Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0884

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE) {SEG(2008) 3076}

/* KUMM/2008/0884 finali */

52008DC0884

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE) {SEG(2008) 3076} /* KUMM/2008/0884 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2008

KUMM(2008) 884 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE) {SEG(2008) 3076}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE)

1. Sfond u skop ta’ dan ir-rapport

Il-qafas Komunitarju għas-servizzi postali tal-UE huwa stipulat fid-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE (minn issa 'l quddiem “Id-Direttiva Postali”)[1]. L-Artikolu 23 tad-Direttiva Postali jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “kull sentejn”. Jitlob ukoll li dan ir-rapport għandu jinkludi “informazzjoni xierqa” dwar l-iżviluppi tas-suq inklużi l-aspetti tekniċi, soċjali, tal-impjieg u tal-kwalità tas-servizz.

Il-monitoraġġ u r-rappurtar regolari tas-suq huwa element importanti għall-kisba sħiħa ta’ Suq Intern postali sabiex ikunu identifikati kull nuqqas u problema fil-ħin u sabiex ikun jistgħu jittieħdu azzjonijiet (legali) xierqa meta meħtieġa u jkunu implimentati miżuri korrettivi. Il-monitoraġġ tas-suq kien essenzjali wkoll biex tkun tista’ titkompla r-Riforma Postali tal-UE b’mod trasparenti u biex ikun stabbilit jekk iġġeneratx l-effetti u l-benefiċċji mixtieqa. Ta’ min ifakkar li r-Rapporti tal-Applikazzjoni ta’ qabel kellhom rwol importanti fil-proċess leġiżlattiv tad-Direttiva 2008/6/KE.

Il-Kummissjoni pprovdiet l-ewwel Rapport tal-Applikazzjoni tagħha f’Novembru 2002[2], it-tieni Rapport tal-Applikazzjoni f’Marzu 2005[3] u t-tielet Rapport tal-Applikazzjoni f’Ottubru 2006[4]. L-istess bħal fil-każ tar-Rapporti tal-Applikazzjoni ta’ qabel, dan ir-Rapport jipprovdi evalwazzjoni komprensiva dwar it-traspożizzjoni ġenerali tad-Direttiva Postali fl-Istati Membri, inklużi l-applikazzjoni tal-elementi ewlenin tad-Direttiva Postali u l-iżviluppi regolatorji kif ukoll it-tendenzi dettaljati tas-suq (inklużi l-aspetti ekonomiċi, tekniċi, soċjali, tal-impjieg u tal-kwalità tas-servizz). Ir-Rapport jiddeskrivi l-iżviluppi ewlenin mill-aħħar Rapport tal-Applikazzjoni adottat f’Ottubru 2006 u jkopri l-perjodu tar-rappurtar mill-2006 sal-2008.

Ir-Rapport huwa akkumpanjat mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li fih informazzjoni aktar dettaljata dwar l-iżviluppi regolatorji u tas-suq. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali jippreżenta l-konklużjonijiet tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni f’forma konċiża. Ir-Rapport u l-analiżi dettaljata li hemm f’dan il-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni t-tnejn jirreferu għall-istudju riċenti tal-ECORYS dwar l-Iżviluppi Prinċipali fis-Settur Postali (2006-2008)[5].

Il-perjodu tar-rappurtar huwa ta’ rilevanza partikolari għas-settur postali fl-UE, peress li saru numru ta’ żviluppi deċisivi fil-perjodu ta’ żmien qasir li dan ir-Rapport ikopri: L-ewwel, il-Ġermanja – fil-wisa’ l-akbar suq postali uniku (nazzjonali) fl-UE – kompletament illiberalizzat is-suq postali tagħha fl-1 ta’ Jannar 2008. It-tieni, il-valutazzjoni tal-ftuħ komplet tas-suq fir-Renju Unit, li seħħet fl-1 ta’ Jannar 2006, issa tidher possibbli u fil-fatt saret minn esperti indipendenti fir-Renju Unit. It-tieletnett, issa jistgħu jkunu vvalutati l-effetti tat-tnaqqis tal-livell minimu għal qasam riservat għal 50 gramma sal-1 ta’ Jannar 2006 mal-UE kollha – li hija l-aħħar pass intermedjarju qabel il-ftuħ komplet tas-suq.

