This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0874
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions on the external dimension of the Lisbon strategy for growth and jobs - Reporting on market access and setting the framework for more effective international regulatory cooperation
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi - Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi - Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva
/* KUMM/2008/0874 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi - Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva /* KUMM/2008/0874 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussell, 16.12.2008 KUMM(2008) 874 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-ISTRATEĠIJA TA’ LIŻBONA GĦALL-IŻVILUPP U L-IMPJIEGI: Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI DWAR ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-ISTRATEĠIJA TA’ LIŻBONA GĦALL-IŻVILUPP U L-IMPJIEGI:Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva 1. INTRODUZZJONI Is-swieq miftuħa huma importanti. Dawn joħolqu opportunitajiet għall-iżvilupp, l-impjiegi u l-investiment. Huma importanti kemm għan-negozji tal-UE kif ukoll għal dawk fl-ekonomiji żviluppati u li qed jiżviluppaw madwar id-dinja. Swieq miftuħa huma ta’ importanza partikolari għall-UE billi din hi l-akbar entità kummerċjali fid-dinja. Jeżisti riskju li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li għaddejja se twassal għal aktar protezzjoniżmu. Hu importanti li wieħed jitgħallem mill-passat u li jwieġeb dawn it-tendenzi. Fil-laqgħa reċenti tagħhom f’Washington, il-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet tal-G20 enfasizzaw b’mod ċar it-twettiq sħiħ tal-potenzjal tal-aġenda kummerċjali[1]. F’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-ostakoli kummerċjali li għadhom jeżistu – l-ewwel u qabel kollox permezz tal-konklużjoni b’suċċess u ħafifa tar-Rawnd ta’ Doha ta’ djalogi kummerċjali dinjin, iżda wkoll permezz ta’ approwċis bilaterali u reġjonali – takkwista aktar importanza biex jinħall il-potenzjal kummerċjali u l-iżvilupp, b’mod partikolari għall-SMEs li jammontaw għal aktar minn 99% tal-intrapriżi u 67% tal-impjiegi fis-settur privat. Konverġenza u kooperazzjoni fil-qasam regolatorju, inklużi fis-settur finanzjarju, jistgħu jkunu strumenti effettivi għas-servizz tal-istabbiltà internazzjonali u għat-titjib tal-opportunitajiet kummerċjali. L-istrateġija Dinjija Ewropea, li tnediet fit-tmiem tal-2006[2], hi parti essenzjali tal-pilastru estern tal-Istrateġija tal-Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi tal-Unjoni Ewropea u tiddefinixxi aġenda ambizzjuża biex jinfetħu s-swieq l-aktar importanti, b’mod partikolari fl-Ażja. Pass deċiżiv lejha ttieħed minn April 2007 permezz tal-Istrateġija ddefinita mill-ġdid tal-UE għall-Aċċess tas-Swieq[3]. L-importanza ta’ dawn l-isforzi biex jinfetħu swieq kienet rikonoxxuta s-sena l-oħra fir-Rapport dwar l-Istrateġija ta’ Liżbona tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa[4], u kkonfermata mill-mexxejja Ewropej, li pproponew li jirrapportaw ta’ kull sena dwar l-aċċess għas-suq, billi jidentifikaw il-pajjiżi u s-setturi fejn għad baqa’ ostakoli sinifikanti. Kienu ddefiniti żewġ punti prinċipali: - L-UE għandha tuża l-istrumenti kollha tagħha biex tiżgura li żżomm il-ftuħ tagħha u biex iżżid l-aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi għall-kumpaniji tagħha. - L-UE għandha ttejjeb id-djalogi strateġiċi tagħha ma’ pajjiżi terzi importanti u tiżviluppa soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku, tippromwovi standards ogħla u aktar konverġenza regolatorja. Il-pjan ta’ fejqan Ekonomiku Ewropew adottat fis-26 ta’ Novembru 2008 mill-Kummissjoni Ewropea[5] jikkonferma dawn l-għanijiet u ppropona azzjonijiet konkreti biex jinżamm u jiżdied il-ftuħ tas-suq u biex ikunu appoġġati l-impjiegi[6], f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ kriżi ekonomika. L-aċċess imtejjeb għas-suq u l-konverġenza u l-kooperazzjoni regolatorji huma elementi prinċipali ta’ dan il-pjan. Fil-kuntest ekonomiku attwali, l-isforzi lejn konverġenza regolatorja fis-setturi finanzjarji saru indispensabbli. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi l-ewwel rapport dwar l-Aċċess għas-Suq, u tipproponi kif l-Unjoni tista’ twettaq bl-aħjar mod l-għan tagħha ta’ ftuħ intern u estern, u b’mod speċjali kif hi tista’ tiżgura aċċess ġust u miftuħ għal dawk is-swieq ta’ pajjiżi terzi li jfissru ħafna għall-kummerċ tal-UE, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni regolatorja. Dan hu pass ieħor ’il quddiem fl-iżvilupp ta’ dimensjoni esterna aktar qawwija tal-Istrateġija ta’ Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi wara l-2010. Dan se jistrieħ fuq il-kontribuzzjoni ta’ oqsma oħra tal-politika ta’ Liżbona u se jindirizza l-irbit bejn il-politiki interni u esterni li qed jiġu segwiti u li kienu wkoll enfasizzati mir-Reviżjoni tas-Suq Uniku[7] u l-Aġenda Soċjali mġedda[8]. 2. Ostakoli mhux tariffarji għall-kummerċ 2.1. In-natura li tinbidel tal-ostakoli għall-kummerċ Filwaqt li tariffi għolja mal-fruntieri għadhom ixekklu l-kummerċ f’ċerti setturi u għandhom jiġu ttrattati b’mod multilaterali u bilaterali, l-ostakoli mhux tariffarji fis-swieq tas-soċji kummerċjali tagħna qed isiru aktar importanti. Tnaqqis b’suċċess ta’ tariffi jista’ jispiċċa bla sens jekk ostakoli mhux tariffarji (NTBs) ifixklu l-aċċess tal-kumpaniji Ewropej għas-suq jew iżidu b’mod sinifikanti l-ispiża tal-esportazzjonijiet tagħhom[9]. Ir-rapport dwar il-Kompetittività tal-2008[10] wera li l-kumpaniji tal-UE jqisu li l-NTBs u n-nuqqas ta’ informazzjoni (pereżempju nuqqas ta’ tagħrif dwar is-swieq tal-esportazzjoni) qed isiru aktar importanti mir-restrizzjonijiet tradizzjonali tal-politiki kummerċjali tat-tariffi u tad-dazji fuq l-importazzjonijiet[11]. L- ostakoli mhux tariffarji l-aktar frekwenti huma kemm il-proċeduri ta’ piż tad-dwana kif ukoll ir-regoli u l-prattiki diskriminatorji ta’ taxxi, ir-regolamenti tekniċi, l-istandards u l-proċeduri ta’ valutazzjoni ta’ konformità, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-materja prima, il-protezzjoni