Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0517

Proposta għal regolament tal-Kunsill Il-preservazzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96

/* KUMM/2008/0517 finali */

52008PC0517

Proposta għal regolament tal-Kunsill Il-preservazzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 /* KUMM/2008/0517 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.8.2008

KUMM(2008) 517 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Il-preservazzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Kuntest tal-proposta |

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Din il-proposta tirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’) għal importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri (FDP) li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. |

Kuntest Ġenerali Din il-proposta hija magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li saret b’mod konformi mal-ħtiġijiet materjali u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 tal-10 ta’ Marzu 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw, mir-Repubblika tal-Korea u li jtemm il-proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet simili li joriġinaw mit-Tajwan. (ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1–33). |

Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni Mhux applikabbli. |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċedura kellhom il-possibilità li jiddefendu l-interessi tagħhom waqt l-investigazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Ġbir u użu tal-ħila esperta |

Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ ħila esperta. |

Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

Elementi legali tal-proposta |

Sommarju tal-azzjoni proposta Il-proposta annessa tikkonsisti f’reviżjoni interim parzjali limitata għall-interessi tal-Komunità fir-rigward tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fil-mument tat-tnedija tal-proċedura (30 ta’ Awwissu 2007) dwar l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri. Huwa propost li l-miżuri anti-dumping ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jinżammu fl-istess livell kif imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 u li l-miżuri anti-dumping eżistenti kontra l-Belarus bejn it-22 ta’ Ġunju u l-11 ta’ Ottubru 2007 ma jitneħħewx b’mod retroattiv. Il-proposta hija bbażata fuq sejbiet definittivi li juru li ma hemm ebda raġuni ta’ interess Komunitarju li għandha twassal sabiex il-Kummissjoni tirrevoka l-miżuri eżistenti fiż-żmien tat-tnedija tal-proċedura. Għalhekk huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta annessa għal Regolament li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |

Bażi legali Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax. |

Prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għar-raġunijiet segwenti. |

Il-forma tal-azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma tħalli l-ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jkun minimizzat u proporzjonat mal-għan tal-proposta, m’hijiex applikabbli. |

Għażla ta’ strumenti |

Strumenti proposti: Regolament. |

Mezzi oħra ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi. |

Implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

Il-preservazzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3),

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri fis-seħħ u soġġetti għal reviżjoni

1. Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 428/2005[2] impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ staple fibres tal-poliesteri (‘FDP’ kif definiti f’aktar dettall fil-premessa (15) hawn taħt) li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (‘RPĊ’) u mill-Arabja Sawdija u emenda r-Regolament (KE) Nru 2852/200 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (‘Korea’). Fit-8 ta’ Lulju 2008, il-Qorti tal-Prim'Istanza, sa ċertu punt annullat l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005, fir-rigward ta’ dazju anti-dumping impost fuq l-esportazzjonijiet fil-Komunità Ewropea ta’ oġġetti prodotti u esportati mill-kumpanija Koreana Huvis Corp[3].

2. Miżuri skaduti u soġġetti għal reviżjoni

2. Il-Kunsill permezz tar-Regolament (KE) Nru 1799/2002, impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Belarus[4]. Il-miżuri imposti b’dak ir-Regolament skadew fil-11 ta’ Ottubru 2007.

3. Investigazzjoni preċedenti rigward l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan.

3. Wara l-irtirar tal-ilment, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2007/430/KE[5] (‘id-Deċiżjoni ta’ tmiem’) temmet proċedura kontra d-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan (‘l-investigazzjoni preċedenti’). Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, it-tmiem tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Malażja u mit-Tajwan ġiet meqjusa li ma tmurx kontra l-interess tal-Komunità.

4. L-investigazzjoni preżenti

4. Wara li ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri fis-seħħ f’dak iż-żmien ma setgħux ikunu xierqa aktar minħabba li l-preservazzjoni tagħhom tista’ tkun kontra l-interess tal-Komunità, fit-30 ta’ Awwissu 2007 il-Kummissjoni, b'inizjattiva tagħha stess, permezz ta’ notifika ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [6] bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri fis-seħħ f’dik id-data, applikabbli għal importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Belarus, mill-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-RPĊ (‘il-pajjiżi konċernati’). Ir-reviżjoni hija limitata għal eżaminar ta’ jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri hijiex kontra l-interessi tal-Komunità jew le, bid-deċiżjoni fuq din possibbilment ikollha effett retroattiv mit-22 ta’ Ġunju 2007, jiġifieri d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ terminazzjoni

5. Kif imsemmi hawn fuq, il-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-Belarus skadew fil-11 ta’ Ottubru 2007. B’konsegwenza, ir-reviżjoni li tikkonċerna l-Belarus twaqqfet. Madankollu, din saret formalment sa dik id-data u l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari l-kwistjoni tar-revokar b’mod retroattiv tal-miżuri fis-seħħ bejn it-22 ta’ Ġunju 2007 u l-11 ta’ Ottubru 2007, jekk il-konklużjonijiet iwasslu għal dan.

5. Partijiet konċernati

6. Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi, lill-fornituri, lill-importaturi u lill-utenti kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet tal-utenti tal-Komunità u lill-produtturi, lill-esportaturi u lir-rappreżentanti tal-pajjiżi kkonċernati bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ.

7. Il-partijiet interessati li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu, ingħataw smigħ. Risposti sħaħ għall-kwestjonarji waslu mingħand 12-il produttur, 10 utenti, tliet importaturi, assoċjazzjoni Ewropea waħda tal-produtturi, assoċjazzjoni Awstrijaka-Ġermaniża waħda tal-produtturi, federazzjoni Ġermaniża waħda tal-utenti, żewġ assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal din il-federazzjoni u assoċjazzjoni Ewropea waħda tal-utenti.

8. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet sottomissjonijiet minn produtturi, utenti u importaturi oħra li ma pprovdewx kwestjonarju mimli kollu.

9. Fost il-produtturi u l-utenti li pparteċipaw fl-investigazzjoni hemm żewġ gruppi integrati vertikalment li jipproduċu FDP (parti minnu jew kollu kemm hu) għall-konsum kaptiv.

10. Finalment, ressqu l-opinjonijiet tagħhom assoċjazzjoni waħda ta’ esportaturi Ċiniżi u żewġ esportaturi Koreani, megħjuna mill-Awtoritajiet tagħhom.

11. Esportaturi mill-Belarus u mill-Arabja Sawdija ma ressqux l-opinjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-ebda parti ma għamlet kummenti rigward il-miżuri relatati ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi.

12. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li deherilha li hija meħtieġa sabiex tiddetermina jekk l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Komunità jew le. Iż-żjarat ta’ verifika saru fl-istabbilimenti tal-partijiet interessati segwenti:

(a) Produtturi fil-Komunità

- Silon (Ir-Repubblika Ċeka)

- Trevira GmbH (Il-Ġermanja)

- Advansa (Il-Ġermanja)

- Wellman International Ltd (L-Irlanda)

(b) Utenti fil-Komunità

- PGI Nonwovens B.V (L-Olanda)

- Libeltex BVBA (Il-Belġju)

- Lück GmbH (Il-Ġermanja)

(c) Utent u produttur fil-Komunità

- ORV Manufacturing SpA (L-Italja)

(d) Assoċjazzjonijiet tal-utenti

- Gesamtverband Textil + Mode (Konfederazzjoni tal-Industrija tat-Tessuti u l-Moda Ġermaniża)

- Edana (Applikazzjonijiet Ewropej li Jintremew Wara L-Użu u ta’ Applikazzjonijiet Mhux Minsuġa)

6. Perjodu ta’ investigazzjoni

13. Il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni (‘PIR’) kopra l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2006 u t-30 ta’ Ġunju 2007. L-eżaminar tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sa l-aħħar tal-PIR (il-'perjodu kkunsidrat').

14. Jingħad li fl-investigazzjoni preċedenti, il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 u l-eżaminar tax-xejriet relevanti għall-valutazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2005.

B. PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1. Prodott konċernat

15. Il-prodott konċernat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni msemmija fil-premessi (1) sa (3): staple fibres tal-poliesteri mhux mirqudin, mimxutin jew inkella pproċessati għall-għażil. Fil-preżent, dan huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM 5503 20 00. Issir referenza għalih ġeneralment bħala staple fibres tal-poliesteri (‘FDP’).

