This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007PC0249
Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council providing for sanctions against employers of illegally staying third-country nationals {SEC(2007) 596} {SEC(2007) 603} {SEC(2007) 604}
Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali {SEG(2007) 596} {SEG(2007) 603} {SEG(2007) 604}
Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali {SEG(2007) 596} {SEG(2007) 603} {SEG(2007) 604}
/* KUMM/2007/0249 finali - COD 2007/0094 */
Proposta għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali {SEG(2007) 596} {SEG(2007) 603} {SEG(2007) 604} /* KUMM/2007/0249 finali - COD 2007/0094 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 16.5.2007 KUMM(2007) 249 finali 2007/0094 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (preżentata mill-Kummissjoni) {SEG(2007) 596}{SEG(2007) 603}{SEG(2007) 604} MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA | 110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tifforma parti mill-isforzi ta' l-UE biex tiżviluppa politika dwar il-migrazzjoni komprensiva. F'Settembru 2007, il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta l-ewwel proposta dwar il-migrazzjoni legali skond il-Pjan ta' Politika[1] tagħha ta' Diċembru 2005. Wieħed mill-fatturi li jinkuraġġixxi l-immigrazzjoni illegali lejn l-UE hija l-possibbiltà li jinstab ix-xogħol. Din il-proposta tara li tnaqqas dan il-fattur li jiġbed billi timmira l-impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali fl-UE. Fuq il-bażi ta' miżuri eżistenti fl-Istati Membri, l-għan huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jintroduċu penali simili għal min iħaddem lil dawn iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u jinfurzawhom b'mod effettiv. Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tieħu dawn il-miżuri fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Lulju 2006 dwar il-prijoritajiet ta' politika fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni minn ċittadini ta' pajjiżi terzi[2]. Il-Kunsill Ewropew approva dan is-suġġeriment f'Diċembru 2006 u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti tagħha. | 120 | Il-kuntest ġenerali L-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (minn hawn 'il quddiem "l-impjieg illegali") huwa r-riżultat ta' konverġenza bejn l-immigranti li qed ifittxu ħajja aħjar u d-domanda minn min iħaddem li lest li jieħu vantaġġ minnhom biex jagħmlu xogħlijiet li ġeneralment jeħtieġu ftit li xejn kwalifiki u li huma mħallsin ħażin. L-iskala tal-fenemenu hu neċessarjament diffiċli biex jiġi kkwantifikat: skond l-estimi, in-numru ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali fl-UE jvarja minn 4.5 sa 8 miljuni. L-impjieg illegali huwa kkonċentrat f'ċerti setturi: il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, it-tindif, u l-lukandi/catering. Fuq naħa, il-fattur li jiġbed l-immigrazzjoni illegali, l-impjieg illegali, bħax-xogħol mhux iddikkjarat miċ-ċittadini ta' l-UE, iwassal għal telf fil-finanzi pubbliċi, jista' jwassal għal tnaqqis fis-salarji u għal degradazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jista' jfixkel il-kompetizzjoni bejn l-impriżi u b'hekk il-ħaddiema mhux iddikkjarati ma jibbenefikawx minn assigurazzjoni fuq is-saħħa u minn drittijiet għal pensjoni li jiddependu fuq il-kontribuzzjonijiet. Fuq in-naħa l-oħra, ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment huma vulnerabbli daqs kemm huma suxxettibbli li jitkeċċew lura lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jekk jinqabdu. Din il-proposta tikkonċerna l-politika dwar l-immigrazzjoni, mhux il-politika dwar l-impjieg jew il-politika soċjali. Taħt din il-proposta, min iħaddem huwa ssanzjonat, u mhux iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment (madankollu, il-proposta għal Direttiva tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar ir-ritorn, b'regola ġenerali, titlob lill-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta' ritorn għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali). | 130 | Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-armonizzazzjoni tal-mezzi tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni u l-imjiegi illegali[3] tipproponi li dawk li jħaddmu li jixtiequ jimpjegaw ċittadini barranin għandhom jiġu inkuraġġiti li jivverifikaw ir-residenza jew is-sitwazzjoni ta' l-impjieg tagħhom u li persuna li tħaddem ċittadin barrani mingħajr awtorizzazzjoni tiġi sanzjonata. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 1996 dwar il-ġlieda kontra l-impjieg illegali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi[4] tipprovdi partikolarment li l-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li m'għandhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa għandu jiġi projbit u għandu jwassal għal penali kriminali u/jew amminsitrattivi. Din il-proposta tibni fuq dawn ir-Rakkomandazzjonijiet billi titlob lill-Istati Membri jipprojbixxu l-impjieg illegali, jipprovdu għal sanzjonijiet, u jitolbu lil min iħaddem biex jieħu miżuri preventivi u kontrolli oħra. Il-politika ta' l-UE kontra l-immigrazzjoni illegali tinkludi dispożizzjonijiet kontra t-traffikar u l-kuntrarbandu tal-persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri. Id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni umani[5] tikkriminalizza t-traffikar ta' persuna għal raġunijiet ta' sfruttament tax-xogħol jew sfruttament sesswali u tipprevedi l-approssimazzjoni tal-penali. L-impjieg illegali skond din il-proposta jista' jikkostittwixxi wkoll ir-reat kriminali iktar serju tat-traffikar jekk il-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas jiġu ssodisfati, inkluż l-użu ta' sfurzar jew ingann għall-għan ta' l-isfruttament tax-xogħol. Madankollu, din