Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007SC0216

Dokument ta’ ħidma tal-personell tal-Kummissjoni - Dokument li jakkumpanja Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Titjib fil-kwalità u l-produttività fil-post tax-xogħol:Strateġija tal-Komunità 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol - Sommarju eżekuttiv ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt {KUMM(2007) fínali} {SEG(2007) 214} {SEG(2007) 215}

/* SEK/2007/0216 */

52007SC0216

Dokument ta’ ħidma tal-personell tal-Kummissjoni - Dokument li jakkumpanja Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Titjib fil-kwalità u l-produttività fil-post tax-xogħol:Strateġija tal-Komunità 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol - Sommarju eżekuttiv ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt {KUMM(2007) fínali} {SEG(2007) 214} {SEG(2007) 215} /* SEK/2007/0216 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 21.2.2007

SEG(2007) 216

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSONELL TAL-KUMMISSJONI

Dokument li jakkumpanja KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Titjib fil-kwalità u l-produttività fil-post tax-xogħol:Strateġija tal-Komunità 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol Sommarju eżekuttiv ta’ l-Evalwazzjoni ta’ l-Impatt {KUMM(2007) fínali}{SEG(2007) 214}{SEG(2007) 215}

1. Introduzzjoni

L-evalwazzjoni ta' l-impatt takkumpanja l-Komunikazzjoni li tistabbilixxi Strateġija tal-Komunità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol għall-2007-2012. Din tibni fuq l-analiżi tad- data disponibbli mill-Eurostat, mis-Servejs dwar il-Forza tax-Xogħol, is-Servejs Ewropej dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, l-istudji nazzjonali u internazzjonali u r-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-Istrateġija tal-Komunità preċedenti li tkopri l-perjodu 2002-2006. Huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-impatt ta' l-Istrateġija l-ġdida tal-Komunità minħabba li l-parti l-kbira ta' l-azzjoni se tittieħed minn isfel; għalhekk dan id-dokument se jiffoka fuq l-ispjegar tar-raġunijiet fundamentali għall-Istrateġija l-ġdida tal-Komunità u se jevalwa l-effetti ġenerali li l-Istrateġija jista' jkollha jekk tagħti bidu għal rispons xieraq mill-partijiet interessati kollha fuq livelli differenti.

2. Liema kwistjoni hija mistennija li tindirizza din il-politika?

2.1 . Il-problema f'termini ekonomiċi u soċjali

Bosta ħaddiema madwar l-UE huma esposti għal riskji differenti fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom: aġenti kimiċi, bijoloġiċi u fiżiċi, kundizzjonijiet ergonomiċi negattivi, taħlita kumplessa ta' perikli minn inċidenti u riskji ta' sigurtà, flimkien ma' fatturi varji ta' riskji psiko-soċjali. Għalkemm sar titjib sinifikanti fir-rendiment tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OSH) fl-UE fil-perjodu kopert bl-Istrateġija tal-Komunità preċedenti (2002-2006), għad hemm lok konsiderevoli għall-progress.

L-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard relatat max-xogħol għadhom ta' piż qawwi f'termini soċjali u ekonomiċi, u l-azzjoni biex jittejbu l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol toffri benefiċċji potenzjali kbar mhux biss lil min jimpjega, imma wkoll lill-individwi u lis-soċjetà b'mod ġenerali.

L-iskala tal-problema tidher min-numru ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol. Kull sena jseħħu aktar minn 4 miljun inċident fuq il-post tax-xogħol fl-UE. Jekk jiżdiedu wkoll l-inċidenti li minħabba fihom wieħed ma jfallix ix-xogħol jew ifalli mhux aktar minn 3 ijiem, in-numru stmat jiżdied għal aktar minn 6 miljuni. Fl-2004 kien hemm madwar 4 400 inċident fatali fuq il-post tax-xogħol.

