Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0329

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill,lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Lejn strategija Ewropea tal-ġustizzja elettronika SEC(2008)1947 SEC(2008)1944

/* KUMM/2008/0329 finali */

52008DC0329

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill,lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Lejn strategija Ewropea tal-ġustizzja elettronika SEC(2008)1947 SEC(2008)1944 /* KUMM/2008/0329 finali */


MT

Brussel 30.5.2008

KUMM(2008) 329 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika

SEC(2008)1947

SEC(2008)1944

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI

Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika

1. Introduzzjoni

Sa minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam, iż-żona Ewropea tal-ġustizzja saret realtà. Hija bbażata fuq numru ta' strumenti leġiżlattivi mfassla sabiex jiggarantixxu r-rikonixximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, joħolqu kultura ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali nazzjonali u jakkumpanjaw il-moviment ħieles taċ-ċittadini f'żona Ewropea mingħajr fruntieri interni.

Fl-istess ħin, id-domanda għall-ġustizzja qiegħda dejjem tiżdied fl-Ewropa, u dan qed iżid mal-piż tax-xogħol tas-sistemi ġudizzjarji u jagħmilha neċessarja li l-metodi tal-ħidma jkunu kontinwament adattati f'kuntesti baġitarji li ta' sikwit huma diffiċli.

It-tqegħid tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għas-servizz tas-sistemi ġudizzjarji joħloq soluzzjonijiet possibbli billi jtejjeb il-funzjonament tagħhom u jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri u t-tnaqqis fl-ispejjeż.

"Ġustizzja Elettronika" tirrappreżenta rispons għall-ħtieġa li jittejbu l-aċċess għall-ġustizzja, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali u l-effikaċja tas-sistema tal-ġustizzja nnifisha. Id-dħul ta' l-ICT f'din id-dinja huwa ta' min jixtiequ u inevitabbli, iżda fl-istess ħin iwassal għal ċerti aspettativi u mistoqsijiet.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tipproponi strateġija globali li toħloq sinerġiji bejn l-isforzi fuq il-livell Ewropew u dak nazzjonali u toffri l-valur miżjud ta' l-ekonomiji ta' l-iskala.

Għall-Kummissjoni, l-isforzi relatati mal-Ġustizzja Elettronika għandhom:

· jagħtu prijorità lill-proġetti operattivi;

· jenfasizzaw b'mod partikolari l-arkitetturi deċentralizzati mingħajr ma jinjoraw il-ħtieġa għal koordinazzjoni fuq il-livell Ewropew;

· jirrispettaw safejn hu possibbli l-qafas legali eżistenti billi jużaw l-għodod ta' l-ICT sabiex itejbu l-effikaċja ta' l-istrumenti legali li ġew adottati jew li se jiġu adottati.

B'reazzjoni għal talba mill-Kunsill Ewropew [1] u l-Parlament Ewropew, din il-Komunikazzjoni tipproponi Strateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika li timmira sabiex iżżid il-kunfidenza taċ-ċittadini fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, sors importanti ta' leġittimità f'Unjoni fejn l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri fundamentali.

2. X'inhi l-Ġustizzja Elettronika?

L-approċċ tal-Ġustizzja Elettronika juża l-ICT sabiex itejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja u jagħmel l-azzjoni legali aktar effettiva, fejn b'din ta' l-aħħar wieħed jifhem kull tip ta' attività li tinvolvi r-riżoluzzjoni ta' tilwima jew il-penalizzazzjoni ta' aġir kriminali.

Sabiex jiġu mmodernizzati s-sistemi ġudizzjarji, it-tkomplija ta' l-iżvilupp tal-Ġustizzja Elettronika huwa kruċjali. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ilha ħafna tinkoraġġixxi l-użu ta' l-ICT sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Sa mill-2003, il-Kummissjoni, żviluppat portal tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali [2], u appoġġjat il-ħolqien ta' "atlases" legali għal-liġi kriminali u ċivili, li jippermettu lill-professjonisti sabiex jidentifikaw l-awtoritajiet legali kompetenti fl-Istati Membri. Bl-istess mod, il-Kummissjoni minn dejjem inkoraġġiet l-użu tal-vidjokonferenzi u t-trażmissjoni elettronika ta' l-atti bejn l-awtoritajiet legali u hija involuta attivament fl-isforzi sabiex jiġu interkonnessi r-rekords kriminali.

