Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007PC0661

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE

/* KUMM/2007/0661 finali */

52007PC0661

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE /* KUMM/2007/0661 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 6.11.2007

KUMM(2007) 661 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fit-23 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta s-Sħubija ta' Adeżjoni riveduta għat-Turkija, ibbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata fid-9 ta' Novembru 2005. Is-sħubijiet jinkludu prijoritajiet kemm fuq terminu qasir ta' żmien kif ukoll fuq terminu twil. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun xieraq li tippreżenta proposta għal Sħubija ta' Adeżjoni aġġornata għat-Turkija.

Din ir-raba' Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 390/2001, li jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata u wara proposta mill-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-objettivi intermedjarji u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni, kif ser tiġi sottomessa lit-Turkija, kif ukoll dwar aġġustamenti sinifikanti sussegwenti applikabbli għaliha.

Sabiex jirreaġixxu għas-Sħubija ta' Adeżjoni, l-awtoritajiet kompetenti fit-Turkija għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda u miżuri speċifiċi li t-Turkija beħsieba tieħu għal dan l-għan. Il-Kummissjoni se tissorvelja regolarment il-progress fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet.

Il-prijoritajiet tas-Sħubija ta’ Adeżjoni jiffurmaw il-bażi għall-ipprogrammar ta’ l-għajnuna finanzjarja tal-Komunità, li se tkompli tingħata taħt l-istrumenti finanzjarji rilevanti, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA).

Id-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill m’għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/35/KE

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 390/2001 tas-26 ta' Frar 2001 dwar assistenza lit-Turkija fil-qafas ta' l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni, u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment ta' Sħubija ta' Adeżjoni[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 390/2001 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi, b'maġġoranza kwalifikata u wara proposta mill-Kummissjoni, dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-objettivi intermedjarji u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija ta' Adeżjoni, kif ser tiġi sottomessa lit-Turkija, kif ukoll dwar aġġustamenti sinifikanti sussegwenti applikabbli għaliha.

(2) Fuq dik il-bażi, il-Kunsill, fl-2001 u l-2003, adotta Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija[2].

(3) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2004 dwar it-Turkija saħqet ukoll dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tissorvelja l-proċess ta' riforma politika u li fl-2005 għandha tiġi proposta Sħubija ta' Adeżjoni riveduta. Wara dan, il-Kunsill adotta Sħubija ta' Adeżjoni riveduta fi Frar 2006[3].

(4) F'Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-Unjoni Ewropea ser tkompli tissorvelja mill-qrib il-progress tar-riformi politiċi fuq il-bażi ta' Sħubija ta' Adeżjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-proċess tar-riforma.

(5) Fit-3 ta' Ottubru 2005, l-Istati Membri bdew negozjati mat-Turkija dwar l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Il-progress tan-negozjati ser ikun gwidat mill-progress tat-Turkija fit-tħejjija għall-adeżjoni, li ser jiġi meqjus, inter alia , skond l-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni, kif regolarment riveduta.

(6) Id-Dokument tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija għat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2006-2007 indika li s-sħubijiet għandhom jiġu aġġornati fi tmiem l-2007.

(7) Fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta' qabel l-adeżjoni (IPA)[4], li jistabbilixxi qafas ġdid għall-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni.

(8) Huwa għalhekk xieraq li tiġi adottata Sħubija ta’ Adeżjoni li taġġorna s-Sħubija attwali sabiex tidentifika prijoritajiet imġedda għal iżjed xogħol, abbażi tal-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Progress ta' l-2007 dwar it-tħejjijiet tat-Turkija għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea.

(9) Sabiex tipprepara għas-sħubija, it-Turkija hija mistennija tiżviluppa pjan bi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi biex tindirizza l-prijoritajiet ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni.

(10) Id-Deċiżjoni 2006/35/KEE għandha titħassar.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-prinċipji, il-prijoritajiet, l-objettivi intermedji u l-kondizzjonijet fis-Sħubija ta' Adeżjoni għat-Turkija huma mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tiġi eżaminata u sorveljata fil-korpi stabbiliti taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u mill-Kunsill fuq il-bażi ta' rapporti annwali mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni 2006/35/KE għandha titħassar.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

F'isem il-Kunsill

Il-President

ANNESS: IS-SĦUBIJA TA' ADEŻJONI TAT-TURKIJA TA' L-2007

1. INTRODUZZJONI

Fil-laqgħa tiegħu fil-Lussemburgu f'Diċembru 1997, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li s-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tkun il-karatteristika prinċipali ta' l-strateġija mtejba ta' qabel l-adeżjoni, billi timmobilizza t-tipi kollha ta' assistenza lill-pajjiżi kandidati ġo qafas uniku. B'dan il-mod, il-Komunità tiffoka l-assistenza tagħha lejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull kandidat sabiex tipprovdi appoġġ biex jingħelbu problemi partikolari bl-għan ta' l-adeżjoni.

Il-Kunsill adotta l-ewwel Sħubija ta' Adeżjoni għat-Turkija f'Marzu 2001. Fid-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir ta' Ottubru 2002, instqarr li l-Kummissjoni kienet se tipproponi Sħubija ta' Adeżjoni riveduta għat-Turkija. Sħubija ta' Adeżjoni riveduta ġiet imbagħad ippreżentata mill-Kummissjoni f'Marzu 2003 u adottata f'Mejju ta' l-istess sena mill-Kunsill. Fir-rakkomandazzjoni tagħha ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni pproponiet li, bil-ħsieb li tiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-irriversibbiltà tal-proċess ta' riforma politika, l-UE għandha tkompli tissorvelja mill-qrib il-progress tar-riformi politiċi. B'mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet l-adozzjoni ta' Sħubija ta' Adeżjoni riveduta fl-2005. Jekk ikun hemm il-progress mistenni fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet fuq medda qasira ta' żmien tas-Sħubijiet, hija l-prattika li dawn jiġu aġġornati kull sentejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li s-Sħubija ta' Adeżjoni tiġi mġedda.

It-Turkija mistennija tiżviluppa pjan li jinkludi skeda ta' żmien u miżuri speċifiċi intiżi li jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni.

Is-Sħubija ta' Adeżjoni riveduta tipprovdi l-bażi għal numru ta' strumenti ta' politika/finanzi li ser jiġu użati biex jgħinu lit-Turkija fit-tħejjijiet għas-sħubija. B'mod partikolari, is-Sħubija ta' Adeżjoni riveduta ser sservi bħala bażi għal-riformi politiċi futuri u bħala kejl li fuqu jitqies progress futur.

2. PRINĊIPJI

Il-prijoritajiet prinċipali identifikati għat-Turkija huma marbuta mal-kapaċità tagħha li tissodisfa l-kriterji definiti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen (1993) u l-ħtiġiet tal-qafas ta' negozjati adottat mill-Kunsill fit-3 ta' Ottubru 2005.

3. PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija ta' Adeżjoni ġew magħżula fuq il-bażi li jkun realistiku li wieħed jistenna li l-pajjiż jista' jwettaqhom jew mexxihom sostanzjalment 'il quddiem fil-ftit snin li ġejjin. Hemm distinzjoni bejn il-prijoritajiet fuq terminu qasir, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq terminu medju, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tliet jew erba’ snin. Il-prijoritajiet jikkonċernaw kemm il-leġislazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

Is-Sħubija ta' Adeżjoni riveduta tindika l-oqsma prijoritarji għat-tħejjijiet tas-sħubija tat-Turkija. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, it-Turkija ser ikollha tindirizza l-kwistjonijiet kollha identifikati fir-rapporti ta' progress, inkluż il-konsolidazzjoni tal-proċess ta' riforma politika sabiex tiggarantixxi l-irriversibbiltà tiegħu u tiżgura l-implimentazzjoni uniformi tiegħu fil-pajjiż kollu u fil-livelli kollha ta' l-amministrazzjoni. Huwa wkoll importanti li t-Turkija tissodisfa l-impenji ta' approssimazzjoni leġislattiva u ta' implimentazzjoni ta' l- acquis skond l-impenji li hija ħadet taħt dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-Unjoni doganali u d-deċiżjonijiet relatati tal-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni ta' bejn l-KE u t-Turkija, per eżempju dwar is-sistema tal-kummerċ għall-prodotti agrikoli.

3.1. Il-prijoritajiet fuq medda qasira ta’ żmien

Id-djalogu politiku

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

L-amministrazzjoni pubblika

- Tiġi segwita riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika u tal-politika tal-persunal sabiex tiġi żgurata aktar effiċjenza, responsabbiltà u trasparenza.

- Jiġu msaħħa l-amministrazzjonijiet lokali permezz tar-riforma ta' l-amministrazzjoni ċentrali, it-trasferiment ta' setgħat lill-amministrazzjonijiet lokali u l-forniment ta' riżorsi adegwati lilhom.

- Tiġi adottata u implimentata leġiżlazzjoni bl-għan li tistabbilixxi sistema ta' Ombudsman għal kollox operattiva.

Is-superviżjoni ċivili tal-forzi ta' sigurtà

- Titkompla l-armonizzazzjoni tal-kontroll ċivili tal-militar skond il-prattika fl-Istati Membri ta' l-UE. Jiġi żgurat li l-militar ma jintervejnix fi kwistjonijiet politiċi u li l-awtoritajiet ċivili jeżerċitaw bis-sħiħ il-funzjonijiet superviżjorji dwar kwistjonijiet ta' sigurtà.

- Jittieħdu passi biex ikun hemm aktar responsabbiltà u trasparenza fit-twettiq ta' kwistjonijiet ta' sigurtà.

- Jiġi stabbilit kontroll parlamentari sħiħ tal-politika militari u ta' difiża u kull nefqa relatata, inkluż permezz ta' verifika esterna.

- Tiġi limitata l-ġurisdizzjoni tal-qrati militari għad-doveri militari tal-persunal tal-militar biss.

Is-sistema ġudizzjarja

- Jiġu msaħħa l-isforzi, anki permezz tat-taħriġ, biex jiġi żgurat li l-interpretazzjoni mill-ġudikatura ta' leġiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tkun skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u ma' l-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni Torka.

- Tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura minn istituzzjonijiet oħra ta' l-Istat, b'mod partikolari fir-rigward tal-Kunsill Għoli ta' l-Imħallfin u l-Prosekuturi u s-sistema ta' l-ispezzjoni. B'mod aktar speċifiku, jiġi żgurat li l-Kunsill Għoli ta' l-Imħallfin u l-Prosekuturi jirrappreżenta l-ġudikatura kollha kemm hi.

- Tissaħħaħ l-effiċjenza tal-ġudikatura permezz ta', b'mod partikolari, bit-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Proċedura Ċivili ġdid.

- Jitkompla l-istabbiliment ta' qrati ta' appell reġjonali intermedjarji.

Politika kontra l-korruzzjoni

- Tiġi żviluppata strateġija kontra l-korruzzjoni komprensiva u korp ċentrali biex jissorvelja u jispezzjona l-implimentazzjoni tagħha. Tittejjeb il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet involuti.

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Prinċipji ta' Mġiba Etika għall-Ħaddiema taċ-Ċivil u jiġu estiżi d-disposizzjonijiet tiegħu biex jinkludu uffiċjali eletti, il-ġudikatura, persuni akkademiċi u persunal militari.

- Jiġu limitati l-immunitajiet mogħtija lill-politiċi u lill-uffiċjali pubbliċi skond l-aħjar prattiċi Ewropej u tiġi mtejba l-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza fil-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-minoranzi

Osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem

- Jiġi ratifikat il-Protokoll fakultattiv mal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura li jipprovdi għall-istabbiliment ta' sistema ta' monitoraġġ indipendenti tal-faċilitajiet ta' detenzjoni.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

- Ikun hemm konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

- Jiġi emendat il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali sabiex jiġi infurzat id-dritt għal proċess mill-ġdid skond is-sentenzi rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Promozzjoni u infurzar tad-drittijiet tal-bniedem

- Tiġi stabbilita istituzzjoni indipendenti nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem b'riżorsi adegwati skond il-prinċipji relevanti tan-NU.

- Jitkompla t-taħriġ ta' l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi dwar kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem u tekniċi investigattivi.

Drittijiet ċivili u politiċi

Prevenzjoni tat-tortura u l-moħqrija

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-kuntest tal-politika “tolleranza żero” kontra t-tortura u l-moħqrija konformement mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Istanbul fil-pajjiż kollu, b'mod partikolari billi tiżdied il-ħila medika.

- Tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-impunità. Jiġi żgurat li l-prosekuturi jmexxu investigazzjonijiet f'waqthom u effettivi tal-każijiet allegati, li jwasslu għall-identifikazzjoni u l-piena ta' l-awturi mill-qrati.

Aċċess għall-ġustizzja

- Jiġu msaħħa l-isforzi biex jiġu żgurati għajnuna legali adegwata u servizzi ta' interpretazzjoni kwalifikati.

Libertà ta' l-espressjoni

- Tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar il-libertà ta' espressjoni, inkluża l-libertà ta' l-istampa, konformement mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

- Tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' dawk il-persuni mħarrka jew ikkundannati għal espressjoni mhux vjolenti ta' opinjoni.

Libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni

- Titkompla l-implimentazzjoni tar-riformi kollha rigward il-libertà ta' għaqda u l-assemblea paċifika skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika relatata tagħha. Jiġu implimentati miżuri biex jitwaqqaf l-użu eċċessiv ta' forza mill-forzi ta' sigurtà.

- Ikun hemm armonizzazzjoni ma' l-aħjar prattiċi ta' l-Istati Membri ta' l-UE rigward leġiżlazzjoni dwar il-partiti politiċi.

