This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0617
Communication from the Commission to the Council and the European Parliament - One year after Lisbon: the Africa-EU partnership at work {SEC(2008) 2603}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni {SEC(2008) 2603}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni {SEC(2008) 2603}
/* KUMM/2008/0617 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni {SEC(2008) 2603} /* KUMM/2008/0617 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.10.2008 KUMM(2008) 617 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni {SEC(2008) 2603} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Sena wara Liżbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni 1. INTRODUZZJONI Fit-tieni Samit tagħhom ta’ Diċembru 2007 f’Liżbona, l-UE u l-Kapitijiet ta’ Stat u Gvern Afrikani adottaw Strateġija Konġunta bejn l-Afrika u l-UE – qafas politiku ambizzjuż għat-tul, li kkonferma l-qawwa tar-rieda tagħhom biex ikabbru r-relazzjoni politika ta’ bejniethom u biex jindirizzaw l-isfidi globali id f’id. Dan id-dokument strateġiku li jikkostitwixxi tbegħid fundamentali mill-imgħoddi u jipprovdi qafas komprensiv għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, kien ġie kkomplimentat minn Pjan ta’ Azzjoni għall-2008-10, li sarraf f’termini konkreti l-politika stipulata fl-Istrateġija Konġunta. Il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi 8 partenarjati settorjali u huwa l-aġenda operattiva ewlenija għall-kooperazzjoni bejn l-Afrika u l-UE sa ma jasal is-Samit li jmiss, li se jsir fl-Afrika fl-2010. L-Istrateġija Konġunta u l-attivitajiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat marbutin mal-Afrika jikkomplimentaw u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u t-tnejn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE. Il-mexxejja għamluha ċara wkoll li s-sena 2008 għandha tkun sena ta’ implimentazzjoni u progress viżibbli. Ftehmu li l-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (KUA) kull sena kellhom jissottomettu rapport dwar l-istat tal-avvanz li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta' Azzjoni. Sabiex tenfasizza l-impenn politiku tagħha għal dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet ukoll li tħejji din il-Komunikazjoni dwar il-progress miksub u l-isfidi li kellha quddiemha. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tlieta: (1) il-valutazzjoni tal-progress miksub matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni; (2) l-identifikar tal-isfidi prinċipali ġejjiena, u b’hekk tiġi stabbilita bażi għal diskussjoni bejn il-partijiet interessati kollha – l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi Afrikani, il-parlamenti, is-soċjetà ċivili u s-sħab internazzjonali, u (3) il-forniment ta’ kontribuzzjoni għar-rapport konġunt dwar il-progress miksub li għandu jiġi ppreżentat fil-laqgħa tat-Trojka Ministerjali li se ssir f’Novembru 2008. Il-Komunikazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-progress inizjali miksub fir-rigward tal-għanijiet politiċi ġenerali tal-Istrateġija Konġunta u l-implimentazzjoni tat-8 partenarjati. It-taqsima tal-għeluq tħares ’il quddiem u tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ewlenin dwar kif għandu jitwettaq avvanz b'mod aħjar u b’ritmu aktar mgħaġġel. 2. L-ISTRATEġIJA KONġUNTA - DIREZZJONIJIET POLITIċI U DISPOżIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI L-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta’ Azzjoni stipulaw il-prinċipji ewlenin, l-għanijiet u l-komponenti tal-partenarjat strateġiku l-ġdid bejn l-Afrika u l-UE u .jqiegħdu din ir-relazzjoni fuq bażi aktar matura u aktar ekwa billi jieħdu d-djalogu u l-kooperazzjoni “lil hinn mill-iżvilupp”, “lil hinn mill-Afrika” u “lil hinn mill-istituzzjonijiet”. Wara kważi sena, sar progress inizjali: - “Lil hinn mill-iżvilupp": L-Afrika tibqa’ fil-qalba tat-tħassib tal-UE fejn għandha x’taqsam il-politika barranija, u aktar ma jgħaddi ż-żmien id-djalogu dejjem jinfirex lil hinn mill-qafas tal-kwistjonijiet tradizzjonali marbuta mal-iżvilupp, l-aġenziji u l-uffiċjali. L-intensifikazzjoni ta’ kuntatti f’livell għoli, b’mod partikolari fis-settur tal-paċi u s-sigurtà, kif juru l-laqgħat tat-Troika tal-Kumitat tal-Politika u s-Sigurtà (PSC) tal-UE u l-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà (PSC) tal-UA li saru f’Ottubru u tal-Ministri għad-Difiża Afrika-UE li saru f’Novembru 2008, tenfasizza dan l-interess li dejjem qed jikber. Madankollu, l-Afrika spiss għadha tiġi kkunsidrata bħala “żona bi problema ta’ żvilupp” u ttrattata bħala tali; jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu mmobilizzati impenn politiku u riżorsi finanzjarji minn partijiet interessati minn barra l-komunità tal-iżvilupp. - “Lil hinn mill-Afrika": F’dan ir-rigward ukoll, ir-riżultati huma inkoraġġanti imma bil-ħotob. Filwaqt li l-UE u l-Afrika qegħdin dejjem aktar jiddiskutu u jikkooperaw fejn jidħlu problemi globali bħal mhuma l-paċi u s-sigurtà, jew il-bidla fil-klima, l-enerġija u s-sigurtà tal-ikel, il-pern tad-dibattitu ta’ spiss jibqa’ mwaħħal fuq l-Afrika – l-impatt tal-bidla tal-klima fuq l-Afrika , l-enerġija u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika eċċ. Jeħtieġ ukoll li ż-żewġ naħat jagħmlu sforz akbar biex isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan