This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008PC0553
Proposal for a Council Regulation on the protection of animals at the time of killing {SEC(2008) 2424} {SEC(2008) 2425}
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla {SEC(2008) 2424} {SEC(2008) 2425}
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla {SEC(2008) 2424} {SEC(2008) 2425}
/* KUMM/2008/0533 finali - CNS 2008/0180 */
Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla {SEC(2008) 2424} {SEC(2008) 2425} /* KUMM/2008/0533 finali - CNS 2008/0180 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 18.9.2008 KUMM(2008) 553 finali 2008/0180 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (preżentata mill-Kummissjoni){SEC(2008) 2424}{SEC(2008) 2425} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-bażi u l-għanijiet tal-proposta Ir-rekwiżiti tekniċi tad-Direttiva 93/119/KE[1] dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil qatt ma ġew emendati avolja l-kuntest inbidel. Ġew introdotti teknoloġiji ġodda li lil xi standards ma ħallewhomx validi għal-lum. Fl-2004 u fl-2006 żewġ opinjonijiet xjentifiċi mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel issuġġerew li d-Direttiva għandha tiġi riveduta. Fl-istess ħin, fl-2005, l-Organizzazzjoni Dinija għas-Saħħa tal-Annimali adottat żewġ linjigwida dwar il-benesseri tal-annimali waqt it-tbiċċir u l-qatla li wasslu għal konklużjonijiet simili. It-tħassib dwar il-benesseri tal-annimali kiber fis-soċjetà tagħna. L-ambjent legali għall-biċċeriji nbidel bl-adozzjoni ta’ serje ta’ atti leġiżlattivi tal-UE dwar is-sigurtà fl-ikel b’enfasi fuq ir-responsabbiltajiet tal-operaturi tan-negozju. Il-qtil fi kwantitajiet kbar waqt l-epidemiji tal-annimali qajjem mistoqsijiet dwar il-metodi użati sabiex jitwettaq dan. Fl-2006, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali, li introduċa kunċetti ġodda bħall-indikaturi għall-benesseri u ċentri ta’ referenza dwar il-benesseri tal-annimali. Ġew identifikati problemi speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tal-UE bħan-nuqqas ta’ metodoloġija armonizzata għal metodi ġodda ta’ sturdament, in-nuqqas ta’ responsabbiltajiet ċari għall-operaturi, in-nuqqas ta’ biżżejjed kompetenza tal-persunal jew in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet suffiċjenti għall-benesseri tal-annimali waqt il-qatla sabiex jiġi kkontrollat il-mard. Fid-dawl ta' dan, il-proposta tipprovdi valur miżjud sostanzjali meta mqabbel mal-istatus quo. B'mod partikolari, bil-bidla tal-istrument ġuridiku minn direttiva għal regolament, il-proposta tipprovdi għal applikazzjoni uniformi u simultanja, billi jiġi evitat il-piż u l-inugwaljanza ġejjin minn traspożizzjonijiet nazzjonali. Il-forma ta' regolament hija adattata wkoll għal implimentazzjoni iktar mgħaġġla tal-bidliet ġejjin minn progress tekniku u viżibbli. Hija tipprovdi wkoll għal sett wieħed ta' regoli u b'hekk dawn ikunu iktar viżibbli u faċli biex jiġu applikati kemm għall-operaturi kif ukoll għall-imsieħba kummerċjali. Il-proposta tipprovdi wkoll aktar flessibilità għall-operaturi permezz tal-adozzjoni tal-linjigwida dwar dettalji tekniċi. Fl-istess waqt, teħtieġ li l-operaturi jieħdu ħsieb huma stess tal-benesseri tal-annimali (kontrolli tagħhom infushom fuq il-proċedura tal-istordament, proċeduri operattivi standard), u għalhekk tikkontribwixxi għal infurzar aħjar tal-benesseri tal-annimali waqt it-tbiċċir. Din il-proposta timmira wkoll għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi tat-tagħlim ibbażati fuq xjenza soda (ċertifikat ta' kompetenza, ċentru ta' referenza), biex jinftiehem aħjar il-benesseri tal-annimali u jiġi integrat aħjar fil-ħidmiet ta' kuljum ta' dawk li jieħdu ħsieb l-annimali, il-biċċiera u l-ispetturi uffiċjali. L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma mmirati lejn: (1) It-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qatla. (2) It-tħeġġiġ tal-innovazzjoni fir-rigward tal-metodi tal-isturdament u tal-qtil. (3) L-għoti ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi konċernati kollha fis-suq intern. Barra minn hekk, din il-proposta għandha l-għan li tilħaq l-għanijiet speċifiċi li ġejjin: (1) Tiżviluppa approċċ metodoloġiku komuni sabiex tħeġġeġ metodi ġodda ta’ sturdament. (2) Tassigura integrazzjoni aħjar tat-tħassib dwar il-benesseri tal-annimali fil-proċess ta’ produzzjoni permezz tar-rekwiżit ta’ Proċeduri Operattivi Standard u l-ħatra ta’ Uffiċjali għall-Benesseri tal-Annimali fil-biċċeriji. (3) Ittejjeb l-istandards li jirregolaw il-bini u t-tagħmir tal-biċċeriji. (4) Iżżid il-livell ta’ kompetenza tal-operaturi u tal-uffiċjali konċernati. (5) Ittejjeb il-protezzjoni tal-annimali waqt l-operazzjonijiet ta’ qtil ta’ kwantitajiet kbar ta’ annimali. Il-kuntest ġenerali Din il-proposta sejra tissostitwixxi d-Direttiva 93/119/KE dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil, li tkopri l-qtil tal-annimali tat-trobbija. Kull sena kważi 360 miljun ħanżir, nagħġa, mogħża u baqra kif ukoll aktar minn erba’ biljun tajra jinqatlu fil-biċċeriji tal-UE. Minbarra dan, l-industrija tal-fer Ewropea toqtol 25 miljun annimal, waqt li l-imfaqas joqtlu 330 miljun fellus li jkollu jum biss. Il-kontroll tal-mard li jittieħed jista’ jirrikjedi wkoll il-qtil ta’ miljuni ta’ annimali. Is-sitwazzjoni attwali mhijiex sodisfaċenti fir-rigward tal-għanijiet segwiti. Il-livell ta’ protezzjoni tal-annimali mhuwiex infurzat b’mod ugwali fl-Istati Membri kollha, u dan, xi drabi, jwassal għal riżultati tabilħaqq mhux sodisfaċenti. Id-diskrepanzi fir-rekwiżiti fl-Istati Membri għall-biċċeriji u l-fabbrikanti tat-tagħmir għall-isturdament ma jassigurawx livell ugwali għalihom, avolja jikkompetu f’suq globali. Din is-sitwazzjoni lanqas ma tħeġġeġ l-innovazzjoni. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Direttiva 93/119/KE sejra tiġi revokata iżda l-ambitu tal-proposta mhuwiex sejjer jinbidel. Il-konsistenza ma’ linji politiċi u għanijiet oħrajn tal-Unjoni Mhux applikabbli. IL-KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT Il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu Fl-2006 il-Kummissjoni ordnat studju estern dwar il-prattiki tal-isturdament fil-biċċeriji u l-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom. Waqt l-istudju, ġew ikkonsultati l-partijiet interessati ewlenin bħall-assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-laħam, l-awtoritajiet kompetenti u l-organizzazzjonijiet għall-benesseri tal-annimali. Il-Kummissjoni kellha wkoll kuntatti diretti mal-partijiet interessati u mal-esperti xjentifiċi, tekniċi u legali dwar l-aspetti differenti tal-proposta. Il-konsultazzjonijiet bdew f’Lulju 2006. L-inizjattiva ġiet reklamata permezz ta’ preżentazzjonijiet fil-forums tal-industrija u fil-kumitati jew gruppi ta’ konsultazzjoni relevanti tal-Kummissjoni waqt il-perjodu 2006–2007. Inħolqu webpages speċifiċi u dawn ġew aġġornati b’mod regolari sabiex il-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-inizjattiva. Minn Diċembru 2007 sa Frar 2008 infetħet mailbox u l-partijiet interessati ġew mistiedna jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom. Din l-inizjattiva ġiet ippreżentata lill-Istati Membri permezz ta’ grupp ta’ ħidma f’Jannar 2008. Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif dawn ġew ikkunsidrati Il-partijiet interessati u l-Istati Membri qablu fuq il-prinċipju li l-operaturi għandhom isiru aktar responsabbli għall-benesseri tal-annimali. Il-partijiet interessati laqgħu l-proposta ta’ Regolament minflok Direttiva, waqt li l-Istati Membri ma qablux bejniethom. Kien hemm appoġġ kbir għall-introduzzjoni tar-rekwiżiti li jirregolaw il-Proċeduri Operattivi Standard ( Standard Operating Procedures - SOPs), u l-idea ta’ Uffiċjal għall-Benesseri tal-Annimali (Animal Welfare Officer-AWO) intlaqgħet tajjeb ukoll. Iżda l-organizzazzjonijiet għall-benesseri tal-annimali u xi Stati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li jinżammu r-rekwiżiti preskrittivi. Parteċipanti oħra esprimew tħassib fuq ir-rekwiżiti dwar l-SOPs u dwar Uffiċjal għall-Benesseri tal-Annimali għal xi biċċeriji żgħar. Fid-dawl tal-konsultazzjonijiet u tal-istudji li twettqu, il-Kummissjoni kkonkludiet li waqt li ħafna biċċeriji fuq skala kbira fl-UE diġà jimpjegaw persuna inkarigata mill-kontroll tal-laħam (li jista' jgħaqqad ir-rwoli tal-SOPs sorveljanti u tal-AWO bi ftit spejjeż żejda), illum dan mhuwiex il-każ għal biċċeriji żgħar. B'konsegwenza ta' dan, ġiet prevista deroga mir-rekwiżit tal-AWO għall-biċċeriji żgħar ħafna, minħabba n-nuqqas ta' proporzjonalità tal-miżura meta mqabbla mal-għadd żgħir ta' annimali mbiċċra, biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-partijiet kollha kkonsultati aċċettaw li l-metodi tal-isturdament għandhom ikunu definiti aħjar. Huma qablu wkoll fuq il-ħtieġa ta’ politika ta’ għarfien aħjar minħabba li kemm l-ispetturi uffiċjali kif ukoll l-operaturi xi drabi ma kellhomx assistenza teknika. Huma kollha appoġġjaw l-idea ta’ ċertifikat ta’ kompetenza. Il-prinċipju ta’ ċentru nazzjonali ta’ referenza rċieva rispons aktar imħallat. L-Istati Membri kienu mħassba dwar it-twaqqif ta’ struttura amministrattiva ġdida u l-implikazzjonijiet possibbli għall-baġit. Il-preparazzjoni u rapportaġġ aħjar dwar il-benesseri tal-annimali fil-każ tal-qtil għal raġunijiet ta’ kontroll tal-mard irċieva rispons pożittiv mill-Istati Membri. Xi Stati Membri jippreferu li jaderixxu b’mod strett mal-linjigwida internazzjonali waqt li oħajn jitkellmu favur ċertu ammont ta’ flessibilità. Il-kummenti msemmija hawn fuq ġew ikkunsidrati kif ġej: (a) It-tħassib dwar in-nuqqas ta’ rekwiżiti preskrittivi ġie indirizzat permezz tal-ħtieġa li jkun hemm ċentru nazzjonali ta’ referenza. Barra minn hekk, il-proposta fiha l-obbligu għall-fabbrikanti tat-tagħmir għall-isturdament li jipprovdu gwida għall-użu tat-tagħmir tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kodiċi ta’ prattika tajba. (b) It-tħassib dwar l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tal-istandards il-ġodda li jirregolaw l-infrastrutturi tal-biċċeriji ġew indirizzati permezz tat-twaqqif ta’ perjodu transitorju għal dan ir-rekwiżit. (c) It-tħassib dwar l-ispejjeż amministrattivi relatati mat-twaqqif ta’ ċentri nazzjonali ta’ referenza ġew indirizzati billi ġew emendati r-rekwiżiti permezz ta’ struttura aktar flessibbli. (d) Bi tweġiba għat-tħassib dwar il-piż amministrattiv relatat mal-AWO, il-proposta tipprevedi l-possibilità ta’ deroga għal biċċeriji żgħar. (e) Bi tweġiba għat-tħassib dwar in-nuqqas ta’ flessibilità f’sitwazzjoni ta’ kontroll tal-mard, il-proposta tipprovdi għal deroga meta l-qtil jinvolvi riskji serji għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-Internet mill-20.12.2007 sal-20.02.2008. Il-Kummissjoni rċeviet 10 tweġibiet. Ir-riżultati huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/slaughter/slaughter_stakeholders_en.htm. Il-ġabra u l-użu tal-kompetenza L-oqsma xjentifiċi/ta’ kompetenza konċernati Il-benesseri tal-annimali, is-sigurtà fl-ikel, is-saħħa tal-annimali. Metodoloġija użata Ġew ikkonsultati numru ta’ referenzi, b’mod partikolari l-opinjonijiet tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel mill-2004 sal-2006, il-linjigwida internazzjonali (linjigwida tal-OIE dwar it-tbiċċir u l-qtil), il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fi ħdan il-Komunità u barra minnha (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u New Zealand, eċċ.). Ġew ikkunsidrati r-rapporti relevanti kollha tal-Uffiċċju tal-Ikel u Veterinarju kif ukoll l-istudju estern imwettaq għall-iskop tal-Istima tal-Impatt. Ġew ikkonsultati bosta esperti (xjenzjati, konsulenti jew esperti governattivi) kif ukoll partijiet interessati: biċċeriji (laħam aħmar u tjur), l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, veterinarji, gruppi reliġjużi, organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali, fabbrikanti tat-tagħmir għall-isturdament. Organizzazzjonijiet/esperti ewlenin ikkonsultati Anglia-Autoflow — fabbrikant tat-tagħmir Animals’ Angels — organizzazzjoni għall-benesseri tal-annimali AVEC — l-industrija tal-laħam tat-tjur AEH — L-Assoċjazzjoni tal-Imfaqas Ewropej Butina — fabbrikant tat-tagħmir CIWF — organizzazzjoni għall-benesseri tal-annimali COPA-COGECA — bdiewa EUROGROUP FOR ANIMALS — organizzazzjoni għall-benesseri tal-annimali EPEXA — Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Bajd tat-Tfaqqis, Flieles ta’ Jum u tat-Tiġieġ li għandhom inqas minn sena Assoċjazzjoni Ewropea għat-Trobbija tal-Annimal għall-Fer Federazzjoni tal-Veterinarji tal-Ewropa Assoċjazzjoni Finlandiża għat-Trobbija tal-Annimal għall-Fer AFSSA — Aġenzija Franċiża għas-Sigurtà fl-Ikel FNICGV — l-industrija tal-laħam aħmar Assoċjazzjoni għat-Tbiċċir b’mod Uman — organizzazzjoni għall-benesseri tal-annimali IBC — Konfederazzjoni Internazzjonali tal-Biċċiera OABA — organizzazzjoni għall-benesseri tal-annimali PVE (Prodotti għall-Annimali Ħajjin, Laħam u Bajd) — industrija tal-laħam Stork Food Systems — fabbrikant tat-tagħmir UECBV — industrija tal-laħam aħmar Sommarju tal-parir irċevut u użat L-eżistenza ta’ riskji potenzjalment serji b’konsegwenzi irriversibbli ma ssemmietx. Fl-opinjoni tagħhom tal-2004, ix-xjenzjati tal-EFSA ressqu aktar minn għoxrin rakkomandazzjoni teknika. