Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0853

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tneħħija ta' l-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta' riskju {SEG(2007)1719}

/* KUMM/2007/0853 finali */

52007DC0853

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tneħħija ta' l-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta' riskju {SEG(2007)1719} /* KUMM/2007/0853 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.12.2007

KUMM(2007) 853 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tneħħija ta' l-ostakoli għall-investimenti transkonfinali permezz tal-fondi kapitali ta' riskju {SEG(2007)1719}

1. TKABBIR FINANZJARJU U INNOVAZZJONI

F'ekonomija globali kompetittiva ħafna, aċċess aħjar għall-finanzjament ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM) innovattivi sar essenzjali għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-ilħuq ta' l-miri tas- Sħubija ta' Liżbona għal Tkabbir u Impjiegi .

Il-ġbir ta' kapital huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet biex jitwaqqaf b'suċċess negozju u jiżgura l-espansjoni ulterjuri tiegħu. Spiss ma jkunx biżżejjed għal IŻM fl-istadji bikrin tagħhom jew dawk b'potenzjal qawwi ta' tkabbir li jserrħu fuq ir-riżorsi tagħhom stess jew fuq il-finanzjament tad-debitu. Ħafna investituri joqogħdu lura mill jinvestu f'kumpaniji bħal dawn minħabba spejjeż għoljin ta' tranżazzjoni, u minħabba li jistmaw li r-ritorn mistenni ma jikkumpensax għar-riskju. Kumpaniji bħal dawn tipikament ifittxu kapital ta' riskju [1] li jista' jipprovdilhom l-ammonti li jidħlu fis-swieq u jikbru iktar malajr. Għalkemm il-kapital ta' riskju huwa parti żgħira mill-klassi ikbar ta' assi ta' investimenti alternattivi, huwa essenzjali għat-tkabbir ta' kumpaniji innovattivi.

Il- qsim tas-swieq tal-kapital ta' riskju ta' l-Unjoni Ewropea fil-linji nazzjonali jillimita serjament il-forniment ġenerali ta' kapital ta' l-istadju bikri għal IŻM innovattivi. Bħala konsegwenza, fl-Istati Membri, fejn is-suq huwa ġdid, fondi kapitali ta' riskju jiffaċċjaw problemi li jilħqu massa kritika għandhom bżonn li jxerrdu r-riskju tal-portafoll tagħhom u jkopru l-ispejjeż tagħhom. L-iffaċilitar ta' operazzjonijiet transkonfinali jistgħu jgħinuhom jegħlbu dan l-ostakolu u jżidu l-forniment ġenerali ta' kapital fl-istadju bikri.

Fil-Komunikazzjoni tagħha "Il-finanzjament tat-tkabbir ta' l-IŻM - Żieda tal-Valur Ewropew"[2] ta' Ġunju 2006, il-Kummissjoni speċifikat sett ta' miżuri li għandhom jgħinu lil IŻM innovattivi bit- titjib ta' l-aċċess għal finanzjament , b'mod partikolari fl-istadji bikrin tagħhom, kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll f'dak ta' l-Istati Membri. Li l-investimenti transkonfinali għall-kapital ta' riskju jsiru eħfef kien wieħed mill-miri ewlenin, u l-Kummissjoni sejħet għal passi biex jingħelbu l-ostakoli regolatorji u tat-taxxa.

Il-monitoraġġ ta' l-iżvilupp tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju u l-innovazzjoni, il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji ta' Ottubru 2006 stieden lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-ambjenti nazzjonali tagħhom fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali u talab lill-Kummissjoni tistudja iktar il-kundizzjonijiet għal investimenti ta' kapital ta' riskju fi stadju bikri.

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Kompetittività ta' Diċembru 2006 stieden, inter alia , lill- Kummissjoni biex tirrapporta dwar ostakoli għal investimenti transkonfinali permezz ta' fondi kapitali ta' riskju.

Fit-tħejjija ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kkonsultat kemm l-Istati Membri kif ukoll il-parteċipanti tas-suq. Ir- rapport tal-grupp ta' esperti minn Marzu 2007 dwar " It-tneħħija ta' ostakoli għal investimenti transkonfinali mill-fondi kapitali ta' riskju " janalizza l-ostakoli u jispeċifika s-soluzzjonijiet għal fondi kapitali ta' riskju b'investiment transkonfinali fl-Ewropa.

2. IR-RWOL TA' KAPITAL TA' RISKJU GħAL IŻM INNOVATTIVI

2.1. Il-potenzjal ekonomiku għal kapital ta' riskju

Minkejja l-impatt pożittiv li IŻM innovattivi jħallu fuq il-kompetittività Ewropea, jiffaċċjaw problemi sinifikanti fl-aċċess għal finanzjament neċessarju biex jibdew, jikbru u jikkompetu fi swieq globali. Aċċess aħjar għal investimenti b'kapital ta' riskju jgħinhom jisfruttaw it-teknoloġiji u jikkompetu globalment.

