Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007IE1004

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-Nisa fir-reġjun ta' l-EUROMED

    ĠU C 256, 27.10.2007, p. 144–149 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 256/144


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-Nisa fir-reġjun ta' l-EUROMED”

    (2007/C 256/25)

    Nhar is-17 ta' Jannar 2007, b'konformità ma' l-Artikolu 29 paragrafu 2 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-Promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-Nisa fir-reġjun ta' l-EUROMED.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Ġunju 2007. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura Attard.

    Matul l-437 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-11 u t-12 ta' Lulju 2007 (seduta tat-12 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'130 vot favur, vot wieħedkontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' l-impenn sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-Mediterran lejn Sħubija Ewro-Mediterranja. Kif hemm stipulat fil-Programm ta' Ħidma ta' Ħames Snin tal-Kummissjoni Ewropea, huwa jappoġġja b'mod partikulari l-proġetti li l-għan tagħhom huwa l-iżvilupp ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' l-emanċipazzjoni tan-nisa. Għalhekk, huwa jipproponi li jiġu allokati fondi speċifiċi għall-finanzjament ta' dawk il-pajjiżi fir-reġjun Ewro-Mediterran li jkunu involuti f'azzjonijiet pożittivi mmirati lejn it-titjib konkret ta' l-istatus legali tal-mara (1).

    1.2

    Il-KESE iħeġġeġ li l-mekkaniżmi ta' reviżjoni tal-Konklużjonijiet ta' l-ewwel Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar “It-Tisħiħ tar-rwol tan-Nisa fis-Soċjetà” jassiguraw li l-iżvilupp ta' l-intraprenditorija tan-nisa jiġi sorveljat u evalwat b'mod strett, u li jittieħdu miżuri sabiex jitjieb l-iżvilupp tagħha.

    1.3

    Il-KESE jħeġġeġ li miżuri u objettivi speċifiċi li jindirizzaw il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-nisa jiġu inklużi fil-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali adottati fil-qafasl tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP).

    1.4

    Il-KESE jirrakkomanda li fl-ENP jiġu allokati iktar fondi għall-iżvilupp ta' l-intraprenditorija tan-nisa u għall-assistenza teknika li jibbenefikaw minnha għall-ħoliqen ta' intrapriżi.

    1.5

    Il-KESE jilqa' l-inizjattivi tad-DĠ Intrapriża u Industrija u d-DĠ Europe-Aid (2) li jimmiraw lejn l-intraprendituri fl-Ewropa u l-pajjiżi sħab tal-Mediterran. Huwa sejjaħ lill-imsieħba Ewro-Mediterranji sabiex jieħdu miżuri simili, immirati lejn il-bżonnijiet ta' dan ir-reġjun permezz tal-Pjanijiet ta' Azzjoni li ġew innegozjati mal-pajjiżi sħab tal-Mediterran.

    1.6

    Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon t-twaqqif tal-Kumitat ad hoc għad-drittijiet tan-nisa fi ħdan l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA). Huwa jħeġġeġ lill-Kumitat sabiex jipproponi politiki li jsaħħu l-attivitajiet attwali ta' l-intrapriża mwettqa min-nisa u sabiex jippromovi inizjattivi sostenibbli li jħarsu 'l quddiem fil-konfront tal-kompetizzjoni dinjija.

    1.7

    Il-KESE jirrakkomanda li n-nisa jiġu identifikati fl-implimentazzjoni tal-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża (3).

    1.8

    Għandhom isiru sforzi sabiex jiġi assigurat li numru bilanċjat ta' tfajliet u ġuvintur jibbenefikaw mill-programmi Ewro-Mediterranji mmirati lejn iż-żgħażagħ, kemm fir-rigward ta' parteċipanti kif ukoll ta' persuni responsabbli.

    1.9

    Il-KESE jilqa' l-inizjattiva tal-Pjattaforma Ewro-Mediterranja għaż-Żgħażagħ, li twaqqaf netwerk Ewro-Mediterannju ta' gruppi ta' żgħażagħ li jaħdmu fuq il-kwistjonijiet dwar is-sessi (4), kif ukoll netwerk Ewro-Mediterranju għall-intraprendituri żgħażagħ (5).

    1.10

    Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni inter-ministerjali, il-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati oħra, bħar-rappreżentanti ta' istituzzjonijiet finanzjarji, l-aġenziji ta' l-implimentazzjoni, ir-rappreżentanti tal-komunitajiet ta' l-intrapriża, l-esperti u kontributuri fl-iskambju tal-fehmiet dwar l-oqsma ta' prijorità u l-iffaċilitar tat-trasferiment ta' intrapriżi eżistenti lin-nisa ser jipproduċu riżultati iktar effettivi fil-promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-nisa.