Il-Ġustizzja Elettronika hija kamp speċifiku taħt l-umbrella ġenerali tal-Gvern Elettroniku. Gvern Elettroniku tfisser l-applikazzjoni ta' l-ICT għall-proċeduri amministrattivi kollha. Jinħtieġ li l-ħiliet esperti preżenti fil-proġetti ta' infrastruttura sikura u awtentikazzjoni tad-dokumenti jiġu mobilizzati. Il-Kummissjoni biħsiebha tippromwovi Qafas Ewropew ta' l-Interoperabilità (EIF) fi ħdan il-programm IDABC [3]. Il-ħidma Ewropea dwar il-firma elettronika u l-identità elettronika [4] hija partikolarment relevanti fil-qasam legali, fejn l-awtentikazzjoni ta' l-atti hija essenzjali.

L-applikabilità potenzjali tal-Ġustizzja Elettronika hija wiesgħa ħafna u se jkollha tevolvi id f'id maż-żona Ewropea tal-ġustizzja u mat-teknoloġiji l-ġodda. Proġetti speċifiċi, madankollu, għandhom jiġu mnedija malajr. Għandu jiġi definit perimetru għall-azzjoni futura sabiex l-effikaċja u l-kredibilità ta' l-azzjoni ta' l-UE ma jiġux imxekkla minn azzjoni li tkun ambizzjuża żżejjed.

Xi proġetti ma jappartjenux għas-settur legali iżda għall-Gvern Elettroniku. Ċerti attivitajiet li xi drabi jinvolvu istituzzjonijiet legali huma pjuttost amministrattivi fin-natura tagħhom (pereżempju ir-reġistri ta' l-art jew ir-Reġistru Ewropew ta' l-Impriżi) [5]. Min-naħa l-oħra, attivitajiet bħall-mekkaniżmi ta' l-arbitraġġ jew ir-riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) jistgħu jirrigwardaw il-Ġustizzja Elettronika anki meta jkunu ġestiti minn korpi mhux legali.

Għall-Kummissjoni, l-għan primarju tal-Ġustizzja Elettronika huwa li tgħin sabiex il-ġustizzja tiġi amministrata b'mod aktar effettiv madwar l-Ewropa, għall-benefiċċju taċ-ċittadini. L-ewwel karatteristika tal-proġetti ta' prijorità għandha tkun li jkunu ta' għajnuna għall-professjonisti legali sabiex jaħdmu b'mod aktar effettiv u ċ-ċittadini b'hekk jiksbu l-ġustizzja b'mod aktar faċli. Huma jridu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' l-istrumenti Ewropej eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja u, potenzjalment, jinvolvu l-Istati Membri kollha jew il-maġġoranza tagħhom.

3. Il-promozzjoni ta' sinerġiji nazzjonali u Ewropej

3.1. It-tisħiħ ta' l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi fuq il-livell nazzjonali

L-iżvilupp tal-Ġustizzja Elettronika jiddependi primarjament fuq ir-rieda ta' l-Istati Membri. Studju riċenti mill-akkademja Ġermaniża dwar il-Ġustizzja Elettronika [6] wera żieda fl-użu ta' l-ICT fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja madwar l-Unjoni Ewropea. Rapport reċenti mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) dwar dan is-suġġett [7] identifika l-istess xejra.

Fuq il-livell nazzjonali, bosta proġetti qed jgħinu sabiex il-litiganti jkunu pprovduti bl-informazzjoni b'mod aktar effettiv: informazzjoni dwar is-sistemi ġudizzjarji, il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza tpoġġiet online; sitemi ta' komunikazzjoni elettronika li jipprovdu mezz ta' kuntatt bejn il-litiganti u l-qorti qed jiġu żviluppati; f'ċerti każijiet, twaqqfu proċeduri kompletament elettroniċi. L-użu ta' l-għodod elettroniċi sabiex jiġu rreġistrati s-seduti qiegħed jiżdied.

Fuq il-livell Ewropew, diversi organizzazzjonijiet professjonali qed jiżviluppaw proġetti notevoli li jinvolvu l-iskambju ta' l-informazzjoni jew l-interkonnessjoni. Dawn jinkludu s-sit ta' l-internet ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat [8], il-portal komuni tal-ġurisprudenza nazzjonali tal-Qrati Supremi ta' l-UE [9] u n-Netwerk Ewropew tar-Reġistri tat-Testmenti [10].

Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn il-proġetti għandhom jiġu inkoraġġiti u l-esperimenti li jirnexxu għandhom jiġu ppubbliċizzati u ripetuti. F'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' Forum tal-Ġustizzja Elettronika [11] joffri possibilitajiet interessanti. Sottogrupp tal-"Ġustizzja Elettronika" se jinħoloq fi ħdan il-Forum sabiex iservi ta' xprun għall-iskambju ta' l-aħjar prattiċi fost is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u fost il-professjonisti legali.