ħażina/u jew ir-rinforzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-ostakoli għall-kummerċ ta’ servizzi u ta’ investiment dirett barrani, ir-regoli pubbliċi restrittivi u/jew mhux trasparenti kif ukoll l-użu abbużiv ta’ strumenti għad-difiża kummerċjali jew l-użu mhux ġust ta’ sussidji. Madankollu, l-indirizzar ta’ dawn l-ostakoli hu kkomplikat, teknikament ta’ sfida u jieħu ħafna ħin. It-tweġiba għall-ostakoli mhix daqshekk faċli. Din tiddependi ħafna minfejn l-ostakoli joriġinaw u jekk dawn humiex ta’ piż iżda skont miri leġittimi jew jekk jistgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri mhux iġġustifikati. B’mod ġenerali hemm żewġ tipi ta’ ostakoli. Xi wħud minn dawn l-ostakoli sempliċiment jirriżultaw minn diffikultajiet pereżempju fl-approwċ regolatorju u fl-għanijiet differenti fl-oqsma soċjali, ta’ xogħol, ambjent, saħħa pubblika u konsumaturi. Oħrajn jintużaw b’mod aktar sistematiku bl-effett li jiffavorixxu jew jipproteġu l-produzzjoni domestika, pereżempju standards speċjali, rekwiżiti ta’ ttestjar jew ħtiġijiet eċċessivi ta’ dokumentazzjoni. Filwaqt li dawn tal-aħħar jinħtiġilhom tweġiba qawwija u ffokata mill-UE, bl-użu ta’ strumenti aktar assertivi, tal-ewwel jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ kooperazzjoni u djalogi aktar sistematiċi u f’tul twil ta’ żmien. Dan hu, b’mod speċjali, utli fil-qasam tad-differenzi regolatorji. 2.2. Eżempji ta’ ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-esportaturi Ewropej Għadd li qed jiżdied ta’ tneħħijiet b’suċċess ta’ ostakoli qed juri li l-approwċ strateġiku ddefinit fl-Istrateġija għall-Aċċess tas-Swieq tal-Kummissjoni hu effettiv. Madankollu, l-ostakoli sinifikanti li baqa’ fis-swieq li huma l-mira prinċipali tal-UE juru l-potenzjal għal aktar titjib fl-aċċess tas-suq u jeħtieġu azzjonijiet iffokati. Ostakoli mhux tariffarji fil-qasam tal-prodotti Fil-qasam tal-kummerċ tal-prodotti, differenzi fir-regolamenti jistgħu joħolqu tfixkil għall-aċċess tas-suq billi dawn jistgħu jikkawżaw spejjeż addizzjonali lill-manifatturi, pereżempju meta l-prodotti jkollhom jiġu ttestjati f’laboratorji indipendenti u ċċertifikati fis-suq li lejh immirati qabel ma dawn ikunu jistgħu jinbiegħu, jew verżjonijiet speċjali ta’ prodotti jkollhom jiġu żviluppati biex jikkonformaw ma’ regolamenti tekniċi ddettaljati. Dan ifisser li trasparenza u previdibilità ta’ sistemi regolatorji huma ta’ importanza primarja għal kumpaniji attivi f’pajjiżi terzi. L-azzjoni tal-UE favur kooperazzjoni u konverġenza regolatorja f’dan il-qasam jikkonċentra fuq l-indirizzar tat-tieni kategorija ta’ ostakoli enfasizzati hawn fuq. L-eżempji li ġejjin, meħudin mis-setturi li ekonomikament huma importanti għall-UE, jagħtu eżempji ta’ oqsma potenzjali li fihom tista’ tkun meħtieġa azzjoni biex jiġu indirizzati ostakoli kummerċjali sinifikanti[12]. Fir-rigward tas- settur tal-karozzi (inklużi l-parts ta’ karozza bħat-tajers) qed jiġu ffaċċjati ostakoli prinċipali relatati mal-istandards, pereżempju fil-Brażil, fiċ-Ċina, fl-Indja, fit-Tajwan, fil-Korea u fl-Indoneżja. Is- settur tal-kimika qed jiffaċċja ostakoli kbar fl-esportazzjonijiet fl-Ażja, u b’mod partikolari fiċ-Ċina (pereżempju fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti kimiċi u tal-applikazzjoni ta’ proċeduri fastidjużi għall-importazzjoni.) Barra minn hekk, affarijiet oħra li jirritaw fil-kummerċ tal-kimika jinkludu l-ħruġ mid-dwana u n-nuqqas tat-trasparenza fil-qasam regolatorju. Għall-farmaċewtiċi, l-aċċess għas-suq fi swieq potenzjalment importanti bħaċ-Ċina, il-Korea, it-Tajwan, il-Ġappun, ir-Russja, u diversi pajjiżi tal-ASEAN qed ikun imxekkel b’mod serju b’miżuri li jirrigwardjaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni (inklużi l-istandards, l-approvazzjoni, l-arranġamenti għal-liċenzji, il-garanziji finanzjarji u l-ittestjar), ir-rimborż u l-prezzijiet ta’ prodotti importati u n-nuqqas ta’ protezzjoni suffiċjenti għad-dejta. Għall- apparat mediku , in-nuqqas ta’ allinjament mal-linji gwida u l-prattiki internazzjonali mit-Task Force għall-Armonizzazzjoni Globali (GHTF) jew id-differenzi fil-prattiki regolatorji ta’ pajjiżi bħall-Brażil, l-Indja, il-Ġappun, iċ-Ċina, it-Tajwan u l-Korea huma ta’ ostakolu prinċipali biex jixxekkel il-kummerċ. Fil-każ tal-apparat mediku, id-dewmien fir-registrazzjoni tal-prodotti huma preokkupazzjoni serja oħra. Orizzontalment, diversi taqsimiet importanti (b’mod partikolari tal-elettriku, l-elettronika u l-ICT, tal-karozzi, il-makkinarju u l-industrija tal-ġugarelli) huma kkonċernati mis-Sistema Ċiniża ta’ Ċertifikazzjoni Obbligatorja (CCC), li toħloq piż serju, sproporzjonat fuq l-esportaturi tal-UE. Barra minn hekk, firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-IT hi kkonċernata mill-abbozz ġdid ta’ leġiżlazzjoni Ċiniża dwar l-istandards ta’ sigurtà. Fi swieq terzi oħra, l-esportazzjonijiet Ewropej ta’ tagħmir elettroniku u tal-elettriku , qed jiffaċċjaw ukoll ostakoli sinifikanti fil-Korea u l-Istati Uniti, fejn l-istandards tal-prodotti mhumiex dejjem allinjati mal-istandards internazzjonali. Fl-Istati Uniti, regolamenti tekniċi diverġenti u standards fil-livelli federali, reġjonali u statali jkomplu anki jaqsmu aktar lis-suq. L-akbar impediment għall- esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli tal-ikel hu rrappreżentat minn miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS), li f’ċerti setturi jikkostitwixxu ostakoli sinifikanti f’diversi swieq ta’ esportazzjoni importanti. Ħafna pajjiżi terzi inklużi swieq prinċipali fl-Ażja, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Mediterran u fl-Lvant Nofsani, kif ukoll fl-Amerki, jissettjaw standards li jmorru lil hinn mill-istandards internazzjonali mingħajr ma jipprovdu l-evidenza xjentifika meħtieġa. Dawn l-ostakoli qed isiru aktar diffiċli biex jintrebħu meta l-pajjiżi mhumiex membri tad-WTO u b’hekk mhumiex marbuta b’regoli multilaterali li jipprojbixxu miżuri u prattiki diskriminatorji u li ma għandhomx bażi xjentifika. Kull diffikultà oħra tinħoloq mill-iffissar ta’ standards privati, li kull ma jmur qed isiru ostakolu aktar importanti fil-qasam tal-SPS. Rigward aċċess ġust għall-materja