This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0383
Green paper - Future relations between the EU and the overseas countries and territories {SEC(2008) 2067}
Green Paper - Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjizi u territorji ekstra-Ewropej {SEG(2008) 2067}
Green Paper - Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjizi u territorji ekstra-Ewropej {SEG(2008) 2067}
/* KUMM/2008/0383 finali */
Green Paper - Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-pajjizi u territorji ekstra-Ewropej {SEG(2008) 2067} /* KUMM/2008/0383 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 25.6.2008 KUMM(2008) 383 finali GREEN PAPER Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej {SEG(2008) 2067} GREEN PAPER Ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej 1. Introduzzjoni Taħt ir-Raba' Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-Trattat KE), il-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej (l-OCTs) huma assoċjati mill-qrib mal-Komunità Ewropea. Storikament, il-lista ta' l-OCTs kienet tinkludi l-aktar il-pajjiżi u t-territorji li sadanittant saru pajjiżi indipendenti u sovrani, il-biċċa l-kbira tagħhom pajjiżi ta' l-AKP. Dan jispjega għaliex il-loġika applikabbli għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-OCTs hija fil-parti l-kbira identika għal dik li hi applikata għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati AKP, minkejja l-fatt li l-OCTs huma koperti minn bażi legali separata fit-Trattat KE. Madankollu, dan il-paralleliżmu ma jaqbilx mar-realtà fattwali, ma' l-isfidi soċjali speċifiċi, ekonomiċi u ambjentali li l-OCTs jiffaċċjaw illum, u r-rabtiet storiċi, istituzzjonali u politiċi mill-qrib bejn l-OCTs u l-UE. Aktar minn hekk, dan ma jqisx il-potenzjal ta' l-OCTs bħala lokalitajiet strateġikament importanti, imferrxa madwar id-dinja kollha, bħala proponenti tal-valuri ta' l-UE. Addizjonalment, il-kunstest internazzjonali aktar wiesa' evolva, partikolarment bħala konsegwenza tal-globalizzazzjoni, il-liberalizzazzjoni kontinwa tal-kummerċ internazzjonali kif ukoll iż-żieda fl-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi AKP. Dawn il-fatturi kollha jirrikjedu tiġdid komplet tas-sħubija bejn l-OCTs u l-UE. F'dan l-isfond, l-OCTs u l-erba' Stati Membri li magħhom huma marbutin (id-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit) ilhom sa mill-2003 jsejħu għal għarfien aħjar tas-sitwazzjoni speċifika fl-OCTs. Fl-itess waqt, il-Kummissjoni kif ukoll numru dejjem akbar ta' Stati Membri esprimew riżervi fir-rigward ta' l-amalgamzzjoni ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE u l-politika tal-Komunità dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp b'enfasi fuq il-ġlieda konta l-faqar u l-għanijiet tal-millennju dwar l-iżvilupp. Min-naħa tagħha l-Kummissjoni kienet diġà sa mill-2005 qed tissuġġerixxi relazzjoni ġdida bbażata fuq is-sħubija ta' l-OCTs u l-UE fl-istess familja, aktar milli l-ħtiġijiet per se ta' l-iżvilupp fl-OCTs. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tixtieq tagħmel reviżjoni sħiħa tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-OCTs u tikkunsidra li tirrevedi sostanzjalment l-assoċjazzjoni OCT-KE. L-intenzjoni hija li jiġi eżaminat il-mod ta' kif wieħed jista' jinqata' mill-approċċ klassiku tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività ta' l-OCTs u l-integrazzjoni gradwali tagħhom fi ħdan l-ekonomiji reġjonali u dinjin, filwaqt li jiġu kkunsidrati mhux biss l-isfidi li qed jiffaċċjaw imma wkoll il-potenzjal tagħhom. Sabiex titwitta t-triq lejn tali modernizzazzjoni, Il-Kummissjoni adottat din il-Green Paper, li għandha tiffaċilita diskussjoni globali u trasparenti fuq ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-OCTs, b'mod partikolari fir-rigward tal-filosofija ġenerali li għandha tirfed dawn ir-relazzjonijiet fuq il-medda t-twila taż-żmien. Għalhekk l-għan ta' din il-Green Paper mhuwiex li jistabbilixxi politika ġdida jew strumenti finanzjarji ġodda jew proċeduri dettaljati, imma biex jeżamina serje ta' sfidi u opportunitajiet u biex jikseb is-sehem ta' partijiet interessati qabel ma jiddefinixxi sħubija ġdida bejn l-UE u l-OCTs, b'mod partikolari fl-isfond tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħarli tiskadi fl-aħħar ta' l-2013. 2. Informazzjoni preliminari fuq l-OCTs 2.1. Il-21 OCT: assoċjazzjoni mal-Komunità, diversità u karatteristiċi komuni Skond it-Trattat tal-KE, l-OCTs huma pajjiżi u territorji mhux Ewropej li għandhom relazzjoni speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit. Huma assoċjati mal-Komunità Ewropea sabiex jipprmowovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom u jistabbilixxu relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejniethom u l-Komunità sħiħa. It-Trattat tal-KE jistqarr li l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità 'għandha sservi primarjament sabiex tiffavorixxi l-interessi u l-propsperità ta' l-abitanti ta' dawn il-pajjiżi u t-territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li jaspiraw għalih.' Il-pajjiżi u t-territorji kkonċernati huma mniżżla fid-dettall f'Anness II tat-Trattat tal-KE. B'kollox, hemm 21 OCT fil-lista: Greenland, New Caledonia u d-Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u ta' l-Antartiku, il-gżejjer Wallis u Futuna, Mayotte, Saint-Pierre u Miquelon, Aruba, l-Antilles Olandiżi (jiġifieri Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustacius, Sint Maarten), Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Ġeorġja tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Sant'Elena u d-Dipendenzi, it-territorju Brittanniku ta' l-Antartiku, it-Territorju Brittanniku ta' l-Oċean Indjan, Il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Brittanniċi Virgin u l-Bermuda. Madankollu, l-arranġamenti għal assoċjazzjoni qatt ma kienu ġew applikati għal Bermuda skond ix-xewqat tal-Gvern ta' Bermuda. L-OCTs huma marbuta bil-kostituzzjoni ma' Stat Membru, imma mingħajr ma jkunu parti mill-Komunità bħala tali. Infatti, skond l-Artikolu 299(3) tat-Trattat tal-KE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-prinċipju ma japplikawx għall-OCTs, minbarra Parti Erbgħa tat-Trattat, li titratta esklużivament l-assoċjazzjoni bejn l-OCT-KE. Għaldaqstant, hemm differenza fundamentali bejn l-OCTs u r-reġjuni l-aktar imbiegħda li għalihom saret referenza fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE. Għad-differenza ta' l-OCTs, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mhux biss huma marbuta bil-kostituzzjoni ma' Stat Membru, imma wkoll jiffurmaw parti integrali tal-Komunità u huma marbuta fil-prinċipju bl- acquis tal-Komunità kollu kemm hu. Għalhekk mhux xieraq li jsiru xi paraguni kwantitattivi jew kwalitattivi bejn l-OCTs u r-reġjuni l-aktar imbiegħda f'termini