This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008XX1205(02)
Opinion of the European Data Protection Supervisor on the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council facilitating cross-border enforcement in the field of road safety
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq
ĠU C 310, 5.12.2008, p. 9–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 310/9 |
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq
(2008/C 310/02)
IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 286 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 li waslet fit-19 ta' Marzu 2008 mill-Kummissjoni Ewropea;
ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:
I. INTRODUZZJONI
Konsultazzjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)
1. |
Il-Proposta għal Direttiva li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq (minn hawn 'il quddiem “il-proposta”) intbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD għal konsultazzjoni fid-19 ta' Marzu 2008, skond l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001/KE (1). |
2. |
Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-Kummissjoni kkonsultat informalment lill-KEPD dwar l-abbozz tal-Proposta, li l-KEPD laqa' għaliex tah l-opportunità li jagħmel xi suġġerimenti għall-abbozz tal-proposta qabel l-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-KEPD huwa kuntent jara li parti sinifikanti tas-suġġerimenti tiegħu kienu riflessi fil-Proposta. |
Il-proposta fil-kuntest tagħha
3. |
Il-proposta tikkostitwixxi miżura meħuda fl-objettiv globali li jitnaqqsu l-fatalitajiet, il-korrimenti u l-ħsara materjali li tirriżulta minn aċċidenti fit-traffiku, li tikkostitwixxi għan prinċipali tal-politika tas-sikurezza fit-toroq ta' l-UE. F'dan il-kuntest, il-proposta għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi sistema li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali ta' sanzjonijiet għal reati tat-traffiku fit-triq speċifikati. Fil-fatt kien innotat li numru sostantiv ta' reati tat-traffiku jitwettqu u jibqgħu mhux issanzjonati meta jsiru f'pajjiż differenti mill-pajjiż ta' residenza ta' min wettaq ir-reat. |
4. |
Sabiex tikkontribwixxi għal infurzar non-diskriminatorju u aktar effettiv rigward min iwettaq reati tat-traffiku, il-proposta tipprevedi l-istabbiliment ta' sistema ta' skambju transkonfinali ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. |
5. |
Minħabba li hija tipprevedi għall-iskambju ta' data personali ta' dawk suspetti li wettqu r-reati, il-proposta għandha implikazzjonijiet diretti fuq il-protezzjoni tad-data. |
Fokus ta' l-opinjoni
6. |
L-opinjoni tal-KEPD ser tanalizza l-leġittimità u l-ħtieġa tal-miżuri fil-kapitolu II. Il-kwalità tad-data miġbura, f'relazzjoni ma' l-ambitu tagħha, ser tkun indirizzata fil-kapitolu III. Il-kapitolu IV ser jiffoka fuq id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, u l-kondizzjonijiet biex jeżerċitawhom. Finalment, ser ikunu analizzati l-kondizzjonijiet għat-trasferiment tad-data permezz ta' netwerk elettroniku u l-aspetti tas-sigurtà tiegħu. |
II. LEĠITTIMITÀ U NEĊESSITÀ TAL-MIŻURI
7. |
Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad-data personali (2) tipprevedi, bħala wieħed mill-prinċipji prinċipali tagħha, li d-data għandha tinġabar u tkun ipproċessata għal fini speċifikat, espliċitu u leġittimu. Barra minn hekk, l-ipproċessar għandu jkun meħtieġ għal dak il-fini (3). Il-leġittimità tal-fini tista' tiġi evalwata fid-dawl tal-kriterji mogħtijin mill-Artikolu 7 e-f tad-Direttiva, jiġifieri b'mod partikolari l-prestazzjoni ta' ħidma ta' interess pubbliku jew l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur. |
8. |
Mhuwiex ta' min jiddubitah li t-tnaqqis tan-numru ta' fatalitajiet fit-toroq huwa fini leġittimu li jista' jikkwalifika bħala ħidma ta' interess pubbliku. Il-kwistjoni hija jekk il-miżuri previsti jikkostitwixxux għodda adatta rigward dan l-objettiv li jitnaqqsu l-fatalitajiet fit-toroq. Fi kliem ieħor, jekk il-proposta tinkludix elementi konkreti li jistabbilixxu l-ħtieġa ta' tali sistema ta' skambju ta' informazzjoni, meta jkun ikkunsidrat l-impatt li hija ser ikollha fuq il-privatezza tal-persuni kkonċernati. |
9. |
Il-memorandum ta' spjegazzjonizzjoni jiddikjara li l-politika eżistenti (4) — ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infurzar fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq tal-21 ta' Ottubru 2003 (5) — tkun insuffiċjenti biex tnaqqas bin-nofs in-numru ta' fatalitajiet (6). Din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq żjieda fin-numru ta' mwiet sa mill-2004, fuq statistiki dwar il-proporzjon ta' sewwieqa non-residenti f'reati ta' eċċess ta' veloċità. Jidher li s-sewwieqa non-residenti jkunu aktar involuti f'reati ta' eċċess ta' veloċità mis-sewwieqa residenti (7). |
10. |
L-istatistiki msemmijin fil-valutazzjoni ta' impatt jindikaw ukoll relazzjoni bejn in-numru ta' kontrolli u n-numru ta' diżgrazzji aċċidentali, li jwassal għall-konklużjoni li l-infurzar jidher li huwa effettiv bħala għodda essenzjali biex jitnaqqas in-numru ta' fatalitajiet fit-toroq (8). |
11. |
Il-KEPD jinnotaw ukoll li din il-miżura meħuda fil-livell komunitarju hija mingħajr preġudizzju — u hija wkoll komplementari — għal miżuri meħudin fil-livell nazzjonali sabiex jittiejjeb l-infurzar fil-pajjiżi fejn dan huwa identifikat bħala prijorità. |
12. |
Il-KEPD huwa sodisfatt li l-elementi mogħtijin fil-memorandum ta' spjegazzjonizzjoni u fil-preambolu għall-proposta huma suffiċjentement iddettaljati u bbażati biex jappoġġaw il-leġittimità tal-proposta u l-ħtieġa ta' l-iskabju tad-data previst. |
III. KWALITÀ TAD-DATA PPROĊESSATA
13. |
Skond l-Artikolu 6.1.c) tad-Direttiva 95/46/KE, id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-finijiet li għalihom tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar. |
14. |
Il-fini tal-Proposta huwa limitat għal ksur serju speċifiku li huwa kkunsidrat bħala l-kawża prinċipali għal aċċidenti fatali, jiġifieri l-eċċess ta' veloċità, in-nuqqas ta' użu taċ-ċintorin tas-sigurtà, is-sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkolħol u l-mogħdija meta s-sinjal tat-traffiku jkun aħmar. |
15. |