Il-konsegwenzi ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta' mard relatat max-xogħol huma ħafna u huma kumplessi. Minħabba li l-fatturi relatati ma' l-ambjent tax-xogħol jagħtu kont għal kważi terz tas- sick leave , jeżisti potenzjal biex jitnaqqas is- sick leave billi jittejjeb l-ambjent tax-xogħol.

L-ispejjeż totali ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard relatat max-xogħol m'humiex diviżi b'mod ugwali ma' atturi differenti. Għall-vittmi ta' l-inċidenti, li wieħed ifalli mix-xogħol ifisser nuqqas fid-dħul, speċjalment jekk il-leave idum għal tul ta' żmien. L-ispejjeż dovuti minħabba nuqqas fid-dħul kienu stmati għal 1.18 biljun euro u l-ispejjeż l-oħra, bħal spejjeż mhux rimborżati tal-kura tas-saħħa u r-riabilitazzjoni, madwar 0.18 biljun euro fl-UE-15 fl-2000[1].

Min iħaddem jaffaċċja spejjeż marbuta ma' ħlas tal-mard, nuqqas tal-produttività u sostituzzjoni ta' ħaddiema assenti, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanija. Il-piż ta' l-inċidenti u l-mard imur lilhinn mill-ispejjeż ta' l-assenteiżmu. Huwa biss proporzjon żgħir ta' l-ispejjeż li jsegwu wara inċident jew aċċident li huma koperti bl-assigurazzjoni. Il-proporzjoni bejn il- premium imħallas ta' l-insurance u t-telf li ma jkunx assigurat ivarja minn 1:8 għal 1:36[2]. Dan huwa deskritt bħala l-effett iceberg , bil-maġġoranza tat-telf ikun mhux assigurat u moħbi.

Grupp partikolari affettwat bl-ispejjeż ta' l-inċidenti huma l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, minħabba li huma jakkontaw għal 82% tal-korrimenti kollha fuq il-post tax-xogħol u 90% ta' l-inċidenti fatali kollha[3]. L-impatt relattiv huwa ferm aktar milli fuq intrapriżi kumparabbli kbar, minħabba li ħaddiema ewlenin ma jistgħux jiġu sostitwiti malajr jew faċilment u interruzzjonijiet fuq in-negozju għal żmien qasir jistgħu jwasslu għal telf ta' klijenti jew kuntratti importanti.

Parti mill-piż, bħall-ispiża tal-kura tas-saħħa, riabilitazzjoni u ħlasijiet ta' sigurtà soċjali lill-vittmi ta' l-inċidenti, jinġarr mis-soċjetà ġenerali. L-ispiża totali ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol għall-ekonomija ta' l-UE fl-aktar sena reċenti li għaliha hija disponibbli informazzjoni dettaljata (2000) hija stmata madwar 55 biljun euro, ekwivalenti għal 0.64% tal-GDP għall-UE-15 fl-2000[4]. Dan l-estimi jkopri biss inċidenti fuq il-post tax-xogħol; problemi oħra relatati mas-saħħa m'humiex inklużi. Skond is-servejs, problemi simili jikkawżaw anke telf akbar tal-ħin tax-xogħol jew fl-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. F'termini makroekonomiċi l-ispiża ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard okkupazzjonali fl-UE-15 ivarja minn 2.6% sa 3.8% tal-prodott gross nazzjonali (PGN). Skond xi studji, l-estimi ta' l-ispejjeż ta' mard relatat max-xogħol għal kull ħaddiem huma ta' l-anqas tliet darbiet ogħla mill-ispejjeż tal-prevenzjoni[5].