prima li fuqha l-industrija Ewropea tiddependi ħafna, għadd li dejjem qed jiżdied ta’ restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijet, bħalma huma d-dazji u l-kwoti, qed ixekklu l-prestazzjoni kompetittiva tal-industrija tal-UE (aktar minn 400 linja ta’ prodotti li jikkonsistu f’diversi materja prima jikkonċernaw pajjiżi bħaċ-Ċina, ir-Russja, l-Urkraina, l-Arġentina, l-Afrika t’Isfel u l-Indja[13]. Fuq bażi transversali , kemm it-toqol tal-proċeduri tad-dwana kif ukoll ir-rekwiżiti eċċessivi tad-dokumentazzjoni u tar-reġistrazzjoni jikkostitwixxu problemi sinifikanti għall-esportaturi tal-UE f’firxa wiesgħa ta’ swieq importanti ta’ esportazzjoni. Dan jista’ jkun il-każ potenzjali tal-leġiżlazzjoni li qed tiġi proposta mill-Istati Uniti dwar l-iskanjar ta’ 100% tal-kontejners, minħabba preokkupazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali. Ostakoli relatati mas-servizzi u l-istabbiliment Il-kummerċ f’servizzi u l-investiment dirett barrani (FDI) għandu rwol importanti fl-ekonomija dinjija. Bħala l-akbar esportatur fid-dinja ta’ servizzi kummerċjali u sors prinċipali ta’ investiment dirett barrani, l-UE għandha interess ovvju li jitjieb l-aċċess tagħha għas-swieq barranin u biex jinħall il-potenzjal sħiħ tas-saħħa interna tal-UE fis-servizzi u fl-istabbiliment. Dan hu wkoll ta’ spiss fl-interess dirett tas-soċji tagħna. Dawk li jfittxu li jattiraw l-FDI u li jiżviluppaw l-infrastruttura għandhom ħafna xi jiggwadanjaw mil-liberalizzazzjoni tal-FDI u ta’ kummerċ f’servizzi, b’mod partikolari fis-servizzi bħat-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, l- enerġija (jiġifieri, l-aċċess għar-riżorsi) u għas-servizzi finanzjarji. Diversi ostakoli għad-dħul għadhom ixekklu l-kummerċ f’servizzi u huma ta’ impediment għall-iżvilupp ekonomiku. L-ostakoli għall-kummerċ f’servizzi jinvolvu ħafna setturi mill-banek sal-kurjer espress. Is-sejba, l-analiżi u t-tneħħija ta’ dawn huma ta’ spiss aktar komplessi mill-immaniġġjar tal-ostakoli tariffarji u dan għaliex huma jikkonċernaw firxa wiesgħa ta’ regolamenti u kontrolli. L-UE qed taħdem kemm biex jittejjeb il-kummerċ ħieles f’servizzi kif ukoll tal-FDI fil-qafas multilaterali tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ f’Servizzi (GATS) u permezz ta’ Ftehimiet Kummerċjali Ħielsa bilaterali. L-ostakoli prinċipali fil-qasam tas-servizzi u l-istabbiliment huma l-ostakoli tad-dħul bħar-rekwiżiti tan-nazzjonalità, ir-rekwiżiti ta’ residenza, il-limiti dwar il-pussess barrani jew il-proprjetà f’ishma, il-limiti dwar it-tip ta’ entità legali jew id-dħul soġġett għal test ta’ ħtiġijiet ekonomiċi. Ir-restrizzjonijiet fuq l-investiment u l-pussess barrani jeżistu f’maġġoranza ta’ swieq ta’ interess għall-UE, pereżempju, fil-Brażil, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja, u l-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-ASEAN kif ukoll fl-Istati Uniti fejn l-akkwisti minn kumpaniji barranin huma soġġetti għal “proċess ta’ analiżi fir-rigward tas-siġurtà nazzjonali” (CFIUS). Is-servizzi finanzjarji, inklużi l-assigurazzjoni, jiltaqgħu ma’ ħafna restrizzjonijiet fi swieq bħal dawk tal-Istati Uniti, il-Kanada, il-Brażil, l-Indja, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun, u l-Afrika t’Isfel. Barra minn hekk, jeżistu ostakoli sinifikanti għall-kummerċ f’servizzi f’ħafna setturi u f’ħafna pajjiżi soċji ta’ interess għall-kummerċ Ewropew bħalma huma s-servizzi legali, pereżempju, fl-Indja, iċ-Ċina u Singapore, is-servizzi ta’ distribuzzjoni fl-Indja, iċ-Ċina u l-pajjiżi tal-ASEAN, is-servizzi postali u tal-kurjers fl-Indja, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Eġittu, is-servizzi ta’ trasport fil-Brażil u l-Indja kif ukoll fil-Kanada, l-Afrika t’Isfel u Singapore, filwaqt li ostakoli għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet jeżistu fiċ-Ċina, il-Korea, il-Ġappun, l-Indja, il-Messiku u, b’mod kemm kemm anqas, fil-Brażil. Restrizzjonijiet li jirrigwardjaw l-offerti pubbliċi Il-valur tal-offerti pubbliċi hu kkalkolat li jilħaq medja ta’ 15% tat-total tal-PGD tal-pajjiżi tal-OECD u anki aktar għal pajjiżi li qed jiżviluppaw. Minkejja l-valur għoli tal-offerti pubbliċi, jeħtieġ aktar xogħol biex jiġi promoss aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju. Il-fornituri tal-UE jistgħu jistrieħu fuq il-Ftehim dwar l-Offerti tal-Gvern (GPA), li jipprovdi għall-dixxiplini komuni u l-pubbliċità pubblika għall-kuntratti kbar. Filwaqt li l-UE, l-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Kanada, il-Korea u ftit pajjiżi oħra ffirmaw il-GPA, u ċ-Ċina applikat biex tissieħeb, ħafna membri oħra tad-WTO ma għamlux dan. Il-Kummissjoni qed tfittex biex tkabbar is-sħubija fl-GPA u qed tinkuraġġixxi b’mod attiv li jissieħbu membri ġodda fid-WTO billi tenfasizza l-benefiċċji ta’ swieq għall-offerti miftuħa u kompetittivi u permezz ta’ proċeduri aktar attraenti ta’ sħubija, b’mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Madankollu, il-kopertura mhix sħiħa u diversi oqsma ta’ offerti u entitajiet kontraenti mhumiex marbuta bir-regoli, pereżempju negozji żgħar mhux nazzjonali huma ta’ spiss esklużi mill-offerti fl-Istati Uniti, fil-Ġappun u l-Korea fost oħrajn. Fl-istess ħin, is-suq tal-offerti tal-UE stess huwa relattivament miftuħ għall-kompetizzjoni barranija u dan jipprovdi benefiċċji ċari f’dak li jirrigwarda l-valur għall-flus u għażla usa’ ta’ offerti kompetittivi, iżda jnaqqas il-marġini ta’ manuvrar tal-UE biex takkwista swieq ta’ offerti barranin. Ostakoli relatati ma’ protezzjoni u inforzar insuffiċjenti tal-IPR L-industrija Ewropea għadha preokkupata ħafna minħabba l-limitu li bih il-proprjetà intellettwali (IPR) tagħha qed tinkiser f’ċerti reġjuni tad-dinja, permezz ta’ nuqqas ta’ protezzjoni legali jew ta’ rinforzar effettiv. Ostakoli suffiċjenti relatati mal-protezzjoni u r-rinforzar insuffiċjenti tal-IPR, inkluża protezzjoni insuffiċjenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jibqgħu f’għadd ta’ swieq ta’ pajjiżi terzi. Problemi tal-IPR ġew identifikati b’mod partikolari fiċ-Ċina, ir-Russja, il-Brażil u diversi pajjiżi tal-ASEAN. F’ċerti każijiet, bħalma hu l-każ tad-disinn industrijali, kooperazzjoni