EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0255

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' sigurtà u tal-ESDP Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' sigurtà u tal-ESDP (2008/2003(INI))

ĠU C 285E, 26.11.2009, p. 23–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 285/23


Il-Ħamis, 5 ta’ Ġunju 2008
Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ sigurtà u tal-ESDP

P6_TA(2008)0255

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ sigurtà u tal-ESDP (2008/2003(INI))

2009/C 285 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona, iffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidra r-Rapporti dwar is-Sigurtà Ewropea u l-Politika ta’ Difiża (ESDP) tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tat-18 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-laqgħa konġunta tal-Ministri tal-UE għad-Difiża u l-Iżvilupp fi ħdan il-Kunsill, li sar fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet dwar is-Sigurtà u l-Iżvilupp, kif ukoll il-Konklużjonijiet dwar l-ESDP tal-laqgħa tal-Kunsill tal-UE fid-19 u fl-20 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsisdra r-Rapport ta’ Madrid maħruġ mill-Grupp ta’ Studju dwar is-Sigurtà tal-Bniedem fit-8 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ April 2005 dwar l-ESS (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-ESS fil-kuntest tal-ESDP (2),

wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika adottata f’Liżbona fid-9 ta’ Diċembru 2007 u l-ħatra tal-Ġeneral Pierre-Michel Joana bħala Konsulent Speċjali għar-Rappreżentant Għoli tal-UE rigward il-kapaċitajiet Afrikani fiż-żamma ta’ paċi mill-1 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2007 dwar l-operazzjoni tal-ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0186/2008),

A.

billi fl-2007 u fil-bidu tal-2008 il-Kunsill ħa deċiżjonijiet importanti rigward il-ħidma fil-qasam tal-ESDP u fl-implimentazzjoni tal-ESS, inkluż:

a.

it-tnedija ta’ missjoni tal-pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL Afganistan);

b.

id-deċiżjoni biex tinbeda operazzjoni militari tal-UE fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana;

c.

il-konfigurazzjoni mill-ġdid u t-tnaqqis tat-truppi Althea tal-EUROR fil-Bożnja;

d.

il-preparazzjoni għal missjoni ċivili tal-UE fil-Kosovo (EULEX Kosovo);

e.

il-preparazzjoni ta’ missjoni ta’ riforma tal-UE tas-settur ta’ sigurtà fil-Guinea-Bissau (EUSEC Guinea-Bissau),

B.

billi fl-2007 u fil-bidu tal-2008 saru aktar żviluppi fil-qasam tal-kapaċitajiet ESDP u l-implimentazzjoni tal-ESS inkisbet, inklużi;

a.

l-adozzjoni ta’ Għanijiet Prinċipali Ċivili tal-2010 ġodda;

b.

it-twaqqif ta’ Kapaċità Ċivili ta’ Ppjanar u Twettiq (CPCC) fi ħdan is-Segretarjat tal-Kunsill;

c.

l-ilħuq ta’ kapaċità operattiva miċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-UE;

d.

l-ilħuq ta’ kapaċità operattiva sħiħa billi jitwettqu, b’mod simultanju, żewġ operazzjonijiet militari ESDP bl-użu tal-Gruppi tal-Battalja,

C.

billi l-2007 u l-bidu tal-2008 raw nuqqasijiet kontinwi fl-oqsma tal-ESDP u l-implimentazzjoni tal-ESS, inkluż:

a.

in-nuqqas ta’ Korpi tal-UE għall-Paċi Ċivili, mitluba mill-Parlament Ewropew sa mis-sena 2000, u ta’ protezzjoni ċivili u kapaċitajiet ta’ għajnuna umanitarja, msemmija f’numru ta’ dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sa mill-katastrofi taz-tsunami fis-sena 2004;

b.

l-ittardjar fil-konsenji u l-ispejjeż li dejjem jikbru relatati mal-kapaċitajiet ta’ trasport strateġiku bl-ajru fil-forma tal-Airbus A400M, ajruplan għat-trasport militari;

c.

żbilanċ bejn il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-istaff tal-missjonijiet ESDP, b’hekk ikunu limitati l-kapaċitajiet tal-UE ta’ mmaniġġjar ta’ kriżijiet;

d.

problemi ta’ reklutaġġ ta’ biżżejjed uffiċjali tal-pulizija għall-missjonijiet fl-Afganistan minħabba li hemm tħassib dwar is-sigurtà u nuqqas ta’ prospetti ta’ karriera għall-individwi meta jirritornaw;

e.

dewmien fit-tnedija tal-Missjoni EUFOR Ċad/RCA minħabba konferenzi bla suċċess dwar il-ġenerazzjoni ta’ forza, partikularment f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ħelikopters;

f.

in-nuqqas, s’issa, li jiġi ffirmat l-ftehim tekniku mħejjij bejn l-UE u n-NATO bil-għan li tkun żgurata l-koordinazzjoni fil-Kosovo bejn il-Forza Internazzjonal ta’ Sigurta’ (KFOR) u l-missjoni futura possibbli tal-ESDP, u fl-Afganistan bejn il-EUPOL u l-Forza Internazzjonali ta’ Assistenza għas-Sigurta’ (ISAF), minħabba l-oppożizzjoni mit-Turkija,

D.

billi t-Trattat ta’ Liżbona se jintroduċi innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-ESDP,

E.

billi jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiżdied l-interoperabilità fl-UE, u billi l-metodu l-aktar effettiv f’termini ta’ spejjeż biex dan isir huwa li jinqasmu u jinġemgħu l-assi tad-difiża sabiex il-kapaċità ta’ difiża tal-Ewropa tiġi massimizzata;

1.

Itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament fir-rigward tal-ESS u l-ESDP;

It-Trattat ta’ Liżbona

2.

Jilqa’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona, li se jintroduċi innovazzjonijiet kbar fil-qasam tal-ESDP, partikularment billi jsaħħaħ il-kariga tar-Rappreżentant Għoli, jistabilixxi Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u jintroduċi artikolu dwar l-assistenza fid-difiża reċiproka, klawsola ta’ solidarjetà, koperazzjoni strutturata permanenti fil-qasam tad-difiża u estensjoni tal-“Petersberg tasks”; jittama li l-proċess ta’ ratifikazzjoni jitlesta b’suċċess u fil-ħin fl-Istati Membri kollha; jifraħ lil dawk l-Istati Membri li diġà rratifikaw it-Trattat ta’ Liżbona; jenfasizza li l-Parlament se jwettaq ir-responsabilitajiet tiegħu taħt it-Trattat attwali u se jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe innovazzjonijiet ġodda;

3.

Jistieden lill-Istati Membri kkonċernati sabiex jinvestigaw il-possibilitajiet u l-impatt li jista’ jkun hemm jekk il-forzi eżistenti multinazzjonali bħall-Eurocorps, Eurofor, Euromarfor, il-Forza Ġendarmerija Ewropea, l-armata amfibja Taljana-Spanjola, il-Grupp tal-Ajru Ewropew, iċ-ċellula tal-Koordinazzjoni Ewropea tal-Ajru f’Eindhoven, Iċ-Ċentru Multinazzjonali tat-Trasport bil-Baħar ta’ Ateni kif ukoll il-forzi u l-istrutturi kollha relevanti għall-operazzjonijiet ESDP, jitpoġġew taħt koperazzjoni strutturata permanenti, kif maħsub fit-Trattat ta’ Liżbona;

L-evalwazzjoni u t-tisħiħ tal-ESS

4.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex permezz ta’ White Paper, jevalwa l-progress li sar, u kwalunkwe nuqqasijiet, fl-implimentazzjoni tal-ESS sa mill-2003, inklużi l-lezzjonijiet meħuda mill-operazzjonijiet ESDP; ir-rabta bejn l-aspetti esterni u interni tas-sigurtà (il-ġlieda kontra t-terroriżmu); il-protezzjoni tal-fruntieri u ta’ infrastruttura kritika, inkluża l-protezzjoni kontra l-attakki informatiċi; is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija sfida għall-isforzi ċivili, ekonomiċi, tekniċi u diplomatiċi; il-kwistjonijiet reġjonali mhux solvuti fil-viċinanzi tal-UE, eżempju fit-Transnistria, fl-Abkhazia, fl-Ossetia tan-Nofsinhar u fin-Nagorno-Karabakh; l-isfidi umanitarji u ta’ sigurtà fil-kontinent Afrikan; u l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u ta’ diżastri naturali fuq il-protezzjoni ċivili u s-sigurtà tal-bniedem kif ukoll il-proliferazzjoni tal-armi tal-qirda tal-massa; barra minn hekk jistiednu sabiex jevalwa jekk dawn it-theddidiet, riskji u sfidi humiex direttament rilevanti fit-tifsira wiesgħa tas-sigurtà Ewropea jew jekk għandhomx sempliċiment dimensjoni ta’ sigurtà;

5.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex jinkludi fil-White Paper, proposti għat-titjib u t-tisħiħ tal-ESS, bħad-definizzjoni ta’ interessi u kriterji ta’ sigurtà komuni Ewropej għat-tnedija ta’ missjonijiet ESDP; jistiednu wkoll biex jiddefinixxi għanijiet ġodda għall-kapaċitajiet ċivili u militari (inklużi strutturi għall-kmand u l-kontroll, u t-trasportazzjoni għall-atturi Ewropej kollha fl-immaniġġjar ta’ kriżi kemm għall-ESDP u għall-għajnuna f’każ ta’ diżastru) u jirrifletti fuq l-implikazzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona fir-rigward tal-ESDP u proposti għal sħubija ġdida bejn l-UE u n-NATO;

6.

