Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC0928(04)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

ĠU C 228, 28.9.2007, pp. 18–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 228/18


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta' l-ikel

(2007/C 228/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Stqarrijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

SINTEŻI

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“VŠESTARSKÁ CIBULE”

Nru KE: CZ/PDO/005/0437/23.11.2004

PDO ( X ) PGI ( )

Din is-sinteżi tistipula l-elementi ewlenin ta' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-iskopijiet ta' informazzjoni.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat Membru:

Isem:

Úřad průmyslového vlastnictví

Indirizz:

Antonína Čermáka 2a

CZ-160 68 Praha 6

Tel:

(420) 220 383 111

Feks:

(420) 224 324 718

Posta elettronika:

posta@upv.cz

2.   Grupp:

Isem:

Zemědělské družstvo Všestary

Indirizz:

Rozběřice 18

CZ-503 12 Všestary

Tel:

(420) 495 458 113

Feks:

(420) 495 458 113

Posta elettronika:

sekretariat@vsestary.cz

Kompożizzjoni:

Produtturi /proċessuri ( X ) oħrajn ( )

Din l-applikazzjoni tidderoga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 għaliex hemm produttur wieħed biss fiż-żona — kooperattiva — u għalhekk assoċjazzjoni ta' sidien. Ir-rekwiżiti stipulati fl-Aritkolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 huma sodisfatti.

3.   Tip ta' Prodott:

Klassi 1.6: Basla

4.   Speċifikazzjoni

(sinteżi tar-rekwiżiti stipulati fl-aritkolu 4(2) tar-regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem: “Všestarská cibule”

4.2.   Deskrizzjoni: Forma: regolarment sferika jew ovali.

Dehra: il-kontenut ta' kull pakkett huma uniformi; wiċċ il-basla jinkludi mill-inqas żewġ saffi ta' qoxra niexfa li jkopru s-saffi mlaħħma biex b'hekk il-basla tkun kompatta. Il-ġilda ma tridx tkun umda jew immuffata u l-basla ma tridx tindika sinjali ta' attakki minn mard jew pesti.

Kulur: il-ġilda hija ta' lewn dehbien-safrani (m'għandhiex tkun kannella skur), u l-laħam abjad li xi kultant jista' jagħti fl-aħdar.

Togħma: tipika tal-basal, delikata, ħelwa; togħma taħraq skond il-varjetà.

Riħa: ħelwa, ħarra tipika tal-basal.

Varjetajiet ta' “Všestarská cibule” imkabbra: Radar, Armstrong, Hyskin, Sedona, Hybelle, Sturon, Baldito, Narvito, Canto, Takmar, Takstar, Wellington, Viktory, Profit, Festival.

4.3.   Żona Ġeografika: Il-muniċipalitajiet ta' Všestary u ż-żona tal-madwar, li tinkludi l-muniċipalitajiet ta' Bříza, Rosnice, Světí, Rozběřice, Neděliště, Sendražice, Máslojedy, Čístěves, Horní Dohnalice, Střezetice u Probluz, fir-reġjun ta' Hradec Králové tar-Repubblika Ċeka.

4.4.   Prova ta' l-oriġni: Iż-żoni ta' tkabbir, l-imħażen u l-kaxxi tal-ħżin, il-lottijiet u d-dati ta' l-ippakkjar huma indikati. Jinżammu reġistri tax-xerrejja. Kull konsenja għalhekk tista' tiġi ttraċċata mingħajr ambigwata u l-konsenji jingħarfu minn xulxin. Il-basal huma ggradati, maħżuna u ppakkjati fiż-żona definita u għalhekk ma jistgħux jiġu mfixkla ma' basal imkabbar f'imkejjen oħra.

