EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0649

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

/* KUMM/2007/0649 finali */

52007DC0649

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu /* KUMM/2007/0649 finali */


Brussell, 6.11.2007

KUMM(2007) 649 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

I. It-theddida

Illum it-terroriżmu hu ta' natura internazzjonali. Filwaqt li sar żvilupp sostanzjali kontra t-theddid terroristiku kemm fuq skala dinjija kif ukoll fl-UE, għad hemm theddida globali mit-terroriżmu internazzjonali. L-istrutturi terroristiċi qegħdin ikomplu jadattaw għall-isforzi globali kontra t-terroriżmu. Il-gruppi terroristiċi jistgħu jkunu mxerrda f'pajjiżi differenti u jaqsmu l-fruntieri tradizzjonali tal-pajjiżi billi jisfruttaw il-potenzjal kbir tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, bħall-internet u t-telefonija ċellulari għall-għanijiet malizzjużi tagħhom. L-internet ta' spiss jintuża mit-terroristi għall-komunikazzjoni tal-propaganda, it-taħriġ, l-indottrinament, ir-reklutaġġ u l-ġbir tal-fondi. Xi organizzazzjonijiet terroristiċi jużaw ukoll l-Internet biex jippjanaw operazzjonijiet u jippubbliċizzaw attakki li jsostnu li għamlu.

Din it-theddida hija sfida sinifikanti għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tagħha. Il-Europol u l-Eurojust jistgħu – u għandhom – ikollhom rwol fl-indirizzar ta' din it-theddida, iżda l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-servizzi nazzjonali tagħhom hija kruċjali. Tali kooperazzjoni tjiebet ħafna fl-aħħar snin minħabba t-theddida komuni.

It-terroristiċi jattakkaw meta, fejn u b'dak li jaħsbu li jistgħu jkollhom l-akbar impatt. Illum jeżistu armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari. Minbarra l-materjal nukleari dawn huma relattivament irħas u l-makkinarju militari tradizzjonali ftit li xejn għandu effett kontrihom.

Ma nistgħux inkunu kompjaċenti. L-imġiba ta' l-abitanti ta' l-ibliet tagħna, fejn it-terroristi attakkaw f'dawn l-aħħar snin, hija ta' eżempju għalina lkoll. Billi baqgħu b'saħħithom, qed ikomplu jgawdu u jiddefendu d-drittijiet fundamenetali li fuqhom huma bbażati s-soċjetajiet tagħna, filwaqt li huma konxji li hemm elementi radikali li jistgħu jkunu qegħdin jippjanaw attakk. Jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn li nkunu dejjem għajnejna miftuħa għar-riskju – filwaqt li nieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex ma nħalluhx iseħħ – u li ma nħallux dan l-istess riskju jegħlbilna l-ħajja tagħna ta' kuljum. L-għan ewlieni tat-terroristi huwa li joħolqu diżordni fis-soċjetà.

II. Il-kuntest ta' l-azzjoni ta' l-UE: miżuri ewlenin

L-Unjoni Ewropea tappoġġja l-Istati Membri fil-konfront tat-theddida globali. Jista' biss jirnexxielna nħarsu ċ-ċittadini tagħna billi naħdmu flimkien biex naffaċċjaw din il-kwistjoni komuni. Ma nistgħux nistennew li nħossuna siguri jekk ma nieħdux responsabbiltà biex nipprovdu s-sigurtà.

L-Ewropa għalhekk ġabet is-sigurtà u tista', u għandha tkompli, tagħmel aktar. Ma' nistgħux nikkunsidraw il-valuri u l-mod ta' għixien tagħna bħala fatt - huma materjal delikat li jrid jiġi mħares kontinwament. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha sseħħ b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. It-terroristi jheddu d-drittijiet fundamentali tagħna. Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ fil-ħarsien u l-inkoraġġiment tad-drittijiet fundamentali. Għandna niżviluppaw il-miżuri ta' sigurtà neċessarji u legali fl-ambitu ta' dawn id-drittijiet.

Jeħtieġ li madwar l-Ewropa ningħaqdu kontra t-terroriżmu. Jeħtieġ li naħdmu b'solidarjetà. It-terroriżmu hu theddida għalina lkoll - għad-sigurtà, il-mod ta' għixien u l-ideali tagħna. Neħtieġu reazzjoni komuni għal sfida komuni.

