Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0581

Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VATRiżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT (2008/2151(INI)

ĠU C 21E, 28.1.2010, pp. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 21/3


Il-Ħamis, 4 ta’ Diċembru 2008
Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT

P6_TA(2008)0581

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT (2008/2151(INI))

2010/C 21 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 8/2007 rigward il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), flimkien mat- tweġibiet tal-Kummissjoni (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0427/2008),

A.

Billi l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma jaffettwawx biss il-finanzjament tal-baġits tal-Istati Membri, iżda wkoll is-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE sakemm it-tnaqqis li jsir fir-riżors proprju tal-VAT irid ikun ikkumpensat minn żjieda fir-riżors proprju tad-dħul gross nazzjonali (GNI) u b’hekk it-tgħawwiġ ikkaġunat mill-frodi tal-VAT jaffettwa l-bilanċ ġenerali tas-sistema tar-riżorsi proprji,

B.

Billi l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-31 ta’ Mejju 2006 dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (COM(2006)0254), osservat li l-Istati Membri ma kienux qegħdin jagħmlu użu biżżejjed mill-possibilitajiet ta’ koperazzjoni amministrattiva bis-saħħa tat-tisħiħ tal-qafas legali skont ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (3), u qieset li l-livell ta’ koperazzjoni amministrattiva ma kienx proporzjonat għall-volum tal-kummerċ fil-Komunità.

C.

Billi l-analiżi tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 8/2007 dwar jekk l-iskambji ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri jsirux f’waqthom u b’manjiera effettiva u jekk hemmx għal-lest strutturi u proċeduri amministrattivi adegwati biex jappoġġjaw il-koperazzjoni amministrattiva tikkonferma li l-objettiv prinċipali tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003, i. e. il-koperazzjoni amministrattiva effettiva biex tkun miġġielda l-evażjoni tal-VAT, għadu ma ntlaħaqx,

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2007, li jipprovdi valutazzjoni indipendenti tal-koperazzjoni amministrattiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-frodi tal-VAT u li janalizza l-prestazzjoni tal-Istati Membri u r-rwol tal-Kummissjoni f’dettall kbir; jikkonkludi, fuq il-bażi ta’ dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri, li r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 mhuwiex għodda effikaċi għall-koperazzjoni amministrattiva billi bosta Stati Membri jfixklu l-implimentazzjoni tiegħu u l-irwol tal-Kummissjoni huwa limitat;

Il-kwantifikazzjoni tal-frodi tal-VAT

2.

Huwa konxju tal-fatt li l-volum li fil-fatt jeżisti tal-evażjoni u l-frodi tat-taxxa huwa diffiċli li jkun ivvalutat, peress li ħafna Stati Membri jew ma jiġbrux data jew ma jippubblikawhiex; jinnota li skond stimi kkwotati mill-Qorti tal-Awdituri, it-telf li jsir fid-dħul tal-VAT kien jammonta għal EUR 17-il biljun fil-Ġermanja għall-2005 u EUR 18,2 il-biljun fir-Renju Unit għas-sena fiskali 2005-2006; jinnota li l-volum tal-frodi tal-VAT jista’ jaqbeż il-volum tal-baġit annwali totali tal-Komunità;

3.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tillanċja studju biex tikseb stimi solidi tal-ammont ta’ frodi tat-taxxi, inklużi l-frodi tal-VAT, fl-Istati Membri differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-kumitati kompetenti tal-Parlament dwar dak kollu li joħroġ mill-istudju hekk kif ikun disponibbli;

4.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħtu aktar prijorità għall-iżvilupp ta’ strateġija komuni sabiex tiġi kkwantifikata u analizzata l-frodi fil-VAT, xi ħaġa li għandha tippermetti li ssir evalwazzjoni dwar kemm huma tajbin il-miżuri meħuda mill-Istati Membri kontra l-evażjoni u l-frodi tal-VAT, jew jekk sempliċement imexxux il-frodi tal-VAT lejn setturi ekonomiċi oħra jew lejn Stati Membri oħra;

5.

Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu għal kollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet ta’ Verifika Supremi tal-Unjoni Ewropea ta’ Diċembru 2007, li jinkludu proposti dwar kif l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-kalkoli tagħhom u kif jista’ jiġi stabbilit mudell waħdieni għall-istima tal-frodi tal-VAT;

Nuqqasijiet fil-prestazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri

6.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-VAT;

7.