Spettur maħtur mill-produttur jivverifika l-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni, u jiffoka partikolarment fuq il-kwalità tan-nebbieta, il-materja prima, il-metodi tal-koltivazzjoni (skedi, kwantitajiet ta' fertilizzanti organiċi, l-applikazzjoni tal-fertilizzanti) u l-kundizzjonijiet tal-ħżin. Id-dehra, il-kwalità, l-ippakkjar, il-gradazzjoni u d-daqs tal-basal jiġu ċċekkjati kuljum. Wieħed mill-kriterji ewlenin jirrigwarda jekk il-basla tkunx saritilha ħsara, tkunx umda, immuffata jew infettata bil-mard tat-tmermir ta' l-għonq (neck rot). Fiż-żona tal-ħżin, b'mod partikolari it-temperatura ta' l-arja u l-livelli ta' l-umdità huma mmonitorjati. Ir-riżultati jiġu rreġistrati fil-ktieb ta' spezzjoni, li jinżamm fil-fajls. B'mod partikolari jiġu vverifikati dawn il-punti kritiċi: l-irċevuta tal-basal maħsuda u d-dħul tagħhom fil-ħżin, is-sistema ta' l-eco-roller — verifika tal-qagħda tal-basla u t-tneħħija ta' l-impuritajiet, il-ħżin u t-tnixxif tal-basla, it-trasferiment għal-linja ta' gradazzjoni, separazzjoni skond id-daqs, ippakkjar u ttikkettjar, imballaġġ, it-tħejjija għat-trasport u t-trasport innifsu. Isir kontroll għall-kontaminazzjoni bil-mikroorganiżmi, b'sustanza kimika (mikotossini, metalli tqal) jew b'impuritajiet mekkaniċi (ġebel, ħamrija), il-preżenza ta' pesti jew żjut, basal mhux tajjeb li għandu jitneħħa, ppakkjar kontaminat u esponiment għal temperaturi ta' ffriżar. Il-proċess tal-gradazzjoni, l-ippakkjar u t-tqassim għandu ċertifikat HACCP.

Il-kundizzjonijiet tat-temp huma attestati bid-data mill-Istitut Ċek għall-Idrometerjoloġija. L-analiżi tal-ħamrija u tal-basal issir minn laboratorji esterni akkreditati. Konformità ma' l-ispeċifikazzjoni, kwalità u l-liġijiet, digrieti u standards ukoll tiġi vverifikata mill-korp superjuri ta' spezzjoni (Státní zemědělská a potravinářská inspekce, ara l-punt 4.7), skond il-pjan ta' spezzjoni ta' l-ispettorat kompetenti.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni: “Všestarská cibule” hija mkabbra minn żerriegħa ibrida ta' kwalità għolja u nebbieta ċertifikati.

Il-metodu użat għall-koltivazzjoni tal-“Všestarská cibule”: il-ħamrija tiġi ppreparata organikament; tinħarat tajjeb fil-ħarifa; il-ħamrija titħejja fil-ħarifa qabel it-tħawwil; jitħawlu l-basal tax-xitwa; il-ħamrija titħejja fir-rebbiegħa qabel iż-żrigħ u t-tħawwil; in-nebbieta jitħawlu u ż-żrieragħ jinżergħu; jissaqqew kif meħtieġ; issir it-tnaqqija tal-ħaxix ħażin; jingħataw fertilizzanti nitroġenużi; jekk ikun meħtieġ, matul il-perjodu tat-tkabbir, jittieħdu passi kontra l-ħaxix ħażin, il-mard u l-pesti; il-basal jinqatgħu mill-faxxina u jitneħħew mill-ħamrija; jinġabru wara li jitħallew jinxfu; jitqiegħdu fil-maħżen; jiġu ċċekkjati u l-impuritajiet jitneħħew fuq is-sistema ta' l-eco-roller; jitnixxfu aktar u jitħallew għall-arja; jiġu ggradati u mqassma skond id-daqs; il-basal jiġu ppakkjati fi xbieki (3, 5, 10, 15, 20 jew 25 kg) kif meħtieġ mill-klijent jew ippreżentati fi kwantitajiet kbar f'kaxxi ta' 10, 15, 20 jew 25 kg, jew possibbilment fi kwantitajiet oħra bi qbil; jiġu ttikkettati u mibgħuta.

Il-faċilità moderna tal-ħżin, li tkun niexfa biżżejjed u jkollha biżżejjed arja, tippermetti lill-basal jinħażen għal perjodu ta' 10 xhur filwaqt li tiġi ppreservata l-kwalità eċċezzjonali tagħhom.

Il-ħżin u l-ippakkjar irid isir fi ħdan iż-żona definita. B'dan il-mod, tiġi evitata l-ħsara lill-basla matul it-trasferiment. Dan l-approċċ jiggarantixxi wkoll li l-basal ma jitħallatx ma basal imkabbar f'postijiet oħra. Dan il-proċess ikoordinat ta' tkabbir, ħżin u ppakkjar f'post wieħed ifisser li l-basal ma jiddeterjorax. Jitqassmu miż-żona definita bħala prodott lest bit-tikketta “Všestarská cibule”.

4.6.   Rabta:

Karatteristiċi, rabta

“Všestarská cibule” għandha erba' karatteristiċi pożittivi bażiċi, li huma marbuta ma' l-ambjent u l-metodu ta' tkabbir. In-natura unika tal-“Všestarská cibule” ġejja minn:

bilanċ tal-parametri nutrittivi tagħha,

livell għoli ta' ħadid,

livell għoli ħafna ta' vitamina B3 (nijaċina),

nuqqas totali jew livell baxx ta' sustanzi ta' ħsara.