Iħeġġeġ ukoll lir-Rappreżentant Għoli sabiex jindirizza l-kwistjoni tal-“caveats” fil-White Paper; għalkemm din hija kwistjoni għas-sovranità nazzjonali ta’ kull Stat Membru, huwa jikkunsidra li dawn għanhom ikunu armonizzati sabiex titħares is-sikurezza tal-forzi preżenti mid-diversi Stati Membri;

7.

Huwa tal-opinjoni li din il-White Paper għandha tkun il-bażi għal dibattitu politiku uwsa’ li jitwettaq fil-pubbliku, l-aktar għaliex l-ESS tiddefinixxi l-valuri u l-objettivi fundamentali tal-Unjoni u turi liema prinċipji hija tiddefendi; jenfasizza li evalwazzjoni futura tal-ESS għandha titwettaq b’responsabilità demokratika akbar u għaldaqstant issir b’konsultazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inklużi il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

Djalogu dirett dwar is-sigurtà mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mal-Kanada

8.

Jenfasizza li n-NATO hija l-forum transatlantiku fejn kwistjonijiet dwar is-sigurtà għandhom ikunu indirizzati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, mill-Istati Uniti u mill-Kanada; madankollu jinkoraġixxi lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli sabiex jieħdu inizjattivi għal djalogu dirett dwar is-sigurtà mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mal-gvern Kanadiż f’oqsma li huma fil-kompetenza tal-UE; jipproponi li dan it-tip ta’ djalogu għandu jikkonċentra fuq kwistjonijiet konkreti bħal pereżempju li tiżdied il-kredibilità tal-valuri tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-istabbilizzazzjoni u fir-rikostruzzjoni;

L-immaniġġjar tal-kriżi ċivili u l-protezzjoni ċivili

9.

Jilqa’ l-Għanijiet Prinċipali Ċivili ġodda tal-2010 introdotti fl-1 ta’ Jannar 2008, li jikkunsidraw it-tagħlimiet meħuda mill-missjonijiet ċivili ESDP preċedenti;

10.

Jilqa’ t-twaqqif tas-CPCC fis-segretarjat tal-Kunsill, li se jservi wkoll bħala ekwivalenti ċivili għal Kwartieri Ġenerali ta’ Operazzjonijiet tal-UE u joffri assistenza u appoġġ fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ missjonijiet ESPD ċivili, biex b’hekk ikun żgurat li jkun hemm kmand ċivili; jistieden sabiex ikun hemm bilanċ rifless fl-irwol u fl-istruttura taċ-Ċellula Ċivili-Militari;

11.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilitajiet għal qafas organizzattiv aktar adegwat, bħal taqsima speċjalizzata fi ħdan is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, sabiex ikun żgurat li jkun hemm strateġija aktar koerenti u komprensiva għall-immaniġġjar tal-kriżijiet ċivili, li jneħħu d-differenzi istituzzjonali u li b’hekk jippermettu koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti interni tal-UE kif ukoll koperazzjoni bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet barranin u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

12.

Jitlob lill-Kunsill, fl-isfond ta’ ppjanar u installazzjoni mhux sodisfaċenti tal-EUPOL Afganistan, biex iwettaq reviżjoni immedjata tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, l-iffinanzjar u l-installazzjoni ta’ aspetti ta’ missjonijiet ESDP ċivili u jressaq proposti konkreti mfassla biex jevitaw kwalunkwe ripetizzjoni ta’ din is-sitwazzjoni fil-futur;

13.

Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Istati Membri biex jipprovdu persunal għall-missjonijiet ċivili ESDP fl-oqsma tal-protezzjoni ċivili, l-immaniġġjar, l-appoġġ lir-rappreżentanti speċjali tal-UE u l-appoġġ lill-missjonijiet; madankollu jinnota li hemm nuqqasijiet kontinwi fil-qasam tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amminstrazzjoni ċivili; jenfasizza l-importanza li għall-missjonijiet tal-ESDP jingħata staff kompetenti u speċjalizzat;

14.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-missjonijiet ċivili tal-ESDP u l-missjonijiet tal-fruntieri tal-UE fejn il-qasma tal-kompetenzi taż-żewġ istituzzjonijiet mhix ċara; huwa tal-opinjoni li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna maħsub fit-Trattat ta’ Liżbona għandu jiffaċilita din il-ħidma; madankollu jemmen li kunflitti li jikkonċernaw il-kompetenzi jistgħu jinqalgħu anki bit-Trattat ta’ Liżbona, u tkun tinħtieġ deċiżjoni mir-Rappreżentant Għoli;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex b’mod regolari jirrevedu d-disponibilità ta’ persuni għall-missjonijiet ċivili ESDP u sabiex ilaqqgħu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom biex iwaqqfu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali rigward il-possibilità ta’ kontribuzzjonijiet, bħal fil-każ tal-Finlandja, inkluż il-ħolqien ta’ proċeduri li jiżguraw prospetti ta’ karriera lill-parteċipanti f’dawn il-missjonijiet u kunsiderazzjoni adegwata tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tikkonċerna r-rappreżentanza tan-nisa fil-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni, immaniġġjar u soluzzjoni ta’ kunflitti; barra min hekk iħeġġeġ sabiex jitfassal taħriġ speċifiku f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-tfal, skond il-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Kunflitti bl-Armi;

16.

