This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009DC0073
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Annual Policy Strategy for 2010
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Annwali ta' Politika għall-2010
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Annwali ta' Politika għall-2010
/* KUMM/2009/0073 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 18.2.2009 KUMM(2009) 73 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Annwali ta' Politika għall-2010 WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Parti I - Prijoritajiet Politiċi għall-2010 4 2.1. Irkupru Ekonomiku u Soċjali 4 2.2. It-Tibdil fil-Klima u Ewropa Sostenibbli 6 2.3. Iċ-Ċittadin l-Ewwel u Qabel Kollox 6 2.4. L-Ewropa bħala Sieħeb Dinji 8 2.5 Regolamentazzjoni Aħjar u Trasparenza 9 3. Parti II - Qafas ġenerali għal riżorsi umani u finanzjarji għall-2010 9 3.1. Ir-Riżorsi Umani 9 3.2. Tibdil fl-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji 10 3.2.1. Il-Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi (Intestatura 1a) 10 3.2.2. Il-Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi (Intestatura 1b) 11 3.2.3. ll-ħarsien u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali (Intestatura 2) 11 3.2.4. Libertà, sigurtà u ġustizzja (Intestatura 3a) 12 3.2.5. Ċittadinanza (Intestatura 3b) 12 3.2.6. L-UE bħala sieħeb globali (Intestatura 4) 12 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija Annwali ta' Politika għall-2010 1. Introduzzjoni Din l-Istrateġija Annwali ta' Politika tħejji t-triq sabiex tiġi stabbilita aġenda ta' politika għall-2010 u tniedi djalogu interistituzzjonali dwar il-prijoritajiet għas-sena d-dieħla. Filwaqt li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni preżenti li tassigura l-kontinwità tas-sistema tal-ippjanar u l-ipprogrammar strateġiċi tal-istituzzjoni, hija għandha wkoll tqis il-fatt li se jkun hemm Kummissjoni ġdida fl-2010. Se jkun il-kompitu tal-Kummissjoni li jmiss li tanalizza l-prijoritajiet ta' politika fid-dawl tal-għanijiet strateġiċi tagħha, u li tibdilhom fi programm operattiv meta hija tfassal il-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2010. Jekk jitlestew il-proċessi nazzjonali tar-ratifika, l-2010 tista' tkun is-sena li fiha t-Trattat ta' Liżbona jġib bidliet importanti fil-qafas istituzzjonali tal-UE. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ikun jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq numru ta' proposti sabiex tagħti s-saħħa sħiħa lid-dispożizzjonijiet tiegħu. L-Ewropa bħalissa qed tiffaċċja kriżi ekonomika li qed taffettwa liċ-ċittadini u lill-impriżi f'kull parti tal-kontinent. Huwa probabbli li l-impatt tal-kriżi jkun sinifikanti sew fl-2009 u kif ukoll fl-2010. L-UE jeħtiġilha għalhekk li tkompli taġixxi b'mod rapidu, deċiżiv u kkoordinat, u tilgħab il-parti tagħha b'mod sħiħ sabiex jitfasslu soluzzjonijiet internazzjonali. Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku jipprovdi bażi soda sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-irkupru - l-implimentazzjoni tiegħu matul il-bqija tal-2009 u fl-2010 se tkun kwistjoni ta' prijorità għolja. Sabiex jiġi assigurat li l-UE toħroġ mill-kriżi aktar b'saħħitha u f'pożizzjoni aħjar sabiex tieħu vantaġġ mill-irkupru, jeħtieġ li nkomplu bir-riformi strutturali fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi, fi spirtu ta' sħubija bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri. Il-preżentazzjoni tar-Reviżjoni tal-Baġit fl-2009 se tagħti bidu għal dibattitu importanti bejn il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-futur tal-finanzi tal-UE. Matul l-2010, il-Kummissjoni se tfittex li tibni kunsens dwar l-aspetti ewlenin tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, sabiex titħejja t-triq għal proposti leġiżlattivi. Parti minn din it-tħejjija matul l-2010 se tinkludi valutazzjoni interim tal-programmi ta' nfiq kurrenti tal-UE. Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet se jkompli jkun prijorità għolja għall-Kummissjoni, bħala parti integrali mill-ġestjoni finanzjarja soda u rigoruża tal-politiki tal-UE. Il-komunikazzjoni tal-kwistjonijiet tal-UE se tkun kruċjali f'sena kkaratterizzata minn bosta bidliet istituzzjonali. Il-Kummissjoni, il-Kunsill, u l-Parlament Ewropew se jistabbilixxu prijoritajiet ta' komunikazzjoni interistituzzjonali f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika dwar li Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija. Se jiġu koperti kwistjonijiet ta' interess dirett għaċ-ċittadini, bħall-irkupru ekonomiku, l-ambjent, il-klima u l-enerġija, flimkien ma' governanza aħjar fl-Ewropa għas-sigurtà interna u esterna li jġib miegħu t-Trattat l-ġdid. 2. Parti I - Prijoritajiet Politiċi għall-2010 2.1. Irkupru Ekonomiku u Soċjali Wara l-azzjoni meħuda fl-2009, waħda