Parametri nutrittiivi — bilanċ

Il-biċċa l-kbra tal-parametri nutrittivi ta' “Všestarská cibule” (sustanzi formattivi, minerali, vitamini) huma bbilanċjati, mingħajr estremi u jikkorrispondu mal-karatteristiċi favorevoli li wieħed jistenna li jkollu l-basal. Jinkludu, pereżempju, il-potassju, il-fosfru u l-vitamini B1, B2 u B6.

Ħadid — livell għoli

“Všestarská cibule” għandha livell għoli ta' ħadid. Skond il-USDA -, il-kontenut tal-ħadid tal-basal huwa 2.1 mg/kg, filwaqt li l-“Všestarská cibule” għandha 2.55 mg/kg, jiġifieri madwar 25 % aktar.

Livell għoli ħafna ta' vitamina B3 (nijaċina)

Il-livell ta' vitamina B3 (nijaċina) fil-“Všestarská cibule” huwa għoli ħafna. Skond il-USDA, il-kontenut ta' niaċina tal-basal huwa ta' 0,116 mg/100 g, filwaqt li l-“Všestarská cibule” għandha 0,208 mg/100 g, jiġifieri madwar id-doppju.

Nuqqas totali jew livelli baxxi ħafna ta' sustanzi ta' ħsara

Karatteristika sinifikanti tal-“Všestarská cibule” hija n-nuqqas totali jew livelli baxxi ħafna ta' sustanzi ta' ħsara. Pereżempju l-livell ta' Cd fil-“Všestarská cibule” jaqa' taħt iż-0,03 mg/kg, imqabbel ma standard ta' 0,05 mg/kg, u l-livell ta' numru3 fil-“Všestarská cibule” huwa ta' 29 mg/kg, imqabbel ma' standard ta' 1 000 mg/kg. “Všestarská cibule” ġiet ittestjata għal għexieren ta' sustanzi perikolużi possibbli, u fil-każijiet kollha ssodisfat il-livelli.

Karatteristiċi, rabta, ambjent, tkabbir

Il-karatteristiċi pożittivi msemmija hawn fuq huma marbuta ma' l-ambjent u, b'mod partikolari, mal-kategoriji ta' fatturi li ġejjin:

kundizzjonijiet naturali,

l-istorja tat-tkabbir,

metodu ta' tkabbir ġentili,

ipproċessar xieraq wara l-ħsad.

Kundizzjonijiet naturali

Il-kundizzjonijiet naturali fiż-żona tat-tkabbir jinkludu l-pajżaġġ, il-ħamrija u l-klima. Il-kundizzjonijiet naturali ġenerali fiż-żona definita huma tajbin ħafna għat-tkabbir tal-basal.

Il-Pajżaġġ:: L-altitudni ta' Všestary hija ta' 265 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u l-uċuħ tar-raba qiegħdin f'għoli ta' 245-320 m. Ir-reġjun għalhekk hija relattivament fil-baxx, u tieħu ħafna xemx. L-art tal-pajżaġġ hija xi ftit imħarbta u l-maġġoranza ta' l-uċuh huma ċatti jew kemmxejn imżerżqin. Il-pajżaġġ jiffavorixxi ż-żamma tajba ta' l-umdu fil-ħamrija. Jinkludi wied wiesa' miftuħ fin-nofsinhar, li fih hemm saffi rikki ta' ħamrija depożitati mix-Xmara Elbe.

Il-ħamrija:: Il-ħamrija lokali hija komposta minn sedimenti Kwaternari. L-aktar blat antik huma mill-formazzjoni Kretaċja, li hawnhekk jokkorri fil-forma ta' marl. Is-saffi kollha tal-marl, madankollu, huma mgħottija b'depożiti fondi ta' loess. Il-loess huwa s-sottostrat tal-blata tal-qiegħ li tinsab prattikament fiż-żona kollha kemm hi. Fuq dan il-loess lokali, b'riżultat ta' għadd kbira ta' fatturi li jiffurmaw il-ħamrija, it-tipi ġenetiċi ta' ħamrija li ġejjin evolvew b'mod partikolari: ħamrija kannella ftit taflija, u ħamrija sewda. Il-ħamrija fiż-żona definita tissodisfa l-aqwa kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-basal — huma sħan, fondi, umdi u rikki fil-ħumus u n-nutrijenti, b'reazzjoni ta' pH newtrali. Il-kontenut għoli ta' humus naturali wkoll huwa influenzat b'mod favorevoli mix-xejriet tal-koltivazzjoni.