Filwaqt li IŻM innovattivi huma proporzjon relattivament żgħir ta' IŻM, huma għandhom il-potenzjal li jrendu benefiċċji kbar fil-ħolqien ta' impjiegi u teknoloġiji ġodda. Hemm studji li juru li l-kapital ta' riskju jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall- ħolqien ta' impjiegi . Studju reċenti[3] rrapporta li l-kumpaniji fl-UE li jirċievu valur proprjetarju privat u kapital ta' riskju ħolqu miljun impjieg ġdid fl-2000-2004; iktar minn 60 % ta' dawn l-impjiegi nħolqu minn kumpaniji sostnuti minn kapital ta' riskju u l-impjiegi f'dawn il-kumpaniji kibru bi 30 % fis-sena.

Barra minn hekk, kumpaniji innovattivi u orjentati għal tkabbir sostnuti minn kapital ta' riskju jonfqu medja ta' 45 % ta' l-ispiżi totali tagħhom fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp . Dan jammonta għal medja ta' € 3.4 miljun għal kull kumpanija kull sena jew € 50 500 għal kull impjegat, li huwa sitt darbiet ogħla mill-iktar 500 li nefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp4 fl-UE-25.

Studji ekonometriċi ddeskrivew ukoll relazzjoni pożittiva mat- tkabbir ekonomiku . Analiżi reċenti[4] stmat li żieda fl-investimenti fl-istadju tal-kapital ta' riskju b'0.1 % tal-PGD jikkontribwixxi sa żieda ta' punt perċentwali fi tkabbir ekonomiku reali.

Barra minn hekk, il-kapital ta' riskju qed ikun dejjem iktar importanti għas- sostenibbiltà ambjentali (€ 1.25 biljun inġabru fl-2006)[5]. Fondi kapitali ta' riskju sostenibbli jinvestu fil-firxa ta' € 1-5 miljun b'iffukar fuq l-istadju bikri investimenti tipiċi f'enerġiji rinnovabbli u teknoloġiji nodfa.

2.2. Xejriet u sfidi reċenti

Wara x-xejra negattiva minħabba li nfaqgħet l-bużżieqa tad-dotcoms fl-2000, l-industrija Ewropea tal-kapital ta' riskju wriet xejra pożittiva mill-2004 u laħqet livelli għoljin ħafna fl-2006[6]: mit-total ta' € 112-il biljun f'fondi miġbura , € 17-il biljun marru għal kapital ta' riskju li jirrappreżenta żieda ta' 60 % fil-livelli ta' l-2005. Minn € 71 biljun ta' kapital totali b'valur proprjetarju investit , investimenti kapitali ta' riskju ammontaw għal € 17.2 biljun, żieda ta' 36 % fuq is-sena ta' qabel.

Għalkemm iċ-ċifri mill-2006 juru tkabbir konsiderevoli fl-investiment tal-bidu, is-sehem ewlieni ta' investimenti kapitali ta' riskju għadu jmur lejn il-kapital ta' espansjoni. L-isfida ewlenija hija li jinħoloq ambjent fejn l-investimenti tal-bidu jkunu jistgħu jinżammu f'livell għoli minkejja n-natura ċiklika tal-kapital ta' riskju.

Sfida oħra hija li l-potenzjal ta' tkabbir huwa limitat minn ammont żgħir ta' investimenti ta' riskju għal kull tranżazzjoni. Id-daqs medju Ewropew ta' tranżazzjoni għal investiment fi stadju bikri huwa ta' € 0.4 miljun biss kontra € 2.2 miljun fl-Istati Uniti.

Barra minn hekk, għalkemm l-investimenti f'negozji li għadhom jibdew b'teknoloġija nadifa qegħdin jiżdiedu fl-Ewropa, dawn l-investimenti fl-Istati Uniti iktar milli rduppjaw fl-aħħar sentejn u issa huma erba' darbiet ogħla minn ta' l-UE. L-isfida għall-Ewropa hija li tiġġenera investimenti profittabbli f'teknoloġiji nodfa biex issostni t-tkabbir tagħhom[7].

3. IL-FRAMMENTAZZJONI TAS-SUQ TILLIMITA L-IżVILUPP TAL-KAPITAL TA' RISKJU

Fil-mument, il-potenzjal ta' swieq ta' kapital ta' riskju ta' l-UE mhux sfruttat kompletament u s-swieq ma jipprovdux kapital suffiċjenti għal IŻM innovattivi fi stadji bikrin ta' tkabbir. In-nuqqas ta' kultura ta' investiment fil-valur proprjetarju, problemi informattivi, suq frammentat u spejjeż għoljin huma fost ir-raġunijiet ewlenin għal dan in-nuqqas fis-suq .

