Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AR0008

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-enerġija: analiżi strateġika u prestazzjoni tal-bini

ĠU C 200, 25.8.2009, pp. 41–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/41


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-enerġija: analiżi strateġika u prestazzjoni tal-bini

(2009/C 200/09)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiddispjaċih mill-fatt li ma tressqet l-ebda proposta għall-introduzzjoni ta’ strument leġiżlattiv vinkolanti speċifikament immirat biex jinkiseb l-objettiv ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija b’20 %;

jisħaq fuq is-soluzzjonijiet possibbli li jorbtu lill-attivitajiet industrijali mal-produzzjoni tal-enerġija (l-irkupru tas-sħana mitlufa, it-tkessiħ, il-produzzjoni tal-enerġija, it-tekniċi tal-koġenerazzjoni u l-multiġenerazzjoni, eċċ.);

ifakkar fl-importanza tal-ħidma mwettqa mill-aġenziji reġjonali u lokali tal-enerġija fl-Unjoni kollha. Dawn huma msieħba strateġiċi tal-politika Ewropea tal-enerġija, u l-azzjonijiet tagħhom iridu jkunu aktar sostnuti u valorizzati mill-Unjoni Ewropea;

jenfasizza l-importanza li jkun hemm aċċess imħaffef għall-fondi strutturali għall-investiment fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija fil-bini;

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza b’mod permanenti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa fuq il-valur miżjud fis-settur tal-bini, inkluż għal xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni;

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija, bi sħubija mal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment) u l-BERŻ (il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). Ifakkar li waħda mill-kwistjonijiet essenzjali meta jinħolqu dawn l-istrumenti finanzjarji hija li jsiru aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex dawn tal-aħħar jiġu appoġġjati fir-rwol tagħhom ta’ atturi ċentrali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

Rapporteur

:

Is-Sur Jean-Louis Joseph (FR/PSE), Sindku tal-Bastidonne

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija. Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija — COM (2008) 781 finali

u

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) COM (2008) 780 finali — 2008/0223/COD

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   It-tieni analiżi strateġika tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea

1.

jaħseb li l-isfidi marbutin mal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea huma essenzjali kemm għall-preżent u l-ġejjieni tal-UE u taċ-ċittadini tagħha, kif ukoll għall-kwistjonijiet klimatiċi fil-livell globali. Ifakkar ir-rwol prinċipali li jaqdu l-atturi lokali u reġjonali bħala msieħba fid-definizzjoni, l-ippjanar u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-politika Ewropea tal-enerġija. Għalhekk, jiddipsjaċih li r-rwol tal-atturi reġjonali u lokali ma tantx jitqis fit-tieni analiżi strateġika;

2.

jirrikonoxxi l-importanza tas-sigurtà tal-provvista li tinsab fil-qalba tat-tieni analiżi strateġika u li hija suġġett estremament sensittiv politikament. Jirrikonoxxi wkoll li l-Istati Membri jesperjenzaw sitwazzjonijiet differenti relatati ma’ din il-kwistjoni. Dawn id-differenzi, li fost oħrajn huma dovuti minħabba raġunijiet storiċi, jeħtieġu azzjoni kkoordinata fil-livell Ewropew sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċi, jissaħħu r-rabtiet bejn l-imsieħba u jitnaqqsu r-riskji għall-Unjoni kollha;

3.

jirrikonoxxi li sar progress importanti wara l-ewwel analiżi strateġika, b’mod partikulari bid-definizzjoni tal-objettivi msejħa “20-20-20”, u l-ewwel progress leġiżlattiv konkluż bil-ftehim reċenti bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar il-pakkett għall-enerġija u l-klima;

4.

jikkunsidra li dan il-progress, għalkemm rimarkabbli, huwa biss l-ewwel pass. Għalhekk huwa importanti li l-objettivi “20-20-20” jibqgħu l-prijorità prinċipali tal-politika Ewropea tal-enerġija sabiex jiġu assigurati l-koerenza u l-kontinwità li hemm bżonn għas-suċċess tal-azzjoni mibdija;

5.

jenfasizza li konsegwentement l-effiċjenza tal-enerġija għandha tkun fuq quddiem tat-tħassib tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-enerġija. Ifakkar il-mudell tat-“trias energetica”, li jistabbilixxi, f’ordni mnaqqsa ta’ importanza, il-politiki li jistgħu jnaqqsu l-impatt klimatiku tal-konsum tal-enerġija: effiċjenza tal-enerġija, promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u ottimizzazzjoni tal-użu tal-enerġija fossili. L-effiċjenza tal-enerġija mhix biss il-muftieħ għall-objettivi “20-20-20”, iżda taqdi wkoll rwol essenzjali fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista. Madankollu, hija ħasra li l-effiċjenza tal-enerġija hija l-unika fost it-3 objettivi “20-20-20” li għadha ma ġietx tradotta fi strument leġiżlattiv vinkolanti;

6.

f’dan l-isfond, jilqa’ b’mod favorevoli l-miżuri relatati mal-effiċjenza tal-enerġija proposti mill-Kummissjoni fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tat-tieni analiżi strateġika (b’mod partikulari r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini — ara hawn taħt), iżda jiddispjaċih li:

6.1

b’mod ġenerali, l-effiċjenza tal-enerġija tinsab biss fir-raba’ post minn fost il-ħames prijoritajiet li jiffurmaw il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Sigurtà u Solidarjetà tal-Enerġija tal-UE;

6.2

ma tressqet l-ebda proposta għall-introduzzjoni ta’ strument leġiżlattiv vinkolanti speċifikament immirat biex jinkiseb l-objettiv ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija bl-20 %. Madankollu, għandu jkun hemm rabta aktar ċara mal-objettivi u l-istrumenti li huma r-riżultat tad-Direttiva dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija (2006/32/KE). Dan kollu jsarraf f’għodda konkreta biex isir l-ewwel pass lejn il-ksib tal-objettiv ta’ 20 %;