in-NU, u f’fora internazzjonali oħra, u matul negozjati multilaterali dwar kwistjonijiet ewlenin bħal mhuma l-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-bidla fil-klima. Għandhom ukoll jidentifikaw pożizzjonijiet komuni biex jaħdmu flimkien fuq problemi politiċi reġjonali u globali. - “Lil hinn mill-istituzzjonijiet": Waħda mill-ikbar innovazzjonijiet ta’ dan il-partenarjat iċċentrat fuq il-persuni hi l-involviment ta’ spettru wiesa’ ta’ atturi li mhumiex tradizzjonali mis-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-komunità akkademika. Filwaqt li jeżisti interess ġenwin għal ingaġġ serju, iż-żewġ naħiet għandhom iwettqu ħidma aktar sfiqa biex jidentifikaw mezzi finanzjarji u jiżviluppaw dispożizzjonijiet prattiċi ta’ xogħol biex atturi mhux istituzzjonali jkunu jistgħu jipparteċipaw u jaġixxu bejniethom b’mod attiv. It-Troika Ministerjali tas-16 ta’ Settembru 2008 adottat l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta' Azzjoni, laqgħet bil-ferħa l-progress miksub, u approvat sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti għal quddiem. Min-naħa tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ ħidma miftiehma f’Liżbona ssaħħew permezz ta’ sensiela ta’ miżuri addizzjonali. Ix-xogħol ta’ implimentazzjoni tal-partenarjati tematiċi Afrika-UE ngħata lil tmien Timijiet ta’ Implimentazzjoni tal-UE (ITs) li huma magħmula minn Stati Membri partikolarment impenjati, il-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Kunsill, taħt il-koordinazzjoni ġenerali tal-Grupp ta’ Ħidma “Afrika” tal-Kunsill. Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-aspetti finanzjarji, l-Istati Membri tal-UE qed jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-attivitajiet previsti, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea se tittraduċi l-impenji finanzjarji tagħha f’termini ta’ appoġġ għall-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta’ Azzjoni billi tagħmel l-aħjar użu mis-sorsi u l-istrumenti ta’ finanzjament disponibbli fil-Baġit tal-KE taħt il-Qafas Finanzjarju Multiannwali attwali u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Min-naħa Afrikana, il-KUA baqa’ l-interlokutur prinċipali. Filwaqt li diversi pajjiżi u organizzazzjonijiet Afrikani esprimew interess fil-proċess, għandhom jiġu mmobilizzati malajr kemm jista’ jkun atturi u kontropartijiet addizzjonali għat-Timijiet ta’ Implimentazzjoni tal-UE sabiex jeżegwixxu u jikkoordinaw il-partenarjati – barra mill-KUA, dawn “l-ixprunaturi” jistgħu jinkludu lill-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (RECs) u lill-Bank Afrikan tal-Iżvilupp (AfDB), u kif ukoll lil ċerti pajjiżi. Saru wkoll l-ewwel sforzi biex jinfetaħ il-proċess għal imsieħba internazzjonali, inklużi l-Bank Dinji, is-sistema tan-NU u l-pajjiżi tal-G-8. Dan ix-xogħol issa għandu jgħaddi lil hinn mid-djalogu strateġiku għal kooperazzjoni konkreta fil-livell ta’ kull partenarjat. Fl-aħħarnett, matul l-2008 seħħ tisħiħ konsiderevoli tal-kuntatti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fl-UA. Il-ħolqien ta’ Delegazzjoni Komunitarja ġdida liebsa “żewġ kpiepel” għall-UA f’Addis Ababa, id-djalogu li dejjem qed jintensifika bejn iż-żewġ Kummissjonijiet u l-programm ta’ kooperazzjoni, u kif ukoll il-partenarjat li qed jitwieled bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Panafrikan huma eżempji tajbin. Il-komunikazzjoni u l-lingwa huma wkoll elementi fundamentali għall-bini tal-proċess demokratiku u parteċipattiv għaċ-ċittadini, li għalih huma essenzjali servizzi u kooperazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb ipprovduti mill-UE u l-UA fl-oqsma tal-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-lingwi. Dan jikkontribwixxi għal għan ieħor ġenerali – dak li jiġi pprovdut sostenn għall-integrazzjoni politika u ekonomika tal-Afrika u li jissaħħu l-UA u l-Kummissjoni tagħha bħala żewġ istituzzjonijiet effikaċi fl-Afrika. 3. IL-PARTENARJATI: Min-naħa tal-UE, l-impenn pożittiv tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u istituzzjonijiet Ewropej u partijiet interessati oħra kien strumentali biex jiġi rreġistrat progress bikri fit-8 partenarjati, f’konformità mal-impenji internazzjonali għal effiċjenza akbar fejn jirrigwarda l-għajnuna, il-koerenza strateġika għall-iżvilupp u t-tqassim ta’ xogħol kif ukoll tat-teħid in konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet bħal mhi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Is-sezzjonijiet li ġejjin juru b’mod ċar xi progress inkiseb s’issa u x’inhi t-triq ’il quddiem f’termini ta’ azzjonijiet ta’ prijorità. Id-Dokument ta’ Ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni jagħti ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-kisbiet u r-riżultati prijoritarji taħt it-8 partenarjati tematiċi. 