This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0403
Communication from the Commission on notifications of postponements of attainment deadlines and exemptions from the obligation to apply certain limit values pursuant to Article 22 of Directive 2008/50/EC on ambient air quality and cleaner air for Europe {SEC(2008)2132}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar notifiki ta' posponimenti ta' skadenzi ta' kisba u eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta' limitu skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa {SEC(2008)2132}
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar notifiki ta' posponimenti ta' skadenzi ta' kisba u eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta' limitu skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa {SEC(2008)2132}
/* KUMM/2008/0403 finali */
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar notifiki ta' posponimenti ta' skadenzi ta' kisba u eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta' limitu skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa {SEC(2008)2132} /* KUMM/2008/0403 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 26.6.2008 KUMM(2008) 403 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar notifiki ta' posponimenti ta' skadenzi ta' kisba u eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta' limitu skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa {SEC(2008)2132} KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar notifiki ta' posponimenti ta' skadenzi ta' kisba u eżenzjonijiet mill-obbligu li jiġu applikati ċerti valuri ta' limitu skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa 1. Daħla 1. L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa[1], minn issa 'l quddiem imsejħa 'id-Direttiva l-ġdida', jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinnotifikaw lill-Kummissjoni li, soġġetti għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, huma beħsiebhom jipposponu l-iskadenza li jiksbu l-konformità mal-valuri ta' limitu għad-diossidu tan-nitroġenu jew il-benżin f'żoni jew agglomerazzjonijiet fejn dawn il-valuri ta' limitu ma jistgħux jintlaħqu sa l-1 ta' Jannar 2010, jew li jilħqu l-kundizzjonijiet biex ikunu eżenti mill-obbligu li japplikaw il-valuri ta' limitu għall-partiċelli (PM10). Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għal posponiment jew eżenzjoni ma ntlaħqux, tista' tqajjem oġġezzjonijiet fi żmien disa' xhur minn meta taslilha n-notifika. L-Istati Membri għandhom l-oneru tal-prova li dawn il-kundizzjonijiet ntlaħqu u għalhekk iridu jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu rilevanti meħtieġ minnha biex twettaq il-valutazzjoni. 2. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tiffaċilita t-tħejjija, s-sottomissjoni u l-valutazzjoni preċiża tan-notifiki, billi turi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 u tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar it-tagħrif li jridu jipprovdu u l-format li jrid jintuża. 2. L-isfond 3. Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri għadhom ma laħqux il-valuri ta' limitu għall-PM10 minkejja li dawn kienu diġà saru obbligatorji fl-1 ta' Jannar 2005[2]. L-istimi jagħtu x'jifhem li konċentrazzjonijiet f'aktar minn 40% taż-żoni u agglomerazzjonijiet fil-Komunità ta' PM10 attwalment jaqbżu l-valur tal-limitu ta' kuljum ta' 50 µg/m3 għal aktar minn 35 jum kull sena kalendarja. F'aktar minn 15% ta' dawn, il-konċentrazzjonijiet jaqbżu wkoll il-valur ta' limitu ta' 40 µg/m3 għall-PM10. Valutazzjonijiet attwali, tendenzi u projezzjonijiet mudell jindikaw li tista' tinħoloq qagħda bħal din fl-2010, meta l-valuri ta' limitu għad-diossidu tan-nitroġenu jsiru obbligatorji[3]. Fir-rigward tal-benżin, li l-valuri ta' limitu tiegħu wkoll se jsiru obbligatorji fl-2010[4], il-projezzjonijiet juru li l-problema hija anqas gravi. 