Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IG1109(01)

    Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/.../ĠAI ta'... dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini

    ĠU C 267, 9.11.2007, p. 4–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 267/4


    Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/.../ĠAI ta'... dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfini

    (2007/C 267/06)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(1)(a), l-Artikolu 32 u t-tieni sentenza ta' l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI (1),

    Fuq l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    BILLI:

    (1)

    Fi... 2007 l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI.

    (2)

    Bid-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI l-elementi bażiċi tat-Trattat ta' Prüm tas-27 ta' Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfini, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfini u l-migrazzjoni illegali (it-Trattat ta' Prüm), ġew trasposti għall-qafas legali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (3)

    L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI fil-livell ta' l-Unjoni skond il-proċedura stipulata fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 34(2)(ċ) tat-Trattat. Dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet implimentattivi miftehmin fil-5 ta' Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni amministrattiva u teknika tat-Trattat ta' Prüm tas-27 ta' Mejju 2005.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi dawk id-dispożizzjonijiet normativi komuni li huma indispensabbli għall-implimentazzjoni amministrattiva u teknika fil-forom ta' koperazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI. L-Anness fih dispożizzjonijiet ta' implimentazjoni ta' natura teknika. Minbarra dan, Manwal separat, li jkun fih esklużivament informazzjoni fattwali li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri, ser jiġi stabbilit u miżmum aġġornat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    KAPITOLU I

    ĠENERALI

    Artikolu 1

    Għan

    B'din id-Deċiżjoni l-Kunsill bi ħsiebu jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI, speċjalment għall-iskambju awtomat ta' data tad-DNA, data dattiloskopika u data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi kif stabbilit fil-Kapitolu II tagħha, kif ukoll forom oħra ta' koperazzjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

    (a)

    “Tiftix” u “paragun” kif imsemmijin fl-Artikoli 3, 4 u 9 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI tfisser il-proċeduri li bihom jiġi stabbilit jekk hemmx taqbila bejn, rispettivament, id-data tad-DNA jew id-data dattiloskopika li ġiet ikkomunikata minn Stat Membru wieħed u d-data tad-DNA jew id-data dattiloskopika maħżuna fid-databases ta' Stat Membru wieħed, diversi minnhom jew kollha kemm huma;

    (b)

    “Tiftix awtomatizzat” kif imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI tfisser proċedura ta' aċċess online sabiex jiġu kkonsultati d-databases ta' Stat Membru wieħed, diversi minnhom jew kollha kemm huma;

    (ċ)

    “Data ta' referenza tad-DNA” tfisser profil tad-DNA u numru ta' referenza;

    (d)

    “Profil tad-DNA” tfisser kodiċi b'ittri jew b'ċifri li jirrappreżenta sett ta' karatteristiċi ta' identifikazzjoni tal-parti non-kodifikanti ta' kampjun analizzat ta' DNA uman, jiġifieri l-istruttura molekulari partikolari fid-diversi pożizzjonijiet (loci) tad-DNA;

    (e)

    “Parti non-kodifikanti tad-DNA” tfisser reġjuni ta' kromosoma li m'humiex espressi ġenetikament, jiġifieri m'hux magħruf li jipprovdu xi proprjetajiet funzjonali ta' organiżmu;

    (f)

    “Profil tad-DNA ta' referenza” tfisser il-profil tad-DNA ta' persuna identifikata;

    (g)

    “Profil tad-DNA mhux identifikat” tfisser il-profil tad-DNA miksub minn traċċi miġbura matul l-investigazzjoni ta' reati kriminali u li jappartjenu għal persuna li għadha ma ġietx identifikata;

    (h)

    “Nota” tfisser l-immarkar ta' Stat Membru fuq profil tad-DNA fid-database nazzjonali tiegħu li jindika li diġà kien hemm riżultat (hit) fuq dan il-profil ta' dik id-DNA f'tiftixa jew paragun ta' Stat Membru ieħor;

    (i)