16. Il-prodott huwa materjal bażiku użat f’fażijiet differenti tal-proċess ta’ manifattura ta’ prodotti tat-tessut. Il-konsum ta’ FDP mill-Komunità jintuża jew għall-għażil, jiġifieri l-manifattura ta’ filamenti għall-produzzjoni ta’ tessuti mħallta ma’ fibri oħra bħall-qoton u suf jew għal applikazzjonijiet mhux minsuġin bħall-mili, jiġifieri l-mili jew l-ikkuttunar ta’ ċerti prodotti tat-tessut bħall-kuxxini, sedili tal-karozzi u ġkieket.

C. SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-KOMUNITÀ

1. Konsum fil-Komunità

17. Id-determinazzjoni tal-konsum totali tal-Komunità kienet ibbażata fuq l-istatistika tal-importazzjoni u l-esportazzjoni mill-Eurostat u l-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità (kif definita fil-premessa (26) hawn taħt), u produtturi oħra fil-Komunità.

Tab ella 1

Konsum tal-Komunità | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Volum (tunnellati) | 834 141 | 843 579 | 822 509 | 823 667 |

Indiċi (2004=100) | 100 | 101 | 99 | 99 |

18. Kif jidher fit-tabella hawn fuq, il-konsum ta’ FDP naqas kemmxejn fil-perjodu kkunsidrat. Din ix-xejra hija f’kuntrast ċar mas-sitwazzjoni eżaminata fl-investigazzjoni preċedenti fejn il-konsum tal-Komunità kif indikat fir-Regolament li jimponi dazji provviżorji[7] żdied bi 3 % waqt il-perjodu kkunsidrat f’dik l-investigazzjoni (2002-2005).

2. Importazzjonijet mill-Belarus, ir-RPĊ, l-Arabja Sawdija u l-Korea: volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjoni

19. Il-volum tal-importazzjonijiet fil-Komunità mill-pajjiżi konċernati naqas bi 28 % bejn l-2004 u l-PIR u s-sehem tas-suq niżel minn 24.4 % għal 18 % filwaqt li l-prezzijiet żdiedu b’16 %. Id-dejta hija bbażata fuq statistika mill-Eurostat.

Tab ella 2

Importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Il-Korea |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 122 260 100 | 108 407 87 | 111 967 92 | 133 574 109 |

Sehem tas-suq | 15.1 % | 13.2 % | 14.1 % | 16.9 % |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 0.987 100 | 1.115 113 | 1.079 109 | 1.114 113 |

Ir-RPĊ |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 45 713 100 | 38 103 83 | 2 283 5 | 8 935 20 |

Sehem tas-suq | 5.7 % | 4.6 % | 0.3 % | 1.1 % |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 0.92 100 | 0.97 105 | 1.06 115 | 1.10 120 |

Il-Belarus |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 1 771 100 | 153 8 | 81 4.5 | 43 2.4 |

Sehem tas-suq | 0.2 % | 0 % | 0 % | 0 % |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 0.97 100 | 1.17 121 | 1.16 120 | 1.26 130 |

L-Arabja Sawdija |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 27 805 100 | 6 433 23 | 450 2 | 72 0.3 |

Sehem tas-suq | 3.4 % | 0.8 % | 0.1 % | 0 % |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 0.93 100 | 1.05 113 | 1.21 130 | 0.9 97 |

Total tal-pajjiżi konċernati |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 197 549 100 | 153 096 77 | 114 781 58 | 142 624 72 |

Sehem tas-suq | 24.4 % | 18.7 % | 14.5 % | 18 % |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 0.96 100 | 1.08 112 | 1.08 112 | 1.11 116 |

20. Iż-żieda qawwija fl-importazzjonijiet mill-Korea waqt il-PIR kienet dovuta b’mod ewlieni għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping provviżorji fuq importazzjonijiet mit-Tajwan fl-ewwel simestru tal-2007[8]. Kemm il-Korea kif ukoll it-Tajwan huma l-fornituri ewlenin tal-Low Melt Polyester (Poliester li Jdub Malajr) (‘LMP’) u ta’ polyester Hollow Conjugated Siliconised (Poliesteri Konjugati Vojta Minn Ġewwa Silikonizzati) (‘HCS’). Billi l-livell ta’ dazji provviżorji imposti fuq l-importazzjonijiet mit-Tajwan laħaq id-29.5 % għal ċerti kumpaniji, l-importaturi tal-Komunità ddeċidew li jakkwistaw l-LMP u l-HCS mill-Korea fejn il-livell ta’ dazji anti-dumping huwa sostanzjalment inqas.

3. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra: volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjoni

Tabella 3

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra | 2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Volum (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 171 633 100 | 225 748 132 | 278 392 162 | 256 291 149 |

Sehem tas-suq | 21% | 28% | 35% | 32% |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 1.09 100 | 1.20 110 | 1.15 106 | 1.15 106 |

21. Waqt il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu b’49 %. Ir-raġuni għal din iż-żieda hija marbuta mal-impożizzjoni f’Marzu 2005 ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet mill-Arabja Sawdija u mir-RPĊ u r-revokar tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-Indonesja, it-Tajlandja u l-Indja f’Ottubru 2006.

22. Għalhekk, fuq livell globali l-importazzjonijiet żdiedu minn ca. 370 KT għal ca. 400 KT matul il-perjodu. Jekk wieħed juża l-perjodu tal-investigazzjoni preċedenti bħala l-punt ta’ tluq, iż-żieda kienet minn ca. 380 KT għal ca. 400 KT.

D. SITWAZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

1. L ivell ta’ kooperazzjoni

23. Waqt l-PIR, il-FDP kienu qegħdin jiġu mmanifatturati minn 19-il produttur fil-Komunità. Il-kooperazzjoni mill-produtturi fil-Komunità kienet għolja ħafna f’din l-investigazzjoni. Fost id-19-il produttur fil-Komunità, 12-il produttur responsabbli għal 70 % tal-produzzjoni kkooperaw b’mod sħiħ. Produtturi oħrajn fil-Komunità għamlu sottomissjonijiet relatati mal-investigazzjoni iżda ma pprovdewx kooperazzjoni sħiħa. Barra minn hekk, żewġ assoċjazzjonijiet tal-produtturi (CIRFS u IVC)[9] ukoll bagħtu l-kummenti tagħhom. Ma’ dawn, il-produtturi kollha tal-Komunità pprovdew informazzjoni fuq il-produzzjoni tagħhom. Jekk is-sottomissjonijiet kollha milqugħin (produtturi individwali u assoċjazzjonijiet) jiġu kkunsidrati, jista’ jiġi konkluż li l-produtturi tal-Komunità li jammontaw għal 88 % tal-produzzjoni tal-Komunità esprimew l-opinjonijiet tagħhom u huma kontra t-tmiem tal-miżuri. Dan il-livell ta’ kooperazzjoni huwa sostanzjalment ogħla minn dak fl-investigazzjoni preċedenti fejn tliet kumpaniji biss, responsabbli għal 25 % tal-produzzjoni tal-Komunità u assoċjazzjoni tal-produtturi waħda (CIRFS), ikkooperaw mal-Kummissjoni u sussegwentement irtiraw l-ilment.

24. Il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-Komunità.

2. Definizzjoni ta’ produzzjoni tal-Komunità u l-industrija tal-Komunità

25. Kif indikat hawn fuq, waqt il-PIR, il-FDP kienu manifatturati minn 19-il produttur fil-Komunità. Dawn id-19-il produttur għalhekk jikkostitwixxu t-total tal-produzzjoni tal-Komunità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

26. Tnax-il produttur tal-Komunità (Advansa GmbH, Fibracat Europa S.L., Fidion S.r.l., Frana Polifibre SpA, Greenfiber International S.A., IMP Comfort Sp.z o.o., Märkische Faser, Nurel S.A., ORV Manufacturing SpA, Silon s.r.o., Trevira GmbH u Wellman International Ltd) ikkooperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni. Waqt il-PIR huma pproduċew 347 640 tunnellata u huma responsabbli għal 70 % tal-produzzjoni tal-Komunità. Għalhekk irrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Komunità tal-prodott konċernat waqt il-PIR.