    1.11

    Il-KESE jħeġġeġ it-tisħiħ ta' l-NGOs u l-organizzazzjonijiet soċjo-professjonali li qegħdin jaħdmu fil-qasam tal-promozzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi fost in-nisa permezz ta' sħubiji pubbliċi-privati.

    1.12

    Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet interessati Ewro-Mediterranji sabiex jorganizzaw konferenza dwar it-tema ta' l-intraprendituri nisa fir-reġjun Ewro-Mediterranju għad-diskussjoni ta' kwistjonijiet relatati u sabiex isiru proposti relatati mal-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu n-nisa lill-isfidi globali f'dan ir-reġjun.

    1.13

    Il-KESE jerġa' jikkonferma t-twemmin tiegħu li l-promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-nisa fir-reġjun Ewro-Mediterranju taqdi rwol sinifikanti fil-ħolqien ta' ekonomija attiva u dinamika adatta għal kuntest globalizzat.

    1.14

    Il-KESE jemmen li t-tisħiħ ta' l-ambjent intraprenditorjali għan-nisa huwa rekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ta' l-aċċess għas-suq fir-reġjuni u mal-pajjiżi ta' l-UE.

    1.15

    Il-KESE jirrakkomanda li fl-indirizzar ta' l-isfidi tal-ġejjieni li jiffaċċjaw l-intraprendituri nisa, għandha ssir riċerka addizzjonali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi f'kull pajjiż.

    1.16

    Il-KESE jinnota li hemm varjetà ta' osservatorji inklużi l-GEM, l-UNDP u l-Bank Dinji li qegħdin iħarsu lejn l-intraprenditorija fir-reġjun Ewro-Mediterranju, iżda jirrakkomanda Pjattaforma għall-komunikazzjoni aħjar tar-riżultati lil dawk responsabbli mill-politika u għall-ġabra u t-tixrid ta' l-informazzjoni għall-mikro-intrapriżi, dawk żgħar u ta' daqs medju fir-reġjun Ewro-Mediterranju. Il-Pjattaforma tista' tiffoka speċjalment fuq:

    a.

    oqsma li fihom l-intraprendituri nisa jiffaċċaw diffikultajiet partikulari,

    b.

    appoġġ u żvilupp ta' programmi għall-intraprendituri nisa,

    ċ.

    żvilupp ta' mekkaniżmi fir-rigward ta' l-istatus legali tal-ko-intraprendituri li jassistu lill-konjuġi u l-protezzjoni soċjali tagħhom,

    d.

    azzjoni li ssaħħaħ is-sigurtà soċjali u l-istatus legali tan-nisa li qegħdin jiżviluppaw l-intrapriża tagħhom stess.

    1.17

    Il-Kumitat jirrakkomanda li fil-qasam tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni:

    tingħata prijorità li jitħeġġeġ l-investiment fl-infrastruttura u l-istrateġiji li jtejbu l-aċċess għat-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

    jingħata aċċess aħjar għall-faċilitajiet u taħriġ fl-ICT lin-nisa li qegħdin jibdew l-intrapriża tagħhom stess sabiex jiġi ffaċilitat il-marketing, it-twassil tal-prodotti għand il-konsumatur permezz tal-kanali ta' distribuzzjoni adattati peress li l-ICT tista' taġixxi bħala mezz ukoll għal marketing aħjar;

    il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tfassil tal-politika relatata ma' l-iżvilupp u l-ħolqien ta' l-ICT, tittejjeb permezz tat-twaqqif tad-djalogu mal-kumpaniji ta' l-ICT u partijiet interessati oħra sabiex jiftħu toroq għall-kooperazzjoni u l-azzjoni konġunta.

    Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Forum Universitarju Permanenti Ewro-Mediterranju (6) li nħoloq f'Tampere jagħti l-prijorità lid-dimensjoni tas-sessi fl-inizjattivi tiegħu, b'mod partikulari fil-qasam ta' l-intraprenditorija.

    1.18

    Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-influwenza tal-mezzi tax-xandir, partikularment tat-televiżjoni, dwar l-intraprenditorija u n-nisa.

    2.   Rakkomandazzjonijiet għal mekkaniżmi speċifiċi għall-Intraprenditorija Femminili fir-reġjun ta' l-EUROMED

    2.1

    Jeħtieġ li jiġu introdotti politiki u programmi speċifiċi sabiex in-nisa jkunu jistgħu jagħmlu kontribuzzjoni ikbar lejn it-tkabbir u l-iżvilupp. Xi wħud minn dawn il-proċeduri jistgħu jiġu stabbiliti fi Pjan ta' Azzjoni, li għandu skadenzi u proċeduri ta' evalwazzjoni li huma ċari, u għandu jinkludi:

    1.

