Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0882

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni - Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining tal-kanċer (2003/878/KE)

/* KUMM/2008/0882 finali */

52008DC0882

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni - Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining tal-kanċer (2003/878/KE) /* KUMM/2008/0882 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 22.12.2008

COM(2008) 882 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Implimentazzjonitar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining tal-kanċer(2003/878/KE)

DAħLA

Introduzzjoni

Nhar it-2 ta' Diċembru 2003 il-Ministri tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea adottaw b'mod unanimu Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer[1]. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tagħraf kemm is-sinifikat tal-piż tal-kanċer fil-popolazzjoni Ewropea kif ukoll l-evidenza għall-effettività tal-iskrining tal-kanċer kolorettali, ċervikali u tas-sider fit-tnaqqis tal-piż tal-marda.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tispjega l-prinċipji fundamentali tal-aħjar prassi fl-identifikazzjoni bikrija tal-kanċer u tistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni komuni biex jimplimentaw il-programmi nazzjonali għall-iskrining tal-kanċer b'approċċ imsejjes fuq il-popolazzjoni u b'assigurazzjoni xierqa tal-kwalità fil-livelli kollha, filwaqt li jqisu l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Iskrining tal-Kanċer, fejn dawn jeżistu. Il-linji gwida aġġornati u miżjuda tal-UE għall-iskrining tal-kanċer tas-sider[2] u dak ċervikali[3] ġew ippubblikati dan l-aħħar mill-Kummissjoni; bħalissa qed jitħejjew linji gwida komprensivi Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskrining tal-kanċer kolorettali.

Fl-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE[4], ġie enfasizzat ukoll l-iżvilupp ta' linjigwida ġodda dwar l-iskrining tal-kanċer bħala mezz biex titrawwem saħħa tajba f'Ewropa b'popolazzjoni dejjem ixjeħ. L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ġiet appoġġjata wkoll mill-Parlament Ewropew permezz ta' riżoluzzjonijiet adottati fl-2003[5], 2006[6] u 2008[7].

Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' programmi għall-iskrining tal-kanċer, biex tqis kemm il-miżuri proposti qed jaħdmu b'mod effettiv, u biex tqis il-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri. Dan huwa l-ewwel rapport ta' din ix-xorta.

Il-bażi tar-rapport

Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jwieġbu għal stħarriġ bil-miktub matul it-tieni nofs tal-2007. 22 mis-27 Stat Membru (82 %) irritornaw il-kwestjonarju sa minn Mejju 2008 (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit).

Dan l-istħarriġ ġie ssupplimentat minn tagħrif miksub f'żewġ proġetti li għaddejjin bħalissa appoġġjati mill-programm dwar is-Saħħa Pubblika tal-UE (2003-2008[8]) u li jittrattaw il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskrining tal-kanċer: in-Netwerk Ewropew tal-Kanċer (ECN); u n-Netwerk Ewropew għat-Tagħrif dwar il-Kanċer (EUNICE).

L-istatistika tal-popolazzjoni nkisbet mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika, jew minn għejun nazzjonali jekk kien hemm disponibbli dejta aktar riċenti. Ġie diskuss ukoll sejbien preliminari mal-ministri tas-saħħa fil-kunsill informali tas-saħħa taħt il-Presidenza Slovena f'April 2008, u wara dan bosta Stati Membri taw aktar tagħrif. Dan ippermetta li jsir rappurtar dwar l-istatus ta' implimentazzjoni tal-programm għal 27 mis-27 Stat Membru. Il-konklużjonijiet dettaljati miġbura u analizzati min-Netwerk Ewropew tal-Kanċer ġew ukoll ippubblikati separatament (ir-Rapport tal-ECN[9]).

Il-piż relattiv tal-kanċer bħala parti mill-piż kumplessiv tal-marda

Wara l-mard ċirkulatorju, il-kanċer huwa t-tieni l-aktar kawża komuni ta' mewt fl-Unjoni Ewropea fl-2006, li jammonta għal tnejn minn għaxart imwiet fost in-nisa, li jammontaw għal numru totali ta' 554 000 mara, u tlieta minn għaxart imwiet fost l-irġiel, li jammontaw għal 698 000 raġel (Figura 1a). Minħabba l-popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ, dan in-numru huwa mistenni li jiżdied aktar kull sena, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni preventiva mill-KE u mill-Istati Membri.