27. Għalhekk kien meqjus li t-12-il produttur tal-Komunità li kkooperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni rrappreżentaw l-industrija tal-Komunità fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-Regolament issir referenza għalihom bħala ‘l-industrija tal-Komunità’.

3. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità

Produzzjoni

28. Bejn l-2004 u l-PIR, il-produzzjoni u s-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità evolvew kif ġej:

Tab ella 5

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Volum tal-Produzzjoni (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 317 450 100 | 307 043 97 | 321 127 101 | 347 640 110 |

Sehem tas-suq | 36.9 % | 32.4 % | 38.6 % | 41.8 % |

29. Wara tnaqqis fl-2005, il-produzzjoni tal-Komunità żdiedet b’10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-2004. Din iż-żieda hija marbuta inter alia mal-istabbiliment ta’ impjanti ġodda tal-FDP fil-Polonja u fir-Rumanija fl-2006. Huwa mistenni li l-produzzjoni se tkompli tikber fil-futur bit-tisħiħ tal-attivitajiet tal-impjanti l-ġodda msemmija hawn fuq u l-bidu ta’ impjant ieħor fil-Bulgarija b’kapaċità annwali ta’ bejn 12 000 u 14 500 tunnellata. Fir-rigward tas-sehem tas-suq, dan ukoll naqas fl-2005 u żdied fl-2006 u fl-2007. Jekk inqabblu din it-tabella mal-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità tal-investigazzjoni preċedenti (kif definita fil-premessa (70) tar-Regolament li jimponi d-dazji provviżorji)[10] waqt il-perjodu kkunsidrat f’dik l-investigazzjoni (2002-2005), ix-xejra nbidlet. Tabilħaqq, bejn l-2002 u l-2005, il-produzzjoni ta’ dik l-industrija tal-Komunità naqset b’9 % filwaqt li waqt il-perjodu kkunsidrat f’din l-investigazzjoni, il-produzzjoni tal-industrija tal-Komunità żdiedet b’10 %. Rigward is-sehem tas-suq, is-sitwazzjoni hija differenti wkoll. Tabilħaqq, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità fl-investigazzjoni preċedenti naqset b’2.3 punti perċentwali filwaqt li fl-investigazzjoni preżenti, is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Komunità żdied bi kważi 5 punti perċentwali.

3.1 Kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità

30. Bejn l-2004 u l-2005 kien hemm tnaqqis ta’ 6 % fil-kapaċità. Mill-2006, il-kapaċità bdiet tiżdied u laħqet livell ta’ kważi 413 000 tunnellata waqt il-PIR (kważi 13 % ogħla mill-2004). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-fatt li tnejn mill-produtturi li kkooperaw installaw żewġ impjanti ġodda fil-Polonja u r-Rumanija li bdew jaħdmu fl-2006. Rigward l-użu tal-kapaċità, dan naqas bi 2.4 punti perċentwali waqt il-perjodu kkunsidrat. Bi probabbiltà kbira, il-kawża ta’ dan it-tnaqqis kienet x’aktarx relatata mal-installazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda u mat-tnaqqis tal-konsum fil-Komunità. Dejta li tikkonċerna l-kapaċità tal-produzzjoni hija f’kuntrast qawwi ma’ dejta miksuba fl-investigazzjoni preċedenti fejn il-kapaċità tal-industrija tal-Komunità naqset b’9 % fil-perjodu kkunsidrat (2002-2005).

Tabella 6

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Kapaċità f’tunnellati Indiċi (2004=100) | 366 062 100 | 344 872 94 | 378 931 103.5 | 412 916 112.7 |

Użu tal-kapaċità | 86.8 % | 89.3 % | 85 % | 84.4 % |

3.2 Fatturat u kwantitajiet mibjugħin

Tab ella 7

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Fatturat 000 EUR Indiċi (2004=100) | 391 259 100 | 388 502 99 | 403 189 103 | 443 540 113 |

Bejgħ fil-Komunità (tunnellati) Indiċi (2004=100) | 281 083 100 | 259 314 92 | 272 553 97 | 300 051 107 |

31. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fatturat tal-industrija tal-Komunità u l-kwantità ta’ FDP mibjugħ żdiedu bi 13 % u 7 % rispettivament. Dawn iż-żidiet huma marbuta mal-bidu tat-tħaddim ta’ żewġ impjanti ġodda fl-2006 fil-Polonja u fir-Rumanija. Jekk inqabblu din id-dejta ma’ dik tal-investigazzjoni preċedenti fejn kien hemm tnaqqis ta’ 1 % fil-volum ta’ bejgħ matul il-perjodu kkunsidrat, is-sitwazzjoni nbidlet radikalment u evidenza turi li l-industrija tal-Komunità għamlet sforz sinifikanti sabiex tlaħħaq mad-domanda.

3.3 Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-bejgħ

32. Il-prezz tal-bejgħ ta’ kull unità tal-industrija tal-Komunità fl-UE żdied b’6.2 % matul il-perjodu kkunsidrat (minn 1 392 EUR/tunnellata fl-2004 għal 1 478 EUR/tunnellata matul il-PIR). Madankollu, kien hemm tnaqqis żgħir fil-prezzijiet mill-2005. Il-prezz medju għola b’9.7 % (minn 1 388 EUR/tunnellata fl-2004 għal 1 523 EUR/tunnellata matul il-PIR). Din iż-żieda fl-ispejjeż kienet dovuta b’mod ewlieni għall-fatt li l-ispiża medja ta’ ħafna mill-materja prima ( in fine dovuta għaż-żieda globali fil-prezz taż-żejt) żdiedet b’mod sostanzjali. Dawn iċ-ċifri juru li, sabiex ma titlifx is-sehem tas-suq, l-industrija tal-Komunità ma kinitx f’pożizzjoni li tkopri għal kollox l-ispiża tal-produzzjoni tagħha bil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-industrija tal-Komunità kienu ferm aktar moderati milli fl-investigazzjoni preċedenti fejn dawn għolew bi 12 % matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 8

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Prezz medju peżat (000 EUR/tunnellata) Indiċi | 1.39 100 | 1.50 107 | 1.48 106 | 1.48 106 |

Prezz medju peżat (EUR/tunnellata) Indiċi (2003=100) | 1.388 100 | 1.511 109 | 1.556 112 | 1.523 109.7 |

3.4 Impjiegi u pagi

33. Il-livell tal-impjiegi mill-industrija tal-Komunità żdied bi 17.8 % bejn l-2004 u l-PIR u l-paga medja għal kull impjegat naqsu b’10 %. Għalkemm il-produzzjoni ta’ FDP ma teħtieġx ħafna ħaddiema, iż-żieda fil-kapaċità u fil-produzzjoni kienu kkumplimentati b’żieda sostanzjali fin-numru ta’ impjiegi. Fl-investigazzjoni preċedenti, il-livell ta’ impjiegi naqas b’19 % matul il-perjodu kkunsidrat u l-ispiża tax-xogħol għal kull impjegat żdiedet b’aktar minn 30 % għal darb’oħra sitwazzjoni totalment differenti.

Tabella 9

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Impjieg Indiċi (2004=100) | 1 743 100 | 1 660 95 | 1 944 111.5 | 2 053 118 |

Spiża medja tax-xogħol/impjegat fix-xahar Indiċi (2004=100) | 3 191 100 | 3 411 107 | 3 015 94 | 2 859 90 |

3.5 Profittabbiltà

34. Il-profittabbiltà fuq il-bejgħ[11] tal-prodott konċernat lill-konsumaturi mhux relatati fil-Komunità iddeterjorat sostanzjalment, kemm jekk il-punt ta’ tluq huwa l-2004 kif ukoll jekk huwa l-2005. Għalhekk is-sitwazzjoni ħżienet b’mod sostanzjali.

T abella 10

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Profittabbiltà | 0.3 % | -0.8 % | -5.4 % | -3.2 % |

3.6 Investimenti

Tab ella 11

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Investimenti f’ 000 EUR Indiċi (2003=100) | 15 604 100 | 16 580 106 | 39 865 255 | 32 618 209 |

35. Bejn l-2004 u l-PIR, il-livell ta’ investimenti fl-industrija tal-Komunità żdied b’109%. Sa ċertu punt, din iż-żieda hija spjegata bl-installazzjoni ta’ impjanti ġodda fil-Polonja u fir-Rumanija li bdew joperaw fl-2006.