L-istadju ta' l-iżvilupp tas-swieq kapitali ta' riskju jvarja . Fl-Istati Membri ikbar bi swieq iktar maturi, fondi tas-settur qed isiru dejjem iktar komuni; dawn il-fondi jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet aħjar għal investiment transkonfinali u jżidu l-flus fis-suq uniku. Fi swieq li jinsabu fi stadji bikrin ta' żvilupp, ir-rwol katalitiku ta' fondi tal-pajjiż ma' investituri pubbliċi huwa ta' benefiċċju għat-tkabbir tas-suq. Minkejja dan fi swieq iżgħar jew emerġenti ta' kapital ta' riskju, il-fondi għandhom diffikultajiet fl-espansjoni, l-ispeċjalizzazzjoni u l-ilħuq ta' massa kritika ta' tranżazzjonijiet .

Barra minn hekk, politiki nazzjonali diverġenti joħolqu frammentazzjoni sinifikanti tas-suq, li taffettwa negattivament kemm il-ġbir tal-fondi kif ukoll l-investiment fi ħdan l-UE. Fondi kapitali ta' riskju u l-maniġers tagħhom huma awtorizzati u regolati skond ir-rekwiżiti nazzjonali. Dawk il-fondi li kieku kienu jespandu l-portafoll tagħhom lil hinn mill-fruntieri huma mxekkla minn ostakoli operattivi u regolatorji.

F'suq ta' kapital ta' riskju frammentat b'attwalment 27 ambjent operattiv differenti , l-istrutturazzjoni tal-fondi madwar il-fruntieri multipli jsir iktar u iktar kumpless u fondi iżgħar għandhom it-tendenza li jevitaw li joperaw barra mill-ġuriżdizzjonijiet ta' darhom.

4. KUNDIZZJONIJIET AħJAR GħAL KAPITAL TA' RISKJU

4.1. Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta’ qafas

Kif ġie speċifikat fil-Komunikazzjoni dwar strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa[8], id-defiċjenzi fil-kundizzjonijiet ta' qafas kif ukoll l-ostakoli fis-Suq Intern, inkluż in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' suq ta' riskju kapitali, qed ixekklu l-mobbiltà kapitali, iċaħħdu lin-negozji mill-iskala meħtieġa biex jikkapitalizzaw bis-sħiħ mill-investimenti, u jillimitaw il-kapaċità ta' innovazzjoni ta' l-UE.

Il-politiki tal-gvern jistgħu joħolqu inċentivi għall-industrija tal-kapital ta' riskju u tinkoraġġixxi l-investimenti f'IŻM innovattivi. Il-kofinanzjament pubbliku jista' b'mod partikolari jgħin biex jindirizza n-nuqqasijiet fil-provvista tal-kapital tal-bidu, inaqqas id-differenza fil-valur proprjetarju u jgħin għall-iżvilupp tas-suq tal-kapital ta' riskju, filwaqt li jagħraf id-differenzi fl-iżvilupp ta' swieq ta' kapital ta' riskju fl-Istati Membri .

Għajnuna statali orizzontali mmirata għandha rwol fl-inkoraġġiment ta' l-investimenti privati. Fil-qafas Komunitarju l-ġdid għall-għajnuna statali għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni,[9] l-għajnuna statali għal intrapriżi innovattivi ġodda tippermetti appoġġ għall-ewwel snin ta' eżistenza ta' IŻM, biex jegħlbu n-nuqqasijiet ta' likwidità inizjali minħabba finanzjament insuffiċjenti, u biex jiffaċilita t-tkabbir tagħhom. U l-Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna statali għall-appoġġ lil kapital ta' riskju f'investimenti f'IŻM[10] jinkludu proċedura ta' stima ħafifa b'għadd ta' elementi, bħal limitu ta' investiment ogħa ta' € 1.5 miljun għal kull IŻM tul perjodu ta' 12-il xahar taħt dan il-limitu l-Kummissjoni taċċetta li wieħed jassumi li jkun hemm falliment tas-suq.

Barra minn hekk, aspett ewlieni ta' kwalunkwe investiment kapitali ta' riskju huwa l-istrateġija tal-ħruġ – il-punt meta l-kapitalist ta' riskju jkun jista' jbigħ l-ishma tiegħu u jillibera l-fondi għal opportunitajiet ġodda. Il-kapital ta' riskju b'hekk għandu bżonn ukoll ta' swieq ta' ħruġ iktar likwidi fl-UE, b'mod partikolari swieq ta' ishma li jikbru li jipprovdu likwidità u jistgħu jiksbu massa kritika ta' servizzi konsultattivi.