tal-benefiċċji li jirċievu mill-UE u l-obbligi lejn l-UE. Hemm differenzi enormi bejn l-OCTs infushom f'dak li jirrigwarda tal-grad ta' awtonomija vis-à-vis l-Istati Membri li magħhom huma marbuta, imma wkoll fil-qasam ekonomiku u dak soċjali u fir-rigward tal-karatteristiċi ġeografiċi u l-klima tagħhom. Madankollu, minkejja d-diversità immensa bejn l-OCTs, huma għandhom xi karatteristiċi komuni: l-ebda wieħed minnhom m'huwa pajjiż sovran, huma lkoll demokraziji parlamentari, huma lkoll gżejjer, il-popolazzjoni tagħhom hija żgħira ħafna, u r-rikkezza ekoloġika tagħhom hija straordinarja meta mqabbla ma' l-Ewropa kontinentali. Huma lkoll relattivament vulnerabbli għal xokkijiet esterni u b'mod ġenerali huma dipendenti fuq bażi ekonomika dejqa li fil-biċċa l-kbira tagħha ddur madwar is-servizzi. Huma wkoll jiddependu bil-qawwi mill-importazzjoni tal-prodotti u l-enerġija. B'mod ġenerali, l-esportazzjoni tal-prodotti mill-OCTs lejn l-UE jew fi ħdan ir-reġjun ġeografiku rispettiv tagħhom tibqa' limitata. Deskrizzjoni aktar fid-dettall tad-diversità u l-karatteristiċi komuni ta' l-OCTs hija mehmuża mad-Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni f'Anness I ma' din il-Green Paper. Barra minn hekk, ħarsa ġenerali lejn l-OCTs individwali bl-istatistika hija mehmuża mad-Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni f'Anness II. 2.2. L-assoċjazzjoni preżenti ta' l-OCT-KE: id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar tas-27 ta' Novembru 2001 Billi l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE (Artikoli 182 sa 188) tinkludi d-dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità, ir-regoli u l-proċeduri dettaljati għall-assoċjazzjoni OCT-KE huma stabbiliti mill-Kunsill skond l-Artikolu 187 KE, permezz ta' 'Deċiżjonijiet dwar l-Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar' suċċessivi adottati mill-1964[1]. Dawn id-dispożizzjonijiet dettaljati, partikolarment dawk tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħartas-27 ta' Novembru 2001[2], jistgħu jinqasmu f'żewġ kategoriji ewlenin: Dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-iffinanzjar ta' l-iżvilupp u dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fl-ekonomija u l-kummerċ. Dawn id-dispożizzjonijiet miġbura fil-qosor jinsabu fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż f'Anness III ta' din il-Green Paper. Id-dispożizzjonijiet preżenti dwar il-kooperazzjoni fil-finanzjament ta' l-iżvilupp tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar huma maħsuba biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs, b'lenti fuq it-tnaqqis, il-prevenzjoni u, eventwalment, l-eleminazzjoni tal-faqar. Għalhekk, il-kooperazzjoni dwar il-finanzjament ta' l-iżvilupp ma' l-OCTs sa issa kien iffinanzjat mill-EDF, li huwa l-istrument ta' finanzjament li jintuża wkoll għall-kooperazzjoni fil-finanzjament ta' iżvilupp ta' l-istati ta' l-AKP. Filwaqt li d-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar kienet inizjalment applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2011, il-perjodu tagħha ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2013 wara emendi tekniċi li saru fl-2007, sabiex tikkoinċidi mal-perjodu ta' l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) li jkopri l-perjodu 2008 sa l-2013 u l-qafas finanzjarju multi-annwali għall-perjodu 2007 sa l-2013. Madankollu, dawn l-emendi tekniċi jibqgħu mingħajr preġudizzju għal reviżjoni aktar tard tad-deċiżjoni qabel ma tiskadi fl-2013, b'mod partikolari għall-applikazzjoni sussegwenti tal-prinċipji stabbiliti f'Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE[3]. 3. Perspetivi futuri għar-relazzjonijiet OCT-EU Minħabba r-rabta mill-qrib bejn l-OCTs u l-Komunità permezz ta' l-Istati Membri relatati, ir-reġim tal-kummerċ applikabbli għall-OCTs - kif miġbur fil-qosor fl-Anness III ta' din il-Green Paper - huwa wieħed mill-aktar favorevoli li qatt ingħata mill-Komunità. Din ir-rabta mill-qrib tispjega wkoll għaliex il-livell ta' assistenza finanzjarja ras għal ras tal-Komunità lill-OCTs hija notevolment ogħla mill-medja ta' l-AKP[4]. Il-proċeduri pjuttost speċifiċi għall-kooperazzjoni fil-finanzjament ta' l-iżvilupp meta mqabbla mar-regoli applikabbli għall-kooperazzjoni ma' l-Istati AKP, u l-eliġibbiltà ta' l-OCTs għall-programmi tal-Komunità[5], huma wkoll marbuta direttament ma' din ir-relazzjoni speċjali, li hija bbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Ewropa u l-OCTs li għaliha hemm referenza fil-preambolu tat-Trattat tal-KE. Skond il-preambolu tat-Trattat tal-KE, li għalih jirreferi l-Artikolu 182 tat-Trattat tal-KE dwar l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità, il-Partijiet Kontraenti Għolja li ddeċidew li joħolqu l-Komunità Ewropea kellhom il-ħsieb 'li jikkonfermaw is-solidarjetà li torbot lill-Ewropa u l-pajjiżi barranin' u x-xewqa 'li tiżgura l-iżvilupp tal-prosperità tagħhom, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti'. Madankollu, is-solidarjetà li tirfed l-assoċjazzjoni OCT-KE u b'mod partikolari kemm il-Komunità tkun lesta biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs billi tipprovdi assistenza finanzjarja notevoli, kienet regolarment imdawra b'dubji. F'dan ir-rigward, qed issir referenza b'mod partikolari għall-fatt li s-sitwazzjoni issa nbidlet b'mod konsiderevoli, minħabba li l-introduzzjoni tal-kunċett ta' solidarjetà bejn il-Komunità u l-OCTs irriżultat fi żmien fejn din kienet relatata l-aktar mal-kolonji Afrikani ta' l-Istati Membri u ma' l-Unjoni Doganali Ewropea li ħadet post l-arranġamenti bilaterali preċedenti dwar in-negozju ma' dawn l-eks kolonji. Malli ġie ffirmat it-Trattat ta' Amsterdam fit-2 t'Ottubru 1997, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' dawk li kienu l-15-il Stat Membru irrikonoxxew li l-arranġamenti inizjali għall-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mail-Komunità ma setgħetx tiffaċċja aktar b'mod effettiv l-isfidi ta' l-iżvilupp ta' l-OCTs. Madankollu, huma wkoll reġgħu stqarrew b'mod solenni li l-għan ta' l-assoċjazzjoni kien li tipprovdi żvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-OCTs u li tistabilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Komunità kollha kemm hi[6]. Billi l-arraġamenti ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE kienu sussegwentement riveduti u ġew introdotti numru ta' innovazzjonijiet permezz tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar ta' l-2001, partikolarment fir-rigward ta' l-istrument finanzjarju, l-istrateġija ġenerali fir-rigward ta' l-OCTs baqgħet, minkejja kollox, ispirata mill-qrib mill-Ftehim ta' Sħubija bejn l-AKP u l-KE u l-loġika tal-kooperazzjoni klassika dwar l-iżvilupp ibbażata fuq il-ġlieda kontra l-faqar, minkejja li tali strateġija ma tgħoddx għas-sitwazzjoni kontemporanja ta' l-OCTs. F'dan