Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0191

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programm Edicom II (2001-2005) {SEC(2009) 527 final}

/* KUMM/2009/0191 finali */

52009DC0191

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-programm Edicom II (2001-2005) {SEC(2009) 527 final} /* KUMM/2009/0191 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.4.2009

KUMM(2009) 191 finali

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-programm EDICOM II (2001-2005) {SEC(2009) 527 final}

(preżentata mill-Kummissjoni)

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-programm EDICOM II(2001-20 05)

WERREJ

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-programm EDICOM II (2001-2005) 1

1. Introduzzjoni 3

2. Evalwazzjoni skont il-kriterji 4

2.1. Rilevanza 4

2.2. L-Effikaċja 4

2.3. L-effiċjenza 7

2.4. Utilità 8

2.5. Sostenibilità 9

3. Rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni 9

4. Rakkomandazzjonijiet ta' Tmexxija 10

5. Rabtiet ma' programmi oħra tal-Komunità 11

6. Konklużjonijiet 11

1. INTRODUZZJONI

Bil-ħolqien tas-Suq Uniku fl-1993 il-formalitajiet ta' dwana bejn l-UE u l-Istati Membri tneħħew u ġiet implimentata s-sistema Intrastat biex il-moviment kummerċjali fil-prodotti bejn l-Istati Membri jibqa' jiġi sorveljat. Din is-sistema ġdida ħadet post l-użu tad-dejta doganali bil-ġbir ta' tagħrif direttament mill-impriżi permezz ta' stħarriġ kull xahar. L-istatistika kummerċjali ta' bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ssoktat tkun ibbażata l-ewwel nett fuq tagħrif doganali.

Biex jaġevola dan it-tibdil, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Nru 96/715/KE tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar netwerks telematiċi bejn amministrazzjoni u oħra għal statistika marbuta mal-kummerċ ta' prodotti bejn l-Istati Membri (programm Edicom I[1]). Il-programm Edicom I ffaċilita t-taqliba lejn sistema interoperabbli fil-livell Ewropew għall-ġbir, produzzjoni u tixrid ta' statistika dwar il-kummerċ fil-prodotti.

Fi tmiem il-programm Edicom I, il-Komunità kellha quddiemha talba dejjem tiżdied għal tagħrif makroekonomiku bilġri, affidabbli u preċiż. L-Eurostat, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministrazzjonijiet nazzjonali abbuzzat dokument strateġiku biex issaħħaħ u tħejji s-sistema attwali għall-medda t-twila.

Dan id-dokument strateġiku kien approvat mill-Kumitat dwar il-Programm Statistiku u l-Kumitat dwar l-Istatistika marbuta mal-Kummerċ fi Prodotti bejn l-Istati Membri.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ex-ante mħejjija mill-Kummissjoni, adottaw id-Deċiżjoni Nru 507/2001/KE tat-12 ta' Marzu 2001 li tikkonċerna sett ta' azzjonijiet dwar in-netwerk trans-Ewropew għall-ġbir, il-produzzjoni u t-tixrid ta' statistika dwar il-kummerċ ta' prodotti fi ħdan il-Komunità u bejn il-Komunità u pajjiżi mhux membri (programm Edicom II[2]).

L- għanijiet ġenerali ta' dan il-programm kienu:

- Li tiġi mħeġġa l-organizzazzjoni tan-netwerk statistiku fl-aktar mod modern, razzjonali u effettiv possibbli; u jiġi adottati miżuri meħtieġa għat-titjib u l-armonizzazzjoni tal-metodi użati;

- Li jitkompla l-iżvilupp fl-għodda attwali tal-kompjuter għall-ġbir, produzzjoni, trasmissjoni u tixrid ta' dejta statistika, wara li jkunu tqiesu l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u bit-tfittxija tal-ottimizzazzjoni tal-effikaċja fl-infiq.

Biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali, ġew identifikati sitt għanijiet operattivi, maqsuma fi 13-il azzjoni.

Dan ir-rapport inkiteb biex jipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-programm Edicom II, skont l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni Nru 507/2001/KE. Il-valutazzjoni ssejset fuq il-kriterji standard: ir-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-utilità u s-sostenibilità.

