Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 52008DC0804
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European economic and social Committee and the Committee of the regions - "Towards an accessible information society"
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni -“Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni -“Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli
/* KUMM/2008/0804 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-kunsill, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-kumitat tar-reġjuni -“Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli /* KUMM/2008/0804 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 1.12.2008 KUMM(2008) 804 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI “Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli” KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI “Lejn soċjetà tal-informazzjoni aċċessibbli” [SEC(2008) 2915] [SEC(2008) 2916] 1. SOMMARJU EżEKUTTIV Hekk kif is-soċjetà tagħna qed tiżviluppa f'"soċjetà tal-informazzjoni", qed insiru niddependu dejjem iktar, u b’mod intrinsiku, fuq prodotti u servizzi msejsa fuq it-teknoloġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Iżda aċċessibbiltà elettronika (“aċċessibbiltà-e”) dgħajfa tfisser li ħafna Ewropej li għandhom xi diżabilità għad ma għandhomx il-possibbiltà ta’ aċċess għall-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni. Il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà-e ngħatat ħafna prominenza u rċeviet ħafna attenzjoni min-naħa tal-politika f’dawn l-aħħar snin. Fl-2006, il-Ministri Ewropej, fid-“Dikjarazzjoni ta’ Riga” tagħhom, qablu dwar miri sabiex isir progress sinifikanti sal-2010. Fl-2007, it-tqabbil mal-punt ta’ referenza wera li l-pass li bih kien qed isir il-progress kien għadu mhux biżżejjed, u li kien hemm bżonn ta’ iktar sforzi sabiex jintlaħqu l-miri ta’ Riga. Minħabba l-importanza dejjem akbar tal-internet fil-ħajja ta’ kuljum, l-aċċessibbiltà għall-internet, u b’mod speċjali l-aċċessibbiltà għas-siti tal-internet tal-amministrazzjoni pubblika, saret prijorità ewlenija. Il-Kummissjoni tqis li issa huwa urġenti li jinkiseb approċċ għall-aċċessibbiltà-e, b’mod partikulari għall-aċċessibbiltà għall-internet, li jkun iktar koerenti, komuni u effettiv , sabiex titgħaġġel il-miġja ta’ soċjetà tal-informatika aċċessibbli, kif tħabbar fl-Aġenda soċjali mġedda[1]. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-qagħda attwali, u tistabbilixxi r-raġuni għall-azzjonijiet Ewropej kif ukoll il-passi ewlenin li għandhom jittieħdu. Sabiex jinkiseb approċċ komuni u koerenti għall-aċċessibbiltà-e: - L-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni (l-ESOs) għandhom ifittxu li jwettqu attivitajiet għall-istandardizzazzjoni usa’ tal-aċċessibbiltà għall-internet sabiex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u tiġi ffaċilitata iktar adozzjoni tal-prodotti u tas-servizzi megħjuna mill-ICTs. - L-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni għandhom iqanqlu livelli ikbar ta’ innovazzjoni u użu tal-aċċessibbiltà-e, b’mod partikulari billi jużaw il-programmi tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni u l-Fondi Strutturali. - Il-partijiet interessati kollha għandhom jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li hemm fil- leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex tiġi indirizzata l-aċċessibbiltà-e. Il-Kummissjoni se tinkludi rekwiżiti xierqa tal-aċċessibbiltà-e fir-reviżjonijiet jew fl-iżviluppi leġiżlattivi l-ġodda. - Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati sabiex ittejjeb il-koerenza, il-koordinazzjoni u l-impatt tal-azzjonijiet. B’mod partikulari, se jinħatar grupp ġdid ta’ livell għoli ad hoc sabiex jipprovdi gwida dwar l-approċċ koerenti ġenerali għall-aċċessibbiltà-e (inkluża l-aċċessibbiltà għall-internet) u biex jipproponi azzjonijiet sabiex jingħeleb ix-xkiel għall-aċċessibbiltà-e. Sabiex jitgħaġġel il-progress fil-każ partikulari tal- aċċessibbiltà għall-internet : - L-ESOs għandhom jadottaw malajr standards Ewropej għall-aċċessibbiltà għall-internet, wara li l-Konsorzju għall-internet dinji (il-“World Wide Web Consortium”) jkun stabbilixxa l-linji ta' gwida aġġornati dwar l-internet (id-WCAG 2.0). - L-Istati Membri għandhom ikattru ħidmithom sabiex is-siti pubbliċi tal-internet isiru aċċessibbli u flimkien għandhom iħejju l-adozzjoni ta’ malajr tal-istandards Ewropej dwar l-aċċessibbiltà għall-internet. - Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress u tippubblikah , u b’segwitu għal dan, tista’ tieħu azzjoni leġiżlattiva fi stadju iktar tard. 2. L-AċċESSIBBILTÀ-E L-aċċessibbiltà-e tfisser li wieħed jegħleb ix-xkiel u d-diffikultajiet tekniċi li jiltaqgħu magħhom in-nies b’diżabilità, inkluż ħafna xjuħ, meta jippruvaw jieħdu sehem fis-soċjetà tal-informazzjoni b’mod indaqs. Jekk kulħadd għandu jkollu opportunitajiet indaqs biex jieħu sehem fis-soċjetà ta' llum, għandha tkun aċċessibbli l-firxa sħiħa ta' oġġetti, prodotti u servizzi tal-ICT. Din tinkludi l-kompjuters, is-settijiet tat-telefown, it-televiżjonijiet, is-siti tal-gvern fuq l-internet (il-gvern-e), ix-xiri fuq l-internet, iċ-ċentri tat-telefonati, it-terminali fejn wieħed jinqeda waħdu, bħall-magni awtomatiċi għall-ġbid tal-flus (l-ATMs) jew għall-ħruġ tal-biljetti. 