Jikkunsidra li huwa importanti li tissaħħaħ il-kapaċità ċivili fis-soluzzjoni tal-kontroversji; għaldaqstant jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwaqqfu Korp Ta’ l-UE għall-Paċi Ċivili għall-immaniġġjar tal-kriżijiet u għall-prevenzjoni tal-kunflitti, kif mitlub mill-Parlament Ewropew;

17.

Jinnota n-nuqqas ta’ użu tal-istrument ta’ valur, it-Tim ta’ Rispons Ċivili (CRT), u jiddispjaċih li l-esperti tas-CRT ingħataw il-kariga kważi kollha fuq bażi individwali minflok f’tim, kif kien maħsub, li hu l-mod eżatt kif ġew imħarrġa;

18.

Jilqa’ id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li jistabbilixxu Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili (4) u 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju ġdid għall-Protezzjoni Ċivili (5), li huwa mfassal biex itejjeb il-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-assistenza tal-protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi kbar fi jew barra l-UE;

Is-sigurtà tal-bniedem u d-dimensjoni tas-sigurtà tal-politika ta’ żvilupp

19.

Ifakkar lill-Kunsill fir-responsabilità tiegħu, skond il-liġi internazzjonali, li jiżgura li kull membru tal-istaff ċivili u militari jkun imħarreġ skond l-istandards umanitarji internazzjonali u li jiġu riveduti u żviluppati linji gwida xierqa li jiżguraw ir-rispett lejn il-popolazzjonijiet lokali, il-kulturi u l-ġens;

20.

Ifakkar fl-importanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tal-ġens, u jistieden sabiex ikun hemm aktar nomini ta’ kandidati nisa għal karigi għolja fl-immaniġġjar tal-Politika Estera u ta’ Sigurta’ Komuni CFSP/ESDP, inklużi r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE kif ukoll għall-operazzjonijiet ġenerali tal-ESDP;

21.

Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu lejn l-għan li jkun hemm projbizzjoni internazzjonali fuq il-munizzjoni tat-tip cluster, sabiex jiġu żviluppati aktar metodi biex jiġi identifikat u meqrud munizzjoni li ma jkunx sploda, biex titwassal għajnuna finanzjarja u teknika lill-pajjiżi kkonċernati u biex tissokta l-ħidma lejn il-konklużjoni tan-negozjati li għaddejjin dwar it-tisħiħ tal-projbizzjoni globali fuq il-mini tal-art, il-projbizzjoni globali fuq l-armi tal-uranju u l-kontroll globali fuq it-trasferiment ta’ armi konvenzjonali; fid-dawl ta’ dan kollu, jikkunsidra pjuttost imbarazzanti li minkejja l-fatt li l-2008 hija l-għaxar sena tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta’ Armi, dan il-Kodiċi għad m’għandux saħħa legali u l-esportazzjonijiet bla kontrolli ta’ armi mill-Istati Membri tal-UE jidhru li għadhom sejrin mingħajr wisq xkiel, ukoll lejn gvernijiet f’pajjiżi fejn l-UE se tniedi, jew qed tikkunsidra li tniedi, operazzjoni tal-ESDP; barra minn hekk jinnota l-periklu li l-armi jiġu trasferiti fl-UE permezz ta’ dawk l-Istati Membri li għandhom il-kontrolli l-anqas stretti fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u/jew bl-użu flessibbli u irresponsabbli taċ-Ċertifikat Internazzjonali ta’ Importazzjoni; għalhekk, jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri kollha japplikaw l-ogħla standards f’termini ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi, sabiex l-armi mill-UE ma’ jintużawx fil-kunflitti;

22.

Jafferma mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar il-proliferazzjoni attwali tal-armi u armamenti żgħar (SALW), li jikkawżaw tbatija bla bżonn lill-bniedem, jaggravaw il-kunflitti armati u l-instabilità, jiffaċilitaw it-terroriżmu, jdgħajfu l-iżvilupp sostenibbli, it-tmexxija tajba u l-istat tad-dritt, u jiffavorixxu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali; huwa tal-opinjoni li l-integrazzjoni xierqa tal-istrateġiji ta’ tnaqqis u ta’ kontroll tas-SALW għandha ssir parti integrali tal-programmi internazzjonali maħsuba għall-prevenzjoni tal-kunflitti u għall-bini ta’ paċi wara l-kunflitti; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jinsistu mal-gvernijiet sabiex jaqblu dwar dispożizzjonijiet li jorbtu għall-kontroll tas-SALW (inklużi dawk ta’ medjazzjoni u tat-trasferimenti) permezz ta’ leġiżlazzjoni internazzjonali, reġjonali u nazzjonali;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tieħu f’idejha l-inizjattiva li jissaħħaħ ir-reġim internazzjonali tal-kontroll tal-armi, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu effikaċi fl-ambitu internazzjonali; jinnota wkoll il-konkordanza tal-isforzi biex jintegraw l-aspetti tan-non-proliferazzjoni fil-Politika tal-Viċinanzi Ewropea mal-objettiv strateġiku ġenerali li tinbena sigurtà fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni;

24.