L-aħħar iżda mhux l-anqas ta’ min ifakkar li fi Frar 2008 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw id-Direttiva 2008/6/KE li tkompli temenda d-Direttiva Postali (minn issa 'l quddiem "It-Tielet Direttiva Postali")[6]. It-Tielet Direttiva Postali tistabbilixxi data għall- ftuħ komplet tas-suq sal-31 ta’ Diċembru 2010 għall-maġġoranza tal-Istati Membri (fil-fatt, 95% tas-swieq postali tal-UE f’termini ta’ volum) u sal-31 ta’ Diċembru 2012 għall-Istati Membri li baqa’. B’hekk it-Tielet Direttiva Postali tipprovdi l-bażi legali biex jinkiseb is-suq intern għas-servizzi postali. Din id-deċiżjoni importanti meħuda b’kunsens wiesa’ mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill mhux biss qiegħda tikkonkludi l-perjodu ta’ referenza ta’ dan ir-rapport iżda qiegħda wkoll iżżid perspettiva essenzjali miegħu. B’mod aktar modest l-iskop u l-ambitu ta’ dan ir-Rapport mhux biss li jipprovdi ħarsa fuq l-applikazzjoni tat-Tielet Direttiva Postali – li jkun jeħtieġ sforz sostanzjali tal-partijiet kollha interessati biex jidħol fis-seħħ – iżda li jirrapporta dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali kurrenti fuq il-perjodu tar-referenza. Madankollu, fejn ikun xieraq, opinjoni u tendenzi ser ikunu pprovduti.

2. L-importanza tas-servizzi postali u r-rwol li qed jinbidel tagħhom

Is-servizzi postali huma industrija sinifikanti fl-ekonomija tal-UE. Fl-2004, is-servizzi postali fl-UE qalgħu EUR 90 biljun jew madwar 1 % tal-PGD tal-UE[7]. Is-settur tas-servizzi postali huwa wkoll settur importanti li jħaddem madwar 1.6 miljun persuna impjegata direttament mill-operaturi fl-2006[8].

F’salib it-toroq bejn il-komunikazzjonijiet, ir-reklamar u t-trasport, flimkien mas-servizzi oħrajn tat-trasport, tal-loġistika u tal-komunikazzjoni, is-servizzi postali huma industrija ewlenija għall-ekonomika tal-UE. Barra minn hekk, is-servizzi postali jipprovdu għal benefiċċji soċjali li ma jistgħux ikunu kkwantifikati f’termini ekonomiċi. Huma mezz importanti li permezz tagħhom individwi jistgħu jikkomunikaw ma’ xulxin u jirċievu informazzjoni. Is-servizzi postali jitqiesu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Is-settur postali qiegħed jevolvi b’mod sostanzjali. Fl-aħħar tal-ewwel deċennju tal-millenju l-ġdid, l-operaturi postali qegħdin jiffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa mill-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni. Din qiegħda tisforzahom jadattaw in-negozju tagħhom biex jilqgħu aħjar il-bżonnijiet tal-klijent u jtejbu l-effiċjenza. Barra minn hekk, bil-ftuħ kontinwu tas-swieq tas-servizzi postali, l-operaturi postali diġà stabbiliti qegħdin jiffaċċjaw ukoll kompetizzjoni akbar minn operaturi ġodda. Bħala risposta għal dawn l-iżviluppi, l-operaturi postali tejbu l-effiċjenza tagħhom sostanzjalment billi rristrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom li b'hekk irriżultaw f'kontrolli tal-ispejjeż u l-kwalità ta' servizz aħjar. Ir-ristrutturazzjoni tal-proċessi tat-trattament tal-posta min-naħa l-oħra ta’ sikwit irriżultat fi jew kienet xprunata minn żvilupp ta’ prodotti u kunċetti ġodda.