2.1. Il-qagħda attwali L-isfida tal-aċċessibbiltà hija waħda ta’ skala kbira u li qiegħda dejjem tikber: madwar 15 % mill-popolazzjoni Ewropea għandha diżabilità u sa wieħed minn kull ħames Ewropej li għandu età li fiha jista’ jaħdem għandu nuqqasijiet li jeħtieġu soluzzjonijiet għall-aċċessibbiltà. B’mod ġenerali, tlieta minn kull ħames persuni għandhom jibbenefikaw mill-aċċessibbiltà-e, minħabba li din ittejjeb l-użu b’mod ġenerali[2]. L-aċċessibbiltà-e għandha implikazzjonijiet soċjoekonomiċi kemm għall-individwi kif ukoll għall-Ewropa b’mod ġenerali. Per eżempju, soluzzjonijiet aċċessibbli megħjuna mill-ICTs jistgħu jgħinu lill-ħaddiema li huma mdaħħlin iktar fl-età biex jibqgħu jaħdmu, u jistgħu jtejbu l-adozzjoni tas-servizzi pubbliċi fuq l-internet bħall-Gvern-e u s-Saħħa-e. In-nuqqas ta’ aċċessibbiltà-e teskludi taqsimiet sinifikanti tal-popolazzjoni u ma tħallihomx iwettqu bis-sħiħ l-attivitajiet professjonali, edukattivi, ta’ passatemp, ta’ sehem demokratiku u soċjali tagħhom. It-tisħiħ tal-aċċessibbiltà-e se jagħti kontribut kemm għall-għanijiet ta’ inklużjoni soċjali kif ukoll għal dawk ekonomiċi. Ħafna pajjiżi adottaw tal-anqas xi miżuri leġiżlattivi jew ta’ appoġġ sabiex iħeġġu l-aċċessibbiltà-e, u ċerti setturi tal-industrija tal-ICT qed jagħmlu sforzi sinifikanti sabiex itejbu l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom[3]. L-aċċessibbiltà-e hija wkoll element ewlieni tal-politika Ewropea għall-Inklużjoni-e[4]. F’kuntest usa’, l-ICTs jaqgħu fi ħdan l-ambitu tad-Direttiva proposta dwar it-trattament ugwali li tirreferi għall-aċċess u għall-provvista tal-prodotti u s-servizzi disponibbli għall-pubbliku[5]. Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri wkoll għandhom jissodisfaw l-obbligi taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi tal-ICT. Xi partijiet mil-leġiżlazzjoni tal-UE diġà jindirizzaw kwistjonijiet dwar l-aċċessibbiltà-e b’mod dirett jew indirett. 2.2. Ir-raġuni għal aktar azzjoni Minkejja l-benefiċċji u l-attenzjoni politika, il-progress fl-aċċessibbiltà-e għadu mhux sodisfaċenti. Hemm ħafna eżempji li jolqtu ta’ nuqqasijiet fl-aċċessibbiltà. Per eżempju, is-servizzi tat-trażmissjoni testwali għall-persuni neqsin mis-smigħ u għall-persuni li għandhom diffikultajiet fid-diskors huma disponibbli biss f’nofs l-Istati Membri; is-servizzi ta’ emerġenza huma aċċessibbli bit-telefown għat-trażmissjoni tat-testi biss f’seba’ Stati Membri; ix-xandir bid-deskrizzjonijiet awdjo, il-programmi tat-televiżjoni bis-sottotitli u l-programmi tat-televiżjoni bl-użu tal-lingwa tas-sinjali għadu fqir ħafna; u 8 % biss mill-ATMs stallati miż-żewġ banek kummerċjali ewlenin Ewropej jipprovdu s-servizz “bil-fomm”[6]. L- acquis eżistenti tal-UE li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà-e huwa limitat. Fil-livell tal-Istati Membri, hemm frammentazzjoni konsiderevoli fit-trattament tal-aċċessibbiltà-e, kemm fil-kwistjonijiet indirizzati (is-soltu s-servizzi tat-telefown fiss, is-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni u l-aċċessibbiltà għas-siti pubbliċi tal-internet) kif ukoll fil-kompletezza tal-istrumenti tal-politika wżati. L-industrija tal-ICT, li qed tiffaċċa rekwiżiti diverġenti u nuqqas ta’ ċertezzi, qed issofri minn din il-frammentazzjoni tas-suq, li qed tagħmilha diffiċli li jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa biex jiġu sostnuti l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-suq fuq firxa wiesgħa. Ċerti setturi tal-industrija qed jaħdmu b'mod attiv u jikkooperaw mal-utenti (per eżempju dwar it-televiżjoni diġitali aċċessibbli) iżda hemm wisq partijiet li qed isegwu mingħajr ma jaġixxu. Il-kwistjoni ewlenija tal-aċċessibbiltà-e hi li l-impatt tal-isforzi attwali mhux biżżejjed minħabba nuqqas ta’ koerenza, nuqqas ta’ ċarezza fl-iffissar tal-prijoritajiet, u appoġġ leġiżlattiv u finanzjarju dgħajjef. Għaldaqstant, approċċ komuni u koerenti Ewropew għall-aċċessibbiltà-e huwa importanti sabiex jinkiseb titjib sinifikanti. 