3.1. Il-Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall-Paċi u s-Sigurtà Il-paċi u s-sigurtà jibqgħu fost l-ogħla prijoritajiet għall-kooperazzjoni bejn l-Afrika u l-UE. Dan il-Partenarjat jiċċentra l-aktar fuq l-interkonnettività bejn il-politika, l-għanijiet operattivi u l-finanzjament. Djalogu msaħħaħ fuq l-isfidi li joffru l-paċi u s-sigurtà fl-Afrika, l-Ewropa u fuq livell dinji jrid jiġi ppareġġjat minn rieda politika min-naħa tal-mexxejja Afrikani, u għandu jinbena fuq il-kapaċità biex tinstab tweġiba għall-isfidi fil-kontinent u lil hinn minnu. L-Istrateġija Konġunta, min-naħa tagħha, tirrikonoxxi li l-Afrika ma tistax titħalla weħidha biex terfa’ l-piż tal-operazzjoni ta’ sostenn għall-paċi. (PSOs). Din is-sena, diskussjonijiet politiċi u tekniċi indirizzaw il-kriżijiet politiċi maġġuri fl-Afrika b’rabta ma’ postijiet bħall-Kenja, iż-Żimbabwe, il-Mawritanja, il-djalogu u l-miżuri ta’ sostenn tal-paċi favur is-Somalja, il-kriżi f’Darfur, l-operazzjoni ta’ sostenn tal-paċi tal-UA fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali u l-missjoni militari ESDP tal-UE fiċ-Ċad. Ġew immirati wkoll sforzi speċifiċi lejn it-titjib fis-sostenn finanzjarju u tekniku għall- kapaċità tal-UA biex tippjana, tmexxi u tamministra l-PSOs li jeħtieġu tisħiħ ulterjuri. F’dan il-kuntest, qed jiġi rreġistrat progress sostanzjali fit-tħejjija tat-tieni Faċilità Afrikana ta’ Sostenn għall-Paċi, b’allokazzjoni ta’ €300 għall-perjodu 2008-10, u permezz ta’ approċċ aktar komprensiv li jmur lil hinn mill-PSOs u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u li jinkludi l-prevenzjoni mill-konflitti u l-istabilizzazzjoni wara l-konflitti. It-tim tal-IT tal-UE beda jidentifika r-riżultati speċifiċi mistennija u li se jkunu diskussi mill-aktar fis possibbli mal-imsieħba Afrikani. Dawn jinkludu, inter alia , it-tisħiħ tal-Forza Afrikana għall-Allert permezz ta’ taħriġ militari u ċivili speċifiku, kapaċità miżjuda għal twissijiet minn kmieni, u kooperazzjoni msaħħa biex jiġi miġġieled it-terroriżmu kif ukoll it-traffikar illegali tal-armi tan-nar. Qed jingħata sostenn finanzjarju u tekniku għat-tisħiħ meħtieġ tal-kapaċità tal-UA biex tippjana, tmexxi u tamministra operazzjonijiet ta’ sostenn tal-paċi. Fl-ambitu tal-qafas tan-NU, dalwaqt jibdew diskussjonijiet dwar finanzjament sostenibbli u prevedibbli tal-PSOs immexxija mill-Afrika. Sitt “atturi-mexxejja” nħatru biex flimkien imexxu t-tliet oqsma ta’ prijorità tal-Partenarjat. 3.2. Partenarjat Afrika-UE għall–Governanza Demokratika u d-Drittijiet tal-Bniedem Dan il-Partenarjat jimmira għal żvilupp ta’ għarfien komuni ta’ governanza demokratika u għall-promozzjoni u l-konsolidazzjoni ta’ programm bi sħab favur id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jikkonferma l-impenn għal ħidma għalenija biex jitħarsu u jitmexxew ’il quddiem id-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjonijiet kollha fl-Afrika u l-Ewropa. Dan il-Partenarjat jinkludi wkoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura. Il-djalogu bejn l-Afrika u l-UE u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem ilhom iseħħu għal bosta snin fl-ambitu tal-qafas tal-azzjoni esterna tal-UE u tal-politiki u l-istrumenti għall-iżvilupp u l-viċinat. L-ottimizzar tas-sinerġiji mal-proċessi essenzjali li jinsabu għaddejjin jippermetti li jkun hemm sostenn aktar b’saħħtu għar-riformi tal-governanza u li jiġu żgurati ħarsien u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet. Il-konsolidazzjoni tal-governanza demokratika fil-pajjiżi tal-ACP permezz tad-djalogu u l-inċentivi huwa l-għan prinċipali tal-proċess tat-Tranche ta’ Inizjattivi marbuta mal-Governanza li permezz tagħha ġew allokati €2.7 biljun għal dawk il-pajjiżi li ressqu Pjanijiet ta’ Azzjoni marbuta tal-Governanza. L-UE u l-UA għandhom jaħdmu flimkien biex isostnu l-isforzi tal-pajjiżi Afrikani biex jibnu s-sistemi demokratiċi tagħhom u jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom ta’ riforma nazzjonali, imma wkoll biex iħeġġu r-rieda politika fejn il-proċessi demokratiċi kienu twaqqfu jew iddewmu. L-UA u l-UE nidew dibattiti dwar il-governanza lokali; dawn id-dibattiti joffru opportunitajiet ulterjuri għal ħidma konġunta. L-UE għandha tistieden lill-UA biex b’mod konġunt isegwu dawn ir-riflessjonijiet, partikolarment wara l-Jiem Ewropej ta’ Żvilupp li se jsiru fi Strassburgu f’Novembru 2008, u li se jiffukaw fuq dawn il-kwistjonijiet. Hi mistennija wkoll ħidma konġunta fuq ir-rwol u l-pluraliżmu tal-midja. Dan il-Partenarjat għandu wkoll jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tad-Djalogu bejn l-UA u l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. L-UE se tistieden lill-UA biex b’mod konġunt jidentifikaw il-kwistjonijiet marbuta mal-kooperazzjoni f’fora internazzjonali u biex jikkunsidraw it-teħid ta’ inizjattivi konġunti. Se jiġu mistiedna wkoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Afrika u l-UE biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet paralleli u jagħtu l-kontribut tagħhom għal dan id-djalogu. Dan il-Partenarjat għandu jikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-governanza Pan-Afrikana u għall-binja tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjonijiet tal-UA u l-UE għandhom jivvalutaw ir-riżultati tas-sostenn attwali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet bil-ħsieb li jiffissaw b’mod konġunt il-prijoritajiet għal kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lill-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet Afrikani għall-għajnuna u l-osservazzjoni fir-rigward tal-proċessi elettorali u lill-ġestjoni tal-kriżijiet ta’ wara l-elezzjonijiet. Fl-2009 se jibda jsir inventarju tal-attivitajiet fil-qasam tal-beni kulturali u dan għandu jservi bħala bażi għall-istrutturar tal-prijoritajiet f’dan il-qasam. Fl-aħħar nett, bil-għan li jinvolvu l-usa’ firxa possibbli ta’ atturi u partijiet interessati, fl-2009 l-UA u l-UE se jniedu “Pjattaforma għal djalogu dwar il-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem”. 