Válassza ki azokat a kísérleti funkciókat, amelyeket ki szeretne próbálni

Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.

Dokumentum 52007SC0547

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Anness għall- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 225 finali} {SEG(2007) 546}

/* SEK/2007/0547 */

52007SC0547

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni - Anness għall- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju - Sommarju eżekuttiv tal-valutazzjoni ta' l-impatt {KUMM(2007) 225 finali} {SEG(2007) 546} /* SEK/2007/0547 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2007

SEG(2007) 547

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI Anness għall- KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar

L-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT

{KUMM(2007) 225 finali}{SEG(2007) 546}

Sommarju Eżekuttiv

Din il-Valutazzjoni ta' l-Impatt hija mehmuża ma' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-'analiżi ta' nofs il-perjodu' tas-sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali (is-'6 EAP').

Is-6 EAP – li għandu tul ta' għaxar snin – ilu jservi ta' qafas għall-politika ambjentali ta' l-UE mill-2002. Minn mindu ġie mwaqqaf, ittieħdu għadd ta' azzjonijiet u bdiet l-implimentazzjoni. Madanakollu, għadu relattivament kmieni biex wieħed jara r-riżultati ta' ħafna mill-miżuri, peress li t-tibdil fl-ambjent mistenni mill-implimentazzjoni tal-miżuri, għandu t-tendenza li jieħu ż-żmien biex jibda jidher: dik hija n-natura tal-politika dwar l-ambjent.

L-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-6 EAP għandha żewġ għanijiet: (i) sabiex tiġi assigurata, għall-perjodu li fadal tas-6 EAP (sa l-2012), l-eżistenza ta' qafas Komunitarju għal azzjoni li jidentifika b'mod korrett l-isfidi u l-prijoritajiet ambjentali u (ii) sabiex jiġi assigurat li għall-perjodu li fadal tas-6 EAP, l-inizjattivi msejsa fuq il-qafas Komunitarju għal azzjoni, jindirizzaw l-isfidi ambjentali bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, skond il-politika u l-istrateġiji ta' l-UE, bħal pereżempju l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif imġedda, u l-politika tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tevalwa t-tliet motivazzjonijiet ewlenin tal-politika, għall-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-6 EAP. L-ewwelnett, l-istat preżenti ta' l-ambjent. It-tieni, il-kuntest tal-politika li fih trid tiġi żviluppata il-politika ambjentali ta' l-UE. It-tielet, l-identifikazzjoni ta' problemi aktar profondi, wara l-valutazzjoni tal-progress li sar s'issa.

Il-valutazzjoni tal-qagħda preżenti ta' l-ambjent turi li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet ta' l-effett tas-serra qed jiżdiedu u li r-reazzjonijiet tat-temp marbuta mal-bidla fil-klima qed ikollhom impatt ekonomiku konsiderevoli. Il-bijodiversità qed tkompli tintilef b'rata allarmanti. It-tniġġiż ta' l-arja huwa ta' ħsara għas-saħħa ta' mijiet ta' eluf ta' Ewropej kull sena. Id-degradazzjoni tal-ħamrija qed tiżdied madwar l-UE kollha, b'impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq l-ekosistemi u fuq il-bidla fil-klima – u fuq il-potenzjal ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja. Is-sistemi preżenti tal-produzzjoni u tal-konsum fl-UE mhumiex, b'mod ġenerali, sostenibbli. Ir-riżorsi naturali qed jiġu wżati b'rata aktar mgħaġġla milli qed jiġu mġedda. L-UE għadha lura milli tilħaq l-għan tagħha li tifred it-tkabbir ekonomiku mill-impatti negattivi li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi: jekk jinżamm ir-ritmu preżenti ta' l-użu tar-riżorsi, il-ħsara ambjentali u t-tnaqqis mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali sejrin ikomplu mingħajr waqfien.

Il-kuntest tal-politika għall-qafas Komunitarju għal azzjoni fil-qasam ta' l-ambjent, huwa determinat – inter alia – bl-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE, bl-Istrateġija ta' Liżbona u bil-politika tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. Is-6 EAP jikkostitwixxi s-sisien tad-dimensjoni ambjentali ta' l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE (EU SDS) filwaqt li l-Istrateġija ta' Liżbona isservi ta' kontribut siewi għall-għan kumplessiv ta' l-iżvilupp sostenibbli billi tiffoka primarjament fuq l-azzjonijiet u l-miżuri għaż-żieda fil-kompetittività u fit-tkabbir ekonomiku u sabiex il-ħolqien ta' l-impjiegi jiġi sostnut. L-SDS ta' l-UE tistipula li "l-miżuri proposti u adottati favur l-ambjent għandhom ikunu koerenti ma' l-għanijiet tad-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi għall-iżvilupp sostenibbli u viċi-versa". Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni "Regolamentazzjoni Aħjar għal Tkabbir u għall-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea" li tibni fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' l-2002 għal Regolamentazzjoni Aħjar li "ssaħħaħ il-mod ta' kif regolamentazzjoni aħjar tikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-impjiegi, billi tqis l-għanijiet soċjali u ambjentali u l-benefiċċji għaċ-ċittadini u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali f'termini ta' tmexxija mtejba".