4. Filwaqt li ġew identifikati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-direttivi dwar il-kwalità ta' l-arja, li ġew ukoll diskussi ma' l-Istati Membri, l-iskala tal-problema turi li fatturi li jinsabu lilhinn mill-kontroll dirett jew immedjat ta' l-Istati Membri jistgħu jkunu parti mir-raġuni ta' non-konformità. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri tal-Komunità li jindirizzaw l-emissjonijiet f'ras il-għajn, bħall-implimentazzjoni progressiva ta' standards ta' emissjoni aktar stretti għal vetturi ġodda, qed jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità ta' l-arja kemm illum il-ġurnata kif ukoll fil-ġejjieni. Madankollu, il-miżuri tal-Komunità waħedhom ma jistgħux jiżguraw konformità xierqa u fil-ħin mal-valuri limiti ma' l-UE kollha. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, jeħtieġ li jkun hemm aktar azzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali wkoll, b'mod partikolari f'żoni urbani fejn l-espożizzjoni tal-bniedem hija l-ogħla. 5. Huwa importanti li jiġi żgurat trattament indaqs f'dik li hija implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Komunità. Żoni fejn saru sforzi sinifikanti biex tintlaħaq konformità mal-valuri ta' limitu sad-data stabbilita m'għandhomx isibu ruħhom fi żvataġġ kompetittiv ma' żoni fejn, minkejja l-ħtieġa, ma sar ebda sforz. 6. Il-Kummissjoni se tivvaluta bir-reqqa kull notifika bi tqabbil mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22 u tqajjem objezzjonijiet jekk dawn il-kundizzjonijiet ma ntlaħqux. Il-biċċa l-kbira tat-tagħrif meħtieġ għall-valutazzjoni tan-notifiki se jiġi mill-pjanijiet dwar il-kwalità ta' l-arja li jridu jintbagħtu man-notifika. 7. Prassi stabbilita sewwa ta' kif jintbagħat it-tagħrif minimu meħtieġ fil-pjanijiet dwar il-kwalità ta' l-arja hija ddefinita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/224/KE ta' l-24 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi arranġamenti għas-sottomissjoni ta' tagħrif dwar pjanijiet jew programmi meħtieġa skond id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE fir-rigward ta' valuri ta' limitu għal ċerti sustanzi ta' tniġġis fl-arja ta' l-ambjent[5]. Minħabba l-ammont kbir ta' tagħrif li jrid jiġi pproċessat għall-fini tan-notifiki, format komuni huwa mezz importanti biex jiġi żgurat trattament effiċjenti u ndaqs waqt il-valutazzjoni tan-notifiki, u għalhekk qed jiġi rakkomandat li l-Istati Membri jużaw il-formoli stabbiliti fid-Dokumenti ta' Ħidma tas-Servizzi (SEC(...) ...) meta jibagħtu n-notifiki tagħhom. Dawn il-formoli huma bbażati fuq id-Deċiżjoni 2004/224/KE u jiddevjaw minn din id-Deċiżjoni sa fejn huwa meħtieġ biss biex jiżguraw li t-tagħrif essenzjali marbut mal-kundizzjonijiet speċifiċi għall-posponimenti jew l-eżenzjonijiet ikun kopert. Huma u jimtlew il-formoli, għandu jingħata biss tagħrif disponibbli b'mod raġonevoli għall-finijiet tal-pjan dwar il-kwalità ta' l-arja jew bħala elementi ta' sostenn biex jintlaħqu l-kundizzjonijiet fil-każi speċifiċi. Il-ħsieb huwa li l-Istati Membri ma jintalbux jiżviluppaw data ġdida, pereżempju permezz ta' mudelli. Ir-referenzi għall-formoli speċifiċi huma stabbiliti f'din il-gwida biex tiġi speċifikata l-ħolqa bejn it-tagħrif meħtieġ u l-kundizzjonijiet. 