Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0211

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li takkumpanja r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotati u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji {C(2009) 3159} {C(2009) 3177}

/* KUMM/2009/0211 finali */

52009DC0211




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2009

KUMM(2009) 211 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

li takkumpanjar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotatiur-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

{C(2009) 3159}{C(2009) 3177}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

li takkumpanjar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotati u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

I. Daħla

Il-kriżi finanzjarja kixfet dgħufijiet serji fir-regolazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni qed tmexxi riforma fil-wisa’ biex tapplika t-tagħlimiet tal-kriżi u twassal għal swieq finanzjarji responsabbli u affidabbli għall-ġejjieni. Fil-kuntest preżenti, l-attenzjoni tal-pubbliku, il-midja, l-istudjużi u dawk li jfasslu l-politika waqgħet b’mod speċjali fuq il-politiki tar-rimunerazzjoni.

Hemm qbil wiesa’ li l-iskemi ta’ kumpens ibbażati fuq ir-rendimenti fil-qosor, mingħajr qies adegwat tar-riskji korrispondenti, ikkontribwew għall-inċentivi biex istituzzjonijet finanzjarji wettqu prattiki ta’ negozju li kienu riskjużi wisq. Tqajmu wkoll kwistjonijiet ta’ tħassib usa’ dwar żidiet sostanzjali riċenti fir-rimunerazzjoni tal-eżekuttivi, u l-importanza dejjem tiżidied tal-paga varjabbli fil-kompożizzjoni tar-rimunerazzjoni tad-diretturi fis-setturi kollha tal-ekonomija.

Iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw din il-Komunikazzjoni huma l-ewwel stadju fl-istrateġija tal-Kummissjoni biex tittratta din il-kwistjoni importanti. Kif tħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha “Nixprunaw l-irkupru Ewropew”[1], il-mira hija li tittejjeb il-ġestjoni tar-riskju fl-azjendi finanzjarji, u li l-inċentivi ta’ paga jinġiebu fl-istess linja mal-prestazzjoni sostenibbli tal-kumpaniji b’mod ġenerali.

F’dan l-ewwel stadju, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda sensiela ta’ prinċipji u l-aqwa prattiki li l-Istati Membri għanhom jiżguraw li l-kumpaniji japplikawhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-pagi li jippremjaw il-prestazzjoni sostenibbli fit-tul. Riforma ta’ suċċess f’dan il-qasam tiddependi fuq bidla tassew fil-kultura tal-azjendi konċernati. Billi tressaq ir-Rakkomandazzjonijiet tagħha issa, il-Kummissjoni tfittex li tinkoraġġixxi lil-azjendi biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ politika sostenibbli ta’ rimunerazzjoni huma u jirrevedu l-kuntratti tal-persunal għall-2010.

Il-Kummissjoni sejra ssegwi dawn ir-Rakkomandazzjonijiet bi proposti leġiżlattivi biex l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jinġiebu fl-ambitu tal-monitoraġġ prudenzjali. F’Ġunju l-Kummissjoni sejra tresssaq proposti biex tirrevedi d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital biex tiżgura li l-kapital regolatroju jkopri adegwatament ir-riskji inerenti tal-kotba tat-tranżazzjonijiet, il-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni u l-politiki ta’ rimunerazzjoni tal-banek. Il-Kummissjoni qed tipprijoritizza l-miżuri leġiżlattivi fis-settur bankarju u tal-banek ta’ investiment, ġaladarba dan huwa s-settur li fih hemm l-akbar evidenza tal-impatt negattiv ta’ inċentivi żbaljati. Fi stadju ulterjuri, il-Kummissjoni sejra teżamina miżuri addizzjonali f’relazzjoni mas-servizzi finanzjarji mhux bankarji.

II. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet 2004/913/KE u 2005/162/KE fir-rigward tas-sistema għar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kwotati

Ir-Rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-Kummissjoni dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi fil-kumpaniji kwotati (2004/913/KE) u dwar ir-rwol tad-diretturi mhux eżekuttivi jew superviżorji u l-kumitati tal-bordijiet superviżorji (2005/162/KEC) ma jkoprux il-kwistjonijiet kollha rilevanti li nkixfu f’dawn l-aħħar xhur. B’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjonijet ma jesiġux li r-rimunerazzjoni tal-eżekutivi tkun allinjata mal-interess tal-kumpaniji fit-tul.

