiffaċilita tranżizzjoni bla xkiel mill-klassifikazzjoni preżenti għal metodoloġija armonizzata. - L-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-klassifika għandhom ikunu mill-inqas u aċċettabbli għall-korpi tal-ilmenti tal-konsumatur. - Il-metodoloġija armonizzata għandha tkun waħda adattabbli skont l-evoluzzjoni tas-swieq fil-ġejjieni. Osservazzjonijiet Ewlenin (24) Il-Kummissjoni identifikat ’il fuq minn 700 organizzazzjoni terzi li jiġbru l-ilmenti tal-konsumaturi. Dan jaqbeż sew dak li kien mistenni u juri li l-proġett se jkun fuq skala u ta’ potenzjal ħafna ikbar milli mistenni. (25) Il-ħidma tal-grupp espert u ż-żjarat fl-Istati Membri kkonfermaw li hemm ħafna modi differenti biex wieħed jiġbor, jittratta, jipproċessa u jaħżen id-dejta dwar l-ilmenti. Ħafna minn dawn id-differenzi huma marbutin ma’ raġunijiet differenti għall-ġbir tad-dejta: l-għoti tal-pariri lill-konsumaturi, il-ġbir ta’ statistiċi biex id-deċiżjonijiet politiċi jsiru bl-għarfien, il-formulazzjoni ta’ kampanji tat-tagħrif, il-medjazzjoni u l-intervent, biex isir djalogu bl-għarfien man-negozjanti, l-infurzar u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida. (26) Differenzi oħra jinsabu fil-funzjonijiet tal-personal u l-modi li bihom iġibu r-riżorsi finanzjarji l-korpi tal-ilmenti. Biċċiet minnhom għandhom riżorsi tajbin u numru tajjeb ta’ personal filwaqt li oħrajn ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jridu jiddependu mir-rieda tajba tal-voluntiera. Dan jaffettwa l-livell tad-dettall li bih tinġabar id-dejta u l-modi li bihom id-dejta hi maħżuna u użata. Filwaqt li xi organizzazzjonijiet jużaw l-ispreadsheets u l-applikazzjonijiet tal-kompjuter biex jikklassifikaw l-ilmenti, oħrajn jużaw dejtabejżis sofistikati. (27) Jeżistu relattivament ftit korpi tal-ilmenti li jiġbru d-dejta dwar it-tipi tal-ilmenti u s-suq ikkonċernat. Filwaqt li dan jista' jkun biżżejjed biex wieħed jagħti l-pariri jew l-informazzjoni, bl-ebda mod mhu biżżejjed għall-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet potenzjali tas-suq mill-perspettiva tal-konsumatur. Dawk l-organizzazzjonijiet li għandhom tendenza li jużaw id-dejta dwar l-ilmenti għall-għanijiet strateġiċi jew politiċi jiġbru d-dejta b’mod mhux aggregat. Biex jiġbru dejta li tagħti iżjed informazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ilmenti jkollhom jadottaw volontarjament metodoloġija iżjed dettaljata minn dik li jużaw fil-preżent. (28) F’taħdidiet mal-grupp espert u mal-partijiet interessati, l-idea ta’ metodoloġija armonizzata ġiet appoġġjata minn ħafna nies, minkejja l-isfidi li tikkawża. Ġeneralment, il-partijiet interessati jifhmu l-benefiċċji li jġib il-proġett, lilhom, u lill-oħrajn b'mod iżjed ġenerali, minkejja li l-adozzjoni ta’ klassifikazzjoni ġdida ġġib magħha spejjeż ta’ darba li ma tantx jixtiequ jaċċettaw. Ir-riservi li esprimew fil-bidu l-partijiet interessati qegħdin jonqsu ftit ftit kif dawn il-partijiet interessati qegħdin dejjem iżjed jikkonvinċu ruħhom mill-benefiċċji, kemm ġenerali kif ukoll individwali, tal-parteċipazzjoni. Wieħed mill-għanijiet tal-konsultazzjoni dwar il-metodoloġija proposta huwa li jaċċerta li l-opinjonijiet tal-firxa kemm jista' jkun l-iżjed wiesgħa ta’ partijiet interessati jinstemgħu u jitqiesu biex jintużaw kemm jista’ jkun minnhom. 