Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC1509

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-Plan) - Sinteżi tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {COM(2007) 723 finali} {SEC(2007) 1508} {SEC(2007) 1510} {SEC(2007) 1511}

/* SEK/2007/1509 finali */

52007SC1509

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Dokument ta' akkumpanjament mal- Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-Plan) - Sinteżi tal-valutazzjoni ta’ l-impatt {COM(2007) 723 finali} {SEC(2007) 1508} {SEC(2007) 1510} {SEC(2007) 1511} /* SEK/2007/1509 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 22.11.2007

SEC(2007) 1509

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Dokument ta' akkumpanjament mal-

KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija (SET-Plan) SINTEŻI TAL-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT {COM(2007) 723 finali}{SEC(2007) 1508}{SEC(2007) 1510}{SEC(2007) 1511}

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

Sinteżi tal-Valutazzjoni ta' l-Impattgħall-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija

Daħla

Il-Kunsill Ewropew ipprijoratizza l-ħtieġa li l-Ewropa tinbidel f’ekonomija b’effiċjenza għolja fl-enerġija u b'emissjonijiet baxxi tal-gassijiet serra, u fid-9 ta' Marzu 2007 adotta Pjan ta' Azzjoni għall-Enerġija, li witta t-triq lejn Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jirrikonoxxi l-ħtieġa għal strateġija integrata għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija, u jsegwi għan triplu li jissielet it-tibdil fil-klima, jillimita l-vulnerabbiltà esterna ta’ l-UE għal karburanti fossili importati, u jippromwovi t-tkabbir ekonomiku.

L-innovazzjoni u r-riċerka dwar it-teknoloġija ta’ l-enerġija għandhom rwol vitali biex jagħtu sehemhom fl-ilħiq ta' l-għanijiet imsemmija hawn fuq. L-Ewropa trid tiżviluppa l-aqwa portafoll fid-dinja ta' teknoloġiji ta' l-enerġija għall-but ta' kulħadd, nodfa, effiċjenti u b'emissjonijiet baxxi, u toħloq kundizzjonijiet stabbli u previdibbli għall-industrija, b'mod partikolari, l-SMEs, biex tiżgura l-użu mifrux ta' dawn it-teknoloġiji fis-setturi kollha ta' l-ekonomija.

Fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi sa mhux aktar tard minn Marzu 2008, Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta’ l-Enerġija (SET-Plan) biex jerġa’ jagħti spinta lill-innovazzjoni fit-teknoloġija ta’ l-enerġija. L-elementi importanti tal-proposta li dalwaqt ser tippreżenta l-Kummissjoni huma struttura ta’ tmexxija sabiex l-isforzi Ewropej jimmiraw lejn innovazzjoni fit-teknoloġija ta’ l-enerġija u sensiela ta’ inizjattivi Ewropej fuq skala kbira biex jaċċelleraw l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija ewlenin.

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jagħmel sinteżi tal-valutazzjoni ta’ għażliet ta’ politiki differenti għat-tmexxija tas-SET-Plan.

Il-prinċipji ta’ azzjoni mill-UE

Sabiex jintlaħqu l-miri ta’ l-2020 adottati mill-Kunsill għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra, enerġija rinnovabbli u effiċjenti, jeħtieġ li nbaxxu l-ispiża tat-teknoloġiji eżistenti b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u b'effiċjenza għolja u nġibu bidla aċċellerata fil-penetrazzjoni tas-suq tagħhom. Fuq medda ta’ żmien itwal, ġenerazzjonijiet ġodda ta’ teknoloġiji jridu jiġu żviluppati permezz ta’ skoperti fir-riċerka biex nilħqu l-ambizzjoni ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ 60-80% sa l-2050.

Madankollu t-tendenzi attwali ta’ l-evoluzzjoni tas-sistema Ewropea ta’ l-enerġija u t-tbassir tagħha għall-ġejjieni ma tantx jippromettu. L-Ewropa mhijiex qiegħda fit-triq li twassalha biex tilħaq l-għanijiet tagħha. Għal għexieren ta' snin, l-abbundanza ta' riżorsi disponibbli, in-nuqqas ta' restrizzjonijiet fuq il-karbonju u l-liġi ta' l-ispiża tal-forzi tas-suq mhux biss wasslu għal Ewropa dipendenti fuq il-karburanti fossili, iżda mewtu l-ħeġġa għal innovazzjoni u investiment fit-teknoloġija ta’ l-enerġija, tant meħtieġa biex is-sistema ta’ l-enerġija ssir sostenibbli.