2.3. L-azzjonijiet proposti 1. Inwasslu l-bidla - it-tisħiħ tal-prijoritajiet tal-politika, tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati Fil-livell Ewropew, ġew implimentati diversi attivitajiet f’dawn l-aħħar snin. Issa huwa ż-żmien li jiżdiedu s-sinerġiji bejn dawn u jissaħħu l-oqsma individwali tal-azzjoni sabiex ikun hemm aktar impatt u sabiex dan ikun aktar konsistenti. Jeħtieġ li l-Istati Membri, l-utenti u l-industrija jżidu l-isforzi tagħhom u jfittxu li jagħmlu iktar impatt permezz ta’ aktar kooperazzjoni fil-livell Ewropew u sfruttament aħjar tal-istrumenti tal-politika eżistenti tal-UE. Sabiex jiġu appoġġati u jissaħħu l-koerenza u l-effettività ta’ approċċ komuni u sabiex ikun hemm għajnuna fit-tfassil tal-prijoritajiet, il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta’ livell għoli ad hoc dwar l-aċċessibbiltà-e , li jirrapporta lill-grupp ta' livell għoli dwar l-i2010. Dan se jkun jinvolvi l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u r-rappreżentanti tal-utenti b'diżabilità u tal-utenti li huma mdaħħlin fl-età, lill-industriji tal-ICT u tat-teknoloġija u tas-servizzi ta' għajnuna, lill-akkademiċi u lill-awtoritajiet rilevanti. Kmieni fl-2009, il-Kummissjoni se twaqqaf grupp ta’ livell għoli ad hoc sabiex jipprovdi gwida dwar il-prijoritajiet u dwar approċċ iktar koerenti għall-aċċessibbiltà-e. Il-partijiet interessati huma mitluba jimpenjaw irwieħhom f’din il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ eżistenti tagħha tal-kooperazzjoni mal-partijiet interessati u bejniethom. B’mod partikulari, il-gruppi li jkunu qed isegwu l-implimentazzjoni tal-i2010, il-kwistjonijiet dwar l-istandardizzazzjoni, il-kwistjonijiet dwar it-telekomunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni dwar id-diżabilità għandhom jużaw il-gwida tal-grupp ta’ livell għoli sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom. Huwa importanti wkoll li l-utenti, l-awtoritajiet rilevanti u l-industrija jsaħħu l-impenn u l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà-e. Jeħtieġ li jintgħażlu l-prijoritajiet għall-aċċessibbiltà-e. L-ewwel waħda hija l-aċċessibbiltà għall-internet, fejn jista’ jiġi applikat l-approċċ koerenti u komuni propost. It-tieni prijorità hija l-aċċessibbiltà tat-televiżjoni diġitali u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluż l-aċċessibbiltà għan-numru ta' emerġenza uniku Ewropew. Għal dawn il-prijoritajiet, għandha tiżdied il-kooperazzjoni tal-utenti u tal-industrija u, bl-għajnuna tal-grupp ta’ livell għoli, din għandha tintrabat b’mod aħjar mal-appoġġ għall-innovazzjoni u mal-appoġġ leġiżlattiv fuq il-livell tal-UE. Prijorità għolja oħra hija t-terminali fejn wieħed jinqeda waħdu u l-użu tas-servizzi bankarji permezz tal-internet[7]. Il-kooperazzjoni eqreb tal-partijiet interessati se tgħin sabiex tinkiseb gwida dwar aktar prijoritajiet u sabiex jitfassal programm komuni ta’ ħidma għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni diġà indirizzat l-aċċessibbiltà-e fil-proposta tagħha għal verżjoni ġdida tal-Qafas Ewropew għall-interoperabbiltà tal-gvern-e[8] u se tagħmel dan ukoll fis-segwitu tagħha tal-inizjattiva tal-i2010 u tal-pjan ta' azzjoni dwar id-diżabilità. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-aċċessibbiltà-e tibqa' prijorità tal-politika fis-segwitu tal-inizjattiva tal-i2010 u tal-pjan ta' azzjoni dwar id-diżabilità. Din il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni eqreb se jkomplu jissaħħu permezz ta’ sfruttament aħjar tal-attivitajiet imsemmijin hawn taħt. 2. Il-monitoraġġ tal-progress u t-tisħiħ tal-prattika tajba Fl-2009, bħala segwitu għal żewġ studji li twettqu mill-2006 sal-2008[9], il-Kummissjoni se tniedi studju sabiex tkompli l-monitoraġġ tal-progress u l-implimentazzjoni ġenerali tal-aċċessibbiltà-e u tal-aċċessibbiltà għall-internet. Taħt il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (is-CIP) tal-2009, il-Kummissjoni se tipproponi netwerk tematiku ġdid dwar l-aċċessibbiltà-e u dwar l-aċċessibbiltà għall-internet sabiex tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati u l-bini tal-esperjenza u l-ġbir ta’ prattiki tajbin. Hi se tfittex li ssaħħaħ ukoll in-netwerk ta’ skambju dwar il-prattika tajba ePractice (il-Prattika-e) dwar il-gvern-e, is-saħħa-e u l-inklużjoni-e, li diġà ġabar ammont kbir ta’ għarfien espert dwar l-aċċessibbiltà-e. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress u l-implimentazzjoni tal-aċċessibbiltà għall-internet u tal-aċċessibbiltà-e, u se tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin permezz ta’ studji u permezz ta’ netwerk tematiku tas-CIP li għandu jitnieda fl-2009. 