It-theddid terroristiku għandu, fil-biċċa l-kbira tiegħu, jiġi indirizzat fil-livell nazzjonali – minkejja l-għarfien li t-theddida ta' bħalissa hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, internazzjonali. Ix-xogħol fil-livell ta' l-UE jikkomplementa dawn l-isforzi u huwa bbażat fuq il-prevenzjoni, il-ħarsien, il-prosekuzzjoni u r-reazzjoni jekk iseħħ attakk terroristiku. Dawn l-erba' elementi huma l-qalba ta' l-Istrateġija ta' l-UE Kontra t-Terroriżmu, li ġiet adottata l-ewwel fl-2001 u li kienet aġġornata l-aħħar f'Diċembru 2005. L-aħħar li ġie aġġornat il-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija kien fir-rebbiegħa ta' l-2007.

Peress li t-terroriżmu huwa fenomenu globali, l-UE tikkoopera wkoll mill-qrib mal-pajjiżi sħab tagħha u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali dwar leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-aspetti diversi tagħha, hija dejjem punt fl-aġenda f'laqgħat Ministerjali tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ma' sħab strateġiċi u f'fora oħra bħan-NU u l-G8. Din il-kooperazzjoni wasslet partikolarment għal ftehimiet ma' l-Istati Uniti u mal-Kanada dwar it-trasferiment tad- data tar-Reġistru ta' l-Ismijiet tal-Passiġieri (, liema ftehimiet jippermettu li t-theddid terroristiku għas-siġurtà jiġi identifikat aħjar filwaqt li jiżguraw il-ħarsien tad- data personali. L-UE hija fornitur prinċipali ta' assistenza teknika lil pajjiżi terzi fid-dinja kollha u tgħinhom jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1373 (2001).

L-Istrateġija ta' l-UE Kontra t-Terroriżmu tiddefinixxi l-mod kif l-UE tista' tikkontribwixxi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-miżuri ewlenin identifikati fl-Istrateġija jinkludu:

- It-twaqqif ta' radikalizzazzjoni vjolenti;

- Il-protezzjoni ta' l-infrastruttura kruċjali tagħna;

- It-titjib ta' l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha, fejn dan ikun xieraq;

- Ir-reazzjoni għal theddid mhux konvenzjonali;

- It-titjib ta' l-iskoperta ta' theddid;

- Iċ-ċaħda lit-terroristi minn riżorsi finanzjarji;

- L-appoġġ lill-vittmi;

- Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

F'Ġunju 2006, il-Kummissjoni ssuġġeriet qafas dwar kif għandhom jiġu evalwati l-linji ta' politika fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja[1]. L-evalwazzjoni ta' linji ta' politika kontra t-terroriżmu hija partikolarment deċiżiva minħabba l-possibbiltà ta' evalwazzjonijiet mibdula ta' theddid u l-impatt tal-politika fuq id-drittijiet fundamentali u l-operazzjoni tas-swieq. Il-Kummissjoni se tevalwa kontinwament il-linji ta' politika li jiġu adottati kontra t-terroriżmu u l-miżuri li qed jiġu proposti fil-pakkett adottat illum.

RADIKALIZZAZZJONI VJOLENTI

Li wieħed jifhem ir-raġunijiet għall-attività terroristika hija aspett ewlieni mill-prevenzjoni tagħha. Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tiżviluppa politika dwar l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-fatturi li jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni vjolenta[2]. Ir-riċerka f'dan il-qasam kumpless hija importanti u l-Kummissjoni tiffinanzja studji, konferenzi u proġetti biex taqsam l-esperjenza u tifhem aħjar din il-kwistjoni. Per eżempju, din is-sena ġew ikkummissjonati studji dwar il-fatturi li jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti, l-ideoloġiji tar-radikali u l-metodi ta' reklutaġġ użati biex jiġi attivat sostenn għat-terroriżmu. Dawn l-attivitajiet kollha jseħħu fil-kuntest ta' L-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni kontra r-Radikalizzazzjoni speċifiċi ta' l-UE. L-Istrateġija tfakkar li "Il-Kummissjoni ssostni dan billi tagħti direzzjoni effettiva lill-linji ta' politika tagħha, inkluż permezz ta' l-investiment ta' fondi għar-riċerka, l-organizzazzjoni ta' konferenzi, is-sostenn għall-edukazzjoni u għal impenn interkulturali u l-monitoraġġ fil-livell pan-UE."