4. Il-metodoloġija armonizzata għall-klassifikar tal-ilmenti tal-konsumaturi 4.1. L-istruttura tal-metodoloġija armonizzata (29) Il-metodoloġija proposta tikkonsisti fi tliet taqsimiet li huma magħmulin minn intestaturi rakkomandati u intestaturi mhux obbligatorji għall-ġbir tad-dejta: Taqsima 1) Informazzjoni ġenerali dwar l-ilment, Taqsima 2) Informazzjoni settorjali dwar l-ilment, u Taqsima 3) Informazzjoni dwar it-tip ta’ ilment li hu. (30) L-intestaturi li huma rakkomandati huma mitqiesa bħala essenzjali għall-ġbir tal-informazzjoni filwaqt li dawk mhux obbligatorji huma maħsuba biex jipprovdu iżjed dettall għal dawk l-organizzazzjonijiet li jixtiequh. L-intestaturi li huma rakkomandati huma magħżulin skont il-ħtiġijiet politiċi tat-Tabella u stabbiliti skont il-qbil li kien hemm fil-konsultazzjoni pubblika ta’ qabel, huma r-riżultat tal-ħidma tal-grupp espert, iż-żjarat lill-Istati Membri u l-investigazzjoni dettaljata. (31) L-organizzazzjonijiet li jiddeċiedu li jipparteċipaw volontarjament se jkollhom jirrappurtaw il-mikrodejta korrispondenti li fuqha jkunu msejjsa n-noti li jiddaħħlu taħt dawn l-intestaturi rakkomandati. Dan huwa meħtieġ biex tkun tista’ ssir referenza bejn tipi ta’ problemi u setturi meta d-dejta miġbura minn iżjed minn organizzazzjoni waħda tiġi aggregata. L-intestaturi li huma rakkomandati ma fihom l-ebda dejta personali. (32) L-intestaturi rakkomandati huma: pajjiż il-konsumatur u n-negozjant, isem iċ-ċentru fejn tressaq l-ilment, id-data ta’ meta sar l-ilment, distinzjoni bejn ilment u domanda, il-mod ta’ kif sar il-bejgħ, is-settur u t-tip ta’ ilment. Il-ħidma tal-Kummissjoni wriet li l-maġġoranza tal-korpi tal-ilmenti diġà jiġbru l-informazzjoni dwar il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-intestaturi rakkomandati. Għalhekk, l-adozzjoni tal-metodoloġija armonizzata mhijiex se tinvolvi xogħol żejjed imma tkun bidla ta’ darba biss. (33) L-intestaturi li mhumiex obbligatorji huma suġġerimenti għall-ġbir ta’ dejta addizzjonali. Waħda minn dawn l-intestaturi mhux obbligatorji li tista’ tkun ta’ interess speċjali għall-awtoritajiet nazzjonali hija "isem in-negozjant". Dan jista’ jkun ta’ għajnuna kbira għall-aġenziji tal-infurzar. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħżlu li jpartu ċ-ċifri dwar l-ilmenti li huma relevanti għal ċerti kumpaniji biex jiġu identifikati l-problemi pan-Ewropej. Il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur għandu għodda informatika separata u żgura (CPCS) li tista’ tiffaċilita t-tpartit ta’ din it-tip ta’ dejta sensittiva bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. (34) Naturalment, jekk il-korpi tal-ilmenti jkunu jridu, jistgħu jiġbru l-informazzjoni addizzjonali li jikkunsidraw li hija importanti, pereżempju informazzjoni dwar il-karatteristiċi soċjodemografiċi ta’ dawk li jressqu l-ilmenti, jew informazzjoni dwar ir-riżultat finali tal-ilmenti. Taqsima I: Informazzjoni ġenerali dwar l-ilment (35) Il-biċċa l-kbira minn dawn l-intestaturi, bħal "Pajjiż il-Konsumatur", "Data tal-ilment" eċċ. diġà qegħdin jinġabru mill-korpi tal-ilmenti. Waħda mill-intestaturi rakkomandati addizzjonali hija dik dwar "Il-Mod tal-Bejgħ". Din ġiet inkluża mal-intestaturi rakkomandati għaliex jista’ jkun hemm diverġenza kbira fit-tipi tal-ilmenti, anki fi ħdan settur wieħed, skont il-mod tal-bejgħ. Ir-reġimi regulatorji jvarjaw ukoll bejn mod ta’ bejgħ u ieħor. Taqsima 2: Informazzjoni marbuta mas-settur (36) It-tieni