6.3

skont il-previżjonijiet ippreżentati fl-anness tat-tieni analiżi strateġika, il-Kummissjoni Ewropea tiddependi f’parti minn fenomenu indipendenti mill-azzjoni tagħha (iż-żjieda fil-prezzijiet taż-żejt) sabiex tilħaq l-objettivi tagħha ta’ 20 % fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija. Dan juri nuqqas ta’ rieda politika kif ukoll nuqqas ta’ investiment fl-effiċjenza tal-enerġija. Attitudni bħal din hija aktar ta’ diżappunt peress li l-benefiċċji mistennija mill-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija jistgħu jsarrfuhom fi strumenti b’saħħithom biex jagħtu spinta ’l quddiem lill-ekonomija u lill-impjiegi li huma essenzjali fil-kuntest attwali ta’ kriżi;

6.4

il-proposti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija li jakkumpanjaw it-tieni analiżi strateġika ma jinkludux miżuri speċifiċi għall-industrija, minkejja li hija l-akbar konsumatur tal-enerġija. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, huwa għaldaqstant importanti li jiġu enfasizzati s-soluzzjonijiet possibbli li jorbtu lill-attivitajiet industrijali mal-produzzjoni tal-enerġija (l-irkupru tas-sħana mitlufa, it-tkessiħ, il-produzzjoni tal-enerġija, it-tekniċi tal-koġenerazzjoni u l-multiġenerazzjoni, eċċ.);

6.5

jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol kruċjali li s-settur tat-trasport jaqdi sabiex jinkisbu l-objettivi tal-enerġija. Madankollu, fid-dawl tad-dipendenza kbira li s-settur tat-trasport Ewropew għandu fuq iż-żejt, jiddispjaċih li t-tieni reviżjoni strateġika dwar l-enerġija ma tressaqx strateġija għal dan is-settur li waħdu jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Unjoni u huwa direttament milqut mill-problema tas-sigurtà tal-provvista peress li jiddependi kważi esklużivament miż-żejt, li aktar minn 80 % minnu huwa importat mill-Unjoni Ewropea. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tressaq proposti dwar l-effiċjenza fit-trasport b’mod parallel għall-pakkett ta’ miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija. Dan is-settur fih riżorsi kbar ħafna li għad ma sarx użu minnhom fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u tal-miżuri adottati fil-qasam tal-mezzi tat-trasport li jużaw il-linji tal-ferrovija u mezzi oħra ta’ trasport pubbliku, vetturi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, l-użu konġunt tal-karozzi, is-sewqan ekoloġiku, aktar użu tar-roti, eċċ.;

7.

jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija. F’dan ir-rigward:

a.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Patt tas-Sindki u jfakkar l-opinjoni ta’ prospettiva tiegħu fuq dan is-suġġett, fejn fost affarijiet oħra ġie enfasizzat “li l-azzjoni fuq livell lokali hija fattur determinanti għall-ksib tal-mira tal-20 % effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jagħrfu sew ir-rwol importanti li għandhom ir-reġjuni u l-bliet biex jilħqu din il-mira (1)”;

b.

l-ippjanar tal-ispazju fil-livell lokali huwa qasam importanti biex tinħoloq struttura soċjali globali li tirrispetta l-ambjent u li tagħmel użu effiċjenti mill-enerġija. Dan ifisser li l-infrastruttura, il-postijiet tax-xogħol, in-negozji u d-djar jiġu ppożizzjonati b’tali mod li jnaqqsu l-użu tat-trasport u jħeġġu l-użu ta’ mezzi ta’ trasport b’konsum baxx tal-enerġija u l-użu aktar mifrux tas-sistema tat-tisħin distrettwali, l-enerġija mir-riħ u l-enerġija ġeotermali;

c.

ġeneralment, l-użu tal-enerġija fis-settur pubbliku jista’ jitnaqqas ħafna; dan jirrappreżenta potenzjal sostanzjali li s’issa għadu ma ġiex sfruttat. Bis-saħħa ta’ sussidji u inċentivi mfasslin tajjeb, tista’ tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija, jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-enerġija u tingħata spinta lill-impjiegi;

d.

jilqa’ b’mod favorevoli l-pjan ta’ inizjattiva ġdida għall-finanzjament tal-enerġija sostenibbli, u jitlob li din tiddedika parti sinjifikanti mill-istrumenti tagħha ta’ azzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti mwettqa fil-livelli reġjonali u lokali waqt li tingħata prijorità lill-effiċjenza tal-enerġija;

e.

ifakkar fl-importanza tal-ħidma mwettqa mill-aġenziji reġjonali u lokali tal-enerġija fl-Unjoni kollha. Dawn huma msieħba strateġiċi tal-politika Ewropea tal-enerġija, u l-azzjonijiet tagħhom iridu jkunu aktar sostnuti u valorizzati mill-Unjoni Ewropea;

f.

jitlob li jinħoloq grupp ta’ ħidma li jgħaqqad lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u n-netwerks tagħhom sabiex tiġi żviluppata perspettiva ġdida għall-effiċjenza tal-enerġija, ibbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq;

8.