Tlieta minn dawn ir-reati (eċċess ta' veloċità, il-mogħdija meta s-sinjal tat-traffiku jkun aħmar u n-nuqqas ta' użu taċ-ċintorin tas-sigurtà) jistgħu jiġu rilevati u pproċessati aktar b'mod awtomatiku jew mingħajr kuntatt dirett mas-sewwieq, li jirrendi meħtieġ fi stadju aktar tard l-identifikazzjoni tas-suġġett tad-data permezz ta' skambju ta' informazzjoni traskonfinali. Rigward is-sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkolħol, ir-rilevament tar-reat għandu jiġri fil-preżenza ta' l-awtoritajiet għall-infurzar, li fil-prinċipju jiġbru direttament l-identità ta' dawk li wettqu r-reati. Ir-raġuni għaliex l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali huwa madankollu meħtieġ f'dak il-każ hija spjegazzjonita aktar fil-preambolu għad-Direttiva: sabiex ikun jista' jsir is-segwitu tar-reati, il-verifika tad-dettalji tar-reġistrazzjoni tal-vettura tista' tkun meħtieġa anke fil-każ fejn il-vettura twaqqfet, li huwa notevolment il-każ għas-sewqan taħt l-influwenza ta' l-alkolħol. |
16. |
Il-KEPD huwa sodisfatt bil-limitazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni għall-erba' tipi ta' ksur imsemmijin, b'kont meħud tal-proporzjon tagħhom fl-ammont totali ta' aċċidenti fatali u l-ħtieġa li tkun akkwistata aktar informazzjoni ta' identifikazzjoni f'perspettiva ta' infurzar. |
17. |
Il-KEPD japprova wkoll il-fatt li l-lista ta' reati hija eżawrjenti, u li kwalunkwe żjieda ta' reati oħrajn għal din il-lista tista' ssir biss bħala konsegwenza ta' aktar immonitorar mill-Kummissjoni, u permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva. Dan huwa konformi mal-ħtiġiet ta' ċertezza legali. |
IV. DRITTIJIET TAS-SUĠĠETT TAD-DATA
18. |
Id-drittijiet ta' informazzjoni, aċċess u korrezzjoni tad-data personali huma previsti fil-Proposta, speċjalment fl-Artikolu 7. Il-mod kif is-suġġetti tad-data ser ikunu informati dwar drittijiethom ser jiddependi fuq il-format tan-notifika tar-reat. |
19. |
Huwa għalhekk importanti li n-notifika tar-reat imsemmija fl-Artikolu 5 u żviluppata fl-Anness 2 tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha għas-suġġett tad-data, f'lingwa li huwa/hija t/jifhem. |
20. |
Fil-verżjoni preżenti tagħha, in-notifika tinkludi l-biċċa l-kbira ta' l-informazzjoni relatata mad-drittijiet tas-suġġett tad-data. Madankollu, din l-informazzjoni tinsab fit-tmiem tal-“formola għal risposta” tan-notifika. Il-KEPD jikkunsidra aktar adatt li tingħata informazzjoni ċara fil-bidu tal-formola dwar il-kwalità preċiża tal-kontrollur tad-data, fi kliem ieħor: l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-infurzar tas-sanzjonijiet. |
21. |
L-Artikolu 5.5 tal-proposta jindika li elementi non-essenzjali tad-Direttiva għandhom ikunu emendati skond il-proċedura regolatorja stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 99/468 dwar is-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni. Il-KEPD qed jistaqsi liema elementi tal-proposta jistgħu jkunu kkunsidrati bħala non-essenzjali. Sabiex ikun evitat li l-mudell tan-notifika ta' reat ikun emendat aktar 'il quddiem fil-parti tiegħu relatata mad-drittijiet ta' l-individwi, il-KEPD jirrakkomanda t-tkomplija ta' l-Artikolu 5.2 tal-proposta sabiex id-drittijiet ta' l-individwu jkunu stabbiliti b'mod stabbli, inkluża l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-kontrollur tad-data. |
22. |
L-Artikolu 5.2 jista' jiġi kkompletat kif ġej: “In-notifika ta' reat għandha tinkludi l-isem ta' l-awtorità responsabbli għall-infurzar tas-sanzjonijiet u l-fini tan-notifika, deskrizzjoni tar-reat ikkonċernat, (…), il-possibbiltajiet tad-detentur li jikkontesta l-bażijiet tan-notifika ta' reat u għal appell (…), u l-proċedura li għandha tkun segwita (…). Din l-informazzjoni għandha tingħata f'lingwa li tista' tiftiehem mir-reċipjent”. |
23. |