3.2. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni Ewropea u l-użu tal-Ġustizzja Elettronika sabiex tinbena żona ġudizzjarja Ewropea

Diversi proġetti tal-Ġustizzja Elettronika bħalissa jinsabu taħt żvilupp. Minbarra dawk diġà msemmija, proġetti dwar dokumentazzjoni legali ġew żviluppati sew mill-Unjoni Ewropea [12] u kif ukoll mill-operaturi istituzzjonali u privati [13].

Il-Kummissjoni tappoġġja dawn il-proġetti, iżda tqis li huwa importanti li l-azzjoni ġudizzjarja ta' l-UE ssir aktar komprensibbli, aċċessibbli u effettiva u li jiġu enfasizzati proġetti li tassew iżidu l-valur għaż-żona ġudizzjarja Ewropea. Minkejja li l-leġiżlazzjoni ġuridika evolviet b'mod konsiderevoli, l-impatt tagħha f'bosta każijiet għadu limitat minħabba diffikultajiet fit-traspożizzjoni (partikolarment f'materji kriminali) u minħabba li hemm nuqqas ta' familjarità magħha. Għal dawn ir-raġunijiet, waħda mill-kwistjonijiet ewlenin marbuta ma' l-integrazzjoni ġudizzjarja fl-Ewropa llum hija li jinħolqu għodod sabiex tittejjeb l-effikaċja prattika ta' l-istrumenti legali adottati. F'dan ir-rigward, il-Ġustizzja Elettronika fetħet opportunitajiet impressjonanti.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tikkontribwixxi għat-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ għodod tal-ġustizzja elettronika fuq il-livell Ewropew, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri u ma' msieħba oħra, l-ewwel u qabel kollox Eurojust u n-netwerks tal-liġi ċivili u kriminali. Filwaqt li tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa numru ta' għodod tal-kompjuter hi stess u żżid l-interoperabilità tas-sistemi [14], tiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għall-ġustizzja u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tikseb ekonomiji ta' skala sostanzjali fuq il-livell Ewropew.

4. Liema prijoritajiet għall-azzjoni (2008-2013)?

L-azzjoni ta' l-UE fil-qasam tal-Ġustizzja Elettronika għandha tippermetti liċ-ċittadini, partikolarment meta jkunu l-vittmi ta' reati kriminali, li jkollhom aċċess għall-informazzjoni mingħajr ma jkunu mxekkla minn ostakli kulturali u legali relatati mal-multipliċità tas-sistemi. Din l-azzjoni għandha wkoll tappoġġja l-mekkaniżmi li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet legali.

4.1. Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika li jiffaċilita l-aċċess miċ-ċittadini u l-impriżi għall-ġustizzja fl-Ewropa

Il-ħolqien tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika għall-pubbliku u għall-impriżi għandu jżid il-viżibilità ta' l-azzjoni Ewropea u jgħin sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja fl-Ewropa. Fl-aħħar mill-aħħar, il-portal se jservi bħala l-wiċċ taż-żona Ewropea tal-ġustizzja fir-rigward taċ-ċittadini filwaqt li jkun element wieħed minn politika ġenerali ta' komunikazzjoni permezz ta' l-internet [15].

Il-portal se jkun fih mill-anqas tliet funzjonijiet.

a) Aċċess għall-informazzjoni

Il-portal irid jipprovdi liċ-ċittadini Ewropej, fil-lingwa tagħhom, bid-data dwar is-sistemi u l-proċeduri ġudizzjarji. In-nuqqas ta' għarfien tar-regoli fis-seħħ fi Stati Membri oħra huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jwaqqfu liċ-ċittadini milli jasserixxu d-drittijiet tagħhom barra minn pajjiżhom.

B'mod partikolari, il-portal se jkun fih:

· informazzjoni Ewropea u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-każijiet kriminali u d-drittijiet tagħhom għal kumpens;

· id-drittijiet fundamentali li jgawdu ċ-ċittadini f'kull Stat Membru (id-drittijiet tal-persuni mressqa fi proċedimenti kriminali);

· prinċipji fundamentali li jirrigwardaw l-abilità taċ-ċittadini sabiex jagħtu bidu għal proċedimenti quddiem qorti fi Stat Membru ieħor, jew għad-difiża tagħhom meta mħarrka biex jidhru quddiem qorti.

Il-portal se jipprovdi wkoll informazzjoni prattika, b'mod partikolari dwar l-awtoritajiet kompetenti u kif dawn jistgħu jiġu kkuntattjati, l-użu (obbligatorju jew fakultattiv) ta' l-avukati u l-proċeduri sabiex tinkiseb l-għajnuna legali.