2. EVALWAZZJONI SKONT IL-KRITERJI

2.1. Rilevanza

Id-deċiżjoni li jitnieda t-tieni programm Edicom kienet pertinenti ħafna billi l-programm kellu fil-mira ħtiġijiet u problemi konkreti. B'mod partikolari:

- L-azzjonijiet implimentati matul il-fażi Edicom I tejbu b'mod konsiderevoli l-kwalità tal-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja; iżda ġew identifikati aktar oqsma li jistgħu jittejbu flimkien mat-talba li dejjem tiżdied għal tagħrif kummerċjali makro-ekonomiku.

- Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) esprima l-ħtieġa għal statistika kummerċjali esterna li tkun f'waqtha, affidabbli u preċiża bħala l-element ewlieni li jrid jiġi inkluż fi Pjan ta' Azzjoni għal ħtiġijiet statistiċi.

- Is-simplifikazzjoni tal-Intrastat kienet meħtieġa biex jonqos il-piż fuq l-impriżi u l-amministrazzjonijiet mingħajr ma tiġi mhedda l-kwalità tal-istatistika kummerċjali esterna.

- Il-modernizzazzjoni tan-netwerk trans-Ewropew għall-ġbir, ipproċessar u tixrid tal-istatistika kummerċjali ma tista' qatt tinkiseb b'mod suffiċjenti u b'infiq effettiv mill-Istati Membri jekk jaġixxu waħedhom; għalhekk kien meħtieġ programm tal-Komunità biex jiġu armonizzati soluzzjonijiet u jinkisbu ekonomiji ta' skala.

Il-programm Edicom II kien għalhekk maħsub biex jilħaq medda wiesgħa ta' benefiċjarji: amministrazzjonijiet u impriżi, kif ukoll utenti istituzzjonali u privati ta' statistika kummerċjali esterna.

Meqjusa d-diffikultajiet fl-abbuzzar tal-linjigwida strateġiċi ħames snin qabel iż-żmien, wieħed jista' jgħid li dak li jinsab fil-programm ġie maħsub b'viżjoni strateġika. Il-ħiliet ammistrattivi u l-kapaċità teknika tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fit-tħaddim u l-iżvilupp tal-kontenut tal-programm tqiesu wkoll.

2.2. L-Effikaċja

Edicom II ġab riżultati sinifikanti bi qbil mal-valutazzjoni ex-ante . Instabu diffikultajiet fit-twaqqif ta' pjattaforma tal-UE komuni għall-produzzjoni ta' statistika kummerċjali esterna, minħabba differenzi sinifikanti fis-sistemi teknoloġiċi u amministrattivi f'kull wieħed mill-Istati Membri.

Il-kisbiet ewlenin skont l-għanijiet ġenerali tad-Deċiżjoni EDICOM jidhru hawn taħt. Għal preżentazzjoni aktar fid-dettall tar-riżultati jekk jogħġbok irreferi għad-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni "Rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-programm Edicom II".

Għan 1 " L-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew li jipproduċi tagħrif statistiku ta' kwalità aħjar, li jiswa inqas u li permezz tiegħu d-dejta tkun disponibbli aktar malajr, biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-istrateġiji politiċi tal-Komunità ".

It-titjib fid-disponibilità u l-kwalità tad-dejta kien l-għan ewlieni għal dak li huwa l-għadd ta' proġetti mwettqa matul il-programm EDICOM II.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri wettqu studji komparattivi u b'suċċess fasslu u implimentaw teknika avvanzata ta' stima. Fi tmiem il-programm l-Istati Membri kollha kienu f'qagħda li jlaħħqu sal-iskadenza ta' 40 jum għat-trasmissjoni ta' dejta miġbura kull xahar lill-Eurostat. Iżda, f'xi każijiet, id-differenzi bejn ċifri preliminari u dawk finali jibqgħu sinifikanti sewwa, u dan jenfasizza li għandu jsir aktar xogħol f'dan il-qasam.

F'livell ċentralizzat, l-Eurostat żviluppa metodi u programmi IT għall-valutazzjoni tal-aggregati intra-UE u barra l-UE għal Stati Membri li ma jkunux konformi mal-iskadenza għat-trasmissjoni.

Il-forniment ta' dejta fid-dettall lill-Eurostat tjib ukoll għal dik li hija puntwalità u preċiżjoni. Fl-2005, l-Istati Membri ttrasmettew id-dejta Intrastat u Extrastat tagħhom rispettivament b'medja ta' tmint ijiem u tlett ijiem minn qabel. Ġew żviluppati kontrolli ġodda ta' validità u ta' kredibilità u sar titjib fil-metodoloġija tal-valutazzjoni ta' kummerċ taħt il-limitu u dak ta' mingħajr reazzjoni (non-response), b'hekk tjiebet il-kwalità ġenerali tal-istatistika kummerċjali esterna. Barra minn hekk, dawn il-kontrolli għenu lill-Eurostat biex jipproduċi rapporti ta' kwalità dwar id-dejta kummerċjali fid-dettall tal-Istati Membri.