aktar qawwija fil-qasam tal-R&D tista’ tiffaċilita r-rinforzar mill-ġdid tal-protezzjoni tal-IPR. Studju mmexxi mill-OECD fl-2007[14] jissuġġerixxi li l-kummerċ internazzjonali tal-prodotti foloz u ta’ prodotti kkuppjati jirrappreżentaw USD 200 biljun fis-sena. Dan l-ammont hu akbar mill-PGD nazzjonali ta’ madwar 150 ekonomija. Iċ-ċifra ma tinkludix, madankollu, prodotti foloz u kkuppjati li huma manifatturati u kkunsmati domestikament, u lanqas ma tinkludi prodotti diġitali mhux tanġibbli kkuppjati li jitqassmu permezz tal-internet. L-istudju juri wkoll li, jekk dawn il-prodotti jingħaddu flimkien, l-iskala totali tal-prodotti foloz u kkuppjati mad-dinja kollha tista’ bil-wisq tlaħħaq għal diversi mijiet ta’ biljuni ta’ dollari oħra. Barra minn hekk, l-istatistika għall-2007 dwar il-ħtif fid-dwana ta’ prodotti foloz u kkuppjati fil-fruntiera tal-UE[15] turi li l-ħtif fid-dwana qatt ma kien daqshekk għoli, b’43 000 każ irreġistrat, imqabbel ma’ 37 000 fl-2006 - żieda ta’ kważi 17%. B’kollox 79 miljun prodott inħatfu mid-dwana fil-fruntiera tal-UE[16]. Hemm żidiet sinifikanti meta mqabbla mal-2006 b’mod partikolari fi prodotti foloz li huma perikolużi għas-saħħa u s-sikurezza: il-prodotti kożmetiċi u ta’ kura personali (+264%); il-ġugarelli: (+98%); il-prodotti tal-ikel (+62%); u l-mediċini (+51%). Minbarra d-dimensjoni tas-saħħa u tas-sikurezza, din is-sitwazzjoni toħloq riskju għall-kompetittività tal-UE. 3. It-tweġiba tal-UE għall-ostakoli eżistenti L-Istrateġija Dinjija Ewropea tenfasizza l-ħtieġa għall-swieq interni u esterni miftuħa u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-kummerċ. Il-kumpaniji Ewropej jinħtiġilhom jikkompetu b’mod ġust fis-swieq barranin. L-Istrateġija għall-Aċċess tas-Suq tiddefinixxi approwċ aktar strateġiku u orjentat fuq ir-riżultat biex jiġu indirizzati ostakoli għall-kummerċ, billi tuża l-firxa sħiħa tal-istrumenti disponibbli b’mod ikkoordinat, inkluża l-kooperazzjoni mas-soċji kummerċjali tagħna. Jinħtieġ użu kkoordinat tar-riżorsi u l-istrumenti kollha, u aktar iffokar fuq kwistjonijiet prijoritarji biex jittejjeb aktar il-kummerċ mhux imxekkel u impenn permezz ta’ tweġiba b’saħħitha fejn id-drittijiet ta’ aċċess għas-suq jiċċaħħdu mingħajr raġuni. Hu ċar li ma nistgħux niddipendu fuq soluzzjoni unika jew mekkaniżmu uniku biex negħlbu l-ostakoli għall-kummerċ. Nistgħu nużaw firxa wiesgħa ta’ strumenti, minn dawk formali għal dawk informali, minn negozjati u djalogi għal miżuri diplomatiċi kummerċjali, minn intervenzjonijiet ad hoc għal aktar investimenti fit-tul ta’ żmien. L-esperjenza tagħna wrietna li biex ikun hemm suċċess l-isfida hi li jitħalltu u jitqabblu dawn id-diversi strumenti. 3.1. In-negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali Negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali huma għodda primarja li tipprovdi aċċess għas-swieq għall-esportaturi tal-UE. Filwaqt li negozjati multilaterali fil-qafas tad-WTO jipprovdu l-opportunità unika li tinvolvu kważi s-soċji kummerċjali tagħna kollha, in-negozjati bilaterali ta’ spiss jippermettu impenji aktar komprensivi u profondi. Barra minn dan, il-fatt li jkunu għaddejjin negozjati jista’ joħloq skop biex jiġu indirizzati b’suċċess kwistjonijiet kummerċjali li jkunu ilhom jeżistu. Minħabba l-interess reċiproku involut, in-negozjati għas-sħubija fid-WTO urew ukoll li huma għodda utli biex jiġu ttrattati l-ostakoli għall-kummerċ. Il-konklużjoni rapida tar- Rawnd ta’ Doha dwar in-negozjati kummerċjali dinjin għandha tirrinforza s-sistema kummerċjali dinjija u r-regoli maħsuba biex jiġi żgurat li s-swieq huma miftuħin u ġusti, kif ukoll tipprovdi aċċess għal swieq ġodda. L-approwċ multilaterali hu kruċjali biex titwettaq sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. Ir-rawnd ta’ Doha dwar il-kummerċ għandu l-għan li jnaqqas mhux biss it-tariffi bejn il-membri tad-WTO iżda wkoll l-ostakoli mhux tariffarji, pereżempju permezz ta’ ftehim għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ. Fil-livell bilaterali u reġjonali, l-għan tal- Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) komprensivi tal-UE, b’mod speċjali ma’ soċji kummerċjali importanti fl-Ażja, se jagħti qafas eċċellenti u għodda effettiva biex jittejbu l-opportunitajiet tal-aċċess għas-swieq għan-negozji tal-UE. Minbarra l-eliminazzjoni tat-tariffi, dawn il-ftehimiet jipprovdu possibbiltajiet ġodda biex jiġu ttrattati l-ostakoli mhux tariffarji u mhux ġustifikati għall-kummerċ. Elementi innovattivi huma b’mod partikolari regoli stretti li jindirizzaw b’mod dirett l-ostakoli mhux tariffarji f’ċerti setturi; mekkaniżmu mkabbar ta’ kooperazzjoni u konsultazzjoni dwar Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT) u l-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS), l-inklużjoni ta’ kapitolu dwar l-aċċess tas-suq tas-servizzi u l-investimenti, l-offerti pubbliċi u l-kompetizzjoni, inklużi s-sussidji, it-tisħiħ tal-protezzjoni u l-inforzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (inklużi l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi), u kapitolu dwar id-dwana u l-faċilitazzjoni kummerċjali. Barra minn hekk, f’livell orizzontali, mekkaniżmu ta’ medjazzjoni għall-NTBs għandu jikkomplementa d-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni għat-tilwim u l-impenji dwar l-istandards tax-xogħol u ambjentali sabiex jiġi promoss żvilupp sostenibbli. Għandu jkun previst monitoraġġ qawwi tal-implimentazzjoni effettiva tal-FTAs sabiex jiġi żgurat li l-impenji tas-soċji tal-UE jitwettqu b’mod effettiv. 