EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1039

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni COM(2009) 21 fin – 2009/0009 (CNS)

ĠU C 306, 16.12.2009, p. 76–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 306/76


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KEE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni

COM(2009) 21 fin – 2009/0009 (CNS)

2009/C 306/17

Nhar is-27 ta’ Frar 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Mejju 2009 Ir-rapporteur uniku kien is-Sur BURANI.

Matul l-454 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar l-10 u l-11 ta’ Ġunju 2009 (seduta tal-10 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Id-dokument tal-Kummissjoni qed jiġi ppreżentat bħala tweġiba għall-kundizzjoni, stipulata mill-Kunsill, li sal-31 ta’ Diċembru 2008 jitressaq rapport u, eventwalment, proposti b’rabta mal-iżviluppi teknoloġiċi dwar il-fatturazzjoni. Ir-regoli konċernati, li jinsabu fid-Direttiva tal-VAT 2006/112/KE, ma laħqux l-għanijiet tagħhom għalkollox. Min-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tagħhom ġabet magħha kunsiderazzjonijiet ġodda li wasslu sabiex jiġu identifikati aktar nuqqasijiet. L-għan ta’ din il-Proposta għal Direttiva huwa li tagħti kontribut għall-politika ta’ semplifikazzjoni, li tnaqqas l-ispejjeż tal-operaturi, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll li b’mod indirett iżda effettiv tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi.

1.2

Fir-rigward tal-fatturazzjoni, il-proposti huma fid-dettall u mill-aktar tekniċi. Dawn kollha bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija aktar ’il fuq. Ta’ min wieħed ifakkar, b’mod partikolari, li ġie rikonoxxut b’mod espliċitu li l-fatturi elettroniċi u l-fatturi stampati għandhom l-istess importanza. Il-KESE jaqbel mal-miżuri proposti, li jidhru razzjonali u konformi mal-prinċipji tal-ammistrazzjoni tajba. Madankollu jesprimi riżervi serji dwar il-libertà eċċessiva li ngħatat lill-Istati Membri jekk jadottawx jew le numru ta’ dispożizzjonijiet. Jifhem id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni fit-tfassil ta’ regoli li jorbtu u li jkunu validi fl-UE kollha; min-naħa l-oħra, jista’ jagħti l-każ li r-reżistenza tal-Istati Membri li jadottaw dawn ir-regoli ġejja wkoll mil-livelli differenti ta’ sofistifikazzjoni fil-proċeduri amministrattivi jew min-nuqqas ta’ flessibilità leġiżlattiva. Ir-riżultat ta’ din is-sitwazzjoni huwa l-ħolqien ta’ applikazzjoni flessibbli tal-liġi u b’hekk jonqos il-progress lejn l-armonizzazzjoni filwaqt li jiżdiedu l-proċeduri burokratiċi għan-negozji.

1.3

Il-KESE jemmen li għandu jippreżenta riżervi serji fuq punt wieħed biss: il-proposta li l-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jingħataw aċċess għall-arkivji elettroniċi tal-operaturi. Dan id-dritt imur lil hinn mill-prinċipji ta’ koperazzjoni amministrattiva u ma jidhirx legalment sostenibbli, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra li fl-istess ħin qed tiġi mħassra l-liġi li biha l-użu tad-data għandu jkun limitat għall-finijiet ta’ kontroll biss.

2.   Sfond

2.1

Ir-regoli dwar il-fatturazzjoni tal-VAT, li fil-qosor huma l-bażi legali u regolamentarja għall-ġbir tat-taxxi kif ukoll, b’mod indirett, għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, jinsabu fid-Direttiva 2001/115/KE li issa ġiet inkorporata fid-Direttiva tal-VAT 2006/112/KE. L-Artikolu 237 tad-Direttiva tal-VAT jistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, u jekk ikun hemm il-ħtieġa, proposta li temenda l-kundizzjonijiet għall-fatturazzjoni elettronika li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi f’dan il-qasam. Fil-Proposta għal Direttiva li qed tiġi analizzata f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni tinnota li r-regoli oriġinali ma laħqux għalkollox l-għanijiet tagħhom; għaldaqstant qed tieħu din l-okkażjoni sabiex testendi l-iskop tal-proposti bil-għan li tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet li rriżultaw f’dan ir-rigward.