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

- Jiġi msaħħaħ aktar l-iżvilupp domestiku tas-soċjetà ċivili u l-involviment tagħha fit-tfassil ta' linji ta' politika pubblika.

- Tiġi ffaċilitata u inkoraġġuta l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fil-miftuħ bejn is-setturi kollha tas-soċjetà ċivili tat-Turkija u l-imsieħba Ewropej.

Libertà tar-reliġjon

- Tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni fuq bażi li hu skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

- Jiġi żgurat li komunitajiet reliġjużi li mhumiex Musulmani jkunu jistgħu jiksbu personalità ġuridika u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

- Tiġi żgurata l-possibbiltà ta' edukazzjoni reliġjuża għolja għal minoranzi mhux Musulmani, inkluż it-taħriġ tal-kleru tagħhom.

- Jiġi żgurat it-trattament ugwali ta' ċittadini Torok u barranin rigward il-possibbiltà tagħhom li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà tar-reliġjon permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja ta' komunitajiet reliġjużi organizzati.

- Tiġi adottata leġiżlazzjoni biex ma jkunx hemm prosekuzzjonijiet u kundanni ripetuti ta' dawk li jirrifjutaw li jwettqu servizz militari għal raġunijiet ta' kuxjenza jew reliġjon.

Drittijiet Ekonomiċi u Soċjali

Drittijiet tan-nisa

- Jiġu pprattikati miżuri biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni preżenti li tikkonċerna d-drittijiet tan-nisa u kontra t-tipi kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inklużi reati mwettqa f'isem l-unur. Jiġi żgurat taħriġ speċjalizzat għall-imħallfin u l-prosekuturi, l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, il-muniċipalitajiet u istituzzjonijiet responsabbli oħra u jiġu stabbiliti postijiet ta' protezzjoni għal nisa li jkunu f'riskju ta' vjolenza fil-muniċipalitajiet il-kbar kollha, f'konformità mal-leġiżlazzjoni kurrenti.

- Jiżdied aktar l-għarfien tal-pubbliku ġenerali, u, b'mod partikolari, ta' l-irġiel, dwar kwistjonijiet ta' relazzjonijiet bejn is-sessi, u jiġi promoss ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà, inkluż permezz ta' l-edukazzjoni tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fil-ħajja politika u soċjali; jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet tan-nisa biex iwettqu dawn l-għanijiet.

Drittijiet tat-tfal

- Tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi dwar il-Ħarsien tat-Tfal u jiġi promoss il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal skond l-istandards ta' l-UE u dawk internazzjonali.

- Jitkomplew l-isforzi biex tingħeleb il-problema ta' xogħol tat-tfal u tiġi mtejba s-sitwazzjoni tat-tfal tat-triq.

Drittijiet tax-xogħol u sindakati

- Jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet sħaħ tas-sindikati f'konformità ma' l-istandards ta' l-UE u l-Konvenzjonijiet rilevanti ta’ l-ILO, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta' organizzazzjoni, id-dritt ta' strajk u d-dritt ta' negozjar kollettiv.

- Jiġi msaħħaħ aktar id-djalogu soċjali, faċilitata u inkoraġġuta l-kooperazzjoni ma' msieħba ta' l-UE.

Il-politika kontra d-diskriminazzjoni

- Tiġi garantita, fil-liġi u fil-prattika, it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali mill-individwi kollha, mingħajr diskriminazzjoni u irrispettivament mil-lingwa, l-opinjoni politika, is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

- Jiġu msaħħa l-isforzi biex jiġu riveduti l-curricula u l-kotba ta' l-iskola sabiex il-lingwaġġ diskriminatorju jiġi eliminat.

Drittijiet tal-minoranzi, drittijiet kulturali u l-ħarsien tal-minoranzi

- Tiġi żgurata d-diversità kulturali u jiġi promoss ir-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi skond il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjoni Qafas għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali u skond l-aħjar prattika fl-Istati Membri.

- Tiġi garantita l-protezzjoni legali tal-minoranzi, b'mod partikolari fir-rigward tat-tgawdija paċifika tad-drittijiet ta' proprjetà, skond il-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Drittijiet Kulturali

- Jiġi mtejjeb l-aċċess effettiv għal xandir tar-radju u t-televiżjoni f'lingwi oħrajn barra t-Tork, b'mod partikolari billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet li baqgħu.

- Jiġu adottati miżuri xierqa għall-appoġġ tat-tagħlim ta' lingwi oħrajn barra t-Tork.

Sitwazzjoni fil-Lvant u fil-Lbiċ

- Jiġi żviluppat approċċ komprensiv biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u, b'mod partikolari, biex tittejjeb is-sitwazzjoni fil-Lbiċ tat-Turkija, bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali għaċ-ċittadini Torok kollha, inklużi dawk ta' oriġini Kurda.

- Tiġi abolita s-sistema ta' gwardja tal-villaġġi fil-Lbiċ.

- Jitneħħew il-mini ta' l-art miż-żona.

Persuni internament spostati

- Jiġu pprattikati miżuri biex jiġi faċilitat ir-ritorn ta' persuni internament spostati għall-komunitajiet oriġinali tagħhom skond ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Persuni Spostati.

- Titkompla l-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kumpens ta' telf minħabba t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Jiġi żgurat kumpens ġust u pront tal-vittmi.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Ċipru

- Jiġi żgurat appoġġ għall-isforzi biex tinsab soluzzjoni komprensiva għall-problema ta' Ċipru fi ħdan il-qafas tan-NU u f'konformità mal-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-UE, filwaqt li jsir kontribut għal klima aħjar għal soluzzjoni komprensiva.

- Jiġi implimentat bis-sħiħ il-Protokoll li jadatta l-Ftehim ta' Ankara għall-adeżjoni ta' l-Istati l-Membri ġodda,inkluża t-tneħħija tar- restrizzjonijiet eżistenti kollha fuq bastimenti bil-bandiera ta' Ċipru u bastimenti involuti fil-kummerċ ta' Ċipru[5].

- Jittieħdu passi konkreti għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali bejn it-Turkija u l-Istati Membri kollha, inkluża r-Repubblika ta' Ċipru, malajr kemm jista' jkun[6].

Soluzzjoni paċifika għal tilwim dwar il-konfini

- Jitkomplew l-isforzi biex jiġi solvut kwalunkwe tilwim dwar il-konfini li għad baqa' konformement mal-prinċipju tas-soluzzjoni paċifika tat-tilwim skond il-Karta tan-NU inkluża, jekk meħtieġa, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

- Jittieħed impenn, b'mod inekwivoku, għal relazzjonijiet tajba ta' viċinat; jiġu indirizzati s-sorsi kollha ta' twegħir bejn ġirien; u ma tittieħed l-ebda azzjoni li jista' jkollha effett negattiv fuq il-proċess ta' soluzzjoni paċifika ta' tilwim dwar il-konfini.