Jinsab inkwetat li l-Qorti tal-Awdituri osservat li f’xi Stati Membri r-rekwiżiti bażiċi għal koperazzjoni effettiva ma kinux hemm; jinnota b’mod partikulari n-nuqqasijiet li ġejjin:

kważi nofs it-talbiet għal tagħrif minn Stat Membru wieħed lil ieħor ma kinux imwieġba fil-perjodu kurrenti ta’ skadenza ta’ tliet xhur,

l-istruttura organizzazzjonali tal-uffiċċji ċentrali ta’ kollegament (UĊK), i. e. il-mezzi prinċipali għall-iskambju ta’ tagħrif, ikkontribwew għad-dewmien; L-Italja u l-Olanda firdu l-UĊK tagħhom bejn diversi dipartimenti mingħajr ma kkoordinawhom b’mod effettiv u l-Ġermanja qassmet l-UĊK tagħha f’diversi servizzi mingħajr ma infurmat kif suppost lill-Istati Membri l-oħra,

hemm differenzi sinifikanti bejn il-għadd ta’ talbiet għal tagħrif li Stat Membru jafferma li jkun irċieva u l-għadd ta’ talbiet li Stati Membri oħra jaffermaw li jkunu bagħtulu; L-Italja affermat li rċeviet 54 % ta’ talbiet anqas, u l-Ġermanja 32 % ta’ talbiet aktar, mill-għadd li Stati Membri oħra affermaw li kienu bagħtulhom fl-2005;

8.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li meta ssir talba jsir skambju f’waqtu tat-tagħrif; jinsab konvint li l-emendi proposti għad-direttiva tal-VAT (4) u għar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 li jimmiraw li jitqassru l-iskadenzi għall-ġbir u l-iskambju ta’ tagħrif se jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom biss jekk l-Istati Membri li għadhom ma waqqfux mekkaniżmi ta’ monitoraġġ biex ikunu żgurati tweġibiet f’waqthom għat-talbiet li jsiru, jagħmlu dan il-pass; jitlob lill-Kummissjoni biex tinfurmah dwar il-progress li sar mill-Istati Membri individwali fit-twaqqif tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u biex tevalwa l-effikaċja tagħhom;

9.

Jistieden lill-Kunsill biex jindirizza d-diskrepanza li hemm bejn il-għadd ta’ talbiet għal informazzjoni li Stat Membru jiddikjara li jkun rċieva u l-għadd ta’ talbiet li Stati Membri oħra jgħidu li jkunu bagħtulu, u biex isolvi din il-problema b’urġenza;

10.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li, fil-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom skont l-Istrateġija ta’ Liżbona, l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dejta lejn Stati Membri oħra; iqis li hu importanti, fejn il-forniment ta’ dejta minn Stat Membru għal ieħor ikun suġġett għal dewmien sistematiku, li jingħata bidu għall-proċeduri ta’ ksur mill-Kummissjoni kontra l-Istat Membru li jdum biex jipprovdi d-dejta;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita skambju ulterjuri tal-aħjar prattiki u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-arranġamenti organizzattivi għall-koperazzjoni amministrattiva;

12.

Jistieden lill-Istati Membri biex jesplojtjaw il-possibilità li jiddelegaw kompetenzi fir-rigward tal-iskambju ta’ tagħrif lill-uffiċċji lokali tat-taxxa sabiex jagħtu spinta lill-koperazzjoni u jtejbu l-kwalità tagħha; jinnota li mezz żgurat ta’ tagħrif elettroniku bejn l-uffiċċji lokali fi Stati Membri differenti sar disponibbli mill-Kummissjoni fl-2007;

13.

Jirrikonoxxi li l-koperazzjoni amministrattiva fil-livell tal-UE hi għodda essenzjali sabiex jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-possibilità li joħolqu koperazzjoni amministrattiva effettiva bejn l-uffiċċji lokali tat-taxxa, anke permezz tal-użu tal-komunikazzjoni elettronika;

14.

Jinnota li l-Belġju waqqfet l-Eurocanet (Netwerk Ewropew tal-Karużell) sabiex ittejjeb l-iskambju spontanju ta’ tagħrif; jinnota li, sadattant, 24 Stat Membru jipparteċipa f’dan l-iskambju ta’ tagħrif dwar kumpaniji li jkunu ssuspettati li jkunu mdaħħla fi frodi tat-tip karużell;

15.

Jinnota li, skond l-esperti, l-Eurocanet tippermetti lill-amministraturi tat-taxxa li jiskopru l-frodi tal-VAT aktar malajr peress li tipprovdi għal skambju komprensiv ta’ tagħrif, tuża lill-awtoritajiet Belġjani bħala punt ċentrali ta’ koordinament u taħseb għall-involviment ta’ servizzi amministrattivi operazzjonali ta’ kontra l-frodi;

16.