L-asimetriji fil-kummerċ Intra-UE fil-livell ta' aggregati naqsu, iżda, fil-livell tad-dettall għad hemm diskrepanzi sinifikanti. Issa qed isir tqabbil sistematiku tad-dejta Intrastat mat-Taxxa ta' Valur Miżjud (VAT) u s-Sistema ta' Skambju ta' Tagħrif dwar il-VAT (VIES).

Għan 2 "L-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew li jipproduċi tagħrif statistiku li huwa rilevanti u xieraq għall-bżonnijiet il-ġodda tal-utenti fil-qafas tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u t-tibdil tal-ambjent ekonomiku internazzjonali".

Indikaturi ġodda għall-medda qasira ta' żmien u prodotti statistiċi ġew iġġenerati bħala tweġiba għall-ħtiġijiet tal-utenti. L-amministrazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dejta fil-livell nazzjonali u Ewropew issaħħet.

L-Eurostat żviluppa u implimenta b'suċċess applikazzjoni ġdida għall-produzzjoni tal-indiċijiet dwar il-valur tal-unitajiet u l-volum. L-Istati Membri kkonċentraw l-aktar fuq l-indiċijiet tal-prezz ta' importazzjoni taż-żona mhux tal-euro biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-BĊE.

Inħolqu metodi ġodda u għodda għall-produzzjoni u l-pubblikazzjoni ta' dejta aġġustata staġunalment fuq bażi ta' kull xahar għall-Komunità (l-UE u ż-Żona tal-Euro) u l-Istati Membri

Saru analiżijiet fuq perjodu ta' żmien u aġġustamenti ta' valur statistiku minn xi Stati Membri biss. Il-ħidma li tiġi evalwata l-aqwa prassi fl-Istati Membri biex jintlaħaq bilanċ kummerċjali koerenti mal-bilanċ ta' pagamenti u l-kontabilità nazzjonali għadha sa issa mhux kompluta.

Inħoloq qafas metodoloġiku għall-ġbir u l-preżentazzjoni ta' Statistika dwar Kummerċ Barrani u Negozju Strutturali b'mod konġunt f'livell Ewropew. Ir-riżultati ta' studji bi prova mwettqa minn bosta Stati Membri ġew ippubblikati biex b'hekk setgħet issir analiżi tal-kummerċ barrani skont il-karatteristiċi tal-impriża.

Riżultati ta' tqawwih il-qalb għal aktar żvilupp tal-istatistika tal-UE nkisbu minn xi Stati Membri fil-qasam tal-istatistika kummerċjali ta' bejn id-ditti.

Għan 3 " L-inkorporazzjoni ta' statistika dwar il-kummerċ ta' prodotti b'mod aktar effettiv fis-sistema statistika ġenerali fil-livell tal-Komunità u dak internazzjonali u l-adattament għall-bidliet fl-ambjent amministrattiv".

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri temmew proġetti bl-għan li jtejbu d-disponibilità u l-kwalità tar-reġistri tagħhom dwar l-operaturi kummerċjali. Madwar nofs l-Istati Membri ma għandhomx reġistru Extrastat, billi dan mhux obbligatorju.

Il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji tal-Istatistika u l-Amministrazzjonijiet Doganali ssaħħet f'bosta Stati Membri. Korrezzjonijiet interattivi ta' stqarrijiet Extrastat ġew imwaqqfa u ġiet investigata l-possibbiltà ta' ġbir ta' tagħrif addizzjonali minn dokumenti doganali bi prezz baxx.

Saru stqarrijiet biex jiġu evalwati l-ħtiġijiet tal-utenti u l-piż tas-sistema Intrastat fuq il-Fornituri ta' Tagħrif Statistiku (PSIs). L-istudji dwar simplifikazzjoni possibbli tas-sistema kkonċentraw fuq l-adozzjoni ta' Sistema bi Fluss Wieħed, limiti ta' simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-livell tad-dettall tal-prodott. Saru seminars dwar l-applikazzjonijiet e-tagħlim għall-PSIs biex titjib il-kwalità u l-kompletezza tal-istqarrijiet Intrastat.