3.7 Konklużjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-produtturi

36. L-investigazzjoni kkonkludiet li, kuntrarju għall-każ imsemmi taħt premessa (3), l-industrija tal-Komunità qed tkabbar l-interess tagħha f’dan il-prodott u fil-produzzjoni tiegħu, u li l-vijabilità tiegħu kienet imsaħħa.

37. L-industrija tal-Komunità kienet kapaċi tkabbar is-sehem tagħha tas-suq bi kważi 5 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, din iż-żieda seħħet f’perjodu fejn il-konsum naqas b’aktar minn 1 %.

38. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Komunità żdied b’6 % iżda kien hemm tnaqqis żgħir mill-2005 ’l hawn. F’dan il-kuntest, irid jiġi kkunsidrat il-fatt li, kif spjegat fil-premessa (32) din iż-żieda fil-prezzijiet seħħet meta l-ispejjeż għolew b’10 %.

39. Barra minn hekk, kien hemm żieda sostanzjali f’dawk li huma impjiegi minħabba l-ftuħ ta’ żewġ impjanti ġodda[12]. F’dak li għandu x’jaqsam mal-profittabbiltà, is-sitwazzjoni ħżienet f’dawn l-aħħar snin, għalkemm kien hemm titjib bejn l-2006 u l-PIR. Sabiex tkun tista’ żżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq, l-industrija tal-Komunità hija obbligata li tbigħ b’telf.

40. Wara li ġie kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li, għalkemm l-industrija tal-Komunità ibbenefikat sa ċertu punt mill-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjoni mill-pajjiżi konċernati, hija ma rkupratx mid-dumping tal-imgħoddi u għadha f’sitwazzjoni fraġili u vulnerabbli. Jekk il-miżuri jisparixxu, probabbli li l-importazzjonijiet fl-istess u/jew f’livelli miżjuda mill-pajjiżi kkonċernati jiggravaw is-sitwazzjoni.

4.Żvilupp tal-importazzjonijiet jekk jitneħħew il-miżuri

4.1 Kapaċitajiet mhux użati

41. Il-kapaċità addizzjonali fir-RPĊ tammonta għal madwar tliet miljun tunnellata li tikkorrispondi għal 3.5 darbiet il-konsum totali tal-Komunità. Din il-kapaċità addizzjonali żdiedet b’37 % mill-2005 ’l hawn (is-sena meta ġew imposti l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ). Fil-każ tal-Korea, il-kapaċità addizzjonali matul is-sena li ġejja se tkun ta’ 114 000 tunnellata li tikkorrispondi għal 14 % tal-konsum totali tal-Komunità. Anki jekk parti minn din il-kapaċità addizzjonali tikkorrispondi għal kumpanija li għaliha japplika dazju anti-dumping ta’ 0 %, ħafna minnha tikkorrispondi għal kumpaniji li huma soġġetti għal dazji anti-dumping. Ma hemm l-ebda dejta disponibbli għall-Arabja Sawdija. Rigward il-Belarus, ma hemm l-ebda bżonn li ssir analiżi prospettiva fuq il-kapaċità addizzjonali billi l-miżuri skadew f’Ottubru 2007. Il-kapaċità addizzjonali ta’ dawn il-pajjiżi tista’ tkun diretta lejn il-Komunità jekk jitneħħew il-miżuri.

4.2 Inċentivi sabiex il-volumi ta’ bejgħ jerġgħu jiġu indirizzati lejn il-Komunità

42. Uħud mill-ikbar swieq tal-esportazzjoni fid-dinja huma protetti minn dazji anti-dumping għal importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw fir-RPĊ u l-Korea. Tabilħaqq, hemm dazji fuq importazzjonijiet mir-RPĊ fit-Turkija u l-Istati Uniti tal-Amerika u f’dan tal-aħħar ilaħħqu sa 44.3 %. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet Koreani huma soġġetti għal dazji anti-dumping ta’ bejn 0 % u 24.6 %, fil-Ġappun, fit-Turkija, fil-Pakistan u fl-Istati Uniti. Jekk il-miżuri konċernati, kif imsemmija fil-premessa (4) fuq, jitneħħew, l-Unjoni Ewropea tkun wieħed fost l-aktar swieq importanti ta’ ċertu daqs li l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Korea ma jkunux soġġetti għal miżuri anti-dumping.

43. Ġie ddikjarat minn numru ta’ utenti, li r-RPĊ tiskoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ materja prima bħall-FDP. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Skont statistika disponibbli, il-fluss nett ta’ FDP fir-RPĊ (tqabbil bejn il-produzzjoni u l-konsum intern) qiegħed jiżdied b’mod qawwi u fis-snin li ġejjin mistenni jiżdied kif muri fit-tabella hawn taħt:

Tab ella 12

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |

Fluss nett (tqabbil tal-produzzjoni u l-konsum mill) 000 tunnellati | -480 | -200 | 23 | 258 | 449 | 541 |

44. Dan huwa sinjal ċar li l-esportazzjonijiet tal-FDP mir-RPĊ qed jikbru u mistennija li jikbru fil-futur minkejja d-dikjarazzjoni li r-RPĊ tiskoraġġixxi l-esportazzjonijiet tal-FDP. Għalhekk l-argument huwa rifjutat.

4.3 Politiki ta’ sourcing

45. Assoċjazzjoni ta’ utenti indikat li ħafna drabi produtturi ta’ ħjut u ħjut mhux minsuġ magħmul minn FDP għandhom interess ċar li jixtru fibri li joriġinaw fl-UE sabiex jipproduċu ħjut u ħjut mhux minsuġ oriġinali u jesportawhom lejn pajjiżi bi ftehim preferenzjali. Madankollu, id-dejta pprovduta mill-utenti fl-investigazzjoni preżenti turi li 85-100 % tal-fatturat tal-kumpaniji fis-settur tal-ħajt mhux minsuġ għal prodotti li jinkorporaw FDP isir permezz ta’ bejgħ fil-Komunità. Għalhekk, ir-regoli tal-oriġini għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi bi ftehim preferenzjali ma għandux ikollhom rwol sinifikanti għall-utenti tal-FDP meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti fil-ħin li jiġu akkwistati. Fin-nuqqas ta’ evidenza li ssostni l-argument tal-assoċjazzjoni, l-argument huwa mwaqqa’.

4.4 Konklużjoni dwar l-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk il-miżuri jiġu rrevokati

46. Għalhekk ġie konkluż li, meta wieħed jikkunsidra l-inċentivi osservati hawn fuq, hemm probabilità li jekk jitneħħew il-miżuri anti-dumping li hemm fis-seħħ, jiġu esportati kwantitajiet sostanzjali lejn il-Komunità.

5. Konklużjoni fuq l-industrija tal-Komunità

47. L-industrija tal-Komunità għamlet sforz sostanzjali f’termini ta’ investimenti li ġew tradotti f’espansjoni sinifikanti. Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità inbidlet sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin kif jidher b’mod partikolari bil-feġġa ta’ industrija ġdida fil-Polonja u r-Rumanija u l-espansjoni prevista fil-Bulgarija.

48. Minkejja dawn l-isforzi mġedda f’termini ta’ espansjoni u investimenti, madankollu xorta waħda għandu jiġi nnotat, kif iddikjarat qabel, li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Komunità f’termini ta’ profittabbiltà xorta għadha prekarja. Probabbilment ikun hemm kwantità sinifikanti ta’ importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping li kieku kellhom jitneħħew il-miżuri anti-dumping.

49. Volumi kbar ta’ importazzjoni bi prezzijiet ta’ dumping iwasslu għal pressjoni addizzjonali fir-rigward tal-prezz fuq l-industrija tal-Komunità, tnaqqis fil-marġini tal-profitt u fil-profittabbiltà u żieda fit-telf. Dan jista’ jkollu bħala konsegwenza l-probabbiltà ta’ kanċellazzjoni ta’ investiment ieħor, tnaqqis fl-innovazzjoni, it-tnaqqir tal-pożizzjoni kompettittiva tal-industrija integrata, tnaqqis u għeluq.