Wara diversi każijiet prominenti riċenti u aktar evidenza li l-istrutturi tal-paga tal-eżekuttivi jeħtieġ li jittejbu, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi u dwar il-proċess tat-tfassil u l-operat tal-politika ta' rimunerazzjoni għad-diretturi fil-kumpaniji kwotati tistipula sensiela ta' prinċipji ġodda li jikkomplementaw ir-Rakkomandazzjonijiet eżistenti. Dan huwa konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-2 ta’ Diċembru 2008, li stiednu lill-Kummissjoni biex “ taġġorna r-rakkomandazzjoni tagħha biex tippromwovi kontroll aktar effikaċi min-naħa tal-azzjonaisti, u tinkoraġġixxi rabta aqwa bejn il-paga u l-prestazzjoni, inkluż il-ħlasijiet għat-terminazzjoni ( ‘ il-paraxuts dehbija ’ ) ”.

L-ambitu tar-Rakkomandazzjoni l-ġdida se jkun l-istess bħal dak tar-Rakkomandazjonijiet eżistenti, jiġifieri sejra tapplika għad-diretturi tal-kumpaniji kwotati kollha.

Politika adegwata ta’ rimunerazzjoni tiżgura paga li tirrifletti l-prestazzjoni u lid-diretturi tistimulahom biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-kumpanija fiż-żmien mezzan u fit-tul. Filwaqt li r-Rakkkomandazzjoni eżistenti tal-2004 tibbaża fuq l-idea li l-paga tkun marbuta mal-prestazzjoni permezz tal-iżvelar tal-politika ta’ rimunerazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida sejra tagħti aktar gwida għall-ilħiq ta’ dan il-għan, abbażi tal-aħjar prattiki għat-tfassil ta’ politika adegwata ta’ rimunerazzjoni. Tiffoka fuq ċerti aspetti tal-istruttura tar-rimunerazzjoni tad-diretturi u l-governanza tar-rimunerazzjoni tad-diretturi, inkluża s-superviżjoni min-naħa tal-azzjonisti.

Dwar l-istruttura tal-politika ta’ rimunerazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida ddaħħal il-prinċipju tal-proporzjonalità ta’ rimunerazzjoni fi ħdan il-kumpanija, jiġifieri r-rimunerazzjoni tad-diretturi tintrabat ma’ dik tad-diretturi eżekuttivi l-oħra fil-bord u ma’ dik tal-impjegati (għolja) tal-kumpanija. Il-ħlasijiet għat-terminazzjoni (il-paraxuts dehbija) għandhom ikunu soġġetti għal limiti kwantifikati u ma għandhomx jitħallsu fil-każ ta’ riżultati negattivi. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-paga u l-prestazzjoni, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tesiġi li jkun hemm bilanċ bejn il-pagi fissi u dawk varjabbli, u l-għoti ta’ pagi varjabbli tagħmlu soġġett għal kriterji ta’ prestazzjoni li jkunu ffissati minn qabel u li jistgħu jitkejlu.

Biex tippromwovi s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tipprovdi għal bilanċ bejn il-kriterji ta’ prestazzjoni fit-tul u fil-qosor; għal differiment tar-rimunerazzjoni varjabbli tad-diretturi; għal perjodu minimu ta’ assenjazzjoni għall-opzjonijiet ta’ titoli u ishma; kif ukoll għaż-żamma ta’ parti minima mill-ishma sa tmiem l-impieg. Bħala l-aħħar miżura li tkun tista’ tittieħed, il-kumpaniji għandhom jitolbu lura l-komponenti varjabbli ta’ rimunerazzjoni li jkunu tħallsu abbażi ta’ dejta li sussegwentement dwarha tingħata prova li manifestament kienet iddikjarati ħażin.

Dwar il-governanza tal-politika ta’ rimunerazzjoni tad-diretturi, ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tinkludi prinċipji li jimmiraw li jtejbu l-monitoraġġ tal-politiki ta’ rimunerazzjoni min-naħa tal-azzjonisti. Huwa kruċjali li l-azzjonisti, speċjalment l-investituri istituzzjonali, jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom dwar ir-rimunerazzjoni tad-diretturi. Biex jittaffew il-kunflitti tal-interess, dawk li mhumiex eżekuttivi ma għandhomx jirċievu opzjonijiet ta' ishma bħala parti mir-rimunerazzjoni tagħhom.

