Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0010

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini {KUMM(2009) 11 finali}

/* KUMM/2009/0010 finali */

52009DC0010




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 21.1.2009

KUMM(2009) 10 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini

{KUMM(2009) 11 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni u pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1. Introduzzjoni

It-trasport marittimu huwa soġġett għal proċeduri amministrattivi kumplessi, anke meta l-bastimenti jivvjaġġaw biss bejn il-portijiet tal-UE (trasport marittimu intra-UE) u l-merkanzija tkun tikkonsisti biss minn oġġetti f’ċirkulazzjoni ħielsa (“oġġetti Komunitarji”). Il-konsegwenza hija li t-trasport marittimu intra-UE tal-oġġetti jħabbat wiċċu ma’ spiża ta’ konformità amministrattiva li tagħmlu għażla inqas attraenti għat-trasport tal-oġġetti tas-Suq Intern.

Dawn il-proċeduri jinvolvu firxa wiesgħa ta' leġiżlazzjoni tal-UE li bażikament hija magħmula minn regoli doganali u tat-trasport, regolamenti veterinarji u għall-protezzjoni tal-pjanti, u formalitajiet għall-bastimenti li jaslu fil-portijiet jew jitilqu mill-portijiet, u ġew identifikati mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati bħala ostakoli prinċipali għat-trasport marittimu intra-UE.

Minħabba li proċeduri amministrattivi simili ma jaffetwawx it-trasport fuq l-art, ħafna partijiet interessati insistew li tittieħed azzjoni fis-settur marittimu wkoll.

Il-Kunsill enfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jħeġġeġ l-użu tat-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra (Short Sea Shipping – SSS) fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-promozzjoni tal-SSS tal-11 ta’ Diċembru 2006, u biex jissimplifika l-proċeduri amministrattivi għal dan l-għan. It-talba kienet ripetuta fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill rigward l-Istrateġija ta’ Liżbona tat-12 ta’ Frar 2007. Fi tmiem l-2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tenna s-sejħa tiegħu biex ma jibqgħux isiru l-kontrolli fil-fruntieri interni għat-trasport marittimu.

Fl-analiżi tal-White Paper dwar il-Politika tat-Trasport li l-Kummissjoni ħarġet f’Nofs il-Mandat[1], hija ħabbret il-ħolqien ta’ żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini. Il-ħtieġa li jiġu eliminati l-iżvantaġġi tat-traffiku tal-baħar intra-UE mqabbel ma’ mezzi oħrajn tat-trasport kienet enfasizzata wkoll fil-Komunikazzjoni “Blue Book” dwar politika marittima integrata[2]. Dan il-kunċett jaqbel kompletament mal-istrateġija tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar politika Ewropea għall-portijiet[3], li tittratta t-tfixkil iktar milli l-ostakoli amministrattivi.

2. Iż-żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini hija kunċett li jestendi s-Suq Intern għat-trasport marittimu intra-UE billi jelimina jew jissimplifika l-proċeduri amministrattivi fit-tbaħħir intra-UE, bl-għan ewlieni li jagħmlu iktar attraenti, iktar effiċjenti u iktar kompettiv, u li jagħmel iktar biex jipproteġi l-ambjent.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni identifikat serje ta’ miżuri, li huma deskritti f'din il-Komunikazzjoni.

3. Ir-rwol tat-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra fil-katina intermodali tal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija

3.1. It-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra jikkontribwixxi għall-mobbiltà sostenibbli u sikura

Il-globalizzazzjoni u t-tkabbir tal-UE ġġeneraw tkabbir prinċipali fil-volum tat-trasport matul l-għexieren ta’ snin riċenti, li jirriżulta fil-konġestjoni tat-traffiku u f’iktar pressjoni fuq l-ambjent u fuq is-sikurezza. It-tbassiriet juru li d-domanda tat-trasport se tkompli tikber, li jfisser li għandu jsir l-aħjar użu tal-mezzi kollha tat-trasport, notevolment l-SSS, li jadatta tajjeb għall-ġeografija tal-Ewropa u l-kosta twila u favorevoli tagħha.

Għalkemm, mingħajr dubju ta’ xejn, għad jista' jsir ħafna iktar, l-SSS jista' jiġi kkunsidrat bħala l-iktar mezz ta’ trasport li huwa favur l-ambjent, bi spejjeż esterni komparattivament baxxi u effiċjenza fl-enerġija għolja.

It-tbaħħir huwa wkoll mezz ta’ trasport komparattivament sikur, bi spejjeż infrastrutturali li huma ħafna iktar baxxi minn dawk tat-trasport fuq l-art.

Iktar użu tal-SSS jista’ jgħin lill-Komunità biex tilħaq il-miri tagħha tas-CO2 ta’ wara Kjoto.