Il-korrimenti u l-mard relatat max-xogħol jipproduċu wkoll varjetà ta' konsegwenzi soċjali . Il-korrimenti kkawżati minn inċidenti u mard relatat max-xogħol jista' jwasslu għal inkapaċità li wieħed jaħdem temporanjament jew b'mod permanenti. Skond il-modulu ad hoc tas-Servej tal-Forza tax-Xogħol ta' l-1999 (LFS), madwar 5% tal-vittmi li rkupraw minn inċident fuq il-post tax-xogħol ma jkunux jistgħu jirritornaw għall-istess xogħol. Opportunitajiet ristretti ta' xogħol spiss jinfluwenzaw il-funzjonijiet vokazzjonali u psikoloġiċi u tibdil fil-komportament li jwassal għal esklużjoni soċjali, li jkollhom riperkussjonijiet fuq bosta livelli u jżidu l-ispejjeż tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Barra minn hekk, xi gruppi, bħal ħaddiema temporanji, immigranti, persuni b'diżabilità u ħaddiema żgħażagħ u xjuħ huma f'riskju akbar li jiġu affettwati minn standards baxxi ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

2.2. X'inhuma r-riskji inerenti fis-sitwazzjoni inizjali?

Ġew identifikati żewġ xejriet bħala r-riskji inerenti ewlenin fis-sitwazzjoni preżenti. L-ewwel waħda hi marbuta mal-fatt li t-tnaqqis tar-riskji okkupazzjonali ma jsirx b'mod omoġenju. Ċertu kategorija ta' ħaddiema, eż. ħaddiema żgħażagħ, huma esposti żżejjed għal riskji okkupazzjonali, ċert kategoriji ta' intrapriżi, eż. SMEs, huma aktar vulnerabbli u ċertu setturi għad għandhom rati għolja ta' inċidenza u mard fuq il-post tax-xogħol[6].

[pic]

[pic]

[pic]

Sors: L-Eurostat

It-tieni xejra hi marbuta man-natura li tinbidel tar-riskji fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tal-pass li qed jiżdied ta' l-innovazzjoni u l-bidliet fil-ħajja tax-xogħol.

Fir-rigward tal-livell ta' l-implimentazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri. Id-defiċjenza fl-issettjar tal-miri u fil-monitoraġġ tal-progress sabiex jinkisbu għanijiet ta' politika ukoll ġew identifikati bħala punti komuni debboli f'bosta Stati Membri.

2.3. X’jiġri f'xenarju ta' “l-ebda bidla fil-politika”?

Jekk jinżamm l-istatus quo u ma tingħata ebda attenzjoni speċjali lill-isfidi li jeżistu, ir-rispons għax-xejriet il-ġodda tar-riskji, f'termini ta' azzjoni ta' politika ġenerali u miżuri speċifiċi ta' prevenzjoni, jistgħu ma jkunux biżżejjed. L-istaġnar jew, fl-agħar xenarju, tkun mistennija żieda fir-rata ta' l-inċidenti fil-post tax-xogħol (speċjalment f'setturi li għandhom riskju għoli bħall-kostruzzjoni, agrikoltura, trasport jew saħħa u servizzi soċjali), li jtellfu l-opportunità sabiex jitħaffef il-piż soċjali u ekonomiku li jġibu fuq l-UE l-inċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol.

It-tkomplija tad-differenzi fl-implimentazzjoni prattika tal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fid-direttivi ta' l-UE madwar l-Unjoni Ewropea ittellef l-istabbiliment ta' livell ugwali għan-negozji ta' l-UE u tista' twassal għal kompetizzjoni bbażata fuq standards baxxi ta' kundizzjonijiet tax-xogħol.