Huwa tal-opinjoni li d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-ripatrijazzjoni għandhom ikunu parti integrali mill-operazzjonijiet ESDP, u jistieden lill-Kunsill biex meta jkun xieraq jinkludi fil-mandat tal-operazzjonijiet ESDP l-qerda jew il-ħażna sikura ta’ armamenti diżattivati u jevita li jkunu trasferiti b’mod illegali wara tagħlima mill-esperjenza Althea tal-Forza Multinazzjonali ta’ Stabiliżżazzjoni tan-NATO (SFOR)/EUFOR fil-Bosnja;

25.

Jilqa’ l-ewwel laqgħa konġunta tal-UE tal-Ministri tad-Difiża u l-Iżvilupp fid-19 ta’ Novembru 2007, li kienet pass importanti fir-reviżjoni tal-problemi affrontati mid-dinja li qed tiżviluppa, b’hekk tittejjeb il-koerenza u l-konsistenza fl-azzjonijiet tal-UE fil-qasam tas-sigurtà fil-ġejjieni qarib u fil-qasam taż-żvilupp fit-tul taż-żmien mal-pajjiżi kkonċernati; jilqa’ wkoll il-Konklużjonijiet tad-19 ta’ Novembru 2007 tal-Kunsill dwar is-Sigurtà u l-Iżvilupp, l-aktar l-enfasi li saret fihom dwar l-analiżi u s-sensittività tal-kunflitti, u jinkuraġġixxi bi ħġaru lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw dawn il-konklużjonijiet;

26.

Huwa tal-fehma li l-40 anniversarju tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nukleari (NPT) fl-1 ta’ Lulju 2008 għandu jitqies bħala opportunità għall-UE biex tippromwovi l-ħtieġa għad-diżarm nukleari fl-Istrateġija tagħha kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qirda tal-Massa, bil-ħsieb tal-Kumitati Preparatorji għall-konferenza NPT ta’ reviżjoni li ġejja; itenni l-fehma tiegħu li dan jinkludi l-ħtieġa li l-forzi “rikonoxxuti” ta’ armi nukleari jieħdu inizjattivi favur id-diżarm, sabiex l-Ewropa ssir żona ħielsa mill-armi nukleari u tiġi konkluża konvenzjoni globali li tipprojbixxi l-armi nukleari;

L-irwol diplomatiku tal-UE fil-programm nukleari tal-Iran

27.

Jenfasizza l-irwol diplomatiku ewlieni li għandha l-UE f’dak li jirrigwarda l-programm nukleari tal-Iran, li mhux biss jinvolvi r-Rappreżentant Għoli li jirrappreżenta l-UE u l-UE3 (Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit), imma wkoll l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina billi jgħaqqad interessi u metodi differenti għall-kisba tal-istess għan; itenni li r-riskji ta’ proliferazzjoni marbuta mal-programmi nukleari tal-Iran għadu għajn ta’ tħassib serju għall-UE u għall-komunità internazzjonali; f’dan ir-rigward jenfasizza r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar l-Iran (6) u jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1803 (2008) tat-3 ta’ Marzu 2008 kif ukoll l-offerta li saret lill-Iran mill-EU3 u mill-Istati Uniti, mir-Russja u miċ-Ċina dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, il-koperazzjoni politika u ekonomika, is-sħubija tal-enerġija, l-agrikoltura, l-ambjent u l-infrastruttura, l-avjazzjoni ċivili, u l-koperazzjoni dwar l-iżvilupp fl-oqsma tal-għajnuna ekonomika, soċjali u umanitarja;

It-Trasport, il-komunikazzjoni u l-servizzi ta’ spjunaġġ

28.

Jiddeplora d-dewmien fit-twassil u l-ispejjeż li qed jiżdiedu tal-ajruplan A400M użat għat-trasport fit-tul u n-nuqqas ta’ ħelikopters disponibbli u operazzjonali għal trasport fuq distanzi qosra;

29.

Jappoġġja l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) fit-trasport strateġiku, u jappella lill-Istati Membri sabiex jagħmlu aktar biex jikkumpensaw in-nuqqasijiet; jilqa’ miżuri temporanji bħas-SALIS (Soluzzjonijiet Strateġiċi Temporanji għat-Trasport bl-Ajru) u jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kunċett operattiv għall-pooling ta’kapaċitajiet;

30.

Jilqa’ l-proposta tar-Renju Unit li l-informazzjoni dwar id-disponibilità ta’ ħelikopters li jistgħu jintużaw għall-missjonjiet tal-UE, bil-għan li l-flotot ikunu koordinati aħjar;

31.