Parti minn din l-informazzjoni diġà teżisti fuq is-sit tan-netwerk ġudizzjarju fl-affarijiet ċivili. Hija se tiġi integrata fil-portal u se tiġi wkoll miżjuda, f'dak li jirrigwarda l-liġi kriminali u d-drittijiet tal-vittmi.

b) Riferiment

Il-portal irid ukoll jirreferi lill-viżitaturi għas-siti eżistenti (Eur-lex, Pre-lex, SCADplus, Eurovoc u IATE), għall-istituzzjonijiet legali Ewropej u għad-diversi netwerks legali eżistenti u l-għodod tagħhom.

Minbarra dan, il-portal se jirreferi l-viżitaturi għal ċerti reġistri interkonnessi fuq il-livell Ewropew permezz ta' links ma' l-entitajiet li jmexxu dawn il-proġetti [16].

c) Aċċess dirett għal ċerti proċeduri Ewropej

Fit-tul, għandhom jinħolqu proċeduri elettroniċi Ewropej. Diġà jeżistu bażijiet legali, bħal pereżempju r-regolament għal "talbiet żgħar" [17] u r-regolament "tal-proċedura tal-ħlas" [18].

Il-possibilità li jiġi użat il-portal sabiex, pereżempju, jitħallsu l-miżati tal-qorti għandha tiġi studjata wkoll; u għandha tiġi kkunsidrata wkoll, fit-tul, il-possibilità li ċ-ċittadini jitolbu r-rekord kriminali tagħhom bl-internet u fil-lingwa li jagħżlu huma.

(...PICT...)

(...PICT...)

4.2. Il-Ġustizzja Elettronika għal kooperazzjoni ġudizzjarja akbar

Il-ħolqien ta' għodod elettroniċi għandu jakkumpanja l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ta' l-UE. Sabiex jiġu żviluppati dawn l-għodod, il-Kummissjoni biħsiebha tuża ż-żewġ netwerks legali eżistenti u l-Eurojust bħala bażi. B'mod parallel mat-twaqqif ta' dawn l-għodod, jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri xierqa ta' informazzjoni u taħriġ. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se taħdem aktar mill-qrib ma' l-istrutturi tat-taħriġ kwalifikati nazzjonali u Ewropej, b'mod partikolari n-netwerk Ewropew tat-taħriġ legali, sabiex il-professjonisti legali jitħarrġu aħjar fl-għodod il-ġodda tal-ġustizzja elettronika.

4.2.1. It-tkomplija ta' l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali

L-interkonnessjoni tar-rekords kriminali hija qasam li fih l-aktar li għamlu progress l-isforzi tal-ġustizzja elettronika, u dan juri kif proġett mibdi minn numru żgħir ta' Stati Membri jista' gradwalment jieħu dimensjoni ġenwinament Ewropea.

Il-Kummissjoni qed taħdem sabiex l-Istati Membri kollha jkunu interkonnessi malajr kemm jista' jkun. Għal dan l-għan, hija ressqet diversi proposti leġiżlattivi [19] li għandhom l-għan li jiċċaraw il-qafas leġiżlattiv u jagħmlu possibbli l-interkonnessjoni elettronika. Bħala parti mit-tħejjijiet għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Qafas dwar l-iskambju ta' l-informazzjoni meħuda mir-rekords kriminali, il-Kummissjoni se tniedi żewġ studji tal-fattibilità sabiex torganizza l-proġett waqt l-iżvilupp tiegħu u sabiex testendi l-iskambju ta' l-informazzjoni sabiex ikopri ċittadini ta' pajjiżi terzi misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Dan il-proġett joffri żewġ eżempji tal-valur miżjud ta' l-azzjoni fuq il-livell ta' l-UE:

· l-informazzjoni tista' tiġi skambjata biss jekk tkun ta' l-istess tip u tiftiehem minn kulħadd: saret ħidma importanti sabiex jintlaħaq dan l-għan bħala parti mill-proġett pilota [20] u din hija deskritta fil-proposta reċenti tal-Kummissjoni;

· fl-2009, il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istati Membri b'software imfassal sabiex jippermetti l-iskambju tar-rekords kriminali kollha fi ftit żmien [21]. Din is-sistema ta' referenza, flimkien ma' l-użu ta' l-sTESTA għall-iskambju ta' l-informazzjoni, se tiġġenera ekonomiji ta' l-iskala għaliex l-Istati Membri mhux se jkollhom jagħmlu x-xogħol ta' żvilupp huma stess. Hija se tagħmilha wkoll eħfef biex jitmexxa l-proġett.