Fir-rigward tas-sitt proġetti prijoritarji identifikati bħala essenzjali mill-UE, il-KtR, mingħajr ma jiddikjara xejn dwar il-kontenut tal-proġetti proposti, jinnota li:

a.

tajjeb li jiġu pprovduti stimi tal-ispejjeż ta’ dawn il-proġetti sabiex ikun jista’ jsir paragun raġunat ma’ inizjattivi oħra qabel ma jiġu approvati formalment il-proġetti proposti bħala “prijoritarji”. Fil-fatt, hemm ir-riskju li dawn il-proġetti jużaw parti konsiderevoli mill-baġit disponibbli;

b.

xi wħud mis-6 proġetti proposti jidhru li jibbenefikaw minn livell ogħla ta’ prijorità minn oħrajn, peress li diġà ġew previsti dispożizzjonijiet pjuttost preċiżi għall-implimentazzjoni tagħhom (it-tħejjija ta’ komunikazzjonijiet u tal-pjan ta’ azzjoni li jinkludu l-mezzi ta’ finanzjament) filwaqt li proġetti oħrajn jippreżentaw skeda għall-implimentazzjoni ħafna aktar vaga;

c.

jirrikonoxxi li l-interkonnessjoni hija essenzjali sabiex jinfirxu r-riskji u tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Jaqbel ukoll li hemm bżonn li jsiru bidliet kbar fl-infrastruttura interna tal-enerġija tal-UE sabiex tiġi garantita l-provvista kemm tal-gass kif ukoll tad-dawl għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Jenfasizza li dawn il-bidliet fl-infrastruttura tal-enerġija ser ikunu meħtieġa wkoll fil-qafas tal-iżvilupp tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa. Kull deċiżjoni dwar l-investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej trid tqis l-objettivi tal-Unjoni f’dan il-qasam. Mingħajr ma jikkummenta dwar is-sustanza tas-sitt proġetti proposti dwar l-infrastruttura tal-enerġija, jantiċipa li l-bżonnijiet finanzjarji ddettaljati li ser jiġu identifikati fl-2009-2010 ser ikunu enormi u jħeġġeġ li fil-baġits futuri tal-UE tingħata l-prijorità lill-proġetti tal-effiċjenza tal-enerġija u lit-tnaqqis tal-impatt tal-vjaġġi internazzjonali;

9.

dejjem fuq is-suġġett tal-investiment, jenfasizza li l-bidla tas-sistema Ewropea tal-enerġija f’sistema aktar deċentralizzata teħtieġ investimenti sinjifikanti, djalogu mal-atturi lokali u reġjonali u rikonoxximent akbar tar-rwol tagħhom fil-politika tal-enerġija;

10.

Fir-rigward tal-kapitolu ddedikat għar-riżorsi indiġeni tal-enerġija, jenfasizza li

a.

l-enerġiji rinnovabbli għandhom jingħataw rwol prinċipali, b’konformità mal-objettivi “20-20-20” u b’kunsiderazzjoni tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali relatati. Ifakkar l-opinjoni tiegħu dwar “Il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli” (2). Barra minn hekk:

jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta bil-għan li titfassal Komunikazzjoni dwar “Ostakli li jingħelbu għal Enerġiji Rinnovabbli fl-UE”. Jitlob li din il-proposta tiġi ppubblikata kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-2010, u li tiġi regolarment aġġornata u akkumpanjata mill-miżuri meħtieġa għall-eliminazzjoni tal-ostakli identifikati;

ifakkar li l-problemi marbutin man-netwerks tat-trasport u tad-distribuzzjoni huma ċentrali fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipprepara Komunikazzjoni dwar l-iżvilupp ta’ sistema mill-aqwa ta’ distribuzzjoni Ewropea, imsemmija fit-tieni analiżi strateġika. Primarjament, din il-Komunikazzjoni ser tiffoka fuq il-kwistjonijiet ta’ infrastruttura u l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ta’ “netwerks intelliġenti” (smart grids) bil-għan li jintlaħqu l-objettivi “20-20-20” tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll li ssir transizzjoni għal deċentralizzazzjoni akbar tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-proposti tat-tieni analiżi strateġika relatati man-netwerks tat-trasport u tad-distribuzzjoni jitqiegħdu fil-kuntest tal-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq, sabiex ikun hemm approċċ tassew globali ta’ dawn il-kwistjonijiet;

b.

l-enerġija nukleari tiddependi minn kombustibbli prinċipalment importat u għalhekk ma tistax titqies bħala “indiġen”. Min-naħa l-oħra, l-użu tal-enerġija nukleari għandu konsegwenzi “indiġeni” li huma ta’ piż fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikularment fir-rigward tar-riskji marbutin ma’ din il-forma ta’ enerġija u l-ġestjoni tal-iskart tagħha. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet għal “Proposta riveduta għal Direttiva li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari” u jissuġġerixxi li f’dan il-qafas għandha tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-iskart nukleari u tal-ispiża tiegħu.

c.

aktar ma jgħaddi ż-żmien anke l-faħam qiegħed isir kombustibbli importat u kemm it-trasport kif ukoll l-kombustjoni tiegħu, li jipproduċu r-residwi, qegħdin joħolqu problemi konsiderevoli relatati mal-emissjonijiet. L-użu kontinwu tiegħu għalhekk għandu jsir f’impjanti b’effiċjenza għolja u b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet;

d.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex iżżomm l-ogħla standards ambjentali matul l-analiżi tal-opportunitajiet relatati mal-użu tar-riżervi indiġeni “mhux konvenzjonali” tal-enerġiji fossili (kif imsemmi fil-punt 2.5, paragrafi 7 u 8 tat-tieni analiżi strateġika), u sabiex tqis il-fatturi esterni kollha marbutin mal-użu ta’ dawn ir-riżervi matul l-evalwazzjoni tal-profitabilità tagħhom.

e.

jikkunsidra li għandha tingħata prijorità lill-appoġġ sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-iżvilupp għall-isfruttar ta’ enerġiji marittimi nodfa u rinnovabbli, pereżempju l-enerġija mir-riħ, mill-mewġ, il-marea u l-kurrenti tal-oċean meta wieħed iqis li għalkemm l-enerġiji mill-baħar għadhom ma ġewx sfruttati kummerċjalment, l-UE għandha l-potenzjal tikseb vantaġġ kompetittiv u tkun fuq quddiem nett fil-qasam ambjentali.