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-EFSA ġew integrati fil-proposta: - taħriġ xieraq għall-operaturi li jistordu l-annimali; - tagħmir b’kurrent kostanti għall-isturdament tal-annimali; - sistema ta’ reġistrazzjoni għall-parametri tal-elettriku; - sistema ta’ reġistrazzjoni għall-parametri tal-gass; - il-limitazzjoni ta’ ‘captive bolt’ mhux penetranti għall-ħrief żgħar; - ħafna titjib tekniku fil-linja għat-trażżin tat-tjur; - il-qtugħ taż-żewġ arterji karotidi għall-iżvinar; - it-talba għall-qtil bil-gass għat-tjur (sturdament irriversibbli). Xi rakkomandazzjonijiet ma ġewx inklużi fil-proposta minħabba li l-istima tal-impatt uriet li bħalissa dawn ma kinux ekonomikament vijabbli fl-UE. Dan kien partikolarment il-każ għar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin: - it-tneħħija f’fażijiet tal-użu tad-dijossidu tal-karbonju għall-ħnieżer u għat-tjur; - it-tneħħija f’fażijiet tal-użu tal-isturdament fil-banjijiet tal-ilma għat-tjur. Rakkomandazzjonijiet oħra mhumiex fil-proposta minħabba li jirreferu għall-parametri li għandhom ikunu parti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni. Rakkomandazzjonijiet dwar il-ħut imkabbar fil-farms ma ġewx inklużi fil-proposta minħabba li kien hemm il-ħtieġa għal opinjoni xjentifika oħra u minħabba evalwazzjoni ekonomika f’dan il-qasam. Mezzi użati sabiex il-konsulenza tal-esperti ssir disponibbli għall-pubbliku L-opinjonijiet tal-EFSA u l-linjigwida tal-OIE huma disponibbli pubblikament fuq l-Internet: http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_home.htm http://www.oie.int/eng/normes/mcode/en_titre_3.7.htm. Stima tal-impatt L-għażliet ewlenin maħsubin tal-politika kienu jvarjaw mill-istatus quo, id-deregolazzjoni, l-emendi tekniċi għad-Direttiva jew ir-riorganizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-ispejjeż tat-tbiċċir jikkostitwixxu porzjon limitat tal-ispejjeż totali tal-attivitajiet tal-biċċeriji (20%) iżda jistgħu jaffettwaw il-kompetittività tagħhom. Il-biċċeriji huma soġġetti għal spezzjoni uffiċjali permanenti minħabba l-leġiżlazzjoni għas-sigurtà fl-ikel. Il-proposta ma tintroduċix rekwiżiti addizzjonali għall-ispezzjonijiet uffiċjali. Il-benesseri tal-annimali għandu impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ikel u s-sigurtà operattiva. Jirrappreżenta wkoll valuri pożittivi tas-suq. Ma ġie identifikat l-ebda impatt ambjentali sinifikanti. Mill-paragunar tal-għażliet ewlenin tal-politika jidher li r-riorganizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni hija l-aktar għażla vantaġġjuża. B’mod aktar speċifiku, l-istima tal-impatt tinvestiga l-aspetti li ġejjin tar-riorganizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni: Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ sturdament, sistema ċentralizzata tkun alternattiva valida, waqt li sistema parzjalment diċentralizzata jkollha xi benefiċċji speċjalment f’termini ta’ flessibilità u spejjeż. Integrazzjoni aħjar għall-benesseri tal-annimali fil-proċess tal-produzzjoni twassal għal eżiti pożittivi għall-benesseri tal-annimali, għas-sigurtà operattiva u għall-kwalità tal-laħam. Dan jista’ jsir permezz ta’ Proċeduri Operattivi Standard ( Standard Operating Procedures - SOPs) u/jew il-ħatra ta’ Uffiċjal għall-Benesseri tal-Annimali. L-ispejjeż ekonomiċi huma limitati għaż-żewġ għażliet, u l-biċċeriji li diġà implimentaw dawn il-miżuri japprezzaw il-benefiċċji ekonomiċi. L-istima tal-impatt tindika wkoll li hemm il-ħtieġa li l-istandards tal-infrastrutturi tal-biċċeriji jiġu aġġornati. Dan sejjer iwassal għal benefiċċji soċjali u jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ investment jekk jiġi kkunsidrat perjodu transitorju raġjonevoli. Kompetenza aħjar tal-persunal li joqtol l-annimali, kif ukoll l-istabbiliment ta’ struttura nazzjonali speċifika għall-għoti ta’ għajnuna teknika dwar il-benesseri tal-annimali għall-uffiċjali jidher li huma żewġ approċċi kumplimentari. Il-politika tal-għarfien hija effiċjenti ħafna f’termini tal-benesseri tal-annimali, il-flessibilità għall-industrija u hija soċjalment pożittiva għall-persunal. Fl-aħħarnett, fuq il-kwistjoni tal-qtil ta’ kwantità kbira ta’ annimali jidher ukoll li huwa aktar probabbli li għażla flessibbli twassal għal aktar riżultati milli approċċ regolatorju tradizzjonali. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta sejra żżid ir-responsabbilità tal-operaturi dwar il-benesseri tal-annimali. Dan huwa konformi mal-“pakkett tal-iġjene”, ġabra ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-ikel adottata fl-2004 li tobbliga lill-operaturi sabiex jintegraw is-sigurtà fl-ikel fl-operazzjonijiet tagħhom u sabiex juru li huma qegħdin jimplimentaw proċeduri għal dan il-għan. Dan l-approċċ huwa konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-annimali li introduċa l-kunċett tal-indikaturi għall-benesseri tal-annimali mkejla fuq l-annimali. Il-proposta sejra tobbliga lill-persunal li jimmaniġġja u/jew ibiċċer l-annimali li jkollu ċertifikat ta’ kompetenza. Dan ir-rekwiżit sejjer japplika għall-biċċeriji u għall-qtil fil-kuntest tat-trobbija għall-fer. Il-proposta sejra teħtieġ li kull Stat Membru jistabbilixxi ċentru nazzjonali ta’ referenza li jipprovdi assistenza teknika għall-uffiċjali dwar il-benesseri tal-annimali waqt il-qtil. Iċ-ċentru sejjer jipprovdi valutazzjoni xjentifika għal metodi/tagħmir ġdid għall-isturdament u biċċeriji mibnijin ġodda, u sejjer jakkredita korpi li jagħtu ċertifikati ta’ kompetenza relatati mal-benesseri tal-annimali. Il-proposta sejra tipprovdi definizzjonijiet preċiżi għall-metodi ta’ sturdament. Sejra tistabbilixxi wkoll sistema komuni għall-awtorizzazzjoni ta’ metodi ġodda għall-isturdament. Il-proposta sejra tassigura li l-benesseri tal-annimali tiġi kkunsidrata fl-istadji kollha tal-proċess tal-qtil minħabba l-kontroll tal-mard. Dan sejjer jimplika preparazzjoni aħjar iżda wkoll superviżjoni speċifika għall-benesseri tal-annimali u rapportaġġ lill-pubbliku. F'konformità mar-regolament tal-iġjene, il-proposta tippermetti t-tbiċċir għall-konsum privat, (eż fl-irziezet u fil-btieħi) provdut illi r-rekwiżiti ġenerali ta' dan ir-regolament jiġu ssodisfati, partikolarment l-istordament ta' qabel. Bażi legali L-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea. Il-prinċipju ta’ sussidjarità Il-prinċipju ta’ sussidjarità japplika diment li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba r-raġuni li ġejja. Il-laħam, il-fer u prodotti oħra relatati mal-qtil tal-annimali mrobbija fl-irziezet jiġu nnegozjati fuq livell internazzjonali. It-tagħmir għall-isturdament u għat-trażżin jiġi wkoll ikkumerċjalizzat lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Id-diskrepanzi fl-istandards għall-ħarsien li jirregolaw il-qtil tal-annimali bejn l-Istati Membri jaffettwaw il-kompetittività tal-biċċeriji, tal-bdiewa, tal-imfaqas u tal-fabbrikanti tat-tagħmir għall-isturdament. L-azzjoni tal-Komunità sejra tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni li ġejja. Il-prodotti miksubin minn dawk l-attivitajiet jiġu nnegozjati liberament fl-UE. Għalhekk, huwa probabbli li l-azzjoni tal-UE jkollha effett iktar koerenti u tilħaq aħjar l-għanijiet proposti. Huwa diffiċli li wieħed isib l-indikaturi li jkunu jirriflettu s-sitwazzjoni fil-każ tal-għanijiet tal-proposta b’mod mhux ambigwu. Il-livell tal-użu ta’ xi metodi rriversibbli ta’ sturdmanet jidhru li jirriflettu ċertu livell ta’ titjib fil-benesseri tal-annimali, għat-tjur jew għall-ħnieżer. Iżda, l-użu ta’ metodi ta’ sturdament huwa influwenzat ukoll minn fatturi ekonomiċi. L-ambitu tal-proposta huwa limitat għall-qtil tal-annimali li jikbru fl-irziezet. Dawk l-attivitajiet huma l-aktar armonizzati permezz ta’ leġiżlazzjonijiet oħra tal-Komunità. Il-qtil tal-annimali akkompanjaturi, jew li jsir bħala parti minn attivitajiet ta’ kaċċa jew ta’ sport, mhuwiex parti mill-proposta u jibqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali. Il-proposta tippermetti wkoll li l-miżuri nazzjonali jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali li jirreferu għall-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali jiġu rispettati. Il-proposta għalhekk tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarità. Il-prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja (li ġejjin). Ir-Regolament joffri l-vantaġġi li ġejjin: - jipprovdi applikazzjoni uniformi u simultanja fl-Istati Membri kollha u jevita l-piż, kemm għall-Istati Membri, kif ukoll għall-Kummissjoni tat-traspożizzjoni; - l-aġġornament ta’ Regolament jista’ jiġi implimentat b’mod aktar rapidu; dan huwa milqugħ f’dan il-qasam li huwa soġġett għall-progress tekniku u xjentifiku. - jipprovdi set wieħed ta' regoli u b'hekk dawn isiru iktar viżibbli u iktar faċli għall-operaturi u l-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE biex japplikawhom. Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji għall-Komunità. L-istima tal-impatt indikat li l-implikazzjonijiet finanzjarji sejrin jaffettwaw l-aktar lill-operaturi li implimentaw b’mod dgħajjef ir-regoli attwali tal-UE. Minbarra dan, ġew stabbiliti perjodi transitorji għal miżuri relatati mal-infrastrutturi tal-biċċeriji kif ukoll għat-teħid f’kunsiderazzjoni tal-impjegati li diġà jaħdmu fil-biċċeriji. Hija kkunsidrata wkoll deroga għal biċċeriji żgħar fir-rigward tar-rekwiżit għall-Uffiċjal għall-Benesseri tal-Annimali. L-istudju ekonomiku indika wkoll li fost l-operturi tal-biċċeriji li implimentaw il-miżuri msemmija fil-proposta, il-maġġoranza tagħhom iqisu li l-ispejjeż huma relattivament aċċettabbli u li b’mod ġenerali, il-bidliet huma ta’ benefiċċju għall-attività ekonomika tagħhom. L-għażla tal-istrumenti L-istrumenti proposti: Regolament. Metodi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni(jiet) li ġejja(li ġejjin). L-istrumenti mhux vinkolattivi ġew rifjutati b’mod unanimu mill-partijiet ikkonsultati kollha bħala mezz uniku sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Il-qatla tal-annimali hija attività fejn il-partijiet kollha li għandhom interess jikkunsidraw li għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi ugwali għall-operaturi kollha u li għandha tiġi kkontrollata mill-gvernijiet. Il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE hija Direttiva u din ma ġabitx livell ta’ armonizzazzjoni suffiċjenti. IMPLIKAZZJONIJIET BAġITARJA Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI Simulazzjoni, fażi pilota, perjodu transitorju Kien hemm jew sejjer ikun hemm perjodu transitorju għall-proposta. Simplifikazzjoni Il-proposta tipprovdi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-proposta li tirrevoka d-Direttiva attwali sejra tagħmel it-traspożizzjonijiet nazzjonali antikwati. Barra minn hekk, integrazzjoni aħjar fil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà fl-ikel tiffaċilita l-implimentazzjoni. Revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti L-adozzjoni tal-proposta sejra twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Iż-Żona Ekonomika Ewropea L-att propost jittratta kwistjoni taż-ŻEE u għandu għalhekk jiġi estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea. 2008/0180 (CNS) Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4], Wara l-konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5], Billi: (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/119/KE tat-22 ta’ Diċembru 1993 dwar il-protezzjoni ta’ annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew qtil[6] tistabbilixxi regoli minimi komuni għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-tbiċċir jew il-qtil fil-Komunità. Dik id-Direttiva ma ġietx emendata b’mod sostanzjali mill-adozzjoni tagħha. (2) Il-qtil tal-annimali jista' jnaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq, il-biża’ u forom oħra ta’ tbatija għall-annimali anki fl-aħjar kundizzjonijiet tekniċi disponibbli. Ċerti