[pic]

Sors: EUROSTAT 2006

Fir-rigward ta' każijiet tal-kanċer, kull sena, 3,2 miljun Ewropew jiġu ddijanjostikati li għandhom kanċer, u ħafna minnhom ikunu jbatu minn kanċer kolorettali, tas-sider jew tal-pulmun. Iżda l-piż tal-kanċer mhuwiex mifrux b'mod indaqs madwar l-Unjoni Ewropea (għad-dettalji ara l-punt 1.5 hawn taħt)[10].

Kif muri mid-differenzi nazzjonali fil-mortalità mill-kanċer, hemm lok konsiderevoli biex jitnaqqsu l-imwiet mill-kanċer madwar il-Komunità permezz ta' qsim ta' tagħrif u skambju tal-aħjar prassi fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer f'livell tal-UE. Il-kooperazzjoni tal-UE tista' għalhekk tagħti valur miżjud sinifikanti, kif żviluppat taħt l-"Ewropa kontra l-Kanċer” sa mill-1987 għall-qasam tal-iskrining tal-kanċer b'mod partikolari.

Il-piż speċifiku tal-kanċer kolorettali, ċervikali u tas-sider

Il-kanċer kolorettali, ċervikali u tas-sider huwa kawża ewlenija ta' tbatija u mewt fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea10. Skont l-estimi ta' inċidenza u mortalità mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), kien hemm 331 000 każ ġdid u 90 000 mewta dovuta għal kanċer tas-sider, u 36 500 każ ġdid u 15 000 mewta dovuta għal kanċer ċervikali[11] fost in-nisa fl-UE fl-2006. Fl-istess waqt każijiet ġodda ta' kanċer kolorettali kienu stmati li jlaħħqu madwar 140 000 fost in-nisa u 170 000 fost l-irġiel. L-imwiet minn kanċer kolorettali kienu stmati li jlaħħqu madwar 68 000 fost in-nisa u 78 000 fost l-irġiel fl-UE. Flimkien, dawn il-każijiet ta' kanċer jammontaw għal kważi wieħed minn żewġ (47 %) każijiet ġodda u wieħed minn tlett (32 %) imwiet mill-kanċer fost in-nisa fl-UE. Fost l-irġiel, il-kanċer kolorettali bħalissa jammonta għal wieħed minn tmien (13 %) każijiet ġodda u wieħed minn disat (11 %) imwiet mill-kanċer (Figuri 1b u 1c).

[pic]

[pic]

Id-diversità tar-rati tal-kanċer fl-UE27 10

Ir-rati ta' inċidenza u mortalità ta' dawn it-tipi ta' kanċer ivarjaw ferm madwar l-UE, filwaqt li jirriflettu piż sanitarju kbir f'diversi Stati Membri.

Skont l-estimi tal-IARC l-ogħla rata ta' inċidenza ta' kanċer tas-sider hija 137,8[12] għall-Belġju, b'rata ta' mortalità ta' 33,5, filwaqt li l-ogħla rata ta' mortalità hija 34,5 għad-Danimarka, b'rata ta' inċidenza ta' 122,6. L-aktar rata ta' inċidenza baxxa li hi stmata għal kanċer tas-sider hija 61,2 għar-Rumanija b'rata ta' mortalità ta' 23,9 u l-aktar rata baxxa ta' mortalità hija 19,2 għal Spanja b'rata ta' inċidenza ta' 93,6.

Il-piż tal-mard huwa mifrux partikolarment b'mod irregolari fil-każ tal-kanċer ċervikali. Għall-kanċer ċervikali l-IARC tistma l-ogħla rata ta' inċidenza bħala 24,5 għar-Rumanija bl-ogħla rata ta' mortalità ta' 17,0. L-aktar rata ta' inċidenza baxxa hija 4,9 għall-Finlandja u fl-istess waqt il-Finlandja tgawdi mill-aktar rata ta' mortalità baxxa ta' 1,6. Il-proporzjon ta' każijiet ta' kanċer u mwiet attribwiti għal dan il-kanċer huwa notevolment elevat fl-Istati Membri kollha li ssieħbu fl-UE fl-2004 u fl-2007, minbarra wieħed.

Għall-kanċer kolorettali l-ogħla rata ta' inċidenza hija 106,0 għall-Ungerija, li barra minn dan għandha l-ogħla rata ta' mortalità ta' 54,4. L-aktar rata ta' inċidenza baxxa għall-kanċer kolorettali hija 31,0 għall-Greċja, li fl-istess waqt tgawdi mill-aktar rata ta' mortalità baxxa ta' 15,5.