    “Data dattiloskopika” tfisser immaġini ta' marki tas-swaba', immaġini ta' marki tas-swaba' moħbijin (latent), marki tal-palma ta' l-id, marki tal-palma moħbijin kif ukoll mudelli ta' tali immaġini (dettalji żgħar kodifikati), meta dawn huma maħżunin u ttrattati f'database awtomatizzata;

    (j)

    “data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi” tfisser is-sett ta' data kif speċifikat fil-Kapitolu III ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni;

    (k)

    “każ individwali”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), it-tieni sentenza, l-Artikolu 9(1), it-tieni sentenza u l-Artikolu 12(1), it-tieni sentenza tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI, tfisser investigazzjoni unika jew fajl ta' taħrika. Jekk tali fajl jkun fih iktar minn profil wieħed ta' DNA, jew pari waħdi ta' data dattiloskopika jew data' ta' reġistrazzjoni ta' vetturi, jistgħu jiġu trażmessi flimkien bħala talba waħda.

    KAPITOLU II

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-ISKAMBJU TAD-DATA

    Artikolu 3

    Speċifikazzjonijiet tekniċi

    L-Istati Membri għandhom josservaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni korrispondenti b'rabta mal-mistoqsijiet u t-tweġibiet kollha relatati ma' tiftix u paraguni ta' profili tad-DNA, data dattiloskopika u data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    Netwerk ta' komunikazzjonijiet

    L-iskambju elettroniku ta' data tad-DNA, data dattiloskopika u data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bejn l-Istati Membri għandu jsir bl-użu tan-netwerk ta' komunikazzjoni tas-Servizzi Trans Ewropej għat-Telematika bejn l-Amministrazzjonijiet (TESTA II) u żviluppi ulterjuri tiegħu.

    Artikolu 5

    Disponibbiltà ta' skambju ta' data awtomatizzat

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li tiftix jew paragun awtomatizzat ta' data tad-DNA, data dattiloskopika u data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi jista' jsir 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. Fil-każ ta' ħsara teknika, il-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lil xulxin u għandhom jaqblu dwar arranġamenti alternattivi temporanji għall-iskambju ta' informazzjoni skond id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. L-iskambju awtomatizzat tad-data għandu jerġa' jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli.

    Artikolu 6

    Numri ta' referenza għad-data tad-DNA u d-data dattiloskopika

    In-numri ta' referenza msemmijin fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI għandhom jikkonsistu minn kombinazzjoni ta' dan li ġej:

    1.

    kodiċi li jippermetti lill-Istati Membri, fil-każ ta' taqbila, biex jirkupraw data personali u informazzjoni oħra fid-databases tagħhom sabiex jipprovfuha lil Stat Membru wieħed, bosta Stati Membri jew kollha bi qbil ma' l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI.

    2.

    kodiċi li jindika l-oriġini nazzjonali tal-profil tad-DNA jew id-data dattiloskopika, u

    3.

    fir-rigward ta' data tad-DNA, kodiċi li jindika t-tip tal-profil tad-DNA.

    KAPITOLU III

    DATA TAD-DNA

    Artikolu 7

    Prinċipji ta' l-iskambju tad-data tad-DNA

    1.   L-Istati Membri għandhom jużaw standards eżistenti għall-iskambju tad-data tad-DNA, per eżempju s-Sett Standard Ewropew (ESS) jew is-Sett ta' Loci Standard ta' l-Interpol (ISSOL).

    2.   Il-proċedura ta' trasmissjoni, fil-każ ta' tiftix awtomatizzat u paragun awtomatizzat ta' profili tad-DNA, għandha ssir fi ħdan struttura deċentralizzata.

    3.   Miżuri xierqa għandhom jittieħdu biex tkun żgurata l-konfidenzjalità u l-integrità ta' data li qed tintbagħat lil Stati Membri oħrajn, inkluż l-qlib tagħhom f'kowd.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu l-integrità tal-profili tad-DNA li saru disponibbli jew intbagħtu għal paragun lill-Istati Membri l-oħrajn u biex jiżguraw li dawn il-miżuri jikkonformaw ma' standards internazzjonali bħalma hu l-ISO 17025.

