This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007PC0863
Communication from the Commission to the European Parliament pursuant to the second subparagraph of Article 251 (2) of the EC Treaty concerning the common position of the Council on the adoption of a Directive of the European Parliament and of the Council on waste (the Waste Framework Directive)
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart)
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart)
/* KUMM/2007/0863 finali - COD 2005/0281 */
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart) /* KUMM/2007/0863 finali - COD 2005/0281 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 9.1.2008 KUMM(2007) 863 finali 2005/0281 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart) 2005/0281 (COD) KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 251(2) tat-Trattat tal-KE dwar pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart) (Test b'rilevanza għaz-ŻEE) 1. Il-KUNTEST Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-PE u lill-Kunsill (dokument COM(2005)667 finali – 2005/0281COD): | is-26 ta' Diċembru 2005 | Data ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | id-19 ta' Ġunju 2006 | Data ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | it-13 ta’ Frar 2007 | Data ta’ l-adozzjoni tal-pożizzjoni komuni: | l-20 ta' Diċembru 2007 | 2. L-GĦAN TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI L-għan kumplessiv ta’ din il-proposta huwa li jittejbu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart (75/442/KEE) waqt li tinżamm l-istruttura essenzjali u d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha. L-għanijiet ewlenin tar-reviżjoni huma: - li tissimplifika u timmodernizza d-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, kif ukoll id-Direttiva 75/439/KEE dwar ir-rimi ta’ żejt użat u d-Direttiva 91/689/KEE dwar skart perikoluż, li huma proposti għar-revoka u għall-integrazzjoni parzjali fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, - li timplimenta politika għall-prevenzjoni ta’ l-iskart li tkun aktar ambizzjuża u effettiva, notevolment billi tobbliga lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart, - li tinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart. 3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI KOMUNI 3.1 Kummenti ġenerali Il-Kummissjoni aċċettat bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju, 48 mill-120 emenda proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu. 54 emenda issa ġew inkorporati, jew verbatim inkella fis-sustanza, fil-pożizzjoni komuni. Il-Kummissjoni aċċettat l-emendi kollha li jippruvaw jikkjarifikaw id-definizzjonijiet b'mod utli, jew li jżidu definizzjonijiet ġodda għat-termini li jintużaw fl-artikoli. Il-Kummissjoni aċċettat emendi li jikkjarifikaw il-kunċett ta' ġerarkija ta' l-iskart f'ħames stadji u l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur, u fil-prinċipju, emendi li jintroduċu miri ġodda għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid ta’ l-iskart. Il-Kummissjoni ma aċċettatx emendi li jnaqqsu l-ambitu tad-Direttiva, idgħajfu l-ħarsien ta’ l-ambjent li toffri d-Direttiva, joħolqu xogħol amministrattiv żejjed, bħal emendi relatati mad-definizzjoni ta’ rkupru jew l-elementi ta’ skart perikoluż, jew li jippruvaw jibdlu reġistrazzjonijiet fl-annessi li huma soġġetti għal ftehimiet internazzjonali. Il-Kunsill issa qabel li jinkorpora, fis-sustanza, il-biċċa l-kbira ta’ l-emendi Parlamentari li huma relatati ma’ prodotti sekondarji, ir-responsabbiltà tal-produttur, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, u definizzjonijiet addizzjonali. Il-Kummissjoni tqis li l-Pożizzjoni Komuni adottata fl-20 ta’ Diċembru 2007 ma tibdilx l-approċċ jew l-għanijiet tal-Proposta u għaldaqstant tista' tappoġġaha hekk kif inhi. 3.2 Kummenti dettaljati 3.2.1 Emendi parlamentari aċċettati mill-Kummissjoni bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju u inkorporati fil-pożizzjoni komuni bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju L-Emendi 1, 7, 8, 14, 19, 20, 21, 23, 25, 27, 28, 30, 31, 34, 40, 44, 45, 47, 56, 64, 66, 77, 78, 90, 94, 101, 112, 131, 157, 168 u 173 ġew inkorporati fi gradi differenti. Dawn l-emendi żiedu premessi jew definizzjonijiet addizzjonali, taw kjarifiki, inkorporaw it-termini riveduti tal-komitoloġija, speċifikaw ġerarkija ta’ l-iskart f’ħames stadji b’implimentazzjoni flessibbli, u introduċew artikoli dwar l-iskart bijoloġiku u l-infurzar u s-sanzjonijiet. L-Emenda 141 ġiet inkorporata parzjalment fir-rigward tal-promozzjoni tal-ġbir separat ta’ l-iskart. L-Artikolu 35 dwar ir-responsabbiltà (estiża) tal-produttur ġiet aċċettata fil-prinċipju mill-Kummissjoni b’mod li jħares il-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq komuni. 3.2.2 Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni iżda mdaħħla bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni komuni L-Emenda 5 dwar l-użu mill-ġdid ta’ l-iskart ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni minħabba li tiffoka l-premessi tagħha fuq għanijiet ambjentali żbaljati u l-implikazzjonijiet prattiċi tagħha ma kinux ċari, iżda ġiet inkorporata parzjalment fil-pożizzjoni komuni f’forma li biha l-applikazzjoni tagħha tidher aktar fiċ-ċar u f’konsistenza mal-ġerarkija ta’ l-iskart f’ħames stadji. L-Emendi 15, 134, 102, 123 u 126 huma relatati ma’ l-ambitu tad-Direttiva. Dawn l-emendi ġew irrifjutati mill-Kummissjoni, iżda ġew inkorporati parzjalment fil-pożizzjoni komuni f’forma li biha l-applikazzjoni tagħha hija aktar limitata jew aktar preċiża u għalhekk, it-test aħħari tagħha huwa aċċettabbli. L-Emendi 39, 81, 82, 86 u 158 ġew irrifjutati mill-Kummissjoni minħabba li kienu inkompatibbli ma’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità. Iż-żieda ta’ kjarifiki fl-Annessi u fil-premessi tal-pożizzjoni komuni tirrifletti l-preżenza ta’ xi elementi minn dawn l-emendi. L-Emenda 59 dwar il-permessi ġiet irrifjutata mill-Kummissjoni, iżda s-sustanza tagħha ġiet inkorporata b'mod aċċettabbli fil-pożizzjoni komuni. L-Emendi 107 u 121 ġew irrifjutati mill-Kummissjoni, iżda s-sustanza tagħhom (artikolu dwar il-prodotti sekondarji) ġiet inkorporata fil-pożizzjoni komuni b’mod li jaqbel mal-Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-iskart u l-prodotti sekondarji li l-Kummissjoni ħarġet dwar dan is-suġġett fi Frar 2007[1], u għalhekk huwa aċċettabbli. L-Emendi 67 u 151 gew irrifjutati mill-Kummissjoni minħabba li dawn l-emendi jirripetu parti mit-test eżistenti tar-Regolament dwar it-Trasport ta’ l-Iskart, iżda s-sustanza ta’ dawn l-emendi ġiet inkorporata b'mod li huwa legalment validu u għalhekk, aċċettabbli. L-Emendi 4, 24, 36, 89 u 115 ġew irrifjutati mill-Kummissjoni għal diversi raġunijiet, fosthom, li huma vagi wisq, li ma jżidu xejn li jtejjeb it-test, li joħolqu inċertezzi legali jew xogħol amministrattiv żejjed. Madankollu, ċerti elementi minn dawn l-emendi, sa ċertu punt, ġew inkorporati fil-pożizzjoni komuni. 3.2.3 Emendi Parlamentari rrifjutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni L-Emendi 2, 3, 9, 10, 12 u 13 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati. Dawn l-emendi proponew premessi li kienu ffokati fuq għanijiet ambjentali żbaljati jew kienu vagi wisq, inkella premessi dettaljati li jispjegaw elementi diġà kontenuti fil-pożizzjoni komuni. L-Emendi 17, 26, 29 u 32 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li jew kienu jirrelataw ma’ definizzjonijiet addizzjonali għal termini li ma ntużawx fit-test tal-pożizzjoni komuni, inkella jibdlu s-sens ta’ definizzjonijiet eżistenti. L-Emendi 169, 48, 170 u 171 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li ma jinkiseb ebda vantaġġ jekk il-lista Ewropea ta’ l-iskart tiġi annessa mad-Direttiva jew jekk din