3. L-appoġġ għall-innovazzjoni u l-użu Diġà hemm appoġġ estensiv għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-aċċessibbiltà-e. Fl-2008, ġew iffinanzjati 13-il proġett ġdid b’madwar EUR 43 miljun mill-programm tar-riċerka tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa b’mod attiv l-aċċessibbiltà-e u l-ICT għall-għajxien indipendenti tal-persuni mdaħħlin fl-età permezz tal-programmi tar-riċerka tal-UE b’sejħa għall-proposti oħra fl-2009. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-aċċessibbiltà-e tkun prijorità qawwija tar-riċerka u l-innovazzjoni matul l-2009 u 'l quddiem. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jużaw il-programm konġunt għar-riċerka msejjaħ “Għajxien Megħjun Kuntestwalment” (“Ambient Assisted Living”) (AAL), li tnieda fl-2008, sabiex iħeġġu soluzzjonijiet innovattivi, ibbażati fuq l-ICT, għall-għajxien indipendenti u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kundizzjonijiet kroniċi tal-persuni mdaħħlin fl-età. Taħt is-CIP tal-2008, il-Kummissjoni ffinanzjat proġett pilota dwar it-televiżjoni aċċessibbli u proġetti pilota dwar l-ICT għall-persuni mdaħħlin fl-età sabiex jitħaffef l-użu tat-teknoloġija. Fl-2009, il-Kummissjoni se tiffinanzja proġett pilota dwar it-“taħdit totali” (l-għaqda tal-komunikazzjonijiet tal-awdjo, dawk testwali, u dawk tal-vidjow sabiex jappoġġaw lill-persuni b’diżabilità), li se jgħin lill-persuni li għandhom diffikultajiet fis-smigħ u fid-diskors biex ikollhom aċċess għan-numru ta’ emerġenza Ewropew “112”. L-Istati Membri u l-partijiet interessati huma mħeġġa jqanqlu l-innovazzjoni u l-użu tal-aċċessibbiltà-e permezz tal-Fondi Strutturali, tal-FP7, tal-programm tal-AAL u tal-programmi nazzjonali. Ir-Regolament dwar il-Fondi Strutturali[10] jeħtieġ lill-Istati Membri jqisu l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità bħala wieħed mill-kriterji sabiex jingħataw il-fondi. F'dan il-kuntest, fl-2009, il-Kummissjoni se tipprovdi “sett ta’ għodda għad-diżabilità” li jkun applikabbli għall-ICTs, u se tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-Reġjuni jiżguraw li l-aċċessibbiltà għall-ICT tkun inkorporata fil-kriterji tax-xiri u tal-finanzjament tagħhom. Fl-2009, il-Kummissjoni se tipprovdi sett ta’ għodda għad-diżabilità li jkun applikabbli għall-ICTs, biex jintuża fil-Fondi Strutturali u fi programmi oħrajn. 4. L-iffaċilitar tal-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni Il-Kummissjoni qed tkompli bl-appoġġ qawwi tagħha tal-aċċessibbiltà-e fil-programm ta' ħidma tagħha għall-istandardizzazzjoni. B’mod partikulari, il-Mandat nru 376 maħruġ lill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni huwa attività importanti tal-istandardizzazzjoni sabiex titrawwem l-aċċessibbiltà-e[11]. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu tar-riżultati minn din il-ħidma ta’ standardizzazzjoni u se tfittex li l-Mandat nru 376 jitkompla malajr sabiex jiġu stabbiliti l-istandards infushom u l-iskemi tal-valutazzjoni tal-konformità relatati magħhom. Dan il-proċess se jkun ikkumplimentat u appoġġat mid-djalogu bejn il-partijiet interessati, mill-iskambju tal-prattiki tajbin u mill-proġetti pilota dwar l-użu, kif imsemmi fl-azzjonijiet proposti f’din il-Komunikazzjoni. Taħt il-Mandat nru 376, matul l-2009 u 'l quddiem, l-ESOs għandhom jiżviluppaw malajr standards tal-UE dwar l-aċċessibbiltà-e, f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. 5. L-isfruttament tal-leġiżlazzjoni attwali u l-ħsieb dwar leġiżlazzjoni ġdida Hemm korrelazzjoni ċara fuq il-livell nazzjonali bejn l-eżistenza tal-leġiżlazzjoni u l-livell reali tal-progress fl-aċċessibbiltà-e[12]. Ir-riċerka turi r-riskji tal-frammentazzjoni legali fl-UE minħabba miżuri leġiżlattivi li jvarjaw. Abbażi ta’ dan, u filwaqt li tibni fuq il-Komunikazzjonijiet tal-2005 u tal-2007, il-Kummissjoni bdiet tħares lejn approċċ leġiżlattiv iktar ġenerali għall-aċċessibbiltà-e. Madanakollu, minħabba n-natura vasta, kumplessa u li tevolvi tal-qasam tal-aċċessibbiltà-e, għad m’hemmx qbil ċar dwar leġiżlazzjoni possibbli tal-UE ddedikata għall-aċċessibbiltà-e[13], per eż. dwar elementi bħall-ambitu, l-istandards, il-mekkaniżmi tal-konformità u r-rabtiet mal-leġiżlazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, għalkemm hemm qbil ċar dwar il-bżonn ta’ ħidma flimkien sabiex titjieb l-aċċessibbiltà-e, hemm opinjonijiet differenti dwar il-prijoritajiet li jmiss li għandhom jiġu indirizzati. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li għadu mhux il-waqt għal proposta leġiżlattiva speċifika dwar l-aċċessibbiltà-e, iżda hija se tkompli tivvaluta kemm din tista’ ssir u kemm hi rilevanti, filwaqt li tqis il-progress reali fil-qasam. Madanakollu, hemm dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE li għadhom mhumiex sfruttati biżżejjed, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni bir-radju, mal-komunikazzjonijet elettroniċi, max-xiri pubbliku, mad-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni, mal-ugwaljanza fl-impjiegi, mat-taxxa fuq il-valur miżjud, u mal-eżenzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat[14]. Jekk isir użu sħiħ minn dawk id-dispożizzjonijiet, l-aċċessibbiltà-e diġà tittejjeb b’mod sinifikanti fl-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu minnhom qabel ma titqies leġiżlazzjoni ġdida. Diversi partijiet mil-leġiżlazzjoni tal-UE msemmija hawn fuq qegħdin jiġu riveduti jew se jiġu riveduti dalwaqt[15]. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li, fejn huwa xieraq, jitqiesu u jissaħħu r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà-e f’dawn ir-reviżjonijiet. Barra minn hekk, il-proposti leġiżlattivi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi jsaħħu d-dispożizzjonijiet tal-qafas attwali dwar l-utenti b’diżabilità. Il-Kummissjoni se timmonitorja b’attenzjoni wkoll it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi[16], u b’mod partikulari tal-Artikolu 3c tagħha, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja li jaqgħu fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li dawk is-servizzi jsiru aċċessibbli b’mod gradwali għan-nies b’diżabilità fil-vista jew fis-smigħ. Il-Kummissjoni se tiżgura li, fir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE, ikunu integrati dispożizzjonijiet xierqa dwar l-aċċessibbiltà-e . L-Istati Membri, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni għandhom jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet li hemm fil-leġiżlazzjoni attwali sabiex isaħħu l-aċċessibbiltà-e. 3. L-AċċESSIBBILTÀ GħALL-INTERNET L-aċċessibbiltà għall-internet hija aspett importanti tal-aċċessibbiltà-e li toffri l-possibbiltà lill-persuni b’diżabilità li jintebħu, jifhmu, jinnavigaw, jinteraġixxu mal-internet u jagħtu kontribut lejh. Din hi ta’ benefiċċju wkoll għal nies oħra li jkunu qed jiffaċċaw limitazzjonijiet viżwali, ta’ destrezza jew konjittivi, bħan-nies imdaħħlin fl-età. L-aċċessibbiltà għall-internet saret importanti b'mod partikulari minħabba t-tkabbir enormi fis-servizzi tal-informazzjoni u dawk interattivi ta’ fuq l-internet: dawk bankarji, il-bejgħ, is-servizzi tal-gvern u pubbliċi, u l-komunikazzjoni ma’ qraba jew ħbieb li jinsabu ’l bogħod. 3.1. Il-qagħda attwali Minkejja l-importanza tagħha, il-livell ġenerali tal-aċċessibbiltà għall-internet għadu wieħed fqir madwar l-UE kollha. Għadd ta’ sondaġġi nazzjonali u Ewropej imwettqin matul dawn l-aħħar snin urew li l-maġġoranza tas-siti tal-internet, kemm pubbliċi kif ukoll privati, mhumiex konformi saħansitra mal-linja ta’ gwida l-aktar bażiċi dwar l-aċċessibbiltà aċċettati b’mod internazzjonali. Stħarriġ li sar dan l-aħħar wera li 5.3 % biss tas-siti tal-internet tal-gvernijiet u kważi l-ebda mis-siti kummerċjali tal-internet mistħarrġa ma kienu konformi b’mod sħiħ mal-linji ta’ gwida bażiċi dwar l-aċċessibbiltà[17]. Dan jikkonferma għaliex ħafna nies isibuha bi tqila jużaw siti importanti tal-internet, u għaldaqstant jinsabu fil-periklu li jispiċċaw esklużi totalment jew parzjalment mis-soċjetà tal-informazzjoni. Fl-Istati Membri, f’dawn l-aħħar snin, l-aċċessibbiltà tas-siti pubbliċi tal-internet irċeviet ħafna attenzjoni min-naħa tal-politika[18]. Fil-livell Ewropew, Komunikazzjoni dwar l-aċċessibbiltà għall-internet maħruġa fl-2001 ħeġġet lill-Istati Membri japprovaw il-Linji ta’ Gwida dwar l-Aċċessibbiltà tal-Kontenut tal-internet (id-WCAG)[19]. F’żewġ Riżoluzzjonijiet[20], il-Kunsill saħaq fuq il-ħtieġa li titħaffef l-aċċessibbiltà għall-internet u għall-kontenut tiegħu. Fl-2002, il-Parlament Ewropew issuġġerixxa li s-siti pubbliċi tal-internet għandhom ikunu kollha aċċessibbli bis-sħiħ għall-persuni b’diżabilità sal-2003[21]. Fl-2006, id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Riga dwar soċjetà tal-informazzjoni inklussiva kienet tinkludi impenn li 100 % mis-siti pubbliċi tal-internet se jkunu aċċessibbli sal-2010. Fix-xena internazzjonali, il-verżjoni nru 1 tad-WCAG ġiet adottata fl-1999 mill-Konsorzju għall-internet dinji (il-“World Wide Web Consortium”, id-W3C). Madanakollu, ċerti ambigwitajiet fiha wasslu għal implimentazzjoni frammentata min-naħa tal-Istati Membri, u, fil-kuntest ta’ żviluppi ġodda tal-internet, id-WCAG 1.0 qed tiskadi. Id-W3C ilu diversi snin jaħdem fuq verżjoni ġdida tal-ispeċifikazzjonijiet (id-WCAG 2.0); issa dawn jinsabu fl-istadju aħħari tal-adozzjoni. L-isfida din id-darba hija li tiġi evitata implimentazzjoni frammentata. 