3.2. Relazzjonijiet bilaterali L-ostakoli għall-aċċess tas-suq huma wkoll indirizzati b’ħafna modi permezz tal-kuntatti regolari jew aktar ad hoc tagħna ma’ pajjiżi terzi. Fuq bażi aktar regolari, id- djalogi bilaterali , li fil-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet jindirizzaw firxa wiesgħa ħafna ta’ setturi, huma format effettiv u istituzzjonalizzat biex jiġu indirizzati u segwiti b’mod regolari l-ostakoli kummerċjali u kwistjonijiet regolatorji, bil-possibbiltà li tiġi ppreżentata l-kwistjoni fuq livell politiku ogħla, bħal pereżempju l-Mekkaniżmu għad-Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali fuq Livell Għoli (HLM) maċ-Ċina u mal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku mal-Istati Uniti. Jistgħu jintużaw ukoll il-laqgħat għolja politiċi bejn l-UE u soċji prinċipali. Dawn id-djalogi huma ferm adattati biex jippromwovu konverġenza regolatorja permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali u jistgħu jissaħħu aktar. Id- diplomazija kummerċjali assertiva kemm b’mod ċentrali minn Brussell kif ukoll b’mod lokali fil-pajjiż terz ikkonċernat hi ferm adatta biex tindirizza l-ostakoli fuq bażi ad hoc jew bħala intervent speċjali biex tissaħħaħ strateġija fit-tul. Il-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u l-kummerċ fil-Partenarjat għall-Aċċess tas-Swieq għandha tgħin biex jintuża l-potenzjal kollu tal-Kummissjoni u tal-kuntatti bilaterali tal-Istati Membri biex jaġixxu flimkien u jartikulaw b’mod effiċjenti l-interessi tagħna barranin. Barra minn hekk, l- Assistenza Relatata mal-Kummerċ tal-UE għenet ukoll biex jintrebħu jew jitneħħew ostakoli kummerċjali permezz, pereżempju, ta’ taħriġ għall-uffiċjali tad-dwana, biex b’hekk tingħata assistenza biex jinħoloq qafas għal proċeduri tad-dwana aktar effiċjenti. 3.3. L-istrumenti formali Għodda li kulma tmur qed issir aktar importanti biex jiġu ggarantiti opportunitajiet kummerċjali huma l-proċeduri ta’ notifika fil-qafas tal- Ftehim tad-WTO-TBT [17] u tal-Ftehim tad-WTO-SPS [18]. Il-Kumitati tat-TBT u tal-SPS f’Ġinevra jservu bħala pjattaforma ta’ konsultazzjoni u negozjar multilaterali għall-membri kollha tad-WTO bl-għan li tiġi monitorizzata u żgurata l-konformità mal-Ftehim tat-TBT u tal-SPS. L-obbligu li jiġu nnotifikati miżuri ġodda lid-WTO jippermetti lis-soċji li jaġixxu fi stadju bikri u li jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet. Impenn qawwi u attiv u segwitu hu essenzjali biex tiżdied il-possibbiltà ħalli jiġu evitati ostakoli ġodda għall-kummerċ. Sakemm ma tinstabx soluzzjoni aċċettata b’mod reċiproku għal irritazzjoni kummerċjali, strumenti formali u li jistgħu jiġu inforzati bħall-proċedura tar- Regolament dwar l-Ostakoli Kummerċjali (TBR) tal-UE jew rikors għall-proċeduri tas- soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO jistgħu jkunu rimedju effettiv. Ir-Regolament dwar l-Ostakoli Kummerċjali tal-Kummissjoni jipprovdi mekkaniżmu għall-kumpaniji tal-UE biex jaġixxu kontra ostakoli kummerċjali li jaffettwaw l-aċċess tagħhom fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, billi jitolbu lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-ilmenti u biex tfittex rimedji. Il-Proċedura tas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO hi għodda utli biex jiġu indirizzati ostakoli inkompatibbli mad-WTO u biex tiġi inforzata l-konformità mad-WTO. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jiġu indirizzati ostakoli kummerċjali permezz ta’ soluzzjoni bilaterali għat-tilwim u ta’ mekkaniżmi ta’ medjazzjoni, kif previsti fil-ġenerazzjoni ġdida tal-FTAs tagħna, se tkun rimedju importanti u se tgħinna nwettqu aċċess akbar fis-swieq. 3.4. Il-kooperazzjoni regolatorja L-UE għandha esperjenza twila fil-qasam tal-konverġenza u l-kooperazzjoni regolatorja[19] fis-suq uniku, li nbniet fuq il-pediment ta’ regolamenti distinti u nazzjonali. Fl-UE, livell għoli ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tagħha, standards għolja ta’ sikurezza tal-prodotti għall-merkanziji mibjugħin fis-swieq tagħha, protezzjoni qawwija għall-konsumaturi u leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ambjentali ta’ eżempju għad-dinja inkoraġġixxew it-twaqqif ta’ livelli daqsinsew għolja f’pajjiżi terzi. Għan prinċipali tal-kooperazzjoni regolatorja hu li jiġu promossi standards għolja f’pajjiżi barranin. Il-kooperazzjoni internazzjonali multilaterali jew bilaterali tgħin jiġu indirizzati ostakoli li mhumiex neċessarji kkawżati minn differenzi fil-prattika regolatorja. Il-kooperazzjoni regolatorja mhux biss tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji bilaterali, iżda tgħin biex tinbena relazzjoni bejn ir-regolaturi li twassal għal skambju ta’ informazzjoni dwar bidliet regolatorji li jkunu qed jiġu kkunsidrati jew ippjanati (billi tingħata twissija bikrija), kif ukoll bħala l-aħjar prattiki. F’ċerti każijiet il-konveġenza regolatorja tista’ tkun is-soluzzjoni adatta. F’każijiet oħra, ir-rikonoxximent reċiproku jew il-ftehimiet ekwivalenti – li xi kultant isegwu ċertu grad ta’ konverġenza – jistgħu jkunu aktar adatti. Fil-każijiet kollha, il-viżibilità ta’ żviluppi regolatorji simili hi essenzjali biex tiġi megħjuna l-industrija ħalli din tippjana ’l quddiem. Id-djalogi bilaterali msemmija fit-taqsima 3.2 huma format effettiv u istituzzjonalizzat biex jiġu indirizzati u segwiti b’mod regolari l-kwistjonijiet regolatorji u l-ostakoli kummerċjali l-oħra. Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku (MRA) jagħtu lill-parti li tesporta l-awtorità li tiċċertifika l-prodotti kontra r-rekwiżiti regolatorji differenti tal-parti li timporta, qabel l-esportazzjoni. Fil-qasam tal-SPS, strument komparabbli hu r-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ miżuri tal-pajjiż li qed jesporta mal-miżuri tal-pajjiż li jkun qed jimporta. L- ACAAs (Ftehimiet dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni ta’ Prodotti Industrijali) jippromwovu konverġenza regolatorja billi jimpenjaw lill-pajjjiż soċju – sew fl-appoġġ għall-proċess ta’ tkabbir kif ukoll fil-Politika Ewropea tal-Viċinat – biex jiġu adottati aspetti mill- acquis Ewropew għall-kummerċ tal-prodotti, u bħala tpattija l-pajjiż soċju jiġi integrat b’mod sħiħ fis-suq uniku Ewropew għall-prodotti simili. Konverġenza regolatorja u kooperazzjoni ma’ pajjiżi ewlenin Pajjiżi tat-Tkabbir: In-negozjati tas-sħubija mal-Kroazja u t-Turkija għandhom l-għan li jiġi implimentat b’mod sħiħ l-acquis Komunitarju fiż-żewġ pajjiżi. L-Unjoni Doganali mat-Turkija hi għodda addizzjonali għall-konverġenza regolatorja aċċellerata. Sett ta’ Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (SAA) jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jipprepara lil dawn il-pajjiżi għal sħubija fil-futur. Il-kooperazzjoni regolatorja qed titkompli permezz ta’ dawn il-ftehimiet. Il-kandidati