taqsima qiegħda forma ta’ siġra li tikkonsisti fi tliet livelli, dawn huma: is-Settur, is-Suq u deskrizzjoni tas-Suq. Il-korpi tal-ilmenti għandhom jikklassifikaw l-ilmenti u d-domandi skont din l-istruttura, li hi ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-Personal marbut ma’ din il-Komunikazzjoni. Biex issir magħrufa informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar l-iżjed swieq problematiċi, għandha tiġi mdaħħla fil-livell tas-"Suq" id-dejta dwar kull ilment li jsir. B'hekk ikun jista’ jsir tqabbil dirett mad-dejta, bħal mhi dik dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur, it-tibdil u l-prezzijiet, li tkun ittieħdet mit-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur. L-għaqda taż-żewġ settijiet tad-dejta tkun tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali dwar il-konsumatur b’dejtabejż sħiħa dwar il-funzjonament tas-swieq tal-konsumatur kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak Ewropew. Analiżi tad-dejta miġbura mill-awtoritajiet nazzjonali wriet li l-ilmenti huma dwar l-ekonomija kollha kemm hi u mhux biss dwar numru żgħir ta’ setturi. Għalhekk jeħtieġ li tintuża struttura li tiflaħ iżżomm l-ispettru sħiħ tas-suq biex tinkludi s-setturi kollha li fihom possibbiltà ta’ ħsara għall-konsumaturi. (37) Dawk il-korpi tal-ilmenti li preżentament jikklassifikaw l-ilmenti tal-konsumaturi skont il-livell tas-settur ikollhom biss jużaw struttura ta’ klassifika iżjed dettaljata. Dan ma jinvolvix iżjed ikkodifikar, imma biss l-ikkodifikar b’metodoloġija inqas aggregata. Il-korpi tal-ilmenti li jittrattaw l-ilmenti ġejjin minn kull qasam tal-ekonomija konsumistika jkunu jużaw l-istruttura kollha mentri dawk il-korpi li jiffokaw fuq setturi partikolari (eż. regolaturi settorjali, korpi alternattivi settorjali li jirriżolvu t-tilwim, bordijiet dwar l-ilmenti settorjali) jistgħu jużaw il-parti tal-metodoloġija li hi relevanti għalihom. Taqsima 3: Tip ta’ ilment (38) It-tielet taqsima tikkonsisti f’livell tal-ewwel rakkomandat u t-tieni livell volontarju. Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-konsumatur hija ta’ natura orizzontali pjuttost milli vertikali, li tapplika għall-maġġoranza tas-setturi fl-ekonomija konsumistika. Id-dejta dwar it-tip ta’ ilment tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kull funzjonament ħażin tas-suq fuq medda ta’ ħafna setturi u tiffaċilita t-titjib tar-regolamentazzjoni meta konsumaturi ta’ firxa wiesgħa ta' oġġetti jew servizzi jiltaqgħu mal-istess tipi ta’ problemi. Għalhekk l-intestaturi għat-"tip ta’ ilment" jikkonsistu f’valuri orizzontali, bħal mhuma r-reklami li jqarrqu, is-sikurezza u l-prezzijiet. Pereżempju, l-użu ta’ sikurezza bħala waħda mill-intestaturi rakkomandati se jippermetti l-identifikazzjoni ta' problemi ta' sikurezza li jvarjaw minn prodotti tal-ikel sa oġġetti elettroniċi u l-provvista ta’ servizzi. 4.2. Ir-rapportaġġ u d-disponibbiltà tad-dejta (39) Il-korpi tal-ilmenti li volontarjament jiddeċiedu li jadottaw il-metodoloġija armonizzata għandhom jirrappurtaw id-dejta direttament lill-Kummissjoni. L-organizzazzjonijiet kollha li se jippartiċipaw għandhom jirrappurtaw id-dejta, fuq livell mikro, li tikkorrispondi mal-intestaturi rakkomandati kollha. Il-parteċipanti huma mħeġġa wkoll li jirrappurtaw id-dejta li tikkorrispondi mal-intestaturi mhux obbligatorji. Il-Kummissjoni ma tixtieqx li tirċievi, jew tippubblika, ebda dejta li tikkonċerna l-ismijiet, jew li twassal għall-identifikazzjoni tan-negozjanti. (40) Il-frekwenza li biha d-dejta tkun irrappurtata u ppubblikata hija waħda mill-kwistjonijiet li dwarhom se ssir il-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni se tpoġġi d-dejta kollha li tirċievi għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjonijiet kollha u tal-pubbliku. 