11.

jilqa’ b’mod favorevoli l-intenzjoni għal “Komunikazzjoni dwar l-Iffinanzjar ta’ Teknoloġiji b’Karbonju Baxx”. Peress li din ser tikkunsidra d-dħul iġġenerat fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, il-KtR jfakkar l-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett fejn “jirrakkomanda li għall-inqas 30 % tad-dħul mill-irkant tal-kwoti jitwarrab mill-Istati Membri għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fl-użu finali […]” (3).

Barra minn hekk, jenfasizza li, jekk għandu jsir l-aktar użu effiċjenti possibbli tar-riżorsi baġitarji disponibbli, it-teknoloġiji tal-qabda u l-ħażna tal-karbonju, li għadhom biss fil-bidu tal-iżvilupp tagħhom u għalhekk ma jistgħux isolvu l-problema tal-produzzjoni tal-enerġija jew tas-sigurtà tal-provvista, ma jistgħux jibbenefikaw minn finanzjament disproporzjonat meta mqabbla mat-teknoloġiji fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija jew tal-enerġiji rinnovabbli.

12.

jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta li tiġi definita aġenda politika sal-2030 u viżjoni għall-2050. Linji gwida strateġiċi ġenwini, deċiżjonijiet ta’ investiment u proġetti ta’ infrastruttura jistgħu jitqiesu validi biss f’perspettiva ta’ perijodu fit-tul. Il-Kumitat jinsab sorpriż li fost il-lista — mhux eżawrjenti — ta’ suġġetti msemmija fil-viżjoni għall-2050, jidher li tingħata prijorità lill-fatt li “sal-2050 il-provvista tal-elettriku tal-UE ma jkunx fiha karbonju”, peress li huwa propost li jiġi ttrattat fil-pjan strateġiku li jmiss għat-teknoloġiji tal-enerġiji. Minkejja li bla dubju dan is-suġġett huwa importanti u promettenti, hemm oħrajn li huma urġenti daqsu jekk mhux iktar. Id-definizzjoni ta’ viżjoni għall-2050 għandha tippreżenta strateġija globali u mhux tikkonċentra fuq numru limitat ta’ prijoritajiet tematiċi.

B.   Tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini

I.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

13.

jilqa’ b’mod favorevoli l-prinċipju tat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini;

14.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ azzjoni rapida u wiesgħa fis-settur tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, peress li din twassal għal benefiċċji

favur l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tal-enerġija u tal-klima;

f’termini soċjali (minħabba il--fatt li ċ-ċittadini qed isibuha dejjem aktar iebsa biex ilaħħqu mal-ispejjeż biex isaħħnu djarhom). Barra minn hekk, jenfasizza li ż- żmien ta’ kriżi attwali jżid l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi eżistenti bejn iċ-ċittadini li jistgħu jħallsu għal xogħol ta’ rinnovazzjoni enerġetika u jibbenefikaw minn tnaqqis fil-kontijiet tal-enerġija u l-għadd dejjem jikber ta’ ċittadini li minħabba l-fatt li ma jifilħux għall-ispejjeż tar-rinnovazzjoni ikollhom jiffaċċjaw piżijiet dejjem akbar;

f’termini ekonomiċi u ta’ ħolqien ta’ rikkezzi u ta’ impjiegi fil-livell lokali;

15.

jenfasizza l-urġenza ta’ dawn il-kwistjonijiet u għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament sabiex jassiguraw li jittieħdu deċiżjonijiet rapidi u ambizzjużi rigward dan is-suġġett; jitlob ukoll lill-Istati Membri jevitaw li jirrepetu d-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni li seħħ fl-ewwel verżjoni ta’ din id-Direttiva;

16.

bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija, il-Kummissjoni għandha tniedi programm għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u tal-użu ta’ soluzzjonijiet tekniċi bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom; għandu jintuża ukoll l-akkwist pubbliku għall-iżvilupp tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

17.

ifakkar ir-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva:

permezz tal-ġestjoni tal-bini tagħhom,

bis-saħħa tal-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-ippjanar tat-territorju u l-ħruġ tal-permessi tal-bini, l-użu ta’ materjali tal-bini li jiżolaw is-sħana u miżuri sabiex ikun żgurat bini u xogħol ta’ żvilupp mill-ġdid ta’ kwalità għolja;

bil-ġbir u r-riċiklar ta’ materji primi sekondarji biex jiġu koperti l-ispejjeż li bihom ir-riżorsi tal-enerġija jiġu sfruttati b’mod aktar effettiv (għall-elettriku u s-sħana);

permezz tal-fatt li huma qrib iċ-ċittadini.

Ġew adottati diversi inizjattivi fir-rigward tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, fuq bażi volontarja, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-Ewropa, bl-introduzzjoni pereżempju ta’ azzjonijiet bil-għan li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fid-djar u l-bini pubbliku, jew fil-qafas tal-istimolu mill-ġdid taż-żoni urbani. L-Istati Membri jridu jinkorporaw totalment lill-awtoritajiet u lill-atturi reġjonali u lokali bħala msieħba strateġiċi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jippruvaw jibbenefikaw mill-esperjenza tagħhom u jassiguraw li jiġu promossi u ripetuti l-esperjenzi li taw l-aħjar riżultat. Il-Kumitat għalhekk jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex ikunu involuti fit-tħejjija tal-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni.

