This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008DC0360
Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of Regions - Policy plan on asylum - An integrated approach to protection across the EU {SEC(2008) 2029} {SEC(2008) 2030}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, liil-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun - Programm ta’ politika dwar l-ażil - Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE {SEC(2008) 2029} {SEC(2008) 2030}
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, liil-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun - Programm ta’ politika dwar l-ażil - Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE {SEC(2008) 2029} {SEC(2008) 2030}
/* KUMM/2008/0360 finali */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, liil-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun - Programm ta’ politika dwar l-ażil - Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE {SEC(2008) 2029} {SEC(2008) 2030} /* KUMM/2008/0360 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 17.6.2008 KUMM(2008) 360 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LIIL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PROGRAMM TA’ POLITIKA DWAR L-AŻILAPPROĊĊ INTEGRAT GĦALL-PROTEZZJONI FL-UE {SEC(2008) 2029}{SEC(2008) 2030} 1. INTRODUZZJONI 1.1. L-isfond Il-ħidma fuq il-ħolqien ta' Sistema ta’ l-Ażil Komuni Ewropea - Common European Asylum System (CEAS) bdiet immedjatament wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Amsterdam f’Mejju 1999, fuq il-bażi ta’ l-orjentazzjonijiet li ngħataw mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere. Matul l-ewwel fażi tas-CEAS (1999-2005), il-mira kienet li jiġu armonizzati l-oqsfa legali ta’ l-Istati Membri fuq il-bażi ta’ l-istandards minimi komuni[1]. Il-Programm ta’ l-Aja stabbilixxa bħala l-għanijiet tas-CEAS fit-tieni fażi tagħha t-twaqqif ta’ proċedura komuni ta’ l-ażil u status uniformi għal dawk kollha li jingħataw ażil jew protezzjoni sussidjarja, kif ukoll li tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ l-ażil u d-dimensjoni esterna ta’ l-ażil. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, qabel tipproponi xi inizjattivi ġodda, kien meħtieġ li ssir riflessjoni profonda u dibattitu mal-partijiet kollha interessati dwar l-arkitettura futura tas-CEAS. Għaldaqstant, f’Ġunju ta’ l-2007 ppreżentat Green Paper, li kellha l-għan li tidentifika l-għażliet possibbli għat-tfassil tat-tieni fażi tas-CEAS. Ir-rispons għall-konsultazzjoni pubblika kienet tinkludi 89 kontribuzzjoni minn firxa wiesgħa ta’ persuni interessati[2]. Il-kwistjonijiet li tqajmu u s-suġġerimenti li tressqu matul il-konsultazzjoni pprovdew il-bażi għall-preparazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Politika. Billi jibni fuq il-qafas legali eżistenti u tal-futur, dan il-Pjan ta’ Poliitka jiddefinixxi d-direzzjoni għas-snin li ġejjin u jelenka l-miżuri li l-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi sabiex ittemm it-tieni fazi tas-CEAS. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona (minn hawn ’il quddiem, it-Trattat tal-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea 'TFEU') għandu jimmodifika qafas legali għall-politika dwar l-ażil. Il-Pjan ta’ Politika għaldaqstant ser jiġi implimentat taħt żewġ oqsfa legali differenti: id-dispożizzjonijiet eżistenti tat-Trattat u dawk tat-TFEU. Taħt iż-żewġ sistemi, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra[3] għandha rwol fundamentali. Din l-emenda eventwali tal-bażi ġuridika ser ikollha impatt fuq il-kalendarju tal-preżentazzjoni tal-proposti deskritti f’dan il-Pjan ta’ Politika. Dan ser ikun ifisser li l-iskadenza għat-tlestija tat-tieni fażi tas-CEAS għandu mnejn li ser ikollha tiġi posposta, possibbilment għall-2012. Roadmap ta’ l-inizjattivi tinsab fl-Anness I. 1.2. Xejriet Tliet xejriet importanti jistgħu jiġu identifikati minn analiżi ta’ dejta statistika disponibbli. Dawn ix-xejriet u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-iżviluppi ġejjiena fir-rigward tal-politika dwar l-ażil huma analizzati aktar fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt mehmuża ma' dan il-Pjan ta’ Politika. Qabel xejn , l-għadd storikament baxx ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri jfisser li, attwalment, is-sistemi