Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1122(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta' l-ikel agrikoli

    ĠU C 279, 22.11.2007, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 279/24


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti ta' l-ikel agrikoli

    (2007/C 279/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni jridu jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “BRUSSELS GRONDWITLOOF”

    Nru tal-KE: BE/PGI/005/0535/24.03.2006

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'għan informattiv biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Vlaamse Overheid, Departement Landbouw en Visserij, Afdeling Duurzame Landbouwontwikkeling

    Indirizz:

    Koning Albert II-laan 35, bus 40, B-1030 Brussel

    Tel.:

    (32-2) 552 78 74

    Feks:

    (32-2) 552 78 71

    E-mail:

    diederik.desmedt@lv.vlaanderen.be

    2.   Grupp:

    Isem:

    Brussels Grondwitloof vzw

    Indirizz:

    Bukenstraat 16, B-1910 Kampenhout

    Tel.:

    (32-16) 65 59 44

    Feks:

    (32-16) 65 59 44

    E-mail:

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 1.6 ħaxix, frott u ċereali

    4.   Speċifikazzjoni:

    (sinteżi tar-rekwiżiti skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem: “Brussels grondwitloof”

    4.2.   Deskrizzjoni: “Brussels grondwitloof” tirreferi għal irjus ta' l-indivija li jinkisbu billi jiġu sfurzati (tkabbir sfurzat) l-għeruq Chicorium intybus L., var. foliosum Hegi (grupp taċ-ċikwejra) tal-familja Asteraceae (ex Compositae). Il-karatteristika ta' din il-kultivazzjoni hija li jintużaw biss selezzjonijiet ta' żerriegħa mill-produttur li jkunu non-ibridi, u li l-isfurzar iseħħ fil-ħamrija u taħt ħamrija imburġata. Mill-borġ tal-ħamrija, ir-ras tikber f'ambjent ekwilibrat u mħares, li huwa tajjeb għat-tqarqiċ u l-istruttura tal-werqa. Il-karatteristika tal-“Brussels grondwitloof” hija t-tqarqiċ u r-ras soda u rqiqa b'ponta fina, il-finezza ta' l-istruttura tal-werqa friska u tleqq minnha (mingħajr suf). It-togħma toħloq bilanċ tajjeb bejn il-ħelu u l-morr.

    4.3.   Żona ġeografika: Iż-żona li fiha tikber il-“Brussels grondwitloof” hija demarkata kif ġej: il-provinċja kollha ta' Vlaams-Brabant (il-Brabant Fjamming) fir-reġjun ta' Brussell Kapitali, id-distretti muniċipali Neder-Over-Heembeek u Haren u l-muniċipalitajiet Anderlecht, Ganshoren, Jette, Evere, Schaarbeek, Sint-Lambrechts-Woluwe u Sint-Pieters-Woluwe; ukoll il-muniċipalitajiet Sint-Amands, Puurs, Willebroek, Mechelen, Bonheiden, Putte, Heist-op-den-Berg, Hulshout, Herselt u Laakdal fil-Provinċja ta' Antwerp u l-muniċipalitajiet ta' Geraardsbergen, Ninove, Denderleeuw, Aalst, Lebbeke, Buggenhout, Erpe-Mere, Haaltert, Herzele, Lede, Oosterzele, Sint-Lievens-Houtem u Wetteren fil-Provinċja tal-Fjandra tal-Lvant.

    4.4.   Prova ta' l-oriġini: Kull produttur tal-“Brussels grondwitloof” għandu jirreġistra kull sena mal-grupp applikant Brussels grondwitloof vzw. Ir-reġistru jitressaq lill-organu ta' spezzjoni responsabbli. L-imballaġġ kollu għandu tikketta bl-isem tal-produttur jew tal-farm u numru. In-numru huwa parti minn sistema ta' numerazzjoni konsekuttiva li, flimkien mar-reġistrazzjoni tal-farm, jiżgura t-traċċabbiltà tal-prodott. In-numru jista' jiġi ssostitwit b'indikazzjoni oħra (eż. barkowd), dejjem sakemm dan ikun joffri mill-inqas l-istess garanziji fir-rigward tat-traċċabbiltà. Sabiex jiġu garantiti l-kwalità, it-traċċabbiltà u l-kontroll, il-“Brussels grondwitloof” għandha tingħażel, tiġi ppakkjata u ttikkettata jew fuq il-farm fejn tkabbret jew inkella f'post ieħor taħt is-superviżjoni diretta tal-kultivatur jew ir-rappreżentant tiegħu. L-imballaġġ u/jew it-tikkettar minn kummerċjanti (intermedji) huwa espressament ipprojbit.

