Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008PC0250

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakkja

/* KUMM/2008/0250 finali - CNB 2008/0096 */

52008PC0250

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakkja /* KUMM/2008/0250 finali - CNB 2008/0096 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.5.2008

KUMM(2008) 250 finali

2008/0096 (CNB)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakkja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fis-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE, li tindika li s-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u li d-deroga tas-Slovakkja għandha titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2009.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, il-Kunsill ikollu sussegwentement jieħu l-miżuri neċessarji l-oħra għall-introduzzjoni ta' l-euro fis-Slovakkja.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro[1] jirregola l-introduzzjoni inizjali ta’ l-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel mewġa taż-żona ta’ l-euro u fil-Greċja[2]. Dan ir-Regolament ġie emendat bi:

- Ir-Regolament (KE) Nru 2169/2005, biex iħejji għal tkabbir futur taż-żona ta’ l-euro ;

- Ir-Regolament (KE) Nru 1647/2006, biex ikopri lis-Slovenja (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007)

- Ir-Regolament (KE) Nru 835/2007, biex ikopri lil Ċipru (li adotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008)

- Ir-Regolament (KE) Nru 836/2007, biex ikopri lil Malta (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008)

Biex is-Slovakkja tkun koperta wkoll mir-Regolament (KE) Nru 974/98, jeħtieġ li ma’ dan ir-Regolament tiżdied referenza għal dan l-Istat Membru. Din il-proposta fiha l-emendi meħtieġa għal dan ir-Regolament.

Il-pjan ta’ bidla għas-Slovakkja jispeċifika li l-hekk imsejjaħ xenarju tal-“big bang” għandu jkun applikabbli, jiġifieri li l-adozzjoni ta’ l-euro bħala l-munita tas-Slovakkja u l-introduzzjoni tal-karti u l-muniti ta’ l-euro f’dan l-Istat Membru għandhom iseħħu fl-istess waqt.

2. ASPETTI ġURIDIċI

2.1. Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta preżenti hija l-Artikolu 123(5) tat-Trattat tal-KE, li jippermetti li jiġu adottati l-miżuri l-oħra neċessarji għall-introduzzjoni ta' l-euro fl-Istat Membru li d-deroga tiegħu tkun tħassret skond Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-BĊE, il-Kunsill għandu jaġġixxi bl-unanimità ta’ l-Istati Membri mingħajr deroga u ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

2.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

2.3. L-għażla ta’ l-istrument ġuridiku

Ir-Regolament huwa l-uniku strument ġuridiku xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro.

3. Implikazzjonijiet baġitarji

Il-proposta ma’ għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

4. Kummentarju dwar artikoli individwali

4.1. Artikolu 1

Skond l-Artikolu 1 lit. (a) u l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 974/98, it-tabella fl-Anness għal dan ir-Regolament telenka l-Istati Membri li qed jipparteċipaw u tiddefinixxi d-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro, id-data ta’ bidla fil-flus kontanti, u l-perjodu "ta' tneħħija gradwali", jekk ikun applikabbli, għal dawn l-Istati Membri kollha. Skond l-Artikolu 1 lit. (i) tar-Regolament (KE) Nru 974/98 il-perjodu ta’ “tneħħija gradwali” jista’ japplika biss fl-Istati Membri fejn id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro u l-bidla fil-flus kontanti jseħħu fl-istess jum. Dan ma kienx il-każ fil-ħdax-il Stat Membru li adottaw l-euro fl-1 ta' Jannar 1999, u lanqas f'dak tal-Greċja li adottat l-euro fl-1 ta' Jannar 2001. Id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro u d-data ta’ bidla fil-flus kontanti fis-Slovenja, f’Ċipru u f’Malta seħħew fl-istess jum (l-1 ta' Jannar 2007 għas-Slovenja u l-1 ta’ Jannar 2008 għal Ċipru u Malta), iżda dawn il-pajjiżi għażlu li ma jkollhomx perjodu ta’ “tneħħija gradwali”. Il-pjan ta’ bidla tas-Slovakkja jistabbilixxi l-istess data għall-adozzjoni ta' l-euro u għall-bidla fil-flus kontanti (l-1 ta' Jannar 2009), filwaqt li l-pajjiż għażel li ma jkollux perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Dan l-Artikolu jżid lis-Slovakkja u d- data rilevanti li ġejja għal dan l-Istat Membru fit-tabella ta’ l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 974/98 fl-ordni tal-protokoll.

Stat Membru | Data għall-adozzjoni ta' l-euro | Data ta’ bidla fil-flus kontanti | Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

“Is-Slovakkja | L-1 ta' Jannar 2009 | L-1 ta' Jannar 2009 | Le” |

4.2. L-Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabilixxi l-1 ta’ Jannar 2009 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u jassigura li se jkun applikabbli f’konformità mal-ħin ta’ l-atti l-oħra tal-Kunsill li għandhom x’jaqsmu ma’ l-adozzjoni ta’ l-euro mis-Slovakkja, jiġifieri d-data tat-tħassir tad-deroga u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata ta’ kambju tal-koruna Slovakka.

2008/0096 (CNB)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakkja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[4],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro[5] jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-muniti ta’ l-Istati Membri li ssodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika u monetarja.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000[6] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-munita tal-Greċja.

(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2169/2005[7] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti ta’ l-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006[8] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-munita tas-Slovenja.

(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 835/2007[9] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-munita ta’ Ċipru.

(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 836/2007[10] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-munita ta’ Malta.

(7) Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, is-Slovakkja hija Stat Membru b’deroga kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(8) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/…/KE ta’ … … 2008 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovakkja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2009[11], is-Slovakkja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u d-deroga favur is-Slovakkja għandha titħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2009.

(9) L-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovakkja teħtieġ l-estensjoni għas-Slovenja tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro stipulata fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(10) Il-pjan ta’ bidla tas-Slovakkja jispeċifika li n-noti bankarji u l-muniti ta’ l-euro għandhom isiru valuta legali f'dan l-Istat Membru fil-jum ta' l-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-munita tiegħu. Għaldaqstant, id-data ta' l-adozzjoni ta' l-euro u d-data ta' bidla fil-munita għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2009. Ma għandu japplika l-ebda perjodu “ta’ tneħħija gradwali”.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu jkun emendat skond l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-entrati għas-Slovenja u l-Finlandja.

Stat Membru | Data għall-adozzjoni ta' l-euro | Data ta’ bidla fil-flus kontanti | Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -

“Is-Slovakkja | L-1 ta' Jannar 2009 | L-1 ta' Jannar 2009 | Le” |

[1] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1647/2006 tas-7 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2).

[2] Cf. ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000 tas-27 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta' l-euro (ĠU L 300, 29.11.2000, p, 2).

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU C [...], [...], p. [...].

[5] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru xxx/2007 (ĠU L, , p.).

[6] ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

[7] ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

[8] ĠU L 309, 9.11.2006, p. 2.

[9] ĠU L […], […], p. […].

[10] ĠU L […], […], p. […].

[11] ĠU L […], […], p. […].

Top