mill-funzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni se tkun li tassigura li tkompli l-ħidma dwar il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u li jiġi studjat l-impatt tiegħu kemm fuq il-livell tal-Istat Membru u kif ukoll fuq dak tal-Komunità. Il-Kummissjoni se tassigura li l-Istati Membri iżommu mal-impenn tagħhom li jwettqu u jikkoordinaw l-isforzi nazzjonali tagħhom taħt l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u taħt il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Hekk kif tkun waslet fi tmiemha t-tieni fażi tal-Istrateġija ta' Liżbona, se jkun il-waqt li jiġi deċiż kif għandha tiġi rrinfurzata din l-Istrateġija wara l-2010. Hekk kif qed tevolvi l-kriżi, sar partikolarment importanti li l-UE tuża l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tgħin lill-Istati Membri fil-ħidma tagħhom sabiex jiġġieldu kontra l-qgħad u jżommu l-koeżjoni soċjali. Id-dimensjoni tal-UE tal-politiki tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tiġi użata b'mod kreattiv sabiex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji sabiex jibnu ħiliet ġodda, isaħħu l-kwalità tal-impjiegi, u jgħinu lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom, inkluż permezz ta' użu akbar tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Fl-2010 għandna naraw il-frott tal-adattamenti li saru għall-programmi ta' koeżjoni u tal-iżvilupp rurali tal-2007-2013 u l-implimentazzjoni aċċellerata tagħhom sabiex jgħinu fil-kisba ta' rkupru sħiħ mill-kriżi. Dan se jinvolvi kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u reġjonali dwar it-tħejjija tal-proġetti sabiex jiżdied l-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija, teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju u dik li tiġġedded, proġetti ta' infrastruttura u miżuri li jikkumbattu t-tibdil fil-klima. L-2010 se tkun ukoll sena importanti sabiex jitlesta u jiġi implimentat ix-xogħol li jinsab għaddej sabiex jiġu rriformati r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji. Il-kriżi esponiet nuqqasijiet u dgħufijiet fil-qafas kurrenti. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tassigura li l-atturi kollha sistemikament importanti jiġu rregolamentati kif xieraq. Il-Kummissjoni se tippreżenta ma ddumx Pjan ta' Azzjoni għar-riforma tas-servizzi finanzjarji, li jibni fuq il-ħidma tal-grupp De Larosière u b'mod parallel mal-iżviluppi internazzjonali li jinsabu għaddejjin, b'mod partikolari fil-G20. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni tajbin u f'waqthom tal-miżuri ta' riforma se jibqgħu ta' prijorità ewlenija fl-2009 u l-2010. Suq uniku miftuħ u li jiffunzjona tajjeb huwa wieħed mill-għodod l-aktar importanti tal-UE sabiex issostni t-tkabbir u toħloq il-prosperità. Il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha mal-Istati Membri sabiex is-suq komuni jkun ta' benefiċċju dirett kemm għaċ-ċittadini tal-UE u kif ukoll għall-impriżi. Hija se tkompli r-riformi mnedija bħala parti mill-Valutazzjoni tas-Suq Uniku sabiex ittejjeb l-opportunitajiet tal-ambjent tan-negozju u tkabbar il-kunfidenza u d-domanda tal-konsumaturi. Li jiġi assigurat li l-Att tal-2008 dwar l-Impriżi ż-Żgħar jiġi implimentat b'mod sħiħ u li jitjieb l-aċċess għas-suq tal-impriżi ta' daqs żgħir jew medju se jkunu parti mill-ħidma għall-irkupru fl-2010, u se jgħinu lill-SMEs sabiex ikomplu joperaw f'perjodu ta' kriżi. Il-Kummissjoni se tassigura li s-suq uniku jibqa' miftuħ għall-intrapriża privata sabiex is-swieq jiġu megħjuna jiksbu lura l-kompetittività fis-snin wara l-2010. L-implimentazzjoni u l-operat tad-Direttiva tas-Servizzi għandhom jipprovdu sfond tajjeb għal dan l-isforz. L-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi Postali se tkun fil-fażi finali tagħha, u tiftaħ is-swieq postali għall-kompetizzjoni sħiħa. Qafas ġdid għall-istandardizzazzjoni fl-Ewropa jista' jiġu żviluppat sabiex is-sistema eżistenti ssir aktar effettiva u effiċjenti. Waħda mill-prijoritajiet fl-2010 se tkun li jiġi ġestit l-impatt tal-bidliet relatati mal-kriżi fl-ekonomija tal-Ewropa permezz tal-attività ta' kontroll tal-għajnuna mill-istat u l-amalgamazzjonijiet. It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kartelli u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks (l-enerġija, l-ICT, it-trasport, il-posta u s-servizzi finanzjarji) se jgħinu wkoll l-irkupru ekonomiku. Se jitwettqu inkjesti settorjali oħra tal-kompetizzjoni filwaqt li eżerċizzji ġodda ta' sorveljanza profonda tas-suq se jgħinu sabiex jiġu identifikati swieq u setturi li mhumiex effiċjenti fejn jistgħu jsiru aġġustamenti f'termini ta' tkabbir, ħolqien tal-impjiegi u benesseri tal-konsumatur. Fl-istess ħin, trid tiġi aċċertata l-konsistenza fuq il-livell Ewropew fir-rigward tas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-kumpaniji li ntlaqtu ħażin mill-kriżi. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li hu mistenni li jintlaħaq qbil dwarha fl-2009 dwar l-industriji tan-netwerks se tagħmel is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, l-elettriku u l-gass aktar kompetittivi. Fl-2010, se jkun wasal iż-żmien li jiġi stabbilit approċċ ta' politika integrat fir-rigward tal-ekonomija tas-servizzi diġitali u li jiġi rriformulat il-qafas kurrenti tal-politika tal-ICT (i2010). B'mod partikolari, se jitkompla x-xogħol dwar il-kontribuzzjoni tal-ICT għall-effiċjenza fl-enerġija. Is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni se tirrikjedi attenzjoni speċifika. Fl-2010 se jkun hemm ukoll fażi ġdida ta' ħidma dwar l-istrateġija mġedda tal-broadband, li għandha titnieda mill-Kummissjoni fl-2009, inkluż l-estensjoni probabbli tal-aċċess għall-broadband fiż-żoni rurali. Fil-klima ekonomika kurrenti, hija meħtieġa aktar enerġija fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija, inkluż permezz tad-dwana u permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali. Se jkomplu l-isforzi sabiex tinħoloq privattiva u sistema ta' litigazzjoni tal-privattivi tal-Komunità. Bl-istess mod, kemm is-sistema tad-drittijiet tal-awtur u kif ukoll dik tal-marki kummerċjali għandhom jiġu mmodernizzati sabiex isiru sensittivi għall-ħtiġijiet tan-negozji u tal-konsumaturi. Sabiex l-isforzi tal-Ewropa fil-qasam tar-riċerka jkunu kkoordinati aħjar, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri favur ċirkulazzjoni libera tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA). Is-seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka se jkompli jkun il-bażi tal-kostruzzjoni tal-ERA. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija wiesgħa tal-innovazzjoni se tgħin sabiex ir-riċerka tkun suċċess kummerċjali. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin fl-iżvilupp tal-Istitut Ewropew tal-Innovazjoni u t-Teknoloġija (EIT). Il-potenzjal tiegħu li jistimula l-innovazzjoni se jiġi użat bit-tnedija tal-ewwel Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni. Fis-settur tat-trasport, fl-2010 għandu jkun hemm il-konklużjoni tal-eżerċizzji tal-konsultazzjoni dwar il-futur tal-politika tat-trasport tal-UE. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-politika tat-trasport tagħha, filwaqt li tqis id-domanda għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u l-mekkaniżmi ta' finanzjament żviluppati reċentement. Il-linji gwida għan-Netwerks Tranż-Ewropej tat-Trasport (TEN-T) se jiġu aġġornati wkoll fid-dawl tal-progress xjentifiku u teknoloġiku. Minbarra dan, il-Kummissjoni se tagħmel proposti dwar il-governanza futura tal-programm Galileo (wara l-2013). 2.2. It-Tibdil fil-Klima u Ewropa Sostenibbli Jekk nassumu li l-UE tikseb l-ambizzjoni tagħha li jintlaħaq ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen fl-2009, il-ftehim il-ġdid jiġi traspost u attwat fl-UE u f'partijiet oħra tad-dinja, inklużi l-aktar pajjiżi vulnerabbli affettwati mit-tibdil fil-klima. Minbarra dan, l-UE se tieħu impenji ambizzjużi unilaterali sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' gassijiet b'effett serra, sabiex tiżviluppa enerġiji li jiġġeddu u sabiex ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija. L-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija li ġie adottat riċentement, inkluża l-Iskema tan-Negozju tal-Emissjonijiet tal-UE reveduta, se tkun prijorità għall-2010. L-investimenti tal-Fondi Strutturali – 13-il biljun euro fl-2010 – se jgħinu sabiex jissaħħaħ l-ambjent u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Is-servizzi operattivi tal-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) se jkunu żviluppati aktar sabiex jiġu ssorveljati l-effetti tat-tibdil fil-klima. Fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa tal-2010 għandu jadotta Pjan ta' Azzjoni tal-Enerġija għall-2010-2014. L-effiċjenza fl-enerġija se tibqa' tema importanti, b'mod partikolari permezz ta' aġġornament tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija. Il-linji gwida tan-Netwerks Tranż-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E) għandhom ukoll jiġu emendati sabiex jinħoloq strument effettiv għas-sigurtà fl-enerġija. Se jkunu meħtieġa wkoll sforzi sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-enerġija li tiġġedded u s-suq uniku għall-elettriku u l-gass. Matul l-2010, il-Kummissjoni se tkompli tħares il-bijodiversità fl-UE permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar in-natura, it-tlestija tan-netwerk Natura 2000 u t-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità tal-2006. L-2010 se tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni sħiħa tal-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma fir-rigward tal-inizjattivi ppjanati fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2009 dwar id-demarkazzjoni ta' żoni bi bżonnijiet akbar u dwar il-kwalità tal-prodott agrikolu. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi u timplimenta l-politika marittima integrata tagħha matul l-2010, inklużi l-proġetti fit-tul tagħha dwar is-sorveljanza fuq il-baħar, l-ippjanar marittimu spazjali u n-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta Marittimi (EMODNET). L-2010 se tkun sena importanti għall-Politika Komuni dwar is-Sajd (CFP), bil-preżentazzjoni mistennija tal-proposti ta' riforma tal-Kummissjoni wara konsultazzjoni pubblika. Fl-2010 se jkun hemm ukoll id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-kontroll u l-infurzar tas-CFP, ladarba tiġi adottata l-proposta li qed tiġi diskussa bħalissa. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ operattiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, u l-pjan ta' azzjoni tiegħu, li jkopri oqsma bħall-enerġija, l-ambjent, it-trasport, l-ICT, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi terzi. 2.3. Iċ-Ċittadin l-Ewwel u Qabel Kollox L-2010 se tkun l-ewwel sena ta' implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Fuq il-bażi tal-inizjattivi ppreżentati fl-2009, se jkompli x-xogħol fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku u l-kriminalità organizzata f'tentattiv biex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini. Qasam ieħor ta' ħidma se jkun l-iżvilupp taż-żona Ewropea tal-ġustizzja, partikolarment permezz tal-portal tal-Ġustizzja elettronika, it-titjib tar-rikonoxximent reċiproku fl-oqsma kriminali u ċivili u l-għoti ta' drittijiet proċedurali addizzjonali. Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali se jibqa' ċentrali għall-attività tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli bħat-tfal. Se tiġi segwita l-azzjoni sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza u tiġi ssimplifikata l-ħajja taċ-ċittadini meta jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi barra mill-UE. Jistgħu jkunu meħtieġa inizjattivi ġodda sabiex tintlaqa' l-isfida tal-privatezza f'dinja globalizzata. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil jipprovdi l-qafas għall-politiki tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil fis-snin li ġejjin. Wara rapport tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew se jkollu l-ewwel dibattitu annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Patt f'Ġunju 2010. Dwar l-integrazzjoni, l-inizjattivi identifikati fil-Konferenza Ministerjali ta' Vichy 2008 se jkollhom jiġu implimentati. Fil-qasam tal-fruntieri, għandu jibda jopera l-mekkaniżmu l-ġdid ta' valutazzjoni ta' Schengen . Fil-bidu tal-2010, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti sabiex tiġi stabbilita sistema ta' dħul/ħruġ, programm ta' vjaġġaturi rreġistrati u emendi għall-mandat tal-Aġenzija Frontex. Fl-2010 għandu jkun hemm ukoll progress lejn it-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza tal-fruntieri (Eurosur). Il-politika Komuni Ewropea dwar il-Viża se tissaħħaħ, permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-reċiproċità tat-tneħħija tal-obbligu tal-viża. Il-politiki dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ se jkunu ċentrali għall-isforzi sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi. F'implimentazzjoni tal-Aġenda Soċjali Ewropea, il-Kummissjoni li jmiss se tkompli taħdem fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u ż-żgħażagħ sabiex tilqa' l-isfidi ewlenin bħall-globalizzazzjoni, l-iżvilupp teknoloġiku u t-tibdil demografiku. Il-Kummissjoni għandha wkoll tippreżenta strateġija ta' segwitu għall-Pjan dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, li se jintemm fl-2010, u tkompli l-ħidma tagħha sabiex l-opportunitajiet ugwali għall-persuni b'diżabilità jsiru realtà. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali fl-2010 se tgħin sabiex jiġi enfasizzat l-impenn politiku tal-UE għall-qerda tal-faqar u għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni se tipprepara, flimkien mal-Istati Membri, dawk li huma interessati, u istituzzjonijiet oħra tal-UE, sabiex torganizza Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011. Se jittieħdu aktar passi sabiex tittejjeb is-saħħa pubblika u tiġi assigurata s-sigurtà tal-konsumaturi. Dan se jfisser l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE, it-tħaddim tat-Tieni Programm ta' Azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa, it-tlestija tal-proċeduri tal-kodeċiżjoni dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali u d-donazzjoni u t-trapjant tal-organi, u kif ukoll l-aġġornament tal-ħidma fuq l-influwenza pandemika u t-theddidiet għas-saħħa pubblika. Billi jsir liġi l-pakkett tal-Farmaċewtiċi tal-2008, jingħata kontribut sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tal-mediċini għall-pazjenti filwaqt li tiġi assigurata l-kompetittività tas-settur. Is-saħħa u l-benesseri tal-annimali jistgħu jkunu qasam ieħor li fih il-Kummissjoni tagħmel proposti ġodda, f'konformità mal-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Benesseri tal-Annimali. Il-Kummissjoni se tkompli l-azzjoni konġunta tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u dawk Ċiniżi dwar is-sigurtà tal-prodotti u se testendiha għal pajjiżi oħra. Dawn l-isforzi se jiġu intensifikati bid-dħul fis-seħħ imminenti tad-direttiva dwar is-sigurtà tal-ġugarelli. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-swieq u s-sitwazzjoni tal-konsumaturi u se tkompli r-riflessjoni dwar kif l- acquis tal-konsumaturi jista' jiġi infurzat aħjar, fuq il-bażi tal-komunikazzjoni li se tiġi ppreżentata fl-2009. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma tagħha fuq il-bażi tal-Green Paper tal-2008 dwar l-għoti ta' kumpens lill-konsumaturi fir-rigward ta' klejms kollettivi. 2.4. L-Ewropa bħala Sieħeb Dinji Pożizzjoni b'saħħitha tal-UE fl-arena globali hija essenzjali sabiex jiġu affaċċjati d-diversi sfidi tal-globalizzazzjoni, mis-sigurtà tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, u l-migrazzjoni sal-għajnuna għall-aktar pajjiżi fqar fid-dinja sabiex jirkupraw mit-tnaqqis ekonomiku. L-2010 se tkun il-bidu ta' fażi ġdida fil-politika esterna tal-UE jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona. Wieħed mir-riżultati bikrin u viżibbli ta' din il-bidla istituzzjonali jkun it-twaqqif tas-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna (European External Action Service – EEAS). L-2010 għandha tkun is-sena li fiha jseħħ irkupru ekonomiku flimkien ma' arkitettura finanzjarja internazzjonali rriformata. Il-Kummissjoni se tipparteċipa b'mod attiv fid-diversi fora internazzjonali li se jkunu qed jiffurmaw l-istrutturi globali l-ġodda. Se jiddaħħlu fis-seħħ ukoll inizjattivi importanti sabiex tittejjeb is-sorveljanza finanzjarja u jissaħħu s-sorveljanza makrofinanzjarja u l-ġestjoni tal-kriżijiet. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Kroazja u t-Turkija se jkomplu. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni sabiex timplimenta t-talba tal-Kunsill Ewropew sabiex jiġi aċċellerat il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni se tipprepara wkoll miżuri li jappoġġjaw l-iżvilupp politiku u soċjo-ekonomiku tal-Kosovo u jgħinuh jimxi 'l quddiem, bħala parti mir-reġjun, lejn l-UE. L-UE se tkompli tappoġġja soluzzjoni għall-proċess ta' riunifikazzjoni f'Ċipru. Fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), se jitqiegħed enfasi speċjali fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, b'mod partikolari ma' Iżrael, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Marokk u l-Ukraina. Il-Politika Ewropea tal-Viċinat se tiġi intensifikata aktar, pereżempju, permezz tas-Sħubija tal-Lvant, it-tnedija tal-ewwel proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran, u t-titjib tal-kooperazzjoni permezz tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. In-negozjati dwar ftehim ġdid mar-Russja se jitkomplew matul l-2010. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Asja Ċentrali se tiġi intensifikata. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien ma' dawn l-imsieħba kollha u tqiegħed enfasi partikolari fuq l-iżvilupp tas-sigurtà reċiproka tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tikkopera mill-qrib mal-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida sabiex tiġi żviluppata s-sħubija tranżatlantika. Għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet sabiex jinġiebu 'l quddiem l-interessi komuni u aġenda komuni pożittiva fil-kuntest globali. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll favur il-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-ASEAN, iċ-Ċina u l-Indja. Is-Samit UE-Amerika Latina f'Mejju 2010 se jkompli jiżviluppa s-sħubija strateġika tal-UE mal-Amerika Latina. Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Ġunju 2008 sabiex jerġa' jiftaħ mill-ġdid id-djalogu politiku ma' Kuba, reġgħet bdiet il-kooperazzjoni u din se tissaħħaħ fl-2010. Fl-2010, huwa probabbli li l-Kummissjoni tkun involuta attivament fil-konklużjoni u/jew l-implimentazzjoni prattika taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp u n-negozjati bilaterali kurrenti dwar il-kummerċ. Se jkompli d-djalogu dwar ir-regolamentazzjoni mal-imsieħba ekonomiċi ewlenin tagħna fi sforz sabiex jiżdied l-aċċess tal-industrija Ewropea għas-swieq tal-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni se tiddedika wkoll attenzjoni partikolari għall-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, azzjonijiet inġusti li jfixklu l-kummerċ, u l-protezzjoniżmu f'pajjiżi terzi. Il-kontribuzzjoni tal-UE għas-sigurtà u l-istabbilità internazzjonali se tkompli tkun