Għan 4 "It-titjib tas-servizzi offruti lill-amministrazzjonijiet, fornituri u utenti tat-tagħrif, bil-forniment tal-istatistika kollha disponibbli u l-metadejta marbuta mal-kummerċ tal-prodotti. "

Ġew żviluppati riżorsi biex tinħoloq sistema ta' tagħrif mibnija tajjeb u eżawrjenti fl-Eurostat u l-Istati Membri.

Fuq il-bażi tal-proċeduri ġodda awtomatizzati, il-pubblikazzjoni ta' dejta makroekonomika u aġġustata minn staġun għal staġun tressqet 'il quddiem b'ħamest ijiem, biex jintlaħqu t-talbiet tal-utenti, speċjalment l-BĊE. It-tixrid ta' dejta fid-dettall kien l-għan ta' aktar żviluppi. Is-sistema tad-database Eurostat Comext ġiet aġġornata għal dak li huwa kontenut u teknoloġija. Sistema ġdida ta' tixrid (Easy Comext) ġiet żviluppata biex il-pubbliku ġenerali jkun jista' jara u jniżżel dejta kummerċjali fid-dettall mill-Istati Membri.

Għodda speċjali għal aċċess bilġri u ħafif għall-klassifiki, noti ta' spjegazzjoni, metadejta u prodotti oħra marbuta magħhom ġew żviluppati f'livell ċentralizzat u pprovduti lill-Istati Membri. Ingħataw korsijiet ta' taħriġ ta' kull xahar tal-Comext lill-impjegati taċ-ċivil mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri.

Għan 5: "L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' għodda biex jinġabar tagħrif dwar il-kummerċ tal-prodotti, billi jitqiesu l-aħħar żviluppi teknoloġiċi biex jittejbu l-funzjonijiet disponibbli għal min jipprovdi tagħrif statistiku."

Eurostat u l-Istati Membri rnexxielhom jiżviluppaw u jimplimentaw għodda ġdida u formati ta' trażmissjoni standardizzati għall-ġbir ta' dejta. Ingħatat aktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' sistemi bbażati fuq il-web u dan intlaqa' tajjeb mill-operaturi Ewropej. Dan wassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż u għal titjib fil-kwalità tad-dejta u l-puntwalità tagħha. Madwar 100 000 PSIs bagħtu stqarrijiet Intrastat fuq bażi ta' kull xahar permezz tal-web, b'hekk naqas l-użu tal-istqarrijiet bil-karti bi 30 %.

Il-pakkett IDEP/CN8 offlajn għall-ġbir ta' dejta tal-Intrastat inżamm fil-livell ċentralizzat sal-2004; minn dak iż-żmien 'il quddiem xi Stati Membri komplew bl-aġġornament tiegħu filwaqt li oħrajn żviluppaw sistemi alternattivi.

Għan 6: "L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet EDICOM fil-qafas ta' proġett integrat. L-iżgurar tal-interoperabilità tal-bosta strumenti żviluppati bl-użu ta' regoli u standards komuni. Il-bosta moduli tas-sistema għandhom ikunu jistgħu jitqiegħdu f'netwerks sabiex il-bosta partijiet interessati jkunu jistgħu jużaw parti minnhom jew kollha."

Tnedew miżuri speċifiċi biex jiġu modernizzati bosta elementi tan-netwerk trans-Ewropew fi ħdan il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Ġew żviluppati bosta strumenti interkonnessi, fi ħdan il-qafas tal-proġett XT/NET u tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

Il-proġett XT/NET kien maħsub bħala bidu għall-iżvilupp ta' sistema ta' tagħrif waħda u integrata kompletament. Fuq bażi ta' sett stabbilit ta' regoli komuni, is-sistema tippermetti t-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ivvalidar ta' dejta mill-Eurostat għall-Istati Membri.

2.3. L-effiċjenza

Il-modalitajiet li bihom il-programm Edicom ġie implimentat kienu f'konformità ma' dawk stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 507/2001/KE. Il-Kummissjoni kellha r-responsabbiltà li tamministra l-programm, bl-għajnuna tal-Kumitati Intrastat u Extrastat.

L-unitajiet tal-istatistika dwar il-kummerċ barrani tal-Eurostat kienu responsabbli għall-programm, għajr għall-azzjonijiet marbuta ma' żviluppi ċentralizzati fl-IT. Dawn ġew assenjati lill-unità responsabbli mis-"sistemi IT għall-produzzjoni statistika".