2.4. X'inhi l-forza li qed tmexxi din l-azzjoni?

Waħda mill-impenji ċentrali ta' l-Istrateġija ta' Liżbona sabiex jiżdied ix-xogħol u l-produttività billi tiżdied il-kompetittività ssejjaħ għal sforzi intensifikati mill-atturi kollha sabiex jittejjeb ir-rendiment ta' l-OSH fl-UE. Ir-rwol ta' l-OSH għat-titjib tal-kompetittività u l-produttività tan-negozji billi jitnaqqsu l-ispejjeż ta' l-inċidenti, l-aċċidenti u l-mard u l-promozzjoni ta' aktar motivazzjoni fil-forza tax-xogħol huwa kruċjali. Il-fatturi ta' riskji fil-post tax-xogħol huma responsabbli għal 8.8% tal-piż globali tal-mortalità u 8.1% tad-DALYs[7] minħabba danni mhux intenzjonati madwar id-dinja[8]. Il-piż tal-mard fuq il-post tax-xogħol huwa kbira ħafna, u r-raġunijiet għala jiġi kkawżat dan il-mard huma ħafna u kumplessi. L-iskala tal-problema tirrikjedi sejħiet għal rispons integrat, koordinat u strateġiku u żvilupp konġunt tal-politiki nazzjonali mill-partijiet interessati ewlenin fl-Unjoni Ewropea.

3. X'inhuma l-għanijiet ewlenin li hija mistennija li tikseb din il-politika?

L-għan ta' l-Istrateġija tal-Komunità l-ġdida jkompli jkun li jinvolvi lill-atturi kollha sabiex jiksbu saħħa u sigurtà moderna, effettiva u effiċjenti għall-Ewropa, li tnaqqas il-rekord ta' l-inċidenti u l-mard u tkun pożittiva għan-negozji. L-għan ewlieni ta' l-Istrateġija l-ġdida huwa li tikseb tnaqqis kontinwu, sostenibbli u omoġenju ta' l-inċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol fl-UE billi:

- trawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji koerenti nazzjonali;

- iżżomm il-korp tal-leġiżlazzjoni adatt għad-dinja tax-xogħol li qed tinbidel;

- tistimula l-impenn u l-motivazzjoni min-naħa ta' aktar ħaddiema u ta' min iħaddem;

- tadotta strateġija ġdida għas-saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tax-xejriet demografiċi;

- ttejjeb il-monitoraġġ tal-progress.

L-għan ġenerali huwa ta' tnaqqis ta' 25% fir-rata ta' l-inċidenti u l-mard fuq il-post tax-xogħol fuq livell ta' UE matul il-perjodu 2007-2012.

4. X'inhuma l-għanijiet ewlenin tal-politika disponibbli sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet?

Sabiex tikkonsolida kultura ta' prevenzjoni tar-riskju u tikseb l-għanijiet strateġiċi, jeħtieġ li jingħaqdu varjetà ta' strumenti ta' politika, bħal leġiżlazzjoni, djalogu soċjali, miżuri progressivi u l-aqwa prattiċi, risponsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u inċentivi ekonomiċi. L-istrateġija l-ġdida tal-Komunità titlob għal azzjoni mill-atturi fuq il-livelli kollha: Ewropej, nazzjonali, lokali u fuq il-postijiet tax-xogħol. Meta l-Istati Membri jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhon għandom jistabbilixxu miri u prijoritajiet għall-azzjoni nazzjonali tagħhom u jagħżlu strumenti adatti ta' politika, bbażati fuq analiżi multi-dimensjonali adatt li jieħu kont tal-fatturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Minħabba li diġà teżisti leġiżlazzjoni tal-Komunità komprensiva, l-azzjoni fuq livell ta' Komunità prinċipalment tiffoka fuq l-aġġornar u l-issimplifikar ta' miżuri leġiżlattivi eżistenti mingħajr ma tbaxxi l-istandards ta' ħarsien. Dan l-isforz għandu jkun akkompanjat b'impenji simili min-naħa ta' l-Istati Membri biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sabiex titħaffef l-implimentazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tipprovdi linjigwidi li ma jorbtux. Se trawwem kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qasam ta' l-infurzar bl-għajnuna ta' l-attivitajiet tal-Kumitat ta' l-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) li se jkomplu bl-iskambji tagħhom ta' prattiċi tajba u esperjenza u jiffokaw aktar fuq l-identifikar ta' problemi prattiċi ta' l-implimentazzjoni li huma sinifikanti għal Stati Membri differenti.

