Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0212

    Il-progress miksub fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' Mejju 2008 dwar il-progress miksub fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) (2007/2202(INI))

    ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 23–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 279/23


    Il-progress miksub fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea

    P6_TA(2008)0212

    Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-progress miksub fil-qasam tal-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) (2007/2202(INI))

    (2009/C 279 E/05)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar in-non-diskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd — Qafas ta' Strateġija (COM(2005)0224),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (COM(2006)0643),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Lulju 2007 dwar l-Iżvilupp ta' Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni fl-Ewropa: Il-25 Stat Membru tal-UE mqabbla,

    wara li kkunsidra r-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u r-rapporti tematiċi maħruġa min-netwerk ta' esperti legali fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni sabiex tkun appoġġjata l-ħidma mwaqqfa mill-Kummissjoni biex jingħataw informazzjoni u pariri indipendenti dwar żviluppi rilevanti fl-Istati Membri,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Protokoll Nru 12 tagħha,

    wara li kkunsidra l-istħarriġ speċjali tal-Eurobarometer tal-Kummissjoni dwar id-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea, li nħareġ f'Jannar 2007,

    wara li kkunsidra l-għażla tal-2007 bħala s-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Indaqs għal Kullħadd u tal-2008 bħala s-Sena Ewropea ta' Djalogu Interkulturali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0159/2008),

    A.

    billi l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u tal-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri u billi huwa importanti li wara d-dikjarazzjonijiet politiċi dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jkun hemm żvilupp progressiv u implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-leġiżlazzjoni u tal-politika, b'mod partikulari fir-rigward tad-direttivi li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni u tal-proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza,

    B.

    billi l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula wkoll li l-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u billi l-promozzjoni tal-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni bi qbil mal-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandha tkun prijorità tal-liġijiet u tal-politika tal-Unjoni Ewropea,

    C.

    billi l-impjieg huwa wieħed mir-rekwiżiti bażiċi għall-inklużjoni soċjali iżda billi l-livelli tal-qgħad fost ħafna gruppi, b'mod partikulari n-nisa, il-migranti, il-persuni b'diżabilità, il-minoritajiet etniċi, anzjani, żgħażagħ u dawk b'ħiliet iżolati jew mhux magħrufa, jibqgħu għoljin b'mod mhux aċċettabbli; billi l-qgħad fost il-persuni li jbatu mid-diskriminazzjoni multipla huwa aktar għoli,

    D.

    billi l-liġi Komunitarja bħalissa ma tkoprix id-diskriminazzjoni fil-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-kompetenza tal-Komunità u billi d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE jipprovdu livelli differenti ta' protezzjoni, li joħolqu lakuni fil-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni li jħallu impatt fuq l-impjieg,

    E.

    billi l-istħarriġ komparattiv tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni fl-Ewropa tikkonferma li fil-livell ta' Stat Membru hemm traqqigħ ta' leġiżlazzjoni madwar l-Istati Membri li tħares mid-diskriminazzjoni b'modi differenti u spiss mingħajr metodu komuni ta' implimentazzjoni, u billi dan wassal għal nuqqas ta' armonija fl-implimentazzjoni ta' direttivi eżistenti u għal sitwazzjoni fejn in-nies m'humiex konxji biżżejjed tad-drittijiet tagħhom;

    F.

    billi l-applikazzjoni inkonsistenti tal-politika tan-non-diskriminazzjoni fl-Istati Membri tikkontribwixxi għan-nuqqas ta' implimentazzjoni fil-prattika tad-direttivi Komunitarji li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, kif jidher fir-rapporti bħal dak tal-Grupp Ewropew ta' Esperti bit-titolu “Il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni fuq bażi ta' Tendenzi Sesswali fl-impjiegi: leġiżlazzjoni fi ħmistax-il Stat Membru tal-UE”,

    G.

    billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2007 dwar is-segwitu għas-Sena Ewropea tal-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) (3), il-Kunsill stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex iżommu u jsaħħu l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' diżabilità fil-politika kollha rilevanti,

    H.

    billi għaldaqstant il-Kummissjoni b'mod xieraq bdiet il-proċeduri kontra diversi Stati Membri, u għandha tkompli tagħmel dan meta jkun hemm bżonn,

    1.

    Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu b'mod xieraq fil-prattika leġiżlattiva tagħhom il-bosta raġunijiet għad-diskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    2.

    Ifakkar li d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE jipprovdu rekwiżiti minimi u għandhom ikunu s-sies li fuqha tinbena politika Komunitarja aktar komprensiva kontra d-diskriminazzjoni;

    3.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE minn xi Stati Membri u n-nuqqas ta' informazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE dwar rimedji possibbli f'każijiet ta' diskriminazzjoni;

    4.

    Jiddispjaċih li d-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE ma jkoprux differenzi fit-trattament li jkunu ta' natura diskriminatorja imsejsa fuq kriterji fiżiċi bħal ma huma t-tul jew il-karnaġġjon, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjieġi fejn ma hemm l-ebda konnessjoni diretta bejn dawk il-karatteristiċi fiżiċi u l-ħiliet meħtieġa biex jitwettqu x-xogħlijiet ikkonċernati;

    5.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li, wara t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tagħhom, id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE ikunu trasposti b'mod sħiħ, korrett, u effettiv u implimentati b'mod adegwat, u li, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tagħhom, kwalunkwe eżenzjoni tkun iġġustifikata b'mod oġġettiv;

    6.

    Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE, dawk nazzjonali u dawk lokali sabiex itejbu l-koordinazzjoni tal-isforzi tagħhom għall-implimentazzjoni; jitlob strateġija unifikata biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni li tinkludi, u tqis, il-bażijiet kollha għad-diskriminazzjoni fl-istess ħin;

    7.

    Jenfasizza li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, permezz tal-politiki tagħhom, tal-għoti tas-servizzi u tal-prattiki tagħhom tal-impjieg;

    8.

    Jitlob impenn min-naħa tal-Kummissjoni sabiex titwettaq reviżjoni sostanzjali tal-implimentazzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE kif ukoll biex jinħarġu linji gwida interpretattivi għall-implimentazzjoni tagħhom sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u korretta mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikulari, biex tevalwa l-mod li bih l-Istati Membri interpretaw l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 6 u 8 meta d-Direttiva 2000/78/KE ġiet trasposta fil-liġijiet nazzjonali; ifakkar li l-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi teħtieġ firxa ta' mekkaniżmi u strateġiji inklużi l-konformità, l-azzjoni proattiva u l-infurzar kif ukoll skambji effettivi tal-aħjar prattiki;

    9.

    Iħeġġeġ li sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi;

    10.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tosserva bir-reqqa t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE kif ukoll il-konformità mal-leġiżlazzjoni li tirriżulta mit-traspożizzjoni tagħhom, u biex tkompli tpoġġi pressjoni fuq l-Istati Membri biex, permezz ta' proċeduri ta' ksur u ta' proċeduri ta' nuqqas ta' konformità, jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom billi jittrasponu b'mod sħiħ dawk id-Direttivi mill-aktar fis; jemmen li l-Kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkollu rwol fil-monitoraġġ kontinwu tal-obbligi tal-Istati Membri skond dawk id-Direttivi;

    11.

    Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78/KE jippermetti eċċezzjonijiet biss sakemm ikunu neċessarji b'mod oġġettivament ġenwin biex attivitajiet professjonali jitwettqu b'mod sodisfaċenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tinterpreta dan l-artikolu b'mod strett u biex tieħu azzjoni kontra Stati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk jippermettu definizzjoni wiesgħa ż-żejjed fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

    12.