RIżULTATI

Sinteżi tar-riżultati

Il-mapep hawn taħt juru l-kopertura attwali ta' programmi ta' skrining imsejsa fuq il-popolazzjoni madwar l-UE.

Il-firxa ta ' Programmi għall-Iskrining tal-Kanċer tas-Sider Imsejsa fuq il-Mammografija fl-UE fl-2007

[pic]

Figura 2. Il-programmi għall-iskrining tal-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea fl-2007, skont it-tip ta' programm (imsejjes fuq il-popolazzjoni; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni; l-ebda programm) u l-istatus ta' implimentazzjoni tal-pajjiż (imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali, tnedija li tlestiet jew għadha għaddejja, fażi pilota u/jew fażi ta' tħejjija; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali). Il-programmi murija jużaw it-test tal-iskrining (mammografija) irrakkomandat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-20031.

Sors: ECN9

Il-firxa ta ' Programmi għall-Iskrining Ċervikali msejsa fuq iċ-Ċitoloġija Ċervikali fl-UE fl-2007

[pic]

Figura 3. Il-programmi għall-iskrining tal-kanċer ċervikali fl-Unjoni Ewropea fl-2007, skont it-tip ta' programm (imsejjes fuq il-popolazzjoni; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni; l-ebda programm) u l-istatus ta' implimentazzjoni tal-pajjiż (imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali, tnedija li tlestiet jew għadha għaddejja, fażi pilota u/jew fażi ta' tħejjija; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali). Il-programmi murija jużaw it-test tal-iskrining (PAP smear) irrakkomandat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-20031.

Sors: ECN9

Il-Firxa ta ' Programmi għall-Iskrining tal-Kanċer Kolorettali Msejsa fuq it-Test tad-Demm Okkult fil-Feċi fl-UE fl-2007

[pic] Figura 4. Il-programmi għall-iskrining tal-kanċer kolorettali msejsa fuq il-FOBT (it-test tad-demm okkult fil-feċi) fl-Unjoni Ewropea fl-2007, skont it-tip ta' programm (imsejjes fuq il-popolazzjoni; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni; l-ebda programm) u l-istatus ta' implimentazzjoni tal-pajjiż (imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali, tnedija li tlestiet jew għadha għaddejja, bi prova u/jew pjan; mhux imsejjes fuq il-popolazzjoni: fil-livell nazzjonali jew reġjonali). Il-programmi murija jużaw it-test tal-iskrining irrakkomandat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2003.

Sors: ECN9

Kif jindikaw it-tliet mapep hawn fuq, minkejja li sar ħafna progress, jeħtieġ li jsir aktar:

- Għall-kanċer tas-sider, 22 Stat Membru biss qegħdin iħaddmu jew iwaqqfu programmi ta' skrining imsejsa fuq il-popolazzjoni;

- Għall-kanċer ċervikali, 15-il Stat Membru biss;

- Għall-kanċer kolorettali, 12-il Stat Membru biss.

Il-volum attwali kull sena ta' eżamijiet ta' skrining fl-UE huwa konsiderevoli; madankollu, dan il-volum huwa anqas min-nofs in-numru minimu kull sena ta' eżamijiet li jkunu mistennija jekk it-testijiet tal-iskrining speċifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining tal-kanċer ikunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE ta' età xierqa (kważi 125 miljun eżami kull sena). Barra minn hekk, anqas min-nofs il-volum attwali ta' eżamijiet (41 %) jitwettaq fi programmi msejsa fuq il-popolazzjoni li jipprovdu l-qafas organizzattiv għall-implimentazzjoni ta' assigurazzjoni ta' kwalità komprensiva kif meħtieġ mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

L-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill mill-Istati Membri

L-implimentazzjoni ta ' programmi għall-iskrining tal-kanċer

L-ewwel taqsima tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tinkludi sett ta' salvagwardji, standards tekniċi, etiċi u legali li għandhom jiġu segwiti meta jiġu implimentati l-programmi ta' skrining fl-Istati Membri. Din tkopri sett ta' tmien rakkomandazzjonijiet li jiżguraw bażi ta' evidenza soda għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' skrining, l-għarfien tal-linjigwida tal-UE dwar l-aħjar prassi, l-osservazzjoni tal-istandards etiċi meta jiġu kkomunikati l-benefiċċji u r-riskji u l-kapaċità li tiġi segwita b'mod adegwat kull ħsara osservata permezz tal-iskrining, u l-aħħar iżda mhux l-anqas il-livell meħtieġ ta' ħarsien tad-dejta. Bosta minn dawn it-tmien rakkomandazzjonijiet, li jittrattaw speċifikament it-twaqqif ta' programmi ta' skrining, huma rrapportati li qegħdin jiġu segwiti minn għall-inqas tnejn minn kull tliet Stati Membri (67 %).

