EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0241

Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar kif ir-Reġjuni jagħtu kontribut għall-Ksib tal-Objettivi Ewropej dwar il-Bidla fil-klima u l-enerġija b'attenzjoni partikolari għall-Patt tas-Sindki

ĠU C 76, 31.3.2009, p. 19–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/19


Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar kif ir-Reġjuni jagħtu kontribut għall-Ksib tal-Objettivi Ewropej dwar il-Bidla fil-klima u l-enerġija b'attenzjoni partikolari għall-Patt tas-Sindki

(2009/C 76/04)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-azzjoni fuq livell lokali hija fattur determinanti għall-ksib tal-mira tal-20 % effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew jagħrfu sew ir-rwol importanti li għandhom ir-reġjuni u l-bliet biex jilħqu din il-mira;

jenfasizza li t-trasport, id-djar, il-binjiet pubbliċi u l-infrastruttura ta' tidwil pubbliku, li l-ippjanar u l-ġestjoni tagħhom jaqgħu f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huma żewġ setturi fejn jista' jkun hemm tnaqqis sinifikanti tas-CO2 u frankar tal-enerġija;

jikkunsidra l-bżonn li l-pjanijiet ta' azzjoni tal-irħula u l-bliet ikunu integrati fil-pjanijiet reġjonali u nazzjonali. Il-pjanijiet reġjonali jistgħu jkunu l-pont bejn l-inizjattivi lokali u nazzjonali li jiżgura li l-pjanijiet lokali jitħaddmu b'mod koerenti. Il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jinkludu strumenti konkreti biex jinkisbu l-miri u li jkun hemm finanzjament adegwat disponibbli;

jemmen li l-Patt għandu jingħata bidu mill-ġdid sabiex jiċċara li l-opportunità ta' sħubija hija miftuħa għall-awtoritajiet sottonazzjonali kollha, inklużi r-reġjuni;

jitlob sabiex il-fondi u l-finanzjament mill-UE jiġu adattati b'tali mod li tingħata prijorità lill-azzjonijiet li jippromovu użu sostenibbli tal-enerġija bħal pereżempju żieda fil-persentaġġ, minn 3 % għal 5 %, tal-fondi reġjonali biex jintefqu fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar domestiċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali li jridu jinvestu fl-iskemi tal-enerġija effiċjenti, jippromovu l-użu tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, għandu jkollhom aċċess għal self mill-BEI.

Rapporteur

:

Is-Sinjura Kay TWITCHEN (UK/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta' Essex

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Messaġġi ewlenin

1.

Jilqa' l-istedina tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jikkummenta dwar ir-rwol tar-reġjuni fi ħdan il-Patt tas-Sindki.

2.

Jenfasizza li kull ċittadin għandu d-dritt ikun jaf x'qegħdin jagħmlu r-rappreżentanti eletti sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-ambjent għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

3.

Jenfasizza li l-'Patt tas-Sindki' huwa opportunità eċċellenti għas-Sindki biex iħeġġu liċ-ċittadini jaħdmu b'mod kollettiv u pożittiv favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea ser tkun tista' turi tmexxija soda f'dan il-qasam.

4.

Ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE li l-azzjoni fuq livell lokali hija fattur determinanti għall-bidla fl-imġiba tal-individwi li hija kruċjali għall-ksib tal-mira tal-20 % effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li l-Kummissjoni Ewropea (1) u l-Parlament Ewropew (2) jagħrfu sew ir-rwol importanti li għandhom ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex jilħqu din il-mira.

5.

Josserva li permezz ta' promozzjoni tal-enerġija sostenibbli u tal-użu effiċjenti tal-enerġija, il-Patt tas-Sindki jista' jħeġġeġ lill-bliet u r-reġjuni jimplimentaw bidliet li jħarsu l-aktar ċittadini vulnerabbli, speċjalment dawk bi dħul baxx u fiss, mill-effetti tal-prezzijiet għolja tal-enerġija u mill-faqar marbut mal-użu tal-karburanti. Però l-isforzi għandhom jitfasslu b'tali mod li jiġi evitat is-sussidju tal-użu tal-enerġija, u li jippermettu inċentivi ekonomiċi kbar sabiex l-enerġija tintuża b'mod aktar effiċjenti u, jekk ikun possibbli, jitnaqqas l-użu tal-enerġija.

6.