Il-posta fiżika qiegħda tkun issupplimentata dejjem iżjed minn kunsinna b'diversi mezzi u soluzzjonijiet personalizzati għall-klijenti. Eżempju wieħed ta’ dan huwa l-iżvilupp ta’ servizzi postali ibridi li issa huma offruti minn bosta operaturi postali. Xi operaturi postali anke jmorru lil hinn minn dan u qed jidħlu fi swieq ta’ ma ġenbhom permezz tal-iżvilupp ta' servizzi informatiċi għall-klijenti tagħhom. L-iżvilupp ta’ servizzi ġodda u b’valur miżjud huwa reazzjoni għat-theddida tas-sostituzzjoni elettronika u l-opportunitajiet li jinħolqu mill-iżvilupp tat-teknoloġija.

Is-servizzi postali huma element kruċjali tal-politika ta’ suq uniku tal-UE u kienu inklużi wkoll fl-Istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi li kienet fundamentalment tnehdiet mill-ġdid fl-2005[9]. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar suq uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21[10] tenfasizza li l-inizjattivi fuq l-industriji tan-netwerks, bħas-servizzi postali, qegħdin juru riżultati effettivi hekk kif ikunu implimentati kompletament. Minkejja dan baqa’ iktar xi jsir. Hemm kunsens wiesa’ li l-provvista sostenibbli ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, b'mod speċjali dwar is-settur postali u l-industriji tan-netwerks liberalizzati oħrajn, tista' tkun żgurata l-aħjar f'suq kompetittiv u bl-iżvilupp tas-suq uniku Ewropew.

3. L-applikazzjoni tad-direttiva postali u l-iżvilupp regolatorju

L-Istati Membri kollha ittrasponew id-Direttiva 97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE permezz ta’ sensiela ta' liġijiet postali primarji u sekondarji. Meta mqabbel mas-sitwazzjoni deskritta fir-Rapport tal-Applikazzjoni tal-2006, l-Estonja, fejn it-traspożizzjoni kienet għadha għaddejja, issa wkoll ittrasponiet iż-żewġ Direttivi.

Madankollu, it-traspożizzjoni formali hija biss l-ewwel pass fl-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas Komunitarju. L-applikazzjoni prattika tad-dispożżizzjonijiet tad-Direttiva Postali u l-impatt tagħha fuq l-operaturi tas-servizz postali u fuq is-settur hija tal-istess importanza.

Matul il-perjodu tar-rappurtar nistgħu naraw l-iżviluppi regolatorji ewlenin li ġejjin.

- Il-Ġermanja fetħet is-suq postali tagħha kompletament mill-1 ta' Jannar 2008. Sa issa erba' Stati Membri għalhekk neħħew iż-żona riservata qabel id-data ppjanata mid-Direttiva Postali (il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit). Il-liberalizzazzjoni tas-suq postali tal-Ġermanja ħabtet mal-introduzzjoni ta’ paga minima statutorja fis-settur postali fil-Ġermanja. Skont l-ECORYS il-paga minima hija ogħla b’mod sinifikanti mill-pagi li bħalissa jitħallsu minn operatur(i) postali alternattiv(i) u l-introduzzjoni tagħha jista’ fil-fatt ikollu effett ħażin fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni.