Il-baġits għar-riċerka fl-enerġija (pubbliċi u privati) fl-UE naqsu b’mod sostenzjali mit-Tmeninijiet meta kienu fil-quċċata tagħhom. Dan wassal għal investiment nieqes akkumulat fil-kapaċitajiet u l-infrastruttura għar-riċerka fl-enerġija. Il-livelli ta’ sforzi għall-investiment u l-innovazzjoni issa huma għal kollox diverġenti mill-iskala ta' l-isfida li għandna quddiemna.

Il-proċess ta’ l-innovazzjoni fit-teknoloġija ta’ l-enerġija għandu wkoll nuqqasijiet stutturali, bħal pereżempju żmien twil sakemm jitkomplew il-proċessi mibdija ta' teknoloġiji ġodda u jilħqu s-suq tal-massa, investimenti mxekkla fl-infrastruttura, inċentivi diversi tas-suq u sfidi ta’ konnessjoni ta’ netwerks, eċċ. Barra minn hekk, il-penetrazzjoni tas-suq ta’ teknoloġiji ġodda ta’ l-enerġija hija mxekkla wkoll minħabba n-natura tat-teknoloġiji nfushom. Ġeneralment huma ogħla mit-teknoloġiji li kien hemm qabel. Fi ftit kliem, mhemmx suq naturali għal teknoloġiji bħal dawn.

Anke barra mill-Ewropa, aġenti globali oħrajn identifikaw din l-opportunità li jdaħħlu teknoloġiji ġodda fis-suq u qegħdin jiffokaw l-isforzi tagħhom biex jiżvilupp teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju. L-eżitu mhux mixtieq ta’ dan jista’ jkun suq Ewropew b'restrizzjoni fuq il-karbonju li jiddependi fuq teknoloġiji importati, minkejja l-fatt li d-domanda tinħoloq internament.

Il-ħidma separata ta’ l-Istati Membri ser tkun diffiċli biex toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jippermettu li l-industrija tiżviluppa t-teknoloġiji meħtieġa u biex tikkompeti fis-swieq globali. Attwalment, il-bażi ta’ riċerka fl-UE hija frammentata, bi strateġiji diverġenti ta’ riċerka u kapaċitajiet li ma jlaħħqux massa kritika. Essenzjalment hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ l-isforzi individwali għall-innovazzjoni biex nilħqu l-massa kritika meħtieġa.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea bħalissa mhijiex tuża l-potenzjal sħiħ ta' l-innovazzjoni tas-suq intern għat-tfittxija ta’ sinerġiji bejn Stati Membri fl-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ta’ l-enerġija. Il-varjetà ta’ regolamenti nazzjonali u speċifikazzjonijiet tekniċi jifframentaw is-suq u jxekklu l-investimenti industrijali f'teknoloġiji ta' riskju.

M’hemmx ħin x’naħlu. Iridu jgħaddu għexieren ta’ snin biex nittrasformaw progressivament is-sistema ta’ l-enerġija, allura dan ifisser li hemm bżonn ta’ azzjoni strateġika immedjata fuq livell Ewropew, ippjanar proattiv u qafas komprensiv ta’ politika.

L-għanijiet tas-SET-Plan

L-għan strateġiku tas-SET-Plan huwa li jiżgura li l-bażi ta’ l-Industrija u r-Riċerka ta’ l-UE takkwista status stabbilit tajjeb bħala mexxejja globali fl-iżvilupp u l-adozzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji ta’ l-enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju kemm f’dak li hu l-forniment ta' teknoloġiji bżonnjużi lill-UE biex tilħaq l-għanijiet politiċi tagħha kif ukoll il-ħtif ta' l-opportunitajiet ta' dawn in-swieq ġodda fid-dinja kollha.

Jeħtieġ li fl-UE jinħoloq qafas fit-tul għall-iżvilupp tat-teknoloġija ta’ l-enerġija, i.e. politika ta’ l-UE għal teknoloġija ta’ l-enerġija. Dan għandu jkun ibbażat fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ azzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, inklużi sforzi konġunti strateġiċi għall-iżvilupp ta' teknoloġiji li jippromettu, investiment pubbliku u privat akbar, żvilupp imsaħħaħ tar-riżorsi umani, l-isfruttar tal-benefiċċji mill-iżvilupp tas-suq intern u ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka. L-Istati Membri, il-Komunità, il-komunitajiet ta’ l-industrija u r-riċerka kollha għandhom rwoli differenti.