3.3. Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall-Kummerċ u l-Integrazzjoni Reġjonali L-għan ewlieni ta’ dan il-Partenarjat hu li jsostni l-integrazzjoni soċjoekonomika u politika tal-Afrika biex il-ħolqien ta' swieq akbar li jkunu reġjonalment integrati jsir b’ritmu aktar mgħaġġel u biex l-infrastruttura u s-servizzi Afrikani jittejbu u jkunu appoġġjati. It-tneħħija tal-barrieri doganali interni fl-Afrika, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet, tal-produtturi u tal-esportaturi fil-livelli kollha biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji tas-swieq tagħhom tal-esportazzjoni huma kruċjali f’dan ir-rigward. Il-Komunikazzjoni riċenti dwar l-integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP[1] hi l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal dan id-dibattitu. Il-Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku (EPAs) jibqgħu preokkupazzjoni essenzjali u, meta konklużi fuq bażi reġjonali globali, jikkostitwixxu s-sisien tas-sostenn fornut mill-UE għall-integrazzjoni reġjonali Afrikana. Ġeneralment, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamentazzjoni, il-proċeduri, in-normi u l-istandards mal-Afrika kollha jistgħu jiġu indirizzati f’livell pan-Afrikan bħala kumplimentari għall-isforzi reġjonali. Wieħed mir-riżultati essenzjali mistennija jista’ jkun jikkonċerna l-istandards sanitarji u fitosanitarji (SPS), partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità umana u l-iskambju tal-informazzjoni fuq bażi tal-kontinent. Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tibgħat missjoni ta’ livell għoli fl-Afrika kmieni fl-2009. Il-Partenarjat Afrika-UE għall-Infrastruttura tnieda fl-2007, qabel l-adozzjoni tal-Istrateġija Konġunta, u l-implimentazzjoni tiegħu beda fl-2008. L-għanijiet tiegħu huma li jiżdiedu b’mod sostanzjali l-investimenti tal-UE fl-infrastruttura Afrikana biex b'hekk issir kontribuzzjoni għall-interkonnettività tal-Afrika. Dan il-Partenarjat juża diversi strumenti finanzjarji: il-Programmi Indikattivi Nazzjonali/il-Programmi Innovattivi Rurali (NIP/RIPs) (l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp), li jgħinu t-trasport reġjonali il-kurituri tal-enerġija u l-komunikazzjonijiet, il-Faċilitajiet għall-Enerġija u l-Ilma, u l-Fond Fiduċjarju għall-Infrastrutturi, li jippermetti t-taħlit tal-għotjiet u l-għotjiet b’self. Il-Fond Fiduċjarju diġà rċieva €108 miljun mid-9 FEŻ – aktar fondi huma mistennija taħt l-10 FEŻ – u €38 miljun mingħand ħdax-il Stat Membru. Il-Bank Ewropew tal-Investiment u donaturi oħra ħabbru wkoll għotjiet b’self lill-Fond Fiduċjarju ta’ ’l fuq minn €250 miljun. Fl-aħħar nett, programm ta’ sostenn ta’ €10 miljun se jkun qed jipprovdi għajnuna lill-Kummissjoni tal-UA biex tfassal u tippromwovi politka u azzjonijiet bħala reazzjoni għall-isfidi li għandha l-Afrika fejn għandhom x’jaqsmu l-infrastrutturi. 3.4. Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (l-GħMŻ) Dan il-Partenarjat għandu jservi bħala forum għal djalogu politiku intensifikat bejn kontinent u ieħor, kooperazzjoni u azzjonijiet konġunti bil-għan li jinkisbu l-GħMŻ kollha fil-pajjiżi Afrikani kollha sal-2015. Il-Partenarjat jidentifika erba’ azzjonijiet prijoritarji: - L-iżgurar tal-bażi finanzjarju u strateġiku għall-ksib tal-GħMŻ; - It-tħaffif fil-pass għall-ksib tal-GħMŻ marbutin mas-sigurtà tal-ikel; - It-tħaffif fil-pass għall-ksib tal-GħMŻ marbutin mas-saħħa; - It-tħaffif fil-pass għall-ksib tal-GħMŻ marbutin mal-edukazzjoni. F’Ġunju 2008, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-UE kkonfermaw l-impenji tagħhom fir-rigward taż-żieda fil-miri għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għall-2010 u l-2015, u adottaw Pjan ta’ Azzjoni għall-GħMŻ. Dan jistabbilixxi sostenn settorjali miżjud min-naħa tal-UE u jipprovdi eżempji ta' azzjonijiet tal-UE li għandhom jiġu implimentati bħala parti mill-impenji eżistenti tal-ODA. Il-Pjan jirrappreżenta offerta kollettiva Ewropea lill-partenarjati li qed jiżviluppaw u lill-komunità internazzjonali. Filwaqt li hu ta’ natura globali, il-Pjan jidentifika lill-Afrika bħala prijorità ċara, u hu konsistenti mal-ħidma tal-Grupp Direttiv għall-ksib tal-GħMŻ fl-Afrika mwaqqaf mis-Segretarjat Ġenerali tan-NU (UNSG). Huwa essenzjali li jiġi ddeterminat f’liema livell ix-xogħol bejn kontinent u ieħor jirrendi valur miżjud għall-inizjattivi eżistenti, filwaqt li titqies il-ħtieġa li l-ħidma fil-livell Afrika –UE tintrabat mal-attivitajiet f’livelli nazzjonali, subreġjonali u multilaterali. Fil-livell kontinentali, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE jista’ jintuża bħala strument politiku biex (1) tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar l-GħMŻ u tiġi stimulata l-identifikazzjoni mill-Afrika tal-ħtiġiet u l-prijoritajiet tagħha, (2) jiġi skattat titjib fis-sorveljanza tal-progress għall-ksib tal-GħMŻ f'livell kontinentali u (3) jiġu żviluppati pożizzjonijiet komuni bejn l-Afrika u l-UE dwar l-GħMŻ għal matul laqgħat internazzjonali maġġuri. Fil-livell tal-pajjiż, il-Pjan jista’ jintuża bħala strument għal djalogu politiku biex: (1) jiġu ffissati stadji importanti u miri “nazzjonalizzati” għall-GħMŻ, jekk dawn ma jkunux