ĦARSIEN TA' L-INFRASTRUTTURA KRITIKA

Il-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika tagħna, bħalma huma it-toroq, il-linji tal-ferrovija, il-ponti, l-infrastrutturi ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u ċ-ċentri ta' l-elettriku tagħna, huwa kruċjali. Din l-infrastruttura hija interdipendenti ħafna fl-UE u globalment: il-livell ta' sigurtà ta' kull Stat individwali jiddependi fuq is-sigurtà pprovduta minn oħrajn.

L-UE żżid il-valur billi tistabbilixxi standards minimi għas-sigurtà u billi telimina, safejn hu possibbli, punti dgħajfa u vulnerabbiltajiet[3]. L-azzjoni fil-livell ta' l-UE ssostni lill-Istati Membri filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà. Finalment hija r-responsabbiltà ta' kull Stat Membru li jamministra l-arranġamenti għall-ħarsien ta' l-infrastruttura kritika li tinsab fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tiegħu.

Qed tiġi diskussa proposta għal qafas ġenerali ta' politika dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika fil-Kunsill u l-Kummissjoni għandha t-tama li dalwaqt jinkisbu riżultati. Dan għandu jippermettielna niffukaw fuq l-assi u s-setturi li jeħtieġu aktar attenzjoni.

IS-SIGURTÀ TAT-TRASPORT URBAN

B'risposta għas-sejħa tal-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern ta' l-UE, il-Kummissjoni evalwat kif il-Komunità Ewropea tista' tikkontribwixxi l-aħjar biex tħares it-trasport urban Ewropew[4] minn attakki terroristiċi.

It-titjib tas-sigurtà fis-sistemi ta' trasport urban, filwaqt li jinżamm servizz sħiħ u bla restrizzjonijiet, huwa sfida kbira. Bi ftit eċċezzjonijiet, it-tagħmir u l-infrastruttura li jsostnu t-trasport urban ma ġewx oriġinarjament magħżula jew mibnija fid-dawl ta' kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà. Biex jintlaħqu livelli aħjar ta' sigurtà għas-sistemi ta' trasport urban Ewropew, jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi involuti kollha fil-livell Ewropew. Biex tiffaċilita din il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma speċifiku ta' Esperti fit-Trasport Urban, liema grupp se jaħdem f'assoċjazzjoni mill-qrib ma' gruppi ta' ħidma speċifiċi oħra stabbiliti taħt il-qafas ta' politika ġenerali dwar il-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika. L-isfond għal din l-azzjoni partikolari jinsab fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni.

L-ISKAMBJU TA' L-INFORMAZZJONI

L-iskambju ta' l-informazzjoni – skond id-drittijiet fundamentali, inkluż il-ħarsien tad-data – huwa essenzjali. Il-proposta dwar il-PNR, li hija parti minn dan il-pakkett, turi dan. Sar ħafna mill-Kummissjoni. Il-fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni u ta' l-internet issa jridu jżommu d- data tagħhom, b'konsegwenza tad-Direttiva taż-Żamma tad-Data. Il-prinċipju tad-disponibbiltà għamel il-pass tiegħu bit-Trattat ta' Prüm: id- databases ta' l-Istati Membri kollha dwar il-marki tas-swaba', id-DNA u r-reġistrazzjoni tal-vetturi dal-waqt se jkunu aċċessibbli għall-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni qed tippjana li tiffinanzja attivitajiet bl-għan dan jaħdem jew li dan jaħdem aħjar. Intlaħaq ftehim biex l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi jingħataw aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) meta din tibda topera. L-aċċess għall-VIS se jippermetti lill-pulizija u lill-awtoritajiet l-oħra li jinfurzaw il-liġi, flimkien mal-Europol, li jikkonsultaw id-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. Din is-sistema se taħżen data dwar sa 70 miljun persuna dwar viżi għal żjarat lejn, jew it-tranżitu minn, iż-Żona ta' Schengen. Din id- data se tinkludi r-ritratt ta' l-applikanti u l-għaxar marki tas-swaba' tagħhom. Il-VIS se ssir l-akbar sistema ta' marki ta' l-għaxar swaba' fid-dinja.