3.2. Soluzzjonijiet tekniċi għal proċeduri amministrattivi iktar sempliċi

Il-muftieħ għal simplifikazzjoni ta’ dan it-tip kien l-armar obbligatorju tal-bastimenti b’tagħmir ta’ monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti.

Skont id-Direttiva 2002/59/KE[4], il-ġarr ta' Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) huwa obbligatorju kważi għall-kategoriji kollha tal-vapuri. Servizzi tat-Traffiku tal-Bastimenti/Sistemi ta' Ġestjoni u Informazzjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti (VTS/VTMIS), li jużaw l-informazzjoni mill-AIS, radar kostali u komunikazzjonijiet bir-radju, huma użati biex jikkontrollaw it-traffiku f’postijiet speċifiċi.

Fl-2006, l-UE adottat l-emendi għall-Konvenzjoni SOLAS tal-IMO li tagħti l-poter lill-Identifikazzjoni u l-Ittraċċar tal-Bastimenti minn Distanza Twila (LRIT) għal vapuri ta’ 300 GT u iktar, disponibbli minn Jannar 2009.

Dawn is-sistemi se joħolqu bażi iktar soda għall-introduzzjoni ta’ ambjent marittimu elettroniku għall-oġġetti u għan-navigazzjoni, li min-naħa tagħhom se jagħmlu lis-settur iktar kompettitiv u jipprovdu soluzzjonijiet alternattivi għall-kontrolli amministrattivi attwali u l-kontrolli tad-dokumentazzjoni. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ sistema integrata ta' sorveljanza marittima għall-monitoraġġ tal-movimenti tal-vapuri fuq il-baħar se jkompli jtejjeb il-monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti.

4. Il-valutazzjoni ta’ miżuri possibbli biex jitjieb is-Suq Intern għat-tbaħħir fuq Distanzi Qosra

4.1. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati taw il-kummenti tagħhom dwar iż-żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini fl-okkażjoni flimkien mal-konsultazzjoni dwar politika marittima integrata mnedija f’Ġunju 2006. F’Ottubru 2007 ġiet imnedija onlajn "Konsultazzjoni dwar żona Ewropea tat-tbaħħir mingħajr konfini li tinforza s-suq intern għat-trasport marittimu intra-Ewropew".

Il-kunċett kien ġie ppreżentat lill-Punti Fokali nazzjonali għall-SSS f’Diċembru 2007, lid-Diretturi tat-Trasport Marittimu f’April 2008, u fis-seminars li saru f’Marzu 2007 u f’April 2008, u ma qajjem xejn ħlief kummenti pożittivi.

F’Marzu 2007 u f’April 2008 ġew organizzati laqgħat ta' ħidma dedikati mal-partijiet interessati fi Brussell u f’Antwerp, u ġie stabbilit grupp ta’ partijiet interessati ta’ referenza, li jikkonsisti minn esperti mill-industrija u mill-amministrazzjoni, biex jgħaddi s-suġġerimenti u jikkontrolla l-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt.

Ħarġu għadd ta’ kwistjonijiet mill-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati, deskritti hawn taħt.

4.2. L-ostakoli amministrattivi ewlenin enfasizzati fil-konsultazzjoni

Il-partijiet interessati kkunsidraw li l-proċeduri amministrattivi għat-trasport marittimu ħafna drabi huma kumplessi bla bżonn, żejda u mhux f’armonija bejn l-Istati Membri u l-portijiet. L-operat tal-bastimenti deħlin u ħerġin fil-/mill-portijiet ibatti, jiġġenera iktar spejjeż, u l-operat ta’ tagħbija u ħatt għandu t-tendenza li jittardja.

Fil-fatt, il-portijiet marittimi fil-Komunità huma parti mill-inħawi tal-fruntieri esterni tal-UE u vapur li jidħol f’dawn il-portijiet ikollu jħabbat wiċċu ma’ firxa wiesgħa ta’ proċeduri amministrattivi mal-wasla u t-tluq, li tikkonsisti f’firxa wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni tal-UE u internazzjonali, li tvarja minn regoli doganali u tat-taxxa, għal regoli tal-kontroll tal-fruntieri, regolamenti tal-kummerċ, tal-istatistika, tal-ambjent u tal-iskart, tas-saħħa tal-pjanti, tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-protezzjoni veterinarja, tat-trasport u tas-sigurtà u s-sikurezza (ara l-lista fl-Anness A tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt). Dawn it-tip ta' regolamenti mhux dejjem ikunu kkoordinati sew, u xi drabi jwasslu għal ittardjar, duplikazzjoni u spejjeż amministrattivi eċċessivi.

L-awtoritajiet tal-port jew id-dwana jistgħu ma jħallux li jibda l-operat tat-tagħbija u l-ħatt sakemm ikunu tlestew il-formalitajiet tar-rappurtar tal-vapur. Il-ħinijiet tal-għeluq tal-uffiċċji doganali f’xi portijiet iwasslu għall-ittardjar fl-ipproċessar tal-informazzjoni.