    5.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-kowds ta' l-Istati Membri bi qbil ma' l-istandard ISO 3166-1 alpha-2.

    Artikolu 8

    Regoli għal mistoqsijiet u tweġibiet b'rabta mad-Data tad-DNA

    1.   Talba għal tiftix jew paragun awtomatizzat, kif hemm imsemmi fl-Artikoli 3 jew 4 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI għandha tinkludi biss l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    Il-kodiċi ta' l-Istat Membru rikjedenti,

    (b)

    Id-data, il-ħin u n-numru ta' indikazzjoni tal-mistoqsija,

    (ċ)

    Profili tad-DNA u n-numri ta' referenza tagħhom,

    (d)

    Tipi ta' profili tad-DNA mibgħuta (profili tad-DNA mhux identifikati jew profili tad-DNA ta' referenza),

    (e)

    Informazzjoni meħtieġa għall-kontroll tas-sistemi tad-database u l-kontroll tal-kwalità għall-proċessi ta' tiftix awtomatiċi.

    2.   It-tweġiba (rapport ta' taqbil) għat-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha biss l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    indikazzjoni ta' jekk kienx hemm taqbila (hit) waħda jew aktar jew l-ebda taqbila,

    (b)

    Id-data, il-ħin u n-numru ta' indikazzjoni tal-mistoqsija

    (ċ)

    Id-data, il-ħin u n-numru ta' indikazzjoni tat-tweġiba

    (d)

    Il-kowd ta' l-Istat Membru rikjedenti u ta' l-Istat Membru rikjest

    (e)

    In-numru ta' referenza ta' l-Istat Membru rikjedenti u ta' dak rikjest

    (f)

    It-tipi tal-profili tad-DNA mibgħuta (profili tad-DNA mhux identifikati jew profili tad-DNA ta' referenza)

    (g)

    Il-profili tad-DNA mitluba u dawk fejn instab taqbil

    (h)

    Informazzjoni meħtieġa għall-kontroll tas-sistemi tad-database u l-kontroll tal-kwalità għall-proċessi ta' tiftix awtomatiċi.

    3.   Notifika awtomatizzata ta' riżultat għandha tingħata biss jekk it-tiftixa jew il-paragun awtomatizzat ikun irriżulta f'taqbila ta' numru minimu ta' loci. Dan in-numru minimu jinsab fil-Kapitolu 1 ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talbiet jikkonformaw mad-dikjarazzjonijiet maħruġin skond l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu riprodotti fil-Manwal imsemmi fl-Artikolu 18(2).

    Artikolu 9

    Proċedura ta' trażmissjoni għat-tiftix awtomatizzat ta' profili tad-DNA mhux identifikat bi qbil ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI

    1.   Jekk f'tiftixa bi profil tad-DNA mhux identifikat, ma tkun instabet l-ebda taqbila fid-database nazzjonali jew tkun instabet tiftixa bi profil tad-DNA mhux identifikat, il-profil tad-DNA mhux identifikat jista' jintbagħat lid-databases ta' l-Istati Membri l-oħra kollha u, jekk f'tiftixa b'dan il-profil tad-DNA mhux identifikat jinstabu taqbiliet ma' profili tad-DNA ta' referenza u/jew profili tad-DNA mhux identifikati, jinstabu taqbiliet fid-databases ta' Stati Membri oħra, dawn it-taqbiliet għandhom awtomatikament jiġu kkomunikati u d-data ta' referenza tad-DNA tintbagħat lill-Istat Membru rikjedenti; jekk ma tinstab l-ebda taqbila fid-databases barranin, dan għandu awtomatikament jiġi kkomunikat lill-Istat Membru rikjedenti.

    2.   Jekk f'tiftixa bi profil tad-DNA mhux identifikat tinstab taqbila fid-databases barranin, kull Stat Membru konċernat jista' jdaħħal nota f'dan is-sens fid-database nazzjonali tiegħu.