Jinnota li l-awtoritajiet reġjonali u lokali diġà bdew iwettqu attivitajiet u ħadu inizjattivi sabiex jilħqu l-miri u l-objettivi tal-politika Ewropea dwar il-bidla fil-klima, u qed juru tmexxija tajba permezz tat-teħid tad-deċiżjoni rigoruża u neċessarja li jkabbru l-effiċjenza tal-enerġija għall-ġid taċ-ċittadini u l-ambjent tagħhom. Flimkien ma' numru ta' inizjattivi nazzjonali u internazzjonali simili, il-Patt tas-Sindki huwa mekkaniżmu sod ta' impetu mġedded sabiex din il-ħidma tkompli miexja 'l quddiem.

7.

Jilqa' l-possibbiltà li nħolqot dan l-aħħar li titqies il-prestazzjoni li taw il-muniċipalitajiet fil-passat fil-qasam tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, u jħeġġeġ lil dawk il-muniċipalitajiet li huma avvanzati f'dan il-qasam biex jieħdu sehem b'mod attiv u jressqu l-proġetti tagħhom fil-qafas tal-Patt.

8.

Jilqa' l-bidu pożittiv tal-Patt u l-livell għoli tal-impenn politiku mill-muniċipalitajiet Ewropej li qed jimmiraw għal iffrankar ta' enerġija ta' aktar minn 20 %. Minkejja dan, jekk ikun hemm biss bliet kbar li jidħlu għal dan l-impenn, din l-inizjattiva ma tkun xejn aktar ħlief ġest simboliku. Għalhekk, iż-żmien wasal biex inħeġġu lill-awtoritajiet sottonazzjonali kollha, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni, skont l-istruttura interna ta' kull Stat Membru, biex iżidu l-firem għal dan il-Patt jew biex iżidu n-numru ta' msieħba li qed iwettqu xogħol prattiku differenti b'objettivi simili. Il-possibbiltà tal-parteċipazzjoni fin-netwerks reġjonali għandha titwassal aħjar lill-muniċipalitajiet iż-żgħar.

9.

Għalhekk jitlob biex il-livelli reġjonali u lokali jkunu msieħba indispensabbli fil-Patt u l-implimentazzjoni tal-impenn Ewropew għall-bidla fil-klima.

10.

Iħeġġeġ progress fil-qafas leġiżlattiv tal-pakkett tal-enerġija u tal-bidla fil-klima li jġib miegħu ċertezza leġiżlattiva u qafas għall-attivitajiet li tnedew bis-saħħa tal-Patt tas-Sindki. Madankollu, hemm bżonn ta' aktar azzjoni fil-livell Ewropew sabiex jitwettaq l-impenn tal-Istati Membri għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija b'20 %.

11.

Jiddispjaċih li ma rnexxilux jintroduċi mira vinkolanti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-pakkett tal-enerġija u l-bidla fil-klima tal-2008, li hija l-ħolqa nieqsa fil-katina meħtieġa għat-tnaqqis tas-CO2; u

12.

Jenfassiza li mingħajr qafas li jistabbilixxi l-miri fil-livelli Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, il-Patt mhux ser ikun biżżejjed sabiex l-emissjonijiet jonqsu b'mill-anqas 20 %, mira li daħlu għaliha l-firmatarji tal-Patt. Huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil tal-miri marbuta mal-klima u l-enerġija, li jiġu adottati strumenti konkreti biex jintlaħqu dawn il-miri u li jkun hemm finanzjament adegwat disponibbli.

Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Reġjonali

13.

Itenni l-messaġġi tal-opinjonijiet preċedenti li ġew addottati mil-KtR f'dan il-qasam (3). Ir-reġjuni, bħall-irħula u l-bliet, huma atturi prinċipali fil-qasam tal-enerġija peress li għandhom responsabbiltajiet f'diversi attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-ippjanar, il-ħruġ ta' permessi, l-investiment, l-akkwisti, il-produzzjoni u l-konsum. It-trasport, id-djar u l-binjiet pubbliċi u l-infrastrutturi ta' tidwil pubbliku, li l-ippjanar u l-ġestjoni tagħhom jaqgħu f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, huma żewġ setturi fejn jista' jkun hemm tnaqqis sinifikanti tas-CO2 u l-iffrankar tal-enerġija.

14.