diġà jeżistu, adattati għall-kuntesti nazzjonali u jittejbu s-sistemi nazzjonali tad-dejta u s-sorveljanza, (2) titkattar l-integrazzjoni tal-GħMŻ fl-istrateġiji nazzjonali tal-iżvilupp u (3) jiġu ddefiniti azzjonijiet konkreti u prattika effiikaċi biex jitħaffef ir-ritmu tal-progress lejn il-miri tal-GħMŻ. Ir-riżultati mistennija f’qasir żmien dwar l-aspetti finanzjarji u strateġiċi għandhom jinkludu l-identifikazzjoni konġunta ta’ stadji importanti u azzjonijiet prijoritarji fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet adottati reċentement tal-Grupp Direttiv tal-UNSG għall-ksib tal-GħMŻ fl-Afrika. Riżultat bikri li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-ikel jista’ jkun ħidma konġunta għat-tisħiħ tar-rabta bejn il-Programm Tematiku għas-Sigurtà tal-Ikel tal-UE, il-proposta għal Faċilità tal-Ikel tal-UE, u l-Qafas Afrikan għas- Sigurtà tal- Ikel kif imfisser fil-Programm Globali ta’ Żvilupp Agrikolu fl-Afrika (it-Tielet Pilastru), b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka dwar l-agrikoltura, tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel, ta’ ġestjoni aħjar tar-riskju tas-sigurtà tal-ikel u ta’ sostenn għall-organizzazzjonijiet reġjonali u kontinentali tal-bdiewa. Jeżistu opportunitajiet għall-konverġenza mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE fejn jirrigwarda t-tisħiħ tal-finanzjament għas-saħħa u l-edukazzjoni, l-indirizzar tal-kriżi tar-riżorsi umani fis-settur tas-saħħa u kif ukoll in-nuqqas konsiderevoli fl-għadd ta’ għalliema mħarrġa u fil-kwalità tal-edukazzjoni. 3.5. Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika għall-Enerġija. L-enerġija hija qasam li dwaru l-Afrika u l-Ewropa jaqsmu interessi reċiproċi importanti u qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi komuni. L-għanijiet ta' dan il-Partenarjat huma tlieta: it-tisħiħ tad-djalogu bejn l-Afrika u l-UE dwar l-aċċess għall-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, it-titjib tal-aċċess għas-servizzi tal-enerġija, u ż-żieda fl-investiment għall-infrastruttura u l-promozzjoni tal-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza tal-enerġija. F’Settembru 2008, il-Kummissjonarji Ewropej għall-Enerġija u l-Iżvilupp daħlu għal missjoni konġunta fl-Afrika li fil-mira tagħha kellha kwistjonijiet dwar l-enerġija. Iż-żjara li saret lill-Kummissjoni tal-UA u lil tliet pajjiżi – l-Etijopja, in-Niġerja u l-Burkina Faso – tirrifletti kemm id-diversità enerġetika kif ukoll l-potenzjal tal-Afrika. L-aspetti reġjonali okkupaw post prominenti fuq l-aġenda ta’ din iż-żjara minħabba li l-interkonnessjonijiet se jkunu kruċjali mill-perspettiva tal-enerġija, imma wkoll bħala fattur stabilizzanti bejn il-pajjiżi tad-diversi RECs. Matul din iż-żjara ntlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-UA dwar il-prijoritajiet ewlenin u l-metodi ta’ governanza għall-implimentazzjoni tal-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall-Enerġija u ġiet iffirmata “Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Implimentazzjoni tal-Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall-Enerġija”. Din id-Dikjarazzjoni hija l-ewwel ftehim settorjali formali li jsegwi s-Samit ta’ Liżbona, u ġie approvat matul il-laqgħa Kolleġjali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-UA li saret fi Brussell fl-1 ta’ Ottubru 2008. Il-metodi ta’ governanza tal-partenarjat issa ġew iffinalizzati: l-UE u t-Timijiet ta’ Implimentazzjoni ltaqgħu kemm-il darba, twaqqaf il-Grupp Ċentrali Afrikan u fil-15-16 ta’ Ottubru 2008 se ssir l-ewwel laqgħa tal-Grupp Informali Konġunt ta’ Esperti f’Addis Ababa. Barra minn hekk, issa ġie miftiehem li l-Laqgħa ta’ Livell Għoli bejn l-Afrika u l-UE dwar l-Enerġija se ssir fl-2009, u se tkun tmiss mal-Forum dwar il-Partenarjat għall-Enerġija li fih se jipparteċipaw is-soċjetà ċivili u s-settur privat. Il-prijoritajiet li dwarhom intlaħaq qbil fid-Dikjarazzjoni Konġunta huma: l-integrazzjoni reġjonali u l-modernizzazzjoni tal-infrastutturi tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ ambjent propizju għall-investimenti mis-settur privat, it-titjib fl-aċċess għas-servizzi tal-enerġija, l-eżaminar tal-potenzjal tal-Afrika fir-rigward tal-enerġija li tiġġedded b’mod sostenibbli, it-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart. Fuq din il-bażi, il-Grupp Informali Konġunt ta’ Esperti fuq l-Enerġija se jistabbilixxi pjan strateġiku għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet imsemmija hawn fuq. Jinsab għaddej djalogu bilaterali ma’ pajjiżi jew reġjuni Afrikani speċifiċi dwar kwistjonijiet marbuta mal-enerġija. Fl-2008, diversi proġetti għas-settur tal-enerġija b’sostenn għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Partenarjat ġew jew se jkunu kkuntrattati taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti u l-programmi tematiċi, inklużi l-Faċilità għall-Enerġija, il-Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għall-Infrastruttura u l-Fond Fiduċjarju tiegħu, il-programmi bilaterali u reġjonali tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, l-Ambjent, il-programm tematiku għall-ġestjoni ambjentali u sostenibbli tar-riżorsi naturali inkluża l-enerġija – il-programm ENRTP. 3.6. Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika għat-Tibdil fil-Klima Dan il-Partenarjat jinkludi 2 azzjonijiet prijoritarji marbuta ma’ xulxin: (1) it-tiswir ta’ programm komuni għall-politiki u l-kooperazzjoni fir-rigward tal-bidla fil-klima, u (2) il-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art u l-aridità li dejjem qed tikber. L-ewwel Azzjoni Prijoritarja tiffoka fuq il-pajjiżi Afrikani fil-mira tal-Alleanza Dinjija għal Kontra l-Bidla fil-Klima (GCCA)[2] biex iservu ta’ qafas biex jissaħħaħ id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni bejn l-UA u l-UE. Din l-Azzjoni tipprovdi kanal privileġġjat biex tiġi żviluppata viżjoni maqsuma bejn l-Afrika u l-UE dwar il-bidla fil-klima u l-addattament għal din il-bidla. Il-kunċett ta’ Informazzjoni Klimatika għall-Ħtiġiet tal-Iżvilupp fl-Afrika (ClimDev Africa) huwa t-tieni fergħa ta' din l-azzjoni prijoritarja[3]. Il-programm ClimDev huwa marbut mill-qrib mat-tnaqqis tar-riskji, wieħed mill-oqsma prijoritarji tal-GCCA. Fost l-ewwel riżultati mistennija għandu jkun hemm dikjarazzjoni politika konġunta Afrika-UE dwar il-bidla fil-klima u l-GCCA[4], bi tħejjija għall-Konferenza ta’ Poznan dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bidla fil-Klima li se ssir f’Diċembru 2008 (u li matulha se tiġi ppreżentata Dikjarazzjoni ġenerali tal-UE dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati-Gżejjer li qed jiżviluppaw) u fuq il-bażi tal-prijoritajiet Afrikani marbutin mal-“klima”[5]. It-tieni Azzjoni Prijoritarja hija l-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-art fl-Afrika. F’dan il-kuntest, l-Inizjattiva “Ħajt Aħdar għas-Saħħara” hija vetrina għall-ġbir flimkien tal-isforzi Afrikani fuq il-livelli kontinentali, nazzjonali u lokali, u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-art. Il-Partenarjat se jservi ta’ sostenn għal attivitajiet bħalma huma t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-tiqjis ta’ ġestjoni sostenibbli tal-art u l-ilma, l-iżvilupp u l-awtorizzazzjoni tal-komunità lokali, u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali fil-livell lokali. Ir-riżultati bikrin jinkludu t-tkomplija tal-istudju esploratorju inizjali fil-livell istituzzjonali fil-bidu tal-2009 u l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni mill-Kummissjoni tal-UA f’Jannar 2009. Għaż-żewġ azzjonijiet, hu meħtieġ li jiġi ffurmat grupp ċentrali ta’ partijiet interessati li jkunu kapaċi li jixprunaw il-proċess u l-eżerċizzjoni tal-ippjanar strateġiku mibdi fil-livell tal-UE se jkun strumentali f’dan ir-rigward. Barra dan, il-Kummissjoni Ewropea u l-UA jinsabu għaddejjin bid-djalogu tagħhom fuq bażi usa’ dwar l-ambjent, li jinkorpora l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Multilaterali dwar l-Ambjent, it-tnaqqis tar-riskji tad-diżastri, l-integrazzjoni tal-ambjent fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ma’ diversi sħab pan-Afrikani ikkonċernati (KUA, NEPAD, AMCEN, UNEP). 3.7. Partenarjat bejn l-UE u l-Afrika għall-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjieg Dan il-Partenarjat hu mibni fuq id-Dikjarazzjoni Afrika-UE ta’ Tripli, il-Pjan ta’ Azzjoni Afrika-UE għall-ittraffikar tal-persuni u d-Dikjarazzjoni ta’ Ouagadougou u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Impjieg u t-Tnaqqis tal-Faqar. Il-Partenarjat jipprovdi reazzjonijiet ħolistiċi li jikkonċernaw il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjieg, kemm bejn iż-żewġ kontinenti kif ukoll f’kull wieħed minnhom stess, bil-għan li fl-Afrika jinħolqu aktar impjiegi u ta’ kwalità aħjar, li jinkiseb progress fil-programm għal Xogħol Diċenti u li ssir ġestjoni aħjar tal-flussi tal-migrazzjoni. In-naħa Afrikana nidiet il-konsultazzjonijiet tagħha mal-RECs dwar il-migrazzjoni. Id-djalogu Ewro-Afrikan ta’ livell għoli dwar ir-rotta migratorja tal-Afrika tal-Punent jinsab miexi ’l quddiem grazzi għall-organizzazzjoni ta' konferenza Ministerjali li se ssir f'Pariġi dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp f'Novembru 2008. Dejta u analiżi affidabbli huma essenzjali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika xierqa. Il-Kummissjoni Ewropea se tipprovdi sostenn ulterjuri għall-ħolqien ta’ netwerk ta’ Osservatorji tal-migrazzjoni fl-Afrika tas-Sub-Saħħara. Il-ħolqien ta’ djalogu strutturat mad-Dijaspora Afrikana u l-appoġġ tar-rwol tagħha fl-iżvilupp tal-kontinent Afrikan huma prijorità li jaqsmu bejniethom l-UE u l-UA filwaqt li din tal-aħħar tqis lid-dijaspora Afrikana bħala s-“sitt reġjun” tagħha. Konsegwentement, se sseħħ l-organizzazzjoni li jmiss tal-ewwel Samit tad-Dijaspora Afrikana u ma’ dan is-Samit qed jittieħdu diversi inizjattivi min-naħa tal-Ewropa biex issaħħaħ id-djalogu tagħha mad-Dijaspora Afrikana. Il-Kummissjoni Ewropea, li tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tat-trasferimenti ta’ fondi f’bosta pajjiżi Afrikani, se toffri appoġġ għall-ħolqien ta’ Istitut Afrikan għan dan il-għan fl-2009, taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni tal-UA u f’kollaborazzjoni mal-Bank Dinji. Il-kooperazzjoni attwali mas-sħab Afrikani tinkludi wkoll il-promozzjoni tad-djalogu reġjonali u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-imigrazzjoni illegali, it-traffiku illeċtu tal-migranti u t-traffikar tal-persuni. Waħda mill-inizjattivi li b’mod konkret tgħaqqad il-migrazzjoni, il-mobbiltà, l-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali, u li hija spirata minn inizjattivi preċedenti fil-Marokk u t-Tuneżija, hija s-sostenn tal-Komunità Ewropea għaċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u ta’ Ġestjoni tal-Migrazzjoni f’Mali (CIGEM). Diġà jeżisti interess Afrikan fir-riproduzzjoni ta’ dawn l-esperjenzi. Il-programmi Erasmus Mundus, Tempus u Nyerere jipprovdu opportunitajiet lill-istudenti Afrikani kkwalifikati biex igawdu minn mobbiltà akbar fl-Afrika u l-Ewropa. Barra minn hekk, il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni joffri appoġġ lill-mobbiltà Ewro-Afrikana fost iż-żgħażagħ. 