    Jitlob evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri bħala parti mill-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u reviżjoni estiża tal-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni kull ħames snin bħala parti mill-Aġenda Soċjali; jemmen li entitajiet indipendenti li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' non-diskriminazzjoni inkluż in-netwerk ta' esperti legali tal-Kummissjoni, u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jirrappreżentaw vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni għandhom ikunu involuti f'dik l-evalwazzjoni annwali u li għandhom jittieħdu miżuri konkreti biex tinbena l-kapaċità tal-NGOs biex ikunu jistgħu jipprovdu tagħrif u appoġġ lill-vittmi u jagħtu kontribut b'mod kostruttiv lill-evalwazzjoni annwali;

    13.

    Jemmen li n-nuqqas ta' dispożizzjoni fid-Direttiva 2000/78/KE li tindika l-ħtieġa ta' definizzjonijiet wiesgħa ta' diżabilità eskludiet xi kategoriji ta' persuni b'diżabilità mill-protezzjoni legali tad-Direttiva; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaqblu dwar id-definizzjonijiet wiesgħa ta' diżabilità b'mod urġenti, sabiex iħaffu l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, li tista' tkun ibbażata fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità;

    14.

    Jemmen li n-nuqqas ta' dispożizzjoni għat-twaqqif ta' limitu ta' żmien sabiex jinġiebu proċeduri kontra d-diskriminazzjoni wassal lil xi Stati Membri biex jistabilixxu limiti ta' żmien qosra ħafna, li jista' jkun ta' tixkil biex jinġiebu tali proċeduri;

    15.

    Jemmen li eċċezzjonijiet marbuta mal-istat ċivili fid-Direttiva 2000/78/KE llimitaw il-protezzjoni li toffri dik id-Direttiva kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' tendenzi sesswali;

    16.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu b'mod aktar effettiv l-applikazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE skond id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lit-trejdjunjins u lil kull min iħaddem kif ukoll lill-partijiet interessati governattivi u mhux governattivi sabiex jagħmlu kull ma jistgħu sabiex itejbu l-għarfien dwar id-drittijiet skond dawk id-Direttivi u sabiex jiżguraw li l-vittmi tad-diskriminazzjoni jkollhom aċċess għal firxa ta' assistenza legali sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod effettiv skond id-Direttivi; jinnota li l-piż ikun spiss fuq il-vittma biex jieħu passi kontra min allegatament wettaq id-dskriminazzjoni, spiss mingħajr appoġġ minn kwalunkwe awtorità pubblika kif ukoll mingħajr aċċess għall-għajnuna legali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu s-setgħa lill-entitajiet indipendenti kkonċernati sabiex il-vittmi tad-diskriminazzjoni jingħataw għajnuna effettiva;

    17.

    Huwa mħasseb dwar il-livell baxx ta' għarfien tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni li għandhom iċ-ċittadini tal-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lit-trejdjunjins u lil kull min iħaddem sabiex jagħmlu kull ma jistgħu sabiex itejbu dak il-livell ta' għarfien; ifakkar li d-Direttivi jimponu obbligu fuq l-Istati Membri sabiex iqassmu tagħrif lill-pubbliku dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi b'kull mezz xieraq;

    18.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħmlu reviżjonijiet indipendenti tal-miżuri ta' prevenzjoni u ta' radd lura kontra d-diskriminazzjoni u tal-effettività tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni u jiżguraw li l-entitajiet statutorji u mhux statutorji li jieħdu sehem fil-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u li jappoġġjaw il-vittmi tad-diskriminazzjoni jkollhom riżorsi xierqa; jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tinkludi reviżjoni ta' bejn il-pari fl-eżerċizzju ta' monitoraġġ kontinwu tagħha;

    19.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfornu b'riżorsi u b'setgħat xierqa lill-entitajiet indipendenti li jippromwovu l-ugwaljanza sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-irwol tagħhom b'mod effettiv u indipendenti, inluż l-għoti ta' kompetenza ta' min joqgħod fuqha dwar il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u ta' assistenza xierqa għall-vittmi ta' diskriminazzjoni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kompitu ta' dawn l-entitajiet ikopri l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi standards skond liema jkunu mmonitorati u żgurati l-effettività u l-indipendenza ta' dawk l-entitajiet;

    20.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jfornu b'riżorsi u b'setgħat xierqa lill-NGOs li jirrapreżentaw gruppi ddiskriminati, u lil dawk li huma attivi fl-infurmar taċ-ċittadini u li jagħtu għajnuna legali, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali rilevanti biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità;

    22.