    Artikolu 10

    Proċedura ta' trażmissjoni għat-tiftix awtomatizzat ta' profili tad-DNA ta' referenza bi qbil ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI

    Jekk f'tiftixa bi profil tad-DNA ta' referenza ma tkun instabet l-ebda taqbila fid-database nazzjonali ma' profil tad-DNA ta' referenza jew tkun instabet taqbila ma' profil tad-DNA mhux identifikat, dan il-profil tad-DNA ta' referenza għandu mbagħad jintbagħat lid-databases ta' l-Istati Membri l-oħrajn kollha, u jekk, f'tiftixa b'dan il-profil tad-DNA ta' referenza jinstabu taqbiliet ma' profili tad-DNA ta' referenza u/jew profili tad-DNA mhux identifikati fid-databases ta' Stati Membri oħra, dawn it-taqbiliet għandhom awtomatikament jiġu kkomunikati u d-data ta' referenza tad-DNA tintbagħat lill-Istat Membru rikjedenti; jekk ma tinstab l-ebda taqbila fid-databases ta' Stati Membri oħra, dan għandu awtomatikament jiġi kkomunikat lill-Istat Membru rikjedenti.

    Artikolu 11

    Proċedura ta' trasmissjoni għal paragun awtomatizzat ta' profili tad-DNA mhux identifikati bi qbil ma' l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI

    1.   Jekk f'paragun bi profili tad-DNA mhux identifikat, jinstabu taqbiliet fid-databases ta' Stati Membri oħra ma' profili tad-DNA ta' referenza u/jew profili tad-DNA mhux identifikati, dawn it-taqbiliet għandhom awtomatikament jiġu kkomunikati u d-data ta' referenza tad-DNA tintbagħat lill-Istat Membru rikjedenti.

    2.   Jekk f'paragun ma' profili tad-DNA mhux identifikati, jinstabu taqbiliet fid-databases ta' Stati Membri oħra ma' profili tad-DNA mhux identifikati jew profili tad-DNA ta' referenza, kull Stat Membru konċernat jista' jdaħħal nota f'dan is-sens fid-database nazzjonali tiegħu.

    KAPITOLU IV

    DATA DATTILOSKOPIKA

    Artikolu 12

    Prinċipji għall-iskambju ta' data dattiloskopika

    1.   Id-diġitalizzazzjoni tad-data dattiloskopika u t-trasmissjoni tagħha lill-Istati Membri l-oħrajn għandha titwettaq skond format ta' data uniformi speċifikat fil-Kapitolu II ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data dattiloskopika li jibgħat tkun ta' kwalità tajba biżżejjed għal paragun bis-sistema awtomatizzata ta' identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' (AFIS).

    3.   Il-proċedura ta' trasmissjoni għall-iskambju ta' data dattiloskopika għandha ssir fi ħdan struttura deċentralizzata.

    4.   Miżuri xierqa għandhom jittieħdu biex jiżguraw kunfidenzjalità u integrità ta' data dattiloskopika fi transitu għal Stati Membri oħra, inkluż il-kriptografija tagħhom.

    5.   L-Istati Membri għandhom jużaw kowds ta' l-Istati Membri skond l-istandard ISO 3166-1 alpha-2.

    Artikolu 13

    Kapaċitajiet ta' tfittxija għal data dattiloskopika

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-mistoqsijiet ta' tiftix tiegħu ma jaqbżux il-kapaċitajiet ta' tiftix speċifikati mill-Istat Membru rikjest. Stati Membri għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 18(2) lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li fihom huma jistabbilixxu l-kapaċitajiet massimi ta' tfittxija għal kull ġurnata għal data dattiloskopika ta' persuni identifikati u għal data dattiloskopika ta' persuni li għadhom mhux identifikati.

    2.   In-numri massimi ta' kandidati aċċettati għal verifika għal kull trasmissjoni huwa stabbilit fil-Kapitolu II ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 14

    Regoli għal talbiet u tweġibiet b'rabta ma' data dattiloskopika

    1.   L-Istat Membru rikjest għandu jivverifika l-kwalità tad-data dattiloskopika mibgħuta bla dewmien bi proċedura kompletament awtomatizzata. Jekk id-data ma tkunx tajba għal paragun awtomatizzat, l-Istat Membru rikjest għandu jgħarraf lill-Istat Membru rikjedenti bla dewmien.