    L-imballaġġ u t-tikkettar fuq il-farm, jew taħt is-superviżjoni diretta tal-kultivatur jew ir-rappreżentant tiegħu, huwa maħsub biex jiggarantixxi l-oriġini u jiżgura l-kontroll. L-organizzazzjoni tal-produtturi tixtieq iżżomm l-indidja ta' oriġini mhux ikkontrollata milli tiġi ppakkjata, tikkettata u mqiegħda fis-suq bħala “Brussels grondwitloof”. Il-bejgħ tal-“Brussels grondwitloof” iseħħ fil-biċċa l-kbira permezz tal-mogħdijiet klassiċi tal-bejgħ tal-ħaxix u l-frott: bl-ingrossa u bl-imnut, bl-irkant u forom oħra ta' kooperazzjoni tal-bejgħ. Diġà hemm differenza sinifikanti bejn il-prezzijiet tal-“Brussels grondwitloof” u l-indivja ta' l-idrokultura. Dan iħajjar għall-frodi u l-qerq, li jispiċċaw itappnu r-reputazzjoni tal-“Brussels grondwitloof”.

    Punt ieħor huwa li sabiex tinżamm il-kwalità, il-katina bejn il-ħsad u l-imballaġġ trid tinżamma qasira għaliex il-kwalità finali tgawdi minn dan. Ġarr eċċessiv jolqot ħażin il-kwalità ta' l-indivija (mkabbra fil-ħamrija), li tibqa' prodott fraġli u li faċli biex issirlu l-ħsara.

    4.5.   Metodu ta' produzzzjoni: “Brussels grondwitloof” hija ħaxixa miksuba permezz ta' proċess ta' kultivazzjoni doppja: il-kultivazzjoni ta' l-għeruq segwita mill-isfurzar.

    L-għeruq jikbru fir-raba' tul is-Sajf. Lejn Mejju, tinżera' għal dan il-għan żerriegħa proprja jew mixtrija mis-selezzjonijiet tal-produtturi. Permezz ta' żrigħ u tnaqqija bir-reqqa, kull pjanta tingħata spazju indaqs biex tikber, sabiex ikunu jistgħu jinqalgħu għeruq uniformi u moderatament ħoxnin. Dan huwa importanti ħafna għall-ksib ta' rjus ta' l-indivja indaqs u ta' kwalità għolja. Fil-ħarifa, qabel ma jibdew il-ġlati l-ħorox, l-għeruq jinqalgħu u tinqata' l-werqa. Jitħallew madwar 2 sa 3 ċm ta' zokk tal-werqa sabiex tinżamm intatta l-aħħar nebbieta minn fejn tikber ras l-indivija. L-għeruq jitkabbru bl-użu ta' metodi ta' kultivazzjoni kemm jista' jkun integrati u organiċi.