    Jenfasizza li fi kwalunkwe każ l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi ta' diskriminazzjoni għandhom awtomatikament jingħataw assistenza fi proċeduri legali, jekk ikun il-każ permezz ta' finanzjament pubbliku minn skemi ta' għajnuna legali;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod prattiku u effettiv tappoġġja l-adozzjoni ta' miżuri mill-Istati Membri permezz tal-programm Progress u tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex ikunu appoġġjati programmi li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u l-qerda tad-diskriminazzjoni;

    24.

    Jirrakkomanda li, sabiex jingħata livell ta' protezzjoni aktar effettiv, l-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-assoċjazzjonijiet, lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet legali oħra biex jieħdu sehem fi proċeduri legali, anke f'isem vittma jew bħala appoġġ lil vittma;

    25.

    Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jiżguraw trattament u opportunitajiet indaqs taħt il-politika tal-impjiegi u tal-inklużjoni soċjali u, b'mod partikulari, li jindirizzaw l-ostakoli serji li jitqajmu mid-diskriminazzjoni fil-proċeduri tar-reklutaġġ;

    26.

    Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra jistgħu jieħdu sehem f'isem persuna jew persuni li qed jagħmlu lment fi kwalunkwe proċedura ġuridika għall-infurzar tad-Direttivi;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex, f'koperazzjoni mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u mal-Kummissjoni, jiġbru, idommu u jippubblikaw statistiki dwar diskriminazzjoni li jkunu komprensivi, eżatti, ta' min joqgħod fuqhom u separati f'intervalli regolari u sabiex jippubblikawhom b'mod li l-pubbliku jista' jifhimhom malajr u f'mod li jippermetti skambji aktar effettivi tal-aħjar prattiki; jenfasizza l-ħtieġa għad-disponibiltà ta' fondi biżżejjed biex dan jintlaħaq u l-importanza li jiġu żviluppati metodi biex tinġabar data dwar id-diskriminazzjoni f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

    28.

    Jitlob li jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali integrati kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

    29.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni fil-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza, inkluża l-pubblikazzjoni ta' manwal Ewropew għal din it-tip ta' data; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistudja sew il-kwistjonijiet legali varji u l-parametri dwar il-kwistjoni tal-ġbir tad-data u sabiex jitressqu proposti biex titjieb ir-reġistrazzjoni ta' każijiet ta' diskriminazzjoni u biex ikunu osservati standards komuni għall-ġbir tad-data; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tagħti taħriġ legali għall-imħallfin, l-avukati, it-trejdjunjins u l-NGOs sabiex jitjieb l-impatt fuq żmien twil tad-Direttivi, kif ukoll biex titwettaq aktar riċerka u analiżi tal-impatt tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttivi;

    30.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-interess tal-Kummissjoni fid-diskriminazzjoni multipla, inkluża t-tnedija ta' studju dwar dan is-suġġett; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta kunċett wiesa' ta' diskriminazzjoni multipla u sabiex teżamina u tforni data dwar id-diskriminazzjoni multipla u dwar reati ta' mibegħda; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dispożizzjonijiet imfassla espliċitament biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni multipla fi kwalunkwe leġiżlazzjoni fil-ġejjieni adottata skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li tista' tkun applikata fuq bażi waħda jew taħlita ta' aktar minn bażi waħda;

    31.

    Jisħaq l-importanza tan-netwerking bejn gruppi li jkunu attivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u biex jikkunsidraw li jirrevokaw atti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 13 tat-Trattat KE;

    33.