    2.   L-Istat Membru rikjest għandu jwettaq it-tiftix fl-ordni li fih ikun irċieva t-talbiet. It-talbiet għandhom jiġu pproċessati fi żmien 24 siegħa bi proċedura kompletament awtomatizzata. L-Istat Membru rikjedenti jista', jekk il-liġi nazzjonali tiegħu tippreskrivi hekk, jitlob għal proċessar aċċellerat ta' din it-talba u l-Istat Membru rikjest għandu jwettaq it-tiftix bla dewmien. Jekk l-iskadenzi ma jistgħux jintlaħqu għal raġunijiet ta' natura maġġuri, il-paragun għandu jitwettaq bla dewmien hekk kif l-impedimenti jkunu tneħħew.

    KAPITOLU V

    DATA TAR-REĠISTRAZZJONI TAL-VETTURI

    Artikolu 15

    Prinċipji ta' tiftix awtomatizzat ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi

    1.   Għal tiftix awtomatizzat ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi l-Istati Membri għandhom jużaw verżjoni speċjali ta' l-applikazzjoni software tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS), iddisinjata b'mod speċjali għall-finijiet ta' l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI, u verżjonijiet emendati ta' dan is-software.

    2.   Tiftix awtomatizzat ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi għandha ssir fi ħdan struttura deċentralizzata.

    3.   L-informazzjoni skambjata permezz tas-sistema EUCARIS għandha tintbagħat f'forma kriptata.

    4.   L-elementi ta' data tad-data ta' reġistrazzjoni ta' vetturi li jridu jiġu skambjati huma speċifikati fil-Kapitolu III ta l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    5.   Fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2007/…/ĠAI, l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità lil tfittxijiet relatati mal-ġlieda kontra reati serji fil-każ li jkun hemm kapaċitajiet tekniċi limitati.

    Artikolu 16

    Spejjeż

    L-Istati Membri għandhom jidħlu għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni ta' l-applikazzjoni tas-software imsemmi fl-Artikolu 15(1).

    KAPITOLU VI

    KOOPERAZZJONI TAL-PULIZIJA

    Artikolu 17

    1.   Skond il-Kapitolu V tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI, b'mod partikolari mad-dikjarazzjonijiet sottomessi skond l-Artikoli 17 (4), 19 (2), u 19 (4) tiegħu, kull Stat Membru jista' jispeċifika l-proċeduri tiegħu għall-istabbiliment ta' rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħrajn, il-proċeduri tiegħu għal talbiet li jaslulu minn Stati Membri oħra fir-rigward ta' dawn l-operazzjonijiet, kif ukoll aspetti prattiċi oħra, u modalitajiet operazzjonali fir-rigward ta' dawn l-operazzjonijiet.

    2.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkompila u jżomm aġġornata l-lista ta' l-awtoritajiet kompetenti maħturin mill-Istati Membri, inklużi d-dettalji ta' kuntatt tagħhom, li huma intitolati li jintroduċu rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/.../ĠAI. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe bidla fil-lista.

    3.   Inizjattiva għall-istabbiliment ta' operazzjoni konġunta tista' ssir mill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru. Qabel il-bidu ta' operazzjoni speċifika, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 17a(2) għandhom jagħmlu arranġamenti bil-miktub jew verbali li jistgħu jkopru dettalji bħal

    (a)

    l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għall-operazzjoni;

    (b)

    l-għan speċifiku ta' l-operazzjoni;

    (ċ)

    l-Istat Membru ospitanti fejn issir l-operazzjoni;

    (d)

    iż-żona ġeografika ta' l-Istat Membru ospitanti fejn issir l-operazzjoni;

    (e)

    il-perijodu kopert bl-operazzjoni;

    (f)

    l-assistenza speċifika li trid tiġi pprovduta mill-Istat(i) Membru(i) li jissekonda(w) lill-Istat Membru ospitanti, inkluż uffiċjali jew uffiċjali oħra, materjal u elementi finanzjarji;