neċessarja, b'mod partikolari fil-Kosovo, fil-Lvant Nofsani, fl-Afganistan, u fil-Ġeorġja. L-UE jenħtiġilha li tkun attiva b'mod sħiħ fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani fejn il-progress se jiddependi fuq is-sitwazzjoni interna f'Iżrael u t-Territorji Palestinjani Okkupati, aktar impenn mill-Amministrazzjoni Amerikana l-ġdida u sforzi tal-Quartet u żviluppi fit-territorju. L-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ikel se tkompli. Fl-2010, bħal fi snin oħra, il-Kummissjoni se tagħmel l-isforzi tagħha biex tkun attiva fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tirrispondi b'mod effiċjenti u rapidu għal kriżijiet umanitarji, skont il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja adottat fl-2008. Is-Samit tan-NU ta' Settembru 2010 se jħares lura lejn il-progress dwar il-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp. Fit-twettiq tal-impenji ambizzjużi tal-UE fir-rigward tal-volum tal-għajnuna, l-2010 ġiet stabbilita bħala mira intermedja fit-triq lejn il-kisba ta' 0.7% sal-2015. Fl-2010 se jkun hemm ukoll il-konklużjoni tat-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou mal-pajjiżi tal-AKP u reviżjoni intermedja tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp. It-tielet Samit Afrika-UE se jirrevedi l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE adottata f'Diċembru 2007 u jiddeċiedi dwar pjan ta' azzjoni ġdid għall-2011-2013. Il-Kummissjoni se taħdem ma' pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw favur implimentazzjoni mgħaġġla tal-ftehim dwar it-tibdil fil-klima jekk dan jinkiseb f'Kopenħagen. Wara r-reviżjoni intermedja tal-2009 dwar l-istrumenti finanzjarji tar-relazzjonijiet esterni, kull emenda li jintlaħaq ftehim dwarha tidħol fis-seħħ fl-2010. 2.5 Regolamentazzjoni Aħjar u Trasparenza Ir-regolamentazzjoni aħjar se tibqa' punt ewlieni fil-ħidma tal-Kummissjoni. Għal-leġiżlazzjoni eżistenti, approċċ ta' simplifikazzjoni integrata se jeżamina l-effikaċja globali tal-qafas regolatorju skont il-qasam ta' politika. B'mod parallel ma' dan, il-Kummissjoni se tindirizza dawk l-oqsma identifikati fil-pakkett ta' regolamentazzjoni aħjar tal-2009 bħala li għandhom potenzjal ta' simplifikazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma qawwija tagħha favur it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi sabiex tilħaq il-mira miftiehma ta' tnaqqis ta' 25% sal-2012. Sabiex jiġi assigurat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida hija tal-ogħla kwalità possibbli, hija se tkompli tapplika s-sistema li ġiet imsaħħa reċentement ta' valutazzjonijiet tal-impatt u se ttejjeb l-użu tar-riżultati tal-valutazzjoni. Il-ħidma fuq l-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza se titkompla wkoll. Wara r-reviżjoni tal-2009 tar-Reġistru għar-Rappreżentanti tal-Interessi ("reġistru tal-lobbyists"), jista' jiġi implimentat reġistru uniku miftiehem mal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll ittejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE. 3. Parti II - Qafas ġenerali għal riżorsi umani u finanzjarji għall-2010 3.1. Ir-Riżorsi Umani Fl-eżerċizzju ta' 'screening' tar-riżorsi umani li twettaq fil-bidu tal-2007[1], il-Kummissjoni impenjat ruħha li tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta' persunal sal-2013 permezz tar-riżorsi kostanti ladarba l-aħħar postijiet tat-tkabbir għall-Bulgarija u r-Rumanija jkunu ġew imdaħħla gradwalment. Sabiex tgħin sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet ta' politika għall-2010, il-Kummissjoni tat istruzzjonijiet lid-dipartimenti tagħha sabiex jidenfikaw żidiet fl-effiċjenza, partikolarment f'funzjonijiet ta' appoġġ u koordinazzjoni. Dan l-isforz huwa mistenni li jwassal għar-ridistribuzzjoni ta' madwar 600 post, il-biċċa l-kbira minnhom minn DĠ individwali sabiex jissaħħu l-attivitajiet operattivi, jiġifieri t-tfassil tal-politika u tal-liġijiet, u l-monitoraġġ u l-infurzar tal-politiki tal-Komunità. Dawn se jinkludu attivitajiet immirati sabiex jiġu affaċċjati l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti, sabiex jiġu kkonsolidati l-programmi ta' riċerka fil-qasam tat-trasport u l-enerġija, sabiex jissaħħu l-funzjonijiet politiċi u ta' kummerċ fid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex jiġu rrinfurzati l-uffiċċji ta' rappreżentazzjoni fl-Istati Membri u sabiex jiġu żviluppati għodod ta' komunikazzjoni korporattiva. 3.2. Tibdil fl-Allokazzjoni tar-Riżorsi Finanzjarji Sabiex tgħin fit-tħejjija tal-Abbozz Preliminari tal-Baġit tal-2010, li l-Kummissjoni se tippreżenta lejn tmiem April, l-Istrateġija Annwali ta' Politika tippreżenta t-tibdiliet proposti għall-ipprogrammar finanzjarju taħt kull intestatura tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-2007-2013. It-tibdiliet kollha proposti huma kompatibbli mal-limiti massimi tal-infiq tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-2007-2013 u l-ammonti ta' referenza fil-programmi finanzjarji differenti. 