Kriterji ekonomiċi

- Titkompla l-implimentazzjoni ta' linji ta' politiki fiskali u monetarji xierqa bl-għan li jittieħdu miżuri adatti sabiex tinżamm l-istabbiltà u l-previdibbiltà makroekonomika. Tiġi implimentata sistema ta' sigurtà soċjali sostenibbli u effettiva.

- Tiġi msaħħa aktar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fost l-istituzzjonijiet u l-oqsma ta' politika differenti sabiex ikun hemm qafas ta' politika ekonomika konsistenti u sostenibbli għall-ekonomija.

- Tissokta l-privatizazzjoni ta’ l-impriżi ta' l-Istat.

- Jitkomplew il-liberalizzazzjoni tas-suq u r-riformi fil-prezzijiet, partikolarment fl-oqsma ta' l-enerġija u l-agrikoltura.

- Jiġu indirizzati żbilanċi fis-suq tax-xogħol. Għal dan l-għan, jiġu mtejba l-istrutturi ta' l-inċentivi u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu r-rati ta' parteċipazzjoni u ta' l-impjieg; jiġu mtejba l-isforzi ta' l-edukazzjoni u taħriġ professjonali, biex b'hekk tiġi inkoraġġuta l-bidla mill-agrikoltura għal ekonomija bbażata fuq is-servizzi.

- Tiġi mtejba l-klima tan-negozju. Għal dan l-għan, jiġi mtejjeb l-operat tal-ġudikatura kummerċjali u tiġi mħarsa l-indipendenza ta' l-awtoritajiet regolatorji tas-suq; jiġu mtejba l-proċeduri ta' falliment biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-ħruġ mis-suq.

- Jiġu identifikati u implimentati mezzi li jindirizzaw l-ekonomija informali.

Kapaċità li tassumi l-obbligi ta' l-adeżjoni

Kapitolu 1: Il-moviment ħieles ta' l-oġġetti

- Jiġu aboliti l-permessi għall-importazzjoni jew il-ħtiġiet għal-liċenzja, kif ukoll ħtiġiet sproporzjonati għal ċertifikati fir-rigward ta' prodotti minbarra vetturi bil-mutur użati.

- Jiġi sottomess pjan għat-tneħħija ta' permessi għall-imporazzjoni ta' vetturi bil-mutur użati lill-Kummissjoni.

- Titlesta l-identifikazzjoni tal-miżuri li jmorru kontra l-Artikoli 28 sa 30 tat-Trattat KE, jiġi mfassal pjan għat-tneħħija tagħhom u tiġi mdaħħla l-klawżola ta' rikonoxximent reċiproku fis-sistema legali Torka.

- Tiġi indirizzata l-kwistjoni li għad baqa' dwar il-ħarsien regolatorju tad-data dwar prodotti farmaċewtiċi.

Kapitolu 3: Dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

- Tiġi ppreżentata strateġija dettaljata li għandha tinkludi skeda tal-passi kollha li huma meħtieġa għall-armonizzazzjoni leġiżlattiva u l-kapaċità istituzzjonali sabiex tikkonforma ma' l- acquis kopert minn dan il-kapitolu.

- Tkompli bl-armonizzazzjoni ma' l- acquis għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, b'mod partikolari billi tipprovdi għal proċedura għar-rikonoxximent professjonali li hija distinta mir-rikonoxximent akkademiku u billi tadotta r-rekwiżiti minimi għat-taħriġ li jinsabu fid-direttiva 2005/36/KE.

- Tinbeda l-armonizzazzjoni ma' l- acquis dwar is-servizzi postali.

Kapitolu 4: Moviment ħieles tal-kapital

- Titkompla t-tneħħija tair-restrizzjonijiet li jaffettwaw l-investimenti barranin diretti li jorġinaw mill-UE.

- Tinbeda l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistemi ta' ħlas ma' l- acquis .

Kapitolu 5: Akkwist pubbliku

- Jingħata l-kompitu li tiggarantixxi u tmexxi politika koerenti lil organizzazzjoni għall-akkwist.

- Tiġi ppreżentata strateġija komprensiva li għandha tinkludi r-riformi kollha neċessarji għall-armonizzazzjoni leġiżlattiva u l-bini ta' kapaċità istituzzjonali sabiex tikkonforma ma' l- acquis .

Kapitolu 6: Il-liġi tal-kumpaniji

- Jiġi adottat il-Kodiċi Kummerċjali l-ġdid.

Kapitolu 7: Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

- Tittejjeb il-kapaċità tal-pulizija, id-dwana u l-ġudikatura biex jinfurzaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inkluż it-tisħiħ tal-koordinazzjoni bejn dawn il-korpi.

- Jiġi indirizzat, b'mod partikolari, l-iffalsifikar ta' trade marks u l-piraterija.

Kapitolu 8: Il-politika dwar il-kompetizzjoni

- Tiġi adottata liġi dwar l-għajnuna mill-Istat skond ir-rekwiżiti ta' l- acquis u tiġi stabbilita awtorità li tissorvelja l-għajnuna mill-Istat li tkun operattivament indipendenti u li tkun kapaċi tissodisfa l-impenji ta' trasparenza eżistenti.

- Jiġi finalizzat u adottat Programm Nazzjonali għar-Ristrutturar ta' l-Azzar skond ir-rekwiżiti ta' l-UE.

Kapitolu 9: Is-servizzi finanzjarji

- Titkompla l-armonizzazzjoni mar-rekwiżiti ġodda dwar il-kapital għal istituzzjonijiet ta' kreditu u għal impriżi ta' investiment u ma' direttivi relatati oħrajn (skema ta' garanzija ta' depożitu, stralċ u rijorganizzazzjoni, konglomerati finanzjarji, kontijiet tal-bank).

- Jissaħħu l-istandards ta' prudenza u ta' superviżjoni kemm fis-settur finanzjarju bankarju u dak li mhux bankarju, inkluż bl-istabbiliment ta' awtorità regolatorja u superviżorja indipendenti.

Kapitolu 10: Is-soċjetà ta’ l-informatika u l-midja

- Tiġi adottata Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li tkun armonizzata mal-Qafas Regolatorju preżenti ta' l-UE.

- Jitkomplew l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-"kundizzjonijiet ta' tluq" ewlenin għall-qafas regolatorju ta' l-UE ta' l-2002.

- Titkompla l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-politika awdjoviżiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-Direttiva tat-Televiżjoni mingħajr Fruntieri.

Kapitolu 11: L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

- Tiġi stabbilita aġenzija IPARD ( Instrument for Pre-accession Assistance Rural Development Component – Strument għall-Għajnuna ta' Qabel l-Adeżjoni Komponent ta' l-Iżvilupp Rurali) li tkun akkreditata skond ir-rekwiżiti ta' l-UE.