    Mekkaniżmi għat-Tisħiħ tal-Kapaċità, u skemi ta' appoġġ, li jħeġġu lin-nisa sabiex jikkunsidraw l-ambjenti tagħhom li jgħixu u jaħdmu fihom u kif jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fl-iżvilupp tagħhom permezz tal-ħiliet tagħhom stess. Dan jista' jinkludi l-promozzjoni ta' mezzi għat-twaqqif ta' gruppi li jgħinu lilhom infushom.

    2.

    Investiment fl-infrastruttura soċjali u s-servizzi li jappoġġjaw lin-nisa fix-xogħol u l-impjieg indipendenti.

    3.

    Id-definizzjoni ta' l-attività tradizzjonali intraprenditorjali, l-SMEs u l-impjieg indipendenti individwali

    4.

    It-twaqqif ta' livell ugwali għall-intrapriżi b'sjieda maskili u femminili, tkun xi tkun id-daqt ta' l-intrapriża.

    5.

    Il-ħolqien ta' sistema legali ugwali li tippermetti lin-nisa li jiffirmaw dokumenti u li jkunu sidien tal-proprjetà.

    6.

    Taħriġ għan-nisa li jmexxu jew huma sidien ta' intrapriżi, imfassal għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. B'żieda ma' dan, jistgħu jiġu inklużi wkoll programmi ta' mentoring, it-twaqqif ta' korpi professjonali u ta' konsulenza fuq kwistjonijiet legali u fiskali.

    7.

    Il-ħolqien ta' “kumpaniji ta' garanzija reċiproka” (mutual guarantee companies), korpi ekonomiċi li l-membri tagħhom huma sidien ta' SMEs u li jaġixxu bħala garanti għall-faċilitajiet bankarji.

    8.

    L-implimentazzjoni ta' programmi speċifiċi li jiffaċilitaw il-ħolqien ta' intrapriżi minn nisa migranti u gruppi tal-minoranza.

    9.

    Mekkaniżmi ta' informazzjoni u ta' appoġġ għall-ħolqien ta' intrapriżi soċjali u kooperattivi.

    10.

    Kooperazzjoni u ko-netwerking mal-kontrapartijiet ta' l-UE sabiex jiġu identifikati strutturi u mekkaniżmi, inklużi l-aħjar prassi, li servew bħala valur miżjud f'postijiet oħra.

    11.

    Politiki ta' l-edukazzjoni li jippromovu l-approċċ u l-attitudni intraprenditorjali sa minn età żgħira (7). Approċċ intraprenditorjali jrid ikun maħsub bħala proċess ta' tagħlim tul il-ħajja kollha li jibda fl-iskola primarja. Dan jista' joffri żieda fil-flessibilità fi stadji differenti fil-ħajja ta' persuna.

    12.

    It-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, ta' gvern, ta' l-awtoritajiet lokali u tal-korp legali.

    13.

    Il-ftuħ ta' kuntratti pubbliċi għall-SMEs u partikularment għall-intrapriżi b'sjieda femminili sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ta' l-intrapriżi.

    14.

    Objettivi speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'politiki ta' l-impjieg, b'indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, peress li huwa essenzjali li iktar nisa jsiru intraprendituri, sabiex jiġi assigurat l-impjieg, u sabiex il-kwalità ta' dan l-impjieg titjieb (8).

    3.   Is-sitwazzjoni attwali u l-isfidi

    3.1

    Huwa importanti li d-drittijiet tan-nisa ma jkunux trattati bħala kwistjoni iżolata separata mir-rwol tan-nisa fl-iżvilupp ekonomiku. L-impenn mill-imsieħba soċjali li jirrikonoxxu r-relazzjoni bejn id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-iżvilupp u d-drittijiet tan-nisa huwa essenzjali. It-tneħħija ta' l-ostakli għall-għotja tas-setgħa lin-nisa, li jirriżultaw minn liġijiet tradizzjonali, kulturali u familjali għandha tingħata prijorità.

    3.2

    L-indirizzar tad-differenza bejn is-sessi, l-edukazzjoni u l-impjieg fir-reġjun Ewro-Mediterranju jeħtieġ sforz konġunt sabiex jinħoloq ambjent fejn in-nisa jkunu jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom ta' l-intraprenditorija.