l-isfond, dubji u mistoqsijiet dwar kif imhuma l-affarijiet fil-preżent qed jitqajmu minn partijiet interessati differenti li jvarjaw mill-Kummissjoni, għall-OCTs u l-Istati Membri li l-OCTs huma marbuta magħhom, għal Stati Membri mingħajr OCTs. Fuq naħa hemm il-ħtieġa ta' eżaminazzjoni bir-reqqa tal-mod kif l-assoċjazzjoni OCT-KE tista' tiġi adattata għas-sitwazzjoni speċifika ta' l-OCTs. L-isfidi partikolari li jiffaċċjaw, l-importanza attwali jew potenzjali tagħhom għall-UE b'mod sħiħ u r-realtà tad-dinja globalizzata tal-lum. Fuq in-naħa l-oħra, u speċjalment wara t-tkabbir ta' l-UE fl-1 ta' Mejju 2004, qed isiru mistoqsijiet dwar l-interess li jkollok il-Komunità tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs, partikolarment fejn id-PGD ras għal ras ta' OCT ikun qrib il-medja tal-Komunità jew fejn Stat Membru jkun waqaf milli jipprovdi assistenza diretta bilaterali dwar l-iżvilupp ta' x'uħud mill-OCTs tiegħu. Għalhekk il-Kummissjoni tixtieq tniedi, b'din il-Green Paper, diskussjoni globali u trasparenti dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-OCTs, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-filosofija ġenerali li għandha tirfed dawn ir-relazzjonijiet fuq il-medda t-twila taż-żmien. Il-kwistjonijiet imqajma hawn jirrelataw mal-bażi, l-objettivi u n-natura tas-solidarjetà bejn l-UE u l-OCTs. Barra minn hekk, kwistjonijiet aktar speċifiċi dwar ir-reġim tal-kummerċ applikabbli għall-OCTs u l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-OCTs huma trattati fid-dokumenti ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuża f'Annessi IV u V ta' din il-Green Paper. L-isfidi stipulati hawnhekk m'għandhomx x'jaqsmu mal-kwanitità jew is-sors ta' l-assistenza futura tal-Komunità lill-OCTs u għalhekk jibqgħu mingħajr preġudizzju għar-riżultati ta' negozjati futuri dwar il-qafas finanzjarju multi-annwali għall-perjodu 2013-2020 u dwar l-ibbaġittjar ta' l-EDF. Lanqas m'għandhom x'jaqsmu ma' kif il-Kummissjoni se tiġġestixxi amministrattivament l-assistenza finanzjarja tal-Kummissjoni fil-futur, li hija materja li tirrigwardja l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. 3.1. Sħubija bejn il-Komunità u l-OCTs 3.1.1. L-impatt tar-relazzjoni speċjali bejn l-OCTs u l-Istati Membri relatati ta' l-UE Minkejja li l-Artikolu 182 KE jikkwalifikahom bħala mhux Ewropej u minkejja li l- acquis tal-Kommunità ma japplikax għalihom, jekk wieħed jikkunsidra lill-OCTs sepliċiment bħala partijiet terzi dan ma jkunx jikkorrispondi mar-realtà fuq il-post. Infatti, filwaqt li l-OCTs ma jiffurmawx parti integrali mill-UE, huma parti jew għall-anqas relatati mill-qrib ma' Stat Membru ta' l-UE, li jfisser li ma jistgħux jinfirdu mill-UE, u f'ċertu sens, huma 'parti mill-fruntieri aħħarija tagħha'. Ibda biex, parti sħiħa mit-Trattat tal-KE innifsu huwa ddedikat għall-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità u jwaqqaf is-sisien biex l-OCTs ma jiġux meqjusa sempliċement bħala pajjiżi terzi. Taħt l-istruttura tat-Trattat tal-KE, l-assoċjazzjoni OCT-KE ma tiffurmax parti mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp jew mill-azzjoni esterna tal-Komunità b'mod ġenerali. Barra minn hekk, minħabba l-istorja tagħhom u r-relazzjoni speċjali ma' l-Istati Membri ta' l-UE, l-OCTs jiffurmaw parti integrali minn soċjetà li tirrispetta l-valuri li fuqhom twaqqfet l-UE u l-prinċipji li rriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri, bħar-rispett lejn id-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali. Dawn il-valuri u l-prinċipji, li l-UE tippromwovi wkoll fir-rigward ta' pajjiżi terzi, huma mpoġġija fil-prattika fl-OCTs. Aktar minn hekk, bid-differenza minn pajjiżi terzi, iċ-ċittadini kollha ta' l-OCTs huma fil-prinċipju ċittadini Ewropej fis-sens ta' l-Artikolu 17 tat-Trattat tal-KE, li jiddikjara li kull persuna li jkollha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadin ta' l-Unjoni. B'mod aktar preċiż, iċ-ċittadini kollha ta' Greenland u l-OCTs Franċiżi u Olandiżi wkoll għandhom iċ-ċittadinanza ta' l-Istat Membru relatat awtomatikament. Mill-21 ta' Mejju 2002, iċ-ċittadini ta' l-OCTs Brittaniċi kollha huma wkoll ċittadini Brittaniċi, imma jistgħu jirrinunzjaw għaliha biex jibqgħu ċittadini tat-territorji ekstra Brittaniċi biss u mhumiex obbligati li jkollhom passaport li jiddeskrivihom bħala ċittadini Brittaniċi. Bħala ċittadini Ewropej, iċ-ċittadini ta' l-OCTs huma fil-prinċipju intitolati wkoll għad-drittijiet mogħtija permezz taċ-ċittadinanza Ewropea (kif stabbilit fl-Artikolu 18 sa 22 tat-Trattat tal-KE), bħad-dritt li wieħed jivjaġġa u jgħix (imma mhux jaħdem) b'mod ħieles fi ħdan it-territorju ta' l-Istati Membri. Aktar minn hekk, iċ-ċittadini ta' l-OCTs jistgħu jingħataw id-dritt li jivvutaw u jipparteċipaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru relatat b'konformità mal-liġi tal-Komunità. Dan hu l-każ, pereżempju, taċ-ċittadini ta' l-OCTs ta' Franza. Għal Saint-Pierre u Miquelon u Mayotte, ir-rabta speċjali tagħhom ma' l-UE hija riflessa wkoll permezz ta' l-użu ta' l-Euro f'dawn l-OCTs, anke jekk ir-reġim monetarju tagħhom mhuwiex speċifikat fit-Trattat tal-KE għaliex ma jiffurmawx parti mill-Komunità[7]. Fil-preżent ma hemm l-ebda OCT ieħor li juża l-Euro, imma l-OCTs Franċiżi fil-Paċifiku qed jeżaminaw il-possibbiltà li jibdlu l-munita tagħhom u jadottaw il-Euro[8]. Għandu jiġi nnutat ukoll li, anke jekk id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat tal-KE ma japplikawx għall-OCTs meta m'hemmx referenza espliċita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tkopri deċiżjonijiet preliminari mitluba skond it-Trattat tal-KE permezz ta' qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha tkopri OCT, kif ukoll dispożizzjonijiet li nbdew skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat tal-KE permezz ta' atturi minn OCT kontra atti adottati mill-Komunità. Uħud mill-OCTs qed jersqu lejn integrazzjoni eqreb ma' l-Istati Membri relatati tagħhom, li qed jikkunsidraw li jitolbu lill-Kunsill biex jimmodifika t-trattati sabiex jintegra dawn it-territorji fi ħdan il-Komunità bħala reġjuni l-aktar imbiegħda. Madankollu, il-Kumunità tibqa' newtrali lejn l-evoluzzjoni possibbli tar-relazzjonijiet interni bejn l-OCTs u l-Istati Membri relatati magħhom, u lejn id-differenzi bejn l-OCTs fir-rigward tar-relazzjonijiet kostituzzjonali ma' l-Istati Membri relatati, b'mod partikolari t-tendenza fil-biċċa l-kbira ta' l-OCTs lejn awtonomija u indipendenza akbar. Kwistjonijiet bħal dawn jaqgħu taħt id-dominju esklużiv ta' l-Istati Membri kkonċernati u l-OCTs tagħhom. Huwa biss jekk OCT jsir kompletament indipendenti li ċ-ċittadini tiegħu fil-prinċipju ma jibqgħux ċittadini Ewropej u tgħib r-rabta mill-qrib ma' l-UE permezz ta' l-Istat Membru relatat. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe evoluzzjoni bħal din fil-futur, l-aspetti sottolineati hawn fuq juru li l-istatus ta' l-OCTs fir-relazzjoni mal-Komunità huwa differenti minn dak ta' kwalunkwe pajjiż terz, inklużi pajjiżi terzi assoċjati mal-Komunità permezz ta' ftehimiet speċifiċi, bħall-istati ta' l-AKP jew il-pajjiżi koperti mill-Politika Komunitarja tal-Viċinat. Minkejja dan, l-OCTs ma jiffurmawx parti mill-Komunità, irrispettivament mill-kwistjoni jekk u sa fejn il-liġi ta' l-Istat Membru relatat tapplika f'OCT partikolari. Il-kwistjoni għalhekk hija fejn se jitpoġġew l-OCTs fir-rigward tar-relazzjoni tagħhom mal-Komunità, meta wieħed irid iżomm f'moħħu li, fuq naħa, ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-membri tagħha (inklużi r-reġjuni l-aktar imbiegħda) ma jistgħux jiġu applikati bħala tali għall-OCTs u li, fuq in-naħa l-oħra, l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità m'għandhiex taffettwa r-relazzjonijiet kostituzzjonali bejn l-OCTs u l-Istati Membri li magħhom huma marbuta. Mistoqsija 1: Kif għandha s-solidarjetà bejn il-Komunità u l-OCTs tissarraf fil-livell ta' politika, u tqis ir-relazzjoni speċjali ta' l-OCTs mal-Komunità? 3.1.2. Interpretazzjoni kontemporanja ta' l-iskop ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE Skond l-Artikolu 182 tat-Trattat tal-KE, l-iskop ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE hu li tippromwovi l-żvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-OCTs u li jistabilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Komunità kollha kemm hi. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar preżenti jikkjarifika li l-objettivi ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE jistgħu jintlaħqu billi wieħed jiffoka fuq it-tnaqqis, il-prevenzjoni u eventwalment l-eliminazzjoni tal-faqar fl-OCTs u fuq l-iżvilupp sostenibbli (li jinkludi l-pilastru ambjentali tiegħu) u l-integrazzjoni gradwali fi ħdan l-ekonomiji reġjonali u dinjija. L-attenzjoni li tingħata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-applikazzjoni ta' loġika dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-kooperazzjoni finanzjarja tal-Komunità ma' l-OCTs ħafna drabi twassal għal identifikazzjoni bejn l-OCTs u l-pajjiżi ta' l-AKP, b'mod partikolari minħabba li l-istrument finanzjarju, jiġifieri l-EDF, huwa l-istess. Madankollu, l-attenzjoni li fil-preżent qed tingħata lill-ġlieda kontra l-faqar, l-OCTs u l-Istati Membri li magħhom huma marbuta qed jarawha aktar u aktar bħala ostaklu biex tiġi trattata l-vulnerabbiltà ta' l-OCTs bħala ekonomiji ta' mikro-gżira bl-aktar mod effiċjenti, speċjalment għaliex il-kooperazzjoni għall-finanzjament ta' l-iżvilupp tal-Komunità ma' l-OCTs fil-preżent hija bbażata fuq sett ta' standards li huma simili għal dawk applikati għall-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-AKP u li ma jirriflettux bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-OCTs fir-rigward ta' kemm huma estremament ċkejknin, is-sitiwazzjonijiet istituzzjonali u kostituzzjonali, id-diversità ġeografika u klimatika, il-livelli differenti minn xulxin ta' żvilupp u l-importanza li tingħata lill-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-kompettittività. L-integrazzjoni ta' l-OCTs fi ħdan il-kooperazzjoni ta' l-iżvilupp tal-Komunità hija wkoll suġġett ta' kritika dejjem tikber mill-Istati Membri mingħajr l-OCTs u mill-pajjiżi ta' l-AKP, kif ħareġ fid-deher waqt in-negozjati fl-Għaxar Ftehim Intern ta' l-EDF, pereżempju. Ir-raġuni ewlenija għal din il-kritika hija li l-OCTs jieħdu benefiċċju mill-għajnuna għall-iżvilupp iffinanzjata mill-EDF, anke jekk ċerti OCTs bilkemm jistgħu jiġu kkunsidrati bħala 'pajjiżi li qed jiżviluppaw', l-ebda OCT ma jista' jikkwalifika bħala territorju bi dħul baxx[9], M'humiex parti mill-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE u m'humiex koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Aktar minn hekk, il-livell ta' għajnuna ras għal ras li tingħata lill-OCTs u ffinanzjata mill-EDF hija notevolment ogħla mill-medja ta' l-AKP[10], li huwa dovut għall fatt li l-OCTs huma marbutin aktar mill-qrib ma' l-UE mill-pajjiżi ta' l-AKP, imma m'hux relatat mal-ħtiġijiet infushom ta' l-OCTs. Fuq naħa, jidher li huwa tabilħaqq raġonevoli li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha fl-ewwel post tkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi li jeħtiġuha l-aktar. Fuq in-naħa l-oħra, mhux ġust li wieħed jiffoka biss fuq id-dħul ras għal ras bħala l-uniku indikatur tal-ħtiġijiet ta' l-OCTs, għax dan ma jqisx il-vulnerabbiltà tagħhom bħala ekonomiji ta' mikro-gżira u b'mod partikolari l-fatt li d-daqs żgħir tagħhom u d-dipendenza fuq bażi ekonomika dejqa ħafna taffettwa b'mod sever il-kapaċitajiet istituzzjonali tagħhom u l-potenzjal tagħhom ta' żvilupp. Aktar minn hekk, wieħed irid iżomm f'moħħu li bosta OCTs huma dipendenti ħafna fuq it-tasferimenti finanzjarji mill-Istati Membri relatati tagħhom, li jiżgura livell relattivament għoli ta' servizz soċjali u pubbliku imma jista' wkoll jirriżulta, pereżempju, f'settur pubbliku kbir ħafna u predominanti u f'settur privat sotto-żviluppat. Madankollu, l-isfidi relatati mal-vulnerabbiltà ta' l-OCTs bħala ekonomiji ta' mikro-gżira m'hux neċessarjament jirrkjedu approċċ klassiku ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għall-kuntrarju, l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs fid-dinja globalizzata tal-lum jidher li jista' jsir bl-aħjar mod billi tiżdied il-kompettitività tagħhom u l-integrazzjoni gradwali tagħhom fis-swieq reġjonali u dinjin, filwaqt li wieħed iqis mhux biss l-isfidi li jiffaċċjaw, bħall-ispejjeż għolja tal-produzzjoni u t-trasport, diżekonomiji ta' skala, u nuqqas relattiv ta' kapaċità istituzzjonali, imma wkoll il-potenzjal tagħhom, bħall-kompetenza tagħhom f'ċerti oqsma, il-livell relattivament għoli ta' l-edukazzjoni tal-popolazzjoni tagħhom meta mqabbel ma' dak tal-pajjiżi viċin, jew id-disponibbiltà ta' ċerti riżorsi naturali. Aktar minn hekk, it-tħassib ambjentali jixraqlu attenzjoni speċjali minħabba kemm il-fraġilità ta' l-OCTs iffaċċjati bit-tibdil fil-klima u l-potenzjal tagħhom ibbażat fuq il-bijodiversità. Sabiex wieġed iqis il-vulnerabbiltà ta' l-OCTs, ma tkunx soluzzjoni dejjiema li wieħed sempliċiment jirrikorri għal eċċezzjonijiet għar-regoli u l-proċeduri preżenti minflok jiddefinixxi strateġija vera għall-OCTs, għaliex jekk wieħed sempliċiment jagħmel eċċezzjonijiet għall-politika dwar l-iżvilupp tal-Komunità ikun qed jimmina l-koerenza ta' din il-politika stabbilita fil-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp[11]. Aktar minn hekk, dan ikun dijametrikament oppost għall-pożizzjonijiet espressi minn numru ta' Stati Membri li m'għandhomx OCTs. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm diskussjoni l-ewwel fuq il-politiki, mhux fuq il-proċeduri. Mistoqsija 2: Inti taqbel li għandna nimxu lejn strateġija ġdida għall-OCTs distinta mill-istrateġija klassika dwar il-k o operazzjoni għall-iżvilupp (ibbażata fuq il-ġlieda kontra l-faqar)? Jekk iva, x'tip ta' azzjoni tipproponi sabiex jiġi promoss aħjar l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs u t-tisħiħ tal-kompettitività u d-determinazzjoni tagħhom? 3.1.3. Interessi reċiproċi L-OCTs jinsabu f'reġjuni ġeografiċi xi ftit jew wisq remoti madwar id-dinja kollha. Minkejja l-post fejn jinsabu 'il barra mill-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea, l-OCTs u l-Istati Membri li magħhom huma marbuta ta' spiss isemmu l-importanza strateġika ta' l-OCTs bħala "l-fruntieri aħħarin ta' l-Ewropa" jew l-"it-territorji l-aktar imbiegħda ta' l-UE", l-aktar għaliex huma parti jew għall-anqas marbuta mill-qrib ma' Stat Membru ta' l-UE. Dan iqajjem mistoqsija doppja: X'inhi attwalment din l-importanza strateġika ta' l-OCTs għall-UE kollha kemm hi? U x'tip ta' responsabbiltajiet din għandha torbot ma' l-OCTs fir-rigward tar-rwol li jistgħu jassumu fir-reġjuni tagħhom? Fir-reġjuni tal-Karibew, l-Ocean Paċifiku u dak Indjan, l-OCTs huma ġirien ta' l-Istati AKP. Bħar-reġjuni l-aktar imbiegħda ta' Franza fil-Karibew u l-Oċean Indjan, uħud minn dawn l-OCTs għandhom għarfien li mhux dejjem huwa disponibbli fil-pajjiżi ġirien tagħhom u jista' jinqasam ma' dawn il-pajjiżi b'mod li jagħti l-frott. Bl-istess mod, l-OCTs jistgħu ukoll jikkontribwixxu attivament għall-promozzjoni tal-valuri 'Ewropej' li jikkondividu fuq firxa mill-aktar wiesgħa possibbli tal-bażi ġeografika fir-reġjuni rispettivi tagħhom. L-idea tressqet sabiex tgħin fit-twaqqif ta' 'ċentri ta' esperejnza u kompetenza' fl-OCTs, li jiffaċilitaw ir-rwol ta' l-OCTs bħala pontijiet bejn l-UE u r-reġjuni rispettivi tagħhom. Dan jista', pereżempju, jirrelata ma' l-implimentazzjoni u l-promozzjoni ta' standards għoljin fil-qasam ta' l-ambjent, l-istat tad-dritt, governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-jeddijiet tal-minoritajiet, il-promozzjoni ta' relazzjoni tajba bejn il-ġirien, jew il-prinċipji ta' l-ekonomiji bbażati fuq is-suq, l-innovazzjoni u l-iżvilupp sosteniobbli. Relevanti wkoll huma r-rikkezza ekoloġika u l-kundizzjonijiet klimatiċi differenti fl-OCTs, li jistgħu joffru potenzjal kbir għar-riċerka. Dan diġà huwa l-każ f'uħud mill-OCTs bħal fil-Polineżja Franċiża, fejn qed jiġu implimentati proġetti xjentifiċi dwar il-bijodiversità li jinvolvu istituti minn Franza u l-Istati Uniti. Fir-rigward ta' Greenland, l-esplojtazzjoni ta' l-idrokarburi u minerali oħra u l-possibbiltà ta' rotot ġodda fil-baħar li jaqsmu n-North Pole jistgħu jġibu opportunitajiet ġodda. Madankollu, is-sħubija preżenti bejn il-Komunità u l-OCTs qajla tista' tiġi kkunsidrata waħda bbażata fuq interessi reċiproċi. Fil-fatt, ir-responsabbiltajiet attwali mgħobbija fuq l-OCTs huma limitati għal dawk ta' msieħba ta' l-għajnuna u benefiċċjarji ta' reġim kummerċjali preferenzjali mhux reċiproku. Is-sħubija bejn il-Komunità Ewropea u Greenland[12] tista' f'ċertu sens tiġi meqjusa bħala eċċezzjoni, anke jekk ir-responsabbiltajiet ta' Greenland f'oqsma minbarra s-sajd jibqgħu kemmxejn minuri (mingħajr preġudizzju għad-djalogu ta' politika fir-rigward tal-programm għall-iżvilupp sostenibbli ta' Greenland). Ir-responsabbiltajiet attwali għall-OCTs taħt is-sħubija preżenti jibqgħu tabilħaqq tassew limitati. Pereżempju, id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi Ekstra-Ewropej tikkjarifika li l-għanijiet ta' l-assoċjazzjoni ta' l-OCT-KE jistgħu jintlaħqu billi jsiru sforzi, fost ħwejjeġ oħra, fuq l-integrazzjoni gradwali ta' l-OCTs fi ħdan l-ekonomiji reġjonali u dinjin. F'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tinkoraġġixxi wkoll il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-OCTs u ta' l-OCT-AKP, is-solidarjetà u l-integrazzjoni, kif ukoll il-ħolqien ta' relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali aktar ibbilanċjati bejn l-OCTs, il-pajjiżi AKP, l-Istati Membri u partijiet oħra tad-dinja. Fl-istess waqt, l-OCTs semmew f'diversi okkażjonijiet ir-rwol li jista' jkollhom bħala pontijiet komparattivi bejn l-UE u r-reġjuni rispettivi tagħhom li l-Kummissjoni laqgħet b'mod pożittiv. Madankollu, dan jimplika iżjed kooperazzjoni mar-reġjuni rispettivi tagħhom u ma' l-UE, it-trasferiment effettiv ta' l-għarfien u l-implimentazzjoni ta' standards ta' kwalità għolja. Madankollu, anke jekk id-deċiżjoni tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu u jinsistu fuq kooperazzjoni reġjonali bejn l-OCTs u l-ġirien tagħhom (sew it-territorji l-aktar imbiegħda tal-Komunità, l-istati ta' l-AKP jew pajjiżi terzi oħra), ma tipprovdix inċentivi tanġibbli jew responsabbiltajiet biex isir hekk, u sa issa, ir-riżultati jibqgħu pjuttost limitati minkejja r-riżorsi disponibbli għad-diversi msieħba kkonċernati. Eżempju ieħor ta' responsabbiltajiet limitati taħt l-assoċjazzjoni preżenti OCT-KE għandha x'taqsam mal-wirt ambjentali ta' l-OCTs. Minbarra s-sinjifikat tas-sostenibbiltà ambjentali ta' l-OCTs għall-benesseri tagħhom, il-ħarsien tal-bijodiversità ta' l-OCTs hija ta' importanza kbira għall-Komunità u għad-dinja b'mod ġenerali, minħabba d-dimensjoni internazzjonali tagħha f'termini ta' riċerka, l-esplojtazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Madankollu, d-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħarma tpoġġi l-ebda responsabbiltà fuq l-OCTs biex jinvolvu ruħhom attivament fil-ħarsien ambjentali u fl-attivitajiet ta' konservazzjoni skond l-istandards Komunitarji, fl-osservanza tar-regolarità ta' l-attivitajiet tas-sajd, f'miżuri effettivi ta' kontroll tat-tniġġiż u kapaċitajiet adegwati ta' rispons għall-emerġenzi fejn possibbiltajiet kummerċjali ġodda jistgħu jiġu sfruttati, jew f'kooperazzjoni fix-xjenza ma' istituti Ewropej tar-riċerka u timijiet mill-Istati Membri oħra minbarra dawk li magħhom huma marbuta l-OCTs. Bosta OCTs jaderixxu għal standards ambjentali eżemplari li huma ekwivalenti għal standards Komunitarji, imma l-istess ma jistax jingħad għall-prattika ġenerali fl-OCTs kollha li ta' spiss juru mudelli ta' użu insostenibbli ta' l-ekosistema. L-OCTs kollha huma kkaratterizzati minn bijodiversità li hija aktar rikka minn ta' l-Ewropa kontinentali fl-Ewropa kollha. Dawn il-pajjiżi u territorji insulari u iżolati jikkostitwixxu postijiet privileġġjati għall-iżvilupp ta' speċi endemiċi, kemm annimali jew veġetali u terrestri jew marittimi: pereżempju, in-New Caledonia għandha aktar minn 2 000 pjanta endemika u aktar minn 1 600 speċi ta' ħut. 200 speċi ta' koralli ġew identifikati f'Mayotte. L-OCTs huma postijiet importanti wkoll għall-ispeċi migratorji: Proporzjon kbir ħafna mill-popolazzjoni ta' l-albatross ta' ħuġbejh suwed jirriproduċi fil-gżejjer Falkland, fin-Nofsinhar tal-Ġeorġja, u fl-arċipelagi ta' Crozet u Kerguelen (li huma parti mir-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u ta' l-Atlantiku), Greenland tospita 25 speċi ta' mammiferi tal-baħar, u l-baleni tal-ħotba jimmigraw lejn il-Polineżja Franċiża biex jirriproduċu. Għaldanqstant l-OCTs huma ta' importanza kbira għall-bijodiversità dinjija. Użu sostenibbli u protezzjoni ta' din il-bijodiversità tista' tibbenefika minn dokumentazzjoni xjentifika aħjar u aċċess għar-riżultati tar-riċerka. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-bijodiversità u assi naturali oħra ta' l-OCTs jistgħu ikunu l-bażi għall-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tar-riċerka u l-konservazzjoni. Il-Potenzjal ta' l-OCTs fir-rigward tal-bijodiversità huwa diġà rikonoxxut fil-livell internazzjonali, permezz ta' l-iżvilupp ta' proġetti xjentifiċi sabiex jinkiseb għarfien aħjar ta' l-ekosistemi, il-mod kif jinteraġixxu u l-importanza tagħhom għall-bilanċ ambjentali dinji. Dawn il-proġetti ta' riċerka jimmiraw ukoll biex jinstabu soluzzjonijiet biex dan il-potenzjal li huwa mhedded bil-kif, jigi salvagwardjat, pereżempju bl-introduzzjoni ta' speċi mhux endemiċi li jeqirdu ambjenti eżistenti jew jieħdu post veġetazzjoni endemika (bħall-mogħoż f'Bonaire u Curacao, il-mikonja fil-Polineżja Franċiża u n-New Caledonia, eċċ), jew permezz ta' l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-koralli. Il-komunità internazzjonali hija dejjem aktar imħassba minħabba t-telf tal-bijodiversità. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta' Mejju 2006 intitolata 'It-twaqqif tat-telfein tal-bijodiversità sa l-2010 u lil hinn — Is-sostenn tas-servizzi ta' l-ekosistema għall-benesseri tal-bniedem', il-Kummissjoni min-naħa tagħha tenfasizza li 'azzjoni effettiva f'pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej ta' Stati Membri li huma rikki fil-bijodiversità hija vitali għall-kredibbiltà ta' l-UE fl-arena internazzjonali'. Il-Kummissjoni hija wkoll ħerqana li tiżviluppa sħubija aktar effettiva ma' l-OCTs f'dak li għandu x'jaqsam ma' kooperazzjoni f'oqsma oħra bħall-politika ekonomika, intrapriża, politika dwar l-impjiegi u dik soċjali, il-kummerċ u l-investiment, l-infrastruttura (anke fir-rigward tas-sistema Galileo, minħabba li l-OCTs huma kandidati potenzjali jew reali għall-iżvilupp ta' l-infrastrutturi fuq l-art), ir-riċerka, l-affarijiet marittimi u governanza tal-baħar, il-provvista ta' l-enerġija, l-effiċjenza ta' l-enerġija u sorsi li jiġġeddu ta' l-enerġija, governanza tajba (inkluża fl-oqsma tat-taxxa, finanzjarji u ġudizzjarji), l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, skambji kulturali, il-media, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, t-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, drogi u sustanzi illegali, sajd mhux irrapportat u mhux regolat, kif ukoll kooperazzjoni amministrattiva, tal-pulizija u ġudizzjarja. Aktar minn hekk, il-kooperazzjoni fl-oqsma tat-trasport kemm bil-baħar kif ukoll bl-ajru — inkluża fir-rigward taż-Żona Komuni ta' l-Avjazzjoni — tista' tikkontribwixxi b'mod notevoli għall-integrazzjoni ta' l-OCTs fi ħdan ir-reġjun tagħhom u għal relazzjoni eqreb bejn l-OCTs u l-Komunità. F'kull każ, il-possibbilitajiet għal azzjoni fl-interess reċiproku ta' xi waħda mill-OCTs u l-UE (u pajjiżi ġirien li għandhom qed jiżviluppaw) jiddependu fuq il-potenzjal u r-rieda ta' l-OCTs li jiżviluppaw u jikkondividu ċerti assi, u kemm dawn l-assi huma attraenti għall-UE, pajjiżi ġirien jew imiseħba potenzjali oħra, kif ukoll fuq kemm hi lesta l-UE li tikkoopera aktar attivament fid-dominju partikolari ma' dik l-OCT. F'dan ir-rigward huwa essenzjali li wieħed iqis id-diversità enormi ta' l-OCTs, u b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' l-OCTs li huma estremament iżolati minħabba raġunijiet ġeografiċi, politiċi jew oħrajn. Sfida importanti għandha x'taqsam ukoll mar-rwol u l-influwenza ta' ċerti pajjiżi fir-reġjuni differenti ta' fejn jinsabu l-OCTs — bħall-Istati Uniti, il-Brażil u l-Veneżwela fil-Karibew, jew l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, l-Awstralja u n-New Zealand fil-Paċifiku. Fl-2003, l-OCTs u l-Istati Membri li huma marbuta magħhom indikaw li l-mixja lejn sħubija ġenwina għandha tkun akkumpanjata mill-konklużjoni ta' ftehim (li jekk ikun meħtieġ għandu jkun supplimentat b'diversi protokolli) minflok l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill. Madankollu, din il-Green Paper ma teżaminax tali kunsiderazzjonijiet, minħabba li l-Artikolu 187 tat-Trattat tal-KE jipprovdi espliċitament li r-regoli dettaljati u l-proċeduri ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE għandhom ikunu stabbiliti mill-Kunsill. Mistoqsija 3: Kif tista' s-sħubija bejn l-OCTs u l-UE ssir aktar attiva u reċiproka, fl-interess taż-żewġ imsieħba? Liema huma r-responsabbilitajiet attwali li dan għandu jitfa' fuq l-OCTs jew l-Istati Membri li magħhom huma marbuta (fi ħdan il-limiti tal-kompetenzi kostituzzjonali tagħhom)? Mistoqsija 4: Fil-fehma tiegħek, x'inhuma d-dominji l-aktar importanti ta' interess reċiproku għall-kooperazzoni bejn l-OCTs u l-UE? Mistoqsija 5: X'jista' jkun il-vantaġġ għall-OCTs minn kooperazzjoni u integrazzjoni reġjonali miżjuda? Kif jista' jiġi inkoraġġit it- trasferiment ta' l-għarfien bejn l-OCTs u l-ġirien tagħhom? Mistoqsija 6: X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar rinfurzar possibbli tad-djalogu politiku bejn l-UE, OCT u l-Istat Membru li miegħu hija marbuta, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fejn l-interessi ta' l-UE u l-OCT kkonċernata huma differenti? 3.2. Il-ftehimiet kummerċjali bejn il-Komunità u l-OCTs L-ebda reviżjoni ta' l-arranġamenti kummerċjali preżenti bejn il-Komunità u l-OCTs ma tista' sseħħ mingħajr ma jiġu kkunsidrati t-tibdiliet fid-dinja, li jaffettwaw lill-Komunità u l-OCTs infushom, kif ukoll lill-imsieħba prinċipali kummerċjali ta' l-OCTs b'mod partikolari l-ġirien tagħhom ta' l-AKP. Il-Komunità għal bosta snin konsistentement appoġġjat l-integrazzjoni reġjonali u ekonomika bħala prijorità għall-istati AKP, għaliex l-integrazzjoni reġjonali u fi ħdan sistemi kummerċjali multilaterali toffri opportunitajiet kummerċjali ġodda li jistgħu iwasslu għal tkabbir ekonomiku u allura passaġġ lil hinn mill-faqar għal dawn il-pajjiżi. Dan huwa wkoll il-ħsieb wara l-loġika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Ftehimiet dwar Sħubija Ekonomika (EPAs) li ġew innegozjati ma' l-istati AKP. Huwa wkoll fatt li l-benefiċċji teoretiċi offruti lill-OCTs mir-reġim preżenti kummerċjali OCT-KE f'termini ta' aċċess preferenzjali għas-suq tal-Komunità qed jitnaqqru minħabba l-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ fuq skala globali u reġjonali. Dan huwa proċess inevitabbli li l-OCTs iridu jippreparaw għalih, b'mod partikolari għaliex l-OCTs jibbenfikaw diġà mill-aktar reġim ġeneruż ta' tariffi li qatt ingħata mill-Komunità, li ma jħalli l-ebda spazju reali għat-titjib ta' l-aċċess preferenzjali għas-suq ta' l-UE. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ilha mill-2003 tistieden lill-OCTs li jinsabu fir-reġjun ta’ l-AKP u lill-Istati Membri li huma marbuta magħhom biex jeżaminaw il-pożizzjoni tagħhom fuq l-integrazzjoni ekonomika reġjonali ta' dawn l-OCTs mal-pajjiżi AKP ġirien tagħhom, x'għandhom x'jitilfu jew x'jirbħu dawn l-OCTs mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-integrazzjoni ekonomika. Dan huwa wkoll partikolarment relevanti fir-rigward tar-regoli ta' l-oriġini u b'mod aktar speċifiku l-akkumulazzjoni ta' l-orġini bejn l-OCTs u l-AKPs. Aktar minn hekk, modernizzazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini (primarjament fir-rigward tal-prodotti tas-sajd), imfassla għas-sitwazzjoni speċifika ta' l-OCTs, jew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' l-OCTs biex jikkonformaw ma' l-obbligi ta' l-importazzjoni tal-prodotti fil-Komunità, pereżempju fl-oqsma sanitarji u fitosanitarji (li wkoll tirrappreżenta element ewlieni ta' l-EPAs), tista' tgħin biex tagħmel l-aktar li tista' mill-benefiċċji li l-OCTs jieħdu mir-reġim kummerċjali OCT-KE minkejja t-tnaqqis teoretiku fil-valur tat-tariffi preferenzjali. Fl-istess vena, il-proċedura preżenti tat-trasbord għandha tkun suġġetta għal eżami kritiku. B'referenza għad-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuża f'Anness IV ma' din l-Green Paper, il-Kummissjoni tixtieq tkun taf l-opinjoni tiegħek fuq dawn il-mistoqsijiet: Mistoqsija 7.1: Fil-fehma tiegħek x'inhuma l-benefiċċji ta' integrazzjoni reġjonali ekonomika miżjuda li jistgħu jippreżentaw vantaġġ għal ċerti OCTs bħala rispons għall-globalizzazzjoni u t-tnaqqir tal-preferenzi kummerċjali tagħhom vis-à-vis il-Komunità? Mistoqsija 7.2: Kif l-OCTs jistgħu jinvovlu ruħhom f'kummerċ reġjonali aktar wiesa' u kif il-Komunità tista taffaċilita dan? Mistoqsija 8.1: X'inhi l-opinjoni tiegħek fuq il-valur miżjud għall-OCTs ta' l-akkumulazzjoni ta' l-oriġini OCT-AKP? Mistoqsija 8.2: Liema huma l-OCTs li jagħmlu użu mill-akkumulazzjoni OCT-AKP u jekk jużawhiex ta' spiss? Din tinvolvi li tinġieb il-materja prima mill-istati AKP u t-trasformazzjoni tagħhom fuq il-post fl-OCTs? Mistoqsija 8.3: Kif tista' l-modernizzazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini tkun aġġustata għas-sitwazzjoni speċifika ta' l-OCTs differenti? Mistoqsija 9.1: Fl-opinjoni tiegħek x'inhu l-valur miżjud tal-kooperazzjoni ma' l-OCTs fl-oqsma relatati mal-kummerċ fir-rispons għall-globalizzazzjoni u t-tnaqqir tal-preferenzi kummerċjali tagħhom vis-à-vis il-Komunità? Mistoqsija 9.2: Kif tista' l-assoċjazzjoni OCT-KE tikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni fl-OCTs b'mod aktar attiv f'dan ir-rigward? Mistoqsija 10.1: X'inhi l-fehma tiegħek dwar il-valur miżjud reali tal-proċedura preżenti tat-trasbord fid-Deċiżjoni preżenti għall-Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar? Mistoqsija 10.2: Kif tista' l-assoċjazzjoni OCT-KE tiġi adattata biex tippromwovi aħjar l-iżvilupp ta' l-infrastruttura tat-trasport (l-ajru, t-triq u l-port)? Mistoqsija 10.3: Għandek xi suġġerimenti dwar modi oħra biex l-infrastruttura tal-portijiet fl-OCTs, li hija żviluppata tajjeb u mhix utilizzata biżżejjed, issir aktar kompettitiva? 3.3. Il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-OCTs Fit-2 ta' Ottubru 1997, il-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri li adottaw it-Trattat ta' Amsterdam għamlu dikjarazzjoni dwar l-OCTs li fiha appellaw għal reviżjoni ta' l-arranġamenti ta' assoċjazzjoni OCT-KE bil-għan li, fost affarijiet oħra, jikkunsidraw aktar id-diversità u l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-OCTs individwali[13]. Konsegwentement id-Deċiżjoni ta' l-2001 dwar l-Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar introduċiet numru ta' innovazzjonijiet f'dan ir-rigward. Billi sat-tmien RDF, l-għajnuna programmabbli kienet maqsuma bejn l-OCTs ta' Franza, l-Olanda u l-Ingilterra bħala grupp, u jitħalla f'idejn l-Istati Membri kkonċernati biex jallokaw dawn ir-riżorsi bejn l-OCTs tagħhom, id-Deċiżjoni ta' l-2001 dwar l-Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar introduċiet l-allokazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja tal-Komunità direttament lill-OCTs individwali u ppermettiet sussidjarjetà akbar fir-rigward tal-ġestjoni ta' l-istrument finanzjarju. Inkludiet ukoll dispożizzjonijiet dwar il-ħtiġijiet ta' l-OCTs l-aktar iżolati u l-anqas żviluppati. Madankollu, fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba minn dak inhar sal-lum, numru ta' sfidi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltà u d-diversità ta' l-OCTs issa għandhom jiġu eżaminati b'mod kritiku, mingħajr preġudizzju għall-kritika mqajma aktar 'il fuq. B'mod aktar preċiż, b'referenza għad-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż f'Anness V ma' din l-Green Paper, il-Kummissjoni tixtieq tkun taf l-opinjoni tiegħek fuq dawn il-mistoqsijiet: Mistoqsija 11: Kif għandha l-promozzjoni Komunitarja ta' l-iżvilupp sostenibbli ta' l-OCTs tirrelata mal-vulnerabbiltà attwali tagħhom bħala ekonomiji ta' mikro-gżira? Mistoqsija 12: X'inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-twaqqif ta' indiċi li jkejjel il-vulnerabbiltà relattiva ta' l-OCTs, li jippermetti paraguni mhux biss bejn l-OCTs, imma wkoll ma' pajjiżi u territorji oħra? Jekk jitwaqqaf indiċi bħal dan, x'inhuma l-kriterji li għandhom jintużaw? Mistoqsija 13: Meta wieħed jara kemm l-OCTs huma esposti għal diżastri naturali, kemm għandu jkun inkluż ir-Riduzzjoni tar-Riskju mid-Diżastri fir-relazzjonijiet futuri ta' l-OCT-EU? Mistoqsija 14: Kif tista' l-assoċjazzjoni OCT-KE tkun adattata biex tikkunsidra aktar id-diversità ta' l-OCTs mingħajr ma tiżdied it-tagħbija amministrattiva għall-OCTs u l-Kummissjoni? 