Rigward il-possibbiltà għas-suġġett tad-data li jaċċessa d-data tiegħu/tagħha u l-possibbiltà li jikkontestaw l-ipproċessar tagħha, il-KEPD jilqa' l-possibbiltà prevista fil-proposta li jkunu eżerċitati d-drittijiet tiegħu/tagħha quddiem awtorità li tinsab fil-pajjiż ta' residenza tiegħu/tagħha. Fil-fatt, l-iffaċilitar ta' l-infurzar transkonfinali ta' ksur m'għandux ikollu bħala konsegwenza li jevita jew jirrendi diffiċli wisq il-possibbiltajiet għal suġġetti tad-data li jeżerċitaw drittijiethom. |
V. NETWERK ELETTRONIKU — ASPETTI TA' SIGURTÀ
24. |
Il-Memorandum ta' Spjegazzjoni (9) jindika l-possibbiltà li jsir użu minn sistema ta' informazzjoni ta' l-UE li diġà teżisti biex tkun ittrasferita data meħtieġa għall-infurzar. |
25. |
Safejn hija kkonċernata biss l-infrastruttura teknika (10), il-KEPD m'għandu l-ebda oġġezzjoni għall-użu ta' sistema diġà eżistenti safejn dan jillimita l-piżijiet finanzjarji jew amministrattivi, mingħajr impatt fuq l-aspetti ta' privatezza tal-proġett. Madankollu, l-interoperabbiltà m'għandhiex tippermetti skambju ta' data ma' bażijiet tad-data oħrajn. Għandu jitfakkar li l-ebda interkonnessjoni ma' bażijiet tad-data m'għandha tkun stabbilita mingħajr bażi ċara u leġittima (11). |
26. |
Il-KEPD jinsisti wkoll fuq il-fatt li l-fini tan-netwerk huwa li jippermetti l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, u mhux biex joħloq bażi tad-data ċentrali għal reati tat-traffiku. L-iċċentralizzar u l-użu mill-ġdid tad-data ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta. |
27. |
Il-KEPD jinnota li hija inkluża salvagwardja fl-Artikolu 3.3 tal-proposta biex tkun evitata d-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni relatata mar-reati. Fil-fatt, huwa biss l-Istat Membru fejn seħħ ir-reat li huwa intitolat għall-ipproċessar tad-data rilevanti ta' l-individwu kkonċernat. Il-pajjiż ta' residenza ta' l-individwu, responsabbli għat-trasmissjoni ta' data ta' identifikazzjoni, mhuwiex suppost jaħżen din l-informazzjoni jew jerġa' jużaha għal kwalunkwe fini. Il-KEPD għalhekk jilqa' d-dispożizzjoni tal-proposta li tiddikjara li l-ebda pajjiż barra l-istat tar-reat m'għandu jaħżen din l-informazzjoni. |
28. |
Għandhom ikunu adotti regoli komuni mill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 4 tal-proposta, inklużi l-proċeduri tekniċi għal skambju elettroniku ta' data bejn l-Istati Membri. F'fehmet il-KEPD, dawn ir-regoli għandhom jinkludu salvagwardji fiżiċi u organizzattivi biex ikun evitat l-użu żbaljat ta' l-informazzjoni. Il-KEPD huwa disponibbli għal aktar konsultazzjoni rigward l-elaborazzjoni tad-dettalji ta' dawn ir-regoli. |
VI. KONKLUŻJONI
29. |
Il-KEPD jikkunsidra li l-proposta tipprevedi għal ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-istabbiliment tas-sistema għall-iskambju ta' informazzjoni traskonfinali, u li hija tillimita b'mod adegwat il-kwalità tad-data li ser tinġabar u tkun ittrasferita. |
30. |
Huwa jilqa' wkoll il-proċedura ta' rimedju prevista fil-proposta, u b'mod partikolari l-fatt li l-aċċess għad-data personali ser ikun possibbli fil-pajjiż ta' residenza tas-suġġett tad-data. |
31. |