3. Proċedura ta' notifika 8. In-notifiki tal-bidu mistennija jikkonċernaw l-aktar il-PM10, li l-estensjonijiet potenzjali għalihom se jiġu fi tmiem tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, jiġifieri fi […] ta' Ġunju 2011. Minħabba l-livelli eżistenti ta' non-konformità mal-valuri tal-limitu għall-PM10, huwa importanti li n-notifiki jintbagħtu kemm jista' jkun malajr wara li tidħol fis-seħħ id-Direttiva għal żoni u agglomerazzjonijiet fejn l-Istati Membri huma tal-fehma li l-kundizzjonijiet intlaħqu. Fit-tħejjija tan-notifiki, iżda, trid tingħata attenzjoni li jkun żgurat li d- data meħtieġa li tipprova l-konformità mal-kundizzjonijiet tkun kompluta. 9. Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżin, il-valuri ta' limitu ma jistgħux jinqabżu mill-1 ta' Jannar 2010, l-aktar tard. Fejn il-kundizzjonijiet jintlaħqu, l-iskadenza biex tinkiseb il-konformità tista' tiġi posposta sa meta jkun meħtieġ biex tinkiseb il-konformità mal-valuri tal-limitu, iżda mhux aktar tard mill-2015. L-għan għandu jkun li l-perjodu ta' posponiment jinżamm qasir kemm jista' jkun. Jekk eċċedenza tal-valuri tal-limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżin isseħħ għall-ewwel darba biss fl-2011 jew aktar tard, il-posponiment ta' l-iskadenza ma jkunx aktar possibbli. F'każi bħal dawn japplika t-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva l-ġdida. 10. Deċiżjonijiet ta' posponiment jew eżenzjoni japplikaw għal żoni jew agglomerazzjonijiet individwali. In-notifiki jridu, iżda, jintbagħtu uffiċjalment lill-Kummissjoni mir-Rappreżentant Permanenti ta' l-Istat Membru kkonċernat[6] jiġifieri mhux direttament mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali kkonċernati. 11. In-notifika ta' eżenzjoni jew posponiment lill-Kummissjoni u l-valutazzjoni sussegwenti mill-Kummissjoni ta' din in-notifika mhumiex soġġetti għall-kundizzjoni li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/50/KE irid l-ewwel jiġi traspost fil-liġi nazzjonali. 12. Il-Kummissjoni se jkollha disa' xhur biex tivvaluta n-notifiki u dawn jibdew mill-jum wara r-reġistrazzjoni uffiċjali mill-Kummissjoni ta' notifika uffiċjali u kompluta. Ittra li tikkonferma r-reġistrazzjoni uffiċjali tan-notifika tal-bidu se tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat. Fejn meħtieġ, tintbagħat ittra li fiha jiġi speċifikat kull tagħrif li l-Kummissjoni tikkunsidra nieqes u li għalhekk ikun għad irid jintbagħat fi żmien skadenza speċifikata, u wara dan jibda l-perjodu ta' valutazzjoni. Jekk it-tagħrif mitlub ma jintbagħatx sa l-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tqajjem objezzjonijiet kontra l-aspetti tan-notifika li mhumiex sostanzjati biżżejjed u, għal raġunijiet ta' ċertezza ġuridika, ikun xi jkun il-każ, fi żmien disa' xhur mir-reġistrazzjoni uffiċjali tan-notifika inizjali. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta deċiżjoni f'każi fejn ma jitqajmux objezzjonijiet. 13. Tista' tintbagħat notifika waħda għal bosta żoni u għal bosta sustanzi ta' tniġġis. Iżda, kull żona u sustanza ta' tniġġis se tiġi vvalutata individwalment. Huwa għalhekk importanti li t-tagħrif pprovdut mill-Istat Membru jintrabat mingħajr ambigwità maż-żona u s-sustanza ta' tniġġis ikkonċernati. L-istess jista' jingħad f'każijiet fejn miżura waħda meħuda fuq livell nazzjonali tista' tindirizza bosta żoni u tinfluwenza konċentrazzjonijiet ta' bosta sustanzi ta' tniġġis. 4. Kundizzjonijiet u ħtiġijiet ta' tagħrif għal estensjoni 4.1. Sena ta' referenza 14. Fir-rigward ta' notifiki dwar il-PM10 huwa xieraq, fil-prinċipju, li l-ewwel sena ta' eċċedenza, jiġifieri l-2005, tittieħed bħala s-sena ta' referenza biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti. Jekk jitqies li huwa aktar xieraq, tista' tittieħed sena aktar 'il quddiem (pereżempju l-2007) bħala s-sena ta' referenza li minnha jsiru projezzjonijiet biex jintwera li se tinkiseb il-konformità sa Ġunju ta' l-2011. L-istess sena trid imbagħad tittieħed ukoll bħala s-sena ta' referenza fil-pjan mehmuż dwar il-kwalità ta' l-arja. Iżda, biex jintwera li l-miżuri kollha xierqa ttieħdu biex tinkiseb il-konformità sa l-iskadenza inizjali, huwa essenzjali li tintuża biss data rilevanti għall-ispjegazzjoni ta' l-eċċedenza fl-2005. 