Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0332

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta’ kumpaniji

    ĠU C 218, 11.9.2009, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 218/27


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/EEC, 78/855/EEC u 82/891/EEC u d-Direttiva 2005/56/EC fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta’ kumpaniji

    COM(2008) 576 finali – 2008/0182 (COD)

    2009/C 218/05

    Nhar is-16 ta’ Ottubru 2008, b’konformità mal-Artikolu 44 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kunsill iddeċieda jikkonsulta lill-Kumitat Elettroniku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE, 78/855/KEE u 82/891/KEE u d-Direttiva 2005/56/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar u dokumentazzjoni fil-każ tal-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta’ kumpaniji

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata tas-Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2009 (rapporteur: is-Sinjura SÁNCHEZ MIGUEL).

    Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet il-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’104 voti favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE, ripetutament, talab is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam. Is-sovrapożizzjoni tal-leġiżlazzjoni oriġinali b’emendi ħolqot diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-liġi, flimkien ma’ burokrazija eċċessiva. Dan iwaqqaf l-organizzazzjonijiet irregolati milli jaħdmu b’mod fluwidu.

    1.2

    Madankollu, il-KESE ddikjara wkoll li dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni m’għandux jinkludi d-deregolazzjoni jew inaqqas iċ-ċertezza legali, li għandhom ikunu preżenti kullimkien fl-UE.

    1.3

    Ir-regolamentazzjoni tas-suq uniku u r-relazzjonijiet bejn l-operaturi ekonomiċi u l-atturi soċjali Ewropej ippermettew minn naħa waħda l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u minn naħa l-oħra l-possibbiltà tal-moviment ħieles ta’ persuni u kapitali, mingħajr ma ġewx kompromessi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet interessati varji.

    1.4

    Għal din ir-raġuni, u b’kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi li kellhom in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni u trasparenza tal-organizzazzjonijiet ewlenin tas-suq uniku, il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-proposti sabiex jiġu ssimplifikati l-proċedura jkollhom effetti pożittivi waħedhom u jnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi, jew jekk jista’ jkollhom effett fuq iċ-ċertezza legali ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni li jirriżultaw mill-amalgamazzjoni jew id-diviżjoni ta’ kumpanija.

    1.5

    Għaldaqstant il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar l-SMEs Ewropej – li jagħmlu parti ewlenija tal-istruttura ekonomika Ewropea – għandha tiġi separata b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpaniji l-kbar, speċjalment dawk li huma jiġbru l-fondi mis-swieq tal-ishma. Ir-rekwiżit tal-unanimità għal ħafna mid-dispożizzjonijiet proposti ċertament huwa mmirat lejn il-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju ta’ responabbilità limitata (limited liability companies), peress li jekk dan mhuwiex il-każ ir-rekwiżit ma jkunx jista’ jitħaddem.

    1.6

    Sakemm il-leġiżlazzjoni tkun separata b’mod ċar b’dan il-mod, għandhom jibqgħu fis-seħħ il-garanziji legali għall-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati, u għandhom jinstabu mezzi kif l-SMEs jiġu appoġġjati sabiex jitnaqqas il-piż ekonomiku minħabba l-pressjoni biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni attwali.

    2.   Daħla

    2.1

    Waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni rigward tas-suq intern kienet l-istabbiliment ta’ proċess ta’ simplifikazzjoni tal-liġijiet tal-UE, speċjalment il-liġi li tirregola l-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji Ewropej. Il-maġġoranza ta’ dawn il-kumpaniji huma SMEs, iżda ħafna mir-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi dwar il-liġi tal-kumpaniji huma maħsuba għall-kumpanniji l-kbar b’responsabbilità limitata li jiġbru l-fondi fis-suq tal-ishma.

    2.2

    Fil-Kunsill tar-Rebbiegħa tal-2007 (1) kien approva l-pjan ta’ azzjoni għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jxekklu b’mod mhux neċessarju l-attività ekonomika tal-impriżi. Il-pjan ta’ azzjoni stipula l-objettiv li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi b’25 % sal-2012.