3.2. Ir-raġuni għal aktar azzjoni F’xi każi jista’ jkun ta’ sfida li wieħed jagħmel is-siti tal-internet iktar aċċessibbli, li hija ħaġa li tinvolvi ċertu ammont ta’ spejjeż u ta’ għarfien espert. Madanakollu, hemm dejjem iktar evidenza u eżempji ddokumentati li juru li meta wieħed jagħmel sit tal-internet iktar aċċessibbli, dan ikun ta’ benefiċċju reali mhux biss għall-utenti b'diżabilità, iżda wkoll għas-sidien tas-sit tal-internet u għall-utenti in ġenerali. Ikun eħfef biex wieħed juża s-servizzi u biex wieħed iżommhom, u s-servizzi jkunu aċċessibbli għal għadd akbar ta’ utenti[22]. Minħabba f’hekk, it-titjib tal-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet itejjeb il-qagħda għan-nies b’diżabilità u għal ħaddieħor ukoll, u b’hekk jista’ jsaħħaħ il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej. Studju ta' każ speċifiku: il-benefiċċji ta’ sit aċċessibbli tal-internet Wara li negozju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fir-Renju Unit għamel is-sit tal-internet tiegħu aċċessibbli, ġew identifikati l-benefiċċji li ġejjin: - Il-klijenti sabu t-tagħrif ħafna iktar malajr u damu iktar fis-sit. -Klijenti ġodda użaw is-servizz, u b’hekk żdied il-bejgħ ta’ fuq l-internet. - Il-manutenzjoni tas-sit saret eħfef u irħas. - Is-sit tal-internet kiseb klassifiki sinifikattivament ogħla fir-riżultati tal-magni tat-tiftix. - Tneħħew il-problemi kollha tal-kompatibbiltà u tjieb l-aċċess permezz tat-tagħmir mobbli. - Kien hemm qligħ ta’ 100 % fuq l-investiment f’inqas minn 12-il xahar. Madanakollu, il-frammentazzjoni leġiżlattiva persistenti fl-Istati Membri flimkien man-nuqqas ta’ azzjoni leġiżlattiva ċara fil-livell Ewropew qed ikomplu jxekklu s-suq intern, qed tkun ta' xkiel għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini f'dan l-ambjent transkonfinali, u qed ittellef l-iżvilupp tal-industrija. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tipprevedi obbligi b'rabta mal-internet li l-Istati li huma parti fil-Konvenzjoni għandhom ikunu konformi magħhom. Għaldaqstant, huwa xieraq li jkun hemm aktar azzjoni fil-livell Ewropew. 3.3. L-azzjonijiet proposti Ir-responsabbiltà ewlenija sabiex tittejjeb l-aċċessibbiltà għall-internet hija f’idejn l-Istati Membri u l-fornituri individwali tas-servizzi. Madanakollu, hemm azzjonijiet li tista’ twettaqhom jew tiffaċilitahom il-Kummissjoni, li għandhom jgħinu biex jitgħaġġel it-titjib fl-aċċessibbiltà għall-internet fl-Ewropa, anke mingħajr dispożizzjonijiet leġiżlattivi speċifiċi tal-UE dwar l-aċċessibbiltà għall-internet. Is-suċċess ġenerali se jinkiseb permezz ta’ approċċ komuni u konsistenti. L-oqsma ewlenin tal-azzjoni huma: 6. Li jiġu ffaċilitati l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ malajr tal-linji ta’ gwida internazzjonali fl-Ewropa Hemm qbil wiesa’ li l-linji ta’ gwida tad-WCAG 2.0 huma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li magħhom għandu jkun hemm qbil mill-qrib f’dak li għandu x'jaqsam mal-aċċessibbiltà għall-internet. Ladarba jintlaħaq qbil fid-W3C dwar il-linji ta' gwida, li mistenni jseħħ fil-futur qarib, il-Mandat nru 376 jkun jista' jlesti l-ħidma tiegħu ta' armonizzazzjoni fil-livell Ewropew. Sadanittant, l-Istati Membri għandhom iwettqu azzjonijiet sabiex jiżguraw li tintlaħaq il-mira ta’ Riga dwar l-aċċessibbiltà tas-siti pubbliċi tal-internet u sabiex iħejju għall-inkorporazzjoni ta’ malajr tal-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda dwar l-aċċessibbiltà għall-internet fil-liġijiet nazzjonali b'mod komuni u koerenti billi: - Matul l-2009 sal-2010 jippubblikaw gwida teknika aġġornata, u fejn xieraq, jagħmlu traduzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tad-W3C; - Matul l-2009 jidentifikaw is-siti pubbliċi tal-internet u l-intranets[23] ikkonċernati u jagħmluhom aċċessibbli sal-2010. Il-Kummissjoni se tkompli ħidmietha sabiex ittejjeb l-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet tagħha stess, filwaqt li taġġorna l-gwida interna tagħha sabiex din tirrifletti l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda. Il-fornituri tas-servizzi li mhumiex servizzi pubbliċi, b'mod partikulari s-sidien tas-siti tal-internet li jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali[24], u l-fornituri tas-siti kummerċjali tal-internet li huma essenzjali biex wieħed jieħu sehem fl-ekonomija u fis-soċjetà wkoll huma mħeġġa jtejbu l-aċċessibbiltà għall-internet (mill-2008 'il quddiem). Sal-2010, l-Istati Membri iridu jkunu kisbu aċċessibbiltà ta’ 100% għas-siti pubbliċi tal-internet u għandhom iħejju għal bidla ta’ malajr