    Għall-isfurzar, l-għeruq jitqiegħdu maġenb xulxin weqfin u kemmxejn immejla f'ħofor jew ħammiela għall-indivja u jitgħattew b'saff oħxon ta' ħamrija li titfarrak malajr ta' bejn 5 u 20 ċm. Dan jista' jsir fil-beraħ jew fi struttura apposta. Mingħajr tisħin, il-ħofor ta' l-indivja fil-beraħ ikunu lesti għall-ħsad kmieni fir-Rebbiegħa (Marzu jew April). Il-ħsad aktar tard huwa possibbli b'selezzjonijiet tard żejda u permezz ta' tekniċi tal-kultivazzjoni li jiżguraw li s-sħana tar-Rebbiegħa tilħaq l-għeruq midfuna inqas malajr. Bit-tisħin tal-ħamrija (permezz ta' ktieli tradizzjonali għall-indivja, tisħin ċentrali, eċċ), il-ħsad jista' jitressaq għaż-żmien il-mixtieq. Għandhom jintużaw selezzjonijiet xierqa għaż-żmien tal-ħsad (bikrin, semi-bikrin, tax-xitwa, semi-mwaħħra, imwaħħra). Il-ħsad jinzerta madwar tliet ġimgħat wara li l-ħamrija tkun ingħatat is-sħana. Waqt il-qlugħ, il-ħofor huma mħarsa mit-temp (fost l-oħrajn, mill-preċipitazzjoni, ir-riħ, id-dawl u l-kesħa) b'materjal li jgħatti.

    Darba l-irjus ikunu lesti għall-ħsad, il-ħofra kollha tinħasad f'daqqa. Dan huwa meħtieġ għall-kwalità ottimali tal-prodott aħħari. Ir-ras titneħħa minn ma' l-għerq u wara jsir it-tindif.

    Waqt il-ħsad, l-għeruq jintgħażlu għall-kultivazzjoni. Għal dan, l-aħjar kumbinazzjonijiet ta' għerq u ras jintgħażlu skond il-kriterji stipulati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Dawn l-għeruq taż-żerriegħa jinżammu sat-taħwil kmieni fir-Rebbiegħa. Wara li jitħawlu, joħorġu zkuk taż-żerriegħa u f'Awwissu dawn jinqatgħu, u jintrabtu f'balal biex isiru. Darba li jkunu saru, il-pjanti li qed iġorru ż-żerriegħa jindirsu, jitnaddfu u jingħażlu sabiex tinkiseb żerriegħa xierqa għaż-żrigħ għall-kultivazzjoni li jkun imiss.

    4.6.   Rabta: Il-kultivazzjoni tipika tal-“Brussels grondwitloof” ġiet peremzz ta' tagħqida ta' storja, kundizzjonijiet naturali u għarfien espert.

    Il-“Brussels grondwitloof” għandha storja u tradizzjoni għonja. Sa mill-bidu tas-seklu 19, il-ħxejjex kienu jitkabbru fi ħdan u barra minn dik li issa hija t-triq li ddawwar il-belt ta' Brussell (dak li qabel kien il-ħajt tal-belt) fil-marġi minn kultivaturi msejħa “boerzoken”. Fost ħwejjeġ oħra, il-“boerzoken” ta' Brussell kabbru l-“capucienenbard” sabiex li għalihom użaw għeruq ħoxnin, u biż-żmien ikkonċentraw fuq li jtejbu l-ewwel nebbieta. B'dan il-mod, il-“Brusselse capucienenbaard” żviluppaw awtomatikament fl-irjus ta' l-indivja tal-lum.

    Il-belt ta' Schaarbeek tat it-twelid lill-kultivazzjoni ta' l-indivja. Il-Ġnien Botaniku u l-ortikulturista tiegħu Bresier kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-kultivazzjoni. Lejn l-1870, it-tkabbir ta' l-indivja kien ristrett għal Schaarbeek u Evere, il-belt ġara. Tul għexieren ta' snin wara, iż-żona tat-tkabbir espandiet għall-muniċiplaitajiet fil-qrib u bdiet sejra lura l-kultivazzjoni fi Schaarbeek u Sint-Lambrechts-Woluwe. Il-kultivazzjoni l-ġdida ta' l-indivja espandiet malajr sa ma wasslet biex tkopri l-medda ġeografika deskritta f'4.2.

    Il-kultivaturi organizzaw rwieħhom f'“sindakati ta' l-indivja” biex jippromwovu l-bejgħ u l-esportazzjoni. Dawn is-sindakati kkonċentraw fuq il-bejgħ ta' l-indivja fis-swieq madwar il-Belġju u lil hinn minnu. Sa mill-1862, l-indivja kienet esportata lejn Pariġi u mill-1872 'il quddiem qabdet l-esportazzjoni regolari. Tul is-snin, l-indivja saret il-ħaxix l-aktar importanti tal-Belġju għall-esportazzjoni.