    2.3

    Fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji, tressqu proposti biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri f’żewġ oqsma: il-liġi materjali, fl-Ewwel Direttiva dwar l-istabbiliment ta’ kumpaniji b’responsabbilità limitata (2) u fit-Tieni Direttiva dwar iż-żamma u bidliet fil-kapital (3), kif ukoll id-Direttivi dwar il-liġi proċedurali (4) b’mod partikulari fir-rigward tar-regoli ta’ kontabbilità u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kumpaniji elenkati.

    2.4

    Tnejn mid-Direttivi li ġew proposti biex jiġu emendati diġà kienu soġġetti għal proposti ta’ simplifikazzjoni: it-Tielet Direttiva dwar l-amalgamazzjoni u s-Sitt Direttiva li tirregola d-diviżjoni tal-kumpaniji (5) f’qasam ta’ importanza kbira, l-intervent ta’ esperti indipendenti fil-każijiet ta’ amalgamazzjoni u diviżjoni ta’ kumpaniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata. Il-KESE kien kritiku dwar din il-kwistjoni (6) u ddikjara li n-nuqqas ta’ osservatur oġġettiv minn barra l-kumpanija jista’ jipperikola l-interessi ta’ terzi persuni, kredituri u impjegati.

    3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1

    Il-Proposta għal Direttiva, suġġett ta’ din l-opinjoni, taffettwa direttament tliet Direttivi: it-Tielet Direttiva dwar l-amalgamazzjoni, is-Sitt Direttiva dwar id-diviżjoni, u d-Direttiva dwar amalgamazzjoni transkonfinali, li ġiet adottata riċentament (7). Barra minn hekk temenda b’mod indirett it-Tieni Direttiva (8): l-introduzzjoni fil-liġi dwar l-amalgamzzjoni u d-diviżjoni tal-eżenzjoni tar-rapport tal-espert indipendenti (konsiderazzjoni li ma tirrigwardax flus) ser taffettwa r-regoli dwar l-alterazzjoni tal-kapital stipulati fit-Tieni Direttiva.

    3.2

    B’mod ġenerali, il-miżuri ta’ simplifikazzjoni proposti fit-tliet Direttivi jirrigwardaw:

    it-tnaqqis fir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-abozzi tat-termini ta’ amalgamazzjoni jew diviżjoni

    ir-rekwiżiti ta’ pubblikazzjoni u dokumentazzjoni tal-obbligi tal-azzjonijiet fir-rigward ta’ proposti ta’ amalgamazzjoni jew diviżjoni

    ir-regoli dwar il-ħarsien tal-kredituri.

    3.3

    Ir-rekwiżiti ta’ rappurtar kemm fit-Tielet kif ukoll fis-Sitt Direttiva attwalment jinvolvu t-tfassil ta’ tliet rapporti: rapport mill-amministraturi dwar ir-raġunijiet legali u ekonomiċi tal-amalgamazzjoni jew id-diviżjoni; rapport ta’ espert indipendenti; u dikjarazzjoni ta’ kontabbilità, f’każ li l-kotba ta’ kontabbilità annwali jkunu ta’ sitt xhur ilu u iktar. Dawn id-dokumenti kollha għandhom jiġu approvati fil-laqgħa ġenerali ta’ kull kumpanija involuta fl-amalgamazzjoni jew id-diviżjoni.

    3.4

    Il-proposta tnaqqas dawn ir-rekwiżiti meta l-azzjonisti jaqblu unanimament li jirrinunzjaw ir-rapport tal-amministrazzjoni, u fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ kontabbilità għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva ta’ Trasparenza (9) dejjem jekk il-kumpanija jkollha titoli ta’ sigurtà.

    3.5

    Fir-rigward tal-emenda tat-Tieni Direttiva relatata mal-alterazzjoni tal-kapital, huwa propost li l-kumpaniji jkunu eżentati mill-obbligu li joħolqu r-rapport tal-espert dwar il-konsiderazzjonijiet barra dawk fi flus.

    3.6

    Proposta ewlenija li tirrigwarda l-pubblikazzjoni tar-rapporti dwar l-amalgamazzjoni u d-diviżjoni ta’ kumpaniji tirrakkomanda l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u tal-Internet sabiex din l-informazzjoni tkun disponibbli.