għall-ispeċifikazzjonijiet aġġornati dwar l-aċċessibbiltà għall-internet b’mod konġunt u koerenti . Is-sidien tas-siti tal-internet li jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali u sidien ta’ siti tal-internet rilevanti oħrajn għandhom itejbu l-aċċessibbiltà tas-siti tagħhom. L-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati, għandhom jiżviluppaw, fi żmien qasir, standards tal-UE dwar l-aċċessibbiltà għall-internet , imsejsa fuq id - WCAG 2.0. Il-Kummissjoni qed ittejjeb l-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet tal-Kummissjoni, u qed taġġorna l-gwida interna sabiex din tirrifletti l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda. Il-Kummissjoni se timmonitorja u tappoġġa dawn l-iżviluppi, billi tħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu malajr dwar l-aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni u tiffaċilita l-ġbir u l-iskambju ta’ esperjenzi prattiċi, l-iktar permezz tal-pjattaforma tal- ePractice [25]. Skont il-progress li jkun sar u meta l-istandards ikunu ġew implimentati, il-Kummissjoni se tqis jekk hemmx bżonn ta’ gwida komuni tal-UE, inkluż azzjoni leġiżlattiva[26]. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress u tippubblikah, u se tqis jekk hemmx bżonn ta’ gwida komuni tal-UE, inkluż ta’ azzjoni leġiżlattiva (mill-2009 ’l quddiem). 7. Li jittejjeb u jitħeġġeġ il-fehim tal-aċċessibbiltà għall-internet Hemm bżonn kbir li tingħata iktar prominenza lill-ħtiġijiet u lis-soluzzjonijiet tal-aċċessibbiltà għall-internet, u li jitkabbar il-fehim tagħhom u l-għarfien dwarhom. L-Istati Membri għandu jkollhom rwol ewlieni fil-kisba ta’ dan billi: - Jippromwovu, b’mod wiesa’, l-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet billi jipprovdu tagħrif ċar u gwida dwar l-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet, inkluż dwar it-teknoloġiji ta’ għajnuna[27], u billi jħeġġu l-użu tal-istqarrijiet dwar l-aċċessibbiltà[28]; - Jappoġġaw skemi tat-taħriġ, il-qsim tal-għarfien, u l-iskambju dwar il-prattika t-tajba; - Jixtru għodod u siti tal-internet aċċessibbli fix-xiri pubbliku tagħhom; - Iwaqqfu punt nazzjonali ta’ kuntatt dwar l-aċċessibbiltà għall-internet, per eżempju permezz ta’ sit tal-internet, fl-2009; - Jimmonitorjaw il-progress dwar il-konformità, dwar kemm huma sodisfatti l-utenti u dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-aċċessibbiltà għall-internet fuq is-siti pubbliċi tal-internet u fuq siti oħrajn u jirrappurtaw dan lill-grupp ta’ livell għoli propost u lill-pubbliku in ġenerali. L-Istati Membri għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett fit-titjib tal-għarfien u tal-fehim tal-aċċessibbiltà għall-internet b’mod koerenti, effiċjenti u effettiv, u għandhom jirrappurtaw il-progress li jkun sar lill-grupp ta’ livell għoli. 4. KONKLUżJONI Tinħtieġ azzjoni konġunta u koerenti f'diversi oqsma sabiex tinkiseb l-aċċessibbiltà-e. B’mod partikulari, huwa essenzjali li jsir progress immedjat u ta’ malajr f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibbiltà għall-internet. Il-partijiet interessati kollha għandhom rwol deċiżiv sabiex jinkiseb l-għan komuni ta’ soċjetà tal-informazzjoni li tkun tabilħaqq inklussiva. Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex is-soċjetà tal-informazzjoni ssir aċċessibbli għal kulħadd. Anness – Sinteżi tal-azzjonijiet L-aċċessibbiltà-e L-azzjonijiet | Id-data | Min hu responsabbli għalihom | It-twaqqif ta’ grupp ta’ livell għoli ad hoc sabiex jipprovdi gwida dwar il-prijoritajiet u dwar approċċ iktar koerenti għall-aċċessibbiltà-e. Il-partijiet interessati huma mitluba jimpenjaw irwieħhom f’din il-kooperazzjoni. | Kmieni fl-2009 | Il-KE u l-partijiet interessati | L-iżgurar tal-aċċessibbiltà-e bħala prijorità tal-politika fis-segwitu tal-inizjattiva tal-i2010 u tal-pjan ta' azzjoni dwar id-diżabilità. | 2009- | Il-KE | Il-monitoraġġ tal-progress u tal-implimentazzjoni tal-aċċessibbiltà għall-internet u tal-aċċessibbiltà-e, l-appoġġ tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta’ prattiki tajbin permezz ta’ studji u permezz ta’ netwerk tematiku tas-CIP. | 2009- | Il-KE, l-industrija u l-partijiet interessati | L-iżgurar tal-aċċessibbiltà-e bħala prijorità qawwija tar-riċerka u l-innovazzjoni. | 2009 - | Il-KE | It-tqanqil tal-innovazzjoni u tal-użu tal-aċċessibbiltà-e permezz tal-Fondi Strutturali, tal-FP7, tal-programm tal-AAL u tal-programmi nazzjonali. | 2009 - | L-Istati Membri u partijiet interessati oħrajn | Il-forniment ta’ sett ta’ għodda għad-diżabilità li jkun applikabbli għall-ICTs, biex jintuża fil-Fondi Strutturali u fi programmi oħrajn. | 2009 | Il-KE | Taħt il-Mandat nru 