Il-partijiet interessati rrappurtaw problemi bi prattiċi diverġenti, jiddependi mill-organizzazzjoni tal-operatur fil-port tat-tagħbija. Pereżempju, f’xi Stati Membri ċerti dokumenti doganali jridu jingħataw fil-verżjoni oriġinali lill-uffiċċju doganali, li jista’ jkun ’il bogħod mill-moll, u l-ħinijiet tal-ftuħ jew il-post tal-uffiċċji doganali jistgħu joħolqu problemi loġistiċi. F’xi portijiet, il-ħatt ta’ vapur jista’ jibda biss wara li jitlestew il-formalitajiet dokumentattivi kollha, li jistgħu jieħdu sa nofs ġurnata.

Minbarra dawn il-kwistjonijiet, hemm tfixkil amministrattiv ieħor li l-Kummissjoni tipprova tindirizza:

- It-trasport ta’ oġġetti perikolużi huwa ristrett, jiswa l-flus u kkumplikat fuq il-baħar minħabba d-duplikazzjoni bejn l-entitajiet tal-leġiżlazzjoni teknika, u ta’ spiss it-trasport bil-baħar mhuwiex għażla u l-oġġetti jiġu ttrasferiti fuq l-art.

- Id-diffikultajiet tal-lingwa huma tfixkil prinċipali, minħabba li xi awtoritajiet fil-portijiet jirrifjutaw manifesti tal-vapuri jew ċertifikati f’lingwi oħrajn li huma differenti mil-lingwa tagħhom stess.

- Is-servizzi ta’ pilotaġġ jistgħu jkunu problema serja. Bastimenti li jaħdmu bl-SSS ta’ spiss jidħlu fl-istess portijiet, u l-kaptani tagħhom ikunu familjari mal-karatteristiċi fiżiċi. Minkejja dan, f’ħafna każijiet l-assistenza tal-pilota tkun obbligtorja. Filwaqt li xi pajjiżi joffru Ċertifikat għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ (PEC), ta’ spiss ikun hemm rekwiżiti nazzjonali li jagħmluha diffiċli li wieħed jikseb il-PEC.

- Il-manifesti elettroniċi mhumiex aċċettati universalment mill-portijiet kollha tal-UE. 55 % tal-portijiet biss jużaw sistemi elettroniċi għall-immaniġġar tal-informazzjoni tal-vapuri u l-merkanzija, bl-użu tal-feks u t-telefown li għadu komuni.

- Ftit Stati Membri biss għandhom post uniku ta’ kuntatt (approċċ nazzjonali tat-“tieqa unika”). Ir-rabta bejn is-SafeSeaNet u n-netwerks tal-port hija limitata ħafna, u l-iskambju tad-dejta jseħħ meta l-awtoritajiet nazzjonali jsaqsu għalih. Prattikament, l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn il-portijiet ma jeżistix.

Ġew eżaminati l-istimi tal-ispejjeż maħluqa minn dawn il-proċeduri amministrattivi (ara r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt).

5. Pjan ta' azzjoni

Biex testendi s-Suq Intern għat-trasport marittimu u toħloq żona Ewropea tat-tbaħħir mingħajr konfini, il-Kummissjoni qed tipproponi firxa ta’ azzjonijiet li jikkonsistu minn miżuri leġiżlattivi, miżuri li teħtiġilhom iktar tħejjija li se tkun proposta iktar ’il quddiem, u rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri saret, u r-rapport tagħha jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea.

5.1. Miżuri għal tul ta’ żmien qasir fuq il-livell tal-UE

5.1.1. Simplifikazzjoni tal-formalitajiet doganali għall-bastimenti li jbaħħru biss bejn il-portijiet tal-UE.

Il-punt ta’ żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini huwa li t-tbaħħir isir iktar effiċjenti billi jitneħħew il-formalitajiet amministrattivi għall-oġġetti f’ċirkulazzjoni ħielsa (oġġetti Komunitarji): mal-wasla tagħhom f’port tal-UE, vapuri minn port ieħor tal-UE li jkunu qed jittrasportaw oġġetti Komunitarji ma jkollhomx għalfejn jippreżentaw prova ta’ status Komunitarju. Dan se jkun pass addizzjonali importanti għat-twettiq tas-suq intern.

Kmieni fl-2009, il-Kummissjoni se tipproponi li temenda r-Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju[5], sabiex tintroduċi l-preżunzjoni li oġġetti mibgħuta bejn il-portijiet Komunitarji għandhom l-istatus doganali ta’ oġġetti Komunitarji biex ma jkunx hemm bżonn ta’ dokumenti ta’ prova ta’ status Komunitarju.