2.2

Il-qafas tar-regoli l-ġodda huwa bbażat fuq erba’ għanijiet fundamentali: is-semplifikazzjoni tar-regoli sabiex jonqos il-piż amministrattiv fuq in-negozji, il-promozzjoni tal-SMEs, iż-żieda fl-użu tal-fatturazzjoni elettronika, u fl-aħħar, l-għajnuna fil-ġlieda kontra l-evażjoni tal-VAT: ħidma li żgur mhijiex sempliċi iżda li, madankollu, ġiet iffaċċjata mill-Kummissjoni bl-aħjar intenzjonijiet; fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultati jiddependu mir-rieda tajba u l-effiċjenza li l-amministrazzjonijiet nazzjonali ser juru waqt li jkunu qed jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

2.3

It-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa parti mill-impenn li assumiet il-Kummissjoni meta adottat il-“pjan ta’ azzjoni” tal-2007. B’din il-Proposta, li ddaħħal il-fatturazzjoni elettronika f’pakkett ta’ miżuri għal regolamentazzjoni aħjar li jwassal sabiex jitnaqqas il-piż burokratiku tal-intrapriżi, il-Kummissjoni qed tipprova tolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda, jiġifieri tiżgura li l-awtoritajiet fiskali jagħrfu li l-fatturi elettroniċi għandhom l-istess valur probatorju bħall-fatturi stampati, filwaqt li jinħoloq sett ta’ regoli armonizzati li jwasslu sabiex jonqsu l-għażliet li għandhom bħalissa l-Istati Membri, l-aktar f’dik li hija awtoċertifikazzjoni.

2.4

Fir-rigward tal-SMEs, il-KESE jilqa’ b’mod partikolari żewġ miżuri – waħda minnhom għandha twassal għall-estensjoni tal-fatturazzjoni semplifikata, u l-oħra għandha toħloq il-possibilità li l-VAT tinħadem fuq il-bażi ta’ sistema tal-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet: dan għandu jwassal biex jonqsu l-ispejjeż, jiġu ssemplifikati l-proċeduri, u b’mod indirett l-SMEs ikunu mħeġġa jestendu u/jew jerġgħu jibdew l-attività tagħhom barra minn pajjiżhom.

2.5

Il-Proposta tressqet b’konformità mal-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, u għandha importanza politika kbira billi permezz tagħha ser ikompli jissaħħaħ is-suq uniku. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni taż-żieda fl-użu tal-fatturazzjoni elettronika u l-fatt li jinżammu l-fatturi ser jgħinu sabiex it-tranżazzjonijiet kummerċjali jsiru aktar mexxejja, u b’hekk in-negozji jkunu jistgħu jidħlu għal opportunitajiet ġodda u jieħdu vantaġġ minnhom għaliex jonqsu l-ispejjeż u tiżdied il-produttività, speċjalment bit-tqassim mill-ġdid tar-riżorsi li jintużaw biex tiġi riċevuta, reġistrata u arkivjata d-data.

2.6

Bħala kontribut għall-ġlieda kontra l-frodi, il-Proposta tal-Kummissjoni, għalkemm tipprova telimina l-ostakli legali għall-fattura elettronika, l-aktar fil-każ tal-fatturazzjoni transkonfinali, tipprova tagħmel ir-regoli fuq ir-rwol tal-fattura fit-tnaqqis tal-VAT aktar ħorox u fl-istess ħin toħloq skambju ta’ informazzjoni aktar mgħaġġel dwar il-provvisti intra-Komunitarji.

2.7

Il-KESE jemmen li l-qafas tar-regoli li qed jiġu analizzati huma konformi mal-prinċipji li ssawret fuqhom l-istess Proposta u b’mod ġenerali jaqbel magħhom. Il-KESE qed iressaq xi kummenti u proposti bil-għan li, jekk ikun qbil dwarhom, tiżdied il-possibilità li r-regoli jiġi implimentati fil-prattika.

3.   Miżuri prinċipali proposti u kummenti

3.1

Fir-rigward tal-kontijiet jew ħlasijiet suċċessivi (Artikolu 64(2)), ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu li l-provvisti kontinwi ta’ merkanzija matul perijodu ta’ aktar minn xahar kalendarju, li jiġu fornuti jew trasferiti b’eżenzjoni mill-VAT, jitqiesu bħala kompluti meta jiskadi kull xahar kalendarju. Il-provvisti kontinwi ta’ servizzi li għalihom trid titħallas il-VAT li jsiru matul perijodu ta’ aktar minn sena, jitqiesu bħala kompluti meta tiskadi kull sena kalendarja. L-Istati Membri għandhom il-possibilità li, “f’ċerti każijiet” li ma jiffurmawx parti miż-żewġ kategoriji msemmija hawn fuq, japplikaw l-iskadenza konvenzjonali ta’ sena kalendarja għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi.