    3.3

    Ir-rata ta' nisa analfabeti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u ta' l-Afrika ta' Fuq, minkejja li jvarja minn pajjiż għal ieħor, għadu għoli ferm, il-medja ta' 42 %, filwaqt li l-medja għall-irġiel hija ta' 21 %. Madankollu, l-aħħar żewġ għexieren ta' snin juru tendenza pożittiva fl-aċċess ugwali għall-edukazzjoni li tvarja minn pajjiż għal ieħor. F'kull pajjiż hemm differenza sinifikanti bejn ir-rata ta' l-analfabetiżmu fost in-nisa żgħażagħ (ta' bejn il-15 u l-24 sena) u l-popolazzjoni tan-nisa adulti (ta' 24 sena u 'l fuq) (9).

    3.4

    Tul l-aħħar għaxar snin, iż-żieda fl-opportunitajiet tax-xogħol għan-nisa kienu r-riżultat ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll it-tkabbir f'setturi fejn id-domanda għax-xogħol min-nisa huwa l-ogħla bħas-servizzi soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa u l-professjonijiet tas-servizzi. 32 % biss min-nisa ta' età tax-xogħol qegħdin jaħdmu jew ifittxu x-xogħol barra mid-dar. Fil-klassijiet soċjali tradizzjonali, fejn it-tfajliet imorru l-iskola, m'humiex imħeġġa li jsibu impjieg.

    3.5

    Is-sistema ta' l-edukazzjoni għandha bżonn tħeġġeġ l-inizjattivi intraprenditorjali u t-teħid tar-riskju. Il-ħolqien ta' pjan nazzjonali għall-edukazzjoni sabiex titjieb il-kwalità ta' l-edukazzjoni bażika u sabiex jinqered l-analfabetiżmu, fost in-nisa, b'mod partikulari dawk żvantaġġati u b'diżabilità, huwa kruċjali.

    3.6

    Filwaqt li l-bżonn ta' l-edukazzjoni fil-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza u l-informazzjoni lill-publiku fir-rigward tad-drittijiet soċjali, politiċi, legali u ekonomiċi tan-nisa huwa importanti, hija neċessarja wkoll l-edukazzjoni tar-rappreżentanti ta' korpi finanzjarji u l-partijiet interessati oħra sabiex jifhmu l-bżonnijiet tan-nisa fl-attivitajiet kummerċjali.

    3.7

    L-iżbilanċ bejn is-sessi għandu jiġi kkunsidrat bħala kwistjoni ewlenija fil-kuntesti soċjo-politiċi u l-iżvilupp ġenerali tat-tkabbir ekonomiku fir-reġjun. Ir-rwol u l-istatus partikulari li s-soċjetà timponi fuq in-nisa permezz tal-liġi tradizzjonali tal-familja, li tissejjaħ ukoll il-Kodiċi ta' l-Istatus Personali tiddiskrimina kontra n-nisa. L-istatus legali tan-nisa li jikkontrolla l-parteċipazzjoni tan-nisa f'attivitajiet ekonomiċi, politiċi, soċjali, ċiviċi u kulturali jibqa' wieħed mill-ikbar ostakli, minkejja li 190 pajjiz, inkluż ir-reġjun Għarbi, irratifikaw id-Dikjarazzjoni tal-Millennju (10).

    3.8

    Huwa neċessarju li tingħata l-viżibilità u li jissaħħu l-attivitajiet ta' l-intrapriżi żgħar tradizzjonali mmexxija min-nisa. Dan jinkludi l-attivitajiet bla ħlas fix-xogħol tal-familja u tradizzjonali. It-taħriġ u l-appoġġ għandu jingħata sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp u l-modernizzar ta' ħafna intrapriżi żgħar u ta' l-artiġġjanat li jistgħu jiġu trasformati f'impjieg produttiv bil-ħlas permezz tal-ħolqien ta' sevizzi li jistgħu jitqiegħdu fis-suq li jagħtuhom setgħa ekonomika.