4. Konklużjonijiet It-Trattat tal-KE jistqarr li l-iskop ta' l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità Ewropea hu li jippromwovi żvilupp ekonomiku u soċjali ta' l-OCTs u jistabilixxi relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejn dawn u l-Komunità kollha kemm hi. Aktar minn hekk, jistabbilixxi l-għanijiet relatati mal-kummerċ u l-prinċipji bażiċi ta' din l-assoċjazzjoni. Madankollu, fi ħdan il-limiti tat-Trattat tal-KE, hemm lok wiesa' għall-manuvri biex jiġu mmodernizzati r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-OCTs, sabiex jiġu adattati għar-realtà fuq il-post, is-sitwazzjoni speċifika ta' l-OCTs bħala ekonomiji ta' mikro-gżira imxerrda madwar id-dinja u l-potenzjal li joffru, kif ukoll il-kuntest internazzjonali aktar wiesa' u r-realtajiet reġjonali, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa l-istat uniku ta' l-OCTs b'relazzjoni mal-Komunità. Sabiex titwitta t-triq lejn il-futur, din il-Green Paper hija maħsuba biex tqajjem diskussjoni pubblika wiesgħa fuq numru ta' kwistjoinijiet essenzjali dwar kwalunkwe modernizzazzjoni sostanzjali ta' l-assoċjazzjoni OCT-KE, sabiex eventwalment il-Kummissjoni tkun tista' tiddetermina r-rispons xieraq ta' politika fuq bażi infumata bl-aħjar mod possibbli, bl-objettiv li tiġi definita strateġija ġdida tat-tul għall-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità, li tieħu post kompletament jew parzjalment dik eżistenti meta d-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħartiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013. Dan jibqa' mingħajr preġudizzju għal reviżjoni possibbli tad-Deċiżjoni qabel it-tmiem ta' l-2011, skond l-Artikolu 62 tagħha. Il-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika jibda fl-1 ta' Lulju 2008 u jintemm fis-17 ta' Ottubru 2008. Il-Kummissjoni Ewropea tistiednek tibgħat il-kontribuzzjoni tiegħek billi tagħmel użu minn formola elettronika li tista' ssib fuq il-websajt tagħha fl-indirizz li ġej: http://europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm Il-kontribuzzjonijiet li jidħlu se jiġu analizzati bir-reqqa mill-Kummissjoni sabiex titwitta t-triq 'il quddiem lejn definizzjoni ta' politika ġdida għall-OCTs. B'mod aktar preċiż, il-kontribuzzjonijiet se jiġu eżaminati biex joħroġ jekk, u sa liema punt, il-veduti espressi jistgħu jiġu akkomodati fi proposti ta' politika futuri li għandhom x'jaqsmu ma' l-OCTs. Il-kontribuzzjonijiet li jidħlu se jiġu ppubblikati fuq l-Internet, flimkien ma' l-identità tal-kontributur, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax għall-pubblikazzjoni tad-data personali fuq il-bażi li tali pubblikazzjoni tista' tagħmel ħsara lill-interessi leġittimi tiegħu jew tagħha. F'dan il-każ il-kontribuzzjoni tista' tiġi ppubblikata f'forma anonima. Inkella l-kontribuzzjoni ma tiġix ippubblikata u lanqas, fil-prinċipju, ma jiġi kkunsidrat il-kontenut tagħha. L-organizzazzjonijiet huma mitluba li jidentifikaw irwieħhom. Il-Kummissjoni tikkonferma r-riċevuta tal-kontribuzzjonijiet li jaslulha, imma mingħajr ma neċessarjament tipprovdi risposta individwali fir-rigward tal-kontenut tagħhom. Sabiex tipprovdi segwitu adegwat għall-partijiet li jwieġbu u lill-pubbliku ġenerali, memoranda ta' spjegazzjoni li jakkumpanjaw proposti leġiżlattivi jew komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-OCTs se jkunu jinkludu r-riżultati ta' din il-konsultazzjoni u spjega ta' kif ir-riżultati tagħha ġew ikkunsidrati. Inti mħeġġeġ tuża l-formola elettronika tar-rispons, li se tagħmilha aktar faċli biex il-fehmiet tiegħek jiġu pproċessati matul din il-konsultazzjoni. Madankollu, inti tista' wkoll tibgħat kontribuzzjoni bil-miktub fl-indirizz li ġej: Green Paper dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u l-OCTs Kummissjoni Ewropea Direttorat Ġenerali dwar l-Iżvilupp u r-Relazzjonijiet ma' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku DG DEV/D/1 SC-15 07/130 B-1049 Brussell F'każ ta' xi mistoqsijiet, tista' wkoll tibgħat email lil: DEV-DIR-D@ec.europa.eu [1] Konvenzjoni Implimentattiva mehmuża mat-Trattat ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 1957 tiddetermina d-dettalji u l-proċedura għall-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità għall-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1962. Sussegwentement, id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri dettaljati għall-assoċjazzjoni KE-OCT kienu stabbiliti fid-Deċiżjinijiet għal perjodu ta' ħames snin, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 1964, 29 ta' Settembru 1970, 29 ta' Ġunju 1976, 16 ta' Diċembru 1980 u t-30 ta' Ġunju 1986. Fil-25 ta' Lulju 1991 u fis-27 ta' Novembru 2001, il-Kunsill adotta deċiżjonijiet addizjonali dwar l-assoċjazzjoni ta' l-OCTs mal-Komunità, kull waħda valida għal għaxar snin. Madankollu, il-perjodu tal-validità tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar tal-27 ta' Novembru 2001 kienet estiża fl-2007 sal-31 ta' Diċembru 2013, sabiex tiġi l-istess mal-perjodu tal-validità ta' l-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-qafas finanzjarju multi-annwali għall-2007-2013. [2] Deċiżjoni 2001/822/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ekstra Ewropej mal-Komunità Ewropea, ĠU L 314, 30.11.2001, p.1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, tas-26.4.2007, p. 33). [3] Ara l-Artikolu 62 tad-Deċiżjoni riveduta dwar l-Assiċjazzjoni lil hinn mill-baħar, kif ukoll il-premessa 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE. [4] Taħt l-Għaxar EDF (2008-2013), il-livell medju ras għal ras ta' assistenza finanzjarja tal-Komunità lill-OCTs huwa madwar sitt darbiet akbar mil-livell medju ras għal ras ta' l-assistenza finanzjarja tal-Komunità lill-istati ta' l-AKP. [5] Skond l-Artikolu 58 tad-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar Ara wkoll l-Anness III ta' din il-Green Paper [6] Dikjarazzjoni Nru 36 dwar il-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej annessa ma' l-Att Finali tal-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri li adottaw it-Trattat ta' Amsterdam (ĠU C 340, 10.11.1997). [7] Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/95/EC tal-31 ta' Diċembru 1998 dwar l-arranġamenti monetarji fil-komunitajiet territorjali Franċiżi ta' Saint-Pierre-et-Miquelon u Mayotte (ĠU L 30, 4.2.1999, p.29). [8] Fl-2003 Franza ħabbret li talba għall-introduzzjoni ta' l-euro fl-OCTs Franċiżi fil-Paċifiku tiġi sottomoessa lill-istituzzjonijiet Ewropej biss jekk it-tliet OCTs jaqblu ma' l-introduzzjoni ta' l-euro. F'dan il-kuntest, Wallis u Futuna ddikjarat li se timxi mad-deċiżjoni li se tittieħed mill-Polineżja Franċiża u n-New Caledonia. Fl-2006, l-Assemblea tal-Polinesja Franċiża adottat riżoluzzjoni favur l-introduzzjoni ta' l-euro, filwat li n-New Caledonia għadha ma ħaditx deċiżjoni. [9] Skond il-Kumitat dwar l-Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD/DAC). Ara Annessi I u II mehmuża ma' din il-Green Paper għal aktar dettalji. [10] Ara footnote 4 hawn fuq. [11] Stqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta’ Żvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea: 'Il-Kunsens Ewropew' (OJC 46 ta' l-24.2.2006, p.1). [12] Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/526/KE tas-17 ta’ Lulju 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka fuq in-naħa l-oħra(ĠU L 208, 29.7.2006, p.28). [13] Dikjarazzjoni Nru 36 dwar il-Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej annessa ma' l-Att Finali tal-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri li adottaw it-Trattat ta' Amsterdam (ĠU C 340, 10.11.1997).