5. Il-konsultazzjoni pubblika u l-passi ta’ wara (41) Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati li jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-metodoloġija proposta dettaljata li qiegħda ppreżentata fid-dokument ta’ ħidma tal-Persunal marbut ma’ din il-Komunikazzjoni, billi jużaw il-formola tal-konsultazzjoni disponibbli permezz tal-għodda Interattiva għat-tiswir tal-politiki[12]. L-organizzazzjonijiet li huma sħab potenzjali fl-użu ta’ metodoloġija armonizzata għall-klassifikazzjoni tal-ilmenti huma mħeġġa li jwieġbu għall-konsultazzjoni pubblika. Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fil-05/10/2009. (42) Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tikkonsolida l-kummenti u tadotta Rakkomandazzjoni dwar kif wieħed għandu jikklassifika u jirrapporta l-ilmenti tal-konsumaturi permezz tal-metodoloġija armonizzata. Ir-Rakkomandazzjoni se tkun ikkumpanjata minn pjan ta’ ħidma dettaljat għall-implimentazzjoni, bil-għan li jitħeġġew numru kemm jista’ jkun kbir ta’ partijiet terzi li jadottaw il-metodoloġija armonizzata. Biex tkun iffaċilitata l-adozzjoni, il-Kummissjoni se tagħmel studju tal-modi li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-korpi tal-ilmenti, pereżempju d-diżinjar ta’ softwer tal-Informatika Teknoloġika. (43) Biex ikun jista’ jimmonitorizza l-implimentazzjoni tal-metodoloġija armonizzata, u biex jitħalla spazju għal iżjed flessibbiltà u l-possibbiltà ta’ titjib tal-metodoloġija, skont xi jkun meħtieġ, il-grupp espert informali dwar l-ilmenti tal-konsumaturi se jsir korp konsultattiv formali tal-Kummissjoni mwaqqaf minn deċiżjoni tal-Kummissjoni. [1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21", COM(2007) 725, finali} [2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, "Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumaturi fis-suq waħdieni: it-Tabella ta Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur" {SEC(2008)} [3] 87} Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, "L-Istrateġija tal-UE għall-Politika dwar il-Konsumatur għall-2007-2013". {SGK(2007) 321} {SGK(2007) 322} {SGK(2007) 323} [4] Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi. [5] Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tabella ta Valutazzjoni tas-swieq tal-konsumatur, numru ta’ referenza tal-PE: A6-0392/2008 / P6_TA-PROV(2008)0540 [6] Il-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini Ewropej 2009 tmexxew minn konsorzju waħdieni magħmul minn iżjed minn 40 organizzazzjoni msieħba indipendenti Ewropej. [7] Ewrobarometru 69.1 — "Il-protezzjoni tal-konsumatur fis-Suq Intern, 2008". [8] Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet. [9] Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru [10] Ir-rata tal-kambju użata għall-konverżjoni hija ta’ USD 1 = EUR 0,6797, fl-01/07/2008. [11] L-investigazzjoni se tkun ippubblikata fuq http://ec.europa.eu/consumers/strategy/complaints_en.htm [12] http://ec.europa.eu/yourvoice/