    F'Ottubru ta' l-1973, inbiegħet għall-ewwel darba fl-Olanda indivja maqlugħa mill-ilma. Dan fisser il-bidu ta' żieda mgħaġġla fl-idrokultura, li bdiet issir theddida għall-kultivazzjoni ta' l-indivja mkabbra fil-ħamrija. Filwaqt li fl-1973, dik li qabel kienet il-Provinċja ta' Brabant kien għad kellha madwar 2 400 farm ta' l-indivja mkabbra fil-ħamrija u l-produzzjoni annwali kienet ta' madwar 100 000 għal 120 000 tunnellata, illum il-Provinċja tal-Brabant Fjamming għandha madwar 330 farm ta' l-indivja mkabbra fil-ħamrija u l-produzzjoni totali tal-Belġju ta' l-indivja mkabbra fil-ħamrija hija ta' madwar 12 000 tunnellata.

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija, tippredomina fiż-żona ġeografika il-ħamrija ramlija u l-ħamrija ħafifa. Dawn huma ideali bħala ħamrija biex tgħatti meta tkun qed tiġi sfurzata l-indivja mkabbra fil-ħamrija. Meta tinxef, il-ħamrija ramlija malajr tagħti ħamrija mutraba għall-għata li tħammeġ l-irjus ta' l-indivja filwaqt li l-granuli tal-kwarz preżenti jxawtu l-epidermidi ta' l-irjus u jikkawżaw tiħmir u telf tal-kwalità. Il-ħamrija tqila diffiċli biex titfarrak biżżejjed biex tagħti saff tajjeb għall-għata u żżomm sew l-indewwa żejda, li jwassal għalhekk għal rjus sfurmati u tħassir.

    Il-kultivazzjoni taż-żerriegħa, it-tkabbir ta' l-għeruq u l-isfurzar tal-“Brussels grondwitloof” jeħtieġu għarfien espert estensiv min-naħa tal-produtturi, kif deskritt fil-punt 4.5. Il-ħamrija fejn iseħħ l-isfurzar għandha tilħaq rekwiżiti stretti ħafna f'dak li għandu x'jaqsam ma' struttura u profil. Anki f'ħamrija xierqa, il-kultivatur xorta jkollu jieħu l-miżuri tekniċi għall-kultivazzjoni (bħat-titjib tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni, ħdim fil-fond tal-ħamrija, il-kontroll tal-livell ta' l-ilma tal-pjan, eċċ.) sabiex jasal għall-aħjar ambjent għall-isfurzar.

    Fi ħdan iż-żona ġeografika, it-tkabbir ta' l-indivja sar fattur importanti mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku imma wkoll għal dak soċjali. L-impatt tal-kultivazzjoni tal-“Brussels grondwitloof” sar evidenti fil-ħafna aspetti tal-ħajja soċjali bħall-balli lokali ta' l-indivja b'konkorsi għal “Miss Indivja” u parati u purċissjonijiet li joħorġu b'indivji enormi.

    4.7.   Organu ta' spezzjoni:

    Isem:

    Federale Overheidsdienst Economie, K.M.O., Middenstand en Energie — Algemene Directie Controle en Bemiddeling — Tweede Afdeling Gespecialiseerde Diensten, Sectie A — Controles Uitgaven ELGF en Marktordening

    Indirizz:

    WTC III, Simon Bolivarlaan 30, B-1000 Brussel

    Tel.:

    (32-2) 277 71 49

    Feks:

    (32-2) 277 54 53

    E-mail:

    dirk.demaeseneer@mineco.fgov.be

    4.8.   Tikkettar: Il-prodott, maħsub għall-konsum mill-bniedem, għandu jkollu tikketti ta' kontroll li juru d-denominazzjoni “Brussels grondwitloof”, isem il-produttur, l-indikazzjoni b'rabta mat-traċċabbiltà tal-prodott, u s-simbolu Ewropew ta' l-IĠP.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top