50. Wara li jiġi kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, li kieku l-industrija tal-Komunità kellha tkun esposta għal volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ, mill-Korea u mill-Arabja Sawdija bi prezzijiet tad-dumping u mingħajr miżuri, dan kien jikkawża aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, fuq din il-bażi, huwa konkluż li t-tneħħija tal-miżuri tmur kontra l-interess tal-industrija tal-Komunità.

E. UTENTI TAL-KOMUNITÀ

51. Is-suq għal prodotti li jinkorporaw FDP huma maqsumin f’(a) l-applikazzjonijiet tal-għażil (jiġifieri l-manifattura ta’ filamenti għall-produzzjoni ta’ tessuti wara t-taħlit jew le ma’ fibri oħra bħall-qoton u s-suf), (b) l-applikazzjonijiet mhux minsuġa: il-manifattura ta’ folji u nisġiet mhux maqlubin f’ħajt, eskluż il-karta u (ċ) il-applikazzjonijiet tal-mili (jiġifieri l-mili jew l-ikkuttunar ta’ ċerti oġġetti tat-tessut, eżempju l-kuxxini jew is-sedili tal-karozzi).

1. Livell ta’ kooperazzjoni tal-utenti tal-Komunità

52. Sittax-il utent industrijali bagħtu sottomissjonijiet relatati mal-investigazzjoni preżenti. Dawn jirrappreżentaw 17 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità u madwar 13 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati. Madankollu, il-kooperazzjoni totali waslet mingħand 10 utenti[13] biss, li jirrappreżentaw madwar 12 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità (dawn l-utenti kollha li kkooperaw kompletament jappartjenu għas-setturi ta’ oġġetti mhux minsuġa u tal-mili). Fir-rigward tal-utenti l-oħra li kkooperaw parzjalment, wieħed biss jopera fis-settur tal-għażil.

53. Barra minn hekk, Gesamtverband Textil + Mode (il-federazzjoni Ġermaniża tal-industriji tat-tessuti li tirrappreżenta kemm is-settur tal-għażil kif ukoll dak tal-oġġetti mhux minsuġa), żewġ assoċjazzjonijiet li jappartjenu għal din il-federazzjoni: Industrieverband Garne-Gewebe-Technische Textilien e.V. (IVGT) u Verband der Deutschen Heimtextilien-Industrie e.V. u assoċjazzjoni Ewropea waħda li tirrappreżenta kumpaniji tas-settur ta’ oġġetti mhux minsuġa (EDANA) għamlu sottomissjonijiet biex jitolbu lill-Kummissjoni biex ittemm il-miżuri eżistenti. L-utenti kollha msemmija hawn fuq huma membri ta’ waħda jew aktar minn dawn l-assoċjazzjonijiet. Ir-rappreżentanza ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet tikkorrespondi għal 30 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità.

54. Il-livell ta’ kooperazzjoni tal-utenti individwali f’din il-proċedura huwa ikbar minn dak fl-investigazzjoni preċedenti. Ta’ min wieħed jinnota li fl-investigazzjoni preċedenti l-utenti favur li ma jkunx hemm impożizzjoni tad-dazji biss (madwar 10 % tal-konsum totali) esprimew l-opinjonijiet tagħhom filwaqt li f’din il-proċedura, utenti li huma favur li jinżammu l-miżuri pparteċipaw ukoll.

2. Argumenti mressqa mill-utenti.

2.1 Utenti favur it-terminazzjoni

55. Utenti li jirrappreżentaw madwar 11 % tal-konsum totali ta’ FDP u 10 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati ressqu għadd ta’ argumenti kontra l-preservazzjoni tad-dazji. Dawn l-utenti kollha huma membri ta’ waħda jew aktar mill-assoċjazzjonijiet tal-utenti msemmija hawn fuq u li huma wkoll favur it-tmiem. L-argumenti mressqa mill-utenti u l-assoċjazzjonijiet favur it-tmiem huma eżaminati hawn taħt.

56. L-ewwel jiddikjaraw li huma kkonfrontati b’sitwazzjoni diffiċli minħabba kompetizzjoni li qed tiżdied fuq il-prodotti lesti tagħhom minn pajjiżi li mxew minn esportazzjonijiet ta’ FDP għal esportazzjonijiet ta’ prodotti mhux minsuġa (eż ir-RPĊ). Huma jargumentaw li f’każ ta’ tmiem tal-miżuri eżistenti, huma jkollhom l-abilità li jġibu fibra aktar irħisa u għalhekk isiru aktar kompetittivi ma’ prodotti lesti li ġejjin mill-Ażja. Jekk il-prezz tas-suq ta’ FDP jonqos, huwa probabbli li jkun hemm żieda fil-profittabbiltà. Irid jiġi kkunsidrat il-fatt li l-konsumaturi tagħhom huma b’mod ewlieni discount chains u li għalihom, il-prezz baxx ħafna huwa deċiżiv u li l-marġini applikat għall-prodotti lesti huwa wieħed baxx ħafna.

57. Rigward dawn l-argumenti, ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li l-informazzjoni pprovduta mill-utenti li kkooperaw fl-investigazzjoni turi li s-sitwazzjoni tagħhom f’termini ta’ profittabbiltà ma nbidlitx minkejja l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fl-2005 fuq FDP li joriġinaw mir-RPĊ u ż-żieda fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti lesti minn dan il-pajjiż. Dan huwa dovut għall-fatt li l-impatt ta’ FDP fl-ispejjeż totali tagħhom ukoll baqa’ stabbli kif jidher fit-tabella hawn taħt:

Tab ella 13

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Profittabbiltà | 3.48 % | 4.07 % | 3.88 % | 3.79 % |

Spejjeż totali ta’ FDP bħala perċentwal tal-ispejjeż totali | 22.3 % | 24 % | 24 % | 24 % |

58. Għalhekk is-sitwazzjoni hija differenti mill-investigazzjoni preċedenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ġodda, li f’ċerti każi jistgħu jilħqu t-30 %, bla dubju ta’ xejn ħalliet impatt ferm aktar negattiv fl-istruttura tal-ispejjeż tal-utenti ta’ FDP u l-possibbiltà li joffru offerti attraenti lill-klijenti tagħhom.

59. Barra minn hekk, il-fatturat tagħhom fil-Komunità relatat mal-prodotti li jinkorporaw FDP żdied b’aktar minn 10 % matul il-perjodu kkunsidrat kif indikat fit-Tabella 14 hawn taħt:

Tab ella 14

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Fatturat (000/EUR) Indiċi: 2004=100 | 427 694 100 | 452 329 106 | 456 445 107 | 472 750 111 |

60. Dawn iċ-ċifri juru li ż-żieda fl-importazzjonijiet tal-oġġetti lesti mir-RPĊ mill-2005 ’l hawn ma ċaħħditx lill-utenti tal-FDP fil-Komunità milli jespandu u jbiegħu l-oġġetti tagħhom lill-bejjiegħa bl-imnut u jżommu l-marġini ta’ profitt tagħhom. Rigward l-impatt possibbli fuq il-prezzijiet finali mħallsa mill-konsumaturi, ma tpoġġa l-ebda argument f’dan ir-rigward filwaqt li fl-investigazzjoni preċedenti ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji ġodda, li jistgħu jlaħħqu kważi 30 %, seta’ kellhom impatt fuq il-konsumaturi.

61. L-utenti favur it-terminazzjoni argumentaw ukoll li l-prezzijiet ta’ FDP qegħdin jiżdiedu fi ħdan il-Komunità minkejja li d-dollaru nieżel. Din id-dikjarazzjoni ma’ tikkorrispondix mad-dejta miksuba mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Minkejja li l-prezz tal-FDP għola f’daqqa fl-2005, wara, dan baqa’ stabbli kif jidher fit-Tabella 8 hawn fuq għall-FDP prodotti u mibjugħin fil-Komunità u fit-Tabella 15 hawn taħt, għal FDP[14] importati:

Tab ella 15

2004 | 2005 | 2006 | 2007 | l-ewwel tliet xhur ta’l-2008 |

Prezzijiet 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 1.02 100 | 1.15 113 | 1.13 111 | 1.15 113 | 1.15 113 |

62. Jekk wieħed jikkunsidra dan ta’ hawn fuq, il-miżuri eżistenti ma jidhirx li kellhom impatt qawwi fuq l-ispejjeż u l-profittabbiltà tal-kumpaniji utenti.