ta' l-ażil fil-parti kbira ta’ l-Istati Membri jinsabu taħt anqas pressjoni milli kienu fil-passat riċenti (għalkemm xi Stati fil-fruntieri rreġistraw żieda fil-flussi ta' l-ażil minħabba, speċjalment, il-pożizzjoni ġeografika tagħhom). Dan jidher li hu l-aħjar mument biex isiru l-isforzi għat-titjib fil-kwalità tagħhom. It-tieninett , id-differenzi fid-deċiżjonijiet biex ikunu rikonoxxuti jew irrifjutati t-talbiet għall-ażil minn applikanti mill-istess pajjiż ta’ oriġini jindikaw difett kritiku fis-CEAS attwali: anke wara li tkun saret armonizzazzjoni leġiżlattiva fuq il-livell ta' l-UE, nuqqas ta’ prassi komuni, tradizzjonijiet differenti u sorsi ta’ informazzjoni mill-pajjiż ta’ oriġini huma, fost raġunijiet oħra, qed jipproduċu riżultati diverġenti. Dan qed joħloq movimenti sekondarji li jmur kontra l-prinċipju li jiġi pprovdut aċċess ugwali għall-protezzjoni fl-UE. It-tieletnett, meta tħares lejn deċiżjonijiet pożittivi, perċentwal dejjem jiżdied ta' applikanti qed jingħataw protezzjoni sussidjarja jew forom oħra ta' status ta' protezzjoni bbażati fuq il-liġi nazzjonali, aktar minn status ta' refuġjat skond il-Konvenzjoni ta' Ġinevra. Probabbilment dan hu minħabba l-fatt li s-sehem dejjem jikber tal-konflitti u tal-persekuzzjonijiet tal-lum mhumiex koperti mill-Konvenzjoni. Hu għaldaqstant importanti li matul it-tieni fażi tas-CEAS trid tingħata attenzjoni partikolari għas-sussidjarjetà u forom oħra ta’ protezzjoni. 2. L-GħANIJIET KUMPLESSIVI TAS-CEAS CEAS li tkun ġenwinament koerenti, komprensiva u integrata għandha: - tiżgura l-aċċess għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni: jibqa’ jkun aċċessibbli l-ażil fl-UE. Miżuri leġittimi li kienu introdotti biex jeliminaw il-migrazzjoni irregolari u jipproteġu l-fruntieri esterni għandhom jevitaw li ma jħallux l-aċċess għall-protezzjoni fl-UE filwaqt li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti kollha. Dan ifisser ugwalment sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-protezzjoni barra mit-territorju ta’ l-UE; - tipprovdi għal proċedura komuni unika għal finijiet ta’ effiċjenza, veloċità, kwalità u ġustizzja fit-teħid tad-deċiżjonijiet; - tistabbilixxi statusijiet uniformi għall-ażil u għall-protezzjoni sussidjarja, li jkollhom in komuni l-parti kbira tad-drittijiet u l-obbligi filwaqt li jiggarantixxu differenzi ġustifikati fit-trattament; - tinkorpora kunsiderazzjonijiet tad- differenza bejn is-sessi u tqis il-ħtiġiet speċjali tal- gruppi vulnerabbli ; - tintensifika l- kooperazzjoni prattika sabiex, inter alia , jiġi żviluppat taħriġ komuni, u kif ukoll biex tiġi vvalutata b’mod konġunt l-Informazzjoni dwar il-Pajjiż ta’ l-Oriġini u biex jiġi organizzat sostenn għal dawk l-Istati Membri li jkunu jinsabu partikolarment ippressati; - tiddetermina r- responsabbiltà u tappoġġja s- solidarjetà ; Is-CEAS trid tinkludi regoli għad-determinazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli għall-eżaminar ta’ applikazzjoni għall-ażil u tipprevedi mekkaniżmi effikaċi ta’ solidarjetà , kemm fl-UE u kif ukoll fil-pajjiżi terzi; - tiżgura koerenza ma’ politiki oħrajn li għandhom impatt fuq il-protezzjoni internazzjonali, speċjalment: il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-politiki dwar ir-rimpatrijar. Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, f’dan il-Pjan ta’ Politika l-Kummissjoni tipproponi strateġija bbażata fuq tliet punti: - standards ta’ protezzjoni aħjar u aktar armonizzati permezz ta’ allineament aħjar tal-liġijiet nazzjonali dwar l-ażil (taqsima 3); - kooperazzjoni prattika effettiva u sostnuta tajjeb (it-taqsima 4); kif ukoll - responsabbiltà u solidarjetà akbar fost l-Istati Membri, u kif ukoll bejn l-UE u l-pajjiżi terzi (taqsima 5). Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-iżviluppi l-ġodda tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (EctHR) u r-rispett sħiħ lejn il-Karti tad-Drittijiet Fundamentali jkunu riferiment kostanti għal din l-istrateġija. 3. LEJN KWALITÀ AħJAR U ARMONIZZAZZJONI MSAħħA TA' L-ISTANDARDS TA' PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI B’mod ġenerali, l-istrumenti leġiżlattivi ta’ l-ewwel fażi tas-CEAS jistgħu jitqiesu bħala kisba importanti u jiffurmaw il-bażi li fuqha trid tinbena t-tieni fażi. Madanakollu, kienu identifikati nuqqasijiet u jidher ċar li l-istandards minimi komuni maqbula ma ħolqux l-istess kundizzjonijiet ugwali mixtieqa. Għalhekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi l-emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti u biex jiġu kkunsidrati strumenti ġodda. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja d-dispożizzjonijiet eżistenti u tara li jkunu implimentati u rrispettati kif inhu xieraq. 3.1. Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza (RCD) Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-RCD osserva għadd ta’ problemi dovuti l-aktar għad-diskrezzjoni konċessa lill-Istati Membri f’sensiela ta’ setturi ewlenin. L-istrument emendat għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta’ armonizzazzjoni akbar u ta’ standards imtejba fis-settur ta’ l-akkoljenza, b’mod li tiġi limitata l-possibbiltà li minn dawn il-problemi joriġinaw movimenti sekondarji. Għal dan il-għan, matul l-2008 l-Kummissjoni ser tipproponi emendi sabiex: - jiġu koperti persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni sussidjarja, filwaqt li tiżgura li jkun hemm konsistenza mal-bqija ta’ l- acquis dwar l-ażil; - tiġi żgurata ugwaljanza akbar u standards imtejba ta’ trattament fir-rigward tal-livell u l-forma tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza; - tipprovdi għal aċċess simplifikat u armonizzat għas-suq tax-xogħol, billi jkun żgurat li l-aċċess attwali għall-impjieg ma jkunx imfixkel minn restrizzjonijiet addizzjonali amministrattivi bla bżonn, bla ħsara għall-kompetenza ta' l-Istati Membri; - jiġu inkorporati garanziji proċedurali dwar id-detenzjoni kif ukoll - tiggarantixxi li l-ħtiġiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, in-nisa, il-vittmi tat-tortura jew persuni bi ħtiġiet mediċi, huma identifikati immedjatament u li tkun disponibbli attenzjoni adegwata għalihom. 3.2. Id-Direttiva dwar il-Proċeduri għall-Ażil (APD) Arranġamenti proċedurali diversi u salvagwardji kwalifikati jipproduċu riżultati differenti meta jiġu applikati kriterji komuni għall-identifikazzjoni ts’ persuni li ġenwinament ikunu fil–bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan jista’ jagħmel ħsara lill-għan proprju li jiġi żgurat l-aċċess għall-protezzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti fl-UE. Barra minn hekk, kemm il-Programm ta’ l-Aja u t-TFEU jitolbu li titwaqqaf proċedura komuni dwar l-ażil. Din tirrikjedi livell fundamentalment ogħla ta’ allineament bejn il-proċeduri dwar l-ażil ta’ l-Istati Membri, kif ikkonfermat mill-konsultazzjoni tal-Green Paper. Sabiex tintlaħaq din il-mira, l-emendi għall-ADP (li għandhom jiġi proposti fl-2009) primarjament għandhom ikunu mmirati biex: - tiġi stabbilita proċedura komuni unika dwar l-ażil li ma tħalli l-ebda spazju għal proliferazzjoni ta’ arranġamenti proċedurali diversi fl-Istati Membri, b’hekk ikun ipprovdut eżami komprensiv tal-ħtiġiet ta' protezzjoni kemm taħt il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u kemm tar-regoli tal-protezzjoni sussudjarja ta’ l-UE; - jiġu stabbiliti salvagwardji proċedurali obbligatorji kif ukoll kunċetti u tagħmir, li għandhom isaħħu l-proċess ta' l-ażil u jiżguraw aċċess ugwali għal proċeduri fl-UE; - jiġu akkomodati s-sitwazzjoni partikolari ta’ wasliet imħallta, ukoll meta persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jkunu preżenti fil-fruntieri esterni ta’ l-UE. kif ukoll - tittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess ta’ l-ażil u jiġu previsti salvagwardji addizzjonali għal applikanti vulnerabbli. 3.3. Id-Direttiva ta’ Kwalifika (QD) Il-QD assigurat allineament minimu kemm tal-kriterji li jiggarnatixxu li tingħata protezzjoni internazzjonali[4] u kemm tal-kontenut ta’ l-istatus ta’ protezzjoni fl-UE. L-impatt pożittiv tad-Direttiva kien evidenti f’bosta Stati Membri. Madanakollu, id-dejta turi li r-rikonoxximent tal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ta’ l-applikanti mill-istess pajjiżi ta’ oriġini għadhom ivarjaw b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor. Sa ċertu punt, dan il-fenomenu għandu l-għeruq fil-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-QD. Sabiex jiġi żgurat approċċ komuni verament interpretattiv u sabiex jintlaħaq l-għan li jkun introdottt status uniformi (kif rikjest mill-Programm ta’ l-Aja u t-TFEU) matul l-2009 