Għall-Kummissjoni, dan ix-xogħol jikkostitwixxi l-prijorità primarja tal-Ġustizzja Elettronika, għax jirrigwarda l-Istati Membri kollha, iġib titjib prattiku għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u jsaħħaħ il-kunfidenza reċiproka. Se jkun importanti, madankollu, li dawn l-iskambji ta' informazzjoni jmorru lilhinn mill-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex jinkorporaw għanijiet oħra (aċċess għal ċerti impjiegi pereżempju).

4.2.2. Il-ħolqien ta' netwerk ta' skambji sikuri sabiex tinqasam l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji

L-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali f'kunfidenza sħiħa. Fir-rigward ta' materji kriminali [22], dan huwa stipulat f'diversi strumenti Ewropej. Dak li huwa importanti issa huwa li nimxu 'l quddiem, nibnu fuq il-ħidma li diġà saret, b'mod partikolari l-proġett EPOC III żviluppat mill-Eurojust. Dan il-mekkaniżmu għandu jinkorpora ċerti karatteristiċi ta' l-Atlas Legali u l-Compendium Ewropew [23] sabiex jagħti lill-awtoritajiet legali għodda sħiħa sabiex ikunu jistgħu joffru għajnuna reċiproka f'materji ġudizzjarji. Aktar fit-tul din tista' tiġi ssupplimentata bil-ħolqien ta' pjattaforma għall-iskambji virtwali, li tintegra s-sistemi tat-traduzzjoni awtomatika, u tagħmilha possibbli li jiġu skambjati l-fajls bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Il-proġett se jieħu f'kunsiderazzjoni wkoll it-teknoloġiji l-ġodda li jistgħu jintużaw sabiex tingħata sikurezza għall-iskambji u għad-data personali [24].

4.2.3. L-iffaċilitar ta' l-użu tal-vidjokonferenzi

Diversi strumenti adottati fil-livell Ewropew jipprovdu għall-użu tal-vidjokonferenzi matul il-proċedimenti ġudizzjarji [25]. Madankollu, għal raġunijiet lingwistiċi jew tekniċi, dawn il-possibilitajiet għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed [26]. Studju reċenti mill-Kunsill [27] wera li l-liġijiet fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri jawtorizzaw il-vidjokonferenzi. Minkejja dan, huwa rari li atturi f'pajjiżi differenti jużawhom biex jikkomunikaw ma' xulxin. Il-benefiċċji ta' żieda fil-vidjokonferenzi huma, madankollu, ċari: iffrankar ta' żmien, flus u vjaġġar; flessibilità akbar; eċċ.

Għaldaqstant iridu jitwettqu azzjonijiet maħsuba sabiex l-awtoritajiet ġudizzjarji jsiru konxji mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji l-ġodda fil-proċedimenti ġudizzjarji ċivili u kriminali transkonfinali.

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-isforzi nazzjonali u tassigura li l-għażliet magħmula fir-rigward tat-teknoloġija jippermettu l-interoperabilità Ewropea. F'kooperazzjoni man-netwerks legali ċivili u kriminali, il-Kummissjoni se tqiegħed online manwal għall-utenti li jkun fih kapitoli ġenerali u nazzjonali li jiċċara l-kundizzjonijiet legali u tekniċi ta' l-użu. Iż-żewġ Atlases Legali se jagħmluha possibbli li jiġu identifikati dawk il-qrati li għandhom it-tagħmir meħtieġ.

4.2.4. Għajnuna għat-traduzzjoni

Il-multilingwiżmu jirrappreżenta sfida kbira għall-iżvilupp ta' żona ġudizzjarja Ewropea ġenwina Il-proċedimenti ġudizzjarji jseħħu kważi esklussivament fil-lingwa nazzjonali, u l-użu ta' lingwi barranin huwa ammess biss marġinalment. Il-Kummissjoni għalhekk tippromwovi azzjonijiet li għandhom bħala mira t-traduzzjoni u l-interpretazzjoni f'kuntesti ġudizzjarji.

· L-iżvilupp ta' għodod awtomatizzati tat-traduzzjoni

It-traduzzjoni awtomatizzata tista' tipprovdi lill-qarrej b'għarfien superfiċjali tal-kontenut ta' dokument imħejji f'lingwa oħra. Hija ċertament għandha post f'kuntesti ġudizzjarji. Meta fajl ikun kbir, it-traduzzjoni awtomatizzata tista' tagħmilha possibbli li jiġu identifikati malajr dawn l-elementi utli għal każ ieħor u li għandhom jiġu tradotti minn professjonist. Hija tista' wkoll tagħti lill-atturi informazzjoni bażika dwar il-kontenut ta' deċiżjoni ta' qorti barranija jew ta' dokument importanti għall-proċedimenti.