il-proposta tkopri s-sitwazzjoni fejn m'hemmx sfurzar jew ingann. Direttiva ta' l-2002[6] u d-Deċiżjoni Qafas[7] li takkompanjaha jittrattaw il-kwistjoni tat-traffikar tal-persuni billi jiddefinixxu l-għajnuna għad-dħul, it-tranżitu u r-residenza illegali u jipprevedu l-approssimazzjoni tal-penali. Ma jistax jiġi eskluż li l-impjieg illegali jista' jiġi assoċjat mal-faċilitazzjoni tad-dħul u/jew ir-residenza, iżda din il-proposta tkopri wkoll lil dawk li jħaddmu li mhumiex involuti fid-dħul jew ir-residenza taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment. | 140 | Il-konsistenza ma’ l-istrateġiji politiki oħra u ma’ l-għanijiet ta’ l-Unjoni L-impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali jagħmel parti minn problema usa' ta' xogħol mhux iddikkjarat, jiġifieri attivitajiet imħallsa li huma legali fir-rigward tan-natura tagħhom iżda li mhumiex iddikkjarati lill-awtoritajiet pubbliċi[8]. Xogħol mhux iddikkjarat u aspetti oħra relatati jinvolvu liċ-ċittadini ta' l-UE daqs kemm jinvolvu liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar din it-tema fil-Ħarifa 2007. Il-miżuri previsti taħt din il-proposta huma konsistenti ma' u jappoġġjaw lill-politika u l-azzjonijiet fuq il-livell tal-Komunità biex jipprevjenu u jiġġieldu l-evażjoni mit-taxxa. Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali. Ma taffettwax id-drittijiet li jgawdu minnhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi bħala ħaddiema, bħad-dritt li jingħaqdu ma' trejdjunjin, li jipparteċipaw u jibbenefikaw minn negozjati kollettivi u li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol konformi ma' l-istandards tas-saħħa u s-sigurezza. Rigward l-infrazzjoni li min iħaddem jista' jkun responsabbli għaliha, ta' min jinnota li, taħt din il-proposta, persuna li tħaddem li tikkontrolla d-dokumenti ta' impjegati potenzjali ma titqiesx responsabbli, per eżempju, jekk id-dokumenti fil-fatt ikunu foloz. Is-sanzjonijiet kriminali huma limitati għal każijiet serji fejn piena kriminali hija proporzjonata għall-iskala jew il-gravità ta' l-infrazzjoni. Id-data personali li min iħaddem u l-awtoritajiet huma meħtieġa li jiksbu meta jimplimentaw din il-proposta se jkollha bżonn tiġi pproċessata skond id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali[9]. | IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT | Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati | 211 | Il-metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu Saru laqgħat ma' l-ETUC u l-UNICE/Business Europe. L-Istati Membri ġew ikkonsultati fi ħdan il-qafas tal-Kumitat tal-Kummissjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. It-tħejjija tal-proposta bbenefikat ukoll mill-kontribuzzjonijiet tar-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali u NGOs oħra matul seminars u werkxops. Fil-qafas ta' l-istudju estern ordnat mill-Kummissjoni biex tkun appoġġjata l-valutazzjoni ta' l-impatt, saret konsultazzjoni oħra ma' l-Istati Membri (inklużi s-servizzi repressivi tagħhom), it-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, u l-NGOs fil-forma ta' kwestjonarji u intervisti. | 212 | Sinteżi tat-tweġibiet u kif tqiesu Il-Kummissjoni tat kont tal-kummenti li saru b'reazzjoni għall-Komunikazzjoni tagħha ta' Lulju 2006. | Ġbir u użu ta’ għarfien espert | 229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. | 230 | Valutazzjoni ta’ l-Impatt Waqt il-valutazzjoni ta' l-impatt kienu kkunsidrati dawn l-alternattivi: Possibbiltà 1: Status quo. Għalkemm il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri kollha (jekk mhux kollha) diġà għandhom sanzjonijiet kontra min iħaddem u miżuri preventivi fis-seħħ, dawn ma kinux effettivi. Din il-possibbiltà mhux se toħloq kondizzjonijiet ugwali, u s-sitwazzjoni tista' saħansitra tiddeterjorja peress li d-differenzi bejn l-Istati Membri jistgħu jiżdiedu. Il-livell tas-sanzjonijiet eżistenti jista' jkun tant baxx li ma jinnewtralizzawx il-vantaġġi ekonomiċi ta' l-impjieg illegali. L-ebda messaġġ ċar mhu qed jasal għand min iħaddem, għand il-pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom li l-lakuni fil-leġiżlzzjoni li jippermettu li jaħarbu mis-sanzjonijiet qed ikunu mnaqqsa. Possibbiltà 2: Sanzjonijiet armonizzati kontra min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali madwar l-UE b'obbligu ta' infurzar fuq l-Istati Membri (obbligu li jsir ċertu numru ta' spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol). Din il-possibbilità għandha tnaqqas il-varjazzjoni fil-leġiżlazzjoni u l-infurzar tagħha, u toħloq kundizzjonijiet ugwali. Il-livell minimu ta' sanzjonijiet kontra min iħaddem għandu jiżdied f'bosta Stati Membri, u b'hekk jissaħħaħ l-effett deterrenti. L-impjieg illegali possibbilment għandu jonqos b'riżultat ta' infurzar imtejjeb. Possibbiltà 3: Miżuri preventivi armonizzati: rekwiżiti komuni madwar l-UE għal min iħaddem biex jikkuppjaw id-dokumentazzjoni rilevanti (permess tar-residenza) u biex jinnotifikaw lill-entitajiet nazzjonali kompetenti. Din il-possibbiltà għandha tnaqqas l-impjieg illegali, peress li min iħaddem jista' jiddetermina fi stadju bikri jekk impjegat potenzjali jistax jaħdem. Għandu jitqiegħed piż minimu addizzjonali fuq min iħaddem; bosta Stati Membri diġà jirrikkjedu li min iħaddem jivverifika d-dokumenti. B'hekk jisseddqu kundizzjonijiet ugwali għaliex l-istess proċeduri jiġu segwiti madwar l-UE. Madankollu, il-frodi ta' l-identità u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti jistgħu jiżdiedu. Il-protezzjoni tad-data tinħtieġ li tkun żgurata. Possibbiltà 4: Sanzjonijiet armonizzati kontra min iħaddem u miżuri preventivi (jiġifieri possibbiltajiet 2 u 3). Taħt din il-possibbiltà, l-impatti pożittivi tal-possibbiltajiet 2 u 3 għandhom jissaħħu b'mod reċiproku, u jintbagħat