Minħabba f’hekk, is-SET-Plan ifittex li: (i) jittrasforma t-tmexxija tas-sistema għar-riċerka u innovazzjoni ta’ l-enerġija billi jinvolvi u jimpenja lil kull min hu involut fi programm koerenti; (ii) jagħmel pjan strateġiku li jmexxi l-isforzi għar-riċerka u l-innovazzjoni lejn teknoloġiji u miżuri bl-akbar potenzjal biex jintlaħqu l-miri Ewropej tal-politika ta’ l-enerġija; (iii) jimplimenta, isegwi u jmexxi l-attivitajiet kollha matul il-proċess kollu ta’ innovazzjoni b’mod aktar effikaċi; u, (iv) jalloka u jżid il-mezzi abbażi ta’ l-effikaċja tan-nefqa u orjentament lejn ir-riżultati.

L-alternattivi ta’ politika

Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet għat-tmexxija globali.

L-ewwel għażla hija li nkomplu bil-proċess attwali ta’ l-innovazzjoni tat-teknoloġija ta’ l-enerġija. Dan l-approċċ kien effikaċi biex appoġġa s-sistema Ewropea ta’ l-enerġija sa llum. Bosta Stati Membri diġà qed isegwu strateġiji ambizzjużi għal teknoloġiji ta’ l-enerġija tal-ġenerazzjoni li jmiss. Dan jindika l-importanza ta’ investiment f’dan il-qasam bħalissa. Dan il-proċess huwa l-aktar ibbażat fuq programmi individwali, bil-mekkaniżmi ta’ definizzjoni tal-prijoritajiet, tmexxija u ffinanjzar tagħhom stess, implimentati f’livelli differenti: UE, nazzjonali, reġjonali, korporattiv, eċċ. Dawn il-programmi jvarjaw fl-iskop u skala ta’ riżorsi allokati, kif jidher mill-intensità ta’ sforzi dedikati għal teknoloġiji speċifiċi. Biex jittejjeb il-livell ta’ koordinazzjoni bejn programmi li jwassal għall-massa kritika ottima u jiġbor il-finanzjament addizzjonali meħtieġ biex jindirizza l-isfidi li għandu s-settur ta’ l-enerġija, bħalissa qed jittieħdu xi sforzi permezz ta’ ftehimiet transnazzjonali (ERA, ftehimiet bilaterali), stabbiliment ta’ memoranda ta’ ftehim (eż. COST, EUREKA, programmi kwadru ta’ l-UE), eċċ.

It-tieni għażla hija t-twaqqif ta’ struttura u proċess ta’ innovazzjoni ġodda fil-livell ta’ l-UE, ingastati f’qafas uniku, koerenti u flessibbli ta’ koordinazzjoni strateġika, inkorporati ma' viżjoni mqassma u strateġija dinamika dwar teknoloġiji ta’ l-enerġija, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu tal-bażi Ewropew attwali ta’ innovazzjoni fit-teknoloġija ta’ l-enerġija, u jespanduha. Fundamentalment, il-proċess il-ġdid isegwi użu aktar effikaċi tar-riżorsi – mill-idea sas-suq, filwaqt li jsaħħaħ, iżid u jutilizza investiment pubbliku u privat b’mod aktar effettiv. Aktar speċifikament, twaqqaf Kumitat għall-Koordinazzjoni tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Enerġija, b’rappreżentanti minn Stati Membri, li għandu awtorità fuq baġit. Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-presidenza. Dan il-Kumitat jiddefinixxi u jissorvelja strateġija multijannwali biex itejjeb l-innovazzjoni f’teknoloġiji ta’ l-enerġija u jmexxi Pjan ta’ Azzjoni orjentat lejn ir-riżultati. Sistemi ta’ informazzjoni b’aċċess miftuh u tal-ġestjoni ta' l-għarfien, inklużi s-segwiment tat-teknoloġija u l-immappjar tal-kapaċitajiet qed jinħolqu biex jappoġġaw dan il-Kumitat fi strateġija u implimentazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jiġi implimentat permezz ta’ għadd ta’ Azzjonijiet Ewropej, li jinkludu diversi Inizjattivi Ewropej. Jitwettaq permezz ta’ ‘qsim waqt l-azzjoni’, i.e. l-ingaġġar u l-impenjar ta’ riżorsi fil-livell ta’ Azzjoni u jkun monitorjat perjodikament permezz ta' qafas komuni ta' valutazzjoni. Kull parti li tkun qiegħda tikkontribwixxi tipprovdi l-mezzi biex tittieħed kwalunkwe Azzjoni (finanzjarja, ta’ riżorsi umani, infrastrutturali), skond strumenti speċifiċi għal eżekuzzjoni konġunta, bħall-Artikoli 169 u 171, ftehimiet bi/multilaterali, eċċ. Fl-aħħarnett, Konferenza annwali ta’ l-UE dwar it-Teknoloġija ta’ l-Enerġija tgħaqqad flimkien dawk kollha involuti fis-sistema intiera ta’ innovazzjoni.