- Madankollu, jidher li hemm ċertu tnaqqis marbut ma’ aktar ftuħ fis-suq. L-Olanda, li kienet ippjanat ftuħ komplet tas-suq issa pposponiet il-liberalizzazzjoni mingħajr ma stabbiliet data konkreta għall-ftuħ komplet tas-suq. Il-gvern Olandiż ippreżenta numru ta’ argumenti għal dan il-posponiment indefinit. Dawn jinkludu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-kompetituri ewlenin tal-operatur postali eżistenti Olandiż, in-nuqqas ta’ pjattaforma komuni għall-operaturi postali minħabba eżenzjonijiet mill-VAT[11] għall-operaturi postali eżistenti fil-Ġermanja u fir-Renju Unit u l-introduzzjoni ta’ paga minima fis-settur postali fil-Ġermanja li tgħolli l-ispejjeż ta’ operaturi ġodda fis-suq postali. Filwaqt li dawn l-argumenti jistgħu jkunu persważivi minn lat politiku, kull valutazzjoni legali trid tħares lejn il-kompatibbiltà tagħhom mal- acquis eżistenti u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tad-Direttiva Postali. Dan l-Artikolu jiddikjara li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jirriservaw servizzi lill-fornitur(i) tas-servizz universali biss sal-punt meħtieġ biex jassiguraw il-manteniment tas-servizz universali. B’hekk, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għas-sitwazzjonijiet reċiproċi jew elementi oħrajn preżenti fil-kuntest nazzjonali leġislattiv jew fattwali.

- Fir-rigward tal-iżvilupp tal-kompetizzjoni fis-settur postali, issa hemm tendenza lejn aċċess (mandatarju jew negozjat) għan-netwerk tal-kunsinna mill-kompetituri. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-operatur postali eżistenti għandu l-obbligu li jipprovdi aċċess suġġett għal termini u kundizzjonijiet xierqa, fejn dan huwa l-ewwelnett stabbilit permezz ta' negozjati u, jekk dawn ifallu, jistgħu (jew għandhom ikunu) stabbiliti mill-Awtorità Regolatorja Nazzjonali.

- Il-progress lejn it-tnaqqis ta’ barrieri legali għad-dħul u t-tqarrib tal-kundizzjonijiet kien imħallat. L-effett distorsiv tal-eżenzjonijiet postali tal-VAT fuq il-kompetizzjoni baqa’ kif kien, minkejja li l-Kummissjoni pproponiet emenda rilevanti għas-6 Direttiva tal-VAT[12] fl-2003. [13] In-nuqqas ta’ aċċess għal kaxxi tal-ittri minn operaturi postali kompetituri għadha kwistjoni kruċjali f’xi Stati Membri. Id-definizzjoni ta’ Obbligu ta’ Servizz Universali u l-iffinanzjar tiegħu tista’ twassal ukoll għal inċertezzi għall-operaturi postali, b’mod speċjali jekk l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali ma tipprovdix bażi legali ċara (eż. b’rabta mal-Obbligu ta’ Servizz Universali). Il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u l-proċeduri ta’ liċenzjar u kundizzjonijiet relatati mhux dejjem jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni. F’xi każijiet il-kundizzjonijiet relatati ma’ awtorizzazzjoni jew liċenzja jistgħu anke jitqiesu bħala projbizzzjoni, bħal per eżempju fil-Finlandja fejn operatur postali li jixtieq jikseb liċenzja huwa obbligat jipprovdi servizz universali sħiħ jew iħallas “taxxa” speċjali, li tista’ tlaħħaq minn 5 sa 20 % tal-bejgħ fis-sena tiegħu. Fil-fatt, l-iskema tal-liċenzjar effettivament waqqfet il-kompetizzjoni fil-kunsinna tal-posta indirizzata fil-Finlandja.

Osservazzjonijiet u konklużjonijiet oħrajn mir-Rapport tal-Applikazzjoni tal-2006 jibqgħu validi.

Il-livell ta’ trasparenza fid-dejta tal-ispejjeż u fil-kontabilità tal-Fornituri tas-Servizz Universali għadu varjat immens u għalhekk inkonsistenti ħafna madwar l-Istati Membri. Jidher li r-rekwiżiti ewlenin tal-Artikolu 14 tad-Direttiva Postali qegħdin jitħarsu (kontijiet separati għal kull wieħed mis-servizzi fil-qasam riservat minn naħa, u għas-servizzi mhux riservati min-naħa l-oħra). Madankollu, huwa anqas ċert jekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12, b’mod partikolari l-assigurazzjoni li t-tariffi għal kull servizz taħt l-obbligu għas-servizz universali ikunu relatati mal-ispiża, humiex qegħdin jitħarsu.