- Jitneħħew restrizzjonijiet fuq il-kummerċ fil-laħam taċ-ċanga, fl-annimali ta' l-ifrat ħajjin u fil-prodotti derivativi tagħhom.

Kapitolu 12: Sigurtà ta' l-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja

- Tiġi adottata liġi qafas dwar l-ikel, l-għalf u kwistjonijiet veterinarji li tkun konformi mar-rekwiżiti ta' l-UE u li tippermetti traspożizzjoni sħiħa ta' l- acquis ta' l-UE.

- Tiġi żgurata l-operazzjonalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ta' l-ifrat u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom skond l- acquis ta' l-UE u tinbeda l-implimentazzjoni ta' sistema xierqa għan-nagħaġ u l-mogħoż biex jiġu segwiti l-movimenti tagħhom.

- Jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ir-reġjun ta' Thrace ikun jista' jiġi rikonoxxut mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta' l-Annimali bħala żona ħielsa mill-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer bit-tilqim.

- Jiġu kklassifikati l-istabbilimenti agro-alimentari kollha skond il-kategorija fuq il-bażi ta' l- acquis ta' l-UE u jiġi mħejji Programm Nazzjonali għall-immodernizzar ta' dawn l-istabbilimenti.

Kapitolu 13: Is-Sajd

- Jiġu msaħħa l-istrutturi amministrattivi b'mod partikolari bil-ħolqien ta' unità ċentrali li tieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha tas-sajd. Jeħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tas-servizzi ta' ispezzjoni u kontroll tas-sajd.

- Tiġi adottata l-Liġi tas-Sajd riveduta skond ir-rekwiżiti ta' l-UE.

Kapitolu 14: Il-politika tat-trasport

- Tiġi adottata Liġi Qafas dwar il-Ferroviji sabiex is-suq tat-trasport ferrovjarju Tork bil-mod jinfetaħ u sabiex jiġi pprovdut għas-separazzjoni tal-funzjonijiet li jirrigwardaw l-amministrazzjoni ta' l-infrastruttura u l-provvista tas-servizzi.

- Titkompla l-armonizzazzjoni u l-implimentazzjoni fis-settur marittimu b'attenzjoni speċjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-prevenzjoni tat-tniġġiż. Titkompla tissaħħaħ l-amministrazzjoni marittima, inklużi t-titjib fir-reputazzjoni tas-sikurezza tal-flotta Torka u l-implimentazzjoni ta' l- acquis dwar is-sigurtà marittima.

- Fil-qasam ta' l-avjazzjoni, ikun hemm ħidma biex tinstab soluzzjoni teknika li tiżgura l-komunikazzjoni neċessarja biex jiġi garantit livell xieraq ta' sikurezza fl-ajru fir-reġjun tax-Xlokk tal-Mediterran.

- Ikun hemm involviment fi proċess li jwassal għar-rikonoxximent ta' "deżinjazzjoni Komunitarja" u tiġi pprovduta strateġija ċara għall-armonizzazzjoni progressiva ma' l- acquis fuq l-Ajru Waħdieni Ewropew.

- Armonizzazzjoni ma' u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet tad-dikjarazzjoni ta' politika tal-Konferenza Ewropea ta' l-Avjazzjoni Ċivili fil-qasam tas-sigurtà ta' l-avjazzjoni ċivili.

Kapitolu 15:L-enerġija

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' u l-implimentazzjoni ta' l- acquis dwar is-suq intern tal-gass u ta' l-elettriku u dwar skambji transkonfinali ta' l-elettriċità, anki bl-għan ta' sħubija possibbli fit-Trattat dwar il-Komunità ta' l-Enerġija. Tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' regoli ġusti u mhux diskriminatorji għat-trażmissjoni tal-gass.

- Jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-awtoritajiet regolatorji differenti u tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom.

- Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva u titkompla l-armonizzazzjoni fil-qasam ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, tiġi promossa l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u tiġi żviluppata l-enerġija li tiġġedded fit-trasport, l-elettriċità u t-tisħin/tkessiħ, inkluż l-istabbiliment ta' miri u inċentivi xierqa u ambizzjużi.

- Taderixxi mal-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni ta' Fjuwil Użat u fil-Ġestjoni ta' Skart Radjuattiv.

Kapitolu 16: It-tassazzjoni

- Jittieħdu passi prattiċi li jwasslu għal tnaqqis sostanzjali fit-tassazzjoni diskriminatorja ta' prodotti alkoħoliċi, it-tabakk impurtat u s-sigaretti impurtati u jiġi ppreżentat pjan b'għanijiet ċari u miftiehma mal-Kummissjoni, għall-eliminazzjoni rapida ta' kull tassazzjoni diskriminatorja li jibqa'.

- Titkompla l-armonizzazzjoni tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, b'mod partikolari rigward l-istruttura u r-rati applikati.

- Jitkomplew it-tisħiħ u l-immodernizzar ta' l-amministrazzjoni tat-taxxa, inkluż is-settur ta' l-informatika, sabiex ikun hemm aktar konformità u jitjieb il-ġbir tad-dħul mit-taxxi u sabiex titnaqqas l-ekonomija informali

Kapitolu 18: L-istatistika

- Jiġu ppreparati indikaturi tal-kontijiet nazzjonali fil-ħin f'konformità ma' l-ESA 95.

- Jiġu armonizzati l-metodoloġija u l-istruttura organizzattiva għall-ġbir ta' l-informazzjoni biex jiġu pprovduti statistiċi ta' l-agrikoltura skond ir-rekwiżiti ta' l-UE.

- Jiġi ffinalizzat l-istabbiliment tar-reġistru tan-negozju.

Kapitolu 19: Il-politika soċjali u l-impjiegi

- Jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet għal djalogu soċjali effettiv fil-livelli kollha, fost affarijiet oħrajn, bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida li tneħħi d-dispożizzjonijiet restrittivi dwar l-attivitajiet tas-sindakati u li tiżgura drittijiet sħaħ għas-sindakati.

- Tiġi pprovduta analiżi tax-xogħol mhux dikjarat fit-Turkija u jiġi mfassal pjan biex din il-problema tiġi affaċċjata fil-kuntest ta' pjan ta' azzjoni globali għall-infurzar ta' l- acquis għall-benefiċċju tal-ħaddiema kollha.

- Jiġi ffinalizzat ix-xogħol fuq il-Memorandum ta' Inklużjoni Konġunta ( Joint Inclusion Memorandum – JIM) u d-Dokument ta' Evalwazzjoni Konġunta dwar Prijoritajiet tal-Politika ta' l-Impjieg ( Joint Assessment Paper – JAP) u jiġu implimentati b'mod attiv iż-żewġ proċessi ta' segwitu.

Kapitolu 20: Il-politika industrijali u imprenditorjali

- Jiġu adottati strateġija komprensiva riveduta dwar il-politika industrijali u pjan ta' azzjoni rivedut dwar l-SMEs.