Għażla oħra ta’ politika hija li titwaqqaf struttura ċċentralizzata bil-kompetenza li tfassal u timplimenta strateġija dwar innovazzjoni fl-enerġija fil-livell ta’ l-UE skond l-għanijiet ta’ politika ta’ l-UE. Din l-istruttura hija mwaqqfa permezz ta’ regolament u għandha l-Bord tat-Tmexxija tagħha stess. Dan il-Bord jistabbilixxi, jawtorizza u jirrevedi strateġija multijannwali u pjan ta’ ħidma dettaljat li jitmexxa u jiġi sorveljat bi struttura ta’ tmexxija tiegħu stess. L-organizazzjoni hija ffinanzjata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija, jew abbażi ta’ każ b'każ jew permezz ta' għotjiet iffissati. L-iffinanzjar jiġi allokat mill-Bord tat-Tmexxija permezz tal-pjan ta' ħidma tiegħu. L-azzjonijiet li se jkunu ffinanzjati jintgħażlu permezz ta’ sejħa għal proposit, miftuħa għal dawk l-Ewropej kollha interessati. Fil-qosor, id-differenzi ewlenin fl-għażliet ta’ politika msemmija hawn fuq huma: (i) il-ħolqien ta’ struttura Ewropea ddedikata li għandha mandat biex tiddefinixxi strateġija multijannwali ta’ innovazzjoni u biex tmexxi sforzi Komunitarji u ta’ Stati Membri fil-livell Ewropew; għaldaqstant dan jirrekjedi ffinanzjar minn livelli nazzjonali u Komunitarji; (ii) il-qafas ta’ teħid ta’ deċiżjoni huwa bbażat fuq approċċ minn fuq 'l isfel, u, (iii) l-iffinanzjar għar-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni jingħata fuq bażi kompetittiva.

L-aħħar għażla ta’ politika kkunsidrata hija msejsa fuq approċċ immirat lejn is-suq. Din l-għażla hija bbażata fuq rwoli distinti għal korpi pubbliċi u entitajiet privati. L-awtoritajiet pubbliċi jistipulaw miri vinkolanti dwar emissjonijiet tal-karbonju u jwaqqfu l-istrumenti tas-suq meħtieġa biex jippermettu l-azzjonijiet. B’hekk joħolqu art fertili għall-adozzjoni ta' teknoloġiji. Imbagħad, it-tmexxija ta' l-iżvilupp teknoloġiku issir biss mill-forzi tas-suq. Fil-prattika, serje ta’ miri vinkolanti għal emissjonijiet tas-CO2 jiġu stipulati fil-livell ta’ l-UE, flimkien ma' mekkaniżmu qawwi ta’ l-ipprezzar tal-karbonju (possibbilment permezz ta’ skema għall-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet). Id-differenzi ewlenin miż-żewġ għażliet ta’ qabel huma (i) in-nuqqas ta’ koordinazzjoni u ppjanar ta’ innovazzjoni fit-teknoloġija fil-livell ta’ l-UE, u, (ii) ma jkunx hemm sforzi konġunti operattivi stabbiliti minn qabel bejn setturi pubbliċi u privati biex itejbu l-innovazzjoni, iżda dan jista' jsir jekk mitlub.