issir direttament applikabbli, u minħabba li l-lista hija mfassla għall-klassifikazzjoni ta' l-iskart aktar milli għal skop ta' ġbir ta' dejta. L-Emenda 37 ġiet irrifjutata miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġietx inkorporata minħabba li l-miri għall-prevenzjoni ta’ l-iskart ma humiex ċari biżżejjed – għal xi Stati Membri huma diffiċli wisq, filwaqt li għal oħrajn huma faċli wisq. L-Emenda 70 ġiet irrifjutata minħabba l-ħtieġa importanti li l-progress tal-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni ta’ l-iskart ikun jista’ jiġi mkejjel. L-Emendi 84, 85, 87, u 88 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li huma inkompatibbli ma’ l-obbligi internazzjonali tal-Komunità. L-Emendi 41, 103, 138, u 153 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li joħonqu d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni. L-Emendi 43, 46, 52, 53, 54, 58, 65, 83, 91, 93, 108, 109 u 127 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li joħolqu inċertezzi legali u x’aktarx li joħolqu litigazzjoni bla bżonn, inkella ma kinux fattibbli jew xierqa għal din id-Direttiva. L-Emendi 50, 51, 52, 60, 61, 68, 71, 72, 79, 80, 161, 172 u 188 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li joħolqu xogħol amministrattiv esaġerat. L-Emendi 98 u 113 ġew irrifjutati miż-żewġ istituzzjonijiet u ma ġewx inkorporati minħabba li jippreżentaw riskju għas-saħħa tan-nies u ta’ l-annimali u jneħħu l-projbizzjoni ta’ għalf ta’ skart mill-istabbilimenti ta’ l-ikel ( catering ) lill-ħnieżer, li hija stipulata fil-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tan-nies u ta’ l-annimali. 3.2.4 Emendi Parlamentari aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni komuni L-Emendi 6, 11, 33, 38, 49, 62, 63, 69, 74, 92, 95-97, 104 u 140 ġew aċċettati bis-sħiħ, parzjalment jew fil-prinċipju mill-Kummissjoni iżda ma ġewx inkorporati. Dawn l-emendi kienu relatati mal-lingwaġġ użat fil-premessi, tibdil fil-preżentazzjoni, definizzjonijiet addizzjonali għal termini li ma jintużawx fit-test tal-pożizzjoni komuni, rekwiżiti ta’ proċedura, il-promozzjoni ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid ta’ l-iskart, żidiet ma’ l-eżempji ta’ miżuri għall-prevenzjoni ta’ l-iskart elenkati fl-Anness IV, l-għażla taż-żmien li fih jiġu applikati l-programmi għall-prevenzjoni ta’ l-iskart, miri għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart, u t-tul ta’ żmien li matulu jinżammu r-rekords ta' l-iskart perikoluż. 3.2.5 Bidliet addizzjonali li għamel il-Kunsill lill-Proposta Fl-Artikolu 2, kif ukoll fil-bidliet korrispondenti għall-emendi tal-Parlament, l-esklużjonijiet għal ħamrija kkontaminata mhux skavata, skart radjuattiv, splussivi li ma għadhomx attivi u ċerti materjali agrikoli jinbidlu u jsiru inkondizzjonati, filwaqt li tiżdied esklużjoni addizzjonali għal sedimenti li jiġu rijallokati f’ilmijiet tal-wiċċ. Barra minn hekk, l-esklużjoni għal ċerti materjali agrikoli qed tiġi estiża għall-forestrija. Fl-Artikolu 2, il-prodotti sekondarji ta’ l-annimali jitneħħew mill-ambitu tad-Direttiva, għajr għal dawk destinati għall-inċinerazzjoni, għar-rimi fil-miżbliet jew għall-użu f’impjanti tal-bijogass jew ta’ l-ikkompostjar. Fil-qafas tar-Reviżjoni li jmiss tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 dwar prodotti sekondarji ta’ l-annimali, il-Kummissjoni ser tikkjarifika d-distinzjoni bejn l-użu tax-xaħam ta’ l-annimali li jintuża bħala fjuwil f’bojlers termali u r-rimi tax-xaħam ta’ l-annimali rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Inċinerazzjoni ta' Skart. Fl-Artikolu 3, tiżdied id-definizzjoni ta' "preparazzjoni għall-uzu mill-ġdid" biex tikkjarifika d-distinzjoni bejn l-użu mill-ġdid tal-prodott bħala attività ta’ prevenzjoni ta’ skart, u l-użu mill-ġdid ta’ skart bħala operazzjoni ta’ ġestjoni ta’ skart. Fl-Artikolu 3c, hija speċifikata r-relazzjoni bejn il-proċedura li tiddetermina meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala skart u l-miri tar-riċiklaġġ stabbiliti f’leġiżlazzjonijiet oħra rilevanti dwar l-iskart, bħal ma hi speċifikata wkoll il-qagħda biex jiġi ddeterminat it-tmiem ta’ l-iskart f’każijiet fejn il-Komunità ma tkunx stabbiliet kriterji għat-tmiem ta’ l-iskart. Fl-Artikolu 5, jiddaħħal l-obbligu li l-iskart jinġabar separatament meta dan jiffaċilita l-irkupru u jkun prattiku mil-lat tekniku, ambjentali u ekonomiku. Mill-Artikoli 5 u 6, tneħħew il-proċeduri ta’ komitoloġija li permezz tagħhom kien jiddaħħal mekkaniżmu li kien jippermetti l-ħolqien ta’ aktar kriterji dwar l-effiċjenza u l-kunsiderazzjoni ta’ l-operazzjonijiet ta’ rkupru dubjużi mil-lat ambjentali bħala operazzjonijiet ta’ rimi. Fl-Artikolu 7a, kif ukoll fil-ġerarkija ta’ l-iskart f’ħames stadji korrispondenti għall-emendi tal-Parlament, it-test jispeċifika li l-ġerarkija għandha tiġi applikata b'referenza għall-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja u l-impatti globali fuq l-ambjent b’kunsiderazzjoni għall-prinċipji tal-prekawzjoni u s-sostenibbiltà, il-fattibbiltà teknoloġika u l-vijabbiltà ekonomika, il-ħarsien ta’ riżorsi kif ukoll l-impatti globali fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tan-nies u l-impatti ekonomiċi u soċjali. L-emendi ta’ l-Artikoli 8 u 9 saru biex jikkjarifikaw li l-Istati Membri jistgħu jżommu lill-produtturi ta’ prodotti responsabbli għall-ispejjeż tal-ġestjoni tat-tali prodotti meta dawn isiru skart, jew jistgħu jqisuhom responsabbli għal kwalunkwe ġestjoni ħażina ta’ dan l-iskart. L-Artikolu 10 ġie emendat biex jippermetti lill-Istati Membri li jwaqqfu t-trasport ta’ skart lejn inċineraturi muniċipali li jkun meqjus bħala operazzjoni ta’ rkupru, meta jkun ġie stabbilit li dan it-trasport iwassal għall-konsegwenza li l-iskart nazzjonali jkollu jiġi eliminat jew li l-iskart ikun ġie trattat b'mod li mhux koerenti mal-pjan nazzjonali għall-ġestjoni ta' l-iskart. Dan l-Artikolu jikkjarifika wkoll li l-prinċipji tal-prossimità u l-awtosuffiċjenza ma jfissrux li kull Stat Membru għandu jkollu kull tip ta’ faċilità għall-irkupru finali. L-Artikolu 18 (2a), li huwa artikolu ġdid, jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri biex iżommu bħala prijorità nazzjonali ir-riġenerazzjoni ta’ żejt użat, fosthom, iż-żamma ta’ bastimenti ’l barra mit-territorju tagħhom ta’ żjut li jintużaw għall-kombustjoni. L-Artikolu 19 ġie emendat biex jintegra l-Artikolu 20 oriġinali u jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jintegraw il-permess dwar l-iskart ma’ permessi ambjentali oħrajn li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 19. L-Artikolu 25a ġie emendat biex tiddaħħal aktar preċiżjoni fil-mandat li għandha l-Kummissjoni biex tieħu miżuri ta’ implimentazzjoni. L-Artikolu 26 ġie mibdul, u għadd ta’ elementi tal-pjanijiet għall-ġestjoni ta’ l-iskart ma baqgħux obbligatorji. L-Artikolu 26a ġie emendat fis-sens li l-miri għall-prevenzjoni ta’ l-iskart fil-programmi nazzjonali għall-prevenzjoni ta’ l-iskart ma baqgħux obbligatorji. Iż-żmien ta’ l-ewwel programmi ġie pospost għal ħames snin wara li d-Direttiva tidħol fis-seħħ. L-Artikolu 35 jipprevedi miżura ġdida ta’ implimentazzjoni, jiġifieri, l-ispeċifikazzjoni tal-formula fl-Anness II R1 għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali, meta din tkun meħtieġa. 4. KONKLUŻJONI Il-bidliet li daħħal il-Kunsill jgħinu biex jikkjarifikaw il-proposta f’għadd ta’ oqsma importanti. Għalkemm idgħajfu l-potenzjal propost ta’ simplifikazzjoni f’xi oqsma, u l-Artikoli dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart, il-pjanijiet għall-ġestjoni ta’ l-iskart, kif ukoll ċerti aspetti tas-suq intern relatati ma’ prodotti u skart għall-irkupru, it-test globali jibqa’ aċċettabbli. Il-Kummissjoni għalhekk taċċetta l-pożizzjoni komuni adottata fl-20 ta’ Diċembru 2007. [1] COM(2007) 59 finali.