    (g)

    l-uffiċjali li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

    (h)

    l-uffiċjal responsabbli mill-operazzjoni;

    (i)

    il-poteri li l-uffiċjali u uffiċjali oħra ta' l-Istat(i) Membru(i) li qed jissekonda(w) jistgħu jeżerċitaw fl-Istat Membru ospitanti matul l-operazzjoni;

    (j)

    l-armi, munizzjon u tagħmir partikolari li l-uffiċjali li qed jissekondaw jistgħu jużaw matul l-operazzjoni skond id-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI;

    (k)

    il-modalitajiet ta' loġistika li jikkonċernaw it-trasport, l-akkomodazzjoni u s-sigurtà;

    (l)

    l-allokazzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-operazzjoni konġunta jekk din hija differenti minn dik li tinsab fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI;

    (m)

    kwalunkwe elementi oħra possibbli meħtieġa.

    4.   Id-dikjarazzjonijiet, il-proċeduri u l-ħatriet previsti f'dan l-Artikolu għandhom jiġu riprodotti fil-Manwal imsemmi fl-Artikolu 18(2) ta' din id-Deċiżjoni.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 18

    Anness u Manwal

    1.   Aktar dettalji dwar l-implimentazzjoni teknika u amministrattiva tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. L-Anness jista' jiġi modifikat mill-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

    2.   Għandu jitħejja Manwal u jinżamm aġġornat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi esklussivament informazzjoni fattwali pprovduta mill-Istati Membri, permezz ta' dikjarazzjonijiet magħmula skond id-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI jew din id-Deċiżjoni, jew permezz ta' notifiki magħmula lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Il-Manwal għandu jkun fil-forma ta' Dokument tal-Kunsill.

    Artikolu 19

    Awtoritajiet ta' protezzjoni ta' data indipendenti

    L-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 18(2) ta' din id-Deċiżjoni, jinfurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtoritajiet ta' protezzjoni ta' data indipendenti jew bl-awtoritajiet ġudizzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 30(5) tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI.

    Artikolu 20

    Tħejjija ta' deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI

    1.   Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2007/…./ĠAI abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni li għandu jkun ibbażat fuq kwestjonarju kif stabbilit fil-Kapitolu IV ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    2.   Fir-rigward ta' l-iskambju awtomatizzat tad-data skond Kapitolu II tad-Deċiżjoni 2007.../ĠAI, ir-rapport ta' evalwazzjoni għandu jkun ibbażat ukoll fuq żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota li għandha titwettaq meta l-Istat Membru kkonċernat ikun informa lis-Segretarjat Ġenerali skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 36(2) tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI.

    3.   Dettalji ulterjuri tal-proċedura huma stabbiliti fil-Kapitolu IV ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 21

    Evalwazzjoni ta' l-iskambju ta' data

    1.   Evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni amministrattiva, teknika u finanzjarja ta' l-iskambju ta' data skond il-Kapitolu II tad-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI għandha titwettaq fuq bażi regolari. L-evalwazzjoni għandha tirrigwarda dawk l-Istati Membri li diġà qed japplikaw id-Deċiżjoni 2007/.../ĠAI fiż-żmien ta' l-evalwazzjoni u għandha titwettaq għall-kategoriji tad-data li għalihom beda l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri kkonċernati. L-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rapporti ta' l-Istati Membri rispettivi.

    2.   Dettalji ulterjuri tal-proċedura huma stabbiliti fil-Kapitolu IV ta' l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 22

    Relazzjoni mal-Ftehim ta' Implimentazzjoni tat-Trattat ta' Prüm

    Għall-Istati Membri, marbuta bit-Trattat ta' Prüm għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha ladarba implimentati bis-sħiħ minflok id-dispożizzjonijiet korrispondenti li jinsabu fil-Ftehim ta' Implimentazzjoni tat-Trattat ta' Prüm. Kwalunkwe dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ta' Implimentazzjoni għandhom jibqgħu applikabbli bejn il-partijiet kontraenti tat-Trattat ta' Prüm.

    Artikolu 23

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi…

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  ĠU L…


    Top