Riżultati ewlenin tal-valutazzjoni ta’ l-għażliet ta’ politika

L-għażliet ta’ politika kienu vvalutati skond tliet kriterji, jiġifieri tmexxija, implimentazzjoni u riżorsi. Ir-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni ta’ l-impatt jistgħu jitqassru kif ġej:

- Tmexxija: Koordinazzjoni strateġika tiżgura l-ogħla livell ta’ tmexxija bit-twaqqif ta’ qafas uniku għal innovazzjoni u ta’ kumitat għal koordinazzjoni, b’kompetenza li jieħu deċiżjonijiet. Il-mudell alternattiv ta’ tmexxija ingastat fi struttura ċentralizzata huwa wkoll adattat biex jindirizza il-ħtiġijiet ta’ l-aċċellerazzjoni tal-pass ta' l-innovazzjoni. Madankollu xi trasferiment ta’ kompetenzji mill-Istati Membri huwa meħtieġ biex jiżgura l-effikaċja ta’ dan il-mudell, waqt li jqajjem xi kwistjonijiet ta' sussidjarità. Fl-aħħarnett, l-approċċ immirat lejn is-suq ma għandux struttura istituzzjonalizzata ta’ tmexxija meħtieġa biex tibbilanċa l-viżjoni tas-suq fuq medda qasira ma' l-għanijiet sostenibbli Ewropej fuq medda twila.

- Implimentazzjoni: Vantaġġ ewlieni ta’ koordinazzjoni strateġika hija l-forniment ta’ qafas uniku għall-implimentazzjoni ta’ Azzjonijiet, infurzati bi tmexxija, fuq portafoll wiesa’ ta’ teknoliġiji ta’ l-enerġija li jiffaċilita l-użu sistematiku ta' strumenti għal programmar u eżekuzzjoni konġunti. Għalkemm l-effikaċja ta’ l-implimentazzjoni ta’ struttura ċentralizzata hija assigurata b’qafas istituzzjonalizzat msejjes b'organizzazzjoni b’baġit tagħha stess u tmexxija, hemm riskju ta’ burokrazija u aktar importanti, ta’ ħolqien ta’ saff organizzattiv addizzjonali mingħajr ebda impatt fuq l-innovazzjoni. Fl-aħħarnett, l-approċċ immirat lejn is-suq għandu r-riskju li l-miri ta’ politika jistgħu jintlaħqu wkoll bl-użu ta’ teknoloġiji mhux Ewropej jew teknoloġija żviluppata minn Ewropej f’pajjiżi terżi.

- Riżorsi: Il-faċilità ta’ użu sistematiku ta’ strumenti speċifiċi bħall-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, f’koordinazzjoni strateġika, twassal biex jissaħħaħ l-investiment pubbliku u privat, waqt li tiżgura li riżorsi finanzjarji jiġu allokati u użati b’mod aktar iffokat u bbażat fuq riżultati miksuba. Il-baġit istituzzjonalizzat fi struttura ċentralizzata tiggarantixxi livell miminu ta’ stabbiltà u sigurtà finanzjarja biex issostni portafoll bilanċjat ta’ teknoloġiji għal medda qasira u għal medda twila. Mandankollu, il-fondi meħtieġa għall-istruttura biex twettaq il-pjan ta' ħidma tagħha jistgħu jkunu limitati minħabba kompetizzjoni għal riżorsi minn programmi eżistenti. Fl-aħħarnett l-approċċ immirat lejn is-suq jiżgura użu effikaċi ta’ riżorsi u l-finanzjament meħtieġ minn investiment privat, waqt li jagħmel anqas pressjonu fuq riżorsi pubbliċi. Huwa innotat, madankollu, li l-investiment fil-kapital uman u r-riċerka bażika jista’ ma’ jkunx ottimu.

Rakkomandazzjoni

Mill-valutazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-erba’ għażliet ta’ politika, l-għażla preferuta hija dik li twaqqaf koordinazzjoni strateġika billi tikkombina l-aqwa karatteristiċi ta’ tmexxija, implimentazzjoni u riżorsi. Din il-koordinazzjoni strateġika tidher li hija l-aqwa għażla biex nevolvu lejn sistema msaħħa ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ l-enerġija li għandha taċċellera l-iżviluppi. Fuq medda itwal, l-implimentazzjoni tagħha b’suċċess tista’ twassal għal aktar integrazzjoni, u gradwalment tagħmel proċess ċentralizzat ta’ innovazzjoni fuq livell Ewropew aktar attraenti milli huwa llum.

Top