15. Għal notifiki dwar id-dijossidu tan-nitroġenu jew il-benżin mibgħuta qabel l-iskadenza inizjali għall-ksib tal-konformità (l-2010), is-sena 2008 se titqies is-sena ta' referenza. Għal notifiki mibgħuta wara l-iskadenza inizjali għall-ksib tal-konformità, l-Istati Membri għandhom jużaw l-2010 bħala s-sena ta' referenza. 4.2. Tqassim ta' għejun 16. L-Istati Membri jridu jipprovdu tagħrif dwar l-oriġini tat-tniġġis li jikkontribwixxi għall-eċċedenza. Tqassim kwantitattiv ta' l-għejun għall-qagħda ta' eċċedenza (jiġifieri eċċedenza tal-valur ta' limitu ta' kuljum jew ta’ kull sena) fis-sena ta' referenza huwa għalhekk meħtieġ għal kull żona jew agglomerazzjoni nnotifikata. Il-Kummissjoni tagħraf li l-livell ta' dettall disponibbli jista' jvarja bejn iż-żoni individwali u l-Istati Membri, iżda billi t-tqassim ta' l-għejun hija konsiderazzjoni ewlenija, kemm għad-determinazzjoni tat-tip u l-livell ta' mira tal-miżuri ta' tnaqqis ta' tniġġis, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-posponimenti jew l-eżenzjonijiet, huma meħtieġa stimi tal-kontribut magħmul minn għejun individwali għall-eċċedenza. 17. It-tqassim ta' l-għejun irid, b'mod partikolari, jirrifletti l-kontribut reġjonali, urban u lokali fi ħdan l-Istat Membru, iżda wkoll il-kontributi transkonfinali. Fir-rigward tal-kontributi urbani u lokali, trid ssir qasma oħra sabiex jiġu identifikati xi għejun sinifikanti bħat-trasport (traffiku fuq it-triq u dak marittimu, fejn rilevanti), l-industrija (inkluża produzzjoni ta' sħana u enerġija), l-agrikoltura, għejun kummerċjali u residenzjali. Għall-PM10, huwa wkoll importanti li jiġu indikati għejun naturali sinifikanti[7]. 18. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk jużawx id-dijossidu tan-nitroġenu jew l-ossidi tan-nitroġenu bħala bażi ta' tqassim ta' għejun, kif ikkunsidrat xieraq fir-rigward ta' l-eċċedenza, sakemm l-għażla tibqa' segwita b'mod konsistenti u tkun riflessa fil-kwantifikazzjoni ta' l-impatt ta' miżuri individwali jew gruppi ta' miżuri, billi titħalla ssir valutazzjoni xierqa tal-kundizzjonijiet mill-Kummissjoni. 4.3. Konformità matul l-estensjoni 19. Bi qbil ma' l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva l-ġdida, il-konformità mal-valuri ta' limitu fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li għalihom tapplika deċiżjoni ta' posponiment jew eżenzjoni se tkun ivvalutata fir-rigward tal-valuri ta' limitu flimkien ma' l-ogħla marġini ta' tolleranza stabbilit fl-Anness XI matul l-estensjoni. 20. Għall-2011, il-konformità mal-valuri ta' limitu annwali għall-PM10 se tiġi vvalutata bi tqabbil mal-valur ta' limitu flimkien mal-marġini ta' tolleranza għas-sena kalendarja kollha. Fir-rigward tal-valuri ta' limitu ta' kuljum, il-konformità għall-2011 se tkun ivvalutata fuq bażi ta' minn jum għal jum. B'mod aktar preċiż, l-għadd totali ta' eċċedenzi, kemm jekk tal-valur ta' limitu flimkien mal-marġini ta' tolleranza u kemm jekk tal-valur ta' limitu waħdu, ma jistax jaqbeż il-35 jum li huma permessi għal dik is-sena kalendarja. 