il-Kummissjoni għandha tipproponi li: - temenda l-kriterji għall-kwalifika tal-protezzjoni internazzjonali taħt din id-Direttiva. Għal dan il-għan, jista’ jkun meħtieġ inter alia li jiġu ċċarati aħjar il-kundizzjonijiet ta’ eleġibiltà għal protezzjoni sussidjarja, minħabba li l-kliem tad-dispożizzjonijiet attwali rilevanti jippermettu diverġenzi sostanzjali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett fl-UE. - tiddefinixxi b’aktar preċiżjoni meta l-partijiet mhux ta’ l-istat jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atturi għall-protezzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tistipula f’aktar dettal il-kriterji li għadhom jintużaw mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri sabiex jivvalutaw il-kapaċità ta’ attur potenzjali ta’ protezzjoni biex tiġi pprovduta protezzjoni effettiva, aċċessibbli u li ttul. - tiċċara l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ alternattiva interna għat-titjiriet jiġifieri l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi kkunsidrat li applikant għall-ażil għandu alternattiva ġenwina ta’ protezzjoni f’ċerta parti tal-pajiz ta’ l-oriġini tiegħu/tagħha, billi jiġu kkunsidrati l-iżviluppi riċenti fil-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem; - kif ukoll - tikkunsidra mill-ġdid il-livell tad-drittijiet u l-benefiċċji li jridu jiġu assigurati lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, sabiex jittejjeb l-aċċess tagħhom għad-drittijiet soċjali u ekonomiċi li huma kruċjali għall-integrazzjoni tagħhom b’suċċess, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta’ l-unità tal-familja fl-UE. Barra minn hekk, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li jiġi stabbilit it-trasferiment effettiv ta’ mekkaniżmu ta’ protezzjoni, jew bħala parti mill-emendi għall-QD jew bħala strument separat. Finalment, ser jiġi mniedi studju dwar l-allineament possibbli tat-tipi nazzjonali ta’ l-istatus ta' protezzjoni li attwalment ma jaqgħux taħt ir-reġim ta' l-UE għall-protezzjoni internazzjonali. 4. KOOPERAZZJONI PRATTIKA L-Istati Membri llum huma marbuta minn aqcuis importanti dwar l-ażil. Madanakollu, għadhom jeżistu diskrepanzi kbar bejn id-deċiżjonijiet dwar l-ażil (anke f’każijiet simili). Dan hu dovut minn banda għall-istandards baxxi ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali, u mill-banda l-oħra, għal prattiċi differenti fl-amministrazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk hu neċessarju li tkun akkumpanjata armonizzazzjoni legali b’kooperazzjoni prattika effettiva. Waħda mill-miri prinċipali ta’ koopreazzjoni prattika hi biex tittejjeb il-konverġenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ażil mill-Istati Membri, fil-qafas legali ta’ l-UE. Fis-snin riċenti saru diġà numru sostanzjali ta’ attivitajiet prattiċi ta’ kooperazzjoni, l-aktar f’approċċ komuni dwar Informazzjoni tal-Pajjiż ta' Oriġini u dwar it-twaqqif ta’ Kurrikulu komuni dwar l-Ażil Ewropew. It-tweġibiet tal-Green Paper urew sostenn wiesa’ biex tittejjeb il-kooperazzjoni għal attivitajiet prattiċi u għall-idea li tinħoloq struttura ddedikata biex issostni dawn l-attivitajiet fil-forma ta’ Uffiċju Ewropew għas-Sostenn ta’ l-Ażil (EASO). Sabiex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jingħataw is-sostenn proprju meħtieġ u biex jitwessa’ l-ambitu tal-kooperazzjoni, il-Kummissjoni nediet studju dwar il-possibbiltà dwar it-twaqqif ta’ sostenn strutturali għall-kooperazzjoni prattika fil-qasam ta’ l-ażil. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju ser ikunu disponibbli f’Lulju 2008. Fuq il-bażi tas-sejbiet mill-istudju u b’konformità mal-mandat tal-Programm ta’ l-Aja u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (JHA) adottati fit-18 ta’ April 2008, il-Kummissjoni, fl-2008, ser tressaq proposta leġiżlattiva għall-ħolqien ta’ l-EASO. L-EASO għandu jipprovdi assistenza prattika lill-Istati Membri fit-teħid tad-deċiżjonijiet għat-talbiet għall-ażil. Fil-frattemp, is-sostenn għall-attivitajiet eżistenti għandhom ikomplu jiġu żgurati. 