18.

jikkunsidra li t-tfassil mill-ġdid propost isaħħaħ id-Direttiva f’diversi aspetti u b’sodisfazzjon partikulari jilqa’:

il-proposti li b’mod progressiv inaqqsu jew ineħħu l-limiti ta’ 1 000m2. Jilqa’ ż-żamma ta’ limitu massimu ta’ 250 m2 fl-Artikolu 12.1 (riformulazzjoni);

it-titjib li sar fis-sistema taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija (b’mod partikulari r-rekwiżit li jiġu ppubblikati dawn iċ-ċertifikati fir-reklami relatati mal-kiri jew mal-bejgħ tal-bini;

19.

jixtieq jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tad-Direttiva fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni prattika tagħha, li għandha tiġi analizzata u evalwata. Fost affarijiet oħra, trid tiġi valutata l-importanza ta’ ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija u l-mod kif dawn jitfasslu. Approċċ flessibbli jista’ jgħin fir-riżoluzzjoni ta’ problemi minħabba nuqqas ta’ ħiliet, f’każijiet fejn din kienet kwistjoni;

20.

iqis li l-metodoloġija komparattiva proposta għall-kalkolu ta’ livelli ta’ spiża ottimali għar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija tista’ tikkostitwixxi strument ta’ benchmarking effikaċi fil-livell Ewropew. Madankollu jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis il-fatturi esterni kollha matul it-tħejjija ta’ din il-metodoloġija, b’mod partikulari l-ispiża tal-inazzjoni (degradazzjoni tal-ambjent, tas-saħħa, tal-kompetittività, eċċ. iġġenerata minn investiment baxx fl-effiċjenza tal-enerġija) kif ukoll l-effetti pożittivi ta’ investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija (f'termini ta’ ħolqien ta’ impjieg u ta’ rikkezzi, ta’ appoġġ għar-riċerka, tal-awtonomija tal-enerġija, tal-kwalità u tas-sostenibilità tal-bini mibni, eċċ.);

21.

huwa importanti wkoll li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-effiċjenza tal-enerġija tal-bini tittejjeb mingħajr l-ebda investiment, pereżempju billi jsir l-aħjar użu minnu u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-utenti. Jeżistu bosta awtoritajiet lokali u reġjonali li rnexxew f’dan il-qasam;

22.

jenfasizza l-bżonn li l-pubbliku jkun infurmat kompletament dwar il-parametri użati għall-kalkolu tar-rabta bejn l-ispiża u l-effettività (cost effectiveness) tar-rakkomandazzjonijiet li jidhru fuq iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija, u dan sabiex ikun hemm fehim ċar tal-kalkolu li sar, u sabiex iċ-ċittadini jingħataw il-possibilità li jerġgħu jivvalutaw rabta bejn l-ispiża u l-effettività tal-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija bbażati fuq fatturi ġodda (tibdil fil-prezz tal-enerġija, inċentivi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm idum jintuża t-tagħmir, eċċ.);

23.

jenfasizza, fost il-miżuri proposti l-ġodda, l-utilità tar-rapporti mitluba lill-Istati Membri (fost oħrajn, fl-Artikoli 5(2) u 9(3)). Sabiex tiġi garantita r-rilevanza ta’ dawn ir-rapporti, id-Direttiva trid timponi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għat-tħejjija tagħhom;

24.

ifakkar l-opinjoni tiegħu dwar il-“Promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli” (4), u b’mod favorevoli jilqa’ l-introduzzjoni ta’ livelli ta’ koordinazzjoni bejn din id-Direttiva u atti leġiżlattivi Ewropej importanti oħra f’dan il-qasam, b’mod partikulari d-Direttiva dwar servizzi ta’ enerġija (2006/32/KE) kif ukoll fir-rigward tal-proposti eżistenti u tal-ġejjieni relatati mal-akkwist pubbliku li jirrispettaw l-ambjent. Dan il-livell ta’ koordinazzjoni jsaħħaħ il-koerenza tal-leġiżlazzjoni kollha u jnaqqas il-piż minn fuq l-Istati Membri billi jgħaqqad ir-rapporti differenti li jridu jippreparaw;

25.

jilqa’ b’mod pożittiv l-objettiv li jiżdied in-numru ta’ “bini li għandu emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija primarja li huma baxxi jew xejn” u l-bżonn li s-settur pubbliku jmexxi bl-eżempju f’dan il-qasam;

26.

madankollu jfakkar li l-għan aħħari tad-Direttiva huwa li tiġi ffrankata l-enerġija sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent. L-istabbiliment ta’ definizzjoni tal-“bini li għandu emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija primarja li huma baxxi jew xejn” m’għandhiex twassal sabiex il-bini b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2 jiġi preferut mill-bini b’konsum baxx ta’ enerġija. Barra minn hekk, l-impatt ambjentali globali għandu dejjem jieħu preċedenza fuq l-uniku kriterju tal-emissjonijiet ta’ CO2;

27.

jenfasizza wkoll l-benefiċċji kif ukoll l-isfida li jirrappreżenta l-obbligu li jsir kontroll tal-kwalità taċ-ċertifikati ta’ prestazzjoni tal-enerġija u tar-rapporti ta’ spezzjoni. Din il-miżura ser tkun essenzjali għat-titjib sinjifikanti tal-kwalità tal-bini fl-Ewropa;

28.

jenfasizza li l-kwistjoni tal-perijodu li matulu jitwettqu x-xogħlijiet ser taffettwa b’mod sostanzali l-impatt globali tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kumitat

jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta tad-Direttiva li l-għajnuna kollha għall-kostruzzjoni jew għar-rinnovazzjoni tkun konformi mal-istandards tal-prestazzjoni tal-enerġija. Din għandha tiġi implimentata kemm jista’ jkun malajr iżda jkun aħjar li din ir-rabta tiġi stabbilita mill-programmi speċifiċi nazzjonali u lokali;

jipproponi li ssir riflesssjoni fuq mekkaniżmu li jistabbilixi, matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tal-bini, mument ta’ konformità obbligatorja tal-livell tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Dispożizzjoni bħal din għandha l-għan li tippromovi titjib rapidu tal-kwalità tal-bini eżistenti permezz tal-introduzzjoni ta’ mument privileġġjat ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija;

29.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-Direttiva teħtieġ sforz konsiderevoli fit-taħriġ. F’dan ir-rigward, huwa propost li tiddaħħal dispożizzjoni li tistabbilixxi

obbligu għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-evalwazzjoni u s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet f’dan il-qasam b’mod adegwat u b’mod partikulari li jipprovdu fondi adegwati b’tali mod li tiġi assigurata d-disponibilità ta’ persunal kwalifikat,

obbligu li ssir referenza għal dan is-suġġett fil-Pjanijiet Nazzjonali ta’ Azzjoni relatati mal-effiċjenza tal-enerġija.