    3.7

    Fir-rigward tal-ħarsien tal-kredituri, il-proposta tbiddel id-dritt attwali tagħhom li jopponu l-amalgamazzjoni jew id-diviżjoni sakemm ikun garantit il-ħlas tas-self tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ amalgamazzjoni transkonfinali, ir-rapport tal-espert dwar konsiderazzjonijiet barra minn dawk fi flus irid jitfassal, sabiex ikun hemm garanzija li jingħata valur fuq dan li jista’ jiġi infurzat fil-qrati fl-Istati Membri varji fejn il-kumpaniji huma bbażati, u b’hekk il-kredituri jkunu mħarsa.

    4.   Osservazzjonijiet dwar il-proposta ta’ emenda.

    4.1

    Il-KESE huwa tal-fehma li s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE – u l-leġiżlazzjoni tal-kumpaniji b’mod partikulari – hija pass pożittiv, minħabba l-piż burokratiku li jġorru l-kumpaniji Ewropej, u b’mod partikolari l-SMEs li jagħmlu parti importanti mill-istruttura ekonomika tal-UE. madankollu, il-KESE diġà rrimarka li dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni m’għandu qatt iwassal għal inċertezzi legali għall-atturi fis-suq uniku.

    4.2

    Nistgħu nifhmu l-interess tal-Kummissjoni fil-protezzjoni tal-azzjonisti bħala detenturi tal-kumpanija, iżda fl-istess ħin m’għandhiex tittraskura l-partijiet l-oħra interessati li jistgħu jkunu affettwati d-drittijiet legali tagħhom fi tranżazzjonijiet legali. Għaldaqstant, aħna nifhmu u nappoġġjaw il-pożizzjoni li ħa il-PE (10) fejn fakkar li jeħtieġ li nqisu l-interessi tal-partijiet interessati kollha (investituri, proprjetarji, kredituri u impjegati).Din hija pożizzjoni diġà meħuda preċedentement (11) mill-KESE u li se ntennu, bil-għan li nipprovaw inżommu t-trasparenza u niżguraw it-trasparenza u l-fiduċja tal-atturi ekonomiċi u soċjali tas-suq uniku Ewropew.

    4.3

    Il-kritika li ġejja trid titqies fis-simplikazzjoni proposta tar-rekwiżiti ta’ rappurtar għal amalgamazzjoni u diviżjoni, li tippermetti li dokumenti jkunu disponibbli għal azzjonisti u kredituri fuq l-Internet minflok ma jiġu ppubblikati permezz ta’ reġistru (dan japplika wkoll għall-amalgamazzjoni transkonfinali). L-ewwel nett, din l-emenda ma tistax titqies li qed tissalvagwardja kemm id-drittijiet tal-azzjonisti kif ukoll tal-kredituri jekk tirrakkomanda li titneħħa s-sistema intrinsikament pubblika tar-reġistrar tad-dokumenti, u fit-tieni lok mhux ser ikun iktar possibbli li din l-informazzjoni tintuża bħala evidenza li wieħed jista’ joqgħod fuqha fil-kuntest ta’ kwalunkwe argument. Nemmnu għaldaqstant li t-trasparenza f’dan it-tip ta’ tranżazzjoni għandha tipprevali fuq l-iffrankar ta’ spejjeż ekonomiċi, b’hekk naħsbu li dan il-prinċipju għandu jitħares b’mod iktar effettiv.

    4.4

    Madankollu, naqblu li jagħmel sens li r-rapporti ta’ kontabbilità ma jiġux iddupplikati fil-każ ta’ kumpaniji kkwotati (12), peress li dawn jitfasslu f’konformità ma’ proċeduri stabbiliti u jinvolvu wkoll l-awtoritajiet tal-borża. L-estensjoni ta’ din il-miżura għal kumpaniji oħra mhux kkwotati, dejjem jekk ikun hemm unanimità tal-azzjonisti kollha tal-kumpaniji kollha, tidher li tgħawweġ l-għan tal-leġiżlazzjoni. Jekk l-arkivji tal-kontabbilità tal-kumpaniji jkunu diġà disponibbli u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, m’hemmx bżonn li jiġu ddupplikati, iżda dan mhuwiex implikat fl-Artikolu 9 (ii) (b) tat-Tielet Direttiva li jeskludi l-elaborazzjoni ta’ rapport jekk jiġi deċiżi b’mod unanimu mill-azzjonisti.