Josserva madankollu li l-effiċjenza tal-Eurocanent hija mnaqqsa mill-fatt li tliet Stati Membri kbar, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, ma jipparteċipawx; jistieden lill-Ġermanja, lill-Italja u lir-Renju Unit biex jingħaqdu fl-Eurocanet;

17.

Jinsab inkwetat minħabba li l-Qorti tal-Awdituri skopriet nuqqasijiet serji fis-Sistema ta’ Skambju ta’ Tagħrif tal-VAT (SSTV) minħabba d-dewmien li jkun hemm biex tinġabar id-data u biex tinqabad b’mod komputerizzat u minħabba problemi biex data żbaljata tkun imsewwija; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrimedjaw dawn in-nuqqasijiet b’urġenza sa tmiem l-2008;

18.

Ma jirnexxilux jifhem għala l-Istati Membri, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita ftehima, għadhom ma qablux dwar kriterji komuni għall-kanċellazzjoni ta’ numri tal-VAT, minkejja l-fatt li l-possibilità tal-irtirar ta’ malajr ta’ numru tal-VAT huwa element essenzjali biex ikunu mwaqqfa u evitati l-frodi tal-VAT;

19.

Jiddispjaċih li l-kontrolli simultanji u multilaterali mhumiex użati bizzejjed mill-Istati Membri għalkemm il-Komunità tagħmel tajjeb għall-finanzjament tagħhom u l-Qorti tal-Awdituri tirrapporta li jistgħu jinkisbu riżultati tajbin;

20.

Jiddispjaċih, b’mod partikulari fid-dawl tan-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq osservati mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-Ġermanja, li l-Ġermanja ma kkonformatx ruħha mat-talba ta’ verifika tal-Qorti tal-Awdituri; jappoġġja l-fehma tal-Qorti tal-Awdituri li r-rifjut tal-Ġermanja jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tagħha skont it-Trattat KE; jinnota li l-Kummissjoni tat-bidu għal proċeduri ta’ ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-Ġermanja; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex twettaq il-verifika ppjanata fil-Ġermanja fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib li jkun seħħ ksur;

21.

Jinnota li l-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill dwar kwistjonijiet ta’ taxxa ddiskuta r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kunsill biex jadotta konklużjonijiet formali rigward dak li ssib il-Qorti tal-Awdituri, kif isir rigward Rapporti Speċjali oħra waqt il-proċedura ta’ kwittanza tal-Kummissjoni, qabel Diċembru 2008;

Segwitu għal dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja ġdida

22.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu emendati d-Direttiva dwar il-VAT (5) u r-Regolament dwar il-Koperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tal-VAT (6) sabiex mill-2010 ‘l quddiem jitħaffu l-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta malajr il-miżuri proposti;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti ulterjuri li jkollhom il-għan li jsaħħu l-ħila tal-Istati Membri li jiġbru l-VAT mhux imħallsa billi n-negozjanti jkollhom responsabilità in solidum għat-telf ta’ taxxi f’każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-obbligi tar-rappurtar ikun iffaċilita l-frodi;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti ulterjuri dwar aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra kollha għal ċerta dejta mhix sensittiva miżmuma mill-Istati Membri dwar il-persuni taxxabbli tagħhom stess u dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-reġistrazzjoni u għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni ta’ persuni responsabbli għall-VAT, sabiex ikun żgurat li persuni taxxabbli foloz jinqabdu malajr u titneħħielhom ir-reġistrazzjoni;

L-irwol preżenti tal-Kummissjoni u perspettivi ġejjiena

25.

Jinnota li, skond ir-Regolament (KE)Nru 1798/2003, il-Kummissjoni tevalwa l-funzjonament tal-koperazzjoni amministrattiva u tiġbor flimkien l-esperjenza tal-Istati Membri; jinnota l-ħsieb tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ b’indikaturi kwantifikabbli sabiex ikun evalwat jekk l-Istati Membri humiex kapaċi jipprovdu għajnuna effiċjenti lil xulxin u jekk fil-fatt qiegħdinx jipprovdu din l-għajnuna; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-Parlament dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni qabel ma jingħata bidu għall-proċedura ta’ kwittanza li jmiss dalwaqt;

26.

Jinnota li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda aċċess għall-kontenut tat-tagħrif skambjat skont ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003, imma li l-irwol tagħha huwa limitat għall-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerk ta’ komunikazzjoni; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li dan ifixkel il-kapaċità tal-Kummissjoni biex issib ir-raġunijiet tal-problemi u biex toħroġ b’soluzzjonijiet;

27.