Kien ikkonfermat mil-leġislatur tal-Komunità li l-funzjoni effettiva tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali (NRAs) hija kruċjali biex jinkiseb suq intern għas-servizzi postali. Filwaqt li l-Istati Membri kollha formalment stabbilixxew NRAs indipendenti, wieħed jista’ jara li l-mandat, ir-riżorsi u s-setgħat tal-NRAs ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u hemm dubbji ġustifikati jekk l-NRAs kollha humiex armati sew biex jaqdu (b’effiċjenza) il-kompiti tagħhom.

4. Tendenzi tas-suq

Il-volumi tal-posta indirizzata komplew jikbru fis-suq postali mill-2004 sal-2006[14]. It-tkabbir fil-volum kellu enfażi akbar fl-Istati Membri l-ġodda li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u fl-2007 milli fost l-Istati Membri l-qodma. Fil-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2006 il-volumi tal-posta kibru b’6.5% bħala medja fl-Istati Membri l-ġodda mqabbel ma’ tkabbir medju ta’ 1.5% fil-ħmistax-il Stat Membru l-oħrajn. Is-suq postali qiegħed ikompli jevolvi lejn suq tad-distribuzzjoni b’direzzjoni waħda bil-posta li toriġina min-negozju tammonta għal medja ta’ 85% tal-volumi totali tal-posta.

Huwa mistenni li l-Istati Membri b’suq tal-posta anqas żviluppat ikompli jikber b’mod sostanzjali, b’potenzjal immarkat ta’ tkabbir b’mod partikolari dwar il-posta diretta hekk kif titjieb il-kwalità tal-livelli tas-servizz. Is-sitwazzjoni hija differenti fi Stati Membri bi swieq postali maturi. Uħud minn dawn l-Istati Membri xorta jistgħu jiksbu rati moderati ta’ tkabbir filwaqt li Stati Membri oħrajn bħar-Renju Unit u l-Olanda diġà kellhom esperjenzi ta' volumi neżlin ta' posta indirizzata f'dawn l-aħħar snin.

Il-kompetizzjoni fis-suq tal-posta tal-ittri qiegħda titfaċċa, iżda qiegħda tiżviluppa bil-mod, u l-kompetizzjoni sinifikattiva għadha trid toħroġ. L-ishma tas-suq tal-kompetituri, għalkemm qegħdin jikbru, għadhom f'livell baxx anke fi Stati Membri li illiberalizzaw kompletament is-swieq postali tagħhom. Il-kompetizzjoni fl-oqsma kollha hija żviluppata aktar mill-medja fi Spanja, l-Iżvezja, il-Ġermanja u l-Olanda. L-istima tas-sehem tas-suq tal-kompetituri f’dawn l-Istati Membri tvarja minn madwar 8% fi Spanja għal 9% fl-Iżvezja, 10% fil-Ġermanja u 14% fl-Olanda fl-2007. Fl-Istati Membri l-ġodda jidher żvilupp ta’ kompetizzjoni fl-oqsma kollha fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja u r-Rumanija. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħrajn il-partijiet tas-suq tal-kompetituri jibqgħu taħt it-2%, b’xi eċċezzjonijiet.

Fir-Renju Unit, li kompletament illiberalizzat is-suq postali tagħha fl-2006, il-kompetizzjoni fl-oqsma kollha tibqa' kważi insinifikanti, iżda l-kompetizzjoni żviluppat fil-parti tan-naħa ta' fuq tas-suq fejn il-kompetituri għandhom parti mis-suq ta’ madwar 20% tal-volum totali tal-posta indirizzata. L-NRA Postcomm tar-Renju Unit kienet partikolarment attiva fl-arranġament tal-aċċess u l-iżvilupp ta' skema ta' liċenzjar għal operaturi ġodda. Numru ta’ aspetti tas-sistema tal-aċċess u r-regolament tal-aċċess wasslu għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni tal-aċċess minflok kompetizzjoni fl-oqsma kollha fir-Renju Unit.