messaġġ iktar ċar dwar l-impenn ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-impjieg illegali. Possibbiltà 5: Kampanja ta' tqajjim tal-kuxjenza ta' l-UE dwar il-konsegwenzi jekk jiġi impjegat ċittadin minn pajjiż terz b'residenza illegali. Din il-possibbiltà għandha teħtieġ riżorsi baxxi biex tiġi implimentata u jista' jkollha impatt żgħir, temporanju, iżda pożittiv fuq ir-rispett tar-regoli. Madankollu, din mhux se twassal għal tnaqqis fuq perjodu medju jew twil fl-impjieg illegali. Min iħaddem diġà huwa konxju mill-konsegwenzi negattivi ta' l-impjieg illegali. Possibbiltà 6: L-identifikazzjoni u l-iskambju ta' prassi tajba bejn l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet kontra min iħaddem. Infurzar aħjar huwa meqjus neċessarju mill-partijiet interessati kollha, u din il-possibbiltà għandha żżid il-kapaċità u għalhekk l-effettività tal-korpi ta' l-infurzar tal-liġi. Madankollu, ir-riżorsi għal spezzjonijiet xorta jibqgħu jiddependu fuq l-Istati Membri. Il-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ugwali tkun limitata, minħabba varjazzjonijiet fis-sanzjonijiet u l-miżuri preventivi jibqgħu u jistgħu saħansitra jiżdiedu. Jekk wieħed iqabbel il-possibbiltajiet u l-impatti tagħhom, u fid-dawl ta' l-opinjonijiet ta' l-Isati Membri u l-partijiet interessati, il-possibbiltà ppreferuta hija l-għaqda tal-possibbiltajiet 4 u 6. Bħala miżura ta' appoġġ il-miżuri ġodda li ġew proposti għandhom jiġu akkumpanjati minn kampanji tat-tqajjim tal-kuxjenza mmirati lejn min iħaddem (partikolarment individwi u impriżi ta' daqs żgħir u medju). Il-possibbiltà 4 tinsab riflessa f'din il-proposta, waqt li l-possibbiltà 6 u l-kampanji tat-tqajjim tal-kuxjenza li jappoġġjawha jinsabu riflessi fid-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni li takkumpanjaha. | ASPETTI LEGALI TAL-PROPOSTA | 305 | Sinteżi ta’ l-azzjoni proposta Il-proposta fiha projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg ta' ċittadini terzi b'residenza illegali. L-infrazzjonijiet għandhom jiġu sanzjonati b'penali (li jistgħu jkunu ta' natura amministrattiva) li jikkonsistu f'multi u, fil-każ ta' negozji, il-possibbiltà ta' miżura oħra, inkluż l-esklużjoni mill-irkupru ta' sussidji pubbliċi. Penali kriminali għandhom ikunu disponibbli f'każijiet serji. Biex tiġi żgurata l-effettività tal-projbizzjoni, min iħaddem għandu jintalab li jagħmel ċerti verifiki qabel ma jħaddem ċittadin minn pajjiż terz, il-proċedura biex isiru l-ilmenti tkun iffaċilitata u l-Istati Membri jkunu mitluba jagħmlu ċertu numru ta' spezzjonijiet. Is-sanzjonijiet iktar severi u l-obbligi ta' infurzar iktar għoljin li din id-Direttiva tapplika fir-rigward ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali meta mqabbla ma dawk applikabbli taħt strumenti Komunitarji eżistenti partikolarment fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi fir-rigward taċ-ċittadini ta' l-UE u ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza legali huma ġustifikati fid-dawl ta' l-għanijiet ta' din id-Direttiva u m'humiex diskriminatroji fir-rigward ta' l-istatuti differenti taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. | 310 | Il-bażi legali Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma ddisinnjati biex inaqqsu l-immigrazzjoni illegali fl-UE. Konsegwentament, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 63(3)(b) tat-Trattat tal-KE. Din il-bażi legali ma tkoprix miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali fl-UE iżda li qed jaħdmu kontra l-istatut tagħhom ta' residenza, pereżempju studenti minn pajjiżi terzi li jaħdmu iktar sigħat milli huwa permess. Għalhekk, din il-proposta ma tindirizzax tali sitwazzjonijiet, għalkemm huma daqstantieħor importanti, biex jitnaqqas il-fattur li jattira. | 320 | Prinċipju tas-sussidjarità Il-prinċipju tas-sussidjaretà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. | L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. | 321 | Jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom, hemm riskju li jkun hemm livelli differenti ta' sanzjonijiet u infurzar fl-Istati Membri differenti. Dan jista' jwassal għal tfixkil tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku u għal ċaqliq sekondarju ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali lejn l-Istati Membri b'livelli iktar baxxi ta' sanzjonijiet u infurzar. | L-azzjoni Komunitarja tkun tista’ tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. | 324 | F'żona mingħajr fruntieri interni, l-azzjoni kontra l-immigrazzjoni illegali jeħtieġ li tittieħed fuq bażi komuni. Dan huwa l-każ mhux biss ta' fruntieri komuni iżda wkoll fir-rigward ta' azzjoni biex jitnaqqsu l-fatturi li jiġbdu. L-azzjoni tal-Komunità għandha tkun iktar effettiva biex tnaqqas il-fattur li jattira l-impjieg illegali. Livell minimu komuni ta' sanzjonijiet kontra min iħaddem għandu jiżgura (1) li l-Istati Membri kollha jkollhom sanzjonijiet għolja biżżejjed biex ikollhom valur deterrenti, (2) li s-sanzjonijiet ma jkunux daqstant differenti li jwasslu għal ċaqliq sekondarju ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, u (3) li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali għan-negozji madwar l-UE. | 325 | Il-proposta tipprovdi biss għal livell minimu ta' armonizzazzjoni. | 327 | Il-proposta tikkonforma għalhekk mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. | Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja(in). | L-istrument magħżul huwa direttiva, li tippermetti lill-Istati Membri livell għoli ta' flessibbiltà fl-implimentazzjoni tagħha. Taħt l-Artikolu 63, l-inċiż ta' qabel ta' l-aħħar, tat-Trattat tal-KE, l-Istati Membri huma ħielsa li jżommu jew jintroduċu miżuri barra dawk stipulati fid-Direttiva sakemm ikunu kumpatibbli mat-Trattat u mal-ftehimiet