5. IL-QSIM TAR-RESPONSABBILTÀ U S-SOLIDARJETÀ Is-" Solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà (Solidarity and fair sharing of Responsibility) " tat-TFEU hu prinċipju li jirregola l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ politiki komuni, inkluż is-CEAS. Barra minn hekk, it-TFEU telenka bħala wieħed mill-elementi tas-CEAS: " is-sħubija u l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-amministrazzjoni tal-proċess ta' dħul ta' nies li japplikaw għall-ażil jew għall-protezzjoni sussidjarja jew temporanja ". Għaldaqstant, it-tielet parti ta’ l-istateġija fuq il-bażi ta’ tliet punti għandha tkun ibbażata fuq ir-responsabbiltà u s-solidarjetà, kemm fl-UE u kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiż terzi 5.1. Tqassim ġust tar-responsabbiltà u s-Solidarjetà fl-UE Kif kien rikonoxxut mill-Programm ta’ l-Aja, wieħed mill-għanijiet tas-CEAS hu biex jgħin lill-Istati Membri li, l-aktar minħabba l-pożizzjoni geografika tagħhom, qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjonijiet partikolari fis-sistemi nazzjonali ta’ l-ażil. Hija responsabbiltà ta’ l-Unjoni li ssib rispons komuni, ibbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà, għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri. Għandu jiġi nnotat li allineament akbar tal-proċeduri nazzjonali dwar l-ażil, l-istandards legali, il-kundizzjonijiet biex dawn jintlaqgħu u kooperazzjoni prattika mtejba, kif inhuma previsti f’dan il-Pjan ta’ Politika, huma destinati li jnaqqsu dawk il-movimenti sekondarji ta’ dawk li jfittxu l-ażil li huma l-aktar minħabba l-applikazzjonijiet diverġenti tar-regoli. Għalhekk dan jista’ jirriżulta f’distribuzzjoni aktar ġusta ta’ l-applikazzjonijiet ta’ l-ażil bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-estenzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Residenti għat-Tul taż-Żmien lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll it-trasferiment tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni proposti fit-taqsimiet 3.3., jista’ jkollhom effett pożittiv fuq l-Istati Membri 'mgħobbija żżejjed' 5.1.1. Emendi għas-sistema ta’ Dublin Il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu approċċ b’żewġ toroq billi tissepara l-evalwazzjoni teknika u dik ta’ politika fis-sistema ta’ Dublin. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ppubblikat fis-6 ta’ Ġunju 2007 kkostitwixxa l-valutazzjoni teknika, filwaqt li l-konsultazzjoni tal-Green Paper serviet bħala evalwazzjoni tal-politika. L-evalwazzjoni kkonfermat li l-għanijiet tas-sistema, speċjalment biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ċar u effikaċi biex tkun iddeterminata r-responsabbliltà għall-applikazzjonijiet għall-ażil, fil-parti l-kbira tagħhom, intlaħqu kollha. Matul il-konsultazzjoni, kien hemm appoġġ ġenerali mill-Istati Membri biex tinżamm is-sistema attwali, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-bżonn li jittejbu ċerti aspetti. Il-Kummissjoni tikkonsidra li ta’ min iħares il-prinċipji sottostanti tas-sistema ta’ Dublin u li, fit-tul taż-żmien, l-istandards ogħla komuni ta’ protezzjoni li jirriżultaw mit-tkomplija tas-CEAS għandhom jeliminaw ħafna mit-tħassib li għandhom x’jaqsmu mas-sistema attwali, billi jiżguraw li persuni trasferiti lejn Stati Membri oħra ikollhom aċċess ugwali għall-protezzjoni. Filwaqt li tagħraf li sistema li talloka b’mod ċar ir-responsabbiltà għall-eżaminar ta’ talba għall-ażil hi neċessarja sabiex jiġi evitat il-fenomenu ta’ 'xiri ta’ l-ażil' (‘ asylum shopping’ ), il-Kummissjoni hi kommessa li tevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin f’intervalli regolari u ladarba t-tieni fażi tas-CEAS tkun f’postha, il-prinċipji li fuq hija msejsa. Fit-terminu ta’ żmien qasir, u sabiex jiġu indirizzati n-nuqqassijiet identifikati fir-rapport ta’ evalwazzjoni, fl-2008 il-Kummissjoni ser tipproponi emendi kemm għar-Regolament ta’ Dublin kif ukoll għal dak tal-Eurodac. L-ewwelnett, l-ambitu tagħhom ser jiġi estiż biex tiġi inkluża l-protezzjoni sussidjarja, ħalli tiġi żgurata l- konsistenza ma' l- acquis evolut ta' l-ażil. Fir-rigward ta’ l-emendi speċifiċi għar-Regolament ta’ Dublin, il-Kummissjoni għandha: - issaħħaħ u tiċċara diversi dispożizzjonijiet sabiex tiżgura konformità aħjar u applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri (b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-klawżola umanitarja u ta’ sovranità u dawk relatati ma’ l-unità tal-familja); kif ukoll - tintroduċi emendi li jsaħħu l-effiċjenza tas-sistema (l-aktar fir-rigward ta’ l-iskadenzi). Dwar l-emendi speċifiċi