Għodod ta' dan it-tip diġà jeżistu u huma disponibbli, iżda jenħtieġ li jiġu mtejba u rraffinati għall-użu fil-qasam legali. L-ispejjeż assoċjati ma' dawn l-għodod u l-kundizzjonijiet legali li taħthom jistgħu jiġu pprovduti lill-professjonisti legali u lill-pubbliku in ġenerali għandhom jiġu studjati.

· Databases ta' tradutturi u interpreti legali

Mhux dejjem huwa faċli għaċ-ċittadini li jsibu traduttur jew interpretu sabiex jgħinhom fil-qorti, partikolarment meta l-lingwa involuta ma tkunx mitkellma b'mod mifrux ħafna. Il-ħolqien ta' database Ewropea ta' tradutturi u interpreti legali jista' jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' riżorsi eżistenti billi jestendi t-tiftix għall-UE kollha. B'mod globali, din id-database tista' wkoll ittejjeb il-kwalità tat-traduzzjoni legali billi tidentifika tradutturi/interpreti legali partikolarment ikkwalifikati. Għandhom isiru studji addizzjonali u, jekk possibbli, programm pilota, inkluż studju tal-possibiltà li jintużaw il-vidjokonferenzi sabiex jinkiseb aċċess għall-interpreti legali li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor.

· Formoli online għal traduzzjonijiet awtomatizzati

Il-biċċa l-kbira ta' l-istrumenti ta' l-UE huma akkumpanjati minn formoli standard maħsuba sabiex jagħmlu l-komprensjoni reċiproka aktar faċli. Sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, għandu jkun possibbli li tiġi prodotta traduzzjoni awtomatika mhux biss tat-template tagħhom iżda wkoll tal-kontenut. Il-Kummissjoni se tuża n-netwerks legali ċivili u kriminali u l-Eurojust sabiex tistandardizza l-użu ta' formoli dinamiċi b'test u terminoloġija predeterminati sabiex titrażmetti malajr it-talbiet u l-informazzjoni fil-lingwi kollha ta' l-Unjoni.

(...PICT...)

(...PICT...)

5. Lejn Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġustizzja Elettronika

Abbozz ta' pjan ta' azzjoni u skeda għad-diversi proġetti huma annessi mal-Komunikazzjoni.

Sabiex ikunu effettivi, ir-responsabbiltajiet iridu jkunu allokati b'mod ċar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u atturi oħra involuti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja. Minn punto di vista finanzjarju, il-ġustizzja elettronika għandha tiżviluppa billi timmobilizza l-programmi finanzjarji eżistenti: Il-Ġustizzja Ċivili [28] u l-Ġustizzja Kriminali [29].

Il-Kummissjoni se tassumi rwol ġenerali ta' koordinazzjoni billi tinkoraġġixxi l-iskambju ta' l-aħjar prattiċi. F'konformità mal-proċeduri applikabbli, l-għotjiet jistgħu jintużaw sabiex jappoġġjaw proġetti proposti mill-Istati Membri jew l-entitajiet professjonali relevanti. F'materji kriminali, huwa sa ċertu punt possibbli li jiġu ffinanzjati proġetti nazzjonali li l-għan tagħhom huwa żieda fl-użu ta' l-ICT. Hemm żewġ bażijiet legali għall-finanzjament ta' proġetti tranżnazzjonali tal-ġustizzja elettronika mħallsa mill-Istati Membri jew mill-entitajiet ikkonċernati.

Il-Kummissjoni se tfassal u tistabbilixxi portal tal-Ġustizzja Elettronika, li hija se tamministra f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri. L-Istati Membri se jkollhom jaġġornaw l-informazzjoni kollha fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom li tidher fuq is-sit. Il-Kummissjoni se tikkoordina wkoll l-informazzjoni dwar id-diversi siti eżistenti tal-Ġustizzja Elettronika u tieħu ħsieb il-links relatati. Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-għodod tal-kompjuter neċessarji għal proċeduri Ewropej online skond ir-riżultati ta' l-istudji tal-fattibilità. Il-finanzjament tal-portal għandu jiġi mill-baġit tal-Komunità taħt il-programmi eżistenti.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem sabiex toħloq interkonnessjoni bejn ir-rekords kriminali billi (1) tappoġġja l-isforzi ta' l-Istati Membri lejn il-modernizzazzjoni, (2) tiżviluppa sistema ta' referenza li tippermetti lill-partijiet sabiex jiskambjaw l-informazzjoni u (3) twettaq l-istudji, żviluppi u proposti leġiżlattivi neċessarji sabiex is-sistema tiġi żviluppata u jinħoloq reġistru ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew misjuba ħatja, ħaġa li ilha tiġi studjata għal bosta snin [30]. Il-programm finanzjarju "Ġustizzja Kriminali" JPEN se jkompli jiġi mobilizzat għal dan l-għan [31].