Ir-reġistrazzjoni u l-ġestjoni tad-dejta tal-iskrining

It-tieni taqsima tinkludi sett ta' erba' rakkomandazzjonijiet li jiżguraw il-funzjonament tajjeb ta' kull programm ta' skrining b'assigurazzjoni tal-kwalità li jeħtieġ sistema elettronika ta' kuntatt frekwenti kif ukoll il-ġbir, il-ġestjoni u l-valutazzjoni tad-dejta kollha li ġejja mit-testijiet tal-iskrining.

Huwa rrapportat li dawn il-punti qed jiġu segwiti minn proporzjon kbir ħafna tal-Istati Membri li wieġbu. Tmintax minn 22 (82 %) jużaw sistemi ta' dejta ċentralizzati kif ukoll sistemi ta' kuntatt frekwenti għall-ġestjoni tal-programmi u biex jiġu mistiedna l-persuni kollha fil-mira, rispettivament. Għoxrin minn 22 (91 %) Stat Membru jirrapportaw li d-dejta hija miġbura, ġestita u vvalutata mhux biss fuq il-bażi tar-riżultati tal-iskrining, iżda wkoll fuq l-evalwazzjoni ta' persuni b'riżultati pożittivi tal-iskrining u fuq id-dijanjożi. L-istess konformità għolja hi rrapportata għat-trattament tad-dejta f'konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-ħarsien tad-dejta, b'mod partikolari billi din tapplika għad-dejta personali dwar is-saħħa, qabel l-implimentazzjoni ta' programmi għall-iskrining tal-kanċer.

Monitoraġġ

It-tielet taqsima tinkludi tliet rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-bażi neċessarja għall-assigurazzjoni tal-kwalità permezz ta' monitoraġġ regolari tal-programmi tal-iskrining.

Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jindikaw li jikkonformaw ma' tnejn mit-tliet punti speċifiċi f'din it-taqsima marbuta mal-monitoraġġ ta' programmi tal-iskrining, il-konformità kienet sostanzjalment aktar baxxa minn dik għall-biċċa l-kbira tal-punti fit-taqsimiet l-oħra kollha (għajr is-sitt taqsima).

Fir-rigward tal-punt 3 (a) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, 55 % biss tal-Istati Membri li wieġbu jirrapportaw li l-proċess u r-riżultat tal-iskrining organizzat huma mmonitorjati regolarment minn reviżjoni indipendenti bejn il-pari u 59 % jindikaw li r-riżultati huma rrapportati malajr lill-pubbliku ġenerali u lill-istaff responsabbli għall-iskrining. Il-proporzjonijiet aktar baxxi tal-Istati Membri li wieġbu, li jwettqu dan it-tip ta' monitoraġġ jirriflettu l-applikabbiltà limitata tal-mistoqsijiet rispettivi fl-istħarriġ tal-UE għall-Istati Membri fejn il-programmi għall-iskrining tal-kanċer imsejsa fuq il-popolazzjoni għadhom ma nbdewx. Il-proporzjon komparattivament baxx ħafna tal-Istati Membri li jirrapportaw li r-reġistri nazzjonali tal-kanċer jimmonitorjaw il-programmi tal-iskrining (45 %) se jkollu jiġi esplorat aktar.

Taħriġ

Ir-raba' taqsima tinkludi rakkomandazzjoni waħda li tenfasizza l-importanza tat-taħriġ għall-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa involuti fil-programmi tal-iskrining.

Hi rrapportata konformità għolja ħafna għar-raba' taqsima tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li għandha x'taqsam mat-taħriġ. Għoxrin minn 22 Stat Membru (91 %) jirrapportaw li l-persunal responsabbli għall-programm tal-iskrining huwa mħarreġ b'mod adegwat fil-livelli kollha biex ikun żgurat li dan kapaċi joffri skrining ta' kwalità għolja.

Konformità

Il-ħames taqsima tinkludi żewġ rakkomandazzjonijiet li jfittxu konformità għolja għall-popolazzjoni inkluża azzjoni speċjali biex jiġi żgurat aċċess indaqs għal gruppi tal-popolazzjoni soċjoekonomiċi partikolari u vulnerabbli.

