Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XX0728(03)

Rapport finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/F/38.456 — Bitume (L-Olanda) (imfassal skond l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2001/462/KE, KEFA tal-Kummissjoni tat- 23 ta' Mejju 2001 , dwar il-mandat ta' l-uffiċjali tas-smigħ f'ċerti proċeduri ta' kompetizzjoni — ĠU L 162 tad-19.6.2001, p.21 )

ĠU C 176, 28.7.2007, pp. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 176/8


Rapport finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ fil-Każ COMP/F/38.456 — Bitume (L-Olanda)

(imfassal skond l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni 2001/462/KE, KEFA tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2001, dwar il-mandat ta' l-uffiċjali tas-smigħ f'ċerti proċeduri ta' kompetizzjoni — ĠU L 162 tad-19.6.2001, p.21)

(2007/C 176/07)

L-Abbożż ta' Deċiżjoni jqajjem l-osservazzjonijiet li ġejjin.

L-istqarrija ta' l-oġġeżżjonijiet identifikat ksur ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat tal-KE sew fuq in-naħa tal-bejgħ kif ukoll fuq dik tax-xiri. Għal ċertu numru ta' snin, il-bejgħ u x-xiri tal-bitumju użat għall-kisi tat-toroq fl-Olanda kien isir bis-saħħa ta' ftehim li kien jopera bejn il-fornituri tal-bitumju, ix-xerrejja l-aktar kbar (l-impriżi l-kbar tal-bini tat-toroq fl-Olanda) u bejn dawn iż-żewġ gruppi ta' impriżi. Skond l-istqarrija ta' l-oġġezzjonijiet, il-ftehim kellu bħala għan li jiffissa l-elementi tal-prezz (il-prezz gross u t-tnaqqis) tal-bitumju u biex tinqasam il-provvista. Biex jitħaffef u jiġi kkontrollat ir-rispett ta' dawn il-ftehimiet, kien isir skambju ta' informazzjoni dwar il-prezz, il-volum tal-fornimenti u s-sehem fis-suq.

Fid-19 ta' Ottubru 2004, ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet lill-fornituri tal-bitumju (AB Nynäs Petroleum, Nynäs Belgium AB, BP p.l.c., BP Nederland B.V, BP Refining & Petrochemicals GmbH, Esha Holding B.V., Smid & Hollander B.V., Esha Port Services Amsterdam B.V. Exxon Mobil Corporation, ExxonMobil Petroleum, Chemicals B.V.B.A., Esso Nederland B.V., Koninklijke Nederlandsche Petroleum Maatschappij N.V., “Shell” Transport and Trading Company p.l.c., Shell Petroleum N.V., Shell Nederland Verkoopmaatschappij B.V., Kuwait Petroleum Corporation, Kuwait Petroleum International, Kuwait Petroleum (Nederland) B.V., Sideron Industrial Development B.V., Klöckner Bitumen B.V., Total S.A, Total Nederland) kif ukoll lix-xerrejja tal-bitumju (Ballast Nedam N.V., Ballast Nedam Infra B.V., Dura Vermeer Groep N.V., Dura Vermeer Infra B.V., Vermeer Infrastructuur B.V., Heijmans N.V. Heijmans Infrastructuur B.V., Wegenbouwmaatschappij J. Heijmans B.V., Koninklijke BAM Groep N.V., BAM NBM Wegenbouw B.V., HBG Civiel B.V., Koninklijke Volker Wessels Stevin N.V., Volker Wessels Stevin Infra B.V. et Koninklijke Wegenbouw Stevin B.V. N.V., Wintershall AG).

L-impriżi kellhom aċċess għad-dokumentazzjoni ta' l-inkjesta tal-Kummissjoni fil-forma ta' kopja fuq CD-ROM li ntbagħtitilhom fid-19 ta' Ottubru 2004, kif ukoll CD-ROM ieħor mibgħut fil-21 ta' April 2005.

Id-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet tat lill-impriżi xahrejn biex iwieġbu. Il-Kummissjoni rċeviet diversi talbiet għal estensjoni ta' dan il-perjodu ta' żmien, imnebbħin minn kwistjonijiet li kellhom x'jaqsmu ma' l-aċċess għad-dokumentazzjoni. Dawn it-talbiet jindikaw diversi problemi fejn jidħol l-aċċess, b'mod partikolari fejn tidħol il-kunfidenzjalità ta' ċerti informazzjoni. B'hekk, jien kelli nissospendi l-iskandenza ffissata tal-proċedura għal madwar erba' xhur sabiex tingħata garanzija li d-dritt tas-smigħ ikun rispettat bis-sħiħ.