Naturalment, il-Kummissjoni se tkompli tassumi responsabbiltà diretta għan-netwerk legali ċivili u tappoġġja n-netwerk legali kriminali. Hija se taħdem mill-qrib man-netwerks legali ċivili u kriminali u mal-Eurojust sabiex tiżviluppa l-għodod meħtieġa għal kooperazzjoni ġudizzjarja akbar, b'mod partikolari għodod ta' traduzzjoni awtomatizzati u sistema sikura ta' l-iskambji.

Matul il-valutazzjoni intermedja tal-programmi finanzjarji, se jkollha tingħata attenzjoni għall-iżvilupp tal-Ġustizzja Elettronika u l-finanzjament tagħha se jkollu jiġi rivalutat, jekk ikun meħtieġ [32]. Fuq skala ta' żmien ta' tul medju, għandu jiġi kkunsidrat programm uniku u ġeneralizzat li jkopri l-materji ċivili u kriminali.

Annessi

Anness 1:

Żona | Proġett | Azzjoni meħtieġa | perjodu |

Portal Ġustizzja Elettronika | | | |

| żvilupp tal-paġni tal-Ġustizzja Elettronika | - studju tal-fattibilità u żvilupp tal-portal - implimentazzjoni jew metodi ta' ġestjoni - informazzjoni online fil-lingwi kollha ta' l-UE | 2008-2011 |

interkonnessjoni tar-rekords kriminali | | | |

| interkonnessjoni tar-rekords kriminali nazzjonali | - appoġġ għal proġett pilota - żvilupp mill-Kummissjoni ta' sistema ta' referenza tal-kompjuter - studju tal-fattibilità dwar l-impatt tekniku ta' l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas- Tisħiħ tas-sistema għall-iżgurar tal-kwalità tad-data skambjata u l-kisba ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni għal finijiet amministrattivi | 2008-2011 |

| il-ħolqien ta' reġistru Ewropew ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu nstabu ħatja ta' reati | - studju tal-fattibilità - preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva | 2009-2010 |

interkonnessjoni tad-databases nazzjonali | (proġetti li jaqgħu taħt il-Ġustizzja Elettronika biss) | | |

| interkonnessjoni tar-reġistri ta' l-insolvenza | monitoraġġ ta' l-isforzi ta' l-Istati Membri | 2009 |

Skambji elettroniċi bejn l-awtoritajiet legali | | | |

| firma elettronika | - valutazzjoni tas-sitwazzjoni kurrenti - studju dwar l-użu ta' firem elettroniċi f'kuntest legali | 2009-2011 |

| netwerk sikur | studju tal-fattibilità | 2010-2012 |

| pjattaforma ta' skambju virtwali | studju tal-fattibilità | 2012-2013 |

Għajnuna għat-traduzzjoni | | | |

| Kumpilazzjoni gradwali ta' vokabolarju legali multilingwi komparattiv | - proġett pilota | 2009-2013 |

| finanzjament għal għodod tat-traduzzjoni legali fil-pari ta' lingwi Ewropej kollha | - valutazzjoni ta' l-għodod eżistenti- studju tal-fattibilità teknika u legali- proġett pilota | 2009-2013 |

| ħolqien ta' database ta' tradutturi u interpreti legali | studju tal-fattibilità proġett pilota disseminazzjoni fuq is-siti tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew | 2009 |

Ħolqien ta' formoli dinamiċi sabiex jakkumpanjaw it-testi leġiżlattivi Ewropej | - studji tal-fattibilità - żvilupp ta' formoli online | 2008-2011 |

| Formoli għal EJN kriminali - traduzzjoni u konverżjoni f'formoli dinamiċi | pubblikazzjoni fuq il-portal tal-Ġustizzja Elettronika jew is-siti tan-netwerk | 2009-2011 |

| ħolqien ta' formoli dinamiċi għall-proċedimenti ċivili | | 2010-2012 |

| Inkluż għall-ħlas online (il-proċedura ta' ħlas Ewropea) | studju tal-fattibilità dwar is-sigurtà tal-pjattaforma u l-ġestjoni tal-ħlasijiet | 2010 |