L-infiq totali għall-implimentazzjoni tal-programm Edicom tela' għal EUR 31.2 miljun, jew 61 % tal-baġit. It-tmexxija bla ntoppi tal-programm kienet affettwata f'parti minnha mill-kriżi fl-Eurostat, li wasslet biex l-attivitajiet ċentralizzati jonqsu matul l-2003 u l-2004. Mit-tkabbir tal-UE lilhawn f'Mejju 2004, Stati Membri ġodda saru benefiċjarji, mingħajr modifiki għall-baġit inizjali.

B'kollox twettqu 393 proġett ċentralizzat u deċentralizzat minn kumpaniji privati (f'isem l-Eurostat) u mill-Istati Membri. Barra minn hekk, 19-il proġett ġew abbandunati, l-aktar mill-Istati Membri, minħabba n-nuqqas ta' riżorsi umani u/jew il-komplessità estrema tal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

L-Istati Membri temmew 72 % tal-għadd totali ta' proġetti. Iżda, ir-riżorsi finanzjarji ntefqu kważi l-istess bejn proġetti deċentralizzati u dawk ċentralizzati. L-għotjiet koprew madwar 90 % tal-ispiża kollha tal-proġetti deċentralizzati, filwaqt li l-proġetti ċentralizzati ngħataw lill-kumpaniji privati permezz ta' sejħiet.

B'referenza għall-kontenut, il-programm ikkonċentra l-aktar fuq żewġ assi ta' intervent: It-titjib tal-kwalità (għan 1) u l-iżvilupp ta' għodda ta' ġbir ta' tagħrif (għan 5). Dawn iż-żewġ għanijiet wasslu għat-tkomplija sat-tmiem ta' 124 u 84 proġett rispettivament, li jirrappreżentaw 21 % u 25 % tal-infiq totali.

Is-sehem ta' nfiq għal kull għan huwa koerenti mal-istimi magħmula fl-Anness II tad-Deċiżjoni Edicom, għajr għall-għan 3 u 5. Għajnuna teknika u amministrattiva u miżuri ta' appoġġ irrappreżentaw 5 % tal-baġit totali tal-infiq.

Il-proġetti Edicom ġew evalwati fuq il-bażi ta' rapporti intermedji u finali mibgħuta lill-Kummissjoni. B'medja ta' 160 rapport kull sena, l-amministraturi tal-proġetti tal-Eurostat issorveljaw mill-qrib l-attivitajiet kollha, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet mingħajr il-possibbiltà ta' stima tax-xogħol li sar mill-Istati Membri fuq il-post. Il-progress f'kuntratti ċentralizzati ġew evalwati permezz ta' laqgħat ta' kull xahar mal-kuntratturi.

Ir-rapporti tal-proġetti ddaħħlu fis-sistema pubblika CIRCA tal-Kummissjoni u saru disponibbli onlajn għall-utenti reġistrati. Permezz ta' dan l-amministrazzjonijiet nazzjonali setgħu jiflu s-sejbiet u s-soluzzjonijiet adottati mill-oħrajn u jużaw dan it-tagħrif bħala bażi għall-istudji tagħhom stess. Il-qsim tal-għarfien inkiseb permezz ta' żjarat ta' studju u seminars dwar suġġetti magħżula.

Dan il-programm għen b'mod konsiderevoli fit-titjib tan-netwerk trans-Ewropew għall-ġbir, produzzjoni u tixrid ta' statistika dwar il-kummerċ fil-prodotti. F'ċerti oqsma, l-Istati Membri sabu diffikultajiet biex ibiddlu s-sistemi nazzjonali tagħhom, u dan kien ta' xkiel biex l-opportunitajiet ipprovduti minn dan il-programm jintużaw bis-sħiħ.

Ir-riżultati ġenerali tal-programm Edicom inkisbu bi spiża raġonevoli. Bil-kontra ta' dak li wieħed jistenna minħabba l-grad ta' speċjalizzazzjoni, il-kuntratturi li jaħdmu fil-qasam tal-istatistika dwar il-kummerċ talbu ħlas konsiderevolment aktar baxx minn dawk ta' oqsma aktar ġenerali ta' kompetenza (pereżempju taxxi, finanzi, riżorsi umani...). Ħafna mill-proġetti twettqu mill-impjegati taċ-ċivil fl-Istati Membri b'rati lokali (u għalhekk irħas), milli bir-rati internazzjonali għall-persunal.