operazzjonijiet marbuta mal-qtil jistgħu jikkawżaw id-dwejjaq u kwalunkwe teknika ta' stordament tippreżenta ċerti żvantaġġi. L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-uġigħ u jnaqqsu d-dwejjaq u t-tbatija tal-annimali waqt il-proċess tat-tbiċċir u tal-qtil, filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fis-settur u l-metodi permessi skont dan ir-Regolament. Meta l-operaturi jiksru wieħed mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew jużaw il-prattiki li ma jirriflettux l-aħjar żviluppi fis-settur u b'hekk iwasslu għall-uġigħ, id-dwejjaq u t-tbatija minħabba n-negliġenza jew inkella intenzjonalment, l-uġigħ, id-dwejjaq jew it-tbatija għandhom jitqiesu li jistgħu jiġu evitati. (3) Il-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qtil, ilha koperta mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità sa mill-1974 u ġiet rinforzata sostanzjalment bid-Direttiva 93/119/KE. Iżda ġew osservati diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva u ġew indikati tħassib kif ukoll differenzi maġġuri fir-rigward tal-benesseri li jistgħu jaffettwaw il-kompetittività bejn l-operaturi. (4) Il-benesseri tal-annimali huwa valur Komunitarju li huwa stabbilit fil-Protokoll dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-annimali anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[7]. Il-protezzjoni tal-annimali waqt it-tbiċċir jew il-qtil hija kwistjoni ta’ tħassib pubbliku li taffettwa l-attitudnijiet tal-konsumatur lejn il-prodotti agrikoli. Minbarra dan, it-titjib tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla jikkontribwixxi għal laħam ta’ kwalità ogħla u indirettament għandu impatt pożittiv fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-biċċeriji. (5) Il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-annimal fil-ħin tat-tbiċċir jew tal-qtil għandha impatt fuq il-kompetizzjoni u għalhekk fuq il-ħidma tas-suq intern fil-prodotti agrikoli. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli komuni sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp razzjonali tas-suq intern f’dawk il-prodotti. (6) L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (European Food Safety Authority - EFSA) adottat żewġ opinjonijiet fuq l-aspetti tal-benesseri tas-sistemi ewlenin tal-isturdament u tal-qtil ta’ ċerti speċi ta’ annimali, b’mod partikolari l-aspetti tal-benesseri tas-sistemi ewlenin tal-isturdament u tal-qtil tal-ispeċi ta’ annimali kummerċjali ewlenin[8], fl-2004 u dwar l-aspetti tal-benesseri tas-sistemi ewlenin ta’ sturdament u qtil applikati għal ċriev imkabbra għal skopijiet kummerċjali, mogħoż, fniek, ngħam, papri, wiżżijiet u summien[9], fl-2006. Il-leġiżlazzjoni tal-Komunità f’dan il-qasam għandha tiġi aġġornata sabiex tqis dawk l-opinjonijiet xjentifiċi. Ir-rakkomandazzjonijiet sabiex l-użu tad-dijossidu tal-karbonju jitneħħa f’fażijiet għall-ħnieżer u t-tjur, kif ukoll it-tneħħija f’fażijiet tal-isturdament permezz tal-banjijiet tal-ilma għat-tjur ma kinux inklużi fil-proposta minħabba li l-istima tal-impatt uriet li bħalissa ma kinux ekonomikament vijabbli fl-UE. Minbarra dan, rakkomandazzjonijiet oħra ma għandhomx ikunu parti minn dan ir-Regolament minħabba li jirreferu għal parametri tekniċi li għandhom ikunu parti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni jew tal-kodiċi ta’ prattika tajba. Ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-ħut imkabbra fil-farms ma kinux inklużi fil-proposta minħabba li kien hemm ħtieġa għal opinjoni xjentifika oħra u evalwazzjoni ekonomika f’dan il-qasam. (7) Fl-2007, l-Organizzazzjoni Dinija għas-Saħħa tal-Annimali (World Organisation for Animal Health - OIE) adottat il-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali ta’ Fuq l-Art li jinkludi linjigwida għat-tbiċċir tal-annimali u għall-qtil tal-annimali għall-għanijiet tal-kontroll tal-mard. Dawk il-linjigwida internazzjonali fihom rakkomandazzjonijiet dwar l-immaniġġjar, it-trażżin, l-isturdament u l-iżvinar tal-annimali fil-biċċeriji u l-qtil tal-annimali fil-każ ta’ tifqigħa ta’ mard li jittieħed. Dawk l-istandards internazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati f’dan ir-Regolament. (8) Mill-adozzjoni tad-Direttiva 93/119/KE, il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-ikel tal–Komunità applikabbli għall-biċċeriji ġiet emendata ħafna mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel[10] u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li ġej mill-annimali[11]. Dawk ir-Regolamenti jenfasizzaw ir-responsabbilità tal-operaturi tan-negozju tal-ikel sabiex jiżguraw is-sigurtà fl-ikel. Il-biċċeriji huma wkoll soġġetti għal proċedura ta’ pre-approvazzjoni li permezz tagħha, il-bini, it-tqassim u t-tagħmir jiġu eżaminati mill-awtorità kompetenti sabiex din tassigura li dawn jikkonformaw mar-regoli tekniċi korrespondenti dwar is-sigurtà fl-ikel. It-tħassib dwar il-benesseri tal-annimali għandu jkun integrat aħjar fil-biċċeriji u fil-bini tagħhom u fit-tqassim u fit-tagħmir użat fihom. (9) Il-kontrolli uffiċjali fil-katina tal-ikel ġew ukoll organizzati mill-ġdid bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi assigurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u tal-ikel, is-saħħa tal-annimali u r-regoli dwar il-benesseri tal-annimali[12] u r-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman[13]. (10) Il-kundizzjonijiet li fihom jinqatlu l-annimali miżmumin għat-trobbija għandhom impatt dirett u indirett fuq is-suq tal-ikel, l-għalf jew prodotti oħra u fuq il-kompetittività tal-operaturi konċernati. Għaldaqstant, operazzjonijiet ta’ qtil bħal dawn huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità. Madankollu, l-ispeċi mrobbija b’mod tradizzjonali, bħaż-żwiemel, ħmir, baqar, mogħoż, nagħaġ jew ħnieżer jistgħu jinżammu wkoll għal raġunijiet oħra, bħala , pereżempju, annimali domestiċi, annimali għall-wirjiet, għal għanijiet ta’ xogħol jew għall-isport. Meta l-qtil tal-annimali ta’ dawn l-ispeċi jipproduċi ikel jew prodotti oħrajn, dawk l-operazzjonijiet għandhom jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Konsegwentement, il-qtil ta’ annimali selvaġġi jew tat-triq għall-għanijiet tal-kontroll tal-popolazzjoni ma għandux jaqa’ fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament. (11) Il-ħut jippreżenta differenzi fiżjoloġiċi sostanzjali mill-annimali ta’ fuq l-art u l-ħut imrobbi fil-farms jiġi mbiċċer u maqtul f’kuntest differenti ħafna, partikolarment fil-każ tal-proċess ta’ spezzjoni. Barra minn hekk, ir-riċerka fuq l-isturdament tal-ħut hija ħafna inqas żviluppata minn dik għal speċi mrobbija oħrajn. Għandhom jiġu stabbiliti standards separati dwar il-protezzjoni tal-ħut waqt il-qtil. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħut għandhom bħalissa jkunu limitati għall-prinċipju ewlieni. Inizjattivi ulterjuri għandhom jikkunsidraw għażliet leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi u jistgħu jittieħdu mill-Komunità abbażi ta’ stima tar-riskju xjentifiku għat-tbiċċir u l-qtil ta’ ħut imwettqa mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel filwaqt li jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u amministrattivi. (12) Huwa dmir etiku li annimali produttivi li huma f’uġigħ kbir jinqatlu meta ma jkunx hemm mod ekonomikament vijabbli sabiex dan l-uġigħ jittaffa. F’ħafna każijiet, l-annimali jistgħu jinqatlu waqt li jiġu rispettati kundizzjonijiet xierqa ta’ benesseri. Iżda taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal aċċidenti f’postijiet remoti, fejn ma jkunx hemm persunal kompetenti u tagħmir għall-annimali, il-konformità mal-aqwa regoli tal-benesseri tista’ ttawwal is-sofferenza tagħhom. Fl-interess tal-annimali, huwa għalhekk xieraq li l-qtil fil-każ tal-emerġenza jiġi eskluż minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. (13) Okkażjonalment, l-annimali jistgħu jkunu perikolużi għall-bniedem, u possibbilment jistgħu jpoġġu l-ħajja tal-bniedem f’riskju, jikkawżaw feriti serji jew jittrasmettu mard li jista’ jikkaġuna l-mewt. Il-prevenzjoni ta’ dawk ir-riskji normalment isseħħ permezz tat-trażżin xieraq tal-annimali iżda jista’ jkun hemm bżonn ukoll li l-annimali perikolużi jinqatlu, sabiex f’ċerti ċirkostanzi dan ir-riskju jispiċċa. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, il-qtil mhux dejjem iseħħ taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta’ benesseri minħabba l-emerġenza. Għaldaqstant huwa neċessarju li jkun hemm deroga mill-obbligu li f’każijiet bħal dawn, l-annimali jiġu sturduti jew maqtula minnufih. (14) L-attivitajiet tal-kaċċa iseħħu f’kuntest fejn il-kundizzjonijiet tal-qtil huma differenti ħafna minn dawk użati għal annimali mrobbija u l-kaċċa hija soġġetta għal leġiżlazzjonijiet speċifiċi. Huwa għalhekk xieraq li l-qtil li jseħħ waqt il-kaċċa jiġi eskluż mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. (15) Il-Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri dwar, b’mod partikolari, ir-riti reliġjużi, it-tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali meta jiġu fformulati u implimentati l-linji politiċi tal-Komunità dwar l-agrikultura u s-suq intern, inter alia . Huwa għalhekk xieraq li l-avvenimenti kulturali jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament, fejn il-konformità mar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali jaffettwaw ħażin in-natura proprja tal-avveniment konċernat. (16) Barra minn hekk, it-tradizzjonijiet kulturali jirreferu għal mod ta’ ħsieb, azzjoni jew imġiba abitwali, stabbilita u li tintiret, li tinkludi l-kunċett ta’ xi ħaġa trasmessa minn, jew akkwistata minn, predeċessur. Huma jikkontribwixxu għat-tkabbir ta’ konnessjonijiet soċjali li ilhom stabbiliti bejn il-ġenerazzjonijiet. Sakemm dawk l-attivitajiet ma jaffettwawx is-suq tal-prodotti tal-annimali u mhumiex motivati mill-għanijiet ta’ produzzjoni, huwa xieraq li l-qtil tal-annimali li jseħħ waqt dawk l-avvenimenti jiġi eskluż mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. (17) It-tbiċċir tat-tjur u tal-lagomorfi għall-konsum privat mhuwiex imwettaq fuq skala li probabbli taffettwa l-kompetittività tal-biċċeriji kummerċjali. Bl-istess mod, l-isforzi neċessarji meħtieġa mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jikxfu u jikkontrollaw dawn l-operazzjonijiet ma jkunux proporzjonali għall-problemi potenzjali li għandhom jiġu solvuti. Huwa għalhekk xieraq li dawk l-operazzjonijiet jiġu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament. (18) Ingħatat deroga mill-isturdament fil-każ tat-tbiċċir għal raġunijiet reliġjużi li jsir fil-biċċeriji permezz tad-Direttiva 93/119/KE. Minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabbli għat-tbiċċir għal raġunijiet reliġjużi ġew implimentati b’mod differenti skont il-kuntesti nazzjonali, u meta wieħed jikkunsidra li r-regoli nazzjonali jikkunsidraw dimensjonijiet li jmorru lilhinn mill-għan ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li tinżamm id-deroga mill-isturdament tal-annimali qabel il-qatla, waqt li madankollu jibqa’ ċertu livell ta’ sussidjarjetà għal kull Stat Membru. Bħala konsegwenza, ir-Regolament attwali jirrispetta l-libertà tar-reliġjon u d-dritt li r-reliġjon jew twemmin jiġi manifestat fil-qima, tagħlim, prattika u osservanza, kif stabbilit fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. (19) Hemm biżżejjed provi xjentifiċi sabiex jintwera li l-annimali vertebrati huma annimali li jħossu li għaldaqstant għandhom jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, ir-rettili u l-amfibji mhumiex annimali li jitrabbew b’mod komuni fil-Komunità u għalhekk ma jkunx xieraq jew proporzjonali li dawn jiġu inklużi fi ħdan l-ambitu. (20) Ħafna metodi ta’ qtil jikkawżaw uġigħ lill-annimali. L-isturdament huwa għalhekk neċessarju sabiex jikkawża telfien mis-sensi u tas-sensibilità qabel, jew fl-istess ħin li jinqatlu l-annimali. Il-kejl tan-nuqqas tas-sensi u tas-sensibilità tal-annimali huwa kumpless u jeħtieġ li jsir b’metodoloġija approvata xjentifikament. Madankollu, il-monitoraġġ permezz tal-indikaturi għandu jitwettaq sabiex tiġi evalwata l-effikaċja tal-proċedura taħt kundizzjonijiet prattiċi. (21) Il-monitoraġġ tal-effikaċja tal-isturdament huwa bbażat l-aktar fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm l-annimal ikun f’sensih u tas-sensibilità tal-annimali. Kemm l-annimal ikun f’sensih hija essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-emozzjonijiet u li jikkontrolla l-mobilità volontarja tiegħu. Minkejja xi eċċezzjonijiet, bħall-immobilizzaturi bl-elettriku jew paraliżi oħra provokata, annimal jista’ jkun preżunt