Għalkemm il-kapital ta' riskju huwa b'ħafna modi negozju lokali, li jserraħ fuq rabtiet mill-qrib bejn fondi u intraprendituri, huwa wkoll negozju globali li jikkompeti kemm għal fondi kif ukoll għal opportunitajiet ta' investiment. Il-kapital ta' riskju jiffjorixxi madwar numru ta' nies qrib ħafna ta' xulxin u universitajiet li jipproduċu ideat u intraprendituri ġodda. Il-politika Ewropea ta' innovazzjoni tagħti attenzjoni speċjali biex tappoġġja lil numru ta' nies qrib ħafna ta' xulxin u lill-kooperazzjoni tagħhom li tista' tgħin ukoll lill-industrija kapitali ta' riskju u s-sostenibbiltà fit-tul tagħha billi tipprovdi fluss ta' tranżazzjonijiet.

4.2. Politiki Komunitarji li jappoġġjaw il-finanzjament ta' l-innovazzjoni

Il-programmi Komunitarji li ġejjin jiffukaw fuq l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għal prijoritajiet ta' Tkabbir u ta' Impjiegi biex jappoġġjaw l-innovazzjoni u intraprenditorjat:

Is- Seba' Programm ta' Qafas (FP7) għandu l-mira li jagħti spinta lill-finanzjament ta' riċerka kollaborattiva fl-Ewropa fil-perjodu 2007-2013 b'iktar minn € 53 biljun, li € 1.3 biljun minnhom se jmorru għal azzjonijiet innovattivi biex ir-riċerka u l-iżvilupp ta' l-IŻM jingħataw b'kuntratt. € 0.4 biljun oħrajn mill-finanzjament pubbliku għandu jsir disponibbli fl-2008-2013 għall-Programm Konġunt Eurostars li jappoġġja lill-IŻM li jagħmlu r-riċerka u l-iżvilupp.

L-irbit ta' l-innovazzjoni mal-kummerċjalizzazzjoni u l-bini fuq esperjenzi preċedenti, fil- Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP), € 1.1 biljun jgħinu għat-titjib ta' l-aċċess ta' IŻM għal finanzjament fil-perjodu 2007-2013. Il-Faċilità ġdida ta' Tkabbir Għoli u IŻM Innovattivi ġiet introdotta biex iżżid il-valur proprjetarju għal IŻM innovattivi permezz ta' investiment fuq termini ta' suq f'fondi ta' kapital ta' riskju ffokati fuq l-IŻM fil-fażi bikrija u ta' espansjoni.

Strumenti kumplimentari huma disponibbli fi ħdan JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Mikro Intrapriżi u Intrapriżi Medji), inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni u l-Fond Ewropew għall-Investiment għat-trattament tal-kapital ta' riskju għal IŻM f'xi reġjuni. Din se tippermetti lill-Istati Membri, jekk jagħżluha, li jużaw parti mill-fondi strutturali għall-iżvilupp ta' forom differenti ta' kapital ta' riskju u strumenti finanzjarji maħsuba speċifikatament biex jappoġġaw lil IŻM.

Politika koerenti u prassi tajba huma importanti fl-iżvilupp ta' swieq ta' kapital ta' riskju kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. Il-Kummissjoni se tippromwovi skambju ta' prassi tajba fil-livelli kollha, mil-livell nazzjonali għal dak reġjonali u setturi industrijali speċifiċi, b'mod partikolari permezz ta' pjattaformi ta' appoġġ u netwerks ta' innovazzjoni.

5. STRATEġIJA GħAT-TITJIB TAL-KUNDIZZJONIJIET TRANSKONFINALI

Politiki li jappoġġjaw direttament il-finanzjament ta' l-innovazzjoni, madankollu, mhux se jkunu suffiċjenti biex jilħqu l-massa kritika u jegħlbu l-isfidi ta' ekonomija globali. Sħubijiet pubbliċi-privati u inċentivi pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu biex tingħeleb id-differenza tal-valur proprjetarju, imma iżjed investiment minn investituri privati biss jista' jipprovdi soluzzjoni fit-tul. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jaġixxu biex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-fondi kapitali ta' riskju, li l-operazzjonijiet transkonfinali huma wieħed minnhom.

5.1. Ir-rwol tal-moviment liberu tal-kapital

Il-moviment liberu tal-kapital huwa libertà fundamentali tat-Trattat u l-vettura ewlenija għal integrazzjoni finanzjarja. Suq finanzjarju integrat iwassal għal benefiċċji għall-ekonomija Ewropea permezz ta' allokazzjoni effiċjenti ta' kapital li żżid ir-rendiment ekonomiku għat-tul. Suq ta' kapital ta' riskju hija parti importanti mis-suq finanzjarju, speċjalment biex tintlaħaq il-mira ta' Ewropa iktar innovattiva u kompetittiva.