Il-preżunzjoni se tapplika għal oġġetti li kienu mibgħuta bejn portijiet fit-territorju doganali Komunitarju fuq bastiment li mhux ġej, sejjer jew jidħol fl-ebda port barra minn dan it-territorju jew f’żona ħielsa tat-tip ta' kontroll I (kif stipulat fid-Dispożizzjonijiet għall-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju), ipprovdut li jinġarru taħt il-kopertura ta’ dokument uniku tat-trasport maħruġ minn Stat Membru Oġġetti mhux Komunitarji li jinġarru fuq dawn il-bastimenti se jkunu koperti minn proċedura ta’ tranżitu.

Il-preżunzjoni attwali li hija limitata għal bastimenti li jbaħħru bejn portijiet li huma fit-territorju doganali tal-Komunità li jkollhom awtorizzazzjoni doganali minn qabel - "servizzi awtorizzati ta' tbaħħir regolari "- għalhekk tista’ tiġi mħassra.

Il-Kummissjoni se tipproponi li r-regoli l-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fl-2010. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-emenda tar-Regolament li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju hija mod tajjeb biex tilħaq wieħed mill-għanijiet ewlenin taż-żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini, li huwa li tnaqqas b’mod sinifikanti l-ostakolu amministrattiv impost fuq it-trasport marittimu intra-Komunitarju, mingħajr ma twassal għal effetti negattivi fuq kategoriji oħrajn ta’ trasport bil-baħar li jġorru oġġetti ta’ pajjiżi terzi. Dan se jżid mal-benefiċċji mistennija mill-Kodiċi Doganali Mmodernizzat u d-Dwana-e f’termini ta’ tnaqqis tal-ostakoli amministrattivi għat-trasport

5.1.2. Linji gwida biex jitħaffu l-kontrolli tad-dokumentazzjoni relatati mal-prodotti tal-annimali u l-pjanti li jinġarru bejn il-portijiet tal-UE

Il-prodotti tal-annimali u l-annimali ħajjin ta’ oriġini Komunitarja huma soġġetti għall-kontrolli tad-dokumentazzjoni meta jitħattu f’portijiet li jkollhom post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera u meta jkunu trasportati permezz ta’ servizz marittimu li mhuwiex linja regolari jew diretta bejn żewġ portijiet Komunitarji. Dan isir biex jindirizza r-riskju li oġġetti b’oriġini ta’ pajjiżi terzi jiġu ppreżentati, aċċidentalment jew b'mod qarrieqi, bħala oġġetti ta’ oriġini Komunitarja, u jesponu lill-Komunità għal riskji sinifikanti għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.

Permezz ta’ linji gwida speċifiċi, il-Kummissjoni se tħeġġeg approvazzjoni iktar effettiva u mgħaġġla tal-prodotti tal-annimali u l-pjanti fit-trasport marittimu intra-Komunitarju, kif deskritt fid-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE[6] dwar il-kontrolli veterinarji, fid-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE[7] dwar il-kontrolli veterinarji u żootekniċi u fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE[8] dwar il-miżuri protettivi għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti. Jistgħu jinstabu opportunitajiet għal sinerġiji fil-kontrolli, speċjalment il-kontrolli tad-dokumentazzjoni, li jkunu meħtieġa qabel ma tkun permessa l-approvazzjoni fil-portijiet Komunitarji għal oġġetti ta’ dan it-tip. Ħafna partijiet interessati identifikaw duplikazzjonijiet f’kontrolli ta’ dan it-tip li jwasslu għal ittardjar u spejjeż ogħla fl-approvazzjoni. B’mod simili, hemm indikazzjonijiet li l-aħjar prattiki ta’ xi portijiet joffru opportunitajiet għal kontrolli iktar effettivi, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sikurezza. Dawn l-aqwa prattiki se jiġu introdotti fil-linji gwida dwar il-proċedura għall-prodotti tal-annimali u l-pjanti li jinġarru permezz ta’ trasport bil-baħar. Il-linji gwida se jiċċaraw, inter alia, il-proċeduri li japplikaw għall-prodotti tal-annimali u l-annimali ħajjin ta’ oriġini Komunitarja jekk il-bastiment jasal f’port li jkollu post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera, u l-proċeduri għall-prodotti tal-annimali u l-annimali ħajjin ta’ oriġini mhux Komunitarja. Se jkopru wkoll oġġetti li jinġarru skont proċedura ta’ tranżitu, oġġetti mibgħuta jew oġġetti li huma importati direttament. Se jippromovu approċċ komuni, li jiċċarra l-kunċett ta’ servizzi regolari, u se jħeġġu l-użu ta’ trażmissjoni elettronika tad-dejta u koordinazzjoni iktar effettiva mad-dwana.

Il-Kummissjoni se tibda immedjatament id-diskussjonijiet mal-Istati Membri bil-ħsieb li fl-2009 tilħaq ftehim fuq dawn il-linji gwida. Jekk ikun neċessarju, l-emendi jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll fir-reviżjoni attwali tal-proċeduri Komunitarji ta’ importazzjoni għall-prodotti tal-annimali u għall-annimali ħajjin.