Fid-dawl tal-kontenut minerali tagħhom u tal-pH, il-ħamrija hija tajba ħafna għat-tkabbir tal-basal. Għexieren ta' kampjuni ta' ħamrija fuq disa' uċuħ ġew analizzati u l-kontenut minerali tagħhom (Ca, Mg, K, P) u l-pH ġie determinat. Ir-riżultati kollha ta' l-analiżi fil-laboratorju wrew kemm hija adattata l-ħamrija lokali għat-tkabbir tal-“Všestarská cibule”.

Il-Klima:: Iż-żona għandha kundizzjonijiet klimatiċi medji:

It-temperaturi mhumiex ħorox, u huma relattivament kostanti, u t-temperatura medja ta' kull xahar hija ta' 6,9 °C, li titla' għal 13,4 °C matul l-istaġun tat-tkabbir ta' April-Settembru.

Il-preċipitazzjoni medja ta' kull xahar hija ta' 48 mm, bl-ebda varjazzjonijiet estremi bejn xahar u ieħor; il-preċipitazzjoni medja ta' kull xahar fiż-żona definita hija kemmxejn inqas milli hija fir-Repubblika Ċeka kollha kemm hi. Matul l-istaġun tat-tkabbir, jaqgħu 437 mm ta' preċipitazzjoni, li l-ogħla volum tiegħu jokkorri fix-xhur ta' Ġunju (86mm), Lulju (83 mm) u Awwissu (84 mm).

Ir-rjieħ moderati prevalenti fiż-żona, minn direzzjonijiet varji jikkontribwixxu għat-temperaturi mhux ħorox u jgħinu l-preċipitazzjoni xierqa mingħajr varjazzjonijiet estremi u bl-arjazzjoni tal-ħamrija. Fl-istess ħin, ir-rjieħ mhumiex estremi u b'hekk il-kampanja ma tinxifx eċċessivament.

Il-klima ġentili b'varjazzjonijiet ħfief u livelli relattivament baxxi ta' preċipitazzjoni matul l-istaġun tat-tkabbir tal-basla toffri kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli għat-tkabbir tal-basal fiż-żona definita. Mertu fundamentali tal-“Všestarská cibule” huwa l-fatt li ftit li xejn hija affettwata minn varjazzjonijiet fil-preċipitazzjoni mensili jew annwali. Il-kundizzjonijiet klimatiċi (pajżaġġ, klima u ħamrija) jgħinu biex jippriservaw l-umdità adegwata tal-ħamrija, anke meta l-preċipitazzjoni fi staġun jew sena partikolari tkun baxxa. In-nuqqas tal-preċipitazzjoni ma jaffettwax il-kwalità jew il-kwantità tal-basal prodotti. Fit-tieni nofs ta' l-istaġun tat-tkabbir, il-basal jippreferu ħamrija aktar niexfa. fid-dawl tal-kundizzjonijiet naturali, għalhekk, il-produtturi jeħtieġ li jipprovdu tisqija addizzjonali biss eċċezzjonalment fil-każ ta' kundizzjonijiet ta' nixfa kbira.

L-istorja tat-tkabbir

It-tkabbir tal-basal għandu tradizzjoni twil fiż-żona definita. It-tkabbir tal-basal fuq skala kbira f'Všestarsy tnieda fl-1964 mill-maniġers tal-kooperattiva ta' dak iż-żmien, fejn qiesu l-fertilità għolja tal-ħamrija, għoli favorevoli u l-bini ta' sistema ta' tisqija ġdida max-xmara Elbe. Matul is-sena tat-tkabbir tal-“Všestarská cibule”, il-produttur, il-membri tal-kooperattiva u l-ħaddiema identifikaw liema metodi huma l-aħjar għat-tkabbir tal-basal fiż-żona definita u ilhom jużaw dawk il-metodi għal żmien twil. Fid-dawl tal-kwalità għolja tal-basla lokali, it-tradizzjoni tat-tkabbir kompliet sal-lum, bi prospetti tajba għall-ġejjieni.

Il-produttur bħalissa huwa kooperattiv b'112-il membru.

