EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XR0379

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kriżi finanzjarja

ĠU C 76, 31.3.2009, p. 63–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/63


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kriżi finanzjarja

(2009/C 76/13)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi soċjali serji tal-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija globali, b'mod partikolari fuq ir-reġjuni u ċ-ċittadini; għaldqastant isejjaħ għal azzjoni deċiżiva mmirata biex tappoġġja l-ekonomija min-naħa tad-domanda, kif ukoll miżuri biex jgħinu l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għaż-żamma tal-koeżjoni u għall-protezzjoni tal-investimenti u l-proġetti infrastrutturali ewlenin;

2.

jappoġġja bis-sħiħ il-mira ta' suq finanzjarju uniku sikur fl-Unjoni Ewropea msejjes fuq rekwiżiti għoljin ta' trasparenza u sistema ta' superviżjoni reattiva u fil-quċċata tat-teknoloġija fil-livelli ta' gvernanza adegwati; jenfasizza li għandhom jiġu evitati miżuri u regolamenti li jistgħu joħonqu s-suq finanzjarju u li l-isforzi konġunti għandu jkollhom l-għan li jiżguraw ġestjoni finanzjarja soda ħalli b'hekk terġa' tinkiseb il-fiduċja fl-ekonomija;

Fir-rigward tal-inizjattivi tal-UE biex tiġi ffaċjata u tingħeleb il-kriżi finanzjarja, il-KtR:

3.

jilqa' l-ftehim milħuq mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta' Ottubru 2008 bħala prekundizzjoni sabiex terġa' tissawwar il-fiduċja fis-swieq finanzjarji u jikkunsidra li d-deċiżjonijiet tiegħu, minkejja l-ispiża addizzjonali għall-baġits u l-kontribwenti, huma passi importanti għall-bini mill-ġdid ta' kredibbiltà fis-settur finanzjarju u għal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi għall-ekonomija;

4.

japprova d-deċiżjoni tal-UE għaż-żieda tal-garanziji minimi fuq it-tfaddil taċ-ċittadini fit-territoju tal-Unjoni Ewropea, u jilqa' din id-deċiżjoni bħala miżura effettiva għall-protezzjoni tat-tfaddil taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea u għall-għoti mill-ġdid ta' fiduċja fis-sistema bankarja fuq perijodu qasir, mingħajr ma jinħolqu spejjeż żejda għall-kontribwenti u jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u jappoġġja l-objettiv li l-fallimenti fost il-banek ewlenin tal-UE jiġu evitati;

5.

japprezza l-aħbar li l-Istati Membri, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) ser iwarrbu EUR 30 biljun qabel l-2011 għall-għoti ta' għajnuna lill-SMEs fl-Ewropa. Madankollu jistqarr li dan hu biss l-ewwel pass fl-appoġġ tal-ekonomija;

6.

jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-Fond Soċjali Ewropew u l-programmi mmirati lejn it-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-kriżi attwali u jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tesplora l-possibbiltà li tadatta l-istrument eżistenti għaċ-ċirkostanzi attwali, inkluż permezz ta' evalwazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex dan l-istrument isir aktar operattiv;

7.

jappoġġja l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni mmirati lejn l-emendar tad-direttivi regolatorji tas-swieq finanzjarji b'enfasi partikolari fuq il-miżuri ta' superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżi, u jitlob li l-KE tikkunsidra r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

8.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tipproponi Direttiva għall-armonizzazzjoni tat-tip ta' informazzjoni pprovduta mill-istituzzjonijiet finanzjarji dwar il-prodotti finanzjarji, bil-ħolqien ta' obbligu ta' klassifikazzjoni tar-riskji relatati li tinftiehem malajr, bis-semplifikazzjoni tal-kuntratti u bit-tfassil ta' rekwiżiti ċari u trasparenti għas-servizzi bankarji;