5.1.3. Ir-razjonalizzazzjoni ta’ dokumenti mitluba taħt entitajiet ta’ leġiżlazzjoni differenti

Miżura oħra biex tissimplifika l-proċeduri amministrattivi se tkun biex tiċċara l-użu tal-formoli armonizzati tal-IMO/FAL permezz ta’ proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal direttiva minflok id-Direttiva 2002/6/KE dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal vapuri li jaslu minn u/jew jitilqu minn portijiet[9]. Il-proposta se tkun teħtieġ l-użu ta’ sistemi ta’ trażmissjoni elettronika tad-dejta għall-iskambju tad-dejta u d-dokumenti stampati se jiġu abbandunati sa mhux iktar tard mill-2013. Dan se jwitti t-triq għall-arranġament tat-“tieqa unika”, li bih il-proċeduri amministrattivi kollha se jkunu pproċessati b’mod koordinat fost l-entitajiet diversi, bl-użu ta’ trażmissjoni elettronika tad-dejta.

Barra minn hekk, se jkunu eliminati d-duplikazzjonijiet tad-Direttivi 95/21/KE[10], 2000/59/KE[11], 2002/59/KE u r-Regolament (KE) Nru 725/2004[12], filwaqt li tinżamm l-istess informazzjoni f’formola standard. Il-benefiċċju ta’ din il-miżura se jkun li jħaffef il-proċeduri amministrattivi, li jistabbilixxu qafas li fih l-operaturi amministrattivi u l-aġenti responsabbli għall-ipproċessar tal-formalitajiet dokumentattivi jagħmlu hekk darba biss.

5.2. Miżuri għal tul ta’ żmien medju fuq il-livell tal-UE

Barra mill-miżuri għal perjodu ta’ żmien qasir ta’ hawn fuq, fl-2009 l-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati se tibda taħdem fuq il-miżuri attwarji deskritti hawn taħt, bil-ħsieb li fl-2010 tippreżenta s-soluzzjonijiet.

5.2.1. Simplifikazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi għall-bastimenti li jbaħħru bejn il-portijiet tal-UE, imma li jidħlu f’pajjiżi terzi jew f’żona ħielsa

Għal perjodu ta’ żmien medju, il-Kummissjoni diġà bassret faċilitar ta’ Tbaħħir fuq Distanzi Qosra u Rotot tal-Baħar għal bastimenti li jidħlu f’port li jinsab f’pajjiż terz jew f’żona ħielsa billi tiżviluppa l-mezzi elettroniċi li jidentifikaw l-oġġetti Komunitarji li jinġarru fuq dawn il-bastimenti taħt il-Kodiċi Doganali Mmodernizzat u l-implimentazzjoni tat-“Tieqa Unika”. B’dan, il-Kummissjoni se tkompli tnaqqas l-ispiża għall-operaturi li jġibu oġġetti Komunitarji fil-Komunità.

5.2.2. Trażmissjoni elettronika tad-dejta mtejba

Fil-pjan ta’ azzjoni mehmuż mal-White Paper dwar il-politika tat-trasport tal-2006 tal-Kummissjoni, hija ħabbret li se tipproponi miżuri għall-użu ta’ sistemi marittimi elettroniċi. Fil-fatt, minbarra d-Direttiva 2002/59/KE li tipprovdi l-bażi legali għall-armonizzazzjoni tal-VTMIS u l-qsim tad-dejta bejn l-Istati Membri, diversi sistemi ta' informazzjoni komunitarji tal-port qed jintużaw bħalissa jew dalwaqt se jiġu implimentati fl-Unjoni Ewropea. Kull waħda tissodisfa għan differenti.

Hemm ukoll diversi netwerks bejn l-Istati Membri għall-qsim tal-informazzjoni dwar it-traffiku tal-basimenti. Allura hemm il-ħtieġa għal integrazzjoni wiesgħa tal-UE ta’ dawn is-sistemi, inkluż in-netwerk SafeSeaNet. L-integrazzjoni tas-sistemi ta’ sorveljanza marittima se jsaħħu bil-kbir il-monitoraġġ tal-bastimenti u l-ittraċċar tat-traffiku.

Dan ser jiffaċilita l-proċeduri amministrattivi għall-vapuri li jidħlu u jitilqu mill-portijiet, kif ukoll il-proċeduri doganali. Fil-fatt, l-awtoritajiet doganali għandhom jużaw is-sistemi marittimi elettroniċi, u din is-sistema għandha tkun għal kollox kompatibbli mas-sistemi doganali elettroniċi introdotti bid-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE[13].

L-iżvilupp ta’ fluss integrat ta’ dokumenti dwar it-trasport, li huwa l-għan tal-proġett tat-trasport elettroniku tal-merkanzija tal-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar se jagħti spinta lill-kapaċità biex it-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra jikkompeti fuq iktar rotot speċifiċi (door-to-door).