Il-metodu ta' tkabbir ġentili

Wieħed mill-prerekwiżiti biex jinkisbu l-proprjetajiet aħħarin tal-“Všestarská cibule” jinvolvi l-metodu ta' tkabbir ġentili. L-applikazzjoni tal-fertilizzant issir abbażi ta' l-analiżi tal-ħamrija. Il-ħamrija għalhekk ma tgħajjiex u s-“saħħa tal-ħamrija antika” tinżamm. It-trattament mekkaniku ħafif tal-ħamrija fuq importanti ħafna. It-Terragot, pereżempju, instab li hu tajjeb ħafna biex jiġi applikat il-fertilizzant, dan l-apparat, minn naħa, jippermetti li l-fertilizzant jixxerred preċiżament, u min-naħa l-oħra, ma jikkumpattax il-ħamrija (l-użu tat-Terragator mhuwiex prerekwiżi għat-tkabbir tal-“Všestarská cibule”, filwaqt li l-fertilizzant jikkontribwixi għall-kwalità). Dan għandu influwenza kbira fuq il-permeabbiltà tal-ħamrija, l-assorbiment tan-nutrjenti u, għalhekk il-fertilità tal-ħamrija. Ma ssirx ħsara lill-ħamrija, is-sottostrati tal-ħamrija ma jiġux ikkompressati, ix-xniexel tal-pjanti jistgħu jippenetraw aktar fil-fond u l-pjanta tassorbi nutrijenti anke mis-sottostrati. B'dan il-mod, il-ħamrija tinżamm f'kundizzjoni eċċellenti. Biex il-ħsara ambjentali tinżamm baxxa kemm jista' jkun, il-fertilizzanti organiċi jintużaw kemm jista' jkun, partikolarment it-tnixxif ikkonċentrat u l-fertilizzanti mħejjija bil-kompostaġġ fi fluss ta' l-arja attiv, jiġifieri tat-tip Bioganik.

Ipproċessar xieraq wara l-ħsad

Il-ħsad isir matul temp aktar niexef, biex il-basal maħsud ikun jista' jitnixxef direttament fl-għalqa. Il-basal jinġabar b'mezzi ġentili u jinġarru distanza qasira għal ġeww l-faċilità tal-ħżin tal-produttur. jiġu ppakkati direttament mill-faċilità tal-ħżin u ttrasportati lix-xerrejja.

Permezz ta' pproċessar xieraq wara l-ħsad (ara 4.5), ħżin u ppakkajr, il-“Všestarská cibule”, żżomm il-parametri naturali tagħha, li kisbet mill-ambjent naturali fl-għalqa u permezz ta' metodi ġentili ta' tkabbir. Billi jitnaqqsu kemm jista' jkun id-distanza u l-ħin meħtieġa biex il-basal maħsuda jiġu ttrasferiti fiż-żona tal-ħżin u billi jiġu ppakkjati prattikament direttament mill-maħżen, il-possibbiltà ta' ħsara mekkanika jew taħsir jitnaqqsu kemm jista' jkun.

Il-produttur għandu sistema ta' l-HACCP żviluppata sew, u dan jelimina bil-kbir il-ħsara lill-basal, il-kontaminazzjoni (impuritajiet) u taħsir matul l-ipproċessar ta' wara l-ħsad. Ara wkoll il-punt 4.4 Prova ta' l-oriġni.

Premjijiet

Il-varjetà “Festival” tal-basal ta' Všestary fl-2002 rebħet premju fl-esibizzjoni tal-Frott, Ħxejjex u tal-Prodotti tan-Nursery Stock Hortikomplex Olomouc 2002, fejn ġiet l-ewwel fil-kategorija ta' prodotti mnissla bil-kultivazzjoni ta' dik is-sena.

In-numru ta' l-entrata fir-Reġistru ta' Denominazzjonijiet ta' l-Oriġini tar-Repubblika Ċeka huwa 181, id-data ta' reġistrazzjoni huwa l-14 ta' Frar 2002.

Rabta — konklużjoni

Ġie indikat li l-karatteristiċi tal-“Všestarská cibule” ġejjin miż-żona tat-tkabbir u mill-metodu ta' tkabbir u pproċessar. B'mod partikolari, l-analiżi tal-ħamrija, li fihom ir-riżultati minerali huma ġeneralment għolja jew tajbin, u l-ebda riżultati ma huma baxxi, għandhom rabta diretta mal-kontenut minerali u ta' vitamini tal-“Všestarská cibule”, b'kontenut tajjeb ta' potassju u fosforu u speċjalment minħabba l-fatt li l-kontenut ta' ħadid u tal-vitamina B3 tal-“Všestarská cibule” huma għoli u għoli ħafna rispettivament meta mqabbla mal-basal komuni.

4.7.   Korp ta' spezzjoni:

Isem:

Státní zemědělská a potravinářská inspekce, Inspektorát v Hradci Králové

Indirizz:

Březhradská 182

CZ-503 32 Hradec Králové

Tel:

(420) 495 454 110

Feks:

(420) 495 532 518

Posta elettronika:

hradec@szpi.gov.cz

4.8.   Tikkettjar: —


Top