    3.9

    L-ikbar kontribuzzjoni tan-nisa hija fis-settur agrikolu. F'żoni rurali fejn proporzjon għoli tan-nisa huma analfabetiċi jew m'għandhomx iktar minn edukazzjoni primarja, l-aċċess għar-riżorsi tat-taħriġ huwa limitat ħafna (11). Ta' sikwit ma jkollhomx it-tagħrif u l-kunfidenza fihom innifishom sabiex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom stess u tal-familji tagħhom. Għaldaqstant, għandhom bżonn programmi integrati, li jikkumbinaw l-għotja tal-poter personali, it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ fl-intraprenditorija u l-ħiliet kummerċjali bażiċi kif ukoll appoġġ fit-tfassil ta' pjanijiet għal intrapriżi vijabbli, aċċess għal self għall-ħolqien ta' intrapriżi u kreditu sabiex jistabbilixxu mikro-intrapriżi fl-irħula tagħhom. Il-programmi tat-taħriġ għandhom jipprovdu lin-nisa rurali l-opportunitajiet li jikkombinaw l-inizjattivi fil-qasam agrikulturali u setturi oħra u li jassiguraw l-appoġġ għall-attivitatjiet tagħhom li m'humiex agrikoli mill-popolazzjoni ta' l-irġiel fil-komunitajiet.

    3.10

    Huwa importanti li jitwaqqfu kooperattivi li jappoġġjaw lin-nisa intraprendituri.

    3.11

    Huwa importanti wkoll li jissaħħu n-nisa intrapendituri eżistenti sabiex jiskopru setturi ġodda fejn in-nisa jistgħu jieħdu l-inizjattiva ekonomika fl-iżvilupp ta' attivitajiet ta' intrapriża mhux tradizzjonali, inkluż l-iżvilupp tal-kapaċità fir-reklamar, il-marketing u l-prezzijiet, u l-mira ta' swieq barranin.

    3.12

    Il-ħolqien ta' opportunitajiet għall-iżvilupp ta' l-attivitajiet ekonomiċi tan-nisa jeħtieġ fehim ċar tas-sitwazzjoni attwali u futura fir-reġjuni differenti.

    3.13

    L-involviment tal-partijiet interessati kollha hija neċessarja sabiex jitneħħew il-barrieri li jsibu n-nisa u sabiex jiġu introdotti politiki u programmi speċifiċi sabiex in-nisa jkunu jistgħu jagħtu kontribuzzjoni ikbar lejn it-tkabbir u l-iżvilupp.

    3.14

    L-aċċess għall-finanzi huwa essenzjali. Il-limiti tal-kreditu għandhom jogħlew sabiex iħeġġu l-intrapriżi mikro u żgħar jespandu u jinvestu fl-intrapriża tagħhom. Il-gvern u l-kontributuri jistgħu joffru inċentivi lill-istituzzjoni formali tas-self għal dawn il-proġetti. Il-persuni inkarigati mit-tfassil tal-poltika għandhom jiftakru d-differenzi bejn l-SMEs u l-intrapriżi mikro fir-rigward ta' l-organizzazzjoni, il-finanzi, il-produttività u t-tkabbir potenzjali.

    3.15

    Inċentivi għal intrapriżi ġodda u għat-twaqqif ta' intrapriżi għandhom jinkludu iktar effiċjenza fis-settur tal-mikro-kreditu, u li l-banek kummerċjali jipprovdu kondizzjonijiet adegwati u realistiċi għas-self.

    3.16

    L-organizzazzjoni ta' azzjonijiet ta' marketing u ta' promozzjoni fir-reġjun u fl-Istati Membri ta' l-UE jistgħu joffru l-possibilità ta' inizjattivi orjentati lejn l-esportazzjoni b'mod partikulari fis-settur tal-manifattura.

    3.17

    Il-futur tan-nisa fir-reġjun Ewro-Mediterranju għandu jitqies fix-xena ekonomika, politika, soċjali u familjali ġenerali. Mingħajr tkabbir ekonomiku u żieda fir-rata ta' l-impjieg, in-nisa ser ikomplu jsofru d-diskriminazzjoni f'kompetizzjoni inġusta ma' l-irġiel.

    3.18

    Jeħtieġ li jiġu introdotti politiki u programmi speċifiċi sabiex in-nisa jkunu jistgħu jagħtu kontribuzzjoni akbar lejn it-tkabbir u l-iżvilupp.

    3.19

    Strateġiji li jimmiraw b'mod partikolari lin-nisa intraprendituri jistgħu jipprovdu opportunitajiet għalihom sabiex joħorġu mill-istrutturi ekonomiċi tradizzjonali u jinvestu iktar fl-intrapriża.

    3.20

    Hemm bżonn għal riċerka li tirfed l-inizjattivi kollha sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż, li jindirizzaw il-vantaġġi u d-dgħjufijiet tan-nisa permezz tas-segmentazzjoni tal-gruppi differenti ta' l-età u studji settorjali speċjalizzati.