li ntilef minn sensih meta jitlef il-pożizzjoni naturali tiegħu ta’ bilwieqfa, ma jkunx imqajjem u ma jurix sinjali ta’ emozzjonijiet pożittivi jew negattivi bħal biża’ jew eċċitament. Is-sensibilità ta’ annimal hija essenzjalment il-kapaċità tiegħu li jħoss l-uġigħ. B’mod ġenerali, jista’ jkun hemm is-suppożizzjoni li annimal mhuwiex sensittiv meta ma juri l-ebda rifless jew reazzjoni għall-istimoli bħall-ħoss, riħa, dawl jew kuntatt fiżiku. (22) Qegħdin jiġu żviluppati u proposti regolarment fuq is-suq metodi ġodda ta’ sturdament sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ġodda għall-industrija tal-biedja u tal-laħam. Huwa għalhekk importanti li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tapprova metodi ġodda ta’ sturdament waqt li żżomm livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni għall-annimali. (23) Huma neċessarji kodiċijiet ta’ prattika tajba sabiex l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti b’informazzjoni speċifika dwar il-parametri li għandhom jintużaw sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-annimali waqt li jinżamm livell uniformi għall-operaturi. Huwa għaldaqstant neċessarju li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta kodiċijiet ta’ prattika tajba. (24) Skond il-mod kif jintużaw waqt il-proċess tat-tbiċċir jew tal-qtil, xi metodi ta' stordament jistgħu jwasslu għall-mewt waqt li jkun qed jiġi evitat l-uġigħ jew jitnaqqas id-dwejjaq jew it-tbatija għall-annimali. Bħala konsegwenza mhuwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn metodi riversibbli u mhux riversibbli ta’ sturdament. (25) Il-kundizzjonijiet li fihom l-annimali jiġu sturduti u r-riżultati ta’ dan l-isturdament ivarjaw fil-prattika minħabba ħafna fatturi. Għalhekk għandha ssir stima regolari tal-eżitu tal-isturdament. Għal dan il-għan, l-operaturi għandhom jistabbilixxu kampjun rappreżentattiv għall-kontroll tal-effikaċja tal-prattiċi ta’ sturdament, waqt li jiġu kkunsidrati l-omoġeniċità tal-grupp tal-annimali u fatturi kritiċi oħrajn, bħat-tagħmir użat u l-persunal involut. (26) Il-benesseri tal-annimali huwa influwenzat l-aktar mill-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjonijiet u jistgħu jinkisbu riżultati affidabbli biss jekk l-operaturi jiżviluppaw strumenti ta’ monitoraġġ sabiex jevalwaw l-effetti tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu żviluppati proċeduri operattivi standard fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ produzzjoni u dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju. Għandhom jinkludu għanijiet ċari, persuni responsabbli, modus operandi, kriterji ta’ aċċettazzjoni li jistgħu jitkejlu, kif ukoll proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ reġistrazzjoni. (27) Persunal imħarreġ sew u tas-sengħa itejjeb il-kundizzjonijiet li taħthom jiġu trattati l-annimali. Il-kompetenza rigward il-benesseri tal-annimali timplika għarfien tal-mudelli bażiċi ta’ mġiba u tal-ħtiġiet tal-ispeċi konċernati kif ukoll sinjali ta’ jekk l-annimal huwiex f’sensih u tas-sensibilità tiegħu. Tinkludi wkoll kompetenza teknika rigward it-tagħmir ta’ sturdament użat. Il-persunal li joqtol l-annimali għall-konsum mill-bniedem u l-persuni li jissorveljaw il-qtil staġjonali tal-annimali bil-fer għandhom għalhekk ikunu meħtieġa li jkollhom ċertifikat ta’ kompetenza relevanti fir-rigward tal-operazzjonijiet li jwettqu. Madankollu, il-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kompetenza għal persunal ieħor li joqtol l-annimali tkun sproporzjonata għall-għanijiet segwiti. (28) Persunal b’diversi snin ta’ esperjenza huwa preżunt li għandu ċertu livell ta’ kompetenza. Għalhekk għandu jiġi pprovdut perjodu transitorju għar-rekwiżiti ta’ ċertifikat ta’ kompetenza f’dan ir-Regolament fil-każ ta’ dan il-persunal. (29) It-tagħmir ta’ sturdament huwa żviluppat u ddisinjat sabiex ikun effiċjenti f’kuntest speċifiku. Il-fabbrikanti għandhom għalhekk jipprovdu struzzjonijiet dettaljati lill-utenti dwar il-kundizzjonijiet skont liema t-tagħmir għandu jintuża u jinżamm sabiex jiġi żgurat l-aqwa benesseri għall-annimali. (30) Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja, it-tagħmir għall-isturdament u għat-trażżin għandu jinżamm b’mod xieraq. L-apparat li jintuża b’mod intensiv jista’ jkun jeħtieġ li ċerti partijiet jiġu sostitwiti u anke t-tagħmir użat okkażjonalment jista’ jonqos fl-effikaċja minħabba l-korrużjoni jew fatturi ambjentali oħrajn. Bl-istess mod, xi apparat jista’ jkun jeħtieġ li jiġi kkalibrat b’mod preċiż. L-operaturi għandhom għalhekk jimplimentaw il-proċeduri ta’ manutenzjoni għal dak it-tagħmir. (31) L-annimali jistgħu jbatu meta l-proċeduri għall-isturdament ma jirnexxux. Dan ir-Regolament għandu jipprovdi sabiex apparat ta’ sturdament sostitut xieraq ikun disponibbli biex inaqqas l-uġigħ, id-dwejjaq jew it-tbatija għall-annimali. (32) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi għal-lista ta’ stabbilimenti li għalihom huma permessi l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti speċifiċi li ġejjin mill-annimali. Ir-rekwiżiti ġenerali u r-rekwiżiti addizzjonali applikabbli għall-biċċeriji stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati għall-għanijiet ta’ dik il-lista. (33) Il-biċċeriji u t-tagħmir użat fihom huma mfasslin għal kategoriji partikolari ta’ annimali u ta’ kapaċitajiet. Meta dawn il-kapaċitajiet jinqabżu jew meta t-tagħmir jintuża għal għanijiet li ma kienx imfassal għalihom, ikun hemm impatt negattiv fuq il-benesseri tal-annimali. Informazzjoni fuq dawn l-aspetti għandha għalhekk tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti u għandha tkun parti mill-proċedura approvata għall-biċċeriji. (34) Il-biċċeriji mobbli jnaqqsu l-ħtieġa li l-annimali jinġarru għal distanzi twal u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġi mħares il-benesseri tal-annimali. Iżda, r-restrizzjonijiet tekniċi għall-biċċeriji mobbli huma differenti minn dawk tal-biċċeriji fissi u bħala konsegwenza jistgħu jiġu adottati regoli tekniċi. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għall-possibilità li jiġu stabbiliti derogi li jeżentaw biċċeriji mobbli mir-rekwiżiti dwar il-bini, it-tqassim u t-tagħmir għall-biċċeriji. (35) Progress xjentifiku u tekniku rigward il-bini, tqassim u tagħmir tal-biċċeriji jsir b’mod regolari. Huwa għalhekk importanti li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex temenda r-rekwiżiti applikabbli għall-bini, tqassim u tagħmir tal-biċċeriji waqt li jinżamm livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni għall-annimali. (36) Huma neċessarji linjigwida sabiex jipprovdu lill-operaturi u lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni speċifika dwar il-bini, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji sabiex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-annimali, waqt li jinżammu l-istess kundizzjonijiet għall-operaturi. Huwa għalhekk neċessarju li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta linjigwida bħal dawn. (37) Il-qtil mingħajr sturdament jeħtieġ qtugħ preċiż tal-gerżuma sabiex titnaqqas it-tbatija. Barra minn hekk, huwa probabbli li l-annimali li ma jkunux imrażżna mekkanikament wara l-qtugħ, titnaqqsilhom il-veloċità tal-proċess tal-iżvinar u b’hekk is-sofferenza tal-annimali titwal għalxejn. L-annimali maqtula mingħajr ma jiġu storduti għandhom għalhekk jitrażżnu individwalment. (38) Progress xjentifiku u tekniku rigward it-trattament u t-trażżin tal-annimali fil-biċċeriji jsir regolament. Huwa għalhekk importanti li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex temenda r-rekwiżiti applikabbli għall-immaniġġjar u t-trażżin tal-annimali qabel it-tbiċċir waqt li jinżamm livell uniformi u għoli ta’ protezzjoni għall-annimali. (39) Hemm bżonn ta’ linjigwida sabiex l-operaturi u l-awtoritajiet kompententi jiġu pprovduti b’informazzjoni speċifika dwar l-immaniġġjar u t-trażżin tal-annimali qabel il-qatla sabiex jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-annimali waqt li jinżammu l-istess kundizzjonijiet għall-operaturi kollha. Huwa għalhekk neċessarju li l-Komunità tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tadotta dawn il-linjigwida. (40) L-esperjenza miksuba f’xi Stati Membri wriet li l-ħatra ta’ persuna kwalifikata speċifikament bħala uffiċjal għall-benesseri tal-annimali sabiex tikkoordina u ssegwi l-implimentazzjoni tal-proċeduri operattivi għall-benesseri tal-annimali fil-biċċeriji pprovdiet benefiċċji pożittivi għall-benesseri. Din il-miżura għandha għalhekk tiġi applikata mal-komunità kollha. L-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali għandu jkollu awtorità u kompetenza teknika suffiċjenti sabiex jipprovdi gwida relevanti lill-persunal fuq il-linja. (41) Il-biċċeriji żgħar involuti l-aktar fil-bejgħ dirett tal-ikel lill-konsumatur aħħari ma jeħtiġux sistema kumplessa ta’ ġestjoni sabiex jimplimentaw il-prinċipji ġenerali ta’ dan ir-Regolament. Ir-rekwiżit li jkun hemm uffiċjal għall-benesseri tal-annimali għalhekk ikun sproporzjonat mal-għanijiet segwiti f’dawk il-każijiet u dan ir-Regolament għandu jipprovdi deroga minn dak ir-rekwiżit għal biċċeriji bħal dawn. (42) Id-depopulazzjoni spiss tinvolvi l-ġestjoni ta’ kriżijiet bi prijoritajiet parallelli, bħas-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika, l-ambjent jew il-benesseri tal-annimali. Filwaqt li huwa importanti li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali fl-istadji kollha fil-proċess ta’ depopulazzjoni, jista’ jiġri li f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-konformità ma’ dawk ir-regoli tista’ tpoġġi s-saħħa tal-bniedem f’riskju jew tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-proċess tal-qerda tal-marda u għalhekk tesponi lil aktar annimali għall-mard u l-mewt. (43) Kif xieraq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fuq il-bażi ta’ każ b’każ fejn is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali teħtieġ il-qtil b’emerġenza tal-annimali u/jew meta ma jkun hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli sabiex jiġi pprovdut l-aqwa benesseri għalihom. Madankollu, dawn id-derogi ma għandhomx ikunu sostituzzjoni għall-ippjanar xieraq. Għal dan il-għan, il-livell tal-ippjanar għandu jiżdied u l-benesseri tal-annimali għandu jkun integrat sewwa fil-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-mard li jittieħed. (44) Tagħmir modern ta’ sturdament u ta’ trażżin qiegħed isir dejjem iżjed kumpless u sofistikat, u jeħtieġ kompetenza u analiżi speċifika. L-Istati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu jew jinkarigaw fejn dan ikun diġà stabbilit ċentru speċifiku għal eċċellenza xjentifika u teknika bħala ċentru ta’ referenza li l-uffiċjali jistgħu jirreferu għalihom meta t-tagħmir jew il-metodi għall-isturdament tal-annimali jkunu jeħtieġu li jiġu evalwati. (45) L-effikaċja ta’ kull metodu ta’ sturdament hija bbażata fuq il-kontroll tal-parametri ewlenin u tal-evalwazzjoni regolari tagħhom. L-iżvilupp ta’ kodiċijiet nazzjonali ta’ prattiki tajbin fuq il-benesseri tal-annimali għall-parametri, l-indikaturi u l-proċeduri ewlenin ta’ monitoraġġ waqt il-qtil tal-annimali huwa għalhekk kritiku sabiex tiġi pprovduta gwida xierqa dwar il-benesseri tal-annimali għall-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti. (46) L-iżvilupp ta’ dawn il-kodiċijiet jeħtieġ għarfien xjentifiku, kompetenza prattika u kompromess fost il-partijiet interessati. Ċentru jew netwerk ta’ referenza f’kull Stat Membru għandu għalhekk iwettaq dan ix-xogħol f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati relevanti. (47) Il-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ kompetenza għandha għalhekk tiġi pprovduta b’mod uniformi. Il-korpi u l-entitajiet li joħorġu ċ-ċertifikati ta’ kompetenza għandhom għalhekk jiġu akkreditati skont standards konsistenti u minn awtorità nazzjonali waħda. Dan l-irwol għandu jiġi attribwit lil ċentru ta’ referenza kif xieraq. (48) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li tittieħed xi tip ta’ azzjoni mill-awtorità kompetenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli tal-benesseri. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jittieħdu biss dawk l-azzjonijiet addizzjonali li huma speċifiċi għal dan ir-Regolament. (49) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi proċeduri fi kwisjonijiet dwar is-sigurtà fl-ikel[14] jipprovdi li l-EFSA għandha tippromwovi n-netwerking taċ-ċentri nazzjonali ta’ referenza sabiex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni xjentifika, l-iskambju tal-informazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti konġunti, l-iskambju ta’ kompetenza u tal-aħjar prattika fil-qasam tal-liġi tal-ikel. Minħabba li l-l-benesseri tal-annimali jaqa’ fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, in-netwerking taċ-ċentri ta’ referenza stipulat f’dan ir-Regolament huwa għalhekk rwol importanti li għandha tassumih u tiżviluppah l-EFSA. (50) Il-kunsinna ta’ ċertifikati ta’ kompetenza u ta’ korsijiet ta’ taħriġ għandhom jiġu pprovduti b’mod uniformi. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, kif ukoll il-modi li skonthom għandhom jingħataw, jiġu sospiżi jew irtirati ċ-ċertifikati ta’ kompetenza. (51) Il-bini, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji jeħtieġu ppjanar u investiment fit-tul. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal perjodu transitorju xieraq sabiex jiġi kkunsidrat il-ħin meħtieġ sabiex l-industrija tkun tista’ tadatta ruħha għar-rekwiżiti korrespondenti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Waqt dan il-perjodu, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 93/119/KE li huma applikabbli għall-bini, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji għandhom ikomplu japplikaw. (52) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li huma applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u sabiex jiġi żgurat li jiġu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u għandhom irażżnu lin-nies milli jiksru r-Regolament. (53) F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa neċessarju u xieraq għall-ilħuq tal-għan bażiku tal-protezzjoni tal-annimali fil-ħin tal-qatla li jiġu stabbiliti regoli għall-qtil tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, fer jew prodotti oħra u għal operazzjonijiet relatati. Dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti, b’mod konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Trattat. (54) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-implimentazzjoni tas-setgħat konferiti lill-Kummissjoni[15], ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I Suġġett, ambitu u definizzjonijiet Artikolu 1 Suġġett u ambitu 1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-qtil ta’ annimali miżmumin għall-produzzjoni tal-ikel, suf, ġilda, fer jew prodotti oħra u għal operazzjonijiet relatati. Iżda, rigward il-ħut, japplika biss l-Artikolu 3(1). Il-Kapitolu II, għajr għall-Artikolu 3(1) u (2) tiegħu, Kapitolu III u Kapitolu IV għajr għall-Artikolu 16 tiegħu ma għandhomx japplikaw fil-każ ta’ qtil minħabba emerġenza u meta l-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tirriżulta f’riskju immedjat u serju għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem. 2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika: (a) meta l-annimali jinqatlu: (i) waqt esperimenti tekniċi jew xjentifiċi mwettqa taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti; (ii) waqt attivitajiet ta’ kaċċa; (iii) waqt avvenimenti kulturali jew sportivi; (iv) minn veterinarju fil-qafas tal-prattika medika tiegħu/tagħha. (b) għat-tjur u l-lagomorfi mbiċċra barra l-biċċerija mis-sid tagħhom għall-konsum tiegħu/tagħha stess. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall għan ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) “qtil” ifisser proċess mibdi b’mod intenzjonat sabiex jikkawża l-mewt ta’ annimal; (b) “operazzjonijiet relatati” tfisser operazzjonijiet bħall-immaniġġjar, iż-żamma, it-trażżin, l-isturdament u l-iżvinar tal-annimali li jseħħu fil-kuntest u fil-post fejn dawn ikunu sejrin jinqatlu; (c) “annimal” ifisser kwalunkwe annimal vertebrat, għajr rettili u amfibji; (d) “qtil minħabba emerġenza” ifisser il-qtil ta’ annimali li huma feruti jew li għandhom marda assoċjata ma’ uġigħ u sofferenza kbira u meta ma hemm l-ebda possibilità prattika oħra sabiex jittaffa dan l-uġigħ jew sofferenza; (e) “iż-żamma” tfisser li l-annimali jinżammu fi stalel jew imqajjel, żoni mgħottija jew għelieqi assoċjati ma’ jew li huma parti mill-operazzjonijiet tal-biċċeriji; (f) “l-isturdament” ifisser kwalunkwe proċess mibdi intenzjonalment sabiex jikkawża t-telfien mis-sensi u t-telf tas-sensibilità mingħajr uġigħ, inkluż kwalunkwe proċess li jirriżulta f’mewta istantanja; (g) “rit reliġjuż” ifisser serje ta’ atti relatati mat-tbiċċir tal-annimali u preskritti minn reliġjon bħall-Iżlam jew il-Ġudajiżmu; (h) “avvenimenti kulturali jew sportivi” ifisser avvenimenti li huma essenzjali u li huma predominantement relatati ma’ tradizzjonijiet kulturali jew attivitajiet sportivi li ilhom stabbiliti, inkluż it-tlielaq jew forom oħra ta’ kompetizzjoni, fejn ma hemm l-ebda produzzjoni ta’ laħam jew prodotti ta’ annimali oħra jew fejn dik il-produzzjoni hija marġinali meta mqabbla mal-avveniment u mhijiex ekonomikament sinifikanti; (i) “proċeduri operattivi standard” jfissru sett ta’ struzzjonijiet bil-miktub immirati sabiex tinkiseb l-uniformità tal-prestazzjoni ta’ funzjoni jew standard speċifiku; (j) “tbiċċir” ifisser il-qtil ta’ annimali għall-konsum mill-bniedem; (k) “biċċerija” tfisser kwalunkwe stabbiliment użat għat-tbiċċir tal-annimali ta’ fuq l-art; (l) “operatur” ifisser kwalunkwe persuna naturali jew legali responsabbli għall-intrapriża li twettaq attivitajiet koperti b’dan ir-Regolament; (m) “annimali bil-fer” tfisser annimali mill-ispeċi tal-mammiferi mrobbija primarjament għall-produzzjoni tal-fer bħall-minks, farretti, volpi, rakkuni, coypu u ċinċilli; (n) “depopulazzjoni” tfisser il-proċess tal-qtil tal-annimali minħabba raġunijet ta’ saħħa pubblika, saħħa tal-annimali, benesseri tal-annimali jew għal raġunijiet ambjentali taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti; (o) “tjur” tfisser tjur imrobbija, inklużi tjur li mhumiex ikkunsidrati bħala tjur domestiċi iżda li huma mrobbija bħala annimali domestiċi, bl-eċċezzjoni tar-ratiti; (p) “lagomorfi” tfisser fniek u liebri. KAPITOLU II Rekwiżiti ġenerali Artikolu 3 Rekwiżiti ġenerali għall-qtil u operazzjonijiet relatati 1. L-annimali għandhom ikunu meħlusin minn kwalunkwe uġigħ, dieqa jew tbatija li tista’ tiġi evitata waqt il-qatla tagħhom u operazzjonijiet relatati. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-operaturi għandhom b’mod partikolari jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-annimali: (a) jiġu pprovduti b’kumdità fiżika u bi protezzjoni, b’mod partikolari billi jinżammu nodfa, f’kumdità termali u b’tali mod li ma jitħallewx jaqgħu jew jiżolqu; (b) jiġu protetti minn korriment jew mard; (c) jiġu mmaniġġjati u miżmuma waqt li tiġi kkunsidrata l-imġiba naturali tagħhom; (d) ma jurux sinjali ta’ uġigħ, biża’, aggressjoni jew imġiba oħra mhux normali; (e) ma jgħaddux minn tul ta’ żmien mingħajr għalf jew ilma; (f) ma jitħallewx ikollhom interazzjoni avversa. 3. Faċilitajiet użati għall-qtil u operazzjonijiet relatati għandhom ikunu mfasslin, mibnija, miżmuma u mħaddma sabiex jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti skont il-paragrafi 1 u 2 taħt il-kundizzjonijiet mistennija ta’ attività tal-faċilità matul is-sena. Artikolu 4 Metodi għall-qatla 1. L-annimali għandhom jinqatlu biss permezz ta’ metodu li jassigura mewta istantanja jew wara li jiġu storduti. 2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, meta dawn il-metodi jiġu preskritti minn riti reliġjużi, l-annimali jistgħu jinqatlu mingħajr ma jiġu storduti qabel, sakemm il-qtil isir f’biċċerija. Iżda l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-deroga. Artikolu 5 L-isturdament 1. L-isturdament jista’ jitwettaq f’konformità mal-metodi stabbiliti fl-Anness I. 2. Il-persunal responsabbli għall-isturdament għandu jwettaq kontrolli regolari sabiex jassigura li l-annimali ma jippreżentawx xi sinjal li juri li jkunu f’sensihom jew ta’ sensibilità fil-perjodu bejn l-aħħar tal-proċess ta’ sturdament u l-konferma tal-mewt. Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fuq kampjun ta’ annimali rappreżentattiv biżżejjed u l-frekwenza tagħhom għandha tiġi stabbilita billi jiġi kkunsidrat l-eżitu tal-kontrolli preċedenti u ta’ kwalunkwe fattur li jista’ jaffettwa l-effikaċja tal-proċess ta’ sturdament. 3. L-Anness I jista’ jiġi emendat b’konformità mal-proċeduri li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 22(2) sabiex jikkunsidra l-progress xjentifiku u tekniku. Iżda kwalunkwe emenda bħal din għandha tassigura livell ta’ benesseri tal-annimali li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-metodi eżistenti kif muri mill-provi xjentifiċi ppubblikati f’ġurnali adattati, rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u li tkun saritilhom reviżjoni mill-kollegi. 4. Il-Kodiċi tal-Komunità ta’ prattika tajba dwar il-metodi stabbiliti fl-Anness I jista’ jiġi adottat b’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2). Artikolu 6 Proċeduri ta’ ħidma standard 1. Il-qtil tal-annimali u operazzjonijiet relatati għandhom jiġu ppjanati minn qabel u mwettqa f’konformità mal-proċeduri operattivi standard. 2. L-operaturi għandhom ifasslu u jimplimentaw dawn il-proċeduri operattivi standard sabiex jiżguraw li l-qtil u l-operazzjonijiet relatati jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 3(1). Fil-każ tal-isturdament, il-proċeduri operattivi standard għandhom: (a) jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-fabbrikant; (b) jiddefinixxu għal kull metodu ta’ sturdament użat, il-parametri ewlenin imsemmija fil-Kapitolu I tal-Anness I. 3. Il-proċeduri operattivi standard għandhom ikunu magħmulin disponibbli għall-awtorità kompetenti meta din titlobhom. Artikolu 7 Livell u ċertifikat ta’ kompetenza 1. Il-qtil u operazzjonijiet relatati għandhom isiru biss minn persuni b’livell xieraq ta’ kompetenza sabiex jagħmlu dan f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. 2. L-operazzjonijiet tal-qatla li ġejjin għandhom isiru biss minn persuni li għandhom ċertifikat ta’ kompetenza għal dawn l-operazzjonijiet, kif hemm provdut għalihom fl-Artikolu 18: (a) l-immaniġġjar u l-kura tal-annimali qabel dawn jitrażżnu; (b) it-trażżin tal-annimali għall-għanijiet tal-isturdament jew il-qtil; (c) l-isturdament tal-annimali; (d) il-valutazzjoni ta’ sturdament effettiv; (e) l-irbit jew l-irfigħ ta’ annimali ħajjin; (f) l-iżvinar ta’ annimali ħajjin. 3. Il-qtil ta’ annimali bil-fer għandu jiġi superviżjonat minn persuna li għandha ċertifikat ta’ kompetenza kif hemm referenza għal dan fl-Artikolu 18 li jikkorrispondi għall-operazzjonijiet kollha mwettqa taħt is-superviżjoni tagħha. Artikolu 8 Istruzzjonijiet għall-użu ta’ tagħmir għat-trażżin jew ta’ sturdament Il-prodotti kkummerċjalizzati jew irreklamati bħala tagħmir għat-trażżin jew għall-isturdament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq mingħajr struzzjonijiet xierqa dwar l-użu u l-manutenzjoni tagħhom, b’mod li jassigura kundizzjonijiet ottimali għall-benesseri tal-annimali. Dawk l-istruzzjonijiet għandhom b’mod partikolari jispeċifikaw: (a) il-kategoriji jew il-piżijiet tal-annimali li għalihom huwa maħsub li jintuża t-tagħmir; (b) il-parametri rakkomandati li jikkorrispondu għaċ-ċirkostanzi differenti ta’ użu, inkluż il-parametri ewlenin stabbiliti fl-Anness I; (c) għat-tagħmir tal-isturdament, metodu għall-monitoraġġ tal-effikaċja tat-tagħmir fil-każ ta’ konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dan l-Artikolu għandu japplika meta t-trażżin jew l-isturdament ikun funzjoni waħda jew aktar mill-funzjonijiet ta’ dan it-tagħmir. Artikolu 9 L-użu ta’ tagħmir tat-trażżin u tal-isturdament 1. It-tagħmir kollu użat għat-trażżin jew għall-isturdament tal-annimali għandu jitħaddem, jinżamm u jiġi kkontrollat minn persunal imħarreġ b’mod xieraq u f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-fabbrikanti. 2. Waqt l-operazzjonijiet tal-qatla, għandu jkun disponibbli immedjatament fuq il-post tagħmir ta’ riżerva għall-isturdament u dan għandu jintuża fil-każ li t-tagħmir tal-isturdament użat inizjalment ma jaħdimx. Artikolu 10 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli II u III ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu relevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004. KAPITOLU III Rekwiżiti addizzjonali applikabbli għall-biċċeriji Artikolu 11 Il-bini, it-tqassim u t-tagħmir tal-biċċeriji 1. Il-bini u t-tqassim tal-biċċeriji u t-tagħmir użat fihom għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fl-Anness II. 2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, għandha tapprova għal kull biċċerija: (a) il-kapaċità massima għal kull linja għat-tbiċċir; (b) il-kategoriji ta’ annimali u piżijiet li għalihom jista’ jintuża t-tagħmir disponibbli għat-trażżin jew għall-isturdament; (c) il-kapaċità massima għal kull post ta’ żamma temporanja maħsub għall-ekwidi u għall-annimali ta’ speċi bovina, tan-nagħaġ, tal-mogħoż, tal-ħnieżer u tat-tjur u lagomorfi. 