Jeħtieġ li dawn l-iżviluppi kollha jkollhom bħala bażi qafas b'saħħtu dwar il-ħarsien tad-data. Il-Kunsill huwa mistenni li jikkonkludi d-diskussjonijiet tiegħu dwar il-proposta ta' Deċiżjoni ta' qafas tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward sa tmiem din is-sena.

ARMI KIMIċI, BIJOLOġIċI, RADJOLOġIċI U NUKLEARI (CHEMICAL, BIOLOGICAL, RADIOLOGICAL AND NUCLEAR - "CBRN")

Għalkemm l-isplussivi huma l-armi l-aktar sikwit użati mit-terroristi, huwa wkoll essenzjali li nwaqqfu lit-terroristi milli jkollhom aċċess għal armi CBRN. Uħud minn dawn jistgħu jinfettaw eluf ta' nies, iniġġsu l-ħamrija, il-bini u l-mezzi tat-trasport, jeqirdu l-agrikultura u jinfettaw l-annimali u jaffettwaw il-katina tal-provvista ta' l-ikel. F'Lulju 2007 ġiet adottata green paper dwar it-tħejjija kontra theddid bijoloġiku.

Inżammu laqgħat ta' ħidma ma' dawk li jeżerċitaw professjoni fl-infurzar tal-liġi, is-saħħa u x-xjenza biex tiġi żviluppata gwida għall-aħjar prattiċi dwar l-istat ta' tħejjija u r-reazzjoni. L-isfida hija li jitlaqqgħu flimkien awtoritajiet attivi f'bosta oqsma differenti: id-dwana, il-pulizija, il-militar, l-industrija bijoloġika, il-komunitajiet tas-saħħa, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-istituti tal-bijoriċerka. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll takkwista kompetenza fil-qasam radjoloġiku u nukleari. Il-biża' mill-bombi radjuattivi (hekk imsejħa bombi maħmuġa ) u mit-terroriżmu nukleari tkompli tinkwieta s-soċjetà tagħna u lil dawk responsabbli għall-ħarsien tagħha. It-terroristi u kriminali oħra diġà wrew interess f'dan. L-ekonomiji u s-soċjetajiet interkonnessi tal-lum mhux biss jipprovdu l-bażi għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni globali; huma jiffaċilitaw ukoll it-traffiku illeċitu ta' materjali radjoattivi u nukleari. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tissottometti pakkett ta' proposti ta' politika dwar is-CBRN fil-bidu ta' l-2009.

TEKNOLOġIJI TA' SKOPERTA

Teknoloġiji ta' skoperta sodi, li ġew ittestjati, aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u li huma rikonoxxuti reċiprokament huma vantaġġ indispensabbli fil-ħidma kontra t-terroriżmu. It-tekonoloġiji l-ġodda m'għandhomx ikunu biss id-dominju tat-terroristi. L-għodda ta' skoperta għandhom rwol kruċjali fil-ħidma ta' l-awtoritajiet tas-sigurtà. Il-ħidma mas-settur privat huwa kruċjali u l-Kummissjoni qiegħda tiffaċilitaha. Ġiet ippubblikata green paper dwar teknoloġiji ta’ skoperta fl-2006 u r-reazzjonijiet qegħdin fil-proċess ta' l-analiżi. Il-kwistjonijiet ta' skoperta għandhom ukoll rwol prominenti fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar l-Isplussivi, li ġie adottat bħala parti minn dan il-pakkett.

IL-PRIVAZZJONI TAT-TERRORISTI MINN RIżORSI FINANZJARJI

L-isforzi biex it-terroristi jiġu pprivati mir-riżorsi finanzjarji għandhom jinżammu u jissaħħu. S'issa ġiet adottata leġiżlazzjoni tal-KE iżda hemm ħtieġa li qiegħda tikber biex ikun hemm azzjonijiet mhux leġiżlattivi aktar wiesgħa, bħal miżuri ta' trasparenza, biex ikun żgurat li l-Istati Membri ta' l-UE jkollhom l-għodda biex jiġġieldu l-iffinanzjar tat-terroristi. Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem ma' l-Istati Membri biex ittejjeb il-modi ta' l-iffriżar u tal-konfiska ta' l-assi tat-terroristi u d-dħul relatat ma' reati, kif ukoll biex tistabbilixxi standards minimi komuni ta' taħriġ għall-investigaturi finanzjarji, u qiegħda tinkoraġġixxi kooperazzjoni effiċjenti fost l-Unitajiet ta' Intelliġenza Finanzjarja fuq il-livell ta' l-UE.