    3.21

    L-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali relatati mal-ħolqien ta' intrapriżi, mas-servizzi ta' informazzjoni u ta' parir, mat-taħriġ, mal-mentoring u man-netwerking huma neċessarji sabiex jiġu identifikati u jsir skambju ta' prattiċi tajba bejn it-Tramuntanta u n-Nofsinhar taż-żona Ewro-Mediterranja kif ukoll bejn il-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Is-sorveljanza tal-progress fil-pajjiżi msieħba Ewro-Mediterranji għandha tkun kontinwa sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp tal-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-ħajja ekonomika ta' pajjiżhom.

    3.22

    Permezz tal-programmi transnazzjonali implimentati fir-reġjun Ewro-Mediterranju, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa intraprendituri jistgħu jaqsmu l-esperjenza u l-prattika tajba, li huwa mod effettiv fl-iżvilupp ta' l-attivitajiet u l-ħiliet ta' l-intrapriża.

    3.23

    Is-sistema ta' rappreżentanza (franchising) tista' tkun għodda utli għall-għotja tas-setgħa lin-nisa billi jaħdmu għal rashom u jsiru intraprendituri żgħar. Jista' jitnaqqas ir-riskju meta jinbeda proġett ġdid peress li wieħed jista' jibni fuq prassi u ħiliet ippruvati. It-titjib fil-prestazzjoni taċ-ċentri ta' riżorsi intraprenditorjali huwa importanti wkoll. Huwa neċessarju li tissaħħaħ il-kapaċità b'tali mod li tikkunsidra l-ħtiġijiet ta' l-intrapriża, u dan jista' jiġi żviluppat permezz ta' referenza għall-prassi u programmi ta' suċċess f'pajjiżi oħra.

    3.24

    L-esplorazzjoni ta' oqsma oħra bħas-servizzi ta' l-ICT, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ġestjoni ta' ħwienet tal-mezzi tax-xandir u l-produzzjoni ta' programmi innovattivi tal-mezzi tax-xandir kif ukoll l-esplorazzjoni ta' speċjalizzazzjonijiet ġodda fl-industrija turistika jistgħu joħolqu toroq ġodda għall-attivitatjiet intraprenditorjali għan-nisa.

    3.25

    L-ICT tikkontribwixxi għall-produttività, it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg. L-iżvilupp ta' dan is-settur huwa kruċjali għar-reġjun Ewro-Mediterranju sabiex jikkompeti globalment. Fit-twaqqif ta' l-infrastruttura neċessarja, huwa importanti li l-aċċess jiġi assigurat għal kulħadd, sabiex id-diviżjoni diġitali ma titwessax, partikularment fost in-nisa u fis-sezzjonijiet tal-popolazzjoni b'rati għoljin ta' analfabetiżmu. Il-valur miżjud ta' l-iżvilupp ta' l-ICT ser itejjeb il-ħiliet intraprenditorjali ta' l-irġiel u n-nisa.

    3.26

    Il-Portall għall-Intraprenditorija tan-Nisa (12) tad-DĠ Intrapriża u Industrija tal-Kummissjoni Ewropea tista' tkun għodda utli għall-iskambju tal-prattika tajba u n-netwerking.

    3.27

    Jista' jinħoloq xogħol formali fil-provvista tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal li ser jgħinu wkoll lin-nisa sabiex jirrikonċiljaw ir-responsabilitajiet tal-familja u tax-xogħol.

    3.28

    Is-servizzi ta' l-appoġġ u l-informazzjoni dwar l-impjieg indipendenti għan-nisa jtaffi l-pressjoni ta' l-immigrazzjoni. Dan jista' jwassal għall-ħolqien ta' xogħol fil-pajjiżi ta' l-oriġinu u l-pajjiżi ospitanti.

    4   Il-Proċess ta' Barċellona u l-ENP

    4.1

    Il-Politika Ewropea tal-Viċinat timmira lejn it-trawwim ta' l-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-imsieħba tagħha. L-allokazzjoni baġitarja għall-Imsieħba Mediterranji fl-ENP għall-2007-2013 żdiedet bi 32 % għal EUR 12-il biljun. Madankollu ma tatx biżżejjed attenzjoni lill-promozzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi tan-nisa.

    4.2

    Matul is-sessjoni plenarja ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja tas-16 u s-17 ta' Marzu 2007, il-KESE ġie mogħti l-istatut ta' osservatur permanenti, bid-dritt li jintervjeni fil-laqgħat kollha ta' l-EMPA. Dan jagħti lill-KESE opportunità kbira li jippromovi t-tisħiħ ta' l-attività ekonomika tan-nisa.