    Iqis id-Direttiva 2000/43/KE bħala l-bażi li fuqha jista' jissejjes qafas komprensiv ta' kontra d-diskriminazzjoni għal miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-projbizzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika; jenfasizza, madankollu, li għandhom jitqiesu l-aspetti problematiċi li diġà ġew identifikati u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva;

    34.

    Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha toħroġ definizzjoni komuni li jkollha għarfien mal-UE kollha, jew talanqas għandha taħdem għal kunsens dwar it-tifsira ta' azzjoni pożittiva, biex b'hekk jitkissru l-ħrejjef madwar it-tifsira u l-applikazzjoni tagħha f'xi Stati Membri, b'mod partikulari minħabba l-effettività tagħha biex tiġi miġġielda b'suċċess id-diskriminazzjoni u biex tinħoloq l-ugwaljanza ta' riżultati f'xi Stati Membri;

    35.

    Jinnota li l-Kummissjoni issa taf tkun bi ħsiebha tressaq biss il-leġiżlazzjoni biex tiddikjara illegali d-diskriminazzjoni fl-aċċess ta' prodotti u servizzi għal ċertu raġunijiet, imma mhux ir-raġunijiet kollha; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li tressaq direttiva komprensiva li tkopri d-diżabilità, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin u l-orjentazzjoni sesswali biex tlesti l-pakkett tal-leġiżlazzjoni antidiskriminatorja skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE kif imsemmi fil-programm ta' ħidma tal-2008; itenni x-xewqa politika, soċjali u legali li tintemm il-ġerarkija ta' ħarsien kontra r-raġunijiet differenti ta' diskriminazzjoni;; jemmen b'mod qawwi li ma jagħmilx sens li d-diskriminazzjoni tiġi pprojbita f'qasam wieħed filwaqt li tkun permessa f'qasam ieħor

    36.

    Jistenna bil-ħerqa l-iżvilupp tad-definizzjoni Komunitarja tad-diżabilità li tippermetti nies b'diżabilità mill-Unjoni Ewropea kollha biex igawdu l-istess drittijiet, ikunu fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea;

    37.

    Jemmen li kwalunkwe direttiva ġdida proposta biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE jkollha tipprojbixxi kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, inklużi d-diskriminazzjoni diretta u indrietta, fl-oqsma kollha diġà koperti mid-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE, id-diskriminazzjoni permezz tal-assoċjazzjoni, id-diskriminazzjoni marbuta ma' sħubija maħsuba fi grupp protett u t-tkasbir; jemmen li istruzzjoni biex wieħed jiddiskrimina għandha titqies bħala diskriminazzjoni, u li nuqqas mhux ġustifikat biex issir akkomodazzjoni raġonevoli għandha titqies bħala forma ta' diskriminazzjoni; jemmen li dawn id-Direttivi għandhom jagħmluha ċara li ma hemm l-ebda ġerarkija fost il-forom differenti ta' diskriminazzjoni u li kollha jridu jkunu miġġielda bl-istess mod qawwi; jinsisti li kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida proposta tirrifletti kif jixraq l-ispeċifiċitajiet kollha tal-bażijiet differenti rispettivi;

    38.

    Jemmen b'mod qawwi li l-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-proposta l-ġdida għal direttiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandu jkun wiesa', li jkopri l-oqsma kollha li huma kompetenza tal-Komunità kif ukoll l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, il-ħarsien soċjali inkluża s-sigurtà soċjali, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, xbihat ta' gruppi ddiskriminati fil-midja u fir-riklamar, aċċess fiżiku għall-informazzjoni għall-persuni b'diżabilità, telekomunikazzjoni, komunikazzjoni elettronika, modi tat-trasport u postijiet pubbliċi, vantaġġi soċjali u aċċess għal u forniment ta' prodotti u servizzi li jkunu disponibbli għall-pubbliku; barra minn hekk jemmen li d-direttiva l-ġdida għandha wkoll tiżviluppa l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol (4) sabiex tagħmilha konsistenti mal-ħarsien tad-diskriminazzjoni kontra l-gruppi l-oħra;

    39.