Jenfasizza l-impatt li jista' jkollu objettiv ġenerali għat-tnaqqis tal-użu ta' prodotti ta' konsum u ta' riżorsi naturali bħall-ilma fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-użu tal-enerġija. Ħafna drabi, ir-reġjuni, jistgħu jħallu impatt ikbar fuq il-bidla fl-imġiba minn awtoritajiet lokali individwali u għalhekk, peress li joperaw kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, qegħdin f'pożizzjoni tajba biex jinfluwenzaw liċ-ċittadini sabiex ibiddlu l-imġiba tagħhom.

15.

Għalhekk jappoġġja l-impenn qawwi tar-reġjuni bħala bażi ta' appoġġ, u jittama li l-awtoritajiet reġjonali responsabbli jinkoraġġixxu lil bosta muniċipalitajiet li jinsabu fit-territorju tagħhom biex jiffirmaw il-Patt.

16.

Jikkunsidra l-bżonn li l-pjanijiet ta' azzjoni tal-irħula u l-bliet ikunu integrati fil-pjanijiet reġjonali u nazzjonali. Il-pjanijiet reġjonali jistgħu jkunu l-pont bejn l-inizjattivi lokali u nazzjonali li jiżgura li l-pjanijiet lokali jinkludu strumenti finanzjarji, tekniċi, ta' riżorsi umani, leġiżlattivi u ta' evalwazzjoni konkreti, kif ukoll skeda biex jinkisbu dawn il-miri.

17.

Ifakkar li jeżistu differenzi kbar bejn ir-reġjuni, li ċerti sistemi, setturi u reġjuni jistgħu jkunu partikolarment affettwati mill-bidla fil-klima u li l-kapaċità ta' adattament, li hija mqassma b'mod irregolari bejn id-diversi setturi u reġjuni, hija marbuta mill-qrib mal-iżvilupp soċjoekonomiku; f'dan ir-rigward ir-reġjuni u l-entitajiet lokali jaqdu rwol importanti

18.

Jilqa' l-element ta' benchmarking fil-Patt u jenfasizza r-rwol tat-tmexxija li r-reġjuni jista' jkollhom fl-identifikazzjoni ta' opportunitajiet lokali ta' ħidma, l-iskambju tal-aħjar prattika, l-identifikazzjoni tal-imsieħba, it-tqassim tal-fondi, il-kejl tal-progress u l-komunikazzjoni tas-suċċessi. L-inizjattivi lokali għandhom ikunu integrati f'qafas reġjonali jew nazzjonali sabiex ikollhom l-ikbar impatt possibbli u jagħtu lok għall-ħolqien ta' sħubijiet. B'żieda ma' dan għandhom ikunu liberi li jfasslu għalihom innifishom miri ambizzjużi li jmorru lil hinn minn dawk fl-oqfsa nazzjonali.

19.

Jagħraf li fattur importanti għas-suċċess jew il-falliment tal-Patt ser ikun id-daqs tas-sħubijiet li jimpennjaw ruħhom. Sabiex din il-ħidma tkun effettiva, is-sħubijiet iridu jkunu kbar biżżejjed biex ikollhom impatt iżda mhux tant li s-sjieda ma tibqax lokali. Filwaqt li l-bliet ewlenin jistgħu jiksbu ekonomiji ta' skala, ir-reġjuni jistgħu jgħinu lill-muniċipalitajiet iż-żgħar u lill-awtoritajiet rurali b'mod partikolari biex jgħelbu l-isfidi konsiderevoli meħtieġa għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija sostenibbli u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.

20.

Ifakkar lill-Kummissjoni fir-rwol importanti li għandhom ir-reġjuni u l-bliet fis-swieq tal-enerġija peress li huma jikkunsmaw u jipprovdu s-sħana u l-elettriku permezz ta', fost affarijiet oħra, sistema konġunta ta' sħana u elettriku u ta' sistema tal-ipproċessar tal-iskart muniċipali bħall-Enerġija mill-Iskart, il-Pjanti ta' diġestjoni anerobika u l-produzzjoni ta' karburanti solidi mill-iskart u jiżviluppaw l-enerġiji rinnovabbli u s-sorsi ta' enerġija alternattivi b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra.

21.

Għalhekk, il-Patt għandu jingħata bidu mill-ġdid sabiex jiċċara li l-opportunità ta' sħubija hija miftuħa għall-awtoritajiet sottonazzjonali kollha, inklużi r-reġjuni, u dan bil-għan li jkun hemm l-aħjar kopertura territorjali, anke fiż-żoni rurali fejn l-isfidi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tal-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 huma konsiderevoli. Il-Patt għandu jiġi kkoordinat ma' inizjattivi nazzjonali li jixbhu lill-Patt tas-Sindki

Sfidi għall-Patt

22.

Jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għall-objettivi tal-Patt u l-iskop tal-attivitajiet tiegħu, li jinkludu t-tnaqqis tad-domanda u l-konsum tal-enerġija, l-iżvilupp ta' provvista sostenibbli u sigura tal-enerġija permezz tal-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u t-titjib fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija tal-prodotti.

23.

Jinsisti li l-miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ikollhom l-għan prinċipali li jkunu sostenibbli fuq il-perijodu fit-tul u għalhekk jiġu abbinati kriterji kwalitattivi li jiżguraw is-sostenibbiltà tal-objettivi.

24.

Jenfasizza li biex il-Patt iħalli impatt fuq il-perijodu fit-tul irid ikun integrat sew fil-kostituzzjonijiet tal-awtoritajiet li jiffirmawh, sabiex jiġu mħarsa l-impenji u l-objettivi tiegħu minn interferenza futura jew effetti sekondarji mill-possibbiltà li xi darba jkun hemm tibdil fit-tmexxija politika jew fl-amministrazzjoni u bidla fil-fruntieri.

25.

Jagħmel enfasi fuq il-fatt li pressjonijiet baġitarji fuq perijodu qasir huma ta' sfida għar-reġjuni u l-bliet li jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment u ta' politika biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fuq il-perijodu medju jew fit-tul, jippromovu l-użu tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Għaldaqstant, l-objettivi nazzjonali għall-evalwazzjoni tal-prestazzjoni għandhom jikkunsidraw dan il-fattur.

26.

Jissuġġerixxi li, peress li ma teżistix definizzjoni unika ta' Sindku jew ta' Reġjun fl-Istati Membri kollha tal-UE, it-titolu tal-Patt u l-ambitu assoċjat miegħu għandhom jiżguraw li ma jeskludu l-ebda entità oħra jew li ma jimpedixxux l-iffirmar tal-Patt.

27.

Jenfassiza l-varjazzjoni fil-progress bejn il-bliet u r-reġjuni Ewropej fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-enerġija f'dawn l-aħħar snin u li xi pijunieri tal-progress diġà qegħdin imorru lil hinn mill-objettivi li jinkisbu faċilment. Għandha tiġi kkunsidrata l-varjetà fl-intensità tal-konsum u l-ġenerazzjoni tal-enerġija u tal-gassijiet b'effett ta' serra bejn u fl-Istati Membri, b'mod partikolari bejn iż-żoni rurali u urbani.

Suġġerimenti addizzjonali għall-Patt

28.

Jitlob għal għajnuna fit-tħejjija ta' trajetorji li jservu ta' referenza għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll għal gwida ċara dwar kif ser tinġabar u titkejjel l-infomazzjoni dwar dawn l-emissjonijiet. Dan huwa essenzjali biex ikun hemm tqabbil u ħolqien ta' benchmarks.

29.

Jissuġġerixxi li fil-benchmarking jiddaħħlu eżempji mhux biss ta' fallimenti iżda wkoll ta' suċċessi sabiex dawn l-iżbalji ma jiġux ripetuti. Dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu applikati direttament, u għalhekk hemm bżonn li jingħataw id-dettalji dwar dawn l-inizjattivi, inkluż il-baġit tagħhom. L-UE għandha tinkludi t-tagħrif li ħareġ mill-Konferenza tas-Sindki fl-Istati Uniti u mill-inizjattiva reġjonali tal-Grigal u ta' Nofs l-Atlantiku (l-Istati Uniti) dwar il-gassijiet b'effet ta' serra.

30.

Jissuġġerixxi li jinstab mezz kif jintużaw il-metodoloġiji u s-sistemi ta' kalkolu li żviluppaw il-bosta bliet u muniċipalitajiet, li huma membri ta' netwerks reġjonali jew nazzjonali, fi ħdan il-Patt u fl-istess ħin jiġu armonizzati l-għodod ta' rappurtaġġ u ta' kejl. Dan jevita li jiġu maħsuba metodoloġiji ġodda u jista' jħeġġeġ parteċipazzjoni usa' fil-Patt. L-għan huwa li l-maġġoranza tal-muniċipalitajiet imsieħba fin-netwerks eżistenti jingħaqdu mal-Patt tas-Sindki.

31.