    4.3

    Matul l-ewwel Konferenza Ministerjali Ewro-Mediterranja dwar “It-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà” f'Istanbul, f'Novembru 2006 (13), ittieħed l-impenn li “tiġi promossa l-intraprenditorija tan-nisa permezz tat-titjib fl-aċċess għall-art, il-finanzi, is-swieq, l-informazzjoni, it-taħriġ u n-netwerking għan-nisa u li jħeġġu l-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex ifasslu prodotti għall-ħtiġijiet tan-nisa b'mod partikulari billi jipprovdu l-mikro-kreditu”.

    5.   Il-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża

    5.1

    Matul il-Ħames Konferenza Ewro-Mediterranja f'Caserta (l-Italja) fl-4 ta' Ottubru 2004, il-Ministri ta' l-Industrija approvaw programm ta' ħidma fir-rigward tal-Kooperazzjoni Industrijali għall-2005-2006. Waħda mill-proposti kienet l-skambju ta' l-għarfien u l-esperjenza fl-edukazzjoni għall-intrapriża.

    5.2

    Bħala riżultat, id-Direttorat-Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija tal-Kummissjoni Ewropea nieda l-Karta Ewro-Mediterranja għall-Intrapriża (14) li ġiet approvata minn disa' msieħba Mediterranji. Wieħed mill-prinċipji ewlenin kien li tinbena soċjetà intraprenditorjali fir-reġjun Ewro-Mediterranju li jimmira li jindirizza liż-żgħażagħ u lill-adulti permezz ta' sistema edukattiva fil-livelli kollha f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja kollha. Madankollu, m'hemm l-ebda referenza għall-isfidi li jiffaċċjaw l-intraprendituri nisa.

    5.3

    Il-Karta hija għodda effettiva sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet għall-kummerċ. Madankollu, fl-implimentazzjoni tal-Karta, il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija għan-nisa ma kienet la prinċipju ewlieni lanqas wieħed mill-objettivi.

    5.4

    Filwaqt li l-Programm ta' Ħidma fir-rigward tal-Kooperazzjoni Industrijali Ewro-Mediterranja għall-2007-2008 jibni fuq dak li nkiseb s'issa u jsaħħaħ il-miżuri li ttieħdu sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni, dan ma jimmirax speċifikament lejn il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija tan-nisa.

    5.5

    Numru ta' inizjattivi mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea jistgħu jservu ta eżempji ta' prattika tajba u t-trasferiment ta' l-għarfien bejn pajjiżi Ewropej u Mediterranji (15).

    6.   Ir-rwol tas-Soċjetà Ċivili

    6.1

    Is-soċjetà ċivili organizzata taqdi rwol importanti fl-emanċipazzjoni tan-nisa, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni tagħhom fl-isfera pubblika kif ukoll fl-attivitajiet intraprenditorjali tagħhom.

    6.2

    It-tisħiħ fuq tradizzjoni b'saħħitha tal-kura ta' l-iżvantaġġati, inklużi, fost oħrajn, in-nisa b'diżabilitajiet u n-nisa bi ftit li xejn aċċess għall-faċilitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, jista' jiġi utilizzat aħjar bil-provvista tat-taħriġ fil-ġestjoni tal-ħiliet u l-finanzji.

    6.3

    Permezz ta' sħubiji privati-pubbliċi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet soċjo-professjonali jistgħu jistimolaw it-tkabbir ekonomiku b'mod effettiv (16). Sħubiji bħal dawn jistgħu jipprovdu estensjoni ġdida għas-servizzi għall-attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul.

    6.4

    Oqsma oħra li fihom jistgħu jaħdmu l-NGOs u l-organizzazzjonijiet li jiddisponu minn esperjenza huma t-taħriġ u l-akkreditazzjoni sabiex tinqered id-differenza bejn is-sessi fl-edukazzjoni.

    7.   Ir-rwol tal-KESE

    7.1

    Il-KESE għandu rwol importanti x'jaqdi sabiex jassigura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-politika Ewro-Mediterranja fir-rigward ta' l-integrazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika u soċjali (17).

    7.2

    Il-KESE kkontribwixxa lejn it-tema tan-nisa u l-impjieg permezz ta' rapport li tressaq matul il-21 laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija fit-13 u l-14 ta' Lulju 2006 (18) f'Bodrum u ser jelabora rapport dwar in-nisa u l-intraprenditorija għal-laqgħa tiegħu li jmiss li ser tinżamm f'Novembru 2007 f'Bodrum fit-Turkija.

    7.3

    Fid-Dikjarazzjoni Finali tas-Summit Ewro-Mediterranju tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u Istituzzjonijiet Simili li nżamm f'Ljubljana, fis-Slovenja bejn il-15 u s-17 ta' Novembru (19), il-parteċipanti kkommettew ruħhom li jmexxu 'l quddiem l-inizjattivi tagħhom għall-integrazzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika u soċjali, b'mod partikulari permezz ta' l-iżvilupp ta' l-intraprenditorija tan-nisa.