Għalhekk għandu jkun żgurat li s-swieq u l-fondi tal-kapital ta' riskju li joperaw fuq bażi transkonfinali jkunu konxji bis-sħiħ mil-libertà ta' moviment tal-kapital li huwa ssorveljat u infurzat mill-Kummissjoni Ewropea.

5.2. Titjib fil-kundizzjonijiet għall-ġbir ta' fondi

Suq ta' kapital ta' riskju jipprovdi lill- investituri istituzzjonali , bħall-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u l-kumpanija assikurattivi, b'opportunità għad-diversifikazzjoni tal-portafoll u l-għażla ta' profili ta' ritorn b'riskju differenti. F'xi Stati Membri, fondi għall-pensjonijiet ma jitħallewx jinvestu f'fondi b'kapital ta' riskju jew jiffaċċjaw restrizzjonijiet kwantitattivi u ġeografiċi. Kull fejn dan ikun il-każ, sors possibbli ta' kapital huwa nieqes mis-suq tal-kapital ta' riskju. L-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva 2003/41/KE[11] għandha tippermetti lill-fondi tal-pensjonijiet fl-UE biex jagħmlu deċiżjoni professjonali dwar jekk jesponux ruħhom għal kapital ta' riskju bbażat fuq ' ir-regola tal-persuna għaqlija '. L-Istati Membri huma mistiedna jestendu l-użu tar-'regola tal-persuna għaqlija' wkoll għal tipi oħrajn ta' fondi tal-pensjonijiet u investituri istituzzjonali .

Ostakolu ieħor li jxekkel in-negozju transkonfinali huwa n- nuqqas ta' reġim Ewropew dwar il-pjazzamenti privati . Dan jirriżulta fi spejjeż organizzattivi ogħla biex jinġabru l-flus (b'mod partikolari spejjeż legali u konsultattivi, li jitħallsu mill-investituri). Dan għandu impatt negattiv fuq ir-ritorni u l-attrazzjoni tal-ġbir ta' fondi. Il-pjazzament privat huwa metodu speċifiku għall-bejgħ ta' prodotti ta' investiment lill-investituri istituzzjonali. Reġimi nazzjonali dwar il-pjazzament privat ifittxu li jnaqqsu ħafna mir-restrizzjonijiet imposti fil-każ li fond jinbigħ lill-pubbliku ġenerali, bħal f'każ ta' kwotazzjoni fil-borża. Ir-reġimi nazzjonali attwali jvarjaw sostanzjalment u reġim ta' pjazzament privat komuni jista' jippermetti lill-maniġers biex jittrattaw direttament ma' investituri esperti madwar l-UE u jespandu n-negozju tagħhom mingħajr ma jqajmu tħassib ta' ħarsien ta' l-investitur bl-imnut.

Il-MiFID[12] jintroduċi dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw tranżazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu l-interessi f'fondi ta' kapital ta' riskju, bejn professjonisti ta' l-esperjenza. Jista' jkun hemm iktar xi jsir biex jiġu ffaċilitati t-tranżazzjonijiet transkonfinali tal-valuri proprjetarji privati bejn maniġers tal-fond, intermedjarju u investituri sofistikati.

Il-Kummissjoni qed tanalizza oqfsa nazzjonali għal fondi mhux armonizzati, inklużi fondi kapitali ta' riskju, u ostakoli għall-pjazzamenti privati transkonfinali u se tirrapporta fuq il-possibbiltajiet li jitwaqqaf reġim Ewropew għall-pjazzamenti privati fl-ewwel nofs ta' l-2008.

5.3. Titjib fil-qafas regulatorju

Qafas regolatorju aħjar jista' jikkontribwixxi għal riskju u spejjeż operattivi iktar baxxi, ritorni ogħla, iżjed fluss ta' kapital ta' riskju u swieq ta' kapital ta' riskju iktar effiċjenti . Dan ikun vantaġġuż għall-Istati Membri kollha peress li r-riskju kapitali jista' jsib l-iktar intraprendituri u kumpaniji li ħaqqhom bl-ogħla potenzjal ta' tkabbir u żvilupp.

It-tneħħija ta' ostakoli amministrattivi għal investimenti transkonfinali jagħmilha eħfef anke għal fondi iżgħar – u fondi f'pajjiżi iżgħar – biex joperaw f' żona ġeografika usa' , iżidu l-effiċjenza tagħhom, jilħqu ekonomiji ta' skala, itejbu r-ritorni, jispeċjalizzaw u jiddiversifikaw l-portafolli tagħhom.