2.4. Utilità

Il-programm Edicom kien strument indispensabbli għat-titjib fil-puntwalità, il-preċiżjoni, id-disponibilità u l-armonizzazzjoni ta' statistika dwar kummerċ barrani prodotta mill-Istati Membri.

Inħolqu l-ewwel elementi ta' netwerk ta' tagħrif trans-Ewropew inter-relatat hekk kif l-Istati Membri ġew imħeġġa jadottaw regoli u standards komuni. Il-progress f'dan il-qasam iwassal għal ħażna ta' dejta nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri biss u tiġi evitata d-duplikazzjoni preżenti fil-livell Ewropew.

Fi ftit każijiet, l-implimentazzjoni ta' metodi standard fl-Istati Membri kollha ma setgħetx tinkiseb, speċjalment meta kien hemm differenzi sinifikanti fl-ambjenti teknoloġiċi u amministrattivi.

Il-programm kiseb riżultati li kien ikun impossibbli għall-Istati Membri waħedhom li jiksbu. L-Istati Membri waħedhom jaħsbuha darbtejn biex jinvestu ammonti kbar ta' flus f'teknoloġiji tal-ġejjieni jew biex jibdlu s-sistemi nazzjonali tagħhom.

2.5. Sostenibilità

Il-progress ġenerali miksub mill-programm Edicom għandu jipprovdi benefiċċju fit-tul. Diġà jidhru xi riżultati tanġibbli fuq perjodu ta' żmien qasir u l-impatt pożittiv x'aktarx li jissokta fil-medda l-medja sal-medda t-twila.

Inkisbu bosta tipi ta' riżultati, skont il-kriterju ta' sostenibilità. L-ewwel grupp ta' azzjonijiet magħmula minn studji bi prova, stimi tal-kwalità, valutazzjoni tal-ħtiġijiet u s-sodisfazzjon, ġabu riżultati fuq il-medda qasira ta' żmien billi kienu ta' servizz għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Ir-riċerka fil-metodi tal-istatistika u l-iżvilupp ta' għodda ġdida tal-istatistika pproduċew soluzzjonijiet, li ġew implimentati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, u b'hekk inkisbu benefiċċji fit-tul mingħajr il-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali. L-iżvilupp ta' ġbir ta' dejta elettronika u għodda ta' tixrid kif ukoll messaġġi ta' standardizzazzjoni jistgħu jeħtieġu aktar appoġġ finanzjarju fil-medda l-medja biex jintlaħqu standards simili u livell ta' użu fl-Istati Membri kollha.

Il-proġett ta' strateġija għolja XT NET għall-ksib ta' netwerk Ewropew integrat bis-sħiħ għandu jkun l-oġġett ta' programm speċifiku biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

Bħala rimarka ġenerali, tajjeb li wieħed jinnota li l-istatistika ssir f'ambjent li jevolvi u għalhekk hemm il-ħtieġa li tiġi ssorveljata bla waqfien u mill-qrib is-sistema, speċjalment għal dik li hija kopertura u kwalità ta' dejta. Tibdil fl-ekonomija, ħtiġijiet ġodda tal-utenti u l-evoluzzjoni ta' teknoloġiji jeħtieġu adattament regolari tas-sistema fil-medda l-medja sat-twila.

3. RAKKOMANDAZZJONIJIET GħALL-ġEJJIENI

Inkisbu riżultati sinifikanti fil-qasam tal-Edicom II iżda t-titjib tas-sistema tal-istatistika għandu jkun proċess li ma jaqta' qatt. Il-punti li ġejjin għandhom ikunu ta' appoġġ għal kull programm fil-ġejjieni:

- L-Istati Membri ma ħadux sehem fl-azzjonijiet kollha tal-Edicom minħabba nuqqas ta' persunal;

- Jista' jinkiseb aktar titjib fis-sistemi u l-metodoloġija;

- L-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu fuq proġetti simili biex itejbu l-kwalità tad-dejta tagħhom u biex jintegraw aħjar fis-Sistema tal-Istatistika Ewropea.

- Għandu jkun hemm azzjonijiet maħsuba biex tinkiseb awtomatizzazzjoni akbar ta' għodda għall-ġbir ta' dejta;

- Inħoloq il-qafas għal netwerk Ewropew integrat bis-sħiħ għall-produzzjoni ta' statistika dwar kummerċ barrani iżda għadu mhux operattiv għal kollox.