Jilqa’ l-proġett Franko-Ġermaniż ta’ ħelikopter għat-trasport tqil, imma huwa konxju wkoll tar-raġunijiet kumplessi għan-nuqqas ta’ ħelikopers disponibbli u operazzjonali, l-aktar marbuta mal-ispejjeż għolja tas-sigħat ta’ titjir u tal-manutenzjoni; jistieden lill-Kunsill sabiex jesplora l-possibilitajiet imfassal biex jingħalaq id-distakk għall-futur qrib, jew permezz ta’ azzjoni konġunta jew permezz ta’ appoġġ lill-Istati Membri fir-ristrutturazzjoni u fit-titjib ta’ ħelikopters mibnija fir-Russja kif ukoll bit-twaqqif ta’ ċentru għat-taħriġ fis-sewqan ta’ ħelikopter; itenni li, ġeneralment, wieħed mill-ostakli prinċipali għall-immodernizzar u l-bdil tal-forzi Ewropej sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw b’mod effettiv l-isfidi tas-sigurtà tas-seklu 21, mhux il-livell ta’ spiża fuq id-difiza imma n-nuqqas ta’ koperazzjoni, in-nuqqas ta’ viżjoni ċara tax-xogħol u tal-ispeċjalizzazzjonijiet, u d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni fil-produzzjoni u l-ksib tal-armi, li jżid ir-riskju ta’ nuqqas ta’ interoperabilità bejn l-armati; madankollu, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw żieda fl-ispiża tad-difiża bl-iskop reali li jkun possibbli li jsir użu effiċjenti tal-ħelikopters mixtrija;

32.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżżommu lill-Parlament infurmat dwar inizjattivi attwali biex tindirizza nuqqasijiet li għad fadal fil-kapaċitajiet f’oqsma prinċipali bħall-ħelikopters u l-unitajiet mediċi ta’ appoġġ, u biex iressqu proposti finanzjarji konġunti biex ikun garantit l-aċċess għal tali kapaċitajiet, kemm għal raġunijiet umanitarji u ESDP;

33.

Jilqa’ l-proġett EDA ta’ radju definit mis-software, li għandu l-potenzjal li jtejjeb il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ċivili u militari fil-każ ta’ emerġenza;

34.

Jappella lill-Istati Membri sabiex iżidu l-iskambju tagħhom ta’ intelliġenza permezz taċ-Ċentru tal-UE għas-Sitwazzjoni Konġunta; jemmen li jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċjali rigward theddidiet ġodda li mhumiex inklużi fl-ESS, bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima marbuta mas-sigurta;

Kapaċitajiet Militari

35.

Huwa tal-opinjoni li l-Gruppi ta’ Battalja huma strumenti li qed jgħinu lill-Istati Membri biex jibdlu l-forzi armati tagħhom, isaħħu l-interoperabilità tagħhom u jistabbilixxu kultura strateġika komuni dwar id-difiża; jinnota li l-Gruppi ta’ Battalja għadhom ma ntużawx, minħabba inter alia d-definizzjoni dejqa tat-termini ta’ tqassim, u jiddeplora l-fatt li l-kunċett tal-Grupp ta’ Battalja preżenti għandu ma solviex il-problema ta’ ħolqien ta’ truppi għal operazzjonijiet konkreti; huwa tal-fehema li sabiex ikun evitata l-ħela taħt forma ta’ bini ta’ strutturi militari duplikati, jeħtieġ li jkun hemm kjarifika urġenti;

36.

Huwa konxju mill-fatt li l-ġenerazzjoni ta’ forza hija prinċipalment kwistjoni ta’ rieda politika u evalwazzjoni konġunta; jistieden lill-Kunsill biex jeżamina l-opzjonijiet biex itejjeb il-ħolqien ta’ truppi, eżempju peremzz ta’ aktar żvilupp tal-kunċett ta’ Gruppi ta’ Battalja, li jwassal għal forza ta’ ħidma (task force) konġunta tal-UE akbar u permanenti, jew permezz ta’ katalogu aktar estensiv tal-kapaċitajiet disponibbli fi ħdan il-qafas tal-Għanijiet Prinċipali, sabiex ikun possibbli li tinġabar truppa xierqa għaċ-ċirkostanzi tal-missjoni;

37.

Jistieden sabiex ikun hemm il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ta’ pjanar permanenti u operattiv fi ħdan iċ-Ċentru tal-UE għall-Operazzjonijiet, biex imexxu l-operazzjonijiet militari ESDP;

38.

Jipproponi li jpoġġi l-Eurocorps bħala forza permanenti taħt il-kmand tal-UE u jistieden lill-Istati Membri kollha biex jikkontribwixxu fiha;

39.