63. It-tieni, l-utenti li huma kontra l-impożizzjoni tal-miżuri jindikaw li hemm differenza sostanzjali fil-livell tal-impjiegi fil-Komunità bejn is-settur li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ FDP (madwar 3 000 ruħ) u l-industrija downstream (allegatament 70 000 ruħ).

64. Rigward din id-dikjarazzjoni, għalkemm iċ-ċifra ta’ 70 000 ruħ tidher li hija waħda esaġerata, wieħed ma jistax jiċħad li l-industrija tal-utent għandha bżonn aktar ħaddiema mill-industrija tal-produzzjoni. Meta wieħed jikkunsidra l-livell limitat ta’ kooperazzjoni totali fost l-utenti (ċifri dwar l-impjiegi ntbagħtu biss mill-utenti li jammontaw għal 12 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità) ma kienx possibbli għall-Komunità sabiex tikseb dejta eżatta dwar l-impjiegi. Madankollu, fit-Tabella 16 hawn taħt jidher li l-utenti li kkooperaw b’mod sħiħ fl-investigazzjoni jimpjegaw 5 009 persuni. Dan jindika li tal-inqas 40 000-45 000 ruħ ikunu involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti li jinkorporaw FDP. It-Tabella hawn taħt fiha wkoll indikazzjonijiet ta’ kif l-impjiegi evolvew fost l-utenti li kkooperaw:

Tab ella 16

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Impjiegi Indiċi (2004=100) | 3 898 100 | 4 471 115 | 4 854 125 | 5 009 129 |

65. Għalkemm in-numru ta’ kumpaniji li kkooperaw huwa wieħed limitat, xorta waħda jista’ jiġi konkluż li d-dazji anti-dumping eżistenti ma pprevenewx l-impjiegi milli jikbru b’mod sostanzjali matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk dan l-argument tal-utenti huwa rifjutat. Is-sitwazzjoni fl-investigazzjoni preċedenti kienet żgur differenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping oħrajn, li jistgħu jilħqu t-30 % setgħu wasslu għal telf ta’ impjiegi fis-settur tal-utenti.

66. It-tielet, l-utenti msemmija f’din it-taqsima jindikaw li hemm domanda li qiegħda tikber fis-setturi tal-materjal mhux minsuġ u tal-mili għal żewġ tipi speċjali ta’ FDP: HCS u LMP (kif imsemmi fi premessa (20) hawn fuq) u li għalihom hemm produzzjoni limitata fil-Komunità filwaqt li fir-RPĊ u fil-Korea hemm kapaċitajiet kbar ta’ produzzjoni.

67. F’dan ir-rigward, skont l-aħjar estimi tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-informazzjoni mressqa mill-partijiet interessati, il-konsum totali ta’ FDP fil-Komunità waqt il-PIR huwa fil-medda ta’ 85 000-90 000 tunnellata u l-konsum totali ta’ HCS huwa fil-medda ta’ 65 000-70 000 tunnellata. L-industrija tal-Komunità bħalissa qiegħda tipprovdi 2 155 tunnellata ta’ LMP u 21 543 tunnellata ta’ HCS. Id-domanda għal dawn it-tipi ta’ FDP qiegħda dejjem tikber, u skont assoċjazzjoni tal-utenti, se jkun hemm żieda annwali ta’ 6 % għaż-żewġ tipi fis-snin li ġejjin.

68. Il-produtturi ta’ FSP fil-Komunità jiddikjaraw li l-produzzjoni ta’ dawn l-“ispeċjalitajiet” fil-Komunità hija limitata għax il-livell eżistenti ta’ prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping ma jippermettulhomx li jżidu l-produzzjoni. Skont id-dejta miġbura f’din l-investigazzjoni, il-kapaċitajiet għal HCS u LMP fl-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkunsidrat evolvew kif ġej:

Tab ella 17

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Kapaċità tal-industrija tal-HCS tal-Komunità Indiċi (2004=100) | 67 050 100 | 46 550 69 | 61 550 92 | 61 550 92 |

Kapaċità tal-industrija tal-LMP tal-Komunità Indiċi(2004=100) | 32 050 100 | 32 050 100 | 32 050 100 | 32 050 100 |

69. Din it-Tabella turi li l-industrija tal-Komunità tkun f’pożizzjoni sabiex tkopri 88-95 % tad-domanda totali ta’ HCS u madwar 37 % tad-domanda totali ta’ LMP f’każ li l-prezzijiet jilħqu ċertu livell. Barra minn hekk, anki jekk l-industrija tal-Komunità tipproduċi kwantitajiet limitati minn dawn l-“ispeċjalitajiet”, l-utenti jistgħu jġibuhom mill-Korea u mir-RPĊ b’dazji anti-dumping limitati (5.7 % biss mingħand Huvis fil-Korea u 4.9 % mingħand Far Eastern fir-RPĊ). Sa fejn hija kkonċernata l-possibilità li jinġiebu mit-Tajwan, ġie ddikjarat li l-produzzjoni ta’ FDP fit-Tajwan qiegħda tonqos u dan se jwassal għal żieda fil-prezzijiet jew skarsezza fil-provvista u jekk se tiġi sostitwita b’importazzjonijiet mir-RPĊ u l-Korea, il-prezz tal-impatt tad-dazji mħallsa għal dawn l-“ispeċjalitajiet” importati mir-RPĊ u l-Korea se jkun wieħed sostanzjali minħabba l-marġini ta’ profitt baxx tal-utenti tal-Komunità. Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Fuq naħa, anki jekk il-produzzjoni ta’ FDP fit-Tajwan qiegħda tonqos, il-kapaċità addizzjonali mistennija li tiżdied (il-kapaċità addizzjonali mistennija għall-2008 hija ta’ madwar 122 000 tunnellata u għall-2009 150 000 tunnellata). Bħala konklużjoni, m’huwiex ċar li jista’ jkun hemm skarsezza strutturali ta’ dawn l-ispeċjalitajiet.

70. Rigward il-prezzijiet f’dawn l-“ispeċjalitajiet”, ma hemm l-ebda statistika uffiċjali iżda kif jidher fit-Tabella hawn taħt, skont id-dejta mogħtija mill-kumpaniji li kkooperaw, il-prezz ta’ HCS (inkluż id-dazji anti-dumping) żdied biss bi 2 % bejn l-2004 u l-PIR. Kien hemm ukoll tnaqqis sostanzjali fil-prezz fl-2006. Iż-żieda bejn l-2006 u l-PIR kienet aktarx dovuta għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping provviżorji fuq importazzjonijiet mit-Tajwan fl-ewwel simestru tal-2007. Rigward l-LMP, il-prezz tiegħu żdied bi 18 % matul il-perjodu kkunsidrat.

Tab ella 18

2004 | 2005 | 2006 | PIR |

Prezz HCS 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 1.21 100 | 1.26 104 | 1.05 87 | 1.24 102 |

Prezz LMP 000 EUR/Tunnellata Indiċi (2004=100) | 1.31 100 | 1.44 110 | 1.43 109 | 1.54 118 |

71. Din id-dejta jeħtieġ li tiġi analizzata fir-rigward tal-impatt ta’ dawn l-ispeċjalitajiet fuq l-ispejjeż totali. Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-utenti li kkooperaw, l-impatt ta’ HCS fuq l-ispejjeż totali tagħhom jammonta biss għal 1.98 % u l-impatt ta’ LMP jammonta biss għal 4.38 %. Jekk wieħed iżomm f’moħħu li l-profittabbiltà medja hija madwar 4 %, l-impatt fuq l-ispejjeż totali marbuta ma’ dawn l-“ispeċjalitajiet”, minkejja ż-żieda sostanzjali fil-prezz ta’ LMP, m’huwiex wieħed sinifikanti. Għalhekk din il-pretensjoni hija rifjutata.