L-oqsma ewlenin għal intervent fil-ġejjieni jistgħu jkunu:

- Tkomplija tax-xogħol dwar teknika ta' stima u metodi ta' tbassir f'qasir żmien, il-ġestjoni tal-konfidenzjalità, il-valur tal-istatistika, reġistri kummerċjali, kummerċ bejn id-ditti u l-globalizzazzjoni.

- Miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Eurostat għall-ġbir u t-trażmissjoni ta' tagħrif bażiku għandhom jiġu implimentati permezz ta' netwerk imħares tajjeb.

- Studji dwar l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-ġejjieni.

- Aktar armonizzazzjoni tas-sistemi ta' ġbir fil-livell tal-UE u l-adattament ta' għodda biex tinkiseb sistema tal-istatistika kompletament integrata u armonizzata.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' TMEXXIJA

L-esperjenza miksuba mill-programm Edicom II uriet li programmi fuq medda twila ta' żmien jistgħu jaħdmu bla ntopp biss jekk issir stima sewwa tar-riżorsi finanzjarji u dawn ikunu disponibbli fil-waqt. L-adozzjoni wara waqtha tad-deċiżjoni ta' finanzjar tal-Kummissjoni fl-2003 u l-posponiment ta' ċerti azzjonijiet Edicom 2003 wara struzzjonijiet tal-Kummissjoni enfasizzaw kemm il-programm huwa dipendenti fuq avvenimenti jew deċiżjonijiet barranin.

Għalkemm il-programm kien ippjanat għal ħames snin, dam iktar minħabba ż-żmien għall-ippjanar strateġiku, it-twettiq tal-azzjonijiet u l-għeluq amministrattiv tal-proġetti.

Matul il-programm kellu jiġi ġestit ammont kbir ta' tagħrif. Il-fluss ta' tagħrif wassal biex jiġu ttrattati ħafna dokumenti uffiċjali, rapporti u komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, il-proċeduri finanzjarji biex jiġu assenjati l-għotjiet lill-Istati Membri u jingħataw kuntratti lill-kumpaniji kienu ta' piż.

It-tibdil ta' kwantità kbira ta' persunal tal-Kummissjoni affettwa t-tmexxija tal-programm, speċjalment meta t-trasferiment tal-għarfien espert u r-responsabbiltajiet ma kienx organizzat biżżejjed. Dan kellu impatt fuq l-evalwaturi li għaddew minn diffikultajiet biex jiġbru tagħrif parzjali biss, u f'ċerti każi t-tagħrif ma kienx aċċessibbli.

Biex dawn il-problemi ma jerġgħux iseħħu fil-ġejjieni, il-Kummissjoni għandha tadotta sistema kompluta ta' tmexija ta' proġetti li tkun aċċessibbli għal xi uħud magħżula bi gradi differenti ta' kompetenza.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-amministratturi tal-Eurostat u l-persunal fl-amministrazzjonijiet nazzjonali ħadmu fuq proġetti Edicom barra mix-xogħol tagħhom ta' kuljum. L-Istati Membri kienu ta' spiss ikkonfrontati b'nuqqas ta' riżorsi umani biex iwettqu aktar proġetti Edicom. F'xi Stati Membri r-regoli interni ma ppermettewx l-impjieg ta' persunal għal żmien qasir.

L-utilità tal-għajnuna teknika u amministrattiva ma għandix tkun sottovalutata u għandha takkumpanja l-programmi fuq medda twila ta' żmien sakemm jintemmu. L-istess japplika għall-attivitajiet ta' evalwazzjoni, billi jkun estremament diffiċli li jiġu evalwati r-riżultati jekk l-indikaturi tar-rendiment ma jkunux inġabru u ġew issorveljati b'mod regolari. L-evalwazzjoni ex-post għandha tibda biss meta t-tagħrif kollu tekniku u amministrattiv ikun disponibbli, jiġifieri tliet snin wara l-approvazzjoni tal-aħħar programm annwali ta' ħidma.