3. Dan li ġej għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2): (a) derogi għar-regoli stabbiliti fl-Anness II għall-biċċeriji mobbli; (b) emendi neċessarji sabiex l-Anness II jiġi adattat sabiex jikkunsidra l-progress xjentifiku u tekniku. 4. Linjigwidi għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Anness II jistgħu jiġu adottati f’konformità mal-proċeduri li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2). Artikolu 12 L-operazzjonijiet tal-immaniġġjar u trażżin qabel it-tbiċċir 1. L-operaturi għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli operattivi għall-biċċeriji stabbiliti fl-Anness III. 2. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-annimali li jinqatlu mingħajr ma jiġu storduti jitrażżnu b’mod mekkaniku. 3. Minkejja l-Artikolu 3(1), il-metodi ta’ trażżin li ġejjin għandhom jiġu projbiti: (a) is-sospensjoni jew l-irfigħ tal-annimali minn saqajhom jew riġlejhom; (b) it-trażżin mekkaniku tar-riġlejn jew tas-saqajn tal-annimali; (c) il-ksur tas-saqajn, il-qtugħ tal-għeruq tas-saqajn jew li wieħed jagħmihom; (d) korriment tas-sinsla, bħal bl-użu ta’ puntilla jew sejf; (e) l-użu ta’ kurrenti tal-elettriku li ma jistordux jew li ma joqtlux lill-annimali taħt ċirkostanzi kkontrollati, b’mod partikolari kwalunkwe applikazzjoni ta’ kurrent elettriku li ma taffettwax lill-moħħ. Iżda l-punti (a) u (b) ma għandhomx japplikaw għat-trażżin tat-tjur. 4. L-Anness III jista’ jiġi emendat b’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2) sabiex jiġi kkunsidrat il-progress xjentifiku u tekniku. 5. Linjigwida għall-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Anness III jistgħu jiġu adottati f’konformità mal-proċeduri li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 22(2). Artikolu 13 Il-monitoraġġ waqt il-qatla 1. L-operaturi għandhom idaħħlu fis-seħħ u jimplimentaw proċeduri ta’ monitoraġġ xierqa sabiex jivverifikaw u jikkonformaw li l-annimali għall-qatla jiġu storduti effettivament fil-perjodu ta’ bejn l-aħħar tal-proċess ta’ sturdament u l-konferma tal-mewt. 2. Il-proċeduri ta’ monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej: (a) l-isem tal-persuni responsabbli għall-proċeduri ta’ monitoraġġ; (b) indikaturi mfasslin sabiex jikxfu sinjali ta’ nuqqas ta’ telfien mis-sensi u ta’ sinjali li juru li l-annimal huwa f’sensih jew ta’ sinjali ta’ sensibilità fl-annimali soġġetti għall-operazzjonijiet ta’ qtil b’mod konformi mal-Artikolu 4(1); jew sinjali ta’ ħajja f’annimali soġġetti għall-operazzjonijiet ta’ tbiċċir f’konformità mal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 4(2); (c) kriterji ta’ aċċettibilità sabiex jiġi determinat jekk ir-riżultati tal-indikaturi msemmija fil-punt (b) humiex sodisfaċenti jew le; (d) iċ-ċirkostanzi u/jew il-ħin meta l-monitoraġġ għandu jseħħ; (e) in-numru ta’ annimali f’kull kampjun li għandhom jiġu kkontrollati waqt il-monitoraġġ; (f) proċeduri adattati sabiex jiżguraw li fil-każ li l-kriterji ta’ aċċettabilità msemmija fil-punt (c) ma jiġux issodisfati, issir reviżjoni tal-operazzjoni tal-isturdament jew tal-qtil sabiex jiġu identitifkati l-kawżi ta’ kwalunkwe nuqqas u l-bidliet neċessarji li għandhom isiru għal dawk l-operazzjonijiet. 3. Għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ monitoraġġ għal kull linja tat-tbiċċir meta jintuża tagħmir differenti għall-isturdament. 4. Il-frekwenza tal-kontrolli ta’ monitoraġġ għandhom iqisu l-fatturi ewlenin tar-riskju, bħall-bidliet dwar it-tip ta’ annimali mbiċċra jew il-mudelli ta’ ħidma tal-persunal u għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiżguraw riżultati b’livell għoli ta’ fiduċja. 5. Il-kodiċi tal-komunità ta’ prattika tajba dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ fil-biċċeriji jistgħu jiġu adottati f’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2). Artikolu 14 Uffiċjal għall-benesseri tal-annimali 1. L-operaturi għandhom jaħtru uffiċjal għall-benesseri tal-annimali għal kull biċċerija li għandu jkun responsabbli sabiex jassigura l-konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament f’dik il-biċċerija. Huwa jew hija għandha tirrapporta direttament lill-operatur fuq kwistjonijiet relatati mal-benesseri tal-annimali. 2. L-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali għandu jkun taħt l-awtorità diretta tal-operatur u f’pożizzjoni li jitlob mill-persunal tal-biċċerija li jwettaq kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. 3. Ir-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-benesseri tal-annimali għandhom jiġu stabbiliti fil-proċeduri operattivi standard tal-biċċeriji u jinġiebu effettivament għall-attenzjoni tal-persunal konċernat. 4. L-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali għandu jkollu ċertifikat ta’ kompetenza kif imsemmi fl-Artikolu 18 li jkopri l-operazzjonijiet kollha li jseħħu fil-biċċeriji li għalihom huwa (jew hija) ikun (tkun) responsabbli. 5. Il-paragrafi 1 u 4 ma għandhomx japplikaw għall-biċċeriji li jbiċċru inqas minn 1 000 unità ta’ mammiferi jew 150 000 unità ta’ tajra kull sena. KAPITOLU IV Id-depopulazzjoni u l-qtil minħabba emerġenza Artikolu 15 Id-depopulazzjoni 1. L-awtorità kompetenti u l-operaturi involuti fl-operazzjoni ta’ depopulazzjoni għandhom jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, qabel il-bidu tal-operazzjoni. B’mod partikolari, il-metodi ta’ qtil ippjanati u l-proċeduri operattivi standard li jikkorrispondu sabiex tiġi assigurata l-konformità mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet ta’ kontinġenza meħtieġa taħt il-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa tal-annimali, fuq il-bażi ta’ ipoteżi stabbilita fil-pjan ta’ kontinġenza dwar id-daqs u l-post ta’ tifqigħat suspettati. 2. L-awtorità kompetenti u l-operaturi involuti fl-operazzjonijiet ta’ depopulazzjoni għandhom: (a) jiżguraw li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni msemmi fil-paragrafu 1; (b) kwalunkwe azzjoni xierqa sabiex tissalvagwardja l-benesseri tal-annimali fl-aħjar kundizzjonijiet disponibbli. 3. Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu u f’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti derogi minn waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament meta tikkunsidra li huwa probabbli li l-konformità tkun se taffettwa s-saħħa tal-bniedem jew tnaqqas b’mod sinifikanti l-proċess ta’ qerda ta’ marda. 4. Fi żmien sena mid-data tat-tmiem tal-operazzjoni tad-depopulazzjoni, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tittrasmetti lill-Kummissjoni u tagħmel pubblikament disponibbli, b’mod partikolari permezz tal-internet, rapport ta’ evalwazzjoni fuq ir-riżultati tagħhom. Dak ir-rapport għandu jinkludi, b’mod partikolari : (a) ir-raġunijiet għad-depopulazzjoni; (b) in-numru u l-ispeċi tal-annimali maqtula; (c) il-metodi tal-isturdament u ta’ qtil użati; (d) deskrizzjoni tad-diffikultajiet li nqalgħu u fejn ikun xieraq, is-soluzzjonijiet misjuba li jtaffu jew li jnaqqsu t-tbatija tal-annimali konċernati; (e) kwalunkwe deroga mogħtija f’konformità mal-paragrafu 3. 5. Linjigwida għall-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tad-depopulazzjoni jistgħu jiġu adottati f’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2). Artikolu 16 Il-qtil minħabba emerġenza Fil-każ ta’ qtil minħabba emerġenza, il-persuna responsabbli għall-annimali konċernati għandha tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex toqtol lill-annimal malajr kemm jista’ jkun. KAPITOLU V L-Awtorità Kompetenti Artikolu 17 Ċentri ta’ Referenza 1. Kull Stat Membru għandu jaħtar ċentru ta’ referenza nazzjonali (minn issa ’l quddiem “ċentru ta’ referenza”) sabiex iwettaq id-dmirijiet li ġejjin: (a) jipprovdi kompetenza xjentifika u teknika relatata mal-approvazzjoni tal-biċċeriji; (b) iwettaq valutazzjonijiet tal-metodi ġodda ta’ sturdament; (c) iħeġġeġ b’mod attiv l-iżvilupp ta’ operaturi u ta’ kwalunkwe parti interessata oħra ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u l-pubblikazzjoni u t-tqassim ta’ dawn il-kodiċijiet u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħhom; (d) jiżviluppa linjigwida għall-awtorità kompetenti għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament; (e) jakkredita korpi u entitajiet għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kompetenza, kif hemm ipprovdut għalihom fl-Artikolu 18; (f) jikkorrispondi u jikkoopera mal-Kummissjoni u ma’ ċentri ta’ referenza oħrajn, sabiex jaqsam informazzjoni teknika u xjentifika u l-aħjar prattiċi fil-każ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. 2. Fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jissottomettu dettalji taċ-ċentru ta’ referenza tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn u għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli pubblikament fuq l-internet. 3. Ċentri ta’ referenza jistgħu jiġu stabbiliti bħala netwerk, magħmul minn entitajiet separati, sakemm id-dmirijiet elenkati fil-paragrafu 1 jiġu allokati għall-attivitajiet relevanti kollha li jseħħu fl-Istati Membri konċernati. L-Istati Membri jistgħu jaħtru entità li tinsab barra mit-territorju tagħhom stess sabiex twettaq wieħed minn dawn id-dmirijiet jew aktar. Artikolu 18 Ċertifikat ta’ Kompetenza 1. Għall-għanijet tal-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti responsabbli għal: (a) l-iżgurar li jkun hemm korsijiet ta’ taħriġ disponibbli għall-persunal involut fil-qatla u operazzjonijiet relatati; (b) it-tqassim ta’ ċertifikati ta’ kompetenza li juru li jkun għadda b’suċċess minn eżami finali indipendenti; is-suġġetti ta’ dan l-eżami għandhom ikunu relevanti għall-kategoriji tal-annimali konċernati u għandhom jikkorrispondu għall-operazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(2), u s-suġġetti stabbiliti fl-Anness IV; (c) l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ tal-korsijiet imsemmija fil-punt (a) u l-kontenut u l-modalitajiet tal-eżami msemmi fil-punt (b); 2. L-awtorità kompetenti tista’ tiddelega l-organizzazzjoni tal-korsijiet, l-eżami finali u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ kompetenza lil korp separat jew lil entità li: (a) għandha l-kompetenza, il-persunal u t-tagħmir neċessarju sabiex tagħmel dan; (b) hija indipendenti u ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess fil-każ tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kompetenza; (c) hija akkreditata miċ-ċentru ta’ referenza. Id-dettalji ta’ dawn il-korpi u l-entitajiet għandhom ikunu disponibbli pubblikament, b’mod partikolari permezz tal-internet. 3. Iċ-ċertifikati ta’ kompetenza għandhom jindikaw għal liema kategoriji ta’ annimali u għal liema mill-operazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(2) jew (3) huwa validu ċ-ċertifikat. Iċ-ċertifikati ta’ kompetenza ma għandhomx ikunu validi għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin. 4. L-Istati Membri għandhom jagħrfu ċ-ċertifikati ta’ kompetenza maħruġin fi Stat Membru ieħor. 5. L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu diplomi mogħtijin għal għanijiet oħra bħala ċertifikati ta’ kompetenza sakemm dawn ikunu ngħataw taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan l-Artikolu. KAPITOLU VI In-nuqqas ta’ konformità, il-penali u l-poteri implimentattivi Artikolu 19 In-nuqqas ta’ konformità Għall-għan tal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtorità kompetenti tista’ b’mod partikolari: (a) titlob lill-operaturi sabiex jemendaw il-proċeduri operattivi standard tagħhom u b’mod partikolari jnaqqsu jew iwaqqfu l-produzzjoni; (b) iżżid il-frekwenza ta’ proċeduri ta’ monitoraġġ li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 13; (c) tirtira ċertifikati ta’ kompetenza minn persunal li ma jurix għarfien jew attenzjoni biżżejjed tax-xogħlijiet tiegħu; (d) tissospendi jew tirtira l-akkreditazzjoni ta’ korpi u entitajiet li jkunu ġew akkreditati b’mod konformi mal-Artikolu 17(1)(e). Artikolu 20 Penali L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u li jrażżnu l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [1 ta’ Jannar 2011] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda li taffettwahom. Artikolu 21 Regoli Implimentattivi Kwalunkwe regola dettaljata neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż għat-tbiċċir jew għall-qtil tal-ħut, għandha tiġi adottata f’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22(2). Artikolu 22 Il-Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kumitat għandu jiġi assistit mill-Kumitat Permanenti għall-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit permezz tal-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Il-perjodu li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. KAPITOLU VII Dispożizzjonijiet Finali Artkolu 23 Revoka 1. Id-Direttiva 93/119/KEE hija revokata. Madankollu għall-għanijiet tal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijet li ġejjin tad-Direttiva 93/119/KEE għandhom jibqgħu japplikaw: (a) Anness A: (i) Paragrafu 1 tat-Taqsima I; (ii) Paragrafu 1 u t-tieni sentenza tal-paragrafu 3 u tal-paragrafi 6, 7 u 8 tat-Taqsima II; (b) Anness B, paragrafu 1; (c) Anness C, paragrafi 3.A.2, 3.B.4 u paragrafi 4.2 u 4.3 tat-Taqsima II; (d) Anness F, paragrafi 4(a) u 6(a) tat-Taqsima II. 2. Ir-referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Artikolu 24 Dispożizzjonijiet Transitorji 1. Sal-31 ta’ Diċembru 2018, l-Artikolu 11(1) għandu japplika biss għal biċċeriji ġodda jew għal kwalunkwe bini, tqassim jew tagħmir ġdid kopert mir-regoli stabbiliti fl-Anness II li ma daħlux fis-seħħ qabel id-data ta’ [applikazzjoni/dħul fis-seħħ] ta’ dan ir-Regolament. 2. Sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal ċertifikati ta’ kompetenza, kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 18, li għandhom jinħarġu mingħajr eżami lill-persuni li juru esperjenza professjonali mhux interrotta relevanti ta’ mill-anqas [għaxar] snin. Artikolu 25 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Għandu japplika mill-[1 ta’ Jannar 2011]. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika b’mod dirett fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS I LISTA TAL-METODI TA’ STURDAMENT U TAL-QTIL U L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET RELATATI (kif hemm referenza għalihom fl-Artikoli 5(1)) Kapitolu I — Metodi Tabella 1 — Metodi mekkaniċi Nru | Isem | Deskrizzjoni | Kategoriji ta’ annimali | Parametri ewlenin | Rekwiżiti speċifiċi għal ċerti metodi – Kapitolu II ta’ dan l-Anness | 1 | Pistola ta’ captive bolt penetranti | Ħsara severa u irreversibbli tal-moħħ ikkawżata mix-xokk u mill-penetrazzjoni tal-captive bolt. | L-ispeċi kollha. | Pożizzjoni u direzzjoni tal-isparatura. Veloċità u dijametru tal-balla xierqa skont id-daqs u l-ispeċi tal-annimal. | Mhux applikabbli. | 2 | Pistola ta’ captive bolt mhux penetranti | Ħsara severa tal-moħħ ikkawżata mix-xokk ta’ captive bolt mingħajr penetrazzjoni. | Annimali li jixtarru sa 10 kg, tjur u lagomorfi. | Pożizzjoni u direzzjoni tal-isparatura. Veloċità u dijametru adattat tal-balla skont id-daqs u l-ispeċi tal-annimal. | Mhux applikabbli. | 3 | Arma tan-nar bil-balla | Ħsara severa u irreversibbli tal-moħħ ikkawżat mix-xokk u mill-penetrazzjoni ta’ balla waħda jew aktar . | L-ispeċi kollha. | Il-pożizzjoni tal-balla. Is-saħħa tal-iskartoċċ. | Mhux applikabbli. | 4 | Maċerazzjoni | Tgħaffiġ immedjat tal-annimal kollu. | Flieles sa 72 siegħa u embrijuni tal-bajd. | Daqs massimu tal-kwantità li għandha tiġi introdotta. Kejl sabiex ma jkunx kemm tagħbija żejda. | Punt 1. | 5 | Diżlokazzjoni ċervikali | Tiġbida u tidwira manwali tal-għonq li jirriżultaw f’iskemja ċerebrali. | Għasafar sa 3 kg. | Mhux applikabbli. | Punt 2. | 6 | Daqqiet ripetuti fuq ir-ras | Daqqa soda u preċiża fuq ir-ras li tipprovoka ħsara severa lill-moħħ. | Qżieqeż żgħar, ħrief, lagomorfi u tjur sa 5 kg. | Mhux applikabbli. | Punt 2. | Tabella 2 — Metodi elettriċi Nru | Isem | Deskrizzjoni | Kategorija ta’ annimali | Parametri ewlenin | Rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu II ta’ dan l-Anness | 1 | Sturdament elettriku tar-ras biss | L-esponiment tal-moħħ għall-kurrent li jiġġenera forma epilettika ġġeneralizzata fuq l-Electro-Encephalogram (EEG). | L-ispeċi kollha. | Kurrent minimu (A jew mA). Voltaġġ minimu (V). Frekwenza massima (Hz). Ħin minimu ta’ esponiment. Intervall(i) stun-to-stick massimi . Frekwenza tal-kalibrar tat-tagħmir. L-aħjar użu tal-fluss tal-kurrent. Il-prevenzjoni tax-xokkijiet elettriċi qabel l-isturdament. | Punt 3 | 2 | Qtil elettriku mir-ras għad-dahar | L-esponiment tal-ġisem kollu għall-kurrent li fl-istess ħin jiġġenera forma epilettika ġeneralizzata fuq l-EEG (sturdament) u l-fibrillazzjoni jew il-waqfien tal-qalb (qtil). | L-ispeċi kollha ħlief il-ħrief u l-qżieqeż żgħar ta’ inqas minn 5 kg piż ħaj u baqar. | Kurrent minimu (A jew mA). Voltaġġ minimu (V). Frekwenza massima (Hz). Ħin minimu ta’ esponiment. Frekwenza tal-kalibrar tat-tagħmir. L-aħjar użu tal-fluss tal-kurrent. Il-prevenzjoni tax-xokkijiet elettriċi qabel l-isturdament. | Punt 3 Punt 4 għall-volpi u ċinċilli. | 3 | Banju tal-ilma li minnu jgħaddi l-elettriku | L-esponiment tal-ġisem kollu f’banju tal-ilma li minnu jgħaddi l-elettriku għall-kurrent li jiġġenera forma epilettika ġeneralizzata fuq l-EEG (sturdament) u possibbilment il-fibrillazzjoni jew il-waqfien tal-qalb (qtil). | Tjur. | It-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-uġigħ waqt l-irbit. L-aħjar użu tal-fluss tal-kurrent. Id-dewmien massimu tal-irbit qabel il-banju tal-ilma (li minnu jgħaddi l-elettriku). L-immersjoni tal-għasafar sal-parti t’isfel tal-ġwienaħ. L-intervall stun-to-stick massimu għal frekwenza ta’ aktar minn 60 Hz. | Punt 5 | Tabella 3 — Metodi bil-Gass Nru | Isem | Deskrizzjoni | Il-Kateġoriji tal-Annimali | Parametri Ewlenin | Rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu II ta’ dan l-Anness | 1 | Id-dijossidu tal-karbonju f’konċentrazzjonijiet għoljin | L-esponiment ta’ annimali f’sensihom għal taħlita ta’ gass li fiha aktar minn 30 % ta’ dijossidu tal-karbonju. | Ħnieżer, tjur u annimali bil-fer. | Il-konċentrazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju. Id-dewmien tal-esponiment. L-intervall stun-to-stick massimu (ħnieżer). | Punt 6. Punt 7 għat-tjur. | 2 | Id-dijossidu tal-karbonju f’konċentrazzjonijiet baxxi | L-esponiment ta’ annimali f’sensihom għal taħlita gass li fiha aktar minn 30% ta’ dijossidu tal-karbonju. | Ħnieżer u tjur. | Il-konċentrazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju. Id-dewmien tal-esponiment. L-intervall stun-to-stick massimu fil-każ tal-isturdament (ħnieżer). | Punt 7 għat-tjur. | 3 | Gassijiet inerti | L-esponiment ta’ annimali f’sensihom għal taħlita ta’ gassijiet inerti bħall-Argon jew in-Nitroġenu li fih inqas minn 2% ta’ ossiġenu. | Ħnieżer u tjur. | Il-konċentrazzjoni tal-ossiġenu. Id-dewmien tal-esponiment. L-intervall stun-to-stick massimu fil-każ tal-isturdament (ħnieżer). | Punt 7 għat-tjur. | 4 | Il-monossidu tal-karbonju (sors pur) | L-esponiment ta’ annimali f’sensihom għal taħlita ta’ gass li fiha aktar minn 4% ta’ monossidu tal-karbonju. | Annimal bil-fer u qżieqeż. | Il-kwalità tas-sors tal-gass. Il-konċentrazzjoni tal-monossidu tal-karbonju. Id-dewmien tal-esponiment. It-temperatura tal-gass. | Punt 8. | 5 | Il-monossidu tal-karbonju assoċjat ma’ gassijiet oħra | L-esponiment ta’ annimali f’sensihom għal taħlita ta’ gass li fiha aktar minn 1% ta’ monossidu tal-karbonju assoċjat ma’ gassijiet tossiċi oħra. | Annimali bil-fer. | Il-konċentrazzjoni tal-monossidu tal-karbonju. Id-dewmien tal-esponiment. It-temperatura tal-gass. Il-filtrazzjoni tal-gass prodott mill-magna. | Punt 8. Punt 9. | Tabella 4 — Metodi oħra Nru | Isem | Deskrizzjoni | Il-kategoriji tal-annimali | Parametri ewlenin | Rekwiżiti speċifiċi għall-Kapitolu II ta’ dan l-Anness | 1 | Injezzjoni letali taħt superviżjoni veterinarja | Telfien mis-sensi u telf tas-sensibilità segwiti minn mewt irriversibbli li tirriżulta minn injezzjoni ta’ mediċini veterinarji. | L-ispeċi kollha. | Mhux applikabbli | Mhux applikabbli | Kapitolu II — Rekwiżiti Speċifiċi għal Ċerti Metodi 1. Maċerazzjoni Dan il-metodu għandu jipprovdi maċerazzjoni istantanja u l-mewt tal-annimali. 2. Diżlokazzjoni ċervikali Il-metodi ta’ diżlokazzjoni ċervikali ma għandhomx jintużaw għal aktar minn ħamsin annimal kuljum. 3. Sturdament elettriku tar-ras biss 3.1 Meta jintuża l-isturdament elettriku tar-ras biss, l-elettrodi għandhom jiddawru mal-moħħ tal-annimal. 3.2 L-isturdament bl-elettriku tar-ras biss għandu jsir f’konformità mal-kurrenti minimi stabbiliti fit-Tabella 1. Tabella 1 — Kurrenti minimi għall-isturdament elettriku tar-ras biss Kategorija ta’ annimali | Annimali bovini ta’ 6 xhur jew aktar | Annimali bovini ta’ inqas minn 6 xhur | Annimali tal-ispeċi tan-ngħaġ u tal-mogħoż | Annimali tal-ispeċi tal-ħnieżer | Tiġieġ | Dundjani | Kurrent minimu | 1,28 A | 1,25 A | 1,00 A | 1,30 A | 240 mA | 400 mA | 4. Qtil bl-elettriku mir-ras għad-dahar 4.1 Annimali tal-ispeċi tan-ngħaġ, tal-mogħoż u tal-ħnieżer. Il-kurrenti minimi għall-qtil bl-elettrodi mir-ras għad-dahar għandhom ikunu ta’ 1 ampere għall-mogħoż u ta’ 1,30 amperes għall-ħnieżer. 4.2 Volpi L-elettrodi għandhom jitwaħħlu fil-ħalq u fir-rektum b’kurrent ta’ valur minimu ta’ 0,3 amperes u vultaġġ minimu ta’ 110 volt għal mill-inqas tliet sekondi. 4.3 Ċinċilli L-elettrodi għandhom jitwaħħlu fil-widna u mad-denb b’kurrent ta’ valur minimu ta’ 0,57 amperes għal mill-anqas 60 sekonda. 5. L-isturdament tat-tjur f’banjijiet tal-ilma li minnhom jgħaddi l-elettriku 5.1 L-annimali ma għandhox jintrabtu jekk huma żgħar wisq għall-banju tal-ilma li minnu jgħaddi l-elettriku jew jekk l-irbit jista’ joħloq jew iżid l-uġigħ li jinħass (bħal annimali feruti). F’dawn il-każijiet, għandhom jinqatlu b’metodu ieħor. 5.2 L-irbit għandu jkun imxarrab, qabel ma jiddendlu l-għasafar ħajjin, li għandhom jiddendlu miż-żewġ saqajn. 5.3 L-isturdament f’banju tal-ilma li minnu jgħaddi l-elettriku għandu jitwettaq skont il-kurrenti minimi stabbiliti fit-Tabella 2 u l-annimali għandhom ikunu esposti għal dak il-kurrent għal tul minimu ta’ mill-inqas erba’ sekondi. Tabella 2 — Rekwiżiti elettriċi għat-tagħmir tal-isturdament fil-banjijiet tal-ilma li minnu jgħaddi l-elettriku Frekwenza (Hz) | Tiġieġ | Dundjani | Papri u wiżż | < 200 Hz | 100 mA | 250 mA | 130 mA | Minn 200 sa 400 Hz | 150 mA | 400 mA | Mhux permess | Minn 400 sa 1500 Hz | 200 mA | 400 mA | Mhux permess | 6. Id-dijossidu tal-karbonju f’konċentrazzjoni għola (aktar minn 30%) L-ebda annimal ma għandu juri sinjal li jinsab f’sensih jew ta’ sensibilità wara 30 sekonda ta’ esponiment. 7. Id-dijossidu tal-karbonju f’konċentrazzjoni għolja jew baxxa, l-użu ta’ gassijiet inerti jew kombinazzjoni ta’ dawk it-taħlitiet ta’ gass għat-tjur Il-gassijiet fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jidħlu fil-kompartiment jew fil-post fejn it-tjur għandhom jiġu storduti jew maqtula b’mod li jistgħu joħolqu ħruq jew eċċitament minħabba friżar jew nuqqas ta’ umdità. 8. Il-monossidu tal-karbonju (sors pur jew assoċjat ma’ gassijiet oħra) għall-annimali bil-fer 8.1 L-annimali għandhom jinżammu taħt superviżjoni viżiva l-ħin kollu. 8.2 Għandhom jiddaħħlu wieħed wieħed u għandu jiġi assigurat li qabel jiddaħħal l-annimal li jmiss, dak preċedenti ma jkunx f’sensih jew ikun mejjet. 8.3 L-annimali għandhom jibqgħu fil-kompartiment sakemm dawn ikunu mietu. 9. Il-monossidu tal-karbonju assoċjat ma’ gassijiet oħra għall-annimali bil-fer 9.1 Il-gass prodott minn magna adattata apposta għal dak il-għan jista’ jintuża kemm-il darba t-testijiet ikunu wrew li l-gass użat: (a) ikun ġie mkessaħ b’mod xieraq; (b) ikun ġie ffiltrat biżżejjed (c) huwa ħieles minn kwalunkwe komponent jew gass irritanti. 9.2 L-annimali ma għandhomx jitqiegħdu fil-kamra sakemm tkun intlaħqet il-konċentrazzjoni minima tal-monossidu tal-karbonju. ANNESS II IL-BINI, IT-TQASSIM U T-TAGĦMIR TAL-BIĊĊERIJI (kif imsemmi fl-Artikolu 11) 1. Il-faċilitajiet kollha għall-postijiet temporanji għaż-żamma 1.1 Is-sistemi kollha ta’ ventilazzjoni għandhom ikunu mfasslin, mibnija u miżmuma sabiex il-benesseri tal-annimali jkun żgurat b’mod kostanti, waqt li tiġi kkunsidrata l-firxa mistennija tal-kundizzjonijiet tat-temp. 1.2 Meta huma meħtieġa mezzi mekkaniċi ta’ ventilazzjoni, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal faċilitajiet ta’ riżerva ta’ emerġenza fil-każ ta’ ħsara. 2. Postijiet temporanji għaż-żamma tal-annimali li ma jiġux ikkunsinjati f’reċipjenti 2.1 L-imqajjel, il-passaġġi u l-korsiji għandhom jitfasslu u jinbnew b’tali mod li jippermettu li: (a) l-annimali jiċċaqalqu liberament fid-direzzjoni meħtieġa bl-użu tal-karatteristiċi ta’ mġiba tagħhom u mingħajr distrazzjoni; (b) l-ħnieżer jew in-ngħaġ jimxu ma’ ġenb xulxin, ħlief fil-każ tal-korsiji li jwasslu għat-tagħmir tat-trażżin. 2.2 Is-sistema tal-provvista tal-ilma għandha titfassal u tinbena b’tali mod li tippermetti aċċess għall-ilma nadif lill-annimali kollha fil-ħinijiet kollha mingħajr ma jweġġgħu jew mingħajr ma jkunu limitati fil-movimenti tagħhom. 