IL-VITTMI TAT-TERRORIżMU

Il-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi s-solidarjetà mal-vittmi tat-terroriżmu kif ukoll li tagħtihom l-għajnuna.

Il-Kummissjoni tipprovdi assistenza finanzjarja[5] lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-vittmi. Iffinanzjat proġetti innovattivi u transkonfinali bl-għan li tgħin lill-vittmi jerġgħu jkollhom l-istess ħajja li kellhom qabel l-attakk terroristiku – safejn dan ikun possibbli.

L-IżVILUPP FIR-RIċERKA U T-TEKNOLOġIJA

Fl-2004, il-Kummissjoni nediet “Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka fis-Sigurtà (Preparatory Action for Security Research – PASR)” fuq tliet snin fil-qasam tar-Riċerka fis-Sigurtà. L-Azzjoni Preparatorja, li għandha tliet baġits annwali ta' €15-il miljun, kienet l-ewwel pass lejn it-tema l-ġdida tas-Sigurtà tas-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7).

Ġew iffinanzjati 39 proġetti[6] taħt il-PASR. Is-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) kellu żieda sostanzjali fil-baġit għar-Riċerka dwar is-Sigurtà ta' € 1.4 biljun fuq il-bazi tal-PASR, liema żieda kienet tkopri oqsma bħall-iskoperta ta' l-isplussivi, il-protezzjoni minn terroriżmu CBRN, l-amministrazzjoni tal-kriżijiet u l-ħarsien ta' infrastruttura kritika.

Parallelment ma' dan, inħoloq Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Sigurtà (ESRIF)[7]. L-ESRIF se jibni fuq ix-xogħol li diġà sar mill-Grupp tal-Personalitajiet[8] u mill-Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka fis-Sigurtà' (European Security Research Advisory Board - ESRAB).

L-għan ta' l-ESRIF huwa li jappoġġa t-tfassil ta' politika għas-sigurtà ċivili b'teknoloġija adatta u bażi ta' għarfien billi tistabbilixxi Aġenda ta' Riċerka fis-Sigurtà Konġunta għal medda medja u twila ta' żmien li se tinvolvi l-partijiet interessati Ewropej kollha kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-forniment. Din l-aġenda għandu jkun fiha pjan ta' riċerka bbażat fuq il-ħtiġijiet futuri ta' l-utenti aħħarija pubbliċi u privati u tat-teknoloġiji tas-sigurtà l-aktar riċenti.

L-Aġenda ta' Riċerka fis-Sigurtà Konġunta se jkollha l-għan li tkun id-dokument ta' referenza għall-ipprogrammar ta' riċerka fis-sigurtà għas-snin li ġejjin, fil-livell nazzjonali, reġjonali u industrijali, fid-dawl tar-riċerka li se ssir fil-livell Ewropew, kif deċiż fis-Seba' Programm ta' Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. Il-Kummissjoni se tiżgura li jiġu stabbiliti r-rabtiet neċessarji bejn l-attivitajiet ta' kontra t-terroriżmu differenti u l-gruppi xierqa ta' ħidma ta' l-ESRIF.

III. Pakkett ġdid ta' proposti: l-intensifikar tal-ġlieda kontra t-terroriżmu

L-elementi diversi tal-pakkett kollha jirreaġixxu għal sejħiet ċari għal azzjoni mill-Kummissjoni – l-aktar mill-Kunsill Ewropew jew mill-laqgħat tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Il-miżuri proposti huma r-riżultat ta' xogħol mħejji bir-reqqa li jinvolvi konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri, l-NGOs u korpi pubbliċi u privati oħra. L-attakki li twaqqfu dan l-aħħar fil-Ġermanja, fid-Danimarka u fl-Awstrija jfakkruna li t-theddida terroristika sfortunatament għadha waħda reali u li jinħtieġu miżuri addizzjonali. Flimkien ma' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-UE kontra t-terroriżmu, il-miżuri previsti jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Globali kontra t-Terroriżmu tan-NU, kif adottata mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2006.