3.1.1

Is-semplifikazzjoni li ddaħħlet b’dawn ir-regoli għandha tintlaqa’ tajjeb ukoll, minħabba li din tippermetti kontroll aħjar tan-negozju kontinwu. Madankollu, il-KESE għandu xi riżervi dwar il-possibilità li ngħatat lill-Istati Membri li japplikaw l-iskadenza konvenzjonali ta’ sena kalendarja għal dawk il-każijiet mhux stipulati fid-Direttiva: dan minħabba li tiddgħajjef l-armonizzazzjoni kif ukoll minħabba li l-kliem użat huwa vag wisq u jista’ joħloq konfużjoni jekk mhux kontestazzjonijiet.

3.2

L-Artikolu 167a jistipula li f’dawk il-każijiet fejn it-taxxa deduċibbli ssir dovuta meta jsir il-ħlas (“sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet”), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li d-dritt għat-tnaqqis jiġi eżerċitat meta l-merkanzija jew is-servizz jiġu fornuti jew meta tinħareġ il-fattura. Dawn l-għażliet huma possibbli biss jekk tiġi applikata s-sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet fuq il-persuna taxxabbli kif ukoll jekk il-fatturazzjoni annwali tiegħu ma taqbiżx l-EUR 2 miljun.

3.2.1

Dawn ir-regoli jiffaċilitaw b’mod konsiderevoli l-affarijiet għal dawk l-SMEs li jadottaw is-sistema bbażata fuq il-ħlasijiet, u għal dawk in-negozji li jagħmlu użu mit-tranżazzjonijiet tal-inverżjoni tal-ħlas iżda ma jżommux fattura. Madankollu, l-Istati Membri għandhom il-possibilità, u mhux l-obbligu, li jadottawhom: għal darb’oħra dan idgħajjef l-armonizzazzjoni u, sa ċertu punt, il-prinċipju tal-kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni. Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu limitati l-miżuri fakultattivi għall-Istati Membri kollha; però t-test tal-Artikolu (“jistgħu”) huwa ambigwu fir-rigward tal-intenzjoni ddikjarata.

3.3

L-Artikolu 1(9) tal-Proposta jagħmel numru ta’ tibdiliet fil-punti (a), (ċ) u (f) tal-Artikolu 178 tad-Direttiva 2006/112/KE. Bażikament, sabiex wieħed jibbenefika minn dan it-tnaqqis, il-fatturi jridu jitħejjew skont il-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu 3 tat-Titolu XI tad-Direttiva tal-VAT. Essenzjalment, meta l-fornitur jiddikjara l-VAT fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-klijent sabiex jeżerċita d-dritt immedjat tat-tnaqqis. Ir-regola tintroduċi l-prinċipju li jagħmel it-tranżizzjonijiet aktar mexxejja, iżda għal darb’oħra, il-fatt li l-għażla, jekk tiġix applikata jew le, tħalliet f’idejn l-Istati Membri ma tikkontribwixxix għall-armonizzazzjoni mixtieqa.

3.4

Numru ta’ miżuri (it-tneħħija tal-Artikoli 181 u 182, l-Artikoli ġodda 218a u 219a) għandhom isolvu l-problemi tal-provvisti minn negozju għal negozju, li sal-lum suppost għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-fatturazzjoni li japplikaw fl-Istat Membru fejn tasal il-merkanzija, iżda sikwit jinqalgħu diffikultajiet marbuta mal-interpretazzjoni. Qed tiġi introdotta ġabra ta’ proposti armonizzati għall-fatturi, kemm elettroniċi kif ukoll stampati, b’tali mod li jippermettu l-użu tagħhom fl-UE kollha; dan jgħodd ukoll fil-każ tal-fatturazzjoni għall-klijent, fejn ir-regoli li japplikaw jibqgħu dawk tal-post fejn issir it-tassazzjoni.

3.4.1

Hemm regoli ġodda li jikkonċernaw il-fatturi semplifikati, li jistgħu jkunu aċċettati f’xi każijiet, prinċipalment meta l-ammont taxxabbli jkun anqas minn EUR 200 u meta l-provvista tkun eżenti mingħajr id-dritt għal tnaqqis; din il-possibilità tinbidel f’obbligu li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq dawk il-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fit-territorju tagħhom.