Jistieden sabiex ikun hemm titjib kontinwu fl-interoperabilità bejn il-forzi armati nazzjonali tal-UE; jiddeplora l-eterogeneità fit-taħriġ u t-tagħmir attwali fost forzi armati differenti tal-Istati Membri u jistieden sabiex ikun hemm programm militari “Erasmus” li jinkludi taħriġ komuni għall-istaff li jista’ jiġi mibgħut f’operazzjonijiet;

40.

Ifakkar li s-suċċess tal-operazzjonijiet ESDP jiddependi fuq it-twassil ta’ tagħmir xieraq għall-istaff militari; jistieden lill-Kunsill sabiex jiżvilupp standards komuni fil-kura medika u fil-ġid operattiv; huwa tal-opinjoni li standards komuni bħal dawn u skambju regolari tal-aħjar prattiċi, koordinati, bħala eżempju, minn Staff Militari tal-UE, għandhom jappoġġjaw lill-Istati Membri individwali fil-ħidma tagħhom biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet u b’hekk jgħinuhom sabiex, biż-żmien, jipprovdu forzi kapaċi;

41.

Jiddispjaċih li l-istabbiliment tal-EDA sar tard wisq biexjipprevjeni l-ħolqien ta’ tliet programmi nazzjonali differenti dwar vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ minflok wieħed Ewropew, b’hekk ċertu kumpaniji setgħu jaħdmu fuq aktar minn proġett wieħed u b’hekk setgħu jutiliżżaw il-flus ta’ min iħallas it-taxxa għal ħafna drabi, b’ mod li l-EDA ma kelliex għażla oħra ħlief li taħdem fuq id-dħul ta’ vetturi tal-ajru bla ekwipaġġ fl-ispazju tal-ajru regolat; juri l-preferenza tiegħu għal proġett satellitari Ewropej uniku, kemm kemm jekk fil-qasam tal-ispjunaġġ u kemm jekk fil-qasam tal-komunikazzjoni;

42.

Jilqa’ l-pakkett ta’ difiża tal-Kummissjoni, partikularment il-propost tagħha għal Direttiva fil-qasam tal-ksib ta’ difiża u għal Direttiva fil-qasam tat-trasport intra-Komunitarju tat-tagħmir għad-difiża; huwa tal-opinjoni li dawn huma passi meħtieġa sabiex l-istaff militari nazzjonali u tal-UE ikun mgħammar bl-aħjar apparat interoperabbli;

43.

Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal -kumitat tat-tmexxija tal-EDA tal-14 ta’ Mejju 2007, speċjalment r-rikjesta ta’ tnaqqis ta’ dipendenza fuq għejun mhux Ewropej fit-teknoloġiji prinċipali ta’ difiża u jenfasizzaw il-ħtieġa li l-UE tgawdi minn awtonomija u sovranità operazzjonali;

L-iffinanzjar tal-missjonijiet tal-ESDP

44.

Jenfasizza l-irwol li dejjem qed jikber tal-UE, partikularment permezz ta’ missjonijiet ESDP ċivili, qed joħloq domanda għal baġit tas-CFSP li dejjem qed jikber, u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm tixrid ta’ informazzjoni aktar fil-ħin min-naħa tal-Kunsill sabiex il-Parlament ikun jista’ jipprepara d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-baġit annwali;

45.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw proposti li jippermettu li jkun hemm proċeduri ta’ appalt aktar flessibbli u xierqa għall-missjonijiet ċivili ESDP - li ħafna drabi jeħtieġu deċiżjonijiet malajr — biex ikunu eżaminati u mifthiema bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni; jilqa’ l-fatt li reċentement il-Kummissjoni fetħet it-taħriġ tagħha fl-appalt u fil-proċeduri finanzjarji għal impjegati mill-missjonijiet ESDP;

46.

Jiddispjaċih tal-kumplessità bla bżonn tal-arrangamenti stipulati fl-Artikolu 28 tat-Trattat UE fir-rigward ta’ finanzjament rapidu tal-attivitjiet ta’ ESDP barra mill-baġit tal-UE; jinsisti sabiex l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissioni dwar id-dixxipplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja soda (7), u sabiex id-djalogu strutturat bejn il-Kunsill u l-Parlament maħsub fih, jiġu implimentati bi sħiħ; fuq tul ta’ żmien itwal, jappella sabiex il-mekkaniżmu Athena jiġi trasferit fil-baġit tas-CFSP filwaqt li jżomm il-flessibilità tiegħu;

47.

Jistieden sabiex ikun hemm reviżjoni f’nofs perjodu taħt il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013 rigward il-koerenza u l-kumplimentarjetà tal-użu ta’ strumenti esterni tal-UE (il-baġit tas-CFSP, l-Istrument għall-Istabilità, l-Istrument tal-Koperezzjoni fl-Iżvilupp u l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat) fost il-medda ta’ azzjonijiet tal-UE għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet (militari u ċivili);

L-ESDP u l-iskrutinju parlamentari

48.