Il-KEPD jagħti r-rakkomandazzjoni li ġejja sabiex jittejjeb it-test fir-rigward ta' l-informazzjoni tas-suġġetti tad-data: l-mod kif is-suġġetti tad-data ser ikunu informati bil-fatt li huma għandhom drittijiet speċifiċi ser jiddependi fuq il-format tan-notifika tar-reat. Huwa għalhekk importanti li l-Artikolu 5 jinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti għas-suġġett tad-data, f'lingwa li huwa/hija t/jifhem. Hija ssuġġerita formulazzjoni possibbli fil-punt 22 ta' l-opinjoni. |
32. |
Rigward is-sigurtà, waqt li l-KEPD m'għandu l-ebda oġġezzjoni għall-użu ta' infrastruttura diġà eżistenti għal skambju ta' informazzjoni — safejn dan jillimita l-piżijiet finanzjarji jew amminsitrattivi, huwa jinsisti dwar il-fatt li dan m'għandux iwassal għal interoperabbiltà ma' banek oħrajn tad-data. Il-KEPD jilqa' l-limitu mpoġġi fil-proposta dwar il-possibbiltajiet ta' użu tad-data mill-Istati Membri barra minn dak fejn twettaq ir-reat. |
33. |
Il-KEPD huwa disponibbli għal aktar konsultazzjoni rigward ir-regoli komuni li ser jiġu elaborati mill-Kummissjoni dwar proċeduri tekniċi għal skambju elettroniku ta' data bejn l-Istati Membri, u b'mod partikolari rigward l-aspetti ta' sigurtà ta' dawn ir-regoli. |
Magħmul fi Brussell, fit-8 ta' Mejju 2008.
Peter HUSTINX
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-data, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
(2) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) Artikoli 6.1.b u 7.
(4) Punt 1. Kuntest tal-proposta, “Kuntest Ġenerali”.
(5) Commission Recommendation 2004/345/EC. See the Communication from the Commission concerning the Commission recommendation of 21 October 2003 on enforcement in the field of road safety, OJ C 93, 17.4.2004, p. 5.
(6) Objettiv imsemmi fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni u fil-White Paper ta' l-2001 dwar il-politika tat-trasport Ewropea.
(7) Memorandum ta' spjegazzjoni, 1) Raġunijiet u objettivi għal din il-proposta: waqt li s-sewwieqa non-residenti jkunu jippreżentaw madwar 5 % ta' l-ammont globali tas-sewwieqa — f'pajjiżi fejn l-informazzjoni hija disponibbli, sehemhom fir-reati ta' eċċess ta' veloċità jvarja minn 2,5 % sa 30 %.
(8) Ara wkoll id-differenzi kbar fin-numri ta' diżgrazzji aċċidentali skond l-Istati Membri, u l-fatt li n-numru ta' diżgrazzji aċċidentali jkun direttament konness man-numru ta' kontrolli. Ara l-Valutazzjoni ta' Impatt, kapitolu 2.4.1.
3. |
Elementi legali għall-proposta, “prinċipju ta' proporzjonalità”. |
(10) Kif ikun issuġġerit mill-Valutazzjoni ta' Impatt, Kapitolu 5.3.1.
(11) Ara f'dan ir-rigward il-Kummenti tal-KEPD ta' l-10 ta' Marzu 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data Ewropej, disponibbli fuq www.edps.europa.eu: L-interoperabbiltà hija msemmija mhux biss f'relazzjoni ma' l-użu komuni ta' sistemi ta' l-IT fuq skala kbira, iżda wkoll rigward il-possibbiltajiet ta' aċċess jew skambju ta' data, jew anke ta' fużjoni ta' bażijiet tad-data. Dan huwa ta' ħasra għaliex tipi differenti ta' interoperabbiltà jeħtieġu salvagwardji u kondizzjonijiet differenti. Dan huwa per eżempju l-każ meta l-kunċett ta' interoperabbiltà jintuża bħala pjattaforma ta' miżuri proposti oħrajn li jimmiraw li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni. L-opinjoni tal-KEPD dwar il-prinċipju tad-disponibbiltà tenfasizza li għalkemm l-introduzzjoni ta' dan il-prinċipju mhux ser twassal għal bażijiet tad-data ġodda, hija neċessarjament tintroduċi użu ġdid tal-bażijiet tad-data eżistenti billi tipprovdi possibbiltajiet ġodda ta' aċċess għal dawk il-bażijiet tad-data.