It-tnaqqis taż-żona riservata minn 100 gramma għal 50 gramma mill-1 ta’ Jannar 2006, li tirriżulta fil-ftuħ ta’ 7% aktar fis-suq tal-posta indirizzata, tidher li ma kellhiex wisq impatt fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni għax fetħet biss parti żgħira tas-suq postali f’termini ta' volumi. Il-ftuħ ta’ segmenti distinti tas-suq tal-posta indirizzata f’xi Stati Membri jidher aktar importanti mill-iżvilupp tal-kompetizzjoni peress li fetaħ aktar partijiet mis-suq postali għall-kompetituri, per eżempju, il-liberalizzazzjoni tal-posta diretta fl-Olanda, l-hekk imsejħa “liċenzja D” fil-Ġermanja (li tippermetti lill-kompetituri jipprovdu servizzi ta’ kunsinna b’valur miżjud fil-ġurnata ta’ wara sal-ftuħ tas-suq sħiħ) u l-liberalizzazzjoni tal-posta ibrida fil-Bulgarija.

L-iżvilupp ġeneralment bil-mod tal-kompetizzjoni jista’ jkun attribwit lejn il-barrieri legali, jiġifieri l-fatt li f'bosta Stati Membri ż-żona riżervata xorta tammonta għall-maġġoranza tal-volumi postali. Peress li l-ekonomiji ta’ skala għandhom rwol importanti fl-attivitajiet postali, ir-riservazzjoni tas-servizzi lill-operaturi postali eżistenti tagħmilha diffiċli li operaturi ġodda jiksbu volum biżżejjed biex huma wkoll jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala u li jikkompetu b’mod effiċjenti fis-suq postali.

Minbarra ż-żona riservata u aktar barrieri legali diġà msemmijin hawn fuq bħall-eżenzjoni postali mill-VAT, l-aċċess għall-kaxxi tal-ittri jew elementi oħrajn tal-infrastruttura postali f’xi Stati Membri u l-proċeduri tal-awtorizzazzjoni u tal-liċenzjar, jista’ jkun hemm ukoll barrieri strateġiċi li jfixklu l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Barrieri strateġiċi jistgħu jinħolqu b'mod partikolari minn imġiba abbużiva (allegata) tal-fornitur tas-servizzi postali li għandu dominanza fis-suq bħal per eżempju kuntratti ta’ esklussività, diskriminazzjoni fil-prezz, bonusis tal-lealtà u “bundling and tying”.

5. L-impatt fuq is-suq tad-Direttiva Postali

Ir-riforma postal tal-UE li bdiet fl-1992 bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar l-iżvilupp ta’ suq uniku għas-servizzi postali kellha impatt sinifikanti ħafna fuq il-provvista tas-servizzi postali u s-settur postali. Id-Direttiva Postali u l-applikazzjoni tagħha mill-Istati Membri wasslu biex titjieb il-kwalità tas-servizz u assiguraw il-provvista ta’ servizz universali aċċessibbli għall-klijenti kollha. Il-provvista ta’ servizz postali universali ta’ kwalità għolja u affordabbli qiegħda tkun ipprovduta mal-Unjoni Ewropea kollha mill-anqas ħames darbiet fil-ġimgħa, b’xi eċċezzjonijiet limitati biss minħabba kundizzjonijiet ġeografiċi.

Minħabba l-impatt regolatorju u tas-suq tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Postali u l-ftuħ gradwali tas-suq, qiegħda tiżviluppa kompetizzjoni fis-suq tal-posta tal-ittri. Il-partijiet tas-suq tal-kompetituri fit-taqsima tal-posta indirizzata żdiedu b’mod konsiderevli f’bosta Stati Membri mill-2004 sal-2007. Il-ftuħ tas-suq u l-introduzzjoni tal-kompetizzjoni huma l-istrumenti ewlenin għall-ħolqien ta’ xogħlijiet u l-ksib ta’ servizzi aħjar għall-klijenti. Madankollu, il-kompetizzjoni sinifikattiva għad trid titfaċċa, u l-barrieri identifikati (jew li qed joħorġu) għad-dħul għandhom ikunu indirizzati b’mod effiċjenti.