internazzjonali. | 331 | L-implimentazzjoni tad-Direttiva tista' timponi xi piż finanzjarju u amministrattiv addizzjonali fuq il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali ta' l-Istati Membri sabiex tkun żviluppata l-istrateġija ta' infurzar mitluba u biex jintlaħaq in-numru minimu ta' spezzjonijiet meħtieġ. Barra minn dan, xi piż addizzjonali fuq dawn il-gvernijiet jista' jirriżulta minn żieda potenzjali fi proċedimenti amministrattivi u kriminali. Dawn il-piżijiet żejda huma madankollu limitati għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-effettività tal-proposta. Għall-operaturi ekonomiċi, il-piżijiet huma limitati għat-twettiq ta' spezzjonijiet qabel ma jiġu impjegati ċittadini minn pajjiżi terzi, in-notifika lill-awtoritajiet kompetanti u ż-żamma tar-rekords. Dawn il-piżijiet huma proporzjonati għall-għan tal-proposta. | 332 | L-għażla ta’ l-istrumenti | Strument propost: direttiva. | 341 | 342 | Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Direttiva hi l-istrument xieraq għal din l-azzjoni: din tistabbilixxi standards minimi li jorbtu iżda tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà meta jinkorporawha fil-leġiżlazzjoni u l-miżuri ta' eżekuzzjoni nazzjonali. | L-IMPLIKAZZJONI GħALL-BAġIT | 409 | Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Komunità. | INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI | Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni | Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi. | 531 | Tabella ta’ korrelazzjoni L-Istati Membri huma meħtieġa li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi din il-proposta għal Direttiva kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. | 550 | Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta Artikoli 1 u 2 Il-proposta ma tkoprix liċ-ċittadini ta' l-UE, inklużi dawk li l-eliġibilità tagħhom għall-impjieg fi Stat Membru partikolari hija ristretta bi ftehimiet tranżitorji. Id-definizzjoni ta' "min iħaddem" tkopri mhux biss lill-persuni fiżiċi u legali li jħaddmu lill-oħrajn fil-qafas ta' attivitajiet ekonomiċi, iżda wkoll lill-individwi privati li jħaddmu, pereżempju, lis-sefturi. Peress li l-għan huwa li jitnaqqas il-fattur li jattira l-impjieg illegali, ma jagħmilx sens li jiġu esklużi individwi privati li jħaddmu. Artikolu 3 Id-dispożizzjoni ċentrali tal-proposta hija projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li m'għandhomx dritt li jkunu residenti ta' l-UE. Artikoli 4 u 5 Min iħaddem jista', qabel ma jimpjega lil ċittadini minn pajjiżi terzi, jiġi mitlub li jivverifika li dawn għandhom permess ta' residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza. L-impriżi u l-persuni legali li jħaddmu (bħal assoċjazzjoni irreġistrati bla skop lukrativ) barra minn dan se jkunu obbligati li jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawk li jħaddmu li jistgħu juru li wettqu dawn l-obbligi mhux se jkunu responsabbli għal sanzjonijiet. Rigward id-dokumenti ffalsifikati, huwa ċar li mhuwiex raġonevoli li min iħaddem jintalab jidentifika tali dokumenti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Lulju 2006 ddikkjarat li jiġu żviluppati linjigwida komuni dwar l-istandards minimi ta' sigurtà, partikolarment fir-rigward ta' proċeduri ta' ħruġ, għad-dokumenti li jinkludu l-permessi għar-residenza. Iżda min iħaddem m'għandux jaħrab mir-responsabbiltà meta dokumenti huma manifestament inkorretti (pereżempju, dokument b'ritratt li b'mod ċar ma jkunx tal-ħaddiem potenzjali jew meta jkun ċar li dokument ikun ġie ffalsifikat) Artikoli 6 L-infrazzjonijiet imwettqin minn min iħaddem għandhom ikunu punibbli b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jistgħu jkunu sanzjonijiet amministrattivi. Is-sanzjonijiet imposti għandhom jinkludu multi u l-ispejjeż tar-ritorn taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. M'għandhomx ikunu imposti sanzjonijiet fuq iċ-ċittadini mill-pajjiżi terzi kkonċernati skond din il-proposta. Il-Kummissjoni għamlet proposta separata għal Direttiva[10] li, bħala regola ġenerali, għandha teħtieġ lill-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta' ritorn fir-rigward ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. Artikolu 7 Min iħaddem għandu jintalab iħallas kull remunerazzjoni pendenti liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali u l-Istati Membri huma marbutin li jintroduċu mekkaniżmi biex jiżguraw li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi, anke jekk ikunu telqu mit-territorju ta' l-Istat Membru, jirċievu s-salarji b'lura kollha. Artikolu 8 Għall-impriżi, miżuri oħra se jkunu disponibbli inkluża l-esklużjoni mill-benefiċċji pubbliċi (inkluż il-finanzjament mill-UE ġestit mill-Istati Membri) u proċeduri ta' sejħiet għall-proposti. Għandu jkun ukoll possibbli li jiġu rkuprati s-sussidji pubbliċi, inkluż il-finanzjament mill-UE ġestit mill-Istati Membri, mogħti lil min iħaddem matul it-12-il xahar preċedenti. L-istess possibbiltà teżisti taħt ir-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-finanzjament mill-UE ġestit mill-Kummissjoni. Artikolu 9 Minħabba li sanzjoni finanzjarja ma tistax tiġi rkuprata mis-subkuntrattur, tista' tiġi rkuprata minn kuntratturi oħrajn fil-katina tas-subkuntrattar, sa u inkluż il-kuntrattur prinċipali. Artikoli 10 u 11 Multi amministrattivi u miżuri oħra jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiddiswadu lil ċerti persuni li jħaddmu. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jipprovdu għal penali kriminali għal erba' tipi ta' każijiet serji: infrazzjonijiet ripetuti, it-tħaddim ta' numru sinifikanti ta' ċittadini minn pajjiżi terzi, kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi, u meta min iħaddem ikun jaf li ħaddiem huwa vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Biex ikun żgurat, partikolarment, li l-individwi li jħaddmu jistgħu jkunu imposti fuqhom sanzjonijiet kriminali f'każijiet serji biss, infrazzjoni ripetuta tiġi kriminalizzata biss meta tkun it-tielet infrazzjoni fi żmien perjodu ta' sentejn. Artikoli 12 u 13 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni legali jistgħu jitqiesu responsabbli għal reati kriminali. Mhux speċifikat jekk ir-responsabbiltà ta' persuni legali għandhiex tkun dik kriminali. Għalhekk, l-Istati Membri li ma jirrikonoxxux ir-resposabbiltà kriminali ta' persuni legali m'humiex obbligati li jibdlu s-sistema nazzjonali tagħhom. Artikolu 14 Biex l-infurzar ikun iktar effettiv, għandu jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ li permezz tagħhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jilmentaw direttament jew permezz tal-partijiet terzi magħżula. Dawn il-partijiet terzi għandhom ikunu protetti minn sanzjonijiet possibbli taħt regoli li jipprojbixxu l-faċilitazzjoni ta' dħul u residenza mhux awtorizzati. It-trejdunjins u l-NGOs saħqu fuq il-bżonn ta' tali dispożizzjoni. Miżuri addizzjonali huma proposti biex jipproteġu ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' kundizzjonijiet ta' xogħol partikolarment abużivi li jwasslu għal responsabbiltà kriminali. L-ewwelnett, dawk li jikkooperaw fil-proċedimenti għandhom jibbenefikaw mill-istess possibbiltà li jiġu mogħtija permess ta' residenza temporanja kif teżisti diġà taħt id-dritt tal-KE għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jikkooperaw ma' l-awtoritajiet. It-tieninett, ir-ritorn tagħhom jista' jiġi postpost sa ma attwalment jirċievu lura l-ħlas tar-remunerazzjoni tagħhom. Artikolu 15 L-Istati Membri għandhom jiġu mitluba li jagħmlu ċertu numru ta' kontrolli fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju. | 1. 2007/0094 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[11], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[12], Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[13], Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[14], Billi: (1) Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 ġie miftiehem li tiżdied il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u partikolarment li għandhom jiġu intensifikati l-miżuri kontra l-impjieg illegali fuq il-livell ta' l-Istati Membri u ta' l-UE. (2) Fattur prinċipali li jattira l-immigrazzjoni illegali lejn l-UE huwa l-possibbiltà li jinsab xogħol fl-UE mingħajr l-istatus legali meħtieġ. Għalhekk, l-azzjonijiet kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali għandhom jinkludu miżuri kontra l-fattur li jattira. (3) Dawn il-miżuri għandhom ikunu ffukati fuq projbizzjoni ġenerali fuq l-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li m'għandhomx id-dritt għal residenza fl-UE, akkumpanjata minn sanzjonijiet kontra min iħaddem li jikser din il-projbizzjoni. (4) Id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikopru liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li m'għandhomx residenza illegali. Dawn jeskludu ċittadini minn pajjiżi terzi li huma membri tal-familja jew ċittadini ta' l-Unjoni li qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-moviment ħieles fil-Komunità, u dawk li, taħt il-ftehimiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi li huma ċittadini tagħhom, min-naħa l-oħra, igawdu minn drittijiet ta' moviment ħieles daqs iċ-ċittadini ta' l-Unjoni. Dawn jeskludu wkoll liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jinsabu f'sitwazzjoni koperta mil-liġi tal-Komunità, bħal dawk li huma impjegati legalment fi Stat Membru ieħor u dawk li huma ssekondati minn fornitur tas-servizzi fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tad-dispożizzjoni tas-servizzi. (5) Biex jipprevjenu l-impjieg taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, min iħaddem għandu jiġi mitlub li qabel iħaddem ċittadin minn pajjiż terz, anke f'każijiet fejn iċ-ċittadin mill-pajjiż terz jiġi mħaddem għal raġunijiet ta' ssekondar fi Stat Membru ieħor fil-kuntest tad-dispożizzjoni tas-servizzi, biex jivverifika li l-ħaddiema għandhom permess tar-residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza għall-perjodu ta' l-impjieg. Il-piż fuq min iħaddem għandu jiġi limitat għall-verifika li d-dokument ma jkunx manifestement inkorrett, ngħidu aħna jkollu ritratt manifestement ħażin. Biex jippermettu partikolarment lill-Istati Membri li jivverifikaw dokumenti falsifikati, in-negożji u l-persuni legali għandhom ikunu meħtieġa li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-impjieg ta' ċittadin minn pajjiż terz. (6) Dawk li jħaddmu li jkunu rrispettaw l-obbligi imposti f'din id-Direttiva ma jistgħux jinżammu responsabbli li jkunu ħaddmu ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, partikolarment jekk l-awtorità kompetenti iktar tard issib li d-dokument ippreżentat minn impjegat kien fil-fatt iffalsifikat jew użat ħażin. (7) Biex tiġi infurzata l-projbizzjoni ġenerali u jiġu evitati l-infrazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet xierqa. Dawn għandhom jinkludu penali finanzjarji u kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tar-ritorn taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. (8) Fi kwalunkwe każ, min iħaddem għandu jintalab li jħallas liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi kull remunerazzjoni pendenti għax-xogħol li jkunu għamlu u kwalunkwe taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pendenti. (9) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu introdotti talbiet u jinħolqu mekkaniżmi biex jiggarantixxu li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi jirċievu l-ammonti rkuprati tar-remunerazzjoni pendenti dovuti lilhom. (10) L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal suppożizzjoni ta' relazzjoni tax-xogħol ta' mill-inqas sitt xhur biex il-piż tal-prova jintefa' fuq min iħaddem għall-inqas għal ċeru perjodu. (11) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà ta' iktar sanzjonijiet kontra l-intrapriżi, inklużi esklużjonijiet minn intitolamenti għal benefiċċji pubbliċi, għajnuniet jew sussidji, inklużi sussidji agrikoli; esklużjonijiet minn proċeduri ta' l-akkwisti pubbliċi; u l-irkupru ta' benefiċċji pubbliċi, għajnuniet jew sussidji, inklużi l-fondi ta' l-UE ġestiti mill-Istati Membri, li diġà jkunu ngħataw. (12) Din id-Direttiva, u partikolarment l-Artikoli 8, 11 u 13 tagħha, għandha tkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea[15] (13) Fid-dawl tar-rikors frekwenti għas-subkuntrattar f'ċerti setturi affettwati, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-impriżi kollha f'katina ta' subkuntrattar jinżammu responsabbli in solidum għas-sanzjonijiet finanzjarji kontra min iħaddem fit-tmiem tal-katina li jimpjega ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. (14) L-esperjenza turi li s-sistemi eżistenti tas-sanzjonijiet ma kinux biżżejjed biex tintlaħaq konformità sħiħa mal-projbizzjonijiet kontra l-impjieg ta' ċittadini terzi b'residenza illegali. Waħda mir-raġunijiet hija li s-sanzjonijiet amministrattivi waħedhom mhumhiex biżżejjed biex iwaqqfu ċerti persuni li jħaddmu bla skruplu. Il-konformità tista' u għandha tissaħħaħ bl-applikazzjoni ta' sanzjonijiet kriminali. (15) Biex tkun garantita l-effettività sħiħa tal-projbizzjoni ġenerali, hemm għalhekk bżonn partikolari għal sanzjonijiet iktar dissważivi f'każijiet serji, bħal pereżempju: infrazzjonijiet ripetuti, it-tħaddim ta' numru sinifikanti ta' ċittadini minn pajjiżi terzi, kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi, u meta min iħaddem ikun jaf li ħaddiem huwa vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu kkunsidrati bħala partikolarment abużivi meta jkun hemm differenza sinifikanti fis-salarju jew fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, partikolarment dawk li jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, minn dawk li jgawdu minnhom il-ħaddiema legali. (16) Fil-każijiet kollha meqjusa bħala serji skond din id-Direttiva l-infrazzjoni għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala reat kriminali madwar il-Komunità kollha meta din titwettaq intenzjonalment. Ir-reat kriminali għandu jkun bla ħsara għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/629/JHA tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin[16]. (17) Ir-reat kriminali għandu jkun punibbli b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom japplikaw ukoll għall-persuni legali madwar il-Komunità, minħabba li ħafna persuni li jħaddmu huma persuni legali. (18) Biex jiġi ffaċilitat l-infurzar, għandu jkun hemm mekkaniżmi effettivi ta' lmentar li permezz tagħhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi rilevanti jkunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti direttament jew permezz ta' partijiet terzi magħżula bħal trejdjunjins jew assoċjazzjonijiet oħrajn. Dawn il-partijiet terzi magħżula għandhom ikunu protetti, meta jipprovdu għajnuna għall-preżentazzjoni ta' l-ilmenti, kontra sanzjonijiet taħt regoli li jipprojbixxu l-faċilitazzjoni ta' residenza mhux awtorizzata. (19) Biex ikunu kkumplimentati l-mekkażmi ta' lmentar, l-Istati Membri għandhom jagħtu permessi ta' residenza ta' tul limitat, marbutin mat-tul tal-proċedimenti nazzjonali rilevanti, liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ġew soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi u li jikkooperaw fil-proċedimenti kriminali kontra min iħaddem. Tali permessi għandhom jingħataw taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal- bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti[17]. (20) Biex ikun żgurat livell suffiċjenti ta' infurzar u jiġu evitati differenzi sinifikanti fil-livell ta' infurzar fl-Istati Membri, ċertu proporzjon ta' kumpaniji stabbiliti f'kull Stat Membru għandu jiġi spezzjonat. (21) Kwalunkwe pproċessar tad- data personali li jsir fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jkun konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad- data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data [18]. (22) Peress li l-għan ta' din id-Direttiva, partikolarment li tikkumbatti l-immigrazzjoni illegali billi taġixxi kontra l-fattur li jattira fil-qasam ta' l-impjieg, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk jista', minħabba l-iskala u l-effetti, jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan. (23) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod speċifiku, għandha tiġi applikata b'rispett xieraq lejn il-libertà għat-tmexxija ta' impriża, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali quddiem il-qorti u l-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-penali, skond l-Artikoli 16, 20, 21, 47 u 49 tal-Karta. (24) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Is-suġġett u l-ambitu 1. Din id-Direttiva tiffissa sanzjonijiet u miżuri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kontra min iħaddem ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali fuq it-territorju ta' l-Istati Membri, sabiex tittieħed azzjoni kontra l-immigrazzjoni illegali. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) "ċittadin minn pajjiż terz" tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx ċittadin ta' l-Unjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat; (b) "impjieg" tfisser l-eżerċizzju ta' attivitajiet remunerati għal u taħt id-direzzjoni ta' persuna oħra; (c) "residenza illegali" tfisser il-preżenza fuq it-territorju ta' Stat Membru ta' ċittadin minn pajjiż terz li ma jissodisfax, jew li ma jissodisfax iktar, il-kundizzjonijiet biex joqgħod jew biex ikollu residenza f'dak l-Istat Membru; (d) "impjieg illegali" tfisser impjieg ta' ċittadin minn pajjiż terz li joqgħod illegalment fuq it-territorju ta' Stat Membru; (e) "min iħaddem" tfisser kwalunkwe persuna, inklużi persuni legali, li ċittadin minn pajjiż terz jeżerċita attivitajiet remunerati għaliha u taħt id-direzzjoni tagħha; (f) "subkuntrattur" tfisser persuna fiżika jew legali li tiġi fdata l-eżekuzzjoni ta' parti mill-obbligi jew l-obbligi kollha ta' kuntratt minn qabel. Artikolu 3Projbizzjoni ta' l-impjieg illegali L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali. L-infrazzjonijiet ta' din il-projbizzjoni għandhom ikunu suġġet għal sanzjonijiet u miżuri stipulati f'din id-Direttiva. Artikolu 4Obbligi ta' min iħaddem 1. L-Istati Membri għandhom jobbligaw lil min iħaddem biex : (a) jitlob il-produzzjoni minn ċittadin ta' pajjiż terz ta' permess ta' residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza għall-perjodu ta' l-impjieg in kwistjoni; (b) jitlob kopja jew rekord tal-permess tar-residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza qabel ma jibda l-impjieg; (c) iżomm għal mill-inqas it-tul ta' l-impjieg il-kopji jew ir-rekords disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jobbligaw lil min iħaddem li jaġixxi fil-qafas ta' l-attivitajiet ekonomiċi jew bħala persuna legali biex jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti magħżula mill-Istati Membri kemm il-bidu kif ukoll it-tmiem ta' l-impjieg ta' ċittadin minn pajjiżi terz l-iktar tard fi żmien ġimgħa. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem ikun issodisfa l-obbligi tiegħu taħt il-paragrafu 1(a) sakemm id-dokument ippreżentat bħala permess ta' residenza jew awtorizzazzjoni oħra ta' residenza ma jkunux manifestement inkorretti. Artikolu 5 Konsegwenza ta' l-issodisfar ta' l-obbligi minn min iħaddem L-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem ma jinżammx responsabbli għall-infrazzjoni ta' l-Artikolu 3 meta jista' juri li ssodisfa l-obbligi stipulati fl-Artikolu 4. Artikolu 6Sanzjonijiet finanzjarji 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kwalunkwe infrazzjoni ta' l-Artikolu 3 tkun suġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra min iħaddem. 2. Sanzjonijiet fir-rigward ta' kull infrazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandhom jinkludu: (a) penali finanzjarji b'rabta ma' kull ċittadin minn pajjiżi terz imħaddem illegalment; (b) ħlasijiet ta' l-ispejjeż tar-ritorn ta' kull ċittadin illegali mħaddem illegalment f'dawk il-każijiet fejn il-proċeduri tar-ritorn ikunu mwettqa. Artikolu 7Ħlasijiet b'lura lill-impjegati 1. Fir-rigward ta' kull infrazzjoni ta' l-Artikolu 3 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem iħallas: (a) kwalunkwe remunerazzjoni pendenti liċ-ċittadin tal-pajjiż terz imħaddem illegalment; (b) kwalunkwe taxxi u kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali pendenti, inklużi multi amministrattivi rilevanti. 2. Sabiex jiġi applikat il-paragrafu 1(a), l-Istati Membri għandhom: (a) jadottaw mekkaniżmi biex jiżguraw li l-proċeduri neċessarji biex jitolbu lura r-remunerazzjoni b'lura pendenti għandhom jiġu stimolati awtomatikament mingħajr ma jkun hemm bżonn li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi jintroduċu talba; (b) jipprovdu li jkun hemm suppożizzjoni ta' relazzjoni tax-xogħol ta' mill-inqas 6 xhur, ħlief jekk min iħaddem ikun jista' jipprovdi xiehda mod ieħor. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment jirċievu lura kwalunkwe ħlas b'lura ta' remunerazzjoni dovuta lilhom skond il-paragrafu 1(a), inkluż f'każijiet ta' ritorn volontarju jew furżat. 4. Fir-rigward tar-reati kriminali koperti bl-Artikolu 10(1)(c), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' ritorn tiġi postposta sakemm iċ-ċittadin mill-pajjiż terz ikun irċieva kwalunkwe ħlas b'lura tar-remunerazzjoni dovuta lilu skond il-paragrafu 1(a). Artikolu 8 Miżuri oħra L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li min iħaddem li jaġixxi fil-qafas ta' attivitajiet finanzjarji jista' wkoll, jekk ikun xieraq, ikun suġġett għal dawn il-miżuri: (a) l-esklużjoni minn intitolament ta' benefiċċji pubbliċi, għajnuna jew sussidji sa ħames snin; (b) l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f'kuntratt pubbliku sa ħames snin; (c) l-irkupru tal-benefiċċji pubbliċi, għajnuna, jew sussidji, inkluż il-finanzjament mill-UE ġestit mill-Istati Membri, mogħti lil min iħaddem matul it-12-il xahar qabel ma jinkixef l-impjieg illegali; (d) l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li setgħu ntużaw biex tkun kommessa l-infrazzjoni. Artikolu 9Subkuntrattar 1. Meta min iħaddem ikun subkuntrattur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kuntrattur prinċipali u kwalunkwe subkuntrattur intermedjarju jinżammu responsabbli li jħallsu: (a) kwalunkwe sanzjoni taħt l-Artikolu 6, u (b) kwalunkwe ħlas b'lura dovut taħt l-Artikolu 7. 