Dan il-pakkett tas-sigurtà għandu l-għan li jtejjeb is-sigurtà ta' l-Ewropa u li jiffaċċja t-theddida terroristika permezz ta':

- Dispożizzjonijiet dwar dawk li jappoġġjaw it-terroriżmu. It-tixrid ta' propaganda terrorista, it-taħriġ tat-terroristi, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, iċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni dwar il-fabblikazzjoni ta' bombi u splussivi u provakazzjonijiet pubbliċi biex jiġu kommessi reati terroristiċi lkoll għandhom jiġu rikonoxxuri bħala reati u jkunu suġġetti għal pieni kriminali xierqa tul l-Unjoni Ewropea. L-emenda proposta għad-Deċiżjoni ta' Qafas ta' l-2002 se tiżgura li l-Istati Membri kollha jiddefinixxu dawn l-attivitajiet bħala reati u japplikaw pieni kriminali, li jinkludi l-priġunerija, kontra min jikkommettihom. Il-Mandati Ewropej ta' Arrest u għal Evidenza ukoll se jintużaw safejn ikun possibbli għal dan l-għan.

- Azzjoni prattika biex jitwaqqaf l-użu ta' splussivi. Se jittieħed numru kbir ta' azzjonijiet differenti intiżi biex jagħmluha aktar diffiċli għat-terrorist biex ikollu aċċess għall-isplussivi jew għall-prekursuri ta' l-isplussivi u biex itejbu l-għodda ta' l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi għall-prevenzjoni ta' attakki terroristiċi bl-użu ta' splussivi, kemm jekk kummerċjali kemm jekk improvizzati. Dan jinkludi sistemi ta' twissija rapida dwar splussivi mitlufa jew misruqa u tranżazzjonijiet suspettużi, netwerk ta' esperti dwar ir-rimi u d-diżattivar ta' bombi u l-investigazzjoni ta' persunal involut fl-industrija ta' l-isplussivi. Il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat hija kruċjali.

- L-istabbiliment ta' sistema Ewropea għall-iskambju ta' Reġistri ta' l-Ismijiet tal-Passiġieri ("PNR"). L-Istati Membri jridu jiġbru din id- data , jipproċessawha u, fejn ikun xieraq, jiskambjawha ma' oħrajn. Il-PNR ġie assoċjat l-aktar ma' negozjati barra mill-UE, b'mod partikolari ma' l-Istati Uniti. L-Unjoni hija potenzjalment fil-mira minn ta' l-anqas daqs l-Istati Uniti. Ir-Reġistri ta' l-Ismijiet tal-Passiġieri huma importanti minħabba li l-esperjenza tal-passat tixhed li ħafna komplotti terroristiċi jinvolvu, f'xi stadju, l-ivvjaġġar bejn l-UE u pajjiż terz.

- Il-Kummissjoni se tadotta wkoll ir-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas preżenti dwar it-terroriżmu. Jeħtieġ li l-Istati Membri jaġixxu b'mod aktar deċiżiv sabiex jadottaw fil-liġi tagħhom is-sistema adottata fl-2002 sabiex isostnu x-xogħol tal-forzi ta' pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin tagħhom.

Konklużjoni:

Jeħtieġ li nkomplu naħdmu fil-livell ta' l-UE biex nopponu t-theddida tat-terroriżmu filwaqt li niżviluppaw ukoll id-dimensjoni esterna ta' din il-politika. M'hemmx għażla ħlief li nagħmlu dan minħabba n-natura internazzjonali u transkonfinali tat-theddida u ta' l-interessi komuni tul l-Ewropa li huma r-riżultat ta' l-iżvilupp pożittiv ta' l-UE. L-UE żżid mal-valur din il-ħidma billi ssostni lill-Istati Membri u billi tittratta kwistjonijiet transkonfinali. Huma l-Istati Membri li huma finalment responsabbli għall-ħarsien taċ-ċittadini tagħhom. Jeħtieġ li l-politika tas-sigurtà tfittex kemm li tħares iċ-ċittadini ta' l-UE u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali. It-terroriżmu huwa sfida multipla u kumplessa. Ix-xogħol fil-livell ta' l-UE għaldaqstant jipprova jittratta l-aspetti kollha ta' din l-isfida – il-prevenzjoni, il-ħarsien, il-prosekuzzjoni u r-reazzjoni jekk iseħħ attakk terroristiku. Dan il-pakkett juri l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tkompli tindirizza dawn l-isfidi u huwa ġebla oħra fil-binja li ssaħħaħ id-difiżi tagħna kontra t-terroriżmu.