3.2.1. Il-Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi (Intestatura 1a) Żieda fl-approprjazzjonijiet ta 9% hija ddedikata għall-Intestatura 1a ("Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi") meta mqabbla mal-baġit tal-2009, f'konformità mal-ipprogrammar finanzjarju tal-Kummissjoni. Dan jinvolvi żidiet fl-allokazzjonijiet finanzjarji għal inizjattivi ewlenin li jikkontribwixxu għall-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku taħt l-Intestatura 1 a u l-Istrateġija ta' Liżbona, jiġifieri: - Is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (KE u Euratom): + EUR 803 miljun - Programm Tagħlim tul il-Ħajja: + EUR 39 miljun - Programm Kompetittività u Innovazzjoni (CIP): + EUR 25 miljun - Netwerks trans-Ewropej (TEN): + EUR 128 miljun - Galileo : + EUR 66 miljun - L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): + EUR 24 miljun għall-ewwel sena tal-operat tiegħu. Parti importanti mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008[2] huwa strument ġdid ta' finanzjament, il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru. Dan huwa maħsub għall-iżvilupp ta' proġetti fil-qasam tal-enerġija fil-Komunità. Huwa għal tul ta' sentejn (2009 – 2010) u għandu baġit ta' EUR 3 500 miljun, allokati kif ġej: - Proġetti għall-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku: EUR 1 750 miljun - Proġetti għall-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta: EUR 500 miljun - Proġetti tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju: EUR 1 250 miljun. Il-Kummissjoni pproponiet li jiġi rrevedut il-Qafas Finanzarju Multiannwali għall-2007-2013 sabiex ikun hemm aktar fondi disponibbli taħt l-Intestatura 1a filwaqt li jiġu rrispettati l-limiti miftiehma fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda tas-17 ta' Mejju 2006[3]. Fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni tipproponi t-trasferiment tar-riżorsi mhux meħtieġa taħt l-Intestatura 2 għall-2008 għall-Intestatura 1a sabiex jiġu ffinanzjati l-EUR 3 500 miljun proposti għall-proġetti tal-enerġija (EUR 1 500 miljun fl-2009 u EUR 2 000 miljun fl-2010). Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Aġenzija Ewropea dwar il-Kimika sabiex tara kif jista' jiġi solvut in-nuqqas mistenni fil-fluss tal-flus tal-aġenzija fl-2010 minħabba l-ħlas ta' nollijiet biss aktar tard matul is-sena. Se jkun hemm il-ħtieġa li jiġi previst sussidju mill-baġit tal-UE. Il-programm tal-Komunità propost favur attivitajiet speċifiċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, ir-rappurtar finanzjarju u l-verifiki[4] se jippermetti lill-Komunità sabiex tiffinanzja entitajiet[5] attivi fl-oqsma tal-konverġenza u l-kooperazzjoni tas-sorveljanza u r-rappurtaġġ finanzjarju u l-verifiki. L-allokazzjoni finanzjarja proposta hija ta' EUR 36.2 miljun matul il-perjodu 2010-2013, kif diġà stipulat fl-ipprogrammar finanzjarju aġġornat ta' Jannar 2009. 3.2.2. Il-Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi (Intestatura 1b) F'konformità mal-ipprogrammar eżistenti għall-fondi strutturali u ta' koeżjoni, ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Koeżjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi se jiżdiedu b'EUR 980 miljun, jew 2%, meta mqabbla mal-2009. Wara li ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ġestjoni u l-kontroll effiċjenti u l-adozzjoni tal-miżuri proposti lejn tmiem l-2008 sabiex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tikkonċentra fuq li timmassimizza l-impatt ta' dawn il-miżuri f'termini ta' koeżjoni, tkabbir u effiċjenza fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u finanzjarja. 3.2.3. ll-ħarsien u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali (Intestatura 2) Il-Kontroll tas-Saħħa dwar il-politika agrikola se jinvolvi trasferiment ta' EUR 479 miljun mill-għajnuna diretta għall-iżvilupp rurali. Dan se jżid mat-trasferiment marbut mal-modulazzjoni volontarja għall-Portugall u r-riforma tas-settur tal-inbid, li jwassal għal żieda ta' 4.3% ta' approprjazzjonijiet għall-iżvilupp rurali fl-2010 meta mqabbel mal-2009. Dan it-tqabbil qed isir mingħajr ma jitqiesu l-miżuri speċifiċi stabbiliti għall-2009 fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku. Taħt l-Intestatura 2, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu antiċipati – diġà fl-2009 – il-miżuri stipulati fil-Kontroll tas-Saħħa għall-isfida l-ġdida (EUR 500 miljun) u sabiex ikun hemm infrastruttura aħjar tal-broadband fil-komunitajiet rurali (EUR 1 000 miljun). Dawn il-miżuri fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku huma b'żieda mal-miżuri stipulati fl-Intestatura 1a. Ir-riżorsi allokati għal LIFE+ se jiżdiedu b'6.9% fl-2010, kif stabbilit fl-ipprogrammar finanzjarju. 