4.4. L-ewwel kundizzjoni - miżuri biex tinkiseb konformità sad-data inizjali ta' ksib ta' konformità 21. L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva l-ġdida jistipula li l-iskadenzi għall-kisba tal-valuri ta' limitu għad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżin jistgħu jiġu posposti fejn ma tistax tinkiseb konformità mal-valuri ta' limitu sad-data ta' ksib ta' konformità, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2010. Biex jiġi ddeterminat jekk il-konformità tistax tinkiseb sa din id-data, l-Istati Membri huma mitluba jindikaw il-miżuri meħuda qabel l-2010 skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 1999/30/KE u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/69/KE, u jispjegaw ir-raġunijiet għaliex dawn il-miżuri ma wasslux għal konformità[8]. Mill-objettivi tal-leġiżlazzjoni in ġenerali dwar il-kwalità ta' l-arja wieħed jifhem li trid tittieħed azzjoni xierqa fil-perjodu ta' qabel id-data li fiha l-valuri ta' limitu jsiru obbligatorji. Huwa biss jekk jista' jiġi ppruvat li saru sforzi biex tinkiseb il-konformità li l-Istati Membri jistgħu jikklejmjaw, skond l-Artikolu 22(1), li l-konformità mal-valuri ta' limitu ma jistgħux jinkisbu sa l-iskadenzi. 22. Għall-PM10, l-Istati Membri , skond l-Artikolu 22(2), iridu juru li ttieħdu l-miżuri kollha xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex tinkiseb il-konformità mal-valuri ta' limitu sa l-iskadenza inizjali stabbilita, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2005. Irid għalhekk jingħata tagħrif dwar il-miżuri li ttieħdu bil-ħsieb li tinkiseb il-konformità sa din id-data. Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddetermina jekk dawn il-miżuri kinux xierqa, l-Istati Membri jridu jidentifikaw l-għejun ta' tniġġis li dawn il-miżuri kienu maħsuba jindirizzaw u jispjegaw sa fejn dawn il-miżuri fil-fatt ikkontribwew fit-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet. Iridu jingħataw spjegazzjonijiet dwar kull eċċedenza tal-valuri ta' limitu li tibqa'[9]. Dawn l-ispjegazzjonijiet iridu jinkludu tagħrif dwar jekk l-eċċedenza tistax tiġi attribwita lil xi kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżenzjoni, jiġifieri karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit, kundizzjonijiet ta' klima ħżiena jew kontributi transkonfinali. 23. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis ukoll l-impatt tat-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni tad-Direttivi elenkati fit-Taqsima 2 ta’ Parti B ta’ l-Anness XV[10] u tad-disponibbiltà f'waqtha tal-pjan jew programm skond l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità ta' l-arja ta' l-ambjent[11]. 4.5. It-tieni kundizzjoni - miżuri biex tinkiseb il-konformità qabel l-iskadenza l-ġdida 24. L-Istati Membri jridu jipprovdu previżjonijiet realistiċi u affidabbli ta' kif il-konċentrazzjonijiet x'aktarx se jonqsu bil-ħsieb li tinkiseb konformità mal-valuri ta' limitu qabel l-iskadenza l-ġdida. Dawn il-previżjonijiet għandhom juru wkoll li l-eċċedenzi matul l-estensjoni se jibqgħu taħt il-valur ta' limitu flimkien mal-marġini ta' tollerenza stipulata fl-Anness XI tad-Direttiva. 25. Il-previżjonijiet iridu jkunu bbażati fuq tqabbil bejn il-valuri ta' limitu li jridu jinkisbu u l-livelli ta' bażi pproġettati għall-qagħda ta' eċċedenza f'żona jew agglomerazzjoni. Il-livell ta' bażi jrid juri stima tal-konċentrazzjonijiet sa l-iskadenza l-ġdida jekk ma jittiħdux miżuri oħra addizzjonali ta' tnaqqis, barra minn dawk meħuda biex tinkiseb il-konformità sa l-iskadenza inizjali u l-miżuri eżistenti, u dawk fil-pjan, tal-Komunità. Id-distakk bejn il-valur ta' limitu applikabbli u l-livell ta' bażi se jservi bħala indikatur għall-impatt u ż-żmien mistenni tal-miżuri addizzjonali meħtieġa biex jispiċċa dak id-distakk sa l-iskadenza l-ġdida[12]. 