2.3 Ikun hemm maqjel għall-istennija, b’art dritta u ġnub solidi, bejn l-imqajjel fejn jinżammu l-annimali u l-korsija li twassal għall-punt tal-isturdament, sabiex tiġi żgurata provvista regolari ta’ annimali għall-isturdament u l-qtil u sabiex jiġi evitat li dawk li jittrattaw l-annimali jkollhom iħaffu lill-annimali mill-imqajjel fejn jinżammu. Il-maqjel għall-istennija għandu jitfassal b’tali mod li l-annimali ma jkunux marsusin jew mgħaffġin. 2.4 L-art għandha tinbena b’mod li r-riskju li l-annimali jiżolqu, jaqgħu jew iweġġgħu saqajhom ikun minimizzat. 3. It-tagħmir u l-faċilitajiet tat-trażżin 3.1 It-tagħmir u l-faċilitajiet tat-trażżin għandhom jitfasslu u jinbnew sabiex: (a) itejbu l-applikazzjoni tal-metodu tal-isturdament jew tal-qtil; (b) jimpedixxu l-feriti jew id-daqqiet fuq l-annimali; (c) inaqqsu kemm jista’ jkun ir-reżistenza u l-vokalizzazzjoni meta l-annimali jitrażżnu. 3.2 Il-kaxex tat-trażżin użati flimkien mal-captive bolt għandhom ikunu mgħammra b’appart li jillimita kemm il-moviment laterali kif ukoll dak vertikali tar-ras tal-annimal. 3.3 Ma għandhomx jintużaw sistemi li jrażżnu lill-annimali bovini permezz tal-inversjoni jew kwalunkwe pożizzjoni mhux naturali. 4. Apparat għall-isturdament bl-elettriku 4.1 Apparat elettriku għall-isturdament għandu jkun mgħammar b’apparat li jirreġistra d-dettalji tal-parametri elettriċi ewlenin għal kull annimal stordut jew maqtul. 4.2 It-tagħmir elettriku għandu joħroġ kurrent kostanti. 5. Tagħmir għall-isturdament f’banju tal-ilma li jgħaddi l-elettriku minnu 5.1 Il-wajers għat-trażżin għandhom jitfasslu u jitpoġġew b’mod tali li l-għasafar sospiżi fuqhom huma ħielsa minn kwalunkwe ostakli u li d-dieqa lill-annimali titnaqqas għal minimu. 5.2 It-tul kollu tal-wajer tat-trażżin sal-punt tad-dħul fit-tank tal-ilma li jismot għandu jkun faċilment aċċessibbli fil-każ li l-annimali jkollhom jitneħħew mil-linja għat-tbiċċir. 5.3 Id-daqs u l-forma tat-trażżin tal-metall għandhom ikunu adattati għad-daqs tas-saqajn tat-tjur li sejrin jinqatlu sabiex il-kuntatt elettriku jkun jista’ jsir mingħajr ma jikkawża uġigħ. 5.4 It-tagħmir għall-isturdament fil-banjijiet u l-ilma għandu jkun mgħammar b’rampa għad-dħul iżolata mill-elettriku u mfassla u miżmuma sabiex ma jkunx hemm fluss żejjed ta’ ilma fid-daħla. 5.5 L-elettrodi tat-tagħmir għall-isturdament fil-banijiet tal-ilma għandhom jiġu estiżi għat-tul kollu tal-banju tal-ilma. Il-banju tal-ilma għandu jitfassal u jinżamm b’tali mod li meta t-trażżin jgħaddi minn fuq l-ilma, dan ikun f’kuntatt dirett mal-virga ertjata. 5.6 Għandha tinbena sistema b'kuntatt mas-sider tal-għasafar biex tikkalmahom mill-punt tat-trażżin sakemm l-għasafar jidħlu fil-banju tal-ilma għall-isturdament. 5.7 Il-banjijiet tal-ilma għandhom jiġu fornuti b’kurrent kostanti. 5.8 Għandu jkun disponibbli aċċess għat-tagħmir tal-isturdament fil-banjijiet tal-ilma għat-tjur li jkunu ġew storduti u li jibdew jiżvinaw fil-banju tal-ilma minħabba xi ħsara jew minħabba dewmien fil-linja. 6. It-tagħmir tal-isturdament bil-gass għall-ħnieżer 6.1 Il-kmamar tal-gass u t-tagħmir użat sabiex l-annimali jgħaddu minnhom għandhom ikunu mfasslin u mibnija sabiex: (a) itejbu kemm jista’ jkun l-applikazzjoni tal-isturdament bil-gass; (b) jimpedixxu l-feriti jew id-daqqiet fuq l-annimali; (c) inaqqsu kemm jista’ jkun it-taqbid u l-vokalizzazzjoni meta l-annimali jitrażżnu. 6.2 Il-kompartiment tal-gass għandu jkun mgħammar b’tali mod li jkejjel, juri u jirreġistra l-konċentrazzjoni tal-gass u l-ħin tal-esponiment u li jagħti twissija viżibbli u ċara u li tinstema’ jekk il-konċentrazzjoni tal-gass taqa’ taħt il-livell meħtieġ. 6.3 Il-kompartiment tal-gass u l-mekkaniżmu ta’ forniment għandu jitfassal u jinbena sabiex jippermetti l-ispezzjoni viżiva fl-istadji kollha tal-isturdament. 6.4 Il-kompartiment tal-gass għandu jitfassal b’tali mod li, anke fl-ammont massimu permess, l-annimali jkunu jistgħu jimteddu mingħajr ma jkunu wieħed fuq l-ieħor. 7. It-tagħmir għall-isturdament bil-gass għat-tjur 7.1 Il-punti 6.1 u 6.2 għandhom japplikaw għat-tagħmir għall-isturdament bil-gass għat-tjur. 7.2 Il-faċilitajiet għat-tjur għandhom jitfasslu u jinbnew sabiex l-annimali jintbagħtu biss fit-taħlitiet tal-gass f’kaxex għat-trasport mingħajr ma jinħattu. ANNESS III REGOLI OPERATTIVI GĦALL-BIĊĊERIJI (kif hemm referenza għalihom fl-Artikolu 12) 1. Il-wasla, iċ-ċaqliq u l-immaniġġjar tal-annimali 1.1 Il-kundizzjonijiet ta’ benesseri ta’ kull kunsinna ta’ annimali għandhom jiġu stmati sistematikament mill-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali jew minn persuna li tirrapporta direttament lill-uffiċjal għall-benesseri tal-annimali sabiex dawn jidentifikaw il-prijoritajiet, b’mod partikolari billi jistabbilixxu liema annimali għandhom bżonnijiet speċifiċi għall-ħarsien u liema huma dawk il-miżuri korrispondenti li qegħdin jittieħdu. 1.2 L-annimali għandhom jinħattu malajr kemm jista’ jkun wara li jaslu u wara jitbiċċru mingħajr dewmien bla bżonn. Fil-każ tat-tjur jew tal-lagomorfi, il-ħin totali tal-ġarr miżjud mal-ħin li jgħaddi bejn il-ħatt u l-qatla ma għandux jaqbeż it-12-il siegħa. Fil-każ tal-mammiferi, ħlief il-lagomorfi, il-ħin totali tal-ġarr miżjud mal-ħin bejn il-ħatt u t-tbiċċir ma għandux jaqbeż: (a) id-19-il siegħa għall-annimali li mhumiex miftumin; (b) l-24 siegħa għall-ekwidi u għall-ħnieżer; (c) 29 siegħa għall-annimali li jixtarru. Wara l-iskadenza ta’ dawn il-limiti ta’ żmien, l-annimali għandhom jinżammu f’postijiet temporanji għaż-żamma, għandhom jiġu mitmugħin u wara mogħtija ammonti moderati ta’ ikel f’intervalli adattati. F’dawn il-każijiet, l-annimali għandhom jiġu pprovduti b’ammont addattat ta’ materjal biex l-annimal jistrieħ fuqu jew b’materjal ekwivalenti li jiggarantixxi livell ta’ kumdità xieraq skont l-ispeċi u n-numru ta’ annimali konċernati. Dan il-materjal għandu jassigura l-assorbiment adegwat tal-awrina u tal-ħmieġ tal-imsaren. 1.3 Ir-reċipjenti li l-annimali jinġarru fihom għandhom jiġu mmaniġġjati b’attenzjoni, u b’mod partikolari ma għandhomx jinfetħu jew jitwaqqgħu. 1.4 Meta r-reċipjenti jitqiegħdu wieħed fuq l-ieħor għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex: (a) l-ammont ta’ awrina u ħmieġ tal-imsaren li jaqa’ fuq l-annimali li jkunu qegħdin taħt ikun kemm jista’ jkun limitat; (b) tiġi assigurata l-istabbilità tal-kontenituri; (c) jiġi assigurat li l-ventilazzjoni ma tkunx ostakolata. 1.5 Għall-għanijiet tat-tbiċċir, l-annimali mhux miftumin, l-annimali li jkunu qegħdin ireddgħu, annimali nisa li jkunu welldu waqt il-vjaġġ, jew annimali li jkunu ġew ikkunsinjati fir-reċipjenti għandhom jingħataw prijorità fuq tipi ta’ annimali oħrajn. Jekk dan ma jkunx possibbli, għandhom isiru arranġamenti sabiex titneħħielhom is-sofferenza, b’mod partikolari billi: (a) l-annimali jinħelbu f’intervalli ta’ mhux aktar minn 12-il siegħa; (b) jiġu pprovduti kundizzjonijiet adattati għat-treddigħ u għall-benesseri tal-annimali li jkunu għadhom kemm jitwieldu fil-każ ta’ annimali nisa li jkunu għadhom kif welldu; (c) annimali kkunsinjati fir-reċipjenti jkollhom ilma pprovdut. 1.6 Il-mammiferi, għajr il-lagomorfi, li ma jittiħdux direttament fil-post tat-tbiċċir wara li jinħattu, għandu jkollhom ilma biex jixorbu disponibbli minn faċilitajiet xierqa fil-ħinijiet kollha. 1.7 Għandu jkun ipprojbit li: (a) wieħed jagħti daqqiet, inklużi daqqiet ta’ sieq lill-annimali; (b) tiġi applikata pressjoni fuq xi parti sensittiva tal-ġisem apposta biex l-annimal isofri minn uġigħ jew sofferenza li tista’ tiġi evitata; (c) l-annimali jintrefgħu jew jinġibdu mir-ras, widnejn, qrun, saqajn, denb jew mis-suf b’mod li l-annimali jsofru minn uġigħ jew sofferenza li tista’ tiġi evitata; (d) jintużaw in-niggieżi jew strumenti oħra bil-ponta. 1.8 L-użu ta’ strumenti li jagħtu xokkijiet tal-elettriku għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun. Fi kwalunkwe każ, dawn l-istrumenti jistgħu jintużaw biss għall-annimali bovini adulti u ħnieżer adulti li ma jridux jiċċaqilqu, u biss meta għandhom post quddiemhom fejn jiċċaqilqu. Ix-xokkijiet ma għandhomx idumu aktar minn sekonda waħda, għandu jkun hemm spazju adegwat ta’ ħin bejn waħda u oħra u għandhom jiġu applikati biss fuq il-muskoli tar-robbijiet ta’ wara. Ix-xokkijiet ma għandhomx jintużaw ripetutament jekk l-annimal jonqos milli jirrispondi. 1.9 L-annimali ma għandhomx jintrabtu mill-qrun, mill-qrejjen imsaġġrin, miċ-ċrieket f’imneħirhom jew billi saqajhom jintrabtu flimkien. Meta l-annimali jkollhom jintrabtu, il-ħbula, l-irbit jew mezzi oħra użati għandhom ikunu: (a) b’saħħithom biżżejjed biex ma jinqatgħux; (b) tali li jippermettu lill-annimali, jekk ikun hemm bżonn, jimteddu, jieklu u jixorbu; (c) imfasslin b’tali mod li jelimina kwalunkwe periklu ta’ fgar jew korriment u b’tali mod li l-annimali jkunu jistgħu jinħelsu malajr. 2. Regoli addizzjonali għall-mammiferi fil-post fejn għandhom jinżammu temporanjament (ħlief għal-lagomorfi) 2.1 Kull annimal għandu jkollu biżżejjed spazju biex joqgħod bilwieqfa, jimtedd u jdur. 2.2 L-annimali għandhom jinżammu marbutin sewwa fil-post fejn għandhom jinżammu temporanjament u għandha tingħata attenzjoni sabiex dawn ma jaħarbux u ma jintlaħqux mill-predaturi. 2.3 Kull ġurnata li fiha taħdem il-biċċerija, qabel ma jasal kwalunkwe annimal, l-imqajjel ta’ iżolament għall-annimali li jeħtieġu kura speċifika għandhom jitħejjew u jinżammu lesti għall-użu immedjat. 2.4 Il-kundizzjoni u l-istat tas-saħħa tal-annimali fil-post fejn għandhom jinżammu temporanjament għandhom ikunu spezzjonati regolarment mill-uffiċjal għall-benesseri tal-annimal jew minn persuna li għandha kompetenza xierqa. 3. L-iżvinar tal-annimali 3.1 Meta persuna waħda tkun responsabbli għall-isturdament, it-trażżin, l-irfigħ u l-iżvinar tal-annimali, dik il-persuna trid twettaq dawk l-operazzjonijiet kollha konsekuttivament fuq annimal wieħed qabel ma twettaqhom fuq annimal ieħor. 3.2 Meta l-metodu tal-isturdament ma joqtolx lill-animal, iż-żewġ arterji jew vażi tal-karotide għandhom jinqatgħu sistematikament. 3.3 L-għasafar ma għandhomx jitbiċċru permezz ta’ magni awtomatiċi li jaqtgħu l-għonq sakemm ma jiġix żgurat li l-magni li jaqtgħu l-għonq ikunu qatgħu b’mod effettiv il-vażi tad-demm. Meta l-magni li jaqtgħu l-għonq ma jkunux effettivi, l-għasfur għandu jinqatel minnufih. ANNESS IV KORRISPONDENZA BEJN L-ATTIVITAJIET U R-REKWIŻITI GĦALL-EŻAMI TAL-KOMPETENZA (kif hemm referenza fl-Artikolu 18) Operazzjonijiet ta’ tbiċċir elenkati fl-Artikolu 7(2) | Suġġetti għall-eżami tal-kompetenza | L-operazzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 7 (2) (a) sa (f). | L-imġiba tal-annimali, is-sofferenza tal-annimali, jekk l-annimal ikunx f’sensih u s-sensibilità tiegħu, l-istress fl-annimali. | (a) it-trattament u l-kura tal-annimali qabel jitrażżnu | Aspetti prattiċi għall-immaniġġjar u t-trażżin tal-annimali. | (b) it-trażżin tal-annimali għall-għanijiet tal-isturdament jew il-qtil | (c) l-isturdament tal-annimali | Aspetti prattiċi tat-tekniki tal-isturdament. Metodi ta’ riżerva tal-isturdament u/jew ta’ qtil. Iż-żamma tat-tagħmir tal-isturdament u/jew tal-qtil. | (d) il-valutazzjoni tal-isturdament effettiv; | Il-monitoraġġ tal-effikaċja tal-isturdament. Metodi ta’ riżerva tal-isturdament u/jew ta’ qtil. | (e) it-trażżin jew l-irfigħ ta’ annimali ħajjin; | Aspetti prattiċi ta’ mmaniġġjar u jew ta’ trażżin. | (f) l-iżvinar tal-annimali ħajjin; | Monitoraġġ tal-effikaċja tal-isturdament. Metodi ta’ riżerva ta’ sturdament u/jew metodi ta’ qtil. | [1] ĠU L 340, 31.12.1993, p. 21. [2] ĠU C xxx, xx.xx.xxxx, p. xx. [3] ĠU C xxx, xx.xx.xxxx, p. xx. [4] ĠU C xxx, xx.xx.xxxx, p. xx. [5] ĠU C xxx, xx.xx.xxxx, p. xx. [6] ĠU L 340, 31.12.1993, p. 21. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1/2005 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1). [7] ĠU C 340, 10.11.1997, p. 110. [8] The EFSA Journal (2004) 45, p. 1. [9] The EFSA Journal (2006) 326, p. 1. [10] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 3). [11] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55; verżjoni kkoreġuta (ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22). Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1243/2007 (ĠU L 281, 25.10.2007, p. 8). [12] ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 737/2008 (ĠU L 56 29.2.2008, p. 4). [13] ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1). [14] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17). [15] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.