Bis-saħħa tal-ftuħ gradwali tas-suq kif ipprovdut mid-Direttiva Postali u l-isfida tal-kompetizzjoni, l-operaturi postali eżistenti komplew jimmodernizzaw l-operazzjonijiet tagħhom matul il-perjodu tar-rappurtar u għamlu sforzi kbar fir-ristrutturazzjoni biex ikabbru l-effiċjenza. L-operaturi postali dejjem qegħdin jimxu aktar lejn provvista ta’ servizzi postali bbażata fuq is-suq u orjentata lejn il-klijent.

Bħala medja, il-kwalità tas-servizz – imkejjel bħala ħin ta' kunsinna - baqgħet għolja matul il-perjodu tar-rappurtar u taqbeż sew l-miri tal-prestazzjoni stabbiliti mid-Direttiva Postali għall-kunsinna ta' 85% tal-posta bejn il-fruntieri ġewwa l-UE fi tlett ijiem u ta’ 97% f’ħamest ijiem. Fl-2007, 94% tal-posta bejn il-fruntieri ġewwa l-UE twasslet fi żmien tlett ijiem, prattikament mingħajr tibdil mill-2006.

6. Konklużjonijiet

Matul il-perjodu tar-rappurtar il-ftuħ gradwali tas-suq tas-settur postali kompla u l-Ġermanja lliberalizzat kompletament is-suq postali tagħha. Il-kompetizzjoni kompliet tevolvi. Madankollu, l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bil-benefiċċji tagħha għan-negozji u l-konsumaturi - għalkemm qed titfaċċa – għadu miexi aktar bil-mod milli mistenni. Dan, min-naħa l-oħra, huwa dovut għall-fatt li parti kbira mis-suq postali hija riservata għall-operaturi postali eżistenti. L-adozzjoni tat-Tielet Direttiva Postali għandha titqies bħala l-pass deċisiv f’dan ir-rispett għax tipprovdi għat-tneħħija tal-aħħar monopolji legali u tirrappreżenta opportunità unika għas-settur postali u għall-ekonomija kollha. Il-kompetizzjoni li qed titfaċċa, kif diġà identifikata fl-Istati Membri li fetħu kompletament is-suq tagħhom, twassal għal kwalità aħjar u servizzi postali aktar orjentati lejn il-klijent.

Iżda minbarra ż-żona riservata, għadhom jeżistu barrieri (legali u strateġiċi) oħrajn għad-dħul fis-suq. Biex il-viżjoni ta’ suq intern b’servizzi postali sostenibbli u effiċjenti ssir realtà, dawn il-barrieri tas-suq għandu jkunu ttrattati b’mod effiċjenti u jitneħħew. Din hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kif ukoll tal-partijiet interessati. Hija essenzjali li tkun stabbilita sistema ta' regolazzjoni effiċjenti fl-Istati Membri kollha u li l-leġiżlazzjoni postali nazzjonali ma tipprovdix piż fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni u l-impatt pożittiv tagħha fuq il-bżonnijiet tal-klijenti.

F’dan il-kuntest, ta’ min ifakkar li fl-2003 il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill biex titneħħa l-eżenzjoni tal-VAT fuq il-posta u tipprovdi għal taxxa fuq il-fornituri kollha tas-servizz postali. Madankollu l-Kunsill għadu ma jistax jaqbel fuq din il-proposta u ma kinetx diskussa mill-2004 s'issa. L-adozzjoni ta' din il-proposta issa hija ħafna aktar urġenti peress li t-Tielet Direttiva Postali tistabbilixxa data definittiva għal-liberazzjoni sħiħa tas-swieq postali nazzjonali. Tkun interessanti jekk wieħed iżid li talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi postali bħalissa tinsab quddiem l-ECJ (Każ C-357/07).