Il-kumitati ta’ rimunerazzjoni għandhom rwol ewlieni f’politika responsabbli dwar il-pagi. Biex isaħħu r-rwol u t-trasparenza tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni, il-prinċipji l-ġodda jistqarru li tal-anqas membru wieħed tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni għandu jkollu biżżejjed għarfien espert fil-qasam tar-rimunerazzjoni. Barra minn hekk, il-prinċipji l-ġodda fihom obbligu li l-membri tal-kumitat ta’ rimunerazzjoni jkunu preżenti fil-laqgħa ġenerali fejn jiġi diskuss ir-rendikont tar-rimunerazzjoni, biex jagħtu spjega lill-azzjonisti. Fl-aħħar nett, biex jittaffu sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess tal-konsulenti tar-rimunerazzjoni, il-konsulenti tar-rimunerazzjoni li jagħtu pariri lill-kumitat ta’ rimunerazzjoni ma għandhomx fl-istess waqt jagħtu pariri lil organi oħra tal-kumpanija. Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tiċċara l-operat u l-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ rimunerazzjoni biex ittejjeb l-effiċjenza tagħhom, imma dan tagħmlu fi ħdan ir-rwol u l-funzjonijiet eżistenti kif imfissra fir-Rakkomandazzjoni tal-2005. Għaldaqstant jibqgħu bla mittiefsa l-bilanċ tal-poteri u r-relazzjonijiet mal-bordijiet (jew ma’ struttura ta’ bord superviżorju, fejn applikabbli). F’kumpanija kwotata, kwalunkwe bord magħmul biss minn membri mhux eżekuttivi u li jiddeċiedi dwar ir-rimunerazzjoni tal-membri eżekuttivi jista’ wkoll jitqies ekwivalenti għal kumitat tar-rimunerazzjoni.

Għandu jiġi nnutat li xejn fir-Rakomandazzjoni ma jaffettwa l-awtonomija tas-sħab soċjali fin-negozjati kollettivi.

III. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tressaq ukoll Rakkomandazzjoni ġdida dwar ir-rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi fiskali biex tindirizza l-inċentivi perversi u t-teħid ta’ riskji eċċessivi fl-azjendi attivi f’dan il-qasam. Ir-Rakkomandazzjoni tqiegħed lill-UE fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-impenji meħuda fis-Samit tal-G20 f’Londra tat-2 ta’ April 2009. Il-G20 qablu li “ japprovaw u jimplimentaw il-prinċipji stretti l-ġodda tal-Forum tal-Istabbiltà Finanzjarja (FSF) dwar il-pagi u l-kumpens u li jappoġġaw skemi sostenibbli ta’ kumpens u r-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-azjendi kollha ”. It-tieni Rakkomandazzjoni dwar ir-rimunerazzjoni fis-servizzi finanzjarji hija konsistenti mal-prinċpiji tal-FSF u tikkomplementahom.

F’dak li jirrgwarda l-ambitu, tkopri s-setturi kollha fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, irrispettivament mid-daqs tal-istituzzjoni finanzjarja jew jekk hijiex jew le kumpanija kwotata. Dan jevita kwalunkwe lakuna possibbli, u jipprevjeni tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn setturi u istituzzjonijiet finanzjarji differenti. Il-prinċipji japplikaw għall-kategoriji kollha tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni finanzjarja.

Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tinkludi prinċipji dwar l-istruttura tar-rimunerazzjoni, dwar il-proċess tat-tfassil u l-operat tal-politika ta’ rimunerazzjoni, dwar l-iżvelar tal-politika ta’ rimunerazzjoni lill-azzjonisti, kif ukoll dwar ir-reviżjoni superviżorja. Dan il-bilanċ bejn l-istruttura, il-governanza, l-iżvelar u s-superviżjoni għandu jkollu effett tajjeb fuq politiki sodi ta’ rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari biex jiżġura li dawn il-politiki jkunu kompatibbli mal-ġestjoni effikaċi tar-riskji u l-vijabbiltà fit-tul.

Politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi għandhom ikunu konsistenti mal-ġestjoni għaqlija u effikaċi tar-riskji, u għandhom jippromwovuha. Għal dan il-għan, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ilħqu bilanċ adegwat bejn il-komponenti fissi u dawk varjabbli tar-rimunerazzjoni.