376, l-iżvilupp malajr ta’ standards tal-UE dwar l-aċċessibbiltà-e, f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti. | 2009- | L-ESOs | L-iżgurar tal-integrazzjoni ta’ dispożizzjonijiet xierqa dwar l-aċċessibbiltà-e fir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE. | 2008- | Il-KE | L-użu bis-sħiħ tal-opportunitajiet li hemm fil-leġiżlazzjoni attwali sabiex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà-e. | 2008- | L-Istati Membri, il-KE, l-industrija u l-partijiet interessati | L-aċċessibbiltà għall-internet Il-kisba ta’ aċċessibbiltà ta’ 100 % għas-siti pubbliċi tal-internet u t-tħejjija ta’ bidla ta’ malajr għall-ispeċifikazzjonijiet aġġornati dwar l-aċċessibbiltà għall-internet b’mod konġunt u koerenti. | 2009-2010 | L-Istati Membri | L-iżvilupp, ta’ malajr, ta’ standards tal-UE dwar l-aċċessibbiltà għall-internet, imsejsa fuq id-WCAG 2.0. | 2009- | L-ESOs (u l-partijiet interessati) | It-titjib tal-aċċessibbiltà tas-siti tal-internet tal-Kummissjoni, u l-aġġornament tal-gwida interna sabiex din tirrifletti l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda. | 2009- | Il-KE | Is-sidien tas-siti tal-internet li jipprovdu servizzi ta’ interess ġenerali u sidien ta’ siti tal-internet rilevanti oħrajn għandhom itejbu l-aċċessibbiltà tas-siti tagħhom tal-internet. | 2009- | Partijiet interessati oħrajn | Il-monitoraġġ tal-progress u l-pubblikazzjoni tiegħu, u l-ħsieb dwar jekk hemmx bżonn ta’ gwida komuni tal-UE, inkluż ta’ azzjoni leġiżlattiva. | 2009- | Il-KE | It-tmexxija fit-titjib tal-għarfien u tal-fehim tal-aċċessibbiltà għall-internet b’mod koerenti, effiċjenti u effettiv, u r-rappurtaġġ tal-progress li jkun sar lill-grupp ta’ livell għoli. | 2008- | L-Istati Membri | [1] COM(2008) 412. [2] Skont id-dokument "Il-bidla demografika – l-impatti tat-teknoloġiji l-ġodda u tas-soċjetà tal-informazzjoni." [3] Ara d-dettalji fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja 'l din il-Komunikazzjoni. [4] Il-Komunikazzjoni dwar l-i2010 (COM(2005) 229), il-Komunikazzjoni dwar l-aċċessibbiltà-e (COM(2005) 425), u l-Komunikazzjoni dwar l-Inklużjoni-e COM(2007) 694. [5] COM(2008) 426. [6] Għad-dettalji ara l-istudju tal-MeAC (“Measuring progress of e-accessibility in Europe” [Inkejlu l-progress tal-aċċessibbiltà-e fl-Ewropa]). [7] Ara r-rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika. [8] http://ec.europa.eu/idabc/en/document/7728 [9] L-istudju tal-MeAC u l-istudju dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi tal-ICT għall-persuni b’diżabilità u għal dawk imdaħħlin fl-età. [10] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006. [11] l-għan tal-Mandat nru 376 huwa li jgħin biex ix-xiri pubbliku u l-prattika tajba f'dak li għandu x'jaqsam mal-ICTs jintużaw b’mod li jitneħħa x-xkiel għall-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità u dawk imdaħħlin fl-età fis-soċjetà tal-informazzjoni. Il-Mandat ingħata mill-Kummissjoni Ewropea lill-ESOs sabiex dawn isibu soluzzjoni għal rekwiżiti komuni (per eżempju f’dak li għandu x’jaqsam mad-daqs tat-test, mal-kuntrast tal-iskrijn, mad-daqs tat-tastiera, eċċ) u għall-valutazzjoni tal-konformità. [12] Ara l-istudju tal-MeAC u l-istudju dwar l-aċċessibbiltà tal-prodotti u tas-servizzi tal-ICT għall-persuni b’diżabilità u għal dawk imdaħħlin fl-età. [13] Fil-konsultazzjoni pubblika, 90 % tal-organizzazzjonijiet tal-utenti qiesu l-leġiżlazzjoni li torbot bħala ħaġa ta’ prijorità għolja, meta mqabbla mat-33 % tal-industrija u tal-awtoritajiet pubbliċi. [14] Id-Direttivi 2000/78/KE, 2002/21/KE, 1999/5/KE, 2004/18/KE, 2001/29/KE, 2007/65/KE. [15] Per eżempju, id-Direttiva 1999/5/KE dwar it-tagħmir terminali qed tiġi riveduta: f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tiżgura li tinżamm il-possibbiltà li jiġi attivat l-Artikolu 3(3)(f) rilevanti. [16] Id-Direttiva 2007/65/KE. [17] L-istudju tal-MeAC. [18] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal relatat. [19] COM(2001) 529. [20] 2002/CK 86/02 u 2003/K 39/03. [21] C5-0074/2002-2002/2032(COS). [22] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal. [23] Skont id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 2000/78/EC. [24] Kif imsemmi f’COM(2007) 725. [25] www.epractice.eu. [26] Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-COM 2007 (694). [27] Partijiet tat-tagħmir tal-ICT li jappoġġaw il-kapaċitajiet funzjonali tal-persuni b’diżabilità. [28] Stqarrijiet li jipprovdu tagħrif ta’ appoġġ bħal, per eżempju, il-politika ta’ aċċessibbiltà tas-sit tal-internet, il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti, l-appoġġ għall-persuni b'dżabilità, u l-mekkaniżmi biex wieħed iressaq ilment.