9.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkoraġġixxi ftehim dwar kodiċi ta' kondotta li jiżgura li ma jkunx hemm kunflitt bejn l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji bi skop ta'profitt u l-interess pubbliku ġenerali;

10.

barra minn hekk, jiddikjara li l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija ma għandhomx jibdlu l-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-perijodu fit-tul, b'mod partikolari l-appoġġ għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar, il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-titjib tal-kompetittività, it-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali u l-ġlieda kontra l-kawżi u l-effetti tat-tisħin globali;

11.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issegwi b'attenzjoni id-dejn personali, b'mod partikolari id-djun fuq il-karti tal-kreditu li qed jiżdiedu bil-kbir u qed iwasslu biex dawk li jissellfu ma jħallsux il-ħlasijiet tagħhom;

12.

jilqa' l-ħatra ta' grupp ta' livell għoli dwar l-istruttura ta' superviżjoni tas-suq finanzjarju tal-Ewropa u jirrimarka li dan il-grupp huwa magħmul minn esperti mill-istituzzjonijiet finanzjarji, mill-ministeri nazzjonali għall-finanzi, mill-banek u mill-industrija; sfortunatament, il-livelli ta' gvernanza lokali u reġjonali mhumiex rappreżentati fil-Grupp De Larosière, u għaldaqstant jinkoraġġixxi l-ħatra ta' rappreżentant mill-Kumitat tar-Reġjuni;

13.

jitlob li jitwaqqaf qafas regolatorju adegwat flimkien ma' sistemi ta' regoli u mezzi effettivi għall-infurzar tal-liġi;

14.

jitlob verifika tas-sistema finanzjarja internazzjonali, żieda fit-trasparenza tal-operazzjonijiet finanzjarji, evalwazzjoni ta' normi prudenti jew ta' kontabbiltà applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tisħiħ tar-responsabbiltà tad-diriġenti u limitazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema li jħeġġu t-teħid ta' riskju eċċessiv (pereżempju, is-sekurizzazzjoni, il-politiki ta' rimunerazzjoni); fl-aħħar nett jinsisti għal koordinazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali differenti dwar is-superviżjoni tal-gruppi finanzjarji transnazzjonali;

Id-dimensjoni lokali tas-sistema finanzjarja

15.

ifakkar li l-ALR (Awtoritajiet Lokali u Reġjonali) fl-UE huma responsabbli għal terz tal-ispiża pubblika u għal aktar minn żewġ terzi tal-investiment pubbliku u għalhekk għandhom jitqiesu bħala atturi attivi involuti fis-soluzzjoni tal-kriżi u għaż-żamma tat-tkabbir ekonomiku għall-ġejjieni; għalhekk jinsisti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw appoġġ fl-attivitajiet ta' investiment tagħhom, pereżempju fl-infrastruttura, sabiex tiġi evitata sensiela ta' konsegwenzi perikolużi li jwasslu għal nuqqas ta' investiment — telf ta' impjiegi, nuqqas ta' kreditu u aktar tnaqqis ta' investiment.

16.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma milquta direttament mill-kriżi finanzjarja, minħabba li ħafna banek tat-tfaddil f'bosta pajjiżi huma integrati sew fir-reġjuni; huma jinsabu qrib ħafna tan-nies u l-intrapriżi lokali u jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi jaġixxu ta' xpruni ta' appoġġ għat-tnedija ta' intrapriżi u ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju.