għall- EURODAC, kif diġà tħabbar fis-sistema ta’ evalwazzjoni ta’ Dublin, il-Kummissjoni ser tipproponi: - li tiżblokka d-dejta dwar refuġjati rrikonoxxuti biex tippermetti l-konsultazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, sabiex jiġi evitat li refuġjat irrikonoxxut fi Stat Membru partikolari jkun jista' japplika għall-protezzjoni fi Stat Membru ieħor; - li tippreċiża l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ dejta u regoli għall-kanċellazzjoni tagħhom, sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema; kif ukoll - li tintroduċi aktar informazzjoni fis-sistema sabiex tippermetti li jiġi ddeterminat aħjar l-Istat Membru kompetenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser teżamina ulterjorment il-fattibbiltà u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EURODAC mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u tal-Europol għall-fini ta’ infurzar tal-liġi f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interoperabbiltà u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12-13 ta' Ġunju 2007[5]. 5.1.2. Mekkaniżmi ta’ solidarjetà Is-sistema ta’ Dublin ma kinitx imfassla bħala strument li bih jinqasam il-piż: madankollu, il-funzjoni tista’ de facto tirriżulta f’piżijiet addizzjonali għall-Istati Membri li għandhom kapaċitajiet ta’ akkoljenza u assorbiment limitati u li jispiċċaw taħt pressjonijiet partikolari ta’ migrazzjoni minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Il-Kummissjoni temmen li l-aħjar mod kif jiġi żgurat livell għoli ta’ solidarjetà mhux bl-adottar ta’ strument ġenerali ġdid iżda bit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri sensiela ta’ mekkaniżmi, li jgħinhom ikampaw mad-diversi sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Għal dan l-għan il-Kummissjoni tipproponi: - it-tnedija ta’ studju li jivvaluta l-possibbiltajiet għall-ipproċessar konġunt fl-UE tal-każijiet speċifiċi, kif mitlub mill-Programm ta’ l-Aja, li għandu jeżamina wkoll kif l-ipproċessar konġunt jista’ jtaffi l-pressjoni fuq Stati Membri li huma 'mgħobbija żżejjed bil-piż’; - li jinħoloq mekkaniżmu Komunitarju li, f’ċirkustanzi definiti sewwa u eċċezzjonali, jippermetti l-possibbiltà li b’mod temporanju tiġi sospiża l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Dublin għat-trasferimenti tal-persuni li jfittxu l-ażil fi Stat Membru li s-sistema ta’ akkoljenza tagħhom ma tkunx tista’ taffronta b’mod adegwat il-persuni ttrasfertiti; - li jinħolqu timijiet ta’ esperti dwar l-ażil li jkunu kkoordinati mill-EASO u li jkunu jistgħu jiġu msejħa biex, fuq bażi temporanja, jassistu lill-Istati Membri li huma mgħobbija żżejjed bil-piż, ħalli jagħmlu l-profil inizjali tar-refuġjati. B’mod partikolari, it-timijiet ta’ esperti jistgħu jipprovdu approċċ permezz tas-servizzi ta’ l-interpreti, kif ukoll għal esperti ta’ persuni li jkunu qed jaħdmu fuq il-każ u l-pajjiż ta’ oriġini; - biex tiġi ffaċilitata r-riallokazzjoni interna, fuq bażi volontarja, tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għall-ieħor f’każijiet ta’ pressjoni eċċezzjonali ta’ ażil, billi inter alia jiġi pprovdut finanzjament speċifiku ta' l-UE taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti. Finalment, il-kwistjoni tal-piż finanzjarju kkawżat min-numru kbir ta’ refuġjati fuq ir-riżorsi ta’ l-Istati Membri għandu jiġi mistħarreġ minn perspettiva aktar wiesgħa tal-pressjonijiet migratorji ġenerali. Il-Kummissjoni ser tniedi studju matul l-2009 biex tevalwa l-metodi possibbli ħalli jitjieb l-impatt tas-solidarjetà finanzjarja ta’ l-UE, inkluż il-Fond Ewropew għar-Refuġjati, u biex tivvaluta jekk l-istrumenti eżistenti jipprovdux is-sostenn effettiv għall-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri biex jindirizzaw il-pressjonijiet qawwija ta’ migrazzjoni irregolari. Il-proposti ser jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-istudju. 5.2. Solidarjetà esterna Fis-snin li ġejjin, ser jissaħħaħ l-iffokar fuq id-dimensjoni esterna ta’ l-ażil. L-UE trid taqsam ir-responsabbiltà tal-ġestjoni tar-refuġjati ma’ pajjiż terzi u mal-pajjiżi ta’ l-ewwel ażil, li jirċievu perċentwal ferm akbar tar-refuġjati mid-dinja kollha milli tirċievi l-Ewropa. F’dan ir-rigward, ser ikun disponibbli sostenn akbar finanzjarju biex tittejjeb il-kapaċità ta’ protezzjoni f’pajjiżi terzi. Għall-perjodu 2007-2013, ammont totali ta’ €384 miljun ser ikun disponibbli taħt 'il-Programm Tematiku ta’ Kooperazzjoni ma’ Pajjiż Terzi fl-Oqsma tal-Migrazzjoni u l-Ażil'. Waħda mill-prijoritajiet prinċipali hi l-protezzjoni internazzjonali u l-ażil. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tkompli tintegra l-bini tal-kapaċitajiet għall-ażil fil-kooperazzjoni ta’ l-iżvilupp mal-pajjiżi terzi, billi issir enfasi fuq approċċ komprensiv fit-tul. L-ażil ma għandux jiġi ttrattat bħala ġestjoni ta’ kriżi iżda bħala parti integrali mill-aġenda ta’ żvilupp fil-qasam tal-governanza, il-migrazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn dan, il-Kummissjoni temmen li, sabiex tikkommetti ruħha b’mod effikaċi għas-solidarjetà ma’ pajjiżi terzi, l-UE għandha tiffoka fuq tliet tipi ta’ miżuri differenti iżda marbuta ma’ xulxin ħalli tippromwovi l-protezzjoni tar-refuġjati: 5.2.1. Programmi Reġjonali ta’ Protezzjoni (RPPs) B’rispons għall-Green Paper, bosta mill-partijiet interessati saħqu fuq l-importanza ta’ l-RPPs bħala mezz ta’ rinforz għad-dimensjoni esterna ta’ l-ażil. Attwalment il-Kummissjoni qed taħdem b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, mal-pajjiżi riċevituri, mal-UNHCR u ma’ partijiet interessati ewlwnin oħra ħalli tiżviluppa aktar l-RPPs, sabiex dawn ikollhom impatt sostanzjali fuq it-titjib tal-protezzjoni u fuq is-sistemi ta’ l-ażil f’reġjuni speċifiċi tad-dinja. Għal dan l-iskop, u fuq il-bażi tal-valutazzjoni li għandha ssir fl-2008, l-RPPs ser jieħdu sura ta' pjanijiet ta' azzjoni multinazzjonali, b'koerenza sħiħa mal-Pjani ta' Azzjoni Nazzjonali u Reġjonali u l-Programm Tematiku’. Dan ser jidentifika d-dgħufijiet u l-attivitajiet konkreti li jirdu jiġu implimentati. L-RPPs attwali li qed isiru fit-Tanżanija (bħala parti mir-reġjun tal-Great Lakes) u fl-Ukrajina, il-Belarussja u l-Moldova, ser ikomplu jiġu żviluppati fl-2009. Il-Kummissjoni ser teżamina – b’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-2005 – jekk l-RPPs jistgħux jiġu żviluppati aktar f’reġjuni oħra, bħall–Afrika ta’ Fuq, il-Qarn ta’ l-Afrika, l-Afganistan u l-Lvant Nofsani, u jistgħux potenzjalment jagħmlu proposti ġodda f’dan ir-rigward. Fl-għażla tar-regjuni l-ġodda għall-RPPS numru ta’ fatturi ser jiġu kkunsidrati, inklużi l-valutazzjoni ta’ sitwazzjonijiet partikolari ta’ refuġjati, l-opportunitajiet finanzjarji disponibbli taħt il-fondi ta’ l-UE u r-relazzjonijiet eżistenti u l-oqsfa għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi jew reġjuni partikolari. 5.2.2. Is-sistemazzjoni mill-ġdid Is-sistemazzjoni mill-ġdid għandha rwol importanti fil-politiki esterni ta’ l-UE dwar l-ażil u hemm ħafna li jista' jintrebaħ minn livell ogħla ta' kooperazzjoni dwar is-sistemazzjoni mill-ġdid fost l-Istati Membri, il-UNHCR u l-NGOs. Dan kien rikonoxxut bil-kbir fir-rispons għall-Green Paper. Is-sistemazzjoni mill-ġdid għalhekk ser tiġi żviluppata aktar u estiża fi strument effettiv ta’ protezzjoni li jrid jiġi użat mill-UE biex jilqa’ għal bżonnijiet ta’ protezzjoni għar-refuġjati f’pajjiżi terzi u biex juru solidarjetà mal-pajjiżi terzi ta’ l-ewwel ażil. Matul l-2009, il-Kummissjoni ser tagħmel proposti għall-iżvilupp ta’ skema ta’ sistemazzjoni mill-ġdid ta’ l-UE, li biha l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fuq bażi volontarja, billi jistabbilixxu kriterji u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni komuni. Il-kooperazzjoni fuq aspetti prattiċi u loġistiċi ser iwasslu għall-effikaċja finanzjarja u ta’ kwalità (l-organizzazzjoni ta’ missjonijiet, screening mediku u ta’ sigurtà, arranġamenti għall-ivvjaġġar, preparamenti u sottomissjonijiet ta’ każi mill-UNHCR). Il-Kummissjoni ser tikkoopera ma’ l-Istati Membri u l-partijiet interessati l-oħra, bħalma huma il-UNHCR u l-NGOs, biex jiddiskutu l-forma u l-funzjoni ta’ l-iskema ta’ l-UE dwar is-sistemazzjoni. 