    7.4

    Il-KESE jappoġġja wkoll ir-rikonoxximent tal-Ministri ta' l-importanza tat-trawwim tar-rwol tas-soċjetà ċivili u t-tisħiħ tal-kapaċità tagħha permezz ta' interazzjoni mtejba bejn il-kuntatti tal-gvern u l-parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, iż-żgħażagħ, it-trade unions, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u professjonali u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

    7.5

    Bħala parti mill-Proċess ta' Barċellona, l-UE nediet numru ta' programmi, li wħud minnhom kienu mmirati direttament lejn iż-żgħażagħ tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji. Il-Kumitat ippreżenta rapport ta' informazzjoni dwar “L-appoġġ għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran” li jindirizza wkoll il-promozzjoni ta' l-intrapriża għan-nisa (20).

    8.   Konklużjoni

    8.1

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tassigura l-inklużjoni ta' evalwazzjoni ta' l-impatt tal-politiki ta' l-ENP, inklużi l-programmi MEDA u l-inklużjoni sistematika tal-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru. Ir-rwol tan-nisa fl-intraprenditorija fir-reġjun Ewro-Mediterranju huwa kruċjali fl-indirizzar ta' l-isfidi ekonomiċi tal-globalizzazzjoni. Il-programm reġjonali tal-Kummissjoni Ewropea għar-reġjun tal-Lvant Nofsani u ta' l-Afrika ta' Fuq għall-promozzjoni tan-nisa fil-ħajja ekonomika huwa pass pożittiv. Għandhom jittieħdu miżuri li jassiguraw il-konsultazzjoni mar-rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs tan-nisa fil-fażijiet kollha tal-proġetti- il-programmar, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u s-segwitu — sabiex jassiguraw li l-għanijiet stabbiliti jinkisbu.

    Brussell, 12 ta' Lulju 2007.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

    Dimitris DIMITRIADIS


    (1)  http://ec.europa.eu/comm/external_relations/euromed/barcelona_10/docs/10th_comm_en.pdf.

    (2)  http://ec.europa.eu/europeaid/index_en.htm.

    (3)  http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/ind_coop_programmes/med/doc/f1949_en.pdf.

    (4)  http://www.cesie.org/cms/index.php?option=com_content&task=view&id=70&Itemid=85.

    (5)  REX/222 Rapport ta' Informazzjoni — Appoġġ għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, CESE 642/2006.

    (6)  http://www.medainstitute.fi/?navi=360&lang=2.

    (7)  Jerneck Inrawwmu l-approċċ Intraprenditorjali permezz ta' l-edukazzjoni.

    (8)  Opinjoni tal-KESE “Il-kapaċità għall-impjieg u l-ispirtu intraprenditorjali — ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-korpi lokali u reġjonali mill-perspettiva tal-ġeneru”Rapporteur: Pariza Castaños.

    (9)  Id-database tal-Bank Dinji (World Bank) (April 2006).

    (10)  Hijab, Nadia, 2001: Laws, Regulations and Practices impeding Women' Economic Participation in the Mena Region, rapport sekondarju, ippreżentat lill-Bank Dinji, April.

    (11)  L-Għotja tas-Saħħa Ekonomika lin-Nisa Rurali fil-Palestina — programm MEDA, EuropeAid — Jannar 2006 — Diċembru 2007 — Proġett Palestinjan, Israeli u Ewropew konġunt.

    (12)  http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-women/womenentr_portal.htm.

    (13)  http://ec.europa.eu/comm/external_relations/euromed/women/docs/conclusions_1106.pdf.

    (14)  http://ec.europa.eu/enterprise/enterprise_policy/ind_coop_programmes/med/doc/f1949_en.pdf.

    (15)  http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-women/women-dgentr-active.

    http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/craft/craft-women/database-women.htm.

    (16)  file://E:\PPP for women entrepreneurship.htm 8.3.2007.

    (17)  Ir-rwol tal-korpi konsultattivi u l-organizzazzjonijiet soċj-okkupazzjonali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' l-Assoċjazzjoni u fil-kuntest tal-Politka Ewropea tal-Viċinat.

    (18)  Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija.

    (19)  http://www.europarl.europa.eu/intcoop/empa/home/final_declaration_ljubljana_112006_en.pdf.

    (20)  Rapport ta' Informazzjoni — Appoġġ għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.


    Top