26. Fl-identifikazzjoni tal-miżuri meħtieġa, iridu jitqiesu l-miżuri elenkati fit-Taqsima 3 tal-Parti B ta' l-Anness XV, kif stipulat fid-Direttiva. Jekk xi wħud minn dawk il-miżuri mhux se jiġu implimentati, minkejja li huma rilevanti għall-għejun identifikati, trid tingħata ġustifikazzjoni xierqa[13]. 27. Fil-valutazzjoni tal-previżjonijiet, irid jitqies ukoll l-impatt potenzjali, fiż-żona kkonċernata, ta' miżuri eżistenti u oħrajn ippjanati mill-Komunità, u l-Istati Membri huma mitluba jinkludu l-valutazzjoni tagħhom ta' dan l-impatt fil-livell ta' bażi. Il-miżuri ppjanati tal-Komunità huma dawk li jidhru fl-Istqarrija maħruġa mill-Kummissjoni ppubblikata flimkien mad-Direttiva. Il-Kummissjoni beħsiebha tivvaluta l-kwantifikazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u, fejn meħtieġ, is-suppożizzjonijiet li hemm wara din il-kwantifikazzjoni, u twettaq il-valutazzjoni tagħha stess ta' dan il-kriterju fuq din il-bażi. Fir-rigward tal-miżuri eżistenti, il-valutazzjoni se tiffoka fuq l-istatus ta' l-implimentazzjoni tad-Direttivi elenkati fil-Parti B ta' l-Anness XV[14]. 4.6. Kundizzjoni speċifika għall-PM 10 : karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit, kundizzjonijiet ta' klima ħżiena jew kontributi transkonfinali 4.6.1 Karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit 28. Il-karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit huma fatturi li jaffettwaw id-dispersjoni tas-sustanzi ta' tniġġis fuq skala lokali, prinċipalment fil-livell ta' triq. Il-bini lokali jew strutturi topografiċi fuq skala żgħira jwasslu għal sustanzi ta' tniġġis li jinħelsu lokalment, jakkumulaw f'żona limitata, u jwasslu għal konċentrazzjonijiet għolja. Żoni bħal dawn jinsabu normalment fl-hekk imsejħa "street canjons". Il-kundizzjonijiet ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit jistgħu jiġu kklejmjati biss fejn jista' jiġi ppruvat li l-eċċedenza sseħħ lokalment f'żoni speċifiċi bħal dawn u mhux bnadi oħra, bħal fl-isfond urban jew matul toroq, f’żona jew agglomerazzjoni bl-istess kwalità ta' arja, fejn id-densità tal-bini hija anqas. 29. F'żoni fejn hemm sitwazzjonijiet bħal dawn li ġejjin, huwa kkunsidrat li jeżistu karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit: (a) serje ta' binjiet b'ħafna sulari tul iż-żewġ naħat tat-triq; (b) il-medja ta' l-għoli tal-bini fuq tul ta' mill-inqas 100 metru trid tkun akbar mill-wisa' kollha tat-triq diviża b'1.5[15]. 30. Biex jiġi ppruvat li l-eċċedenza hija limitata għal żona li fiha hemm karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit, trid tintuża data minn stazzjonijiet ta' kontroll tat-traffiku urban barra minn dik iż-żona jew, fejn xieraq, ir-riżultati minn mudelli ta' dispersjoni fuq skala żgħira[16]. Għandha tkun ipprovduta mappa taż-żona li turi l-istazzjonijiet differenti ta' kejl u ż-żona ta' eċċedenza, fejn din tkun disponibbli[17]. 31. Jekk jintużaw indikaturi oħra biex jiġi ppruvat li l-eċċedenza hija limitata għal żona li fiha hemm karatteristiċi ta' dispersjoni speċifiċi għas-sit, iridu jingħataw ir-raġunijiet, u jrid jiġi ppruvat li l-użu ta' dawk l-indikaturi jipproduċi riżultati ekwivalenti. 4.6.2 Kundizzjonijiet ta' klima ħżiena 32. Jitqies li jeżistu kundizzjonijiet ta' klima ħżiena meta l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fuq medda twila ta' żmien u l-kundizzjonijiet topografiċi jaffettwaw id-dilwizzjoni tas-sustanzi ta' tniġġis meħlusa lokalment, u b'hekk iġibu konċentrazzjonijiet għoljin. 