5.2.3. Ġestjoni u koordinazzjoni tal-wasla tal-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni Bl-iżvilupp ta’ regoli ta’ kontroll tal-fruntieri komprensivi u aktar sofistikati, il-kwistjoni ta’ l-aċċess tar-refuġjati għat-territorju ta’ l-UE saret aktar iffokata. Id-dħul irregolari jikkostitwixxi triq sinifikanti għas-sigurezza li toffri l-UE, u t-traffikanti huma l-mezz ewlieni għal dan id-dħul. Għalhekk hu kruċjali li l-Unjoni għandha tiffoka l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-wasla fit-territorju ta’ l-Istati Membri ta’ persuni li jkunu b’mod ġustifikat qed ifittxu ażil, bil-ħsieb li jiġi pprovdut aċċess legali u sigur għall-protezzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tiskuraġġixxi lit-traffikanti tal-persuni u lill-kuntrabandisti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser teżamina modi u mekkaniżmi li jippermettu d-differenzazzjoni bejn il-persuni fi bżonn ta’ protezzjoni u kategoriji oħra ta’ migranti qabel dawn jaslu fil-fruntiera ta’ l-Istati li potenzjalment jistgħu joffru akkoljenza, bħalma huma l-Proċeduri għal Dħul Protett u użu aktar flessibbli tar-regoli tal-viża, ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet ta’ protezzjoni. Kif intwera mill-istudju tal-Kummissjoni fl-2003, uħud mill-Istati Membri fil-passat operaw jew esperimentaw b’xi forma ta’ dawn il-mekkaniżmi iżda imma l-għadd tagħhom huwa limitat. Hemm lok għal azzjoni komuni li għandha twassal għal aċċess aħjar ta’ protezzjoni filwaqt li jitnaqqas it-traffikar. Barra minn hekk, fl-2009 l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-UNHCR, ser tniedi studju fuq l-importanza, il-pertinenza u l-fattibbiltà ta’ pproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-ażil barra mit-territorju ta’ l-UE. Il-konklużjonijiet ta’ l-istudju ser ikunu l-bażi tad-diskussjonijiet u l-iżviluppi ġejjiena fuq il-livell ta’ l-UE bil-għan li jittejjeb l-aċċess għall-Unjoni permezz ta’ l-integrazzjoni tas-Sistema Ewropea ta' l-Ażil u l-konformità ma’ l-istandards internazzjonali applikabbli. 6. KONKLUżJONI Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ biex tilħaq l-għanijiet ambizzjużi ffissati mill-Programm Aja u fit-TFEU billi qed tipproponi l-miżuri msemmija f'dan il-Pjan ta' Politika u s-sorveljar ta' l-implimentazzjoni korretta kemm tal-miżuri eżistenti kif ukoll ta' dawk ġodda. Matul is-snin li ġejjin l-azzjoni ta’ l-UE fis-settur ta’ l-ażil ser ikollha dawn il-prinċipji li ġejjin bħala gwida:: - Rispett lejn it-tradizzjoni ta’ l-għoti ta’ għajnuna umanitarja u għall-protezzjoni, kif ukoll garanzija ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali meta jiġu biex ikunu implimentati s-CEAS: jiġi żgurat li l-protezzjoni tkun aċċessibbli għal dawk li jeħtiġuha wiċċ imb’wiċċ ma’ dinja li dejjem qed tinbidel b’mod imgħaġġel, fejn il-migrazzjoni u l-moviment tal-persuni qed iseħħu b’rata ferm akbar minn qatt qabel u għal varjetà akbar ta’ raġunijiet; - Kundizzjoni ta’ parità: l-UE għandha tkun ambizzjuża u tibni sistema fejn dawk kollha li jfittxu l-ażil jiġu ttrattati b’istess mod, bl-istess garanziji u proċeduri ta’ standard għoli, ikun liema jkun il-pajjiż li fih jitolbu li jkollhom l-ażil tagħhom; - Effikaċja tas-sistema ta’ l-ażil: is-CEAS għandhom jipprovdu lill-Istati Membri b'ġabra ta' regoli u standards legali uniformi, dispożittivi u mekkaniżmi komuni biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' standards ta' protezzjoni ta' kwalità għolja matul il-proċess kollu ta' l-ażil, mill-mument ta’ l-akkoljenza ta’ min ikun qed ifittex l-ażil sa meta sseħħ integrazzjoni sħiħa ta’ dawk li tkun ingħatatilhom il-protezzjoni, filwaqt li tiġi ggarantita l-integrità tas-sistema ta’ l-ażil permezz tal-prevenzjoni mill-abbużi; u - Solidarjetà ġewwa u barra l-Unjoni: l-Unjoni għandha tkompli tgħin lill-Istati Membri biex joffru l-protezzjoni tagħhom billi tintensifika s-sostenn tagħha. Is-solidarjetà għandha wkoll tkun ma' pajjiżi barra l-UE sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom biex joffru protezzjoni effikaċi u soluzzjonijiet għat-tul, filwaqt li jiġi żgurat li l-Unjoni tkun lesta li taċċetta parti ġusta ta' responsabbiltà. [1] L-istrumenti leġiżlattivi kollha rilevanti u d-dokumenti ta’ politika huma elenkati fl-Anness II [2] Disponibbli http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/gp_asylum_system/news_contributions_asylum_system_en.htm [3] Ir-referenzi għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra huma l-Konvenzjoni ta' l-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll ta' l-1967 [4] Il-protezzjoni internazzjonali tkopri kemm l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dik tal-protezzjoni sussidjarja. [5] Din l-emenda speċifika ser tiġi proposta fl-2009.