30.

Fir-rigward tat-taħriġ professjonali, jenfasizza s-suċċess tan-numru ta’ inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali mmirati għall-katina tal-kostruzzjoni permezz tal-ħolqien ta’ gruppi ta’ diskussjoni li jiġbru korpi differenti ta’ ħaddiema (plumbers, tile-layers, electricians, eċċ.) bil-għan li tiġi diskussa l-interazzjoni bejn ir-rwoli differenti fil-proċess tal-kostruzzjoni ta’ bini. Dawn l-esperjenzi ħallew impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-proċess tal-kostruzzjoni inġenerali, u minħabba f’hekk, tal-bini nnifsu. Fil-gruppi fejn l-effiċjenza tal-enerġija ġiet identifikata bħala objettiv li għandu jinkiseb, instabu soluzzjonijiet effikaċi u innovattivi permezz tal-interazzjoni bejn il-korpi differenti ta’ xogħol;

31.

jenfasizza l-bżonn li jiġu evalwati tajjeb l-ispejjeż reali inizjali li din id-Direttiva teħtieġ sabiex ikun hemm disponibbli strumenti finanzjarji adegwati bbażati fuq l-inċentivi sabiex tiġi sostnuta u titħaffef l-implimentazzjoni tad-Direttiva. F’dan il-kuntest,

a.

bi pjaċir jilqa’ l-fatt li l-pjan ta’ rkupru ekonomiku mressaq mill-Kummissjoni f’Diċembru 2008 jirrikonoxxi l-investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija bħala opportunità għall-ekonomija Ewropea;

b.

jikkundanna bil-kbir madankollu li f’Marzu 2009, il-proposta ta’ kompromess approvata mill-Kunsill Ewropew għall-finanzjament tal-proġetti ta’ infrastruttura ppreżentati mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku ma tinkludi l-ebda investiment fi proġetti li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija;

madankollu, proġetti bħal, pereżempju, l-Energy Smart Buildings Campaign (kampanja għall-bini enerġetikament intelliġenti), imħejjija mill-Kunsill Ewropew għall-Enerġiji Rinnovabbli (EREC) fuq il-bażi ta’ esperjenzi konkreti fis-settur tal-enerġiji rinnovabbli, teħtieġ biss investiment limitat għal-livell tal-pjan ta’ rkupru (EUR 300 miljun), u tħalli impatt prinċipali fir-rigward tal-enerġija, l-ambjent u l-ħolqien ta’ impjiegi (stima ta’ 150 000 impjieg ġdid), li malajr jiġġeneraw aktar attività ekonomika (b’riżultati mistennija wara l-2010) u jkollha effett multiplikatur importanti ħafna (kull EUR investit fil-kampanja jiġġenera sa EUR 33 f’investiment f’bini iktar effiċjenti fl-enerġija).

Il-proġett Energy Smart Building Campaign huwa bbażat fuq ir-rabta ta’ tliet kampanji promozzjonali favur bini enerġetikament intelliġenti, li huma immirati 1) għall-proprjetarji; 2) għall-istrutturi b’effett multiplikatur u 3) għall-professjonijieti (inkluż attivitajiet ta’ taħriġ);

c.

jenfasizza l-importanza li jkun hemm aċċess imħaffef għall-fondi strutturali għall-investiment fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija fil-bini. F’dan il-kuntest,

jilqa’ b’mod favorevoli l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li temenda r-Regolamenti relatati mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jiġu promossi l-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija (5);

jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw b’attenzjoni r-reviżjoni ta’ ċerti partijiet tal-programmi tagħhom ta’ tħaddim sabiex l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini tingħata aktar prominenza, b’mod partikulari fil-bini soċjali;

d.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tawtorizza b’mod permanenti l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa fuq il-valur miżjud fis-settur tal-bini, inkluż għal xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni (6);

e.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija, bi sħubija mal-BEI (il-Bank Ewropew tal-Investiment) u l-BERŻ (il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). Ifakkar li waħda mill-kwistjonijiet essenzjali meta jinħolqu dawn l-istrumenti finanzjarji hija li jsiru aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex dawn tal-aħħar jiġu appoġġjati fir-rwol tagħhom ta’ atturi ċentrali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

f.

jenfasizza l-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-fondi speċifiċi Komunitarji u l-fondi nazzjonali.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL EMENDA

Emenda 1

Artikolu 5 (1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sal-31 ta’ Diċembru 2010 metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli ta’ spiża ottimali għar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini jew partijiet minnu. Il-metodoloġija komparattiva għandha tiddifferenzja bejn bini ġdid u eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

1.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sal-31 ta’ Diċembru 2010 metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli ta’ spiża ottimali għar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini jew partijiet minnu. Il-metodoloġija komparattiva għandha tiddifferenzja bejn bini ġdid u eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19 21(2).

Raġuni

Emenda teknika li tikkoreġi żball ċar li jikkonċerna referenza interna fid-dokument.