Biex tiżdied il-motivazzjoni ta' min iħaddem u tal-ħaddiema huwa meħtieġ li jiġu żviluppati politiki li jiffokaw fuq li jbiddlu l-attitudnijiet billi jagħmlu s-saħħa u s-sigurtà parti integrali mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Għandu jkun provdut ukoll appoġġ immirat għall-SMEs. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi żgurata informazzjoni aħjar u li titqajjem kuxjenza fil-post tax-xogħol billi jiġu skambjati l-aqwa prattiċi fil-qasam.

Strateġija ġdid fis-saħħa fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tax-xejriet demografiċi għandha tieħu kont tal-miżuri li jiżguraw li l-bżonnijiet partikulari ta' xi gruppi tal-forza tax-xogħol ma jiġux injorati. L-Istati Membri huma mistiedna li jiżviluppaw strumenti ta' politika ta' l-OSH li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' dawk li għandhom xi diżabbiltà, jagħtu valur lill-kontribuzzjonijiet kemm ta' l-impjegati żgħażagħ kif ukoll kbar fl-età u li jaħsbu għall-bżonnijiet speċifiċi tal-ħaddiema migranti.

5. L-impatt ta' l-Istrateġija

5.1 Impatt ekonomiku

L-impatt ta' l-Istrateġija f'termini ekonomiċi għandu jieħu l-forma ta' tnaqqis fl-ispejjeż diretti u indiretti ta' l-inċidenti u problemi tas-saħħa relatati max-xogħol għall-ħaddiema affettwati, il-familji tal-ħaddiema, min iħaddem u s-soċjetà.

Bħala dokument ta' azzjoni ta' politika, l-Istrateġija ma tintroduċi ebda kundizzjonijiet ġodda ta' saħħa u sigurtà, u għalhekk ma twassal ebda spiża addizzjonali ta' konformità għall-intrapriżi. Hija tirrakkomanda implimentazzjoni u inforzar aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti. L-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet minimi li hemm fid-direttivi ta' l-UE madwar l-UE jistabbilixxu livell ugwali u jevitaw kompetizzjoni bbażata fuq standards baxxi ta' kundizzjonijiet tax-xogħol.

Huwa diffiċli li wieħed jevalwa l-impatt dettaljat minħabba li l-parti l-kbira ta' l-azzjoni trid tittieħed minn isfel u tiddependi fuq l-involviment tal-partijiet interessati fuq livelli differenti. Madankollu, l-għan ġenerali ta' l-Istrateġija huwa tnaqqis ta' 25% tar-rata ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u r-riżultati mistennija f'termini ekonomiċi prinċiplament jikkonsistu fi tnaqqis ta' l-ispejjeż ġenerali ta' l-inċidenti, l-assenteiżmu u tal-piż tal-mard (spejjeż ta' kura u sptarijiet). Jekk jinkiseb dan l-għan, jiġi evitat telf ta' aktar minn 137.5 miljun ġurnata tax-xogħol dovuti minħabba inċidenti u mard fuq il-post tax-xogħol. It-tnaqqis ta' l-assenteiżmu jfisser tnaqqis ta' l-ispejjeż għall-impjegati, min iħaddem u min jassigura. Għandu impatt dirett fuq l-ekonomiji nazzjonali, minħabba l-spejjeż mediċi u tas-sigurtà soċjali u t-telf ta' produzzjoni li jirriżultaw minn tnaqqis fil-forza tax-xogħol.

Il-paragun ta' l-ispejjeż stmati li jirriżultaw minn mard relatat max-xogħol ma' l-ispejjeż tal-prevenzjoni juri potenzjal kbir ta' impatt pożittiv fuq l-ekonomija minħabba OSH tajba ta' prevenzjoni. Skond xi studji, l-ispejjeż stmati bħala riżultat ta' mard relatat max-xogħol għal kull ħaddiem huma għall-anqas tliet darbiet ogħla mill-ispejjeż ta' prevenzjoni. Aktar min hekk, OSH tajba jġibu ħafna benefiċċji għan-negozji. Kultura pożittiva ta' sigurtà hija parti importanti fiż-żamma tal-moral tal-personell u impenn lejn l-intrapriża. Tgħin ukoll sabiex tibni dehra u relazzjonijiet tajbin mas-sieħba tan-negozju.