33. F'żoni fejn tista' tiġi ppruvata l-preżenza ta' fatturi bħal dawn, jitqies li jeżistu kundizzjonijiet ta' klima ħżiena: (a) it-topografija lokali sa dik reġjonali, jiġifieri lokazzjonijiet f'widien jew dawk imdawra b'muntanji għoljin; (b) dilwizzjoni żgħira ta' sustanzi ta' tniġġis meħlusa lokalment minħabba veloċitajiet baxxi tar-riħ; (c) taħlit vertikali, jiġifieri dilwizzjoni, li jiġi minn parametri meteoroloġiċi marbuta ma' turbolenza mekkanika u termali ta' l-atmosfera; (d) mases ta' arja li jiġu mill-oċean flok mill-kontinent; mases ta' arja kontinentali huma normalment marbuta ma’ kundizzjonijiet ta' dispersjoni ħżiena (inverżjoni ta' temperatura u veloċità baxxa tar-riħ). 34. Il-karatteristiċi tal-klima ġenerali, bħat-temperatura, il-preċipitazzjoni jew is-silġ, li ma jinfluwenzawx direttament id-dispersjoni tas-sustanzi ta' tniġġis iżda li jistgħu jwasslu għal attivitajiet speċifiċi mill-bniedem u b'hekk jinfluwenzaw il-livell ta' l-emissjonijiet, bħat-tisħin fid-djar, il-ġenerazzjoni tal-kurrent għat-tisħin jew il-kondizzjonament ta' l-arja, jew l-użu ta' tajers bl-istadds, ma jitqisux bħala kundizzjonijiet ta' klima ħżiena għall-fini tad-Direttiva l-ġdida. 35. L-akkumulu ta' tniġġis f'żoni affettwati minn kundizzjonijiet ta' klima ħżiena ġeneralment iseħħ f'temp sabiħ. Indikazzjoni ta' medja annwali baxxa ta' veloċità tar-riħ, taħt 1.5 m/s f'żoni bħal dawn, hija għalhekk xierqa biex jiġi ppruvat li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. Jistgħu jintużaw ukoll indikaturi oħra apparti mill-veloċità medja tar-riħ, sakemm tingħata ġustifikazzjoni. 36. Biex jikklejmjaw kundizzjonijiet ta' klima ħżiena, l-Istati Membri jridu juru li l-valuri ta' limitu ta' kuljum jinqabżu l-aktar meta jkun hemm il-kundizzjonijiet ta' klima ħżiena deskritti . Din il-korrelazzjoni tista' tiġi ppruvata mill-konċentrazzjonijiet ta' PM10 u mill-veloċitajiet medji tar-riħ imkejla fi ġranet meta l-valur ta' limitu jinqabeż, ta' l-inqas għas-sena ta' referenza[18]. 4.6.3 Kontributi transkonfinali 37. Il-kontributi transkonfinali jseħħu fejn il-kundizzjonijiet topografiċi u meteoroloġiċi jippermettu l-ġarr ta' tniġġis antropoġeniku li joriġina minn barra l-Istat Membru, u b'hekk jiffurmaw konċentrazzjonijiet għolja. Dawn il-kontributi jistgħu joriġinaw jew qrib ħafna ta' żoni u agglomerazzjonijiet qrib ta' fruntiera nazzjonali (tniġġis transkonfinali ta' medda qasira) jew minn distanzi aktar 'il bogħod ta' madwar 100 kilometru jew aktar (tniġġis transkonfinali ta' medda twila). 38. It-tniġġis transkonfinali ta' medda twila jseħħ l-aktar fi pjanuri jew art mhux muntanjuża ta' sikwit soġġetta għal akkumulu ta' sustanzi ta' tniġġis li jiġu trasferiti bil-fenomenu ta' l- advection fil-mases kontinentali ta' l-arja. Konċentrazzjonijiet għolja fil-baċiri naturali jew widien jew għar-rdoss tal-muntanji ġeneralment mhumiex affettwati minn dawn il-kontributi. 39. It-tniġġis jista' joriġina minn sors wieħed lilhinn mill-fruntiera, minn Stat Membru wieħed jew minn aktar Stati Membri flimkien, mit-traffiku marittimu jew minn għejn barra mill-Komunità. 40. L-Istati Membri li jikklejmjaw kontribut transkonfinali jridu jindikaw jekk sarux konsultazzjonijiet ma' l-Istat Membru fejn ikun oriġina t-tniġġis, skond l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 96/62/KE (Artikolu 25 tad-Direttiva l-ġdida). Jekk ma jseħħu ebda konsultazzjonijiet bħal dawn, minkejja li l-għajn tat-tniġġis tkun magħrufa, l-Istat Membru kkonċernat jista' jitqies li ma jkunx ħa l-miżuri kollha xierqa biex jilħaq l-iskadenza oriġinali. Jekk it-tniġġis joriġina f'bosta Stati Membri jew f'pajjiżi terzi u jkun ċar li ma setgħux jinstabu soluzzjonijiet effettivi b'konsultazzjonijiet bilaterali, id-dritt ta' l-Istat Membru għal estensjoni ma jkunx affettwat min-nuqqas ta' konsultazzjonijiet[19]. 