Emenda 2

Artikolu 5 (2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.

L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-livelli ta’ spiża effettiva tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija billi jużaw il-metodoloġija komparattiva stabbilita skont il-paragrafu 1 u parametri rilevanti, bħall-kundizzjonijiet klimatiċi, u jqabblu r-riżultati ta’ dan il-kalkolu mar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija li stipulaw.

Għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-dejta mdaħħla u l-assunzjonijiet kollha użati għal dawk il-kalkoli u r-riżultati kollha tal-kalkoli. Ir-rapport jista’ jiġi inkluż fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE. L-Istati Membri għandhom iressqu dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin. L-ewwel rapport għandu jitressaq sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011.

2.

L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-livelli ta’ spiża effettiva tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija billi jużaw il-metodoloġija komparattiva stabbilita skont il-paragrafu 1 u parametri rilevanti, bħall-kundizzjonijiet klimatiċi, u jqabblu r-riżultati ta’ dan il-kalkolu mar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija li stipulaw.

Għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-dejta mdaħħla u l-assunzjonijiet kollha użati għal dawk il-kalkoli u r-riżultati kollha tal-kalkoli. Ir-rapport ser jitħejja f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali, u jista’ jiġi inkluż fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE. L-Istati Membri għandhom iressqu dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin. L-ewwel rapport għandu jitressaq sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011.

Raġuni

Sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tar-rapporti mitluba lill-Istati Membri fil-qafas ta’ din id-Direttiva, huwa importanti li dawn jitħejjew f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali.

Emenda 3

Artikolu 9 (3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-pjani nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2001 u jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali tagħhom. Il-pjani nazzjonali u r-rapporti dwar il-progress jistgħu jiġu inklużi fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza ta' Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

3.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw iħejju il-pjani nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2001 u jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali tagħhom. Il-pjani nazzjonali u r-rapporti dwar il-progress jistgħu jiġu inklużi fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza ta' Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

Raġuni

Sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tar-rapporti mitluba lill-Istati Membri fil-qafas ta’ din id-Direttiva, huwa importanti li dawn jitħejjew f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali.

Emenda 4

Artikolu 10 (3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija għandhom ikunu teknikament fattibbli għall-bini speċifiku u għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti fir-rigward tal-effettività tal-ispiża tagħhom. L-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kundizzjonijiet standard, bħal fuq il-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u l-prezzijiet sottostanti tal-enerġija u r-rati tal-imgħax għall-investimenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

3.

Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija għandhom ikunu teknikament fattibbli għall-bini speċifiku u għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti fir-rigward tal-effettività tal-ispiża tagħhom u ż-żmien stimat għall-ħlas lura (mingħajr ma jiġu inklużi l-inċentivi finanzjarji jew l-iskemi ta’ appoġġ). L-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kundizzjonijiet standard, bħal fuq il-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u l-prezzijiet sottostanti tal-enerġija u r-rati tal-imgħax għall-investimenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Id-data, il-valuri u l-metodi ta’ kalkolu użati għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandhom jidhru b’mod ċar fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija.

Raġuni

Iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija għandu jipprovdi lill-pubbliku rakkomandazzjonijiet ċari u li jinftehmu faċilment, u jagħmilha possibbli li fi kwalunkwe ħin isir paragun bejn l-evalwazzjonijiet tal-effettività tal-ispiża, kif ikkalkulati matul it-tħejjija taċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija bil-kondizzjonijiet reali, b’kunsiderazzjoni tal-bidliet fis-sitwazzjoni (bidla fil-prezz tal-enerġija, fir-rati tal-interessi, fl-ispiża tat-tagħmir, eċċ.) u/jew tal-fatturi l-ġodda (inċentivi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi, perijodu għall-użu tal-programm, eċċ.).

Emenda 5

Artikolu 12 (2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 250 m2 li għaliha jkun inħareġ ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 11(1) iżurha spiss il-pubbliku, jitpoġġa f’post viżibbli għal pubbliku ċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija.

2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 250 m2 li għaliha jkun inħareġ ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija skont l-Artikolu 11(1) iżurha spiss il-pubbliku, jitpoġġa f’post viżibbli għal pubbliku ċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija ta’ dak il-bini.

Raġuni

Il-wiri taċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija fil-bini li jżuru spiss il-pubbliku jkollu impatt importanti sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji mill-importanza tal-kwistjonijiet marbutin mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

Emenda 6

Artikolu 15 (2b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2b.

rakkomandazzjonijiet għat-titjib bi spiża effettiva tal-prestazzjoni tal-enerġija tas-sistema tal-bini jew ta’ partijiet minnu.

Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) għandhom ikunu speċifiċi għas-sistema u għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti fir-rigward tal-effettività fl-ispiża tagħhom. L-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kundizzjonijiet standard, bħal fuq il-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u l-prezzijiet sottostanti tal-enerġija u r-rati tal-imgħax għall-investimenti.

2b.

rakkomandazzjonijiet għat-titjib bi spiża effettiva tal-prestazzjoni tal-enerġija tas-sistema tal-bini jew ta’ partijiet minnu.

Ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) għandhom ikunu speċifiċi għas-sistema u għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti fir-rigward tal-effettività fl-ispiża tagħhom u ż-żmien stimat għall-ħlas lura (mingħajr ma jiġu inklużi l-inċentivi finanzjarji jew l-iskemi ta’ appoġġ). L-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kundizzjonijiet standard, bħal fuq il-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u l-prezzijiet sottostanti tal-enerġija u r-rati tal-imgħax għall-investimenti. Id-data, il-valuri u l-metodi ta’ kalkolu użati għall-evalwazzjoni tal-effettività tal-ispiża għandhom jidhru b’mod ċar fiċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija.