5.2.3. It-“tieqa unika” amministrattiva

Il-Kummissjoni qed tipprepara miżuri għat-"Tieqa Unika Nazzjonali". “Tieqa Unika” hija sistema li tħalli n-negozjanti jippreżentaw l-informazzjoni lil entità waħda biex jilħqu r-rekwiżiti regolatorji kollha li huma relatati mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni.

Bħalissa, il-bastimenti jeħtieġu li jingħaqdu ma’ ħafna partijiet fil-portijiet sabiex iwettqu l-proċeduri amministrattivi kollha. Dan għandu effett sostanzjali fuq l-ispejjeż, il-velocità taċ-ċaqliq tal-oġġetti u l-affidabbiltà ġenerali tas-sistema. Li tiġi stabbilita sistema unika, fejn jiġi indirizzat ix-xogħol tal-kitba kollu, ikun ta’ benefiċċju kbir. Fil-fatt, il-formalitajiet amministrattivi se jiġu pproċessati elettronikament jew f’koordinazzjoni bejn l-entitajiet.

L-ewwel pass twettaq bid-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE li tintroduċi “tieqa unika” għall-formalitajiet relatati mal-oġġetti. F’kooperazzjoni mad-diversi partijiet interessati, se jiġu żviluppati miżuri implimentattivi u miżuri mmirati biex jiżguraw li l-informazzjoni neċessarja kollha għall-awtoritajiet tal-port titressaq darba biss.

Din il-miżura se tkun akkumpanjata mit-trażmissjoni elettronika tad-dejta, li biha l-informazzjoni se tgħaddi, safejn ikun possibbli, bejn il-bastimenti u l-awtoritajiet f’format elettroniku.

5.2.4. Simplifikazzjoni tar-regoli dwar il-ġarr bil-baħar ta’ oġġetti perikolużi

Ir-Regolamenti dwar oġġetti perikolużi huma inqas favur it-trasport bil-baħar milli t-trasport fuq it-toroq. Il-Kodiċi IMDG[14] u d-Direttiva 2002/59/KE fihom dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġarr ta’ oġġetti perikolużi, jistabbilixxu proċedura speċjali li tinvolvi notifikazzjonijiet u dikjarazzjonijiet kmieni bil-quddiem, u li hija iktar stretta minn dik tat-trasport fuq it-toroq.

Soluzzjoni waħda tista’ tkun li jiġu ssimplifikati r-regolamenti dwar l-oġġetti perikolużi għall-bastimenti RORO li jġorru t-trakkijiet b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE[15] u mar-regolament tal-ADR[16].

Ladarba jiġu awtorizzati, ma jkunx hemm bżonn li wieħed jimxi mal-ittra tal-proċeduri kumplessi stabbiliti fil-Kodiċi IMDG u bir-regolamenti nazzjonali. L-awtoritajiet marittimi għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati tal-ADR maħruġa għat-trakkijiet.

Ir-regoli ġenerali dwar it-trasport, l-istivar u s-segregazzjoni ta’ oġġetti perikolużi se jkomplu japplikaw, skont il-Kodiċi IMDG, imma xi estenzjonijiet fit-tipi u l-kwantitajiet ta' oġġetti perikolużi abbord għandhom ikunu permessi f'konformità mal-Kodiċi tal-ADR.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkonsulta mal-partijiet interessati konċernati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi għall-mezzi kollha tat-trasport, bil-ħsieb li tippreżenta proposta għal regoli ssimplifikati armonizzati jew li tistieden lill-Istati Membri biex jadottaw ftehim reġjonali simili għall-Memorandum ta' Qbil li diġà ġie aċċettat mill-pajjiżi li jmissu mal-Baħar Baltiku. Is-simplifikazzjoni proposta mhijiex se tnaqqas il-livell tas-sigurezza u s-sigurtà.

5.3. Rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri

5.3.1. Il-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet amministrattivi bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ bidla

Miżura oħra hija li, fejn huwa xieraq, jiġu organizzati “spezzjonijiet koordinati”, li bihom kwalunkwe awtoritajiet li jkunu jeħtieġu li jdaħħlu l-vapur f’port għall-ispezzjoni (eż. tas-saħħa u s-sigurezza, ambjentali, veterinarja, fitosanitarja eċċ), jagħmlu dan b’mod koordinat fl-istess ħin. B’dan il-mod, jitnaqqas l-ittardjar u jitjiebu l-ħinijiet ta’ bidla tal-bastimenti. L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-amministrazzjonijiet fuq il-livell tal-port biex jippjanaw l-ispezzjonijiet tagħhom flimkien, sabiex inaqqsu l-impatt ekonomiku negattiv fuq l-SSS mingħajr ma jnaqqsu l-kwalità tal-ispezzjonijiet.

5.3.2. L-iffaċilitatar tal-komunikazzjoni amministrattiva

Ir-rekwiżiti tal-lingwa nazzjonali ta’ spiss jippreżentaw tfixkil għall-iżvilupp ta’ netwerk tal-SSS. Xi żoni għelbu l-problemi ta’ komunikazzjoni tagħhom billi qablu li jużaw lingwa li jużaw il-ġirien tagħhom ukoll jew l-Ingliż.