Jissuġġerixxi li l-iskedi ta' żmien fi ħdan il-Patt għandhom jippermettu l-iskambju tal-Benchmarks eċċellenti u tal-inizjattivi eżistenti li huma meqjusa bħala l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri qabel ma jiġu żviluppati l-pjanijiet ta' azzjoni. Dan għandu jiżgura li l-pjanijiet ta' azzjoni mħejjija mill-bliet u r-reġjuni jirriflettu din il-prattika tajba.

Sfidi għall-objettivi tal-effiċjenza tal-enerġija tal-UE

32.

Jenfasizza l-importanza tal-kuntest Ewropew u nazzjonali għas-suċċess ta' azzjoni lokali u b'mod partikolari għan-nuqqas tal-Kummissjoni fit-twettiq u l-aġġornament tal-Pjan ta' Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-2006. Dan ikun meħtieġ biex jingħata inċentiv lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom biex jaqbżu l-objettiv ta' 20 % effiċjenza tal-UE.

33.

Itenni t-talba li għamel waqt il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex iħaffu l-implimentazzjoni tal-Patt u jikkunsidraw ir-reviżjoni tiegħu.

34.

Iħeġġeġ rabta diretta bejn il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u reġjonali tal-enerġija peress li dawn joħolqu r-rabta indispensabbli bejn il-pjanijiet nazzjonali tal-enerġija sostenibbli u dawk tal-bliet u l-muniċipalitajiet. Huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil tal-miri marbuta mal-klima u l-enerġija, li jiġu stabbiliti strumenti konkreti sabiex jintlaħqu dawn il-miri u li jkun hemm finanzjament adegwat disponibbli.

35.

Jitlob sabiex il-fondi u l-finanzjament mill-UE jiġu adattati b'tali mod li tingħata prijorità lill-azzjonijiet li jippromovu użu sostenibbli tal-enerġija bħal pereżempju żieda fil-persentaġġ, minn 3 % għal 5 %, tal-fondi reġjonali biex jintefqu fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar domestiċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali li jridu jinvestu fl-iskemi tal-enerġija effiċjenti, jippromovu l-użu tas-sorsi tal-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, għandu jkollhom aċċess għal self mill-BEI.

36.

Għalhekk jissuġġerixxi li l-istħarriġ ta' nofs it-term tal-programmi ta' finanzjament tal-UE għandu jara kif il-programmi kollha jistgħu jiġu adattati sabiex iħeġġu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jippromovu s-sorsi tal-enerġija sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u jiżgura li r-reġjuni u l-bliet ikollhom aċċess għal programmi għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. B'hekk reviżjonijiet oħra li jistgħu jsiru, minbarra ż-żieda fil-fondi reġjonali/ta' koeżjoni biex tappoġġja l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar domestiċi, għandhom jinkludu investiment ikbar għall-kummerċjalizzazzjoni ta' teknoloġiji ġodda fi ħdan programmi bħall-Programm Qafas 7 (FP7). Jista' jagħti l-każ li jkun hemm bżonn jiġu riveduti r-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri b'rabta mal-bidla industrijali u l-konverżjoni tal-enerġija.

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u tħaffef l-istħarriġ ta' miżuri li jistgħu jgħinu lill-bliet, l-irħula u r-reġjuni jbiddlu d-drawwiet tagħhom eż. jippromovu u jikklassifikaw il-prodotti li jagħmlu użu effiċjenti mill-enerġija.

38.

Jemmen li r-reġjuni u l-bliet ikunu megħjuna fl-isforzi tagħhom biex jilħqu u jaqbżu l-objettiv ta' 20 % għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020 jekk dan l-objettiv isir vinkolanti u jekk il-Pjan ta' Azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-UE jkun aġġornat f'dan ir-rigward u jinkludi l-fatt li l-Istati Membri huma mistennija jirrevedu l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali sabiex jirriflettu dan l-objettiv.

Brussell, is-26 ta' Novembru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  Andris Piebalgs: “huma proprju r-reġjuni u l-bliet li qed joħorġu b'ħafna mill-ideat u l-proġetti innovattivi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali,” KtR Forum ta' April.

(2)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: it-twettiq tal-potenzjal (2007/2106(INI): “jenfasizza ir-rwol ta' aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri ta' enerġija effiċjenti”.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 Gradi Celsius u l-Inklużjoni tal-Avjazzjoni fl-Iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet DEVE-IV-015.


Top