17.

għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu r-rwol ewlieni tal-livell lokali u reġjonali fil-funzjonament tal-intermedjarji finanzjarji pubbliċi; jitlob li l-ALR jiġu kkonsultati fil-fażi ta' tfassil u implimentazzjoni ta' kull struttura ġdida tas-sistema finanzjarja tal-UE, sabiex jiġi żgurat l-iskambju ta' esperjenzi u t-trasferiment tal-għarfien minn isfel għal fuq u viċi versa, għall-benefiċċju tal-ekonomija, l-SMEs u ċ-ċittadini;

Il-politika tal-kompetizzjoni

18.

jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (1) u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex issegwi mill-qrib il-konsegwenzi tal-għajnuna mill-Istat mogħtija, skont l-Artkolu 87(3)b, lill-banek individwali sabiex tiżgura li għajnuna ta' dan it-tip tinżamm baxxa kemm jista' jkun u li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tiġi evitata;

19.

jilqa' l-ftehim dwar garanzija minima ta' tfaddil ta' EUR 50 000 u jsejjaħ għal inċentivi fiskali adegwati għall-pubbliku ġenerali, li jżommu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kemm jista' jkun baxxa u jiżguraw ambjent ekwu għall-istituzzjonjiet kollha tas-settur finanzjarju. Dawn il-miżuri huma importanti sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema finanzjarja;

20.

jissuġġerixxi reviżjoni tas-sistema tar-rati għat-tfassil ta' kodiċi sempliċi u/jew kategoriji li jagħmlu distinzjoni bejn il-banek bi profil ta' investiment prudenti u dawk li jiffavorixxu prattiki aktar riskjużi; hu tal-opinjoni li għal dawn ir-raġunijiet, il-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għall-Klassifikazzjoni tal-Kreditu ikun pass utli ħafna;

21.

jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea għat-tneħħija ta' kull distorsjoni fis-suq finanzjarju intern (Rapport dwar l-inkjesta dwar is-settur bankarju ġenerali tal-31 ta' Jannar 2007) u tal-frammentazzjoni persistenti skont il-linji nazzjonali kif ukoll tad-differenzi fil-marġini ta' profitt, fil-prattiki ta' ipprezzar, fil-metodi ta' bejgħ u fl-informazzjoni assimetrika; jaqbel mal-mira tal-Kummissjoni Ewropea għat-twettiq ta' suq finanzjarju komuni aktar trasparenti, b'saħħtu u aktar kapaċi jwieġeb għall-isfidi globali;

Kwistjonijiet baġitarji

22.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi politiċi u baġitarji ewlenin għall-inidirizzar tal-isfidi kruċjali tal-Ewropa għad-deċennji li jmiss;

23.

jenfasizza li l-kriżi finanzjarja u l-impatt negattiv tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ser iżidu t-talba għall-assistenza, l-għajnuna soċjali, it-tariffi preferenzjali għas-servizzi pubbliċi, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fir-rigward ta' dawn l-aspettattivi;

24.

jiġbed l-attenzjoni għad-deterjorament mistenni fil-qasam tal-kundizzjonijiet finanzjarji għall-atturi ekonomiċi, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li konsegwentement jista' jaffettwa l-kapaċità ta' self tagħhom għal investimenti ġodda;

25.

iħeġġeġ attenzjoni speċjali għall-kapaċitajiet ta' finanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jitlob għajnuna adegwata għall-ALR f'każ fejn l-ispejjeż ta' finanzjament żejda u l-piż tad-dejn jipperikolaw it-twettiq f'waqtu ta' proġetti ta' valur u ta' importanza għar-reġjuni u għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi;

Il-politika ta' koeżjoni

26.

jitlob li l-perijodu attwali iwassal għall-introduzzjoni ta' aktar flessibbiltà dwar l-użu tal-fondi strutturali u jippromovi inter alia ħin miżjud għaċ-ċaqliq ta' fondi strutturali mis-sena ta' refererenza plus 2 (N+2) għas-sena ta' referenza plus 3 (N+3) bil-għan li jiġi żgurat li l-proġetti ta' kwalità li huma mistennija li jwasslu għal soluzzjonijiet effettivi ma jiġux esposti inutilment għal riskju ta' telf ta' finanzjament mill-UE;

27.