Proporzjon għoli tal-Istati Membri jindikaw li jaderixxu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Għoxrin minn 22 Stat Membru (91 %) jirrapportaw li l-popolazzjoni eliġibbli titlob livell għoli ta' konformità meta jiġi offrut skrining organizzat. Tmintax minn 22 Stat Membru (82 %) jirrapportaw li tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat aċċess indaqs għall-iskrining, filwaqt li titqies b'mod xieraq il-ħtieġa possibbli li jiġu mmirati gruppi soċjoekonomiċi partikolari.

Introduzzjoni ta' testijiet ġodda tal-iskrining

Is-sitt taqsima tinkludi sett ta' ħames rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu ġestiti u implimentati l-metodi ġodda ta' skrining għal żewġ sitwazzjonijiet distinti: it-testijiet ġodda tal-iskrining u l-varjazzjonijiet jew it-titjib tat-testijiet tal-iskrining irrakkomandati u elenkati fl-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining tal-kanċer.

Madwar 11 mit-22 Stat Membru (50 %) jirrapportaw aderenza għall-punti rispettivi fis-sitt taqsima tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tittratta l-introduzzjoni ta' testijiet ġodda tal-iskrining filwaqt li tqis ir-riżultati tar-riċerka internazzjonali.

KONKLUżJONIJIET

Erba' snin wara li l-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea adotta Rakkomandazzjoni dwar l-Iskrining tal-Kanċer, bosta Stati Membri ħadu azzjoni fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni u beħsiebhom jieħdu azzjoni ulterjuri fejn l-implimentazzjoni tkun għadha mhix kompluta. Għaldaqstant, il-formulazzjoni ta' prinċipji u prijoritajiet konġunti tal-politika tas-saħħa fil-livell Ewropew ġiet segwita minn azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri biex jiġu implimentati l-politiki u l-prijoritajiet komuni.

Madankollu, u minkejja dawn l-isforzi sostanzjali, b'mod ġenerali l-UE għadha tinsab nofs triq lejn l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Ftit inqas min-nofs il-popolazzjoni li għandha tkun koperta mill-iskrining skont ir-Rakkomandazzjoni hija hekk fir-realtà; u anqas min-nofs ta' dawk l-eżamijiet jitwettqu bħala parti mill-programmi ta' skrining li jikkonformaw mal-istipulazzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni.

Dan juri l-ħtieġa għal sforzi akbar fl-Istati Membri, appoġġjati mill-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll appoġġ professjonali, organizzattiv u xjentifiku għall-Istati Membri li jridu jimplimentaw jew itejbu l-programmi tal-iskrining imsejsa fuq il-popolazzjoni. Hu mistenni valur miżjud sostanzjali permezz ta' dan it-tip ta' appoġġ u tal-isforzi addizzjonali biex titjieb u tinżamm il-kwalità għolja tal-programmi tal-iskrining.

Il-ħidma tkompli tgħin fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Pereżempju, permezz tal-iżvilupp u t-tmexxija ta' skemi ta' akkreditament/ċertifikazzjoni mal-UE kollha[13] għal servizzi ta' skrining imsejsa fuq linji gwida tal-UE għall-assigurazzjoni tal-kwalità tal-iskrining tal-kanċer, il-programmi jkunu jistgħu jikkonċentraw l-isforzi fuq il-kisba tal-istandards tal-UE. Dan, imbagħad, ikun jippermetti li l-Istati Membri jaħsdu l-potenzjal tal-iskrining imsejjes fuq il-popolazzjoni biex jitnaqqas il-piż tal-kanċer fil-popolazzjoni.

Minkejja li l-volum attwali ta' attivitajiet għadu 'l bogħod mil-livell li jista' jkun mistenni fil-ġejjieni, in-nefqa attwali fir-riżorsi umani u finanzjarji diġà hija konsiderevoli. Jinħtieġ għaldaqstant sforz sostnut fil-livell Komunitarju kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri bl-għan li jiġu identifikati miżuri xierqa u effettivi biex jiżguraw il-kwalità, l-effettività u l-effiċjenza ekonomika ta' attivitajiet tal-iskrining attwali u dawk fil-ġejjieni, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi. L-investigazzjoni regolari u sistematika, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta' programmi għall-iskrining tal-kanċer mal-UE kollha se jkomplu jappoġġjaw l-iskambju ta' tagħrif dwar żviluppi ta' suċċess u jidentifikaw punti dgħajfa li jeħtieġu titjib.