Il-komponent fiss għandu jkun għoli biżżejjed biex jiżgura li l-persunal ma jserraħx esklussivament fuq il-ħlasijiet ta’ bonus. Il-komponent varjabbli għandu jkun marbut mal-prestazzjoni, u li l-parti l-kbira tiegħu għandu jkun differit biex jitqies il-perjodu ta’ riskju tal-prestazzjoni sottostanti. Il-pagamenti varjabbli għandhom ikunu soġġetti għal kriterji tal-kejl tal-prestazzjoni li għandhom jiffavorixxu l-aktar il-prestazzjoni fit-tul tal-istituzzjonijiet finanzjarji, u li l-prestazzjoni sottostanti jaġġustawha għar-riskju, il-kost tal-kapital u l-likwidità. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitolbu lura l-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni li jkunu tħallsu abbażi ta’ dejta li sussegwentement jingħata prova li manifestament kienet iddikjarata ħażin.

Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida ddaħħal ukoll prinċipji ġodda importanti dwar il-governanza tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tkun internament trasparenti, ċara u dokumentata sewwa, u għandu jkun fiha miżuri biex tevita l-kunflitti tal-interess. Dan jimplika wkoll li l-bord (superviżorju) għandu jkollu r-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-operat tal-politika ta’ rimunerazzjoni għall-istituzzjoni finanzjarja kollha kemm hi, bl-involviment adegwat tal-funzjonijiet ta’ kontroll intern u d-dipartimenti jew l-esperti tar-riżorsi umani, kif ukoll l-azzjonisti. Il-membri tal-bord u l-persunal ieħor involut fit-tfassil u l-operat tal-politiki ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu indipendenti. Biex ikun żgurat li l-politika ta’ rimunerazzjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, għandha tkun aġġornata matul iż-żmien biex tirrifletti t-tibdil fis-sitwazzjonijiet tal-istituzzjoni finanzjarja, u l-membri tal-persunal għandhom ikunu jafu bil-quddiem il-kriterji li sejrin jintużaw biex jiddeterminaw ir-rimunerazzjoni tagħhom, u għandu jkollhom aċċess għall-proċess tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom.

L-iżvelar tal-politiki ta’ rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji huwa kundizzjoni essenzjali għall-monitoraġġ effikaċi. Il-politika ta’ rimunerazzjoni għandha tiżvela adegwatament lill-persuni interessati, b’mod ċar u li faċilment jinftiehem.

Ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tistabbilixxi wkoll prinċipji ġodda dwar ir-reviżjoni tal-politiki ta’ rimunerazzjoni fl-istituzzjonijiet finanzjarji. Is-superviżuri għandhom jiżguraw, permezz tal-għodod superviżorji li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, li l-istituzzjonijiet finanzjarji japplikaw kemm jista’ jkun il-prinċipji ta’ politiki sodi ta’ rimunerazzjoni, u li jkollhom politiki konsistenti mal-ġestjoni effikaċi tar-riskju.

Biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-proporzjonalità, is-superviżuri għandhom iqisu n-natura u l-iskala tal-istituzzjoni finanzjarja flinkien mal-kumplessità tal-attivitajiet tagħha biex jivvalutaw kemm tkun qed iżżomm mal-prinċipji dwar politiki sodi ta’ rimunerazzjoni.

Tabilħaqq, xi wħud mill-prinċipji ġenerali dwar politiki sodi ta’ rimunerazzjoni għandhom mnejn ikunu ta’ rilevanza akbar għal ċerti kategoriji ta' istituzzjonijiet finanzjarji milli għal kategoriji oħrajn. Għaldaqstant, biex nevitaw l-ispejjeż bla ħtieġa u niżguraw il-proporzjonalità, huwa previst li l-Istati Membri, meta jimplimentaw il-prinċipji ġenerali, jistgħu jadattawhom u jikkomplementawhom skont is-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji konċernati.

IV. Il-passi li jmiss

Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet jirrappreżentaw l-ewwel stadju f’sensiela ta’ proposti biex l-inċentivi ta’ paga jerġgħu jkunu allinjati mal-prestazzjoni sostenibbli fit-tul tal-kumpaniji. Fit-tieni fażi, il-Kummissjoni sejra tressaq proposti leġiżlattivi biex lis-superviżuri nazzjonali tagħtihom is-setgħa li jġiegħlu lill-istituzzjonijiet nazzjonali jimplimentaw politiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti mal-ġestjoni effikaċi tar-riskju.