jitlob lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-awtoritajiet Ewropej u lill-banek jallokaw finanzjament adegwat u/jew garanziji ta' investimenti infrastrutturali kif ukoll proġetti innovattivi ta' kwalità ppruvata li jikkontribwixxu għall-kompetittività u l-effiċjenza; jinsisti li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-fatt li jekk dawn l-investimenti ma jsirux fil-ħin, dan mhux biss ikollu effett negattiv dirett fuq ir-reġjuni partikolari u l-SMEs tagħhom iżda wkoll għall-industrija tal-UE, u b'hekk jaffettwa t-tkabbir ekonomiku u jhedded impjiegi importanti;

28.

jitlob li l-kwoti ta' kofinanzjament tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu trattati bl-istess mod tal-kwoti tal-EGAF u tal-FSE implimentati fil-Programmi Operattivi, u ma jingħaddux għall-għanijiet tal-Patt ta' Stabbiltà intern fil-pajjiżi diversi. B'hekk l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jimplimentaw proġetti li jkunu kapaċi jtejbu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali u tas-suq tax-xogħol mingħajr ma jiġu penalizzati mir-restrizzjonijiet li jeżistu f'xi pajjiżi għall-awtoritajiet lokali li jiksru dan il-Patt (iffriżar tal-aċċess għall-kreditu u tar-reklutaġġ u tnaqqis tal-fondi pubbliċi);

29.

jipproponi sħubija istituzzjonali eqreb bejn il-KtR u l-BEI skont l-objettivi tiegħu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, hekk kif imfassla mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE, b'mod partikolari l-Protokoll nru. 28 tiegħu dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

30.

jappoġġja l-miżuri ta' riforma mħabbra mill-BEI dwar: is-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' aċċess għas-self; l-estensjoni tas-self lejn investiment intanġibbli (liċenzji, riċerka, eċċ.); il-qsim tar-riskji bejn il-BEI u l-banek; u t-trasparenza tal-benefiċċji finanzjarji mogħtija lill-SMEs; jitlob għat-tisħiħ tal-kapaċità ta' intervent tal-BEI għall-proġetti infrastrutturali, l-aktar permezz tal-użu ta' fondi ta' investiment fit-tul (ishma) sabiex titkabbar is-saħħa tal-BEI; fl-aħħarmnett jipproponi li bil-parteċipazzjoni tal-BEI jiġi żviluppat mekkaniżmu simili għal dawk ta' appoġġ għall-SMEs, li jkun immirat lejn l-assistenza tal-ħiliet tal-ALR għall-kofinanzjament ta' proġetti marbuta mal-koeżjoni territorjali;

Ewropa sostenibbli

31.

jikkonferma l-impenn tal-KtR għall-miri tal-klima u jesprimi t-tama tiegħu li l-miri partikolari jintlaħqu irrispettivament mid-diffikultajiet ekonomiċi; għalhekk għandhom isiru sforzi sabiex tingħata spinta lill-investimenti Ewropej fit-teknoloġiji għall-enerġija rinnovabbli permezz ta' programmi ta' finanzjament (trasport, bini, eċċ.) u għall-finanzjament tar-riċerka, b'mod partikolari tal-SMEs;

32.

itenni l-impenn tiegħu lejn il-kisba ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u dinamiku fi ħdan mudell soċjali Ewropew sod, effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali; jiddikjara li minkejja ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, dawn il-miri mhumiex ser jinbidlu la mill-UE u lanqas minn azzjonijiet nazzjonali, lokali jew reġjonali; anzi, iħeġġeġ lill-atturi responsabbli sabiex jieħdu spunt u jkikkonvertu r-riskji f'opportunitajiet bl-appoġġ tar-riċerka u l-investiment f'teknoloġiji effiċjenti li jipprovdu l-irkupru ekonomiku fit-tul bi prattika ambjentali sostenibbli;

33.

jagħti struzzjonijiet lill-president tiegħu sabiex iwassal din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Presidenza Franċiża tal-Unjoni Ewropea.

Brussell, is-27 ta' Novembru 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  COM(2008/C 270/02) — 25.10.2008.


Top