3.2.4. Libertà, sigurtà u ġustizzja (Intestatura 3a) In-nefqa taħt din l-intestatura se tiżdied b'madwar 14% fl-2010 meta mqabbla mal-2009, u dan juri l-prijorità għolja tal-azzjoni tal-Komunità f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti maħsuba għall-implimentazzjoni tas-sistema komuni Ewropea tal-ażil, inkluż għat-twaqqif ta' aġenzija ta' appoġġ, kif stipulat fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat mill-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008. Din l-aġenzija tkun element importanti ta' politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li jinżamm l-istess livell sostnut ta' finanzjament għall-FRONTEX (EUR 78 miljun) fl-2010 bħal fl-2009, li hija EUR 8 miljun aktar milli kien ippjanat oriġinarjament fl-ipprogrammar finanzjarju. Tnaqqis ta' EUR 30 miljun huwa propost, fid-dawl tan-nuqqas ta' strumenti legali, li xorta waħda jippermetti żviluppi fil-qasam tal-kontrolli tal-fruntieri bħad-Dħul-Ħruġ jew is-sistema tal-Vjaġġaturi Reġistrati jibdew fl-2010 kif inizjalment ippjanat. 3.2.5. Ċittadinanza (Intestatura 3b) Fid-dawl tal-profil ċatt ta' din l-intestatura ta' nefqa, l-ammont totali propost għall-2010 jirrappreżenta żieda żgħira ta' 0.6% meta mqabbel mal-2009, u dan jippermetti li jinżamm l-istess livell ta' finanzjament għal miżuri ta' importanza ewlenija li jirrigwardaw liċ-ċittadini tal-UE, bħas-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumaturi, il-protezzjoni ċivili, il-programmi kulturali u l-komunikazzjoni. 3.2.6. L-UE bħala sieħeb globali (Intestatura 4) L-għeluq b'suċċess tan-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen f'Diċembru 2009 huwa prijorità ewlenija għall-UE. Il-ħidma li ssir wara din il-konferenza se jkollha impatt fuq il-politiki sew interni u kif ukoll esterni tal-UE. Huwa probabbli li l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li għandha tiġi approvata f'Kopenħagen tinkludi miżuri għall-adattament, il-mitigazzjoni, il-finanzjament u t-trasferiment tat-teknoloġija, inkluż permezz tal-Alleanza Globali għat-Tibdil fil-Klima sabiex jiġu megħjuna l-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tħejjija tal-programmi ta' adattament tagħhom. Il-Kummissjoni biħsiebha talloka EUR 600 miljun għall-implimentazzjoni progressiva tas-Sħubija tal-Lvant, matul il-perjodu 2010-2013. Diġà ġew allokati EUR 250 miljun permezz tar-riprogrammar tal-fondi tal-ENPI. L-EUR 350 miljun li baqa' se jiġu mill-marġini mhux allokat taħt l-Intestatura 4, skedat kif ġej: 2010: EUR 25 miljun; 2011: EUR 53 miljun; 2012: EUR 113 miljun; 2013: EUR 159 miljun. Fir-rigward tat-territorji Palestinjani, it-tkomplija tal-għajnuna se tkun meħtieġa f'Gaża u x-Xatt tal-Punent sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-kriżi li qed tieħu fit-tul. Il-Kummissjoni se tkompli twettaq l-impenn tagħha li tirrispondi għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-kriżi tal-2008 fil-Ġeorġja. L-għajnuna għan-nies spostati internament se tikkumplimenta u ssaħħaħ l-appoġġ għall-prijoritajiet ta' politika identifikati fil-Programm Indikattiv tal-ENP għall-Ġeorġja għall-2007-2010: l-appoġġ għall-iżvilupp demokratiku, l-istat tad-dritt u l-governanza, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar, u r-riformi soċjali, u l-appoġġ għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti interni fil-Ġeorġja. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ ukoll il-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP) mal-Kosovo. Fl-2010, il-Kummissjoni se timplimenta miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp politiku u soċjo-ekonomiku tal-Kosovo u l-approssimazzjoni tal-UE bħala parti mill-istudju li qed tippjana li twettaq fil-ħarifa tal-2009. Il-ħtiġijiet għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, Kuba, il-Ġeorġja, il-Kosovo, appoġġ għall-proċess ta' riunifikazzjoni f'Ċipru u t-tibdil fil-klima se jiddependu fuq l-iżviluppi fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni se tikkumplimenta t-talbiet tagħha matul il-proċedura baġitarja. [1] “ L-ippjanar u l-aħjar użu tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni fis-servizz għall-Prijoritajiet tal-UE " – SEC(2007) 530, 24.4.2007. [2] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fi Brussell bejn il-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008, 17271/08, punt 9. [3] COM(2008) 859, 10.12.2008. [4] COM (2009) 14, 23.1.2009. [5] Il-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kumitat tal-Istandards tal-Kontabbiltà; il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju; il-Bord tal-Iskrutinju tal-Interess Pubbliku; Kumitat tar-Regulaturi tat-Titoli Ewropej; il-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji Ewropej u l-Kumitat tal-Kontrolluri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.