Il-kanċer għadu jirrappreżenta wieħed mill-akbar piżijiet fir-rigward tal-problemi tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea. Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer tirrappreżenta impenn komuni fl-UE kollha biex jittieħdu passi prattiċi biex jitnaqqas dan il-piż fil-prattika, fl-interess taċ-ċittadini individwali u tal-familji tagħhom kif ukoll tas-soċjetà kollha kemm hi. Kif juri dan ir-Rapport, id-dħul fis-seħħ ta' dawn il-miżuri ta' skrining huwa biċċa xogħol iebsa, u tinħtieġ aktar ħidma biex tiġi implimentata b'mod sħiħ din ir-Rakkomandazzjoni.

Dan l-isforz jindirizza biss aspett wieħed tal-azzjoni kontra l-kanċer. Azzjonijiet biex jimmonitorjaw aħjar u jipprevjenu l-kanċer fil-livell tal-Komunità u tal-Istati Membri jistgħu jgħinu biex jonqos in-numru ta' każijiet ġodda; l-applikazzjoni tal-aħjar prassi fir-rigward tat-trattament tista' tgħin biex tiżgura riżultati aħjar għal persuni bil-kanċer, kif tista' tagħmel il-kooperazzjoni Ewropea fir-rigward tar-riċerka dwar il-kanċer għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni se tqis ukoll jekk huwiex meħtieġ aktar appoġġ u liema tip ta' appoġġ jista' jingħata lill-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi oħra relatati mal-isfidi tal-kanċer għall-ġejjieni.

Fl-2009 il-Kummissjoni beħsiebha tniedi partenarjat għal azzjoni kontra l-kanċer. Dan il-partenarjat beħsiebu jdaħħal fis-seħħ impenji mal-UE kollha dwar azzjoni konkreta għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer u b’hekk jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fit-trattament tal-kanċer. Dan se jimmira li jappoġġja lill-Istati Membri billi jipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-qsim ta’ tagħrif, kapaċità u għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, u billi jinvolvi partijiet interessati rilevanti fl-Unjoni Ewropea kollha fi sforz kollettiv biex jitnaqqas il-piż ta’ problemi tas-saħħa li jirrappreżenta l-kanċer.

[1] Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2003 dwar l-Iskrining tal-Kanċer (2003/878/KE): ĠU L 327/34-38.

[2] Linji gwida tal-UE għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrining u d-dijanjożi tal-kanċer tas-sider – ir-raba’ edizzjoni: Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; ISBN: 92–79–01258–4, in-numru tal-katalogu: ND-73–06–954-EN-C © Il-Komunitajiet Ewropej, 2006.

[3] Linjigwida tal-UE għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iskrining ċervikali – it-tieni edizzjoni: Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej; ISBN 978-92-79-07698-5, in-numru tal-katalogu: ND-70-07-117-EN-C © Il-Komunitajiet Ewropej, 2008.

[4] Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013, COM(2007) 630 finali tat-23.10.2007.

[5] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea (P5_TA(2003)0270): ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 611.

[6] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra (P6_TA(2006)0449 B6-0528/2006): ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 273.

[7] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra (P6_TA(2008)0121).

[8] Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tadotta programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008): ĠU L 271/1-11 tad-9.10.2002.

[9] L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Iskrining tal-Kanċer min-Netwerk Ewropew tal-Kanċer u n-Netwerk Ewropew għat-Tagħrif dwar il-Kanċer: il-Lussemburgu (http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/genetics/documents/cancer_screening.pdf)

[10] Ferlay J, Autier P, Boniol M, Heanue M, Colombet M, Boyle P (2007) Estimi tal-inċidenza tal-kanċer u tal-mortalità fl-Ewropea fl-2006. Ann Oncol 18 : 581-592.

[11] L-estimi tal-IARC dwar il-mortalità mill-kanċer ċervikali jinkludu proporzjon ta’ mwiet attribwiti għal “kanċer tal-utru mhux speċifikat”.

[12] Filwaqt li jirriflettu l-prassi standard, ir-rati ta’ inċidenza u mortalità mogħtija f’dan ir-Rapport huma għal kull 100 000 tal-popolazzjoni.

[13] Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mat-tqegħid fis-suq ta' prodotti, u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 339/93: ĠU L 218/30-47 tat-13.08.2008.

Top