L-Istati Membri huma mħeġġin li jeżaminaw il-vijabbiltà tal-użu ta’ lingwa li jaqblu dwarha jew l-Ingliż bħala t-tieni lingwa għad-dokumenti u l-proċeduri amministrattivi marittimi kollha.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V, ir-Regolament 14, il-paragrafu 4 tal-Konvenzjoni SOLAS (kif imsemmijin fid-Direttiva 2001/25/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara) għandhom jiġu inforzati minħabba li l-Istati Membri huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni SOLAS. F’termini prattiċi, dan ikun ifisser li l-komunkazzjoni adegwata bejn il-persunal li jopera fil-portijiet (l-awtoritajiet doganali, l-awtoritajiet tal-port, l-ispetturi sanitarji, eċċ) u l-ekwipaġġ tal-bastimenti ssir b’lingwa komuni.

5.3.3. Il-ħruġ ta’ Ċertifikati għall-Eżenzjoni tal-Pilotaġġ (PEC)

L-Istati Membri huma mistiedna li joħolqu qafas regolatorju li jħalli li ssir eżenzjoni tal-pilotaġġ iktar faċilment.

Dan il-qafas regolatorju għandu jħalli lill-kaptani tal-vapuri li ma jitkellmux il-lingwa nattiva tal-pajjiż jiksbu l-eżenzjoni tal-pilotaġġ. Is-soluzzjoni se tkun simplifikazzjoni tar-regolamenti eżistenti, li tħalli lill-operaturi kollha li jkollhom servizzi regolari tat-tbaħħir biex japplikaw għall-PECs b’mod li huwa ħafna eħfef.

Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ksib ta’ PEC għandhom ikunu raġonevoli u ma għandux ikun fihom elemeti ta’ protezzjoniżmu. Bidla fil-karatterstiċi tas-servizz ma għandhiex titlob li l-kaptan jagħti evidenza għall-aspetti kollha ta’ kwalifikazzjoni u eżaminazzjoni għall-PEC.

Il-miżura għandha twassal għal inqas spejjeż għall-operaturi tal-SSS u bidla li tgħaġġel il-ħinijiet li fihom il-bastimenti jerġgħu lura fil-portijiet. L-azzjoni meħtieġa biex din ir-rakkomandazzjoni tidħol fis-seħħ jeħtieġ li tittieħed fuq livell nazzjonali u tkun kkoordinata fost l-awtoritajiet nazzjonali.

5.3.4. Ir-razjonalizzazzjoni tal-fluss u l-ispazju fil-portijiet

Miżura rrakkomandata oħra hija s-separazzjoni fiżika ta’ żoni riservati għall-SSS għat-traffiku tal-kontejners u t-traffiku tar-RoRo fil-portijiet. Il-benefiċċju ta’ din il-miżura se jkun ġestjoni iktar razzjonali tat-traffiku tal-port u ħinijiet iktar mgħaġġlin ta’ bidla tal-bastimenti fil-portijiet.

Dan jista’ jirriżulta f’iktar spejjeż infrastrutturali; madankollu dan mhuwiex mingħajr il-benefiċċji tiegħu. B’mod partikolari, din il-miżura tista’ ssolvi l-problema ta’ prijorità mogħtija lill-bastimenti li jbaħħru fil-fond u tħalli lill-vapuri li jbaħħru fuq distanzi qosra joffru vjaġġi bir-ritorn imtejbin u iktar mgħaġġlin.

6. Iktar azzjoni

6.1. Mekkaniżmu għall-koordinazzjoni ġenerali aħjar tas-servizzi amministrattivi fuq il-livelli kollha

Koordinazzjoni insuffiċjenti fuq il-livell operattiv fil-port bejn is-servizzi amministrattivi diversi u l-operaturi fuq il-livell tal-port (eż. l-awtorità tal-port, l-operaturi tat-terminal tal-port, l-uffiċċju doganali, is-servizzi responsabbli mis-saħħa, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fitosanitarji u veterinarji, l-aġenti tal-vapuri, il-kaptani tal-vapuri) u fuq il-livelli nazzjonali u internazzjonali ġew irrappurtati bħala sors prinċipali ta’ spejjeż mhux ġustifikati għat-tbaħħir kif ukoll sors ta’ nuqqas ta’ effiċjenza.

L-Istati Membri għandhom jistiednu lill-awtoritajiet lokali biex itejbu l-koordinazzjoni operattiva billi jiżguraw li s-sekwenza tal-passi amministrattivi ma joħolqux dewmien bla bżonn.

Dan il-pjan għandu jinvolvi lill-partijiet interessati kollha, jistabbilixxi l-għanijiet għat-tnaqqis tal-ostakolu amministrattiv għall-SSS u jippjana t-taħriġ meħtieġ għall-użu ta’ komunikazzjoni komuni u għodod avvanzati.