Raġuni

Ir-rapporti ta’ spezzjoni għandhom jipprovdu lill-pubbliku rakkomandazzjonijiet ċari u li jinftehmu faċilment, u jagħmluha possibbli li fi kwalunkwe ħin isir paragun bejn l-evalwazzjonijiet tal-effettività tal-ispiża, kif ikkalkulati matul it-tħejjija tar-rapporti ta’ spezzjoni bil-kondizzjonijiet reali, b’kunsiderazzjoni tal-bidliet fis-sitwazzjoni (bidla fil-prezz tal-enerġija, fir-rati tal-interessi, fl-ispiża tat-tagħmir, eċċ.) u/jew tal-fatturi l-ġodda (inċentivi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi, perijodu għall-użu tal-programm, eċċ.).

Emenda 7

Artikolu 17 (a) ġdid

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

17 (a)

Taħriġ

1.

L-Istati Membri, f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali, għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw it-taħriġ tal-ispeċjalisti tas-settur tal-bini għat-teknoloġiji l-ġodda, metodi u materjali li jwasslu għal titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini ġdid u eżistenti. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jassiguraw taħriġ adegwat, kontinwu u aċċessibbli għall-ispeċjalisti kollha li huma diġà attivi f’dan il-qasam. Barra minn hekk, għandhom jassiguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ għall-ispeċjalisti tal-ġejjieni jkunu riveduti u regolarment adattati kif meħtieġ. L-Istati Membri, f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet u l-atturi lokali u reġjonali, għandhom jassiguraw ukoll li jeżisti taħriġ aċċessibbli għal kulħadd u b’kapaċità adegwata sabiex jiġi mħarreġ numru adegwat ta’ esperti ċċertifikati għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija u għall-ispezzjoni tas-sistemi tekniċi, kif imfissra fl-Artikoli 13 u 14 ta’ din id-Direttiva.

2.

L-Istati Membri ser jagħtu rapport dwar l-inizjattivi li ttieħdu u r-riżultati miksuba fil-qasam tat-taħriġ kif imfissra fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll dwar il-miżuri ġodda li beħsiebhom jieħdu fejn ikun meħtieġ. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-rapport, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali, l-Istati Membri ser iwettqu studju dwar il-ħtiġijiet fil-qasam tat-taħriġ bil-għan li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri ser iqabblu l-inizjattivi, meħuda jew ippjanati, u r-riżultati tagħhom fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju.

3.

L-Istati Membri ser iħejju r-rapporti msemmija fil-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet u l-atturi reġjonali u lokali u ser jippreżentawhom mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011. Jippreżentaw rapport ġdid kull 3 snin. Dan ir-rapport jista’ jiġi inkluż fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija ddefinit fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE. Il-Kummissjoni ser tippubblika rapport dwar il-progress tal-Istati Membri fil-qasam tat-taħriġ tal-professjonisti. Dan ir-rapport ser jinkludi paragun tal-istudji nazzjonali dwar il-ħtieġa tat-taħriġ. Fejn adegwat, ser tressaq ukoll rakkomandazzjonijiet u linji gwida fil-qasam tat-taħriġ tal-professjonisti fil-kuntest ta’ din id-Direttiva.

Raġuni

L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ din id-Direttiva teħtieġ sforzi sinjifikanti fit-taħriġ, li jridu jitfissru u jsiru obbligatorji mid-Direttiva, inkluż id-definizzjoni ta’ objettivi u obbligu ta’ rappurtaġġ.

Emenda 8

Artikolu 19

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinfurmaw lis-sidien jew l-okkupanti tal-binjiet jew partijiet minnhom dwar il-metodi differenti u l-prattiċi li jservu sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu informazzjoni lis-sidien u lill-okkupanti tal-bini dwar iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija u r-rapporti tal-ispezzjoni, l-iksop u l-għanijiet tagħhom, modi ta’ spiża effettivi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, u dwar konsegwenzi għaż-żmien mezzan u ż-żmien fit-tul jekk ma tittieħed ebda azzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinfurmaw lis-sidien jew l-okkupanti tal-binjiet jew partijiet minnhom dwar il-metodi differenti u l-prattiċi li jservu sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu informazzjoni lis-sidien u lill-okkupanti tal-bini dwar iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija u r-rapporti tal-ispezzjoni, l-iksop u l-għanijiet tagħhom, modi ta’ spiża effettivi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, u dwar konsegwenzi għaż-żmien mezzan u ż-żmien fit-tul jekk ma tittieħed ebda azzjoni biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.

L-Istati Membri għandhom jinvolvu u jikkonsultaw mal-awtoritajiet lokali fi stadju bikri, sabiex jiżviluppaw l-informazzjoni u l-programmi li jżidu l-għarfien.

Raġuni

Id-dispożizzjonijiet tar-riformulazzjoni tad-direttiva jħallu impatt fuq l-awtoritajiet lokali f’ħafna modi, meta tqis ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-ippjanar, bħala sidien u maniġers ta’ firxa wiesgħa u diversa ta’ proprjetà, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali. Il-fatt li l-gvernijiet lokali huma qrib iċ-ċittadini jagħtihom ukoll rwol ewlieni fl-għoti ta’ informazzjoni u inċentivi sabiex ir-residenti u s-sidien ikunu jistgħu jtejbu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini tagħhom, u biex ibiddlu l-imġieba tagħhom fil-konsum tal-enerġija. L-awtoritajiet lokali wkoll għandhom ħafna esperjenza u għarfien espert x’joffru f’dan il-qasam.

Brussell, il-21 ta’ April 2009.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 241/2008 fin

(2)  CdR 160/2008 fin

(3)  CdR 161/2008 fin

(4)  CdR 160/2008 fin

(5)  COM(2008) 838/3 finali

(6)  COM(2008) 428 finali


Top