    4.5

    L-emenda proposta għat-Tieni Direttiva 77/91/KEE (li ser tkun addizzjonali għall-emendi li saru preċedentement) hija kwistjoni oħra li tikkonċernana. Il-proposta hija n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 – dwar kunsiderazzjonijiet oħra barra minn dawk fi flus u l-evalwazzjoni minn esperti indipendenti – għall-amalgamazzjoni u d-diviżjoni, u l-applikazzjoni ta’ regoli speċifiċi dwar rapporti ta’ esperti. Nifhmu li r-rapport jistabbilixxi kemm mill-kapital jikkorrispondi għal kull azzjonista, u l-kapital huwa l-ammont ta’ responsabbilità ta’ kull kumpanija lejn terzi persuni. Il-KESE jtenni l-fehmiet tiegħu dwar it-trasparenza, u b’mod partikolari dwar il-garanzija li għandhom japplikaw għall-partijiet interessati kollha u partijiet oħrajn milqutin mit-trażazzjonijiet. Bla dubju huwa bidu ħażin li m’għandniex mill-inqas rapport “oġġettiv” dwar l-assi tal-kumpanija, kif inhuma riflessi fil-valur nominali tal-ishma.

    4.6

    Fl-aħħar nett, il-possibilità għal kredituri li jopponu amalgamazzjoni jew diviżjoni sakemm ikunu ngħataw garanziji (sakemm ikollhom evidenza ta’ titlu legali ta’ kreditu rigward il-kumpaniji li jipparteċipaw f’dawn it-tranżazzjonijiet) kienet waħda mill-modi kif tinżamm il-fiduċja u fluwidità fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. L-eżiġenza li kredituri japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa sabiex jiksbu l-garanziji adegwati, u sabiex jagħtu prova konvinċenti li d-drittijiet tagħhom f’dan il-każ ma kisbux l-garanziji adegwati tal-kumpanija (Artikolu 12(2) Direttiva 82/891/KEE), effettivament iddgħajjef ir-regoli dwar il-ħarsien tal-kreditur. Din l-inverżjoni tal-oneru tal-prova għandha ġġagħlna nirriflettu dwar il-konvenjenza ta’ din il-modifika: bis-saħħa tagħha tranżazzjonijiet kummerċjali li sa issa kienu ordinarji ser ikunu iktar ikkumplikati u potenzjalment jistgħu jwasslu għal żieda fin-numru ta’ tranżazzjonijiet affettwait minn garanziji li jorbtu legalment.

    Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell. Dok 7224/07, p. 9.

    (2)  Id-Direttiva 68/151/KEE ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8), emendata mid-Direttiva 2003/58/KE (ĠU L 221, 4.9.2003, p. 13).

    (3)  Id-Direttiva 77/91/KEE (ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1), li kienet emendata mid-Direttiva 2006/68/KE (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 32).

    (4)  Regoli ta’ kontabbiltà, u rekwiżiti ta’ trasparenza tal-kumpaniji emittenti, Direttiva 2004/109/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

    (5)  Id-Direttiva 2007/63/KE (ĠU L 300, 17.11.2007, p. 47) li temenda d-Direttiva 78/855/KEE u d-Direttiva 82/891/KEE fir-rigward tar-rekwiżit ta’ rapport ta’ espert indipendenti fl-okkażjoni ta’ għaqda jew diviżjoni ta’ kumpaniji pubbliċi b’responsabbilità limitata.

    (6)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 175, 27.7.2007, p. 33.

    (7)  Id-Direttiva 2005/56/KE dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbilità limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1).

    (8)  Id-Direttiva 77/91/KEE

    (9)  Id-Direttiva 2004/109/KE dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.

    (10)  Rapport tal-Parlament Ewropew A6-0101/2008.

    (11)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 117, 30.4.2004, p. 43.

    (12)  Direttiva 2004/109/KE, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.


    Top