F’Ġunju l-Kummissjoni sejra tindirizza l-politika ta’ rimunerazzjoni fil-banek u fl-azjendi ta’ investiment (fejn seħħ l-aktar falliment ċar tas-suq, abbażi tal-evidenza disponibbi sal-lum), permezz tal-pakkett ta’ emendi tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital. It-tibdiliet leġiżlattivi li se jkunu proposti l-politiki ta’ rimunerazzjoni u r-rabta tagħhom mal-ġestjoni tar-riskju sejrin iġibuhom taħt il-monitoraġġ prudenzjali tal-proċess superviżorju ta’ reviżjoni skont dik id-Direttiva. L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-azjendi tal-investiment sejrin ikollhom l-obbligu legali li jkollhom politiki ta’ rimunerazzjoni konsistenti mal-ġestjoni effikaċi tar-riskju, u s-superviżuri se jkunu jistgħu jieħdu passi biex jindirizzaw nuqqasijiet f’dan ir-rigward min-naħa ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u azjendi tal-investimenti.

Il-prinċipji mfissra fir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur finanzjarju sejrin ikunu ta’ rilevanza kbira għall-qadi ta’ dan l-obbligu. Sejrin jipprovdu aktar gwida dwar kif ikun jista’ jinqeda l-obbligu vinkolanti, flimkien ma’ qafas għar-regolaturi huma u jivvalutaw l-istrutturi ta’ rimunerazzjoni tal-azjendi matul ir-reviżjoni superviżorja tal-‘Kolonna 2’.

L-emendi li ġejjin tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital sejrin jikkomplentaw ir-Rakkomandazzjoni, u mhux jieħdu postha. Ir-Rakkomandazzjonijiet għandhom valur miżjud ċar, sew f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ sinjal ċar lis-swieq dwar l-aħjar prattiki li l-Kummissjoni tqis li huma f'lokhom, fl-istennija tal-adozzjoni ta’ strumenti leġiżlattivi, imma wkoll minħabba li approċċ leġiżlattiv se jeħtieġlu jiffoka fuq il-prinċipji, u mhux se jkun adegwat biex jesponi l-aħjar prattiki fil-livell ta’ dettall li huwa possibbli fir-Rakkomandazzjonijiet.

Jista’ jagħti l-każ li jkollhom jitqiesu inizjattivi leġiżlattivi simili f’setturi finanzjarji oħra (bħalma hija l-assigurazzjoni). Sadanittant, ir-Rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki ta' rimunerazzjoni fis-servizzi finanzjarji sejra tagħti gwida dwar il-prinċipji li għandhom ikunu applikati f’dawn is-setturi wkoll, flimkien ma’ punt għad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-superviżuri rilevanti f’dawn is-setturi wkoll.

Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-2007 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet preċedenti wrew il-punti ta’ qawwa, imma kixfu wkoll xi dgħufijiet. Il-Kummissjoni biħsiebha żżid il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex ittejjeb l-applikazzjoni effikaċi taż-żewġ Rakkomandazzjonijiet. Wara sena, il-Kummissjoni sejra teżamina ż-żewġ Rakkomandazzjonijiet fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-eżitu tal-monitoraġġ imsemmi hawn fuq, u tressaq rapport ta’ evalwazzjoni dwar kif l-Istati Membri jkunu applikaw iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat ukoll li r-Rakkomandazzjonijiet huma bla ħsara għal miżuri nazzjonali speċifiċi dwar ir-rimunerazzjoni fil-kuntest ta’ pakketti nazzjonali biex isalvaw is-settur finanzjajru. Il-Kummissjoni laqgħet miżuri nazzjonali ta’ dan it-tip fil-kuntest tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għajnuniet mill-Istat. Iżda dawn il-miżuri huma eċċezzjonali, u jservu ta’ tpattija għall-effetti ta’ tagħwiġ tal-interventi statali. Ma jistgħux jieħdu post linji gwida ġenerali li għandhom japplikawhom l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha f’kundizzjonijiet normali tas-suq, kif ukoll f’dawk eċċezzjonali.

[1] COM(2009)114 finali tal-4 ta’ Marzu 2009.

Top