u l-kandidati potenzjali kollha qed jirċievu assistenza sostanzjali Komunitarja mogħtija notevolment permezz tal-komponent tal-“Assistenza Teknika u t-Tisħiħ tal-Istituzzjonijiet” tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel is-Sħubija (IPA) iżda wkoll permezz tal-programm TAIEX, li jassisti fl-adozzjoni, l-applikazzjoni u l-inforzar tal-acquis Komunitarju (inklużi fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-offerti pubbliċi, tal-IPR, eċċ.). Soċji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat: Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) għandha l-għan li tintensifika l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi ġirien. Il-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji huma fil-qalba tal-ENP u huma bbażati fuq il-Ftehimiet ta’ Partenarjat u ta’ Kooperazzjoni. Kif iddefinit fil-pjan tal-Irkupru Ekonomiku Ewopew, l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi ġirien se jkunu intensifikati b’mod progressiv, inkluż permezz ta’ FTAs profondi u komprensivi li jkopru b’mod sostanzjali l-kummerċ kollu u li għandhom l-għan li jintlaħaq l-ogħla grad possibbli ta’ liberalizzazzjoni. Il-Partenarjat tal-Lvant tal-ġejjieni se joffri perspettivi reali għat-tisħiħ taċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti, il-kapital, il-forniment ta’ servizzi u għall-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tal-pajjiżi soċji. L-UE u s-soċji tagħha jistgħu jirriflettu fil-ġejjieni dwar approwċ ta’ kummerċ reġjonali usa’, li joffri aċċess sħiħ lis-suq intern wara l-adozzjoni sħiħa tal-elementi rilevanti kollha tal-acquis tal-UE. L-ewwel eżempju ta’ dan l-approwċ hu l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tal-FTA li qed jiġi nnegozjat mal-Ukraina. Għall-viċinat tan-Nofsinhar, il-kooperazzjoni hi bbażata fuq Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni. Il-kooperazzjoni regolatorja msaħħa hi komponent essenzjali biex ikunu approfonditi r-rabtiet kummerċjali tagħna mal-pajjiżi tal-Euromed bl-għan li tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles. Ultimament, l-għan hu li jitwettaq spazju ekonomiku komuni għall-pajjiżi kollha fi ħdan il-politika Ewropea għall-Viċinat. L-Istati Uniti: hu s-soċju l-aktar importanti tal-UE. Kooperazzjoni qawwija u, fejn possibbli, konverġenza tal-approwċis regolatorji huma ta’ strateġija essenzjali u ta’ importanza ekonomika. Din tapprofondixxi s-suq transatlantiku u tista’ tippromwovi l-iżvilupp tal-istandards globali u tar-regolamenti. Għal dan l-għan il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) twaqqaf fl-2007 bħala entità politika ta’ livell għoli li tagħti impetu politiku għall-inizjattivi li l-għan tagħhom hu li jinħoloq suq transatlantiku mingħajr ostakoli u li jappoġġaw firxa ta’ djalogi settorjali regolatorji. Hu jrawwem kooperazzjoni minn qabel għall-konverġenza regolatorja u r-riżoluzzjoni ta’ oskakoli/piżijiet li jinqalgħu bħala konsegwenza għall-kummerċ fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Fost is-suċċessi tiegħu hemm is-simplifikazzjoni amministrattiva sinifikanti għall-industrija tal-farmaċewtiċi u l-ekwivalenza tal-istandards tal-kontabilità. Iċ-Ċina: Il-“Mekkaniżmu ta’ Konsultazzjoni dwar il-Prodotti Industrijali u d-WTO/TBT” jippromwovi komprensjoni u trasparenza reċiproka fil-progressi regolatorji tagħna. Fost is-suċċessi tiegħu hemm is-simplifikazzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-proċeduri għall-apparat mediku. Il-kwistjonijiet regolatorji jistgħu jitqajmu wkoll fil-kuntest tal-HLM bejn l-UE u ċ-Ċina li tindirizza kwistjonijiet ta’ natura strateġika bl-għan li jitwettqu riżultati konkreti. L-UE biħsiebha żżomm u tiżviluppa aktar il-mekkaniżmu eżistenti tad-djalogu ta’ livell għoli u d-djalogi dwar il-politika industrijali u dak regolatorju settorjali bl-għan li jkun iggarantit aċċess ġenwin għas-suq Ċiniż u s-sikurezza tal-konsumaturi għaż-żewġ partijiet. Ir-Russja: It-tneħħija ta’ ostakoli regolatorji ta’ piż u ineffiċjenti jiffaċilita enormement ir-relazzjoni ekonomika u notevolment irawwem ukoll aċċess għas-suq Russu għan-negozji Ewropej. Għalhekk, jeżisti interess reċiproku li tiġi żgurata l-konverġenza tar-regolamenti tal-UE u dawk Russi. Kooperazzjoni regolatorja mar-Russja attwalment qed issir fil-kuntest tal-Ispazju Ekonomiku Komuni u ġew stabbiliti għadd ta’ djalogi regolatorji speċifiċi f’ħafna oqsma ta’ politiki. Filwaqt li f’ċerti oqsma twettaq progress sinfikanti, f’għadd ta’ oqsma oħra l-kooperazzjoni jinħtiġilha tkun aktar enfasizzata u tkun aktar operattiva. Jeżisti potenzjal kbir li għandu mhux użat fir-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u r-Russja. Is-sħubija tar-Russja fid-WTO u l-impenji Russi tal-ġejjieni bħala membru tad-WTO se jgħinu aktar biex jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet. Il-kooperazzjoni regolatorja hi għan essenzjali għall-UE li se tkun qed tindirizza fin-negozjati li għaddejjin qafas legali ġdid bejn l-UE u r-Russja. Il-Ġappun: L-NTBs huma l-akbar problemi fir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna. Għadd ta’ djalogi jeżistu bejn l-UE u l-Ġappun, inkluż id-Djalogu dwar ir-Riforma Regolatorja. Hemm ħafna x’jintrebaħ bit-tkomplija tad-diskussjonijiet mal-Ġappun dwar firxa wiesgħa ta’ interessi settorjali. Minħabba l-importanza ekonomika tagħha l-kooperazzjoni regolatorja mal-Ġappun għandha tiżdied. Il-Kanada: Bħala parti minn ftehim ġdid b’firxa wiesgħa li jkopri l-kummerċ u l-investiment, il-kooperazzjoni regolatorja għandha tiġi żviluppata u intensifikata. Il-kooperazzjoni mal-Kanada għandha tikkunsidra l-kooperazzjoni regolatorja mal-Istati Uniti wkoll, sabiex ir-riżultat aħħari jkun konverġenza trilaterali ta’ regolamenti. | 3.5. Il-Partenarjat għall-Aċċess tas-Suq Biex jissaħħaħ l-użu sħiħ ta’ dawn l-instrumenti u biex jiġu komplementati d-diversi sforzi tagħna biex jitneħħew l-ostakoli għal kummerċ, l-Istrateġija għall-Aċċess tas-Suq stabbilixxiet Partenarjat ġdid, aktar b’saħħtu bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kummerċ biex jinġabru flimkien ir-riżorsi disponibbli kollha u l-kompetenzi biex jinkixfu, jiġu analizzati u jitneħħew l-ostakoli. Dan kien appoġġat