vidjokonferenzi | | | |

| kumpilazzjoni ta' informazzjoni prattika u manwali ta' istruzzjonijiet | - tfassil ta' manwali għall-utenti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni bl-appoġġ tan-netwerks - publikazzjoni fuq is-siti tan-netwerk | 2008-2009 |

| taħriġ professjonali fit-teknoloġija u użu fi ħdan l-organizzazzjonijiet | le | 2008-2010 |

skambju ta' l-aħjar prattiċi | bħala parti mill-forum Ġustizzja Elettronika | laqgħat annwali dwar temi tal-Ġustizzja Elettronika | 2008-2013 |

taħriġ ta' professjonisti legali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja | * l-użu tal-vidjokonferenzi * kwistjonijiet ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, inkluż taħriġ fit-terminoloġija legali | ħidma man-netwerk Ewropew tat-taħriġ legali u l-Istati Membri | 2008-2013 |

[1] Konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2007 u l-14 ta' Diċembru 2007.

[2] http://ec.europa.eu/civiljustice/

[3] http://ec.europa.eu/idabc/ Studju preliminari dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi għall-applikazzjonijiet tal-Gvern Elettroniku (2007) u l-Interoperabilità ta' l-eID għall-PEGS (2007).

[4] Aspetti ta' l-istandardizzazzjoni tal-firma elettronika (2007)http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/esignatures/e_signatures_standardisation.pdf

[5] COM(2007) 807, taqsima 4.2.; www.ebr.org; www.briteprojet.net

[6] Doc. 9573/07 JURINFO 17.

[7] "L-użu ta' l-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni fl-Istati Ewropej", Grupp ta' Ħidma dwar il-valutazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja (CEPEJ) il-Kunsill ta' l-Ewropa (CEPEJ(2007) 22Prov).

[8] http://www.juradmin.eu/

[9] http://www.network-presidents.eu/

[10] Cf. www.cnue.be

[11] COM(2008) 38.

[12] EUR-Lex – http://eur-lex.europa.eu; N-Lex – http://eur-lex.europa.eu/n-lex – u d-database JURE.

[13] www.caselex.com

[14] Il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta' azzjoni dwar l-interoperabilità tal-Firma Elettronika u l-Identità Elettronika.

[15] SEC(2007) 1742.

[16] Reġistri tan-negozju – EBR u reġistri ta' l-art – EULIS. Skond is-soluzzjoni magħżula, ir-reġistri interkonnessi ta' l-insolvenza se jkunu aċċessibbli jew direttament jew inkella indirettament mill-portal .

[17] Regolament (KE) Nru 861/2007: ĠU L 199, 31.7.2007.

[18] Regolament (KE) Nru 1896/2006: ĠU L 399, 30.12.2006.

[19] Proposta għal Deċiżjoni Qafas dwar l-iskambju ta' l-informazzjoni meħuda mir-rekords kriminali, COM(2005)690 finali/2. Proposta ta' ECRIS għal deċiżjoni.

[20] Sa minn April 2008, 13-il Stat Membru kienu qed jieħdu sehem f'dan il-proġett.

[21] F'dimostrazzjoni tal-benefiċċji prattiċi ta' l-interkonnessjoni, matul l-ewwel xahar ta' l-operat tal-interkonnessjoni elettronika, Franza u l-Ġermanja skambjaw iktar informazzjoni bejniethom milli kienu għamlu matul l-10 snin ta' qabel.

[22] Deċiżjoni ta' Qafas Nru 2002/584/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002; Azzjoni Konġunta tad-29 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4).

[23] Il-compendium jista' jintuża sabiex joħloq ittri rogatorji bl-użu ta' proċedura standard u uniformi.

[24] http://cordis.europa.eu/ist/trust-security/index.html

[25] Konvenzjoni tad-29 ta' Mejju 2000 (Artikolu 10); Deċiżjoni Qafas Nru 2001/220/JHA tal-15 ta' Marzu 2001; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 (Artikoli 10 u 17); Direttiva 2004/80/KE (Artikolu 9); Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 (Artikolu 9).

[26] Doc. 14602/07, JURINFO 60.

[27] Doc. 6355/08, JURINFO 11.

[28] Deċiżjoni Nru 1149/2007/KE (ĠU L 257, 3.10.2007).

[29] Deċiżjoni Nru 126/2007/JHA (ĠU L 58, 24.2.2007).

[30] COM(2006) 351finali.

[31] Fl-2008, €15-il miljun se jiġu ddedikati għal programmi dwar ir-rekords kriminali.

[32] Kważi €26 miljun f'approprjazzjonijiet se jkunu potenzjalment disponibbli għaż-żewġ programmi fl-2008.

--------------------------------------------------

Top