3.4.2

Id-differenza bejn fattura “sħiħa” u waħda semplifikata hija l-użu differenti tagħha: tal-ewwel isservi sabiex jiġi eżerċitat id-dritt tat-tnaqqis, filwaqt li l-oħra fil-prinċipju m’għandhiex din il-funzjoni jekk mhux f’dawk il-każijiet li jkunu aċċettati fit-territorju tal-istess Stat Membru. L-innovazzjonijiet li ġew introdotti huma konsistenti mar-rieda tal-Kummissjoni li tissemplifika l-proċeduri u li tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq in-negozji, iżda għal darb’oħra n-numru ta’ possibilitajiet li għandhom l-Istati Membri jmorru kontra l-prinċipju tal-armonizzazzjoni: sinjal ċar li għad hemm ir-reżistenza tal-Istati Membri li jadottaw proċeduri u sistemi amministrattivi komuni. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-fattura semplifikata, dispożizzjoni li torbot hija aktar preferuta mill-verżjoni fakultattiva li tressqet fil-Proposta għal Direttiva. Dan sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi addizzjonali fuq dawk in-negozji li joperaw f’diversi Stati Membri u b’hekk ikunu jridu jużaw numru ta’ sistemi regolatorji differenti.

3.5

L-Istati Membri jistgħu jimponu limitu ta’ żmien sa meta l-persuni taxxabbli li jfornu prodotti jew servizzi fit-territorju tagħhom ikunu jistgħu joħorġu l-fattura. Il-Proposta għal Direttiva ser tnaqqas il-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 222 tad-Direttiva 2006/112/KE billi tistabbilixxi li l-fattura trid tinħareġ sa mhux aktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta’ wara x-xahar li fih ikun seħħ l-att li jwassal għall-ħlas. Fil-fehma tal-Kumitat, dan il-perijodu ta’ żmien huwa qasir wisq għal ħafna setturi, pereżempju l-industrija tal-kostruzzjoni, u għalhekk jipproponi li jew titneħħa din l-emenda u l-Artikolu 222 jibqa’ l-istess jew li l-perijodu li fih trid tinħareġ il-fattura jiġi estiż b’tal-anqas xahrejn..

3.6

Numru ta’ regoli ġodda jikkonċernaw il-proċeduri tar-reġistrazzjoni, ta’ kontabilità u tal-arkivjar (anke elettroniku) tat-tranżazzjonijiet taxxabli jew le. Il-KESE ma jemminx li għandu jagħmel kummenti partikolari dwar dan, bl-eċċezzjoni għall-possibilità li l-Istati Membri jimponu l-obbligu li ċerti fatturi jkunu tradotti fil-lingwa uffiċjali tagħhom: dan l-obbligu diġà jeżisti f’xi pajjiżi u joħloq piż konsiderevoli fuq in-negozji.

3.7

L-Artikolu 249 jintroduċi innovazzjoni importanti b’rabta mal-kontrolli: id-dispożizzjoni oriġinali kienet tagħti aċċess għall-arkivju elettroniku tal-fatturi lil dawk l-awtoritajiet tal-pajjiż li fih l-operatur ikun stabbilit biss; it-test il-ġdid jipproponi li l-aċċess jiġi estiż għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor fejn tkun dovuta l-VAT. Taqa’ wkoll ir-restrizzjoni preżenti li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali għandhom il-possibilità ta’ aċċess “sa fejn dak l-Istat jeħtieġ għal raġunijiet ta’ kontroll”.

3.7.1

Skont il-KESE, bl-estensjoni tal-possibilità ta’ aċċess għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor mingħajr limiti jkun qed jingħata dritt li jmur lil hinn mir-regoli dwar il-koperazzjoni amministrattiva. Sal-lum ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li amministrazzjoni barranija, kemm jekk hija awtorizzata min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-pajjiż rilevanti jew le, li tinterroga jew tagħmel perkwiżizzjoni fuq persuna f’pajjiżu; ir-regola l-ġdida tintroduċi kunċett li jista’ jkun imqabbel ma’ perkwiżizzjoni b’mod elettroniku. Barra minn hekk, huwa diffiċli timmaġina kif wieħed jista’ jkollu aċċess għal arkivju elettroniku u jagħti biss kas ta’ dik id-data li tinteressah, u ma jagħtix kas ta’ dik id-data li m’għandhiex x’taqsam mar-riċerka.

3.8

Fl-aħħar nett, il-KESE ma jistax ma jifraħx lill-Kummissjoni li xprunat mill-ġdid il-ħidma li diġà bdiet fuq is-semplifikazzjoni tal-proċeduri, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kontabilità, kif ukoll li tkun aktar rigoruża fil-ġlieda kontra l-frodi; jinsab imħasseb fir-rigward tan-nuqqas ta’ progress lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli, però jirrikonoxxi d-diffikultajiet kawżati mir-reżistenza tal-Istati Membri; iżomm riżerva qawwija ta’ natura ġuridika, kif ukoll ta’ prinċipju, fuq ir-regoli l-ġodda fir-rigward tal-aċċess għall-arkivji elettroniċi.

Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


Top