Jenfasizza li l-Parlament Ewropew, permezz tal-kuntatti tiegħu mal-parlamenti nazzjonali (Il-Konferenza taċ-Chairpersons tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin, Il-Konferenza taċ-Chairpersons tal-Kumitat tad-Difiża, l-Assemblea Parlamentari tan-NATO) u permezz tal-implimentazzjoni futura tal-Protokoll tat-Trattat ta’ Liżbona dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali, huwa l-entità leġittima fuq il-livell Ewropew fejn għandhom isiru l-iskrutinju parlamentari, is-sorveljanza u l-kontroll tal-ESDP;

49.

Fid-dawl tal-potenzjal il-ġdid fis-CFSP u l-ESDP, li għandu jsir il-Politika ta’ Sigurta’ u ta’ Difiża Komuni, li huwa possibbli permezz tat-Trattat ta’ Liżbona, jixtieq irawwem kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati kkonċernati tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali u l-Assemblea Parlamentari tan-NATO;

50.

Jistieden lill-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà (PSC) sabiex flimkien mal-Parlament Ewropew jistabbilixxi mekkaniżmu għall-informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kriżijiet li qed jinħolqu jew l-avvenimenti internazzjonali marbuta mas-sigurtà li jistgħu jitqabblu ma’ mekkaniżmi eżistenti f’bosta parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li — skond il-grad ta’ kunfidenzjalità — għandu jkollu firxa minn laqgħat ta’ kumitat magħluqa sa laqgħat bejn il-PSC u l-membri maħtura mill-kumitati u sottokumitati kkonċernati;

51.

Jenfasizza li l-Parlament għandu jkompli jadotta rakkomandazzjoni jew riżoluzzjoni qabel it-tnedija ta’ kwalunkwe operazzjoni ESDP (inkluża t-tnedija ta’ Grupp ta’ Battallja), b’konsultazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali, sabiex ikun hemm pożizzjoni tal-Parlament Ewropew qabel operazzjoni ESDP; huwa tal-opinjoni li, sabiex tkun żgurata l-flessibilità meta l-Parlament ma jkunx waqt is-sessjoni plenarja, jew ikun jeħtieġ li jkun hemm skejrament ta’ malajr, ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu għandhom jiġu adattati bil-għan li l-kumitat responsabbli tiegħu jkun awtorizzat li jadotta f’ismu dik ir-rakkomandazzjoni jew riżoluzzjoni;

52.

Jistieden lill-Kunsill biex jinkludi referenza fir-rakkomandazzjoni jew riżoluzzjoni adottati mill-Parlament fl-Azzjoni Konġunta li tawtorizza l-operazzjoni ESDP, b’hekk juri li l-Kunsill qed ifittex aktar leġittimità demokratika għall-azzjonijiet esterni tiegħupermezz ta’ deċiżjonijiet parlamentari;

Relazzjonijiet UE-NATO

53.

Jiddispjaċih dwar l-objezzjoni li baqgħet għaddejja tat-Turkija għall-implimentazzjoni tal-koperazzjoni strateġika bejn l-UE u n-NATO bbażata fuq il-Ftehim “Berlin Plus” u li tmur lil hinn minnha; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tal-istaff imħaddem tal-UE, b’mod partikolari l-EUPOL Afganistan (EUPOL) u l-Missjoni EULEX Kosovo, u jitlob biex dawk l-objezzjonijiet jiġu rtirati mit-Turkija kemm jista’ jkun malajr;

54.

Huwa tal-opinjoni li l-pjan tal-Istati Uniti li fl-Ewropa tiġi stabbilita sistema ta’ kontra l-missili, bħalissa tista’ xxekkel l-isforzi internazzjonali għad-diżarm; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sospensjoni tar-Russja tal-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha skond it-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa, li qajmet ħafna inkwiet dwar il-bilanċ strateġiku fl-Ewropa; jisħaq li ż-żewġ kwistjonijiet jaffettwaw is-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej kollha u m’għandhomx għalhekk ikunu s-suġġett ta’ diskussjonijiet purament bilaterali bejn l-Istati Uniti u pajjiżi Ewropej individwali; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jistabilixxu, flimkien man-NATO, qafas imfassal biex fid-dibattitu jinkludi kemm jista’ jkun pajjiżi Ewropej; jistieden lill-Kunsill u lin-NATO biex jevalwaw it-tehdidiet futuri previsti minn ċerti pajjiżi u l-periklu ta’ ġirja ġdida għall-armamenti fl-Ewropa u biex jipproponu reazzjoni multilaterali xierqa għalihom;

55.

Jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea u n-NATO jagħtu s-saħħa lil xulxin, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm koperazzjoni mill-qrib bejniethom;

*

* *

56.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lin-NATO, lill-Unjoni Afrikana, lill-OSCE, lill-OECD u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 334.

(3)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0419.

(4)  ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9.

(5)  ĠU L 71, 10.3.2007, p. 9.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0031.

(7)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Ftehim kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/371/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 128, 16.5.2008, p. 8).


Top