5.2. Impatt soċjali

F'termini soċjali, politika definita f'qafas strateġiku tgħin sabiex tibdel il-perċezzjoni tar-riskji tal-ħaddiema u min jimpjega minħabba proċess ta' tagħlim u aktar kuxjenza tal-problemi u modi kif dawn jistgħu jiġu affrontati. Il-ftehim aħjar li jirriżulta tar-rwol tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-impenn reali min-naħa tal-ħaddiema u min iħaddem jagħmilha possibbli sabiex l-OSH tittieħed lilhinn minn konformità mal-leġiżlazzjoni u tiftaħ opportunitajiet sabiex jitkattru s-sodisfazzjoni u l-benessri fuq il-post tax-xogħol.

L-implikazzjonijiet soċjali ewlenin ta' l-Istrateġija fuq ix-xogħol u l-inklużjoni soċjali għal gruppi differenti tal-forza tax-xogħol huma dawn:

- Persuni b'diżabbiltà: proċessi tajba ta' OSH jgħinu lill-vittmi ta' l-inċidenti jew lill-morda kronikament biex iżommu l-impjieg tagħhom jew jirritornaw għax-xogħol. Riabilitazzjoni ta' malajr flimkien ma' interventi minn kmieni jipprevjeni li l-kundizzjoni tkompli tiggrava u li jintilfu l-ħiliet u l-motivazzjoni min-naħa tal-ħaddiema korruti.

- Ħaddiema migranti: l-ambjent tax-xogħol għandu l-potenzjal li jkun wieħed mill-pjattaformi għall-integrazzjoni tal-ħaddiema migranti. Huwa kruċjali li jkun żgurat li dan il-grupp soċjali jibbenefika mill-istandards ta' l-OSH fuq bażi ugwali, minħabba li dan ikollu impatt pożittiv, bħal li wieħed iħoss li hemm trattament ugwali u aktar parteċipazzjoni, u jgħin sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali tal-ħaddiema migranti.

- Il-forza tax-xogħol li qed tikber fl-età: OSH tajba jkollhom impatt pożittiv fuq l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol billi jiżdied is-sodisfazzjoni bl-impjieg u jitnaqqas l-istress u kundizzjonijiet tax-xogħol monotoni li jikkawżaw deterjorazzjoni minn kmieni tas-saħħa, u għalhekk, mill-irtirar kmieni.

- Ħaddiema żgħażagħ: li titqajjem kuxjenza fost il-ħaddiema żgħażagħ li spiss ikunu anqas infurmati dwar ir-riskji fuq il-post tax-xogħol, ikollha impatt fil-forma ta' adattament aħjar u aktar parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol minn ħaddiema simili.

5.3. Impatt ambjentali

Il-politiki tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jista' jkollhom impatt mhux biss fuq il-post tax-xogħol imma wkoll fuq l-ambjent. L-interazzjonijiet possibbli jiġu kkunsidrati sewwa meta jiġu mfassla azzjonijiet individwali ta' politka jew soluzzjonijiet prattiċi u jiġu kkunsidrati sinerġiji possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika.

6. Kif se jiġu sorveljati r-riżultati u l-impatt tal-proposta wara l-implimentazzjoni?

Sistema komprensiva ta' monitoraġġ se tiġi stabbilita mill-Kummissjoni biex tevalwa u tkejjel il-progress ta' l-attivitajiet ta' l-Istati Membri u oħrajn involuti fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Kumitat tal-Pariri fuq is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (l-ACSH), se jiżviluppaw sistema komuni biex jiġbru u jaqsmu l-informazzjoni dwar il-kontenut ta' l-istrateġiji nazzjonali, ir-rata ta' kisba ta' l-għanijiet tagħhom u l-effettività ta' l-istrutturi ta' prevenzjoni.