5. RABTIET MA' PROGRAMMI OħRA TAL-KOMUNITÀ

Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Edicom, l-evalwazzjoni għandha tivverifika s-sinerġija ma' attivitajiet oħra tal-Komunità. Kien hemm b'mod ċar inter-relazzjonijiet mal-proġett DSIS (Distributed Statistical Information Services - Servizzi Deċentralizzati ta' Tagħrif Statistiku) u l-proġett eDAMIS (electronic Dataflow Management and Information System - Sistema Elettronika ta' Tagħrif u Tmexxija tal-Fluss ta' Dejta) tal-"Programm IDA" (Programme for the electronic data interchange between administrations - Programm għall-iskambju ta' dejta elettronika bejn l-amministrazzjonijiet).

L-Eurostat u l-Istati Membri użaw komponenti żviluppati fi ħdan il-proġetti IDA għat-titjib tat-trażmissjoni tad-dejta, l-amministrazzjoni u l-ħażna ta' statistika kummerċjali barranija. L-adozzjoni ta' protokolli standardizzati ġodda ffaċilitat il-qsim u t-tixrid ta' dejta strutturata bejn sistemi differenti ta' tagħrif u l-utenti. Barra minn hekk, is-servizz ġeneriku CIRCA tal-IDA ntuża bħala pjattaforma komuni għall-ħażna u l-qsim bejn l-Eurostat u l-Istati Membri ta' rapporti u għodda ġġenerata bl-istudji EDICOM.

Ir-riżultati tal-Edicom II jistgħu jitqiesu konformi mal-għanijiet tat-tema tal-"eGvern" promossa mill-"programm eTEN", li għen fl-iskjerament u l-użu tal-e-servizzi trans-Ewropew. Eżempji ta' dan huma l-iżvilupp ta' formuli Intrastat fuq il-web u t-tixrid mingħajr ħlas fuq il-web ta' dejta ta' statistika kummerċjali permezz ta' websajts nazzjonali u d-database Easy Comext tal-Eurostat.

6. KONKLUżJONIJIET

Ir-riżultati miksuba fil-qafas tal-programm Edicom II ippermettew modernizzazzjoni sinifikanti tan-netwerk trans-Ewropew għall-ġbir, produzzjoni u tixrid ta' statistika dwar il-kummerċ ta' prodotti fi ħdan il-Komunità u bejn il-Komunità u pajjiżi mhux membri.

Il-programm kopra l-perjodu 2001-2005, iżda x-xogħol amministrattiv baqa' sejjer sal-2008. B'kollox 393 proġett ġew implimentati mill-Eurostat u l-Istati Membri b'nefqa ta' EUR 31.2 miljun, jew 61 % tal-baġit totali approvat fid-Deċiżjoni Edicom.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw b'suċċess teknoloġiji ġodda tal-IT u soluzzjonijiet ibbażati fuq il-Web biex b'hekk ibbenefikaw il-PSIs, l-amministrazzjonijiet rilevanti u l-utenti.

L-Istatistika kummerċjali u ta' kwalità għolja qed tiġi pprovduta aktar malajr u b'infiq effettiv, ġew iġġenerati prodotti statistiċi ġodda biex b'hekk ġew sodisfatti l-ħtiġijiet tal-utenti istituzzjonali u dawk privati. It-tagħrif statistiku sar disponibbli, mingħajr ħlas, għall-utenti kollha. Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi nkiseb kemm fil-livell tal-Eurostat kif ukoll f'dak nazzjonali.

L-istudji mwettqa dwar is-simplifikazzjoni tal-Intrastat enfasizzaw li l-PSIs jikkunsidraw bħala aċċettabbli l-piż ikkawżat mir-rappurtar lill-Intrastat. L-isforzi ta' simplifikazzjoni fil-ġejjieni għandhom jikkonċentraw fuq iż-żamma jew it-titjib tal-kwalità tad-dejta għall-utenti.

L-istrumenti tal-IT ġew żviluppati miċ-ċentru u saru disponibbli għall-Istati Membri bl-għan li titwaqqaf bażi ta' sistema Ewropea kompletament integrata u interoperattiva. L-implimentazzjoni tagħha għadha ma nkisbitx għal kollox, minħabba diffikultajiet li għandhom l-Istati Membri biex ibiddlu s-sistemi nazzjonali tagħhom.

Kien hemm ħafna riżultati li jħeġġu l-qalb iżda għad hemm xi nuqqasijiet li jeħtieġu appoġġ mill-programmi fil-ġejjieni.

[pic] Fig. 1 Proposta għal sistema ta' tmexxija ta' programm

[1] ĠU L 327 tat-18.12.1996, p. 34-37.

[2] ĠU L 76 tas-16.3.2001, p. 1-4.

Top