Kapitolu 22: Il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni ta' l-istrumenti strutturali

- Jissaħħu l-istabbiliment ta' strutturi istituzzjonali u l-kapaċità amministrattiva fl-oqsma ta' l-ipprogrammar, it-tħejjija tal-proġetti, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-amministrazzjoni u l-kontroll finanzjarji, b'mod partikolari fil-livell tal-ministeri kkonċernati, biex jiġu implimentati l-programmi ta' qabel l-adeżjoni ta' l-UE bħala preparazzjoni għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Komunità.

Kapitolu 23: Is-sistema ġudizzjarja u d-drittijiet fundamentali

- Jissaħħu l-isforzi sabiex il-leġiżlazzjoni tagħha tiġi armonizzata ma' l- acquis dwar il-ħarsien tad-data personali u tiġi stabbilita awtorità superviżorja indipendenti għall-ħarsien tad-data.

- Għal prijoritajiet oħrajn ara s-sezzjoni dwar il-kriterji politiċi.

Kapitolu 24: Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

- Jitkompla t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet kollha ta' l-infurzar tal-liġi u ssir l-armonizzazzjoni ta' l-istatus u l-operat tagħhom ma' standards Ewropej, inkluż permezz ta' l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Jiġi adottat kodiċi ta' l-etika u tiġi stabbilita sistema ta' ilmenti indipendenti u effettiva sabiex tiġi żgurata responsabbiltà akbar li tkopri lill-korpi kollha ta' l-infurzar tal-liġi.

- Jitkomplew l-isforzi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni (anki permezz ta' l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni), tiżdied il-kapaċità fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali skond standards internazzjonali.

- Jiġi konkluż mill-aktar fis ftehim ta' ammissjoni mill-ġdid ma' l-UE.

- Isir progress fit-tħejjijiet għall-adozzjoni ta' liġi ta' l-ażil komprensiva skond l- acquis , inkluż l-istabbiliment ta' awtorità dwar l-ażil.

- Jitkomplew l-isforzi biex jiġi implimentat il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-amministrazzjoni integrata tal-fruntieri permezz tad-definizzjoni ta' pjan preċiż ta' azzjoni. Għandhom jittieħdu passi biex tiġi stabbilita awtorità ġdida għall-infurzar tal-liġi tal-fruntieri.

- Tiġi implimentata strateġija nazzjonali dwar il-kriminalità organizzata. Tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-drogi, it-traffikar tal-persuni, il-frodi, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

Kapitolu 26: L-edukazzjoni u l-kultura

- Tittejjeb il-kapaċità amministrattiva ta' l-Aġenżija Nazzjonali għat-Tagħlim tul il-Ħajja u għaż-Żgħażagħ fl-Azzjoni sabiex tkun tista' taffaċċja ż-żieda fil-volum tax-xogħol.

Kapitolu 27: L-ambjent

- Tiġi adottata strateġija komprensiva għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar gradwali ta' l- acquis , inklużi pjanijiet sabiex tinbena l-kapaċità amministrattiva neċessarja fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u għar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, b'indikazzjoni ta’ l-għanijiet u l-iskedi taż-żmien.

- Jitkomplew t-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' l- acquis , b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni orizzonali u l-leġiżlazzjoni ta' qafas, bħall-istima għall-impatt ambjentali, inklużi l-aspetti transkonfinali, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva.

- Jiġi adottat Pjan Nazzjonali għall-Ġestjoni ta' l-Iskart.

Kapitolu 28: Il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' l- acquis dwar il-konsumatur u dwar is-saħħa, inkluż fl-oqsma tad-demm, it-tessuti u ċ-ċelluli u t-tabakk, u jiġi żgurat li jkun hemm strutturi amministrattivi u kapaċità ta' l-infurzar adegwati.

- Tissaħħaħ il-kapaċità tal-qrati, anki permezz ta' taħriġ, tiġi żgurata l-konsistenza fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur.

Kapitolu 29: L-Unjoni Doganali

- Il-leġiżlazzjoni dwar iż-żoni liberi għandha tiġi armonizzata ma' l- acquis rilevanti, b'mod partikolari fil-każ tar-regoli dwar il-kontrolli doganali u l-verifika tat-taxxa.

- Tissaħħaħ il-kapaċità ta' infurzar ta' l-amministrazzjoni doganali, b'mod partikolari rigward il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u l-falsifikazzjoni. Jitkomplew it-tħejjijiet għall-interkonnettività tas-sistemi ta' l-informatika ma' l-UE.

- Jiġi eliminat il-ħelsien mid-dazji doganali għall-oġġetti koperti mill-Unjoni Doganali li jinbiegħu fil-ħwienet mingħajr dazju lill-vjaġġaturi li jkunu deħlin it-Turkija.

Kapitolu 30: Ir-relazzjonijiet barranin

- Ikun hemm armonizzazzjoni mal-pożizzjoni ta' l-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, rigward l-Aġenda ta' l-Iżvilupp ta' Doha u fl-OECD.

- Titkompla l-armonizzazzjoni mas-sistema tal-Komunità Ewropea dwar is-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi ( generalised system of preferences – GSP).

- Jitkomplew l-isforzi biex jiġu konklużi ftehimiet ta' kummerċ liberu pendenti ma' pajjiżi terzi konformement ma' l- acquis .

Kapitolu 31: Politika barranija, ta’ sigurtà u ta’ difiża

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' pożizzjonijiet komuni, dikjarazzjonijiet, stqarrijiet u démarches dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni ( Common Foreign and Security Policy – CFSP).

- Il-linji ta' politika rigward pajjiżi terzi u l-pożizzjonijiet fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu armonizzati ma' dawk ta' l-UE u l-Istati Membri, inkluż rigward is-sħubija ta' l-Istati Membri kollha ta' l-UE f'organizzazzjonijiet u arranġamenti rilevanti bħall-Wassenaar.

Kapitolu 32: Il-kontroll finanzjarju

- Jiġu adottati Dokument ta' Politika ta' Kontroll Finanzjarju Pubbliku Intern ( Public Internal Financial Control – PIFC) aġġornat u l-leġiżlazzjoni PIFC derivata.

- Tiġi adottata leġiżlazzjoni pendenti biex tiggarantixxi t-tħaddim tal-Qorti Torka tal-Kontijiet skond l-istandards u l-linji gwida ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istituzzjonijiet Supremi ta' Verifika ( International Organisation of Supreme Audit Institutions – INTOSAI).

- Tiġi stabbilita struttura ta' koordinazzjoni kontra l-frodi, li tkun indipendenti fl-operat tagħha, għall-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji ta' l-UE.

3.2. Prijoritajiet f’Terminu Medju

Kriterji ekonomiċi

- Jitkompla l-programm ta' privatizzazzjoni.

- Tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

- Jitkompla t-titjib tal-livell ġenerali ta' l-edukazzjoni u s-saħħa, b'attenzjoni partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u n-nisa.

- Tittejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż, b'mod partikolari fl-enerġija u t-trasport, sabiex tiġi msaħħa l-kompetittività ta' l-ekonomija globalment.

Kapaċità li tassumi l-obbligi tas-sħubija

Kapitolu 2: Il-moviment liberu għall-ħaddiema

- Jiġi żgurat li s-Servizzi Pubbliċi ta' l-Impjiegi jkollhom il-kapaċità xierqa biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni fin-netwerk ta' l-EURES (Servizzi ta' l-Impjiegi Ewropej)

- Jitkompla t-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi, b'mod partikolari għall-koordinazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali.

Kapitolu 3: Dritt ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi

- Ikomplu jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' l-istabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali.

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' l- acquis fil-każ tas-servizzi postali.

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' l- acquis dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali u, b'mod partikolari, issir ħidma biex jiġu mħassra r-rekwiżiti ta' nazzjonalità.

Kapitolu 5: Akkwist pubbliku

- Tiġi implimentata l-istrateġija ta' l-akkwist pubbliku.

- Tingħata promozzjoni għall-użu ta' mezzi elettroniċi fil-proċeduri ta' l-akkwist.

Kapitolu 6: Il-liġi tal-kumpaniji

- Jiġi adottat qafas ta' rappurtaġġ finanzjarju b'għan ġenerali fil-qasam tal-kontabbiltà u l-verifika tal-kumpaniji skond l-istandards ta' l-UE.

- Jissaħħu l-ħtiġijiet dwar l-iżvelar. B'mod partikolari, tiġi adottata ħtieġa ġenerali għall-kumpanniji li jissottomettu dikjarazzjonijiet ivverifikati bħala entità legali u dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati vverifikati sabiex dawn ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Kapitolu 7: Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

- Titkompla l-armonizzazzjoni u jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Kapitolu 8: Il-politika dwar il-kompetizzjoni

- Ikun hemm armonizzazzjoni mal-leġiżlazzjoni sekondarja fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat.

- Tiġi żgurata t-trasparenza fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat skond l-impenji bilaterali eżistenti. Tingħata informazzjoni lill-Komunità dwar l-iskemi ta' l-għajnuna fis-seħħ kollha u jkun hemm notifika minn qabel ta' kull għajnuna individwali li tkun se tingħata.

Kapitolu 10: Is-soċjetà ta’ l-informatika u l-midja

- Titkompla t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l- acquis fil-qasam tat-telekomunikazzjoni elettronika u ssir it-tħejjija għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-swieq.

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' l- acquis fis-settur awdjo-viżiv u tissaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċita amministrattiva ta' l-awtorità regolatorja.

Kapitolu 11: L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

- Jitkompla l-iżvilupp ta' sistema ta' identifikazzjoni ta' l-artijiet u s-Sistema Nazzjonali tar-Reġistrazzjoni tal-Bdiewa bi tħejjija għal kontrolli fuq l-art agrikola.

- Tinbeda t-tħejjija għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet pilota relatati ma' l-ambjent u l-kampanja, bl-għan ta' l-implimentazzjoni futura ta' miżuri agro-ambjentali.

Kapitolu 12: Is-sigurtà ta' l-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja

- Jiġu adottati miżuri ta' kontroll għall-mard ta' l-annimali u jiġu stabbiliti pjanijiet ta' eradikazzjoni fejn dan ikun iġġustifikat mis-sitwazzjoni tas-saħħa ta' l-annimali.

- Jittejbu l-kapaċitajiet tal-laboratorju u kontroll fis-sikurezza ta' l-ikel, fil-qasam veterinarju u fitosanitarju, b'mod partikolari rigward il-laboratorji ta' referenza, l-ittestjar tar-residwi (inklużi pjanijiet ta' kontroll) u l-proċeduri tat-teħid ta' kampjuni.

- Tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni dwar l-Enċefalopatiji Sponġiformi Trażmissibbli ( Transmissible Spongiform Encephalopathies – TSE) u l-prodotti sekondarji ta’ l-annimali u tinbeda s-sistema ta' kollezzjoni u trattament meħtieġa.

Kapitolu 13: Is-Sajd

- Tiġi stabbilita sistema affidabbli ta' l-evalwazzjoni ta' l-istokk biex tiġi pprovduta informazzjoni akkurata dwar ir-riżorsi marini,

- Jiġi adattat ir-reġistru eżistenti tal-flotta għall-ħtiġijiet ta' l-UE.

Kapitolu 14: Il-politika tat-trasport

- Titkompla l-armonizzazzjoni leġiżlattiva u amministrattiva ma' l- acquis tat-trasport b'mod partikolari rigward it-trasport bit-toroq u s-sikurezza fl-ajru.

- Tissaħħaħ il-kapaċità biex jiġi implimentata l- acquis ta' l-UE, inklużi miżuri ta' kontroll, skond l-istandards ta' l-UE.

Kapitolu 15: L-enerġija

- Jiġi żgurat l-istabbiliment ta' suq intern ta' l-enerġija kompetittiv, f'konformità mad-direttivi ta' l-elettriċità u l-gass. Jitkompla t-tisħiħ ta' l-istrutturi amministrattivi u regolatorji meħtieġa għal suq ta' l-enerġija operattiv u kompetittiv.

- Tiġi adottata liġi nukleari li tiżgura livell għoli ta' sikurezza nukleari skond l-istandards ta' l-UE.

Kapitolu 16: It-tassazzjoni

- Titkompla l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa u tal-VAT, b'mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis, l-eżenzjonijiet, l-iskemi speċjali, ir-rifużjonijiet tat-taxxa u l-applikazzjoni ta' rati mnaqqsa.

Kapitolu 18: L-istatistika

- Tissaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni u tittejjeb il-kapaċita amministrattiva ta' Turkstat sabiex jiġu żgurati l-kollezzjoni, l-ipproċessar u d-disseminazzjoni tad- data fil-ħin.

Kapitolu 19: Il-politika soċjali u l-impjiegi

- Titkompla t-traspożizzjoni ta' l- acquis u jissaħħu l-istrutturi relatati ta' amministrazzjoni u infurzar, inklużi l-ispettorati tax-xogħol, flimkien ma' l-imsieħba soċjali.

- Tittejjeb il-kapaċità biex jiġu evalwati u mmonitorjati s-suq tax-xogħol u l-iżviluppi soċjali u biex jiġu indirizzati problemi strutturali.

Kapitolu 21: Netwerks Trans-Ewropej

- Tingħata prijorità lill-proġetti identifikati skond il-Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet għall-Infrastruttura tat-Trasport ( Transport Infrastructure Needs Assessment – TINA) u lill-proġetti elenkati fil-Linji Gwida tal-Komunità Ewropea dwar it-TEN-Enerġija.

Kapitolu 22: Il-politika reġjonali u l-kordinament ta' l-istrumenti ta' politika strutturali

- Tiġi żviluppata fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali, il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni ta' politika ta' koeżjoni Komunitarja possibbli u futura.