Ġie stabbilit li l-NRAs għandhom rwol essenzjali biex jilħqu l-għan li jinkiseb is-Suq Intern u f’ambjent b’diversi operaturi. L-isfidi ewlenin li ġejjin għall-NRAs se jkunu, fost oħrajn, li jorganizzaw l-interoperabilità f’suq b’diversi operaturi, li jieħdu azzjoni kontra barrieri strateġiċi għad-dħul u li jiżguraw li t-tariffi ikunu aktar konnessi mal-ispejjeż. Sabiex l-NRAs jitħallew iwettqu l-kompiti tagħhom b’suċċess, l-esperjenza u l-persunal tal-NRAs għandhom jiżdiedu f’ħafna mill-Istati Membri. Dan kien ukoll element enfasizzat fid-Direttiva 2008/6/KE.

L-enfasi tas-settur postali għas-snin li ġejjin huwa ċar ħafna. Ma jistax joqgħod esklussivament fuq il-proċess tat-traspożizzjoni tat-Tielet Direttiva Postali. Il-monitoraġġ tas-suq u l-valutazzjoni kritika tal-applikazzjoni tad-Direttiva Postali kurrenti hija ta’ importanza ewlenija. L-Istati Membri, b’mod speċjali l-NRAs tagħhom, għandhom jiddedikaw l-attenzjoni kollha tagħhom għat-traspożizzjoni tat-Tielet Direttiva Postali, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw regolazzjoni effiċjenti taħt id-Direttiva Postali applikabbli bħalissa. Din il-fażi li ġejja – peress li tikkonċerna t-tranżizzjoni minn bosta sistemi legali għal waħda biss – hija ta’ importanza kruċjali.

Fuq il-bażi tal-impenji mil-leġislatur tal-Komunità u l-obbligazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni se tieħu sehem b’mod attiv f’dawn il-proċessi billi tipprovdi l-Istati Membri bl-opportunità li jistabbilixxu l-aħjar prattiki regolatorji u fl-istess ħin ikomplu bil-monitoraġġ attiv u trasparenti tas-suq sabiex jissalvagwardjaw l-għanijiet tar-riforma postali tal-UE.

[1] Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar ir-regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, ĠU L 15, 21.01.1998, p. 14; id-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE rigward il-ftuħ ulterjuri għall-kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji, ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21.

[2] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali (97/67/KE), COM (2002) 632 finali.

[3] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali (97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE), COM (2005) 102 finali u SEC(2005) 388.

[4] Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva Postali (97/67/KE kif emendata mid-Direttiva 2002/39/KE), COM (2006) 595 finali u SEC(2006) 1293.

[5] Dan l-istudju se jkun disponibbli fuq il-websajt li ġejja:http://ec.europa.eu/internal_market/post/studies_en.htm.

[6] Id-Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji, ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3.

[7] "L-iżviluppi prinċipali fis-settur postali Ewropew (2004-2006)", WIK-Consult, Mejju 2006.

[8] "L-iżviluppi prinċipali fis-settur postali Ewropew (2006-2008)", ECORYS, 2008.

[9] Konklużjonijiet tal-Presidenza, Kunsill Ewropew ta’ Brussel, 22/23 ta’ Marzu 2005.

[10] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21, COM(2007) 724 finali:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2007/com2007_0724en01.pdf

[11] Aktar dwar il-kwistjoni tal-eżenzjoni mill-VAT hawn taħt u fil-punt 3.5.3. tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

[12] Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq il-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi tal-istima, ĠU 1977 L 145, p.1, li nbidlet mill-1 ta’ Jannar 2007 bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva tal-aħħar hija effettivament kitba mill-ġdid tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tal-1977 kif emendati matul is-snin.

[13] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq is-servizzi pprovduti fis-settur postali, COM(2003) 234 finali, kif emendata mill-COM (2004) 468 finali.

[14] L-aħħar dejta disponibbli; ECORYS, 2008.

Top