2. Il-kuntrattur prinċipali u kwalunkwe subkuntrattur intermedjarju għandhom taħt il-paragrafu 1 jinżammu responsabbli in solidum , bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali rigward id-drittijiet ta' kontribuzzjoni jew rikors. Artikolu 10 Reat kriminali 1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-infrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tikkostittwixxi reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment, f'dawn iċ-ċirkustanzi: (a) l-infrazzjoni tkompli jew tiġi ripetuta wara li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew il-qrati, fi żmien perjodu ta' sentejn, ikunu għamlu żewġ sejbiet preċedenti li min iħaddem ikun kiser l-Artikolu 3; (b) l-infrazzjoni tkun fir-rigward ta' numru sinifikanti ta' ċittadini minn pajjiżi terzi mħaddma illegalment. Dan għandu jkun il-każ jekk għall-inqas erba' ċittadini minn pajjiżi terzi jitħaddmu illegalment; (c) l-infrazzjoni tkun akkumpanjata minn kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abużivi, bħal differenza sinifikanti fil-kundizzjonijiet tax-xogħol minn dawk li jgawdu minnhom l-impjegati mħaddma legalment; jew (d) l-infrazzjoni titwettaq minn min iħaddem li juża xogħol jew servizzi minn persuna bl-għarfien li din hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parteċipazzjoni fl-imġiba referita fl-Artikolu 1 jew l-instigazzjoni tagħha jikkostitwixxu reat kriminali. Artikolu 11 Sanzjonijiet għar-reat kriminali 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kummissjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 10 tkun punibbli b'sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. Is-sanzjonijiet kriminali pprovduti f'dan l-Artikolu jistgħu jiġu akkumpanjati b'sanzjonijiet jew miżuri oħrajn, partikolarment dawk provduti fl-Artikoli 6, 7 u 8, u bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja relatata mal-kundanna jew kwalunkwe sanzjonijiet jew miżuri applikati. Artikolu 12 Responsabbiltà ta' persuni legali 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli għar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 10 fejn tali reat ikun sar għal benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn entità jew persuna legali, li għandha pożizzjoni importanti fi ħdan il-persuna legali, ibbażata fuq: (a) prokura tal-persuna legali, jew (b) awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna legali, jew (c) awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna legali. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna legali tista' tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, jkun għamel possibbli t-twettiq tar-reat kriminali msemmi fl-Artikolu 10 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna legali minn persuna taħt l-awtorità tagħha. 3. Ir-responsabbiltà ta' persuna legali taħt il-paragrafi 1 u 2 m'għandhiex teskludi l-proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jkunu l-awturi, l-instigaturi jew l-aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikolu 10. Artikolu 13 Is-sanzjonijiet kontra l-persuni legali L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna legali li tinżamm responsabbli għal reat kriminali skond l-Artikolu 10 tkun punibbli b'sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali u mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra bħal: (a) l-esklużjoni minn intitolament għal benefiċċji jew għajnuna pubbliċi; (b) l-esklużjoni mill-parteċipazzjoni f'kuntratt pubbliku sa ħames snin; (c) l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet agrikoli, industrijali jew kummerċjali; (d) it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja; (e) ordni ġudizzjarja ta' stralċ. Artikolu 14Notifika ta’ ilmenti 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal mekkaniżmi effettivi li permezz tagħhom iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi impjegati illegalment ikunu jistgħu jippreżentaw ilmenti kontra min iħaddimhom, direttament jew permezz ta' partijiet terzi. 2. L-Istati Membri m'għandhomx jimponu sanzjonijiet kontra partijiet terzi magħżula li jipprovdu għajnuna lil ċittadini minn pajjiżi terzi jippreżentaw l-ilmenti, fuq il-bażi tal-faċilitazzjoni ta' residenza mhux awtorizzata. 3. Fir-rigward tar-reati kriminali koperti bl-Artikolu 10(1)(c), l-Istati Membri għandhom, taħt ċerti kundizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 sa 15 tad-Direttiva 2004/81/KE jagħtu permessi ta' residenza ta' tul limitat, marbutin mat-tul tal-proċedimenti nazzjonali rilevanti, liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li huma jew li kienu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol abużivi u li jikkooperaw fi proċedimenti kontra min iħaddimhom. Artikolu 15 Spezzjonijiet 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-inqas 10% tal-kumpaniji stabbiliti fuq it-territorju tagħhom kull sena jkunu suġġetti għal spezzjonijiet biex jiġi kkontrollat l-impjieg illegali taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. 2. L-għażla tal-kumpaniji biex jiġu spezzjonati għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri waqt li jingħata kont ta' fatturi bħas-settur li fih topera kumpannija u kwalunkwe rekord ta' infrazzjoni fil-passat. Artikolu 16 Rappurtar Sa [ Tliet snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 17 ] l-iktar tard, u kull tliet snin wara din id-data, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fil-forma ta' rapport li għandu jinkludi n-numri u r-riżultati ta' l-ispezzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 15 u d-dettalji ta' miżuri applikati taħt l-Artikolu 8. Fuq il-bażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Artikolu 17Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [ 24 xahar mid-data tal-publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ] l-iktar tard. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Artikolu 18 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea . Artikolu 18Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] COM(2005) 669. [2] COM(2006) 402. [3] ĠU C 5, 10.1.1996, p. 1. [4] ĠU C 304, 14.10.1996, p. 1. [5] ĠU L 203, 6.8.2004, p. 1. [6] ĠU L 328, 6.8.2004, p. 17. [7] ĠU L 328, 6.8.2004, p. 1. [8] COM(98) 219. [9] ĠU L 281, 6.8.2004, p. 31. [10] COM(2005) 391. [11] ĠU C […], […], p. […]. [12] ĠU C […], […], p. […]. [13] ĠU C […], […], p. […]. [14] ĠU C […], […], p. […]. [15] ĠU L 248, 19.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1). [16] ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1. [17] ĠU L 261, 6.8.2004, p.19. [18] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.