Kapitolu 24: Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

- Jiġu mħaffa l-isforzi biex tiġi stabbilita sistema integrata tal-ġestjoni tal-fruntieri skond l- acquis , ibbażata fuq koordinazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji u l-professjonaliżmu tal-persunal u li tkopri, fost affarijiet oħra, mekkaniżmu ta' qabel l-i screening biex jiġu identifikati dawnk in-nies li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri.

- Titkompla l-armonizzazzjoni ma' l- acquis fil-qasam ta' l-ażil, b'mod partikolari, billi titneħħa l-limitazzjoni ġeografika għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra u permezz tat-tisħiħ tal-ħarsien, l-appoġġ soċjali u miżuri ta' integrazzjoni għar-refuġjati.

- Tiġi żgurata l-kompatibbilta tal-leġiżlazzjoni Torka ma' l- acquis fi kwistjonijiet ċivili u tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġudikatura biex tapplika l- acquis .

Kapitolu 27: L-ambjent

- Titkompla t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l- acquis fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta' qafas, il-konvenzjonijiet ambjentali internazzjonali u l-leġislazzjoni dwar il-ħarsien tan-natura, il-kwalità ta' l-ilma, il-kimika, it-tniġġiż industrijali u l-ġestjoni tar-riskju u l-ġestjoni ta' l-iskart.

- Ikun hemm l-integrazzjoni tar-rekwiżiti ambjentali f'linji ta' politika settorjali oħra.

Kapitolu 28: Il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa

- Jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni permezz ta' l-infurzar effettiv tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-involviment ta' l-organizzazzjonijiet rilevanti tal-konsumatur.

- Fil-qasam tas-saħħa mentali, jiġu żviluppati servizzi bbażati fil-komunità bħala alternattiva għall-istituzzjonalizzazzjoni u tiġi żgurata l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-kura tas-saħħa mentali.

Kapitolu 29: L-Unjoni Doganali

- Titlesta l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-dwana dwar oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju, prekursuri u oġġetti ffalsifikati jew ikkupjati.

Kapitolu 32: Il-kontroll finanzjarju

- Il-Kodiċi Kriminali Tork għandu jiġi allinjat mal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji ta' l-UE (PIF) u l-protokolli tagħha;

4. PPROGRAMMAR

L-assistenza finanzjarja għall-prijoritajiet identifikati fis-Sħubija ta' Adeżjoni se jkunu disponibbli permezz ta' żewġ strumenti finanzjarji: programmi adottati qabel u fl-2006 se jkunu implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2500/2001 tas-17 ta' Diċembru 2001 li jikkonċerna għajnuna finanzjarja ta' qabel is-sħubija għat-Turkija. Programmi u proġetti adottati mill-2007 'l quddiem se jkunu implimentati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 (IPA). Taħt iż-żewġ strumenti, il-Kummissjoni se tadotta rispettivament deċiżjonijiet finanzjarji li se jkunu segwiti minn ftehimiet finanzjarji iffirmati mill-Kummissjoni u mit-Turkija. Il-ftehimiet ta’ finanzjament iservu bħala bażi legali għall-implimentazzjoni tal-programmi konkreti.

It-Turkija għandha wkoll aċċess għal finanzjamenti minn programmi multinazzjonali u orizzontali.

5. IL-KUNDIZZJONALITÀ

L-assistenza Komunitarja għal proġetti ta' finanzjament permezz ta' l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni għandha bħala kondizzjoniir-rispett mit-Turkija ta' l-impenji tagħha skond il-Ftehimiet KE-Turkija, inklużi d-Deċiżjoni dwar l-Unjoni Doganali 1/95 u deċiżjonijiet oħra, aktar passi konkreti biex jiġu sodisfatti b'mod effettiv il-kriterji ta' Kopenħagen u, b'mod partikolari, il-progress li twettaq biex tissodisfa prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija ta' Adeżjoni riveduta.

Jekk ma jiġux rispettati dawn il-kondizzjonijiet ġenerali, il-Kunsill jista’ jieħu d-deċiżjoni li jissospendi l-għajnuna finanzjarja fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 2500/2001 jew fuq il-bażi ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (IPA). Il-kundizzjonijiet speċifiċi huma wkoll inklużi fi programmi annwali individwali. Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament ser jiġu segwiti minn ftehim ta' finanzjament iffirmat mat-Turkija.

6. IL-MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija ta' Adeżjoni għandha tiġi eżaminata bl-użu tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kif ikun xieraq u permezz tar-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni.

Is-sottokumitati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdu l-possibbiltà li tiġi eżaminata l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni u l-progress rigward l-approssimazzjoni legali, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Il-Kumitat ta' l-Assoċjazzjoni jiddiskuti l-iżviluppi, il-progress u l-problemi ġenerali fl-ilħuq tal-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni kif ukoll kwistjonijiet aktar speċifiċi li jirriferulu s-sottokumitati.

Is-sorveljanza tal-programmi ta' assistenza finanzjarja ta' qabel l-adeżjoni għandha titwettaq b'mod konġunt mit-Turkija u mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' kumitat konġunt ta' sorveljanza (joint monitoring committee – JMC) jew Kumitat ta' Sorveljanza ta' l-IPA. Sabiex jiġi żgurat li s-sorveljanza tkun effettiva, il-proġetti ffinanzjati taħt kull ftehim ta' finanzjament għandhom jinkorporaw indikaturi verifikabbli u li jistgħu jitkejlu tal-kisbiet. Il-monitoraġġ ibbażat fuq dawn l-indikaturi ser jassisti l-Kummissjoni, il-Kumitat ta' Sorveljanza JMC/IPA u t-Turkija biex sussegwentement jorjentaw mill-ġdid il-programmi fejn neċessarju u sabiex ifasslu programmi ġodda. Il-Kumitat ta' Sorveljanza JMC/IPA jiżgura li l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programmi ta' qabel l-adeżjoni jkunu kompatibbli mas-Sħubija ta' Adeżjoni.

Is-Sħubija ta' Adeżjoni se tkompli tiġi emendata kif meħtieġ skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 622/98 tas-16 ta' Marzu 1998 dwar l-assistenza għall-Istati Applikanti fil-qafas ta' l-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni, u b'mod partikolari dwar l-istabbiliment tas-Sħubiji ta' Adeżjoni[7].

[1] ĠU L 58, 28.2.2001, p. 1.

[2] Id-Deċiżjoni 2001/235/KE (ĠU L 85, 24.3.2001, p. 13) u d-Deċiżjoni 2003/398/KE (ĠU L 145, 12.6.2003, p. 40).

[3] Id-deċiżjoni 2006/35/KE (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 34–50 ).

[4] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

[5] Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005.

[6] Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005.

[7] ĠU L 85, 20.3.1998, p. 1.

Top