    Huwa konvint b'mod qawwi li fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għandu jiġi żviluppat metodu olistiku biex titqajjem il-kuxjenza tal-pubbliku, li jibda mill-programmi tal-iskola;

    40.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga kif leġiżlazzjoni futura bbażata fuq l-Artikolu 13 tista' tinkorpora aktar dispożizzjonijiet li jippromwovu l-implimentazzjoni tal-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u tal-ugwaljanza li m'humiex dipendenti fuq ilmenti dwar vittmi individwali; jemmen li l-investigazzjoni għandha tqis kif leġiżlazzjoni futura tista' toħloq obbligi biex tkun introdotta azzjoni pożittiva u/jew dmirijiet pożittivi biex tkun miġġielda l-ugwaljanza, u torbot obbligi li għandhom x'jaqsmu man-non-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza mal-politika nazzjonali tal-akkwist pubbliku;

    41.

    Huwa tal-fehma li differenzi fit-trattament ibbażati fuq in-nazzjonalità jew il-lingwa li la huma ġġustifikati b'mod oġġettiv u raġonevoli b'mira leġittima u lanqas m'huma miksuba bil-mezzi xierqa u meħtieġa, jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi ta' oriġini razzjali jew etnika u dan bil-kuntrarju tad-Direttiva 2000/43/KE;

    42.

    Jidhirlu li d-diskriminazzjoni għandha titqies ukoll li tinterferixxi fl-erba' libertajiet fundamentali — b'mod partikulari l-ħelsien tal-moviment tal-persuni — u bħala tali tikkostitwixxi ostaklu għall-funzjonament tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni tagħhom li jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom sabiex jiġi eliminat d-divrenzjar bejn iċ-ċittadini Ewropej f'dan ir-rigward;

    43.

    Iqis li l-komunitajiet tal-minoranzi, u b'mod partikulari l-komunità tar-Roma, jeħtieġu ħarsien soċjali speċifiku, peress li l-problemi li għandhom ta' sfruttament, ta' diskriminazzjoni u ta' esklużjoni saru aktar intensi fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni, tal-impjieg u tad-drittijiet tan-nisa wara t-tkabbiriet riċenti tal-Unjoni Ewropea;

    44.

    Jirrakkomanda li, fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni ta' kwalità għolja għal tfal żvantaġġjati u tar-Roma u l-klassifikazzjoni mhux ġustifikata tagħhom bħala diżabbli, tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi miġġielda kull forma ta' diskriminazzjoni li wieħed jiltaqa' magħha fil-qasam tal-edukazzjoni;

    45.

    Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni hija effettiva biss meta ċ-ċittadini jkunu aktar konxji tad-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess faċli għall-qrati; għalhekk jemmen li l-proposta l-ġdida għal direttiva biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE għandha tindirizza wkoll rimedji u infurzar u jirrakkomanda t-twaqqif mill-Istati Membri ta' entità indipendenti u effettiva jew aktar minn waħda għall-promozzjoni ta' trattament indaqs u biex jiġu miġġielda l-forom varji tad-diskriminazzjoni, bil-kompitu li jkunu koperti l-bażijiet kollha għad-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13, u l-oqsma kollha koperti mid-Direttiva 76/207/KEE; jemmen li l-kompetenza ta' dawk l-entitajiet għandha tinkludi l-forniment ta' assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni sabiex ikunu jistgħu jsegwu l-ilmenti tagħhom dwar id-diskriminazzjoni, jamministraw stħarriġ indipendenti dwar l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni non-diskriminatorja u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni li jkollha x'taqsam ma' tali diskriminazzjoni;

    46.

    Jitlob li fi kwalunkwe leġiżlazzjoni futura permezz tal-Artikolu 13 tat-Trattat KE jkun inkluż l-obbligu li jiġu kkonsultati u inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, entitajiet indipendenti speċjalizzati fl-ugwaljanza u organizzazzjonijiet rappreżentattivi fir-rigward tal-abbozzar, il-proċess ta' traspożizzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha;

    47.