Jinnota li l-Istati Membri jirrifjutaw li jagħtu lill-Kummissjoni (OLAF) aċċess għall-kontenut tad-dejta skambjata skont ir-Regolament (KE) Nru 1798/2003 u għal dejta skambjata fil-qafas tal-Eurocanet; jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni (OLAF) li, li kieku ngħatat aċċess għad-data, kienet tiġġenera valur miżjud sinifikanti billi kienet tipprovdi analiżi minn perspettiva Komunitarja dwar xejriet u skemi ta’ frodi li jkunu għadhom kif ġew skoperti;

28.

Jinnota li l-Europol fetħet fajl ta’ ħidma analitika dwar frodi tat-tip karużell intra-Komunitarji f’April 2008, li għandu l-għan li jidentifika l-organizzaturi tal-frodi, filwaqt li jikxef in-netwerks kriminali tagħhom u janalizza l-iktar forom komuni ta’ frodi tat-tip karużell intra-Komunitarji;

29.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN tas-7 ta’ Ottubru 2008, li qabel li jkun stabbilit mekkaniżmu ġdid biex tittejjeb il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex issir il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, l-hekk imsejjaħ “Eurofisc”; jinnota li l-Eurofisc ikun jibni fuq il-Eurocanet; barra minn hekk jinnota li, skont il-linji gwida adottati mill-Kunsill tal-ECOFIN, il-Eurofisc ikun netwerk deċentralizzat għall-iskambju ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri, ikun jinvolvi lill-Istati Membri kollha fuq bażi volontarja u jkun organizzat bil-ftehim tal-Istati Membri parteċipanti, bl-appoġġ tal-Kummissjoni;

30.

Jaqbel li tinħtieġ imbuttatura politika qawwija sabiex jinkisbu titjibiet sostanzjali fil-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; madankollu, jinsab konvint li d-dħul tal-Eurofisc jista’ jipprovdi valur miżjud biss jekk il-parteċipazzjoni fih tkun waħda obbligatorja għall-Istati Membri kollha sabiex ikunu evitati l-problemi li jiltaqa’ magħhom l-Eurocanet u jekk il-Kummissjoni tipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Eurofisc u twettaq irwol ta’ koordinazzjoni;

31.

Jitlob lill-Kunsill biex ikompli bin-negozjati dwar il-proposta għal regolament dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, inkluża l-frodi tal-VAT, li għandu joffri qafas dettaljat għall-koperazzjoni amministrattiva multidixxiplinarja kontra l-frodi;

32.

Jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, id-DĠ għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), biex joħolqu forza ta’ ħidma sabiex teżamina l-mistoqsijiet li ġejjin:

il-Kummissjoni kif tista’ tikseb sinerġiji bejn is-servizzi differenti li qiegħdin jaħdmu fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT sabiex ikun evitat l-irduppjar tax-xogħol u l-kompetizzjoni bejn servizzi differenti?

sa fejn għandha l-Kummissjoni tingħata aċċess għall-kontenut ta’ tagħrif skambjat bejn l-Istati Membri?

tistal-Kummissjoni ssir korp ċentrali ta’ koordinament għall-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, u jekk iva, kif?

kif għandhom l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT jirrelataw mal-attivitajiet tal-Europol u tal-Eurojust?

It-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji

33.

Jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu l-ostakli legali li hemm fil-liġi nazzjonali li jxekklu l-prosekuzzjoni transkonfinali, b’mod partikulari f’każijiet fejn it-telf tal-VAT iseħħ fi Stat Membru ieħor;

34.

Jinnota li, skond il-Kummissjoni, id-dħul Komunitarju li jirriżulta mir-riżors proprju tal-VAT huwa mħares mill-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea tal-1995 (7); josserva li l-Kunsill adotta rapport spjegattiv fl-1997 li b’mod espliċitu eskluda l-VAT mill-iskop tal-Konvenzjoni; jinnota li r-rapport spjegattiv ma għandu l-ebda effett ta’ rabta legali; jistieden lill-Kunsill biex jeżamina mill-ġdid l-interpretazzjoni tiegħu sabiex jitneħħew l-ostakli legali li qed ixekklu l-prosekuzzjoni ta’ frodi transkonfinali tal-VAT;

*

* *

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ewropol u lill-Eurojust u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 20, 25.1.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni tal-valur miżjud tat-taxxa (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(5)  Direttiva 2006/112/KE.

(6)  Regolament (KE) Nru 1798/2003.

(7)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.


Top