Għal kull Stat Membru huwa essenzjali li jkollu fis-seħħ arranġamenti għall-iffaċilitar tat-twaqqif ta', u investiment minn, fond kapitali ta' riskju. Il-Kummissjoni tagħraf l-importanza ta' soluzzjonijiet u regolamenti ta' din ix-xorta f'linji nazzjonali. L-awtoritajiet għandhom jivvalutaw lokalment il-fatturi kollha possibbli ta' forniment u domanda li jikkontribwixxu għad-differenza fil-valuri proprjetarju u jidentifikaw il-miżuri legali neċessarji għat-titjib.

L-Istati Membri huma mistiedna jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom, billi jqisu l-possibbiltajiet ta' investimenti transkonfinali ta' kapital ta' riskju flimkien ma' investimenti lokali.

Fl-Istati Membri mingħajr dispożizzjonijiet formali għal strutturi ta' kapital ta' riskju, kull regolament ġdid għandu jippermetti l-operazzjonijiet transkonfinali.

5.4. It-tnaqqis ta' l-ostakoli fiskali

Barra mill-kwistjonijiet regolatorji, kwistjonijiet fiskali huma ta' importanza kruċjali. Biex ikun żgurat li l-investiment transkonfinali ta' kapital ta' riskju ma jkunx imxekkel, l-istrutturi tal-fondi għandu jkollhom fatturi li jistgħu jakkomodaw il-bżonnijiet individwali legali u fiskali ta' l-investituri.

Bħalissa, il-fondi jistgħu jkunu stabbiliti madwar l-UE taħt varjetà ta' forom ġuridiċi , reġimi, u strutturi, u l-interazzjoni tagħhom tista' twassal għal tassazzjoni doppja. L-Istati Membri jistgħu jkunu maqsuma fi tliet kategoriji kbar:

(i) Stati Membri b'suq ta' kapital ta' riskju żviluppat jipprovdu strutturi speċifiċi biex jakkomodaw investituri nazzjonali u barranin b'kapital ta' riskju fuq bażi trasparenti[13] jew eżenti mit-taxxa, bħalma huma soċjetajiet in akkomandita.

(ii) L-Istati Membri bi strutturi speċifiċi ta' kapital ta' riskju, inklużi xi strutturi li huma eżenti mit-taxxa (fiskalment trasparenti). Madankollu, dawn l-istrutturi huma kumplessi u/jew restrittivi wisq u għalhekk ma ntużawx fil-prattika.

(iii) L-Istati Membri mingħajr ebda regolament jew regoli speċifiċi u mingħajr ebda struttura adatta; l-investimenti huma possibbli biss bl-użu ta' mezz ta' investiment intermedjarju jew off-shore jew struttura korporattiva eżistenti (kumpaniji b'responsabbiltà limitata, soċjetà in akkomandita, kumpanija b'investiment kwalifikat, kif ukoll tip ta' strutturi magħluqin għall-investimenti kollettivi, kumpanija b'ishma konġunti, strutturi korporattivi lokali jew stutturi ta' investiment parallel).

Konsultazzjoni komprensiva[14] ma' l-industrija u l-Istati Membri żvelat li strutturi ta' kapital ta' riskju disponibbli bħalissa fl-Ewropa mhumiex kapaċi jakkomodaw it-tipi kollha ta' investituri barranin minn ġewwa u barra l-UE.

Għalhekk, iridu jitwaqqfu strutturi ta' fondi kumplessi b'mezzi paralleli, biex jiġu mminimizzati l-iżvantaġġi fiskali minn investiment transkonfinali. L-ispejjeż għoljin ta' tranżazzjoni għat-twaqqif ta' l-istruttura[15] u tal-ġestjoni attwali tagħha, flimkien ma' l-inċertezza ġuridika eżistenti, ikomplu jiskoraġġixxu l-fondi kapitali ta' riskju minn investiment transkonfinali.

Iċ-Ċentru Nordiku ta' Innovazzjoni[16] ppropona xi soluzzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għas-suq Nordiku tal-kapital ta' riskju: fondi stabbiliti bħala soċjetajiet in akkomandita għandhom ikunu fiskalment trasparenti; ma għandux ikun impost il-VAT fuq il-kumpanija ġestjonarna tal-fond u fondi barranin ma għandhomx ikunu intaxxati. Approċċ bħal dan jista' jġib vantaġġi kompetittivi u jsaħħaħ ir-reġjun fi ħdan is-suq Ewropew ta' kapital ta' riskju.

Il-Kummissjoni diġà ħadet bosta inizjattivi fil-qasam tat-taxxa diretta bil-ħsieb li ttejjeb it-tħaddim tas-Suq Intern. Kif issuġġeriet qabel il-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kapital ta' Riskju[17], hemm ambitu għal aktar titjib ta' l-oqfsa regolatorji nazzjonali u għall- eliminazzjoni ta' tassazzjoni doppja ekonomika u ġuridika fuq operazzjonijiet transkonfinali ta' kapital ta' riskju.