b’mod qawwi mill-Parlament Ewropew[20] u mill-Kunsill[21]. Laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Aċċess għas-Suq (MAAC) saru l-punt ta’ konverġenza għall-kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-kummerċ, appoġġat minn gruppi ta’ esperti speċifiċi biex jiġu indirizzati każijiet, setturi u reġjuni speċifiċi[22]. Barra minn hekk, Timijiet lokali għall-Aċċess tas-Suq ġew stabbiliti fil-parti l-kbira tas-swieq għall-esportazzjoni prinċipali tal-UE, li ġabru flimkien il-kompetenzi u l-impenn tad-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Ambaxxati tal-Istati Membri u tar-rappreżentanzi kummerċjali tal-UE. Ix-xogħol ta’ dawn it-Timijiet lokali għall-Aċċess tas-Suq hu b’mod speċjali ta’ valur biex ma jħallix li jkun hemm ostakoli permezz ta’ “mekkaniżmu ta’ twissija bikrija” qawwi, li jissorvelja l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti u jipprovdu t-tagħrif u l-kuntatti meħtieġa. Barra minn hekk, dawn wasslu għall-kompetenzi akbar fl-applikazzjoni ta’ każijiet individwali, minħabba t-tagħrif dwar il-kundizzjonijiet lokali. Barra minn hekk, huma għandhom rwol importanti fil-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kummerċ fil-post, billi jiffaċilitaw it-tlissin effettiv tal-preokkupazzjonijiet kummerċjali tagħna b’vuċi waħda. Fl-aħħar nett, biex iżżid l-importanza tagħha l-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta’ aċċess għas-swieq ta’ preokkupazzjoni komuni – b’mod partikolari mal-Istati Uniti u l-Ġappun, kemm bi qsim ta’ informazzjoni kif ukoll permezz ta’ azzjonijiet ikkoordinati komuni u flimkien. 4. It-triq li rridu nieħdu L-istrumenti kollha identifikati hawn fuq għandhom jintużaw biex jiġi żgurat li jinżamm il-ftuħ tal-UE u li dan jikkorrispondi ma’ aċċess miżjud għas-swieq ta’ pajjiżi terzi għall-kumpaniji Ewropej. Fil-kuntest tal-Istrateġija għall-Aċċess tas-Swieq il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kummerċ jinħtiġilhom ikomplu bl-impenn attiv tagħhom biex jiżguraw li l-Unjoni Ewropea taġixxi b’mod koerenti f’pajjiżi terzi u tlissen l-interessi tagħha b’mod effiċjenti f’pajjiżi barranin. Dan isir anki aktar importanti fl-isfond tal-ambjent ekonomiku attwali, fejn id-dimensjoni esterna tal-Istrateġija ta’ Liżbona tinħtieġ tagħti sehemha f’impenn ogħla b’konverġenza fuq l-impjiegi u l-iżvilupp. Lil hinn mill-isforzi tagħna lejn konklużjoni rapida għar-rawnd ta’ Doha u lejn it-tlestija ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles ambizzjużi, se ssir enfasi qawwija fuq: - L-attivitajiet għall-aċċess tas-swieq relatati mas-setturi b’potenzjal għoli ta’ tkabbir fil-ġejjieni, bħall-karozzi, il-farmaċewtiċi, il-kimiki, l-elettronika, il-makkinarju u l-prodotti ambjentali kif ukoll is- servizzi, l-istabbiliment u l-offerti pubbliċi . Għas-servizzi, il-gruppi ta’ ħidma (li bdew bil-kurjer postali u s-servizzi ta’ distribuzzjoni) twaqqfu reċentement biex jindirizzaw ostakoli prinċipali fis-swieq, li joffru opportunitajiet sinifikanti lill-provvedituri tas-servizzi tal-UE. - Il- protezzjoni u l-inforzar tal-IPR f’pajjiżi terzi permezz ta’ konklużjonijiet b’suċċess ta’ ftehimiet bilaterali b’dispożizzjonijiet iddettaljati dwar l-IPR, b’mod partikolari dwar l-inforzar, l-intensifikazzjoni ta’ kooperazzjoni bilaterali u tad-djalogi, u l-programmi ta’ kooperazzjoni teknika b’mod partikolari fiċ-Ċina u l-pajjiżi tal-ASEAN. Pjan ta’ Azzjoni dwar l-inforzar mid-Dwana tal-IPR se jkun iffirmat maċ-Ċina minn hawn u ftit ieħor. Il-kooperazzjoni bilaterali mal-Istati Uniti dwar l-inforzar tal-IPR se titkompla wkoll. Sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-GIs (Indikazzjonijiet Ġeografiċi) Ewropej, qed nesploraw il-possibbilità ta’ produzzjoni ta’ GI għall-prodotti mhux agrikoli bħala tweġiba għat-talba ta’ pajjiż terz bħalma hu l-Indja. - L-aċċess għas-suq tal- kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) kif iddefinit fl-Att dwar in-Negozji Żgħar (SBA)[23], inkluża assistenza speċjali biex tgħin ħalli jiġu akkwistati u mnaqqsin l-ispejjeż biex tinkiseb informazzjoni dwar ambjent regolatorju, legali u kulturali ta’ swieq potenzjali ta’ esportazzjoni. L-UE teħtieġ tuża l-piż ekonomiku tagħha u tagħti l-impetu lir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha mal-ekonomiji prinċipali dinjin. Jeħtieġ navvanzaw aktar fl-insiġ flimkien tar-relazzjonijiet kummerċjali, regolatorji u b’mod ġenerali ekonomiċi tagħha. Filwaqt li ma jeżistix mudell uniku għar-relazzjonijiet tagħna mas-soċji tagħna kollha, l-UE għandha ssib modi aħjar biex jiġu kkoordinati d-dimensjonijiet interni u esterni tal-politiki tagħna u biex niġu involuti fi djalogi komprensivi mas-soċji prinċipali tagħna. F’dan il-kuntest għandna nikkunsidraw ukoll kif l-aħjar tiġi promossa aġenda ta’ ħidma deċenti miftiehma b’mod internazzjonali u standards bażiċi ta’ ħidma. Il-prinċipji li ġejjin għandhom jiggwidaw l-attivitajiet tal-ġejjieni tal-UE: (1) Approwċ ikkoordinat L-isforzi kollha biex jittejjeb l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet ta’ esportazzjonijiet għall-kummerċ Ewropew, u kwistjonijiet oħra relatati mal-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorja għandhom ikunu kkoordinati u konnessi b’mod ċar mal-aġenda għall-kompetittività esterna. L-isforzi għandhom ikunu ffokati tajjeb u mmexxija b’mod xieraq, billi jsir l-aħjar użu mill-istrumenti disponibbli, aktar milli mid-diskussjonijiet iżolati ad hoc dwar ċerti oqsma mas-soċji tagħna. Jeħtieġ li tiġi żgurata superviżjoni politika tal-proċess mas-soċji l-aktar importanti tal-UE. L-Istrateġija għall-Aċċess tas-Swieq hi qafas importanti għal din il-koordinazzjoni. (2) Iffissar tal-prijoritajiet Il-prijoritizzazzjoni hi fattur kritku: L-indirizzar tal-ostakoli għall-kummerċ, tkun xi tkun in-natura tagħhom, jiħtieġ riżorsi intensivi. Jiħtiġilna niżguraw li l-isforzi tal-UE għas-swieq miftuħa u l-kooperazzjoni dwar ir-regolamenti jkollhom impatt reali, sostenibbli, u ekonomiku u li jkunu jistgħu jitwettqu f’limitu taż-żmien raġonevoli. Għandha tingħata prijorità lis-soċji, is-setturi u l-politiki fejn jinsab interess ekonomiku qawwi, kemm attwali jew potenzjali. L-għan politiku usa’ tal-UE ta’ integrazzjoni