72. Is-sitwazzjoni fl-investigazzjoni preċedenti kienet differenti fejn l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ta’ kważi 30 % fuq l-importazzjonijiet ta’ LMP u HCS li joriġinaw mit-Tajwan u ż-żidiet fil-prezzijiet li kieku din kienet iġġib magħha għall-istess prodotti kien ikollhom impatt aktar sostanzjali fuq l-ispejjeż totali.

2.2 Utenti kontra t-tmiem

73. L-utenti li jirrappreżentaw madwar 6 % tal-konsum totali ta’ FDP mill-Komunità u 3 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati indikaw li t-tmiem tal-miżuri jheddu l-profittabbiltà tal-industrija downstream billi l-falliment tas-settur tal-FDP fl-UE iwassal għal żidiet fil-prezzijiet ta’ FDP fi żmien sentejn u konsegwentement wieħed jistenna żieda fl-importazzjonijiet ta’ oġġetti li fihom FDP.

74. Fid-dawl tal-argumenti żviluppati taħt C.4 hawn fuq (il-probabbiltà ta’ importazzjonijiet sostanzjali jekk il-miżuri jiġu revokati), mhux eskluż li dan jista’ jseħħ tassew, bir-riskji assoċjati għall-preservazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva.

3. Konklużjoni

75. Wara li ġew ikkunsidrati l-fatturi ta' hawn fuq, huwa konkluż li għalkemm ħafna mill-utenti li pparteċipaw fl-investigazzjoni jqisu li l-preservazzjoni ta’ dazji tmur kontra l-interessi tagħhom, l-investigazzjoni turi li t-tkomplija tal-miżuri ma jkollhiex effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħhom. Barra minn hekk, kuntrarju għall-investigazzjoni preċedenti, l-utenti għandhom opinjonijiet varji dwar l-impatt tat-tmiem possibbli tal-miżuri eżistenti fuq in-negozju tagħhom. Għalkemm, kif spjegat hawn fuq, ħafna minnhom talbu lill-Kummissjoni sabiex tneħħi d-dazji anti-dumping, fost dawk li kkooperaw fl-investigazzjoni hemm ukoll numru sostanzjali li huma kontra t-tmiem tad-dazji.

F. IMPORTATURI U NEGOZJANTI

76. 6 importaturi/negozjanti għamlu sottomissjonijiet relatati ma’ din l-investigazzjoni fiż-żmien stipulat fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni iżda tlieta biss (Saehan Europe, GSI Global Service International u Marubeni) ikkooperaw b’mod sħiħ u pprovdew tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha mressqa mill-Kummissjoni. Kollha huma kumpaniji li jagħmlu l-profitt u n-numru ta’ impjegati relatati mal-importazzjoni/negozju tal-prodott FDP huwa wieħed negliġibbli.

77. Ma jidhirx li l-preservazzjoni tad-dazji jista’ jkollha impatt negattiv fuq in-negozju tagħhom. Ħafna minnhom huma tal-opinjoni li huwa fl-interess tagħhom li jitwaqqfu l-miżuri imposti fuq l-importazzjonijiet mill-Korea iżda mhux fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ għaliex dan ikun jinvolvi fluss kbir ta’ prodotti u l-livell tal-prezzijiet jinżel kif ukoll il-marġini tagħhom. Fuq in-naħa l-oħra, skont l-opinjonijiet tagħhom, billi l-kapaċitajiet mhux użati tal-Korea huma aktar limitati minn dawk Ċiniżi, huma tal-opinjoni li l-impatt tal-importazzjonijiet Koreani fuq il-prezzijiet mhux se jkun ta’ detriment għan-negozju tagħhom.

78. Fuq din il-bażi, ġie konkluż li, kemm jekk jiġu ppreservati l-miżuri kif ukoll jekk le, b’mod ġenerali, l-attività tal-importaturi u n-negozjanti mhux se tkun affettwata b’mod sinifikanti.

G. KUNSIDERAZZJONIJIET OĦRA

79. Il-produtturi tal-Komunità li allegatament jipproduċu 56 % tal-FDP minn materjal riċiklat argumentaw li l-importazzjonijiet ta’ FDP li huma l-oġġett ta’ dumping affettwaw b’mod ħażin il-profittabbiltà tal-kumpaniji ta’ riċiklaġġ; ġie ddikjarat ukoll li 425 000 ruħ huma impjegati fil-ġbir ta’ polyethylene terephthalate sabiex ifornu l-kumpaniji ta’ riċiklaġġ. F’dan ir-rigward, wieħed irid jinnota li r-riċiklaturi tal-fliexken PET ma kinux interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni minkejja l-istedina li saritilhom fl-Avviż ta’ Inizjazzjoni u l-kwestjonarji li ntbagħtulhom mill-Kummissjoni u li għalihom ma waslet l-ebda risposta. Min-naħa l-oħra, hemm domanda importanti u li qiegħda tikber għal fliexken PET riċiklati fl-Ażja u n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping mhux se jwaqqaf lir-riċiklaturi tal-fliexken PET milli jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq globali. Konsegwentement dawn it-talbiet huma rifjutati.

80. Barra minn hekk, ġie indikat mill-produtturi tal-Komunità li l-produzzjoni ta’ staple fibres tal-poliesteri minn materjal riċiklat tuża inqas enerġija mill-proċess kimiku u t-trasport tal-FDP importati mill-Ażja jipproduċi emissjonijiet tal-karbonju. Konsegwentement, is-sostituzzjoni tal-produzzjoni tal-Komunità b’importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, b’mod partikolari dawk mir-RPĊ u mill-Korea jżidu l-emissjonijiet tal-karbonju u jitfgħu lura l-miri tal-UE dwar il-bidla fil-klima. F’dan il-kuntest f’kull eventwalità huwa nnutat li l-analiżi tal-interess tal-Komunità fil-proċeduri ta’ kontra d-dumping tiffoka fuq l-impatt ekonomiku tal-miżuri fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati u mhux relatati direttament mat-tħassib ambjentali.

81. Ma tressaq l-ebda argument rigward l-Arabja Sawdija (jew il-Belarus) li jiġġustifika l-konklużjoni li l-preservazzjoni tal-miżuri ma tkunx fl-interess tal-Komunità.

H. KONKLUŻJONI

82. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-produtturi ta’ FDP fil-Komunità, inkluż l-industrija tal-Komunità, qegħdin jibbenefikaw mill-miżuri fis-seħħ iżda xorta għadhom f’sitwazzjoni vulnerabbli. Matul il-perjodu kkunsidrat, kienu kapaċi jżidu s-sehem tas-suq, il-produzzjoni, il-kapaċità u l-livell tal-impjiegi tagħhom. Barra minn hekk għamlu sforzi sostanzjali fir-rigward ta’ investimenti, fetħu impjanti ġodda fil-Polonja, fir-Rumanija u fil-Bulgarija. Barra dan, Tegal, fornitur importanti fl-industrija tal-għażil, għeleb id-diffikultajiet finanzjarji tiegħu u skont l-informazzjoni mogħtija mill-kumpanija, minn Lulju 2007 ma għadux aktar taħt il-proċedura ta’ salvagwardja ("procédure de sauvegarde"). Madankollu, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom għadha prekarja u ma jistgħux jiffaċċjaw influss f’daqqa ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Il-preservazzjoni tad-dazji se tkompli tipprovdi benefiċċji sostanzjali għall-industrija tal-Komunità u probabbli li tikkontribwixxi sabiex terġa’ tiġi vijabbli. Din is-sitwazzjoni hija f’kuntrast qawwi mal-istampa miksuba fl-investigazzjoni preċedenti fejn ġie konkluż li l-provvista ta’ FDP fis-suq tal-Komunità tista’ tkun problematika minħabba l-konverżjoni industrijali ta’ kumpanija waħda (La Seda) sabiex iżżid il-produzzjoni tagħha fi prodotti oħra, il-falliment ta’ produttur ieħor (Pennine Fibers) u d-diffikultajiet finanzjarji preċedenti ta’ Tergal.