Il-Kummissjoni waqqfet grupp espert b'esperti governattivi u privati mill-Istati Membri biex jidentifika l-każijiet ta' tassazzjoni doppja u ostakoli oħrajn ta' tassazzjoni diretta għal investimenti transkonfinali ta' kapital ta' riskju fl-UE u biex jiddiskuti u jirrifletti dwar soluzzjonijiet tekniċi biex dawn jingħelbu. Dan il-grupp espert għandu jirrapporta sa tmiem l-2008.

5.5. Progress b'għarfien reċiproku

Il-Kummissjoni temmen li biex jingħelbu l-ostakoli għall-ġbir ta' fondi u investiment transkonfinali għall-kapital ta' riskju u jkunu żgurati l-benefiċċji tas-Suq Intern, strutturi ta' kapital ta' riskju li qegħdin jaħdmu sew f'xi Stati Membri, flimkien ma' dawk l-istrutturi li huma xierqa għall-investituri mhux domestiċi, jkunu jistgħu jiġu adottati u rikonoxxuti fi bnadi oħra. L-isforzi fil-prattika jinkludu xi bidliet regolatorji u l-implimentazzjoni tagħhom jeħtieġu impenn kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak industrijali.

Idealment, tiġi stabbilita struttura unika ta' fond kapitali ta' riskju biex tipprovdi l-istess kundizzjonijiet lil kull investitur tal-fond madwar l-UE. Din is-soluzzjoni ma teskludix lill-istrutturi nazzjonali milli jintużaw għal fondi nazzjonali u lokali. Madankollu, riżultat bħal dan ma jidhirx possibbli fi żmien qasir minħabba l-kumplessitajiet li joħorġu mit-trattament fiskali differenti ta' l-investituri li jinsabu f'ġuriżdizzjonijiet differenti.

Minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet meqjusa, li jinvolvu r-regolamentazzjoni ġuridika u fiskali ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni titlob sforzi ikbar għal ftehim komuni tal-fatturi ewlenin tal- fondi kapitali ta' riskju u l-investituri tagħhom. Fuq din il-bażi, l-għarfien reċiproku ta' l-oqfsa nazzjonali eżistenti jkun pass 'il quddiem . F'suq tal-kapital ta' riskju frammentat, dan huwa l-iktar approċċ pragmatiku għall-żmien qasir .

Biex jinkiseb suq tal-kapital ta' riskju sostenibbli u effiċjenti, l-Istati Membri, filwaqt li jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti jew jadottaw leġiżlazzjoni ġdida huma mistiedna jagħrfu l-fatturi li ġejjin[18] li jikkostitwixxu prassi tajba:

- Għarfien reċiproku ta' fondi kapitali ta' riskju : fond kapitali ta' riskju jista' jkun stabbilit biss fil-ġuriżdizzjoni ta' pajjiżu u rikonoxxut fi Stat Membru ieħor bħala ekwivalenti għal fondi kapitali ta' riskju domestiċi u ma jkollux għalfejn jistabbilixxi ruħu separatament f'kull ġuriżdizzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jagħrfu li l-fondi domiċiljati fi Stat Membru ieħor u li joperaw fis-suq tagħhom huma diġà suġġetti għar-reġim regolatorju f'pajjiżhom.

- Jekk il-maniġer tal-fond , suġġett għal reġim regolatorju f'pajjiżu, jista' jopera wkoll direttament fil-pajjiż fejn sar l-investiment mingħajr ma jkun 'stabbilit' hemm, l-ispejjeż operattivi u l-ħin meħtieġ jonqsu.

Il-Kummissjoni tagħraf li s-soluzzjoni proposta timplika livelli aċċettabbli reċiprokament ta' superviżjoni u trasparenza . Fuq din il-bażi, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħrfu li l-fondi ta' kapital ta' riskju minn Stati Membri oħrajn huma suġġetti għal reġimi simili, u jiżguraw kooperazzjoni u tqabbil ta' superviżjoni fi ħdan strutturi eżistenti ta' kooperazzjoni.

Għal fondi kapitali ta' riskju u l-kumpaniji ta' ġestjoni, l-adeżjoni fl-ispirtu u fis-sustanza ma' l-istandards industrijali ta' klassi dinjija hija rakkomandata bil-qawwi. Bħal f'kuntratti oħrajn, il-kumpaniji li jirċievu investiment jistgħu jirrikorru għal-leġiżlazzjoni applikabbli f'każ ta' tilwim.