Aktar minn hekk, il-politika se tiġi sorveljata mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta' l-indikaturi eżistenti ta' l-istatistika użati fil-qafas tal-proġetti ESAW[9] u EODS[10], is-Servej tal-Forza tax-Xogħol u s-Servej tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll il-possibbiltà li tiżviluppa indikaturi kwalitattivi ġodda biex tkejjel l-isforzi li jsiru fuq l-implimentazzjoni ta' l-inizjattivi taħt l-istrateġiji nazzjonali.

[1] Analiżi statistika ta' l-ispejjeż soċjo-ekonomiċi ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, Eurostat

[2] http://www.hse.gov.uk/costs/costs_overview/costs_overview.asp.

[3] http://sme.osha.europa.eu/.

[4] Analiżi statistika ta' l-ispejjeż soċjo-ekonomiċi ta' l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, Eurostat

[5] L-ispiża ta' kondizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol;

[6] Ir-rata standard ta' l-inċidenti hija kalkulata billi kull fergħa tingħata l-istess piż fuq livell nazzjonali bħal fl-Unjoni Ewropea. Għal metodoloġija kompleta ara: Metodoloġija ta' l-Istatistiċi Ewropej fuq il-Post tax-Xogħol (ESAW) – 2001.

[7] DALYs, Snin tal-Ħajja Aġġustati skond id-Diżabbiltà. DALYS għal marda partikolari huma t-total tas-snin potenzjali tal-ħajja mitlufa minħabba mortalità prematura fil-popolazzjoni u s-snin tal-ħajja produttiva mitlufa minħabba diżabbiltà għal każijiet ta' inċidenti tal-kundizzjoni tas-saħħa.

[8] Nimxu minn Tagħrif tal-Piż Globali għal Azzjoni Preventiva, Gerry J.M. Eijkemans, Jukka Takala, American Journal of Industrial Medicine

[9] Statistiċi Ewropej dwar l-Inċidenti fuq il-Post tax-Xogħol

[10] Statistiċi Ewropej dwar il-Mard relatat mal-Post tax-Xogħol.

Rata ta' l-inċidenza standardizzata skond l-età tal-vittma

(inċidenti li jikkawżaw aktar minn 3 ijiem ta' sick leave)

1000

2000

3000

4000

5000

6000

2001

2002

2003

2004 (proviżorji)

value)

Total

Anqas minn 19-il sena

Bejn 18 u 24 sena

Bejn 25 u 34 sena

Bejn 35 u 44 sena

Bejn 45 u 54 sena

Bejn 55 u 64 sena

65 sena u aktar

Inċidenza standardizzata skond id-daqs ta' l-intrapriża

(inċidenti fatali)

1

2

3

4

5

6

total

bejn 1 u

9

bejn 10 u

49

bejn 50 u

249

250

impjegat jew aktar

Klassi tad-daqs ta' l-intrapriża

2001

2002

2003

2004 (valur proviżorju)

Rata ta' inċidenti standardizzati skond l-attività ekonomika

(inċidenti fatali)

0,0

2,0

4,0

6,0

8,0

10,0

12,0

14,0

9 Fergħat Ewlenin (*)

(a) Agrikoltura

(f) Kostruzzjoni

(i) Trasport

Setturi oħra

(Bejgħ bl-Ingrossa, Lukandi,

Servizzi Finanzjarji, Bejgħ ta' Propjetà Immobbli)

Fergħat ewlenin ta' attività

2001 (sena ta' referenza)

2002

2003

2004 (valur proviżorju)

(*) Agrikoltura, Manifattura, Elettriku, Kostruzzjoni, Bejgħ bl-Ingrossa, Lukadni, Trasport, Servizzi Finanzjarji, Bejgħ ta' Propjetà Immobbli

Top