ekonomika mal-ġirien tagħha jfisser li l-impenn ma’ dawn il-pajjiżi se jkun ukoll prijorità. (3) Smigħ tal-partijiet interessati Il-partenarjat imsaħħaħ bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-kummerċ fil-qafas tal-Istrateġija għall-Aċċess tas-Suq wera li kien effettiv ħafna. Din is-saħħa għandha tgħaddi lill-aspetti kollha tal-aċċess tas-suq u l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni regolatorji. Il-koordinazzjoni li tiġi minn fuq fil-Partenarjat u minn pajjiżi terzi se tkun essenzjali biex ikun hemm approwċ proattiv ħalli jiġu evitati u jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ. (4) Utilizzazzjoni sħiħa tal-firxa ta’ strumenti Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-soċji kummerċjali prinċipali tagħha jkopru firxa wiesgħa ta’ diversi interazzjonijiet. Sa issa dawn tmexxew ta’ spiss b’mod indipendenti minn xulxin, u dan jagħmilha aktar diffiċli li jiġi vvalutat l-bilanċ tal-benefiċċji. Il-KE għandha tħares, fil-ġejjieni, lejn l-oqsma fejn is-soċji tagħna jibbenefikaw mill-kooperazzjoni mal-UE, pereżempju fil-programmi ta’ riċerka u żvilupp, filwaqt li jinżammu ostakoli sinifikanti għall-kummerċ tal-UE. Jeħtiġilna nużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħna b’mod iffokat u koerenti, biex intejbu l-opportunitajiet għall-esportazzjoni għall-esportaturi Ewropej u biex jitjieb il-qafas regolatorju dinji. 5. Konklużjoni Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li jiġu żgurati opportunitajiet akbar għall-kummerċ tal-UE f’pajjiżi terzi u jiġbru flimkien il-politiki esterni u interni. Dan hu wkoll l-ewwel rapport ta’ kull sena dwar l-aċċess għas-swieq, li jikkunsidra l-ostakoli eżistenti sinifikanti. It-tneħħija b’suċċess ta’ ostakoli se jiħtiġilha tlissin assertiv tal-interess kummerċjali Ewropew b’vuċi waħda. Is-suċċess tal-azzjonijiet tal-UE se jkompli jiddipendi ferm ħafna fuq l-impenn serju tal-partijiet interessati. It-tweġiba għall-ostakoli kummerċjali għandha tkun koerenti u mmirata. L-UE għandha strumenti differenti għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb l-ostakoli kummerċjali u biex tippromwovi konverġenza regolatorja. Hi teħtieġ li tuża l-istrumenti tagħha kollha b’mod strateġiku u li tiżgura li jkun hemm aġenda għall-politika esterna aktar integrata, li tippermetti l-kompromessi u s-soluzzjonijiet vantaġġużi għal kulħadd. Il-Kummissjoni se tiżgura l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal ta’ kooperazzjoni regolatorja biex tantiċipa l-isfidi kummerċjali u biex tiżgura kooperazzjoni benefiċjali reċiproka fi stadji bikrija tal-proċess leġiżlattiv. Lil hinn mill-aċċess tas-suq, il-kooperazzjoni regolatorja toffri aktar benefiċċji fl-oqsma bħal dawk tal-protezzjoni tal-konsumaturi, it-titjib tal-istandards ambjentali, it-titjib tal-bażi ta’ evidenza biex titfassal leġiżlazzjoni u t-tnaqqis tal-ispiża biex isir il-kummerċ. Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi modi biex jitneħħew ostakoli regolatorji u biex jiżdied l-aċċess għas-swieq, biex jinħolqu l-iżvilupp u l-impjiegi. Il-Kummissjoni se tkompli b’dawn l-għanijiet b’mod attiv fl-2009, inkluż b’riflessjoni kif tista’ tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni regolatorja. Dawn l-isforzi se jimxu id f’id ma’ aktar żvilupp tal-Istrateġija ta’ Liżbona għall-Iżvilupp u l-Impjiegi wara l-2010. [1] Il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet tal-G20 ftiehmu fil-15 ta’ Novembru 2006 biex fit-12-il xahar li ġejjin ma joħolqux ostakoli ġodda għall-investiment jew għall-kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi u biex fl-2008 jiftiehmu dwar il-modalitajiet li jwasslu għal konklużjoni b’suċċess tal-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ Doha tad-WTO b’riżultati ambizzjużi u bbilanċjati. [2] COM(2006) 517, 4.10.2006. [3] COM(2007) 183, 18.4.2007. [4] COM(2007) 803, 11.12.2007. [5] COM(2008) 800, 26.12.2008. [6] Fl-Aġenda Soċjali rinnovata - COM(2008) 412 -, il-Kummissjoni kienet diġà enfasizzat li kienet se tagħti aktar attenzjoni għas-sensibilizzazzjoni tal-politiki soċjali esterni tagħha u l-impatti soċjali tal-politiki interni tagħha fil-livell dinji. [7] COM(2007) 724, 20.11.2007. [8] COM(2008) 412, 2.7.2008 [9] L-ispejjeż ġenerali ta’ Ostakoli Mhux Tariffarji għall-operaturi Ewropej fiċ-Ċina biss ġew ikkalkolati għal EUR 21.4 biljun. Ara http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2007/february/tradoc _133299.pdf [10] COM(2008) 774 u SEC(2008) 2853. [11] Għalkemm dawn ir-riżultati japplikaw b’mod ġenerali għas-setturi kollha ta’ attività kkunsidrati fl-analiżi, għal setturi u pajjiżi partikolari t-tariffi tal-importazzjoni għadhom xkiel kbir għall-intrapriżi Ewropej li jesportaw lejn pajjiżi barranin. [12] Ara r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-UE fl-ekonomija dinjija, Ottubru 2008 http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/141196.htm [13] COM(2008) 699, 4.11.2008. [14] Ara s-Sommarju Eżekuttiv bħala d-dokument DSTI/IND(2007)9/PART4. [15] Ara l-websajt tad-DĠ Taxud fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm. [16] Ara l-websajt tad-DĠ Taxud fl-indirizz li ġej:http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm. [17] Il-barrieri tekniċi għall-kummerċ. [18] Sanitarji u Fitosanitarji [19] Fl-indirizzar tal-kooperazzjoni regolatorja din il-Komunikazzjoni qed tiffoka fuq l-aspetti li jirrelataw bl-aktar mod dirett mal-aċċess għas-swieq u mat-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ. Aspetti oħra ta’ kooperazzjoni regolatorja jinkludu l-integrazzjoni ekonomika, il-protezzjoni mtejba tal-konsumatur u l-pass lejn regolamenti dinjin. [20] Ir-Rapport dwar l-istrateġija tal-UE biex jitwassal aċċess għas-suq lill-kumpaniji Ewropej (2007/2185 (INI)), 7.1.2008, ref. A6-0002/2008, RR\396713EN.doc, PE396.713v02-00 [21] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill (GAERC) tal-18 ta’ Ġunju 2007, Dokument 10542/07 [22] Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tilqim/il-Ġappun; Tajers/l-Indja, iċ-Ċina u l-Indonesja; Apparati tal-Mediċina/l-Indja, iċ-Ċina, il-Korea, it-Tajwan, il-Brażil, it-Turkija; ICT/it-Turkija u ċ-Ċina. [23] COM(2008) 394, 25..6.2008.