Dawk li lejhom kienet indirizzata d-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet wieġbu fiż-żmien mitlub, ħlief għal ċerti impriżi li ddikjaraw stat ta' falliment u la wieġbu d-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u lanqas talbu li jieħdu sehem fis-smigħ.

Skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 tal-Kummissjoni (1), il-biċċa l-kbira tal-partijiet l-oħra talbu smigħ formali li sar bejn il-15 u s-16 ta' Ġunju 2005.

Is-smigħ wera l-ħtieġa li tiġi ċċarata interpretazzjoni mogħtija fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġeżżjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet (l-għamla tal-prezz gross). Għal dan il-għan, intbagħtet ittra lill-partijiet kollha, li ġġib id-data tal-25 ta' Jannar 2006. Il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kjarifiki sakemm ma kinux għamlu dan diġà. Il-biċċa l-kbira ta' l-impriżi li kienu fasslu l-kummenti tagħha dwar dawn il-preċiżazzjonijiet wieġbu li dawn ma jbiddlu xejn mit-tweġiba tagħhom inizjali għad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

Il-partijiet kollha kellhom ukoll aċċess fl-14 ta' Lulju 2005 u fil-25 ta' Mejju 2006 għal dokumenti ġodda fil-fajl tal-Kummissjoni, li ntbagħtulhom wara s-smigħ.

L-ittra ta' l-24 ta' Mejju 2006 ppermettiet ukoll lill-partijiet li jkollhom aċċess għal partijiet oħra mid-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni, li din kellha l-intenzjoni li tuża għad-deċiżjoni finali. Uħud mill-partijiet ikkritikaw in-nuqqas ta' ċarezza dwar jekk dan it-tagħrif kumplimentari kienx se jintuża biex isaħħaħ ċerti konklużżjonijiet fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet Wara li eżaminajt id-dokumenti, jiena nqis li l-partijiet kienu b'mod raġjonevoli fil-pożizzjoni li jobsru l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni setgħet tasal għalihom mid-dokumenti in kwistjoni, tant hu hekk li l-ittra tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Mejju 2006 ppreċiżat li d-dokumenti se jkunu użati biex jikkorroboraw id-deskrizzjoni ta' l-avvenimenti fid-deċiżjoni finali. Dan sar skond il-ġurisprudenza TAC (T-191/98).

Fid-dawl tat-tweġibiet li ngħataw mill-partijiet għad-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet li saru waqt is-smigħ, il-ksur li tqies li kien hemm fl-abbozz ta' deċiżjoni finali tnaqqas in parti meta mqabbel ma dak li kien hemm fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

L-ewwelnett, l-oġġeżżjonijiet dwar ExxonMobil twarrbu minħabba nuqqas ta' provi suffiċjenti. Waqt is-smigħ deher li ċerti oġġeżżjonijiet miġjuba minn Kuwait Petroleum u Nynäs fil-konfront ta' ExxonMobil, kellhom jiġu vverifikati. Fit-tweġibiet tagħhom bil-miktub għal mistoqsijiet kumplimentari tal-Kummissjoni, is-soċjetajiet imsemmija ma kinux fil-pożizzjoni li jsostnu l-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjoni preċiża li jkunu jafu jekk Exxon Mobil kinitx taf bil-ftehim u jekk hi pparteċipatx fih. L-abbozz ta' deċiżjoni mhux destinat għal ExxonMobil.

It-tieni, twarrbet l-oġġezzjoni dwar skambju ta' informazzjoni illeċita dwar it-tqassim ta' l-approprjazzjonijiet u l-mod li bih għandha tiġi ttrattata konkurrenza ġdida li tista' tasal.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni fl-istess ħin ippreċiżat l-abbożż ta' deċiżjoni fuq żewġ punti oħra li ssemmew għall-ewwel fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet.

L-analiżi tal-prezzijiet u tat-tnaqqis li kien hemm fid-Dikjarazzjoni ta' l-Oġġezzjonijiet u li swiet bħala prova kumplimentari biex tinkixef l-eżistenza tal-ftehimiet, twarrbet. L-eżistenza ta' dawn il-ftehimiet dwar prezzijiet u tnaqqis madanakollu hija indikata mil-laqgħat tal-grupp.

It-tul taż-żmien ta' l-infrazzjoni tnaqqset u bħalissa tkopri l-perjodu bejn l-1 ta' April 1994 u l-15 ta' April 2002 (minflok it-18 ta' April 1992 sal-31 ta' Diċembru 2002).

Jiena nqis ukoll li l-abbozz ta' deċiżjoni ma jirrigwardjax l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà li jsemmgħu leħinhom. Jiena nqis li f'dan il-każ, id-dritt ta' smigħ ġie rispettat.

Brussell, l-4 ta' Settembru 2006.

Serge DURANDE


(1)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.


Top