83. Rigward l-utenti u l-importaturi, id-dazji anti-dumping eżistenti fuq importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati ma heddewx il-vijabilità u l-kapaċità tagħhom li jespandu. Għalhekk, jekk il-miżuri jitwaqqfu, kwalunkwe vantaġġ għall-utenti u l-produtturi x’aktarx li jkun wieħed limitat, minħabba li d-dazji anti-dumping ma kellhomx effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Kuntrarju għal din il-konklużjoni, l-analiżi tal-investigazzjoni preċedenti wriet li l-impożizzjoni ta’ dazji ġodda kontra d-dumping li jistgħu jilħqu kważi 30 %, kien ikollha impatt fuq il-prezzijiet tal-FDP, b’mod partikolari tal-HCS u l-LMP, u li potenzjalment setgħet titfa’ għadd sostanzjali ta’ utenti f’diffikultajiet finanzjarji.

84. Għalhekk ġie konkluż li l-vantaġġi limitati possibbli biex jitgawdew mill-utenti u mill-importaturi ta’ FDP fil-Komunità li kieku kellhom jitneħħew id-dazji, ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iżvantaġġi serji għall-industrija tal-Komunità.

85. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li t-terminazzjoni tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati minħabba l-interess tal-Komunità ma tkunx waħda ġustifikata.

I. APPLIKAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TA’ NUQQAS TA’ DISKRIMINAZZJONI

86. Numru ta’ partijiet interessati ressqu argument li l-miżuri anti-dumping ma jistgħux jiġu imposti fuq bażi diskriminatorja, kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament Bażiku li jgħid li “għandu jiġi impost dazju anti-dumping fl-ammonti xierqa f’kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja fuq importazzjonijiet ta’ prodott li jinstab mibjugħ taħt il-prezz mis-sorsi kollha u li jkun qiegħed jikkawża ħsara, … ”. Ġie indikat ukoll li dan il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni huwa wkoll prinċipju fundamentali tal-liġi tad-WTO.

87. Skont il-partijiet interessati li jinvokaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, l-importazzjonijiet ta’ FDP mit-Tajwan u l-Malażja nstabu li kienu l-oġġett ta’ dumping u jikkawżaw ħsara fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2005/2006. Ġie ddikjarat li " ir-raġuni għaliex dawn iż-żewġ sorsi ta’ importazzjonijiet ta’ FDP ma kinux soġġetti għal dazji anti-dumping mhix għax il-Kummissjoni kienet sussegwentement se ssib li l-importazzjonijiet ta’ FDP mill-Malażja u t-Tajwan ma kinux l-oġġett ta’ dumping jew li ma kinux qed jikkawżaw ħsara….". Barra minn hekk, kien hemm l-argument li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix timponi miżuri anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP mill-Malażja u mit-Tajwan mit-22 ta’ Ġunju 2007 minkejja li dawn l-importazzjonijiet instabu li kienu l-oġġett ta’ dumping u li kienu qegħdin jikkawżaw ħsara, għandha l-effett li tinvalida l-impożizzjoni kontinwa ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP minn pajjiżi oħra.

88. L-ewwel, qiegħed jiġi enfasizzat li fil-każ tal-Malażja u t-Tajwan l-ilment kien irtirat u li ma saret l-ebda sejba definittiva mill-Kunsill rigward l-adegwatezza tal-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. Bħala riżultat, ma hemm l-ebda diskriminazzjoni.

89. It-tieni, in-natura tat-testijiet legali rigward l-interess tal-Komunità skont l-Artikolu 9(1) (applikabbli fil-każ tat-Tajwan u l-Malażja) u 21 (applikabbli fil-każ preżenti) tar-Regolament bażiku hija differenti. Skont tal-ewwel, it-test huwa jekk fil-preżent, il-bilanċ tal-interessi huwiex daqshekk pożittiv li l-Kummissjoni għandha tkompli l-proċeduri ex officio anki fin-nuqqas ta’ lment b’evidenza. Skont tal-aħħar, it-test huwa jekk il-bilanċ tal-interessi huwiex daqshekk negattiv li l-miżuri jeħtieġu jitwaqqfu. Għalhekk in-natura differenti tat-testijiet timplika li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni.

90. It-tielet, anki f’sitwazzjoni ipotetika ta’ deċiżjoni definittiva meħuda mill-Kunsill li tikkonċerna n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ FDP li joriġinaw mill-Malażja u mit-Tajwan, f’dan il-każ ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, dejjem jekk il-prinċipju msemmi huwa applikabbli biss jekk jintlaħqu konklużjonijiet simili għal investigazzjonijiet differenti li jikkonċernaw l-istess prodott. Fi kliem ieħor, konformità mal-prinċipju ta' ebda diskriminazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 9(2) tal-ftehim tad-WTO dwar Anti-dumping tirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx ikunu ttrattati b'mod differenti, u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod. Kif spjegat hawn fuq, il-fatti u l-konklużjonijiet fl-investigazzjoni attwali huma radikalment differenti mill-fatti u l-konklużjonijiet fil-każ tal-Malażja u t-Tajwan u, konsegwentement, iż-żewġ sitwazzjonijiet ma humiex komparabbli.

91. Wara li ġie ikkunsidrat dak li hawn imsemmi hawn fuq, it-talbiet imressqa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni huma rifjutati.

J. DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

92. Il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hemm il-ħsieb li jiġi rrakkomandat li l-miżuri eżistenti jinżammu. Dawn ingħataw ukoll perjodu sabiex jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

93. Fuq il-bażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ġie konkluż li skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ir-reviżjoni interim għandha titwaqqaf u d-dazji anti-dumping eżistenti imposti fuq l-importazzjonijiet ta' FDP prodotti u esportati lejn il-Komunità Ewropea mill-pajjiżi konċernati għandhom jinżammu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Waħdieni

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli fuq importazzjonijiet ta’ staple fibres tal-poliesteri (FDP) li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Arabja Sawdija u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina normalment iddikjarati taħt il-Kodiċi NM 5503 20 00, hija permezz ta' dan mitmuma mingħajr ma jiġu emendati l-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […][pic][pic][pic]

[1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1 Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, tat-23.12.2005, p. 17).

[2] ĠU L 71, tas-17.3.2005, p. 1.

[3] Każ T-221/05

[4] ĠU L 274, tal-11.10.2002, p. 1.

[5] ĠU L 160, tal-21.6.2007, p. 30

[6] ĠU C 202, tat-30.8.2007, p. 4

[7] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2005/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 li jimponi dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri sintetiċi tal-poliesteri ta’ qisien ta’ qosor predeterminat (FDP) li joriġinaw mill-Malażja u t-Tajwan. ĠU L 379, 28.12.2006, p. 65.

[8] In-nota 7 ta' qiegħ il-paġna.

[9] CIRFS ("Il-Kumitat Internazzjoniali tar-Rayon u tal-Fibri Sintetiċi", il-korp rappreżentattiv tal-industrija Ewropea tal-fibra magħmula mill-bniedem) u IVC (Industrievereinigung Chemiefaser e.V., Assoċjazzjoni tal-Industriji Ġermaniżi u Awstrijaċi tal-Fibri Magħmulin mill-Bniedem)

[10] Idem In-nota 8 ta' qiegħ il-paġna.

[11] Il-profitabbiltà għal kumpaniji b’operazzjonijiet li għadhom jibdew u li jsiru waqt jew f’parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni ma ġietx ikkunsidrata sabiex jiġu evitati ineżattezzi possibbli fiċ-ċifri.

[12] Fl-2005 produttur wieħed tal-Komunità fir-Renju Unit falla, iżda impjanti ġodda ibbażati fil-Polonja u r-Rumanija ikkumpensaw għat-telf fil-produzzjoni u fl-impjiegi minħabba dan il-falliment.

[13] Libeltex, ORV, PGI Nonwovens, Ziegler, Tharreau, Sandler, Frankenstolz, Lueck, TWE Vliesstoffwerke u IMP Comfort

[14] Sors: EUROSTAT. L-assoċjazzjoni tal-produtturi qalet ukoll li f’Ġunju 2008 kien hemm żieda f’daqqa fil-prezzijiet meta mqabbel ma’ Ġunju 2007. Din iż-żieda f’daqqa tikkorrispondi mal-prezzijiet f’dollari iżda jekk nikkunsidraw il-prezzijiet f’EUR dawn baqgħu stabbli.

Top