3.8. Il-Partenarjat bejn l-Afrika u l-UE għax-Xjenza, is-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Ispazju Dan il-Partenarjat se jikkontribwixxi biex jissolvew il-lakuni diġitali u xjentifiċi li jeżistu, jissaħħu l-kapaċitajiet Afrikani fis-setturi tax-Xjenza, l-ICTs, it-Teknoloġija Spazjali u l-applikazzjonijiet tagħhom , u jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom bħala għodda ewlenija għall-ġlieda kontra l-faqar, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjoekonomiku. Dan il-Partenarjat se jipprovdi sostenn wkoll għall-Pjan ta’ Azzjoni Kkonsolidat Afrikan għax-Xjenza u t-Teknoloġija (CPA) u l-Pjan ta’ Azzjoni Reġjonali Afrikan għall-Ekonomija tal-Għarfien (ARAPKE). Il-Partenarjat jikkostitwixxi opportunità eċċellenti biex jiġu ddinamizzati x-Xjenza u t-Teknoloġija u s-Soċjetà tal-Informazzjoni fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u fil-partenarjat imwessa’ Afika-UE. Issa jeħtieġ li jinkisbu riżultati strateġiċi rapidi u li tiġi adottata viżjoni komuni għat-tul. Taħt dan il-Partenarjat, il-Kummissjoni tal-UA pproponiet 19-il Proġett-Fanal (Lighthouse Projects) għall-implimentazzjoni: 12 jikkonċernaw ix-Xjenza u t-Teknoloġija, 5 s-Soċjetà tal-Informazzjoni u 2 l-Ispazju. Minn dawn, sitta – 2 għal kull azzjoni prijoritarja – huma meqjusa bħala urġenti u avvanzati biżżejjed għal implimentazzjoni bikrija. F’Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fl-1 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjonarji kkonċernati tal-Kummissjoni tal-UA u tal-Kummissjoni Ewropea stabilixxew li dawn il-proġetti għandhom ikunu l-bażi għall-implimentazzjoni ulterjuri ta’ dan il-Partenarjat. Fejn għandha x’taqsam id-dimensjoni tal-“Ispazju”, l-UE u l-UA ftiehmu li jikkooperaw fl-inizjattiva tal-UE Sorveljanza Dinjija tal-Ambjent u s-Sigurtà, issa magħrufa bħala KOPERNIKUS bħala parti tal-partenarjat bejn l-UE u l-UA. Bħalissa għaddejja ħidma fuq abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni konġunt. L-għan hu li jiġi ppreżentat dan il-pjan ta’ azzjoni fis-Samit Afrika-UE li jmiss , li se jsir il-Libja fl-2010. Dan il-proċess tnieda bejn l-4 u s-6 ta’ Ottubru 2008 f’Accra (il-Gana) waqt il-laqgħa informali bejn il-Kummissjoni tal-UA u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-GMES fl-Afrika. B’mod parallel, il-Kummissjoni tal-UA u l-Kummissjoni Ewropea qed jesploraw kif se jagħmlu l-aħjar użu mix-xjenza ġeospazjali għal żvilupp sostenibbli billi jiffukaw fuq ir-riżorsi naturali, is-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-enerġiji li jiġġeddu permezz tal-ħolqien ta sistema ad hoc f’Addis ababa, imsejsa fuq il-prattiċi attwali taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-UE. 4. KONKLUżJONIJIET U L-MIXI ’L QUDDIEM Fis-Samit ta’ Liżbona, li kien sar f’Diċembru 2007, il-mexxejja tal-UE u tal-Afrika saħqu dwar l-importanza ta’ progress bikri u riżultati konkreti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Strateġika u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha. L-2008 kienet sena sinifikanti għar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE: kooperazzjoni li ilha għaddejja għal ħafna żmien kompliet aktar tissaħħaħ u tnidew inizjattivi politiċi importanti ġodda. Issawwar il-bażi għal suċċess fit-tul tal-Istrateġija - approċċ politiku innovattiv u arranġamenti għal funzjonament effettiv. Iż-żewġ naħiet diġà bdew jimplimentaw il-programm operattiv ambizzjuż tal-partenarjati tematiċi. Il-progress li sar fil-bidu jeħtieġ li jitħaffef, jitwessa u jiġi kkonsolidat. It-Trojka tas-16 ta’ Settembru 2008 ġustament enfasizzat li ż-żewġ naħiet issa jridu jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex dan il-partenarjat jirrendi r-riżultati kollha mistennija. Il-pass importanti li jmiss huwa l-ħolqien tal-Gruppi Konġunti ta’ Esperti li xogħolhom ikun li jimplimentaw u jikkoordinaw it-8 partenarjati. Dan jeħtieġ arranġamenti effiċjenti ta’ funzjonament min-naħa Afrikana, inkluża definizzjoni ċara tal-kontribuzzjonijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi, tal-pajjiżi Afrikani, il-Kummissjoni tal-UA u entitajiet oħra Pan-Afrikani, l-RECs u partijiet interessati rilevanti oħra. Fil-proċess ta’ implimentazzjoni iridu jkunu involuti l-parlamenti, is-soċjetajiet ċivili, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet multilaterali u sħab internazzjonali motivati. Fl-aħħar, imma mhux l-inqas, iż-żewġ naħiet għandhom jippromwovu koerenza politika akbar u komplimentarjetà bejn il-partenarjati tematiċi, u jintensifikaw l-isforzi tagħhom ta’ komunikazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni, sabiex il-partijiet interessati, iċ-ċittadini interessati, il-ġurnalisti u r-riċerkaturi jkunu jistgħu jissorveljaw il-progress u r-riżultati ta' dan il-partenarjat. Wara li qieset ukoll id-diskussjonijiet li saru matul fil-laqgħa interkolleġjali tal-1 ta’ Ottubru 2008 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KUA, il-Kummissjoni għalhekk identifikat rakkomandazzjonijiet għall-ġejjieni filwaqt li ffukat fuq il-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati b’urġenza: 1. Il-partenarjat iserraħ fuq sforzi kollettivi. Għalhekk, membri tat-Timijiet ta’ Implimentazzjoni fuq iż-żewġ naħat iridu jsejsu l-impenn politiku tagħhom għall-proċess fuq kontribuzzjonijiet konkreti, inklużi riżorsi umani u finanzjarji u kompetenzi tekniċi – fi Brussell, Addis Ababa, u fil-livell nazzjonali. 