    Jemmen li d-direttiva l-ġdida għandha tinkludi rekwiżit li l-Istati Membri jimplimentaw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza f'kull ippjanar, tfassil ta' politika u żvilupp ta' programmi fl-oqsma koperti mid-direttiva, li fornituri tas-servizz ikunu organizzati u sistematiċi fl-approċċ tagħhom għall-ugwaljanza, u li l-fornituri tas-servizz jagħmlu aġġustamenti u jipprovdu trattament speċjali sabiex jiżguraw li membri ta' gruppi f'minoranza li jkunu qed ibatu min-nuqqas ta' ugwaljanza jkunu jistgħu jaċċessaw u jibbenefikaw mis-servizzi provduti;

    48.

    Jinnota bi tħassib li waqt li 19-il Stat Membru ffirmaw il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u għal-Libertajiet Fundamentali, 5 biss irratifikaw dak il-Protokoll;

    49.

    Jitlob li jitkompla l-proċess ta' ffirmar, konklużjoni u ratifika tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, inkluż il-Protokoll Mhux Obbligatorju tiegħu, u jfakkar li, wara r-ratifika tal-Konvenzjoni mill-Komunità, kwalunkwe leġiżlazzjoni Komunitarja kontra d-diskriminazzjoni għandha tikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tagħha; ifakkar lill-Kunsill dwar is-sejħa li għamlet il-Kummissjoni fil-konferenza ministerjali informali dwar id-diżabilità f'Ġunju tal-2007, sabiex tiġi imnedija strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan dak il-qafas, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tiġi emendata leġiżlazzjoni Komunitarja sussidjarja jew li jiġu adattati l-politiki rilevanti;

    50.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni u l-integrazzjoni orizzontali tal-klawżola tan-non-diskriminazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona wara li tidħol fis-seħħ, li timpenja l-Unjoni Ewropea li tipprova tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet tagħha;

    51.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex l-opportunitajiet indaqs u n-non-diskriminazzjoni jiddaħħlu b'mod ġeneralizzat fl-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u għall-impjieg, fil-linji gwida għall-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar l-inklużjoni soċjali u fil-programmi nazzjonali ta' riforma u fir-regolamenti li jmexxu l-fondi strutturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jirrevedu l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi u, b'mod partikulari, l-Linji Gwida dwar l-Impjieg sabiex tkun żgurata u mtejba l-integrazzjoni u l-viżibilità tad-dimensjoni soċjali fiċ-ċiklu li jmiss tal-Istrateġija ta' Liżbona; jenfasizza li sabiex tkun effettiva, il-politika tal-ugwaljanza u tan-non-diskriminazzjoni trid tkun marbuta bis-sħiħ mal-politiki soċjali bi rwol importanti għall-imsieħba soċjali;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iwaqqfu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq il-kuntratt ta' impjieg billi jkun żgurat it-trattament indaqs għall-ħaddiema kollha, il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà, dispożizzjonijiet għall-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' rappreżentazzjoni, il-ħarsien kontra t-tkeċċija inġusta, l-innegozjar kollettiv u l-azzjoni kollettiva; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għat-taħriġ kif ukoll għall-ħarsien kontinwu ta' drittijiet miksuba billi jkunu koperti perjodi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, opportunitajiet aħjar ta' kura, iż-żamma ta' drittijiet soċjali essenzjali bħad-drittijiet għall-pensjoni, id-drittijiet għat-taħriġ u d-dritt għall-benefiċċju tal-qgħad waqt tibdil fis-sitwazzjoni tax-xogħol ta' persuna, bejn kuntratti ta' impjieg u minn impjieg dipendenti għal wieħed awtonomu;

    53.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.


    (1)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

    (2)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

    (3)  ĠU C 308, 19.12.2007, p. 1.

    (4)  ĠU L 39, 14.2.1976, p. 40.


    Top