41. Kontributi transkonfinali jistgħu jiġu vvalutati jew b' kejl jew permezz ta' mudelli. Valutazzjonijiet bħal dawn, fejn xieraq, iridu jkunu supplementati b'analiżi tat-trajettorja b'lura u bi tqassim ta' għejun ta' eċċedenzi individwali. Metodi bħal dawn li ġejjin urew li huma effiċjenti fil-prova tal-kontributi transkonfinali: (a) mudelli ta' dispersjoni fl-atmosfera b'riżoluzzjoni xierqa spazjali u temporali ta' kuljum; (b) analiżi ta' data ta' kejl ta' kuljum, li tidentifika kontributi transkonfinali permezz ta' kejl minn siti ta' monitoraġġ rappreżentattivi, pereżempju siti rurali ta' sfond li jinsabu favur ir-riħ fl-erja ta' madwar iż-żona jew l-agglomerazzjoni li fiha tkun instabet l-eċċedenza; (c) Mudell EMEP[20]. 42. Biex jiġu kklejmjati kontributi transkonfinali bħala kawża għall-eċċedenza jrid jiġi ppruvat li, f'każijiet fejn il-limitu annwali jinqabeż, ġaladarba jitnaqqas il-kontribut transkonfinali, il-konċentrazzjoni medja annwali tinsab taħt il-valur ta' limitu. Jekk jinqabeż il-valur ta' limitu ta' kuljum, irid jiġi ppruvat li, ġaladarba jitnaqqas il-kontribut transkonfinali fi ġranet speċifiċi, il-konċentrazzjonijiet medji ta' kuljum jibqgħu taħt il-valur ta' limitu[21]. 43. Jekk jintużaw indikaturi oħra biex jiġi ppruvat li l-kontributi transkonfinali huma l-kawża ta' l-eċċedenza, iridu jingħataw ir-raġunijiet u jrid jiġi ppruvat li l-użu ta' dawn l-indikaturi jipproduċi riżultati ekwivalenti. 5. Pjan dwar il-kwalità ta' l-arja u rekwiżiti ta' tagħrif addizzjonali 44. In-notifiki jridu jkunu akkumpanjati minn pjan dwar il-kwalità ta' l-arja għaż-żona jew l-agglomerazzjoni kkonċernata. Il-pjan irid ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 u f'Parti A ta' l-Anness XV. It-tagħrif mitlub skond id-Direttiva l-ġdida jixbah fil-biċċa l-kbira lil dak mitlub skond id-Direttiva 96/62/KE. Bħala konsegwenza, l-Istati Membri li diġà għandhom pjan jew programm fis-seħħ jistgħu jużawh għall-finijiet tan-notifika, sakemm jilħaq il-kriterji stabbiliti fil-Parti A ta' l-Anness XV u jkun aġġornat kif xieraq biex jiġi żgurat li l-konformità mal-valuri ta' limitu tinkiseb qabel l-iskadenza l-ġdida. [1] ĠU L 152, 11.06.2008, p. 1. [2] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE dwar il-valuri ta' limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f' partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU L 163, 29.6.1999, p. 4). [3] Id-Direttiva 2000/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valuri ta' limitu għall-benżin u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta' l-ambjent (ĠU L 313, 13.12.2000, p. 12). [4] Idem [5] ĠU L 68, 6.3.2004, p. 27. [6] In-notifika trid tiġi mmarkata “Air quality time extension – Directive 2008/50/EC” u biex tkun valida bħala notifika uffiċjali trid tkun indirizzata lil: European Commission, Secretariat-General, 1049 Brussels. Barra minn hekk, kopja elettronika tan-notifika għandha tintbagħat bl-imejl lill-mejlboks: ENV-AIRQUALITYTIMEEXTENSION@ec.europa.eu [7] Ara l-Formola 3A f'SEC (..) ... [8] Ara l-Formola 5A, inkluż l-Anness, u l-Formola 7, inkluż l-Anness A; għall-PM10 ara wkoll il-Formola 10, u għad-diossidu tan-nitroġenu u l-benżin innotfikati qabel l-2010, ara l-Formola 4A. [9] Ara l-Formola 3B u 4A (kif xieraq). [10] Ara l-Formola 8 u, skond kif xieraq, l-Anness tal-Formola 8 u l-Formola 9. [11] ĠU L 296, 21.11.1996, p. 55. [12] Ara l-Formola 4B u l-Formola 5B, inkluż l-Anness. [13] Ara l-Formola 6. [14] Ara l-Formola 9. [15] Ġestjoni u xandir ta' metadejta skond id-Deċiżjoni 97/101/KE dwar l-iskambju ta' tagħrif. [16] Ara l-Formola 10. [17] Ara l-Anness tal-Formola 2. [18] Ara l-Formola 10. [19] Ara l-Formola 10. [20] Mudell żviluppat mill-Programm ta' Kooperazzjoni għall-Monitoraġġ u l-Valutazzjoni tat-Trażmissjoni fuq Medda twila ta' Sustanzi ta' tniġġis ta' l-Arja fl-Ewropa (EMEP). [21] Ara l-Formoli 3A u 10.