Fit-18 ta' Diċembru 2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw is-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka (FP7) fil-Komunità Ewropea, għall-iżvilupp teknoloġiku u għall-attivitajiet demostrattivi għall-perjodu mill-2007 sa l-2013. L-FP7 ser jipprovdi riċerka importanti li ssaħħaħ is-6 EAP fl-oqsma ta' l-ambjent, inkluża l-bidla fil-klima, l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u artifiċjali, il-bijodiversità u t-teknoloġiji ambjentali.

Għalkemm għaddew erba' snin mill-adozzjoni tiegħu, għadu kmieni wisq biex wieħed jara riżultati sinifikanti tal-miżuri adottati taħt is-6 EAP. Il-valutazzjoni ta' l-Impatt tiżvela tliet problemi bażiċi li jistgħu jxekklu l-progress effiċjenti u effettiv ta' l-għanijiet tas-6 EAP fil-perjodu li ġej:

- l-integrazzjoni dgħajfa tal-politiki;

- id-diverġenzi eżistenti fl-implimentazzjoni; kif ukoll

- nuqqas ta' kooperazzjoni internazzjonali .

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt tidentifika tliet għażliet ewlenin għall-analiżi ta' nofs il-perjodu tas-6 EAP.

- ix-xenarju "normali". B'din l-għażla, il-Kummissjoni żżomm is-6 EAP bħala qafas għat-tfassil tal-politika ambjentali sa l-2012. Din l-għażla ma tkun titlob l-ebda emenda leġiżlattiva. Il-Kummissjoni tippreżenta, għall-perjodu li fadal tas-6 EAP, l-inizjattivi biex tissokta fl-implimentazzjoni tas-6 EAP. Dawn l-inizjattivi jkunu jinkludu, pereżempju, miżuri sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni tas-seba' Strateġiji Tematiċi, il-finalizzazzjoni ta' l-impenji internazzjonali taħt il-Protokoll ta' Kyoto, l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Bijodiversità Komunitarja, l-analiżi tal-qafas leġiżlattiv dwar l-emissjonijiet industrijali, l-implimentazzjoni tar-Regolament REACH (Kimiċi) u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġiż ('IPPC');

- hemm il-possibbiltà li s-6 EAP tinżamm bħala qafas għat-tfassil tal-politika dwar l-ambjent fil-ġejjieni, iżda b'attenzjoni partikolari għal ċerti aspetti sabiex "jiġu assigurati li l-għanijiet ambjentali, li għandhom jiffokaw fuq ir-riżultati ambjentali, jintlaħqu bil-mezzi l-aktar effettivi u xierqa", skond l-Artikolu 2(3) tas-6 EAP. Taħt din l-għażla, is-6 EAP fil-verżjoni preżenti tagħha tiġi implimentata mill-ġdid, iżda tiffoka b'mod partikolari fuq it-titjib fil-kooperazzjoni internazzjonali, fuq l-integrazzjoni mtejba tal-politika u fuq t-tisħiħ tal-prinċipji għar-Regolamentazzjoni Aħjar fl-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida u fl-emendi ta' leġislazzjoni eżistenti; u fuq l-implimentazzjoni u l-informazzjoni mtejba; kif ukoll

- kuntest li fih jiġi żviluppat qafas Komunitarju għal azzjoni. Dan il-programm ġdid Komunitarju għal azzjoni ikun jipprovdi qafas ġdid Komunitarju biex jindirizza sfidi ambjentali differenti minn dawk li bħalissa huma koperti bis-6 EAP għall-perjodu 2012. Fil-ġejjieni l-inizjattivi fil-qasam tal-politika ambjentali ta' l-UE jiġu msejsa fuq dan il-qafas Komunitarju ġdid għal azzjoni.

Għall-finijiet ta' effettività, effiċjenza u konsistenza, il-Kummissjoni tippreferi li tagħżel it-tieni possibbiltà.

Is-sorveljanza u l-evalwazzjoni huma għodda essenzjali biex jitkejjel is-suċċess ta' l-implimentazzjoni tas-6 EAP. Permezz tas-sorveljanza kontinwa u speċifika u l-valutazzjoni ta' l-indikaturi u l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni ser tħejji rapport aktar komplet fil-valutazzjoni finali tagħha dwar l-implimentazzjoni tas-6 EAP, lejn tmiem il-programm, fl-2012.

Az oldal tetejére