Fuq livell Ewropew, il-grupp tal-Punti Fokali tal-SSS[17] għandu jiġbed l-attenzjoni li r-rabta bejn l-Istati Membri u l-portijiet hija meħtieġa, jirrapporta dwar il-problemi persistenti u jissuġġerixxi s-soluzzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha taħdem lejn il-flussi meħtieġa ta’ kooperazzjoni u informazzjoni bejn il-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi (it-trasport, l-ambjent, id-dwana, il-konrolli tal-fruntieri, is-saħħa).

6.2. Monitoraġġ u rappurtar

L-azzjonijiet għal perjodu ta’ żmien qasir għandhom jibdew japplikaw fl-2010, u l-azzjonijiet għal perjodu ta’ żmien medju fl-2013. L-effetti tal-miżuri dwar il-bidla fil-mezzi għandhom ikunu jistgħu jiġu kkalkulati fis-sena ta’ wara l-implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni se tikkontrolla l-progress magħmul bl-istabbiliment taż-żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini u tqis kwalunkwe problemi fil-fażi tal-implimentazzjoni, u tagħmel dispożizzjoni għal kwalunkwe azzjoni ta' rimedju, jekk ikun meħtieġ.

Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tinkludi rapport dwar l-azzjoni deskritta f’din il-Komunikazzjoni, eż. tkopri r-rapporti tal-Istati Membri mad-dħul fis-seħħ tal-azzjonijiet legali u azzjonijiet oħrajn irrakkomandati f’din il-Komunikazzjoni, fir-rapport regolari tagħha dwar it-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra skedat għall-2012.

7. Konklużjoni

Biż-żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini tagħha, il-Kummissjoni qed tipprova tagħti spinta l-effettività ġenerali tat-trasport marittimu intra-UE billi tneħħi l-ostakoli amministrattivi prinċipali għall-iżvilupp tal-SSS. Dan il-mod għandu rwol importanti biex jgħin lill-UE tonora l-impenji ambjentali tagħha u tindirizza l-isfidi tagħha tal-enerġija, permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni aħjar fit-trasport tat-toroq. Il-kunċett huwa parti minn strateġija wiesgħa li tinkludi l-proġett tar-Rotot tal-Baħar u s-servizzi ġodda tal-SSS permezz tal-programm ta’ Marco Polo u l-proġetti tat-TEN-T, iktar drittijiet trasparenti tal-port, il-linji effiċjenti u l-konnessjonijiet marittimi mal-ġewwa mill-kosta mill-port u l-impatt iktar baxx tal-portijiet u l-bastimenti fuq l-ambjent. L-SSS jista’ jgħin ukoll biex b’mod ġenerali jinżamm l-għarfien b’saħħtu tal-UE fit-tbaħħir u jippermettilha żżomm il-pożizzjoni tagħha bħala parteċipant ewlieni fil-globalizzazzjoni tal-ekonomija.

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: “Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobbiltà sostenibbli għall-kontinent tagħna – Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea”, COM (2006) 314.

[2] Komunikazzjoni: Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea - COM (2007) 575, 10.10.2007.

[3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Komunikazzjoni dwar il-Politika Ewropea għall-Portijiet; COM(2007) 616 finali tat-18 ta’ Ottubru 2007

[4] Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema Komunitarja ta' monitoraġġ u informazzjoni tat-traffiku tal-bastimenti u tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

[5] Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13).

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29).

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1). .

[9] Id-Direttiva 2002/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għall-bastimenti li jkunu waslu u/jew li jkunu qed jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 67, 9.3.2002, p. 31).

[10] Id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 li tikkonċerna l-infurzar, fir-rigward ta' bastimenti li jużaw il-portijiet tal-Komunità u li jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, ta' standards internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni ta' tniġġis u l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord (kontroll portwali tal-Istat) (ĠU L 157, 7.7.1995, p. 1).

[11] Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

[12] Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-31 ta' Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).

[13] Id-Deċiżjoni Nru 70/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ.

[14] IL-Kodiċi Marittimu Internazzjonali dwar Oġġetti Perikolużi (IMDG) adottat fl-1960 mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

[15] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (ĠU L 319, 12.12.1994).

[16] Ftehim Ewropew rigward il-Ġarr Internazzjoni ta' Oġġetti Perikolużi fuq it-Toroq (ADR) tat-30 ta’ Settembru 1957.

[17] Il-grupp tal-punti fokali dwar it-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra u r-Rotot tal-Baħar. Dan il-grupp twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea u huwa magħmul minn esperti mill-Istati Membri u mill-pajjiżi kandidati, rappreżentanti taċ-Ċentri tal-Promozzjoni għat-Tbaħħir fuq Distanzi Qosra u mill-Forum dwar l-Industrija Marittima.

Top