2. It-Timijiet ta’ Implimentazzjoni tal-UE għandhom jiffinalizzaw l-inventarju komprensiv tal-inizjattivi ta’ kooperazzjoni u r-riżorsi disponibbli, u jiżviluppaw pjan strateġiku għall-implimentazzjoni inklużi l-prijoritajiet u r-riżultati mistennija rapidament. In-naħa Afrikana għandha tippromwovi s- sjieda Afrikana tal-Istrateġija Konġunta u l-involviment proattiv fl-implimentazzjoni tagħha, u għanda wkoll tħejji malajr kemm jista’ jkun arranġamenti għal funzjonament intern effettiv. Esperti miż-żewġ naħat għandhom imbagħad b’mod konġunt jiddinamizzaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni kif ukoll tal-proġetti prijoritarji miftiehma qabel ma ssir it-Trojka Ministerjali li jmiss f’Novembru 2008. 3. Qabel Novembru 2008, għandhom isiru l-ewwel diskussjonijiet konsultattivi ma’ atturi ewlenin mhux istituzzjonali , inklużi mas-soċjetà ċivili, l-akkademja u s-settur privat, biex dawn ikunu jista' jkollhom rwol attiv fl-implimentazzjoni u s-sorveljanza tal-Istrateġija Konġunta. 4. Iż-żewġ naħat għandhom ifittxu li jagħmlu sforz biex “jittrattaw lill-Afrika bħala entità waħda” u biex bil-mod il-mod jadottaw il-politiki rilevanti u l-istrutturi legali u finanzjarji għall-ħtiġiet u l-għanijiet tal-partenarjat bil-ħsieb li jissawru proġetti għall-kontinent kollu kemm hu, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Afrika tas-Sub-Saħħara. Barra dan, il-mekkaniżmi istituzzjonali bħalma huma l-arranġamenti għall-funzjonament tal-Kunsill marbuta mal-Afrika għandhom jiġi rrazzjonalizzati aktar biex jirriflettu dan il-prinċipju. 5. L-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha ġew adottati mill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern u issa jridu jsiru l-mira ta’ sjieda kollettiva bħala impenji fuq l-iskala ta’ entità waħda governattiva. Il-koordinazzjoni għandha titjieb biex tirrifletti l-fatt li l-Istrateġija Konġunta hi prijorità li testendi għall-ministeri kollha u d-dipartimenti kollha, kemm fil-livell politiku kif ukoll fuq dak finanzjarju. 6. L-atturi Ewropej u Afrikani għandhom jintegraw il-prinċipji, l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Istrateġija Konġunta fil-programmazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja u teknika kif ukoll fid-djalogu politiku tagħhom u l-laqgħat li jkollhom ma’ terzi. 7. L-atturi Ewropej u Afrikani għandhom ukoll jirrispettaw l-impenji tagħhom biex ikabbru l-kuntatti, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fin-NU u f’korpi internazzjonali oħra u f’negozjati multilaterali, u jsawru strutturi effiċjenti ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni. 8. L-UE għandha tafferma mill-ġdid l-impenji politiċi u finanzjarji tagħha lejn l-Afrika. Minkejja s-sitwazzjoni ekonomika mwiegħra attwali, jeħtieġ li l-UE tipprovdi lill-Afrika nofs l-ODA addizzjonali mwiegħda għall-2010 u l-2015. 9. Jeħtieġ li n-naħa Afrikana wkoll tagħti prova tal-ispirtu ta’ inizjattiva u ta’ sens ta’ responsabbiltà meħtieġa għal twettiq effikaċi tal-impenji tagħha u l-kontribuzzjonijiet imwiegħda minnha għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni. 10. Għandu jiġi organizzat djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan, inkluż smigħ regolari dwar l-istat tal-progress tal-Partenarjat Strateġiku. Fl-aħħar nett, bħala element komuni globali li għandu jiġi integrat fit-8 partenarjati kollha, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq il-komunikazzjoni – partenarjat li jirnexxi u li l-fus tiegħu ikun iċ-ċittadini, jeħtieġ trasparenza fejn għandhom x’jaqsmu l-kisbiet u l-isfidi tal-proċess. Il-proċess u l-progress miksub għandhom jiġu kkomunikati b’lingwa sempliċi u li tinftiehem kemm bil-karta, bit-televiżjoni u r-radju, kif ukoll online. [1] COM(2008) xxx, 01.10.2008 [2] F’Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-inizjattiva għal Alleanza Dinjija għal Kontra l-Bidla fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-aktar li se jkunu milquta mill-impatt tal-bidla fil-klima, b’mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDC) u l-Istati-Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw COM(2007) 540, 18.9.2007; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill, 15103/07; SEC(2008)2319, 15.7.2008 [3] Din tikkonsisti f’inizjattiva konġunta bejn is-Sistema Dinjija tal-Osservazzjoni tal-Klima, il-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Afrika u l-Kummissjoni tal-UA, li l-għan tagħha hu li titbieb id-disponibbiltà tad-dejta dwar il-klima fl-Afrika għal min jieħu d-deċiżjonijiet. [4] Possibbilment waqt il-laqgħa tat-Trojka Ministerjali Afrika-UE li hija skedata għal Novembru 2008. [5] Ara inter alia r-riżultati tal-Konferenza Ministerjali Afrikana dwar l-Ambjent ta’ Ġunju 2008 (AMCEN).