6. KONKLUżJONIJIET

6.1. Il-passi u r-rakkomandazzjonijiet li jmiss

Biex jitjieb il-ġbir ta' fondi u l-investiment transkonfinali, il-Kummissjoni se: |

- Tanalizza l-approċċi nazzjonali u l-ostakoli għal pjazzamenti privati transkonfinali. Rapport dwar il-possibilitajiet ta' twaqqif ta' reġim Ewropew għall-pjazzamenti privati se jiġi ppubblikat fl-ewwel nofs ta' l-2008. - Tidentifika, flimkien ma' l-esperti mill-Istati Membri, każijiet ta' tassazzjoni doppja u ostakoli oħrajn ta' taxxa diretta għal investimenti kapitali ta' riskju transkonfinali; il-grupp espert għandu jirrapporta sa tmiem l-2008. - Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni se tanalizza l-possibilitajiet għal definizzjoni tal-fatturi komuni biex tersaq eqreb lejn qafas għall-kapital ta' riskju għall-UE kollha. Il-Kummissjoni se tistudja wkoll modi possibbli ta' kif tgħin lill-Istati Membri fil-proċess ta' għarfien reċiproku. |

Biex titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-ġbir ta' fondi u l-investiment għall-kapital ta' riskju, il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-Istati Membri biex: |

- Fejn għadu mhux il-każ, jestendu 'r-regola tal-persuna għaqlija' għal tipi oħra ta' investituri istituzzjonali, inklużi l-fondi tal-pensjonijiet. - Joħolqu ftehim komuni tal-fatturi ta' fondi kapitali ta' riskju u investituri kwalifikati u jqisu għarfient reċiproku ta' l-oqfsa nazzjonali. - Jegħlbu l-ostakoli regolatorji u fiskali billi jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti jew jadottaw liġijiet ġodda. L-għan hu li l-fondi kapitali ta' riskju jingħataw kollha l-opportunità li jispeċjalizzaw u jiddiversifikaw, inklużi fondi speċjalisti iżgħar. Minħabba f'hekk, il-mira hi li l-fondi u l-kumpaniji ta' ġestjoni jinvestu 'l barra mill-fruntieri bl-istess kundizzjonijiet ta' pajjiżhom. Dan jimplika l-assenza ta' reġistrazzjoni separata. - Jippermettu kooperazzjoni u livelli aċċettabbli reċiprokament ta' supreviżjoni u trasparenza. - Iħeġġu l-iżvilupp ta' numru ta' nies qrib ħafna ta' xulxin li jkunu kompetittivi u jippromwovu swieq ta' ħruġ likwidi. |

6.2. Approċċ bi sħubija

Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija hija essenzjali għall-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u għall-progress lejn suq tal-kapital ta' riskju Ewropew.

Il-Kummissjoni se tissorvelja ulterjorment l-iżvilupp ta' swieq kapitali ta' riskju kif irrapportat fil- Programmi Nazzjonali ta' Riforma .

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem lejn suq tal-kapital ta' riskju li jikkontribwixxi għal aċċess aħjar għall-finanzjament għal IŻM innovattivi u se jerġa' jirrapporta fuq dawn il-kwistjonijiet fl-2009.

[1] Fl-Anness hemm glossarju

[2] COM(2006) 349, 29.6.2006

[3] "Employment Contribution of PE and VC in Europe", EVCA Publication, Ottubru 2005

[4] “Venture Capital in Europe: Spice for European Economies” T. Meyer, Deutsche Bank Research, Ottubru 2006

[5] “Venture Capital for Sustainability 2007”, Eurosif, 2007

[6] “Annual Survey of Pan-European Private Equity & Venture Capital Activity”, EVCA Yearbook 2007

[7] Parti sostanzjali tal-programm Komunitarju CIP hija maħsuba għall-appoġġ għal IŻM eko-innovattivi.

[8] COM(2006) 502, 13.9.2006.

[9] ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1-26

[10] ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2-22

[11] ĠU L 235, 23.9.2003

[12] Id-Direttiva 2004/39/KE; ĠU 2004/L 145/01, 30.4.2004

[13] Trasparenza fiskali tfisser li d-dħul u d-dħul kapitali mhumiex fil-prinċipju suġġetti għal tassazzjoni fil-livell tal-fondi fil-pajjiż fejn huwa stabbilit il-fond.

[14] Ara r-rapport tal-grupp Espert anness, Marzu 2007

[15] Sa 1 % ta' l-ispejjeż totali bħala perċentwali ta' l-impenji ta' Sieħeb Limitat matul il-ħajja ta' 10 snin tal-fond.

[16] “Obstacles to Nordic Venture Capital Funds”, Ċentru Nordiku ta' Innovazzjoni, Settembru 2007.

[17] COM(2003) 654, 4.11.2003

[18] Ara r-rapport tal-grupp Espert anness, Marzu 2007.

Top