ANNESS: Il-problema tas-sigurtà tat-trasport urban

It-trasport urban huwa kumpless ħafna u jinvolvi bosta fornituri tat-trasport, industriji ta' servizzi lokali u miljuni ta' passiġġieri ta' kuljum Huwa faċilment aċċessibli, b'diversi waqfiet u skambji. F'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà, m'hemm ġeneralment l-ebda kontroll tal-passiġġieri u, jekk ikun hemm, ftit kontroll fuq l-aċċess. Barra minn dan, hemm varjazzjoni wiesgħa rigward il-valutazzjoni tat-theddid u l-vulnerabbiltà tal-mezzi ta' trasport differenti. Ir-riżultat ta' din il-kumplessità jfisser li sistema ta' sigurtà ta' "daqs wieħed għal kulħadd" mhijiex xierqa.

Bħalissa, is-sigurtà għat-trasport urban hija pprovduta mill-operaturi tat-trasport u mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali. Għalkemm hemm miżuri Ewropej stabbiliti fil-każ ta' l-avjazzjoni, it-trasport marittimu u t-trasport internazzjonali ta' l-oġġetti, m'hemm l-ebda miżuri paragunabbli fil-każ tat-trasport urban. Barra minn dan, minkejja li l-miżuri rigward l-avjazzjoni u t-trasport marittimu jistgħu jużaw bħala bażi r-regoli stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jeżistu la organizzazzjonijiet internazzjonali u lanqas regoli fil-każ tat-trasport urban tal-passiġġieri.

Kif indikat fil-punt 3 ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma ta' Esperti fit-Trasport Urban biex jittratta dawn il-kwistjonijiet. Dan se jippermetti skambju ta' l-aħjar prattika u tat-tagħlimiet meħuda – pożittivi u negattivi – f'erba' oqsma prinċipali: miżuri ta' organizazzjoni ; sorveljanza u skoperta ; tagħmir u installazzjonijiet aktar sodi ; u amministrazzjoni ta' l-inċidenti . Fuq medda itwal ta' żmien, dan jista' jwassal għal kriterji u valuri ta' referenza komuni li jippermettu lill-awtoritajiet u lill-operaturi jwettqu awtoevalwazzjonijiet u jiżviluppaw il-pjanijiet ta' sigurtà.

Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru jinnomina Punt Fokali nazzjonali li jiffaċilita x-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti fit-Trasport Urban biex b'hekk jiġi żgurat li dan il-Grupp ikollu għan ċar u li jkun hemm konsistenza fil-kontributi nazzjonali kif ukoll monitoraġġ tal-progress. Il-Punt Fokali għandu jservi bħala r-rappreżentant ta' l-awtorità xierqa tas-sigurtà tat-trasport ta' l-Istat Membru.

L-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-operaturi huma lkoll inkorraġġuti jintroduċi u jittestjaw kunċetti ta' sigurtà, teknoloġiji u soluzzjonijiet ta' hardware u ta' software ġodda. It-tagħlimiet kollha miksuba jistgħu jkunu ta' benefiċċju akbar għall-Komunità jekk jiġu maqsuma permezz tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti fit-Trasport Urban u ta' reġistru tat-teknoloġija Ewropea jew permezz ta' inizjattivi ta' tagħlim fuq ix-xogħol b'riżultat tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi. Barra minn dan, il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista permanenti ta' proġetti ta' riċerka u żvilupp f'dan il-qasam li jkunu kurrenti u ffinanzjati pubblikament, filwaqt li tinkoraġġixxi li ssir enfażi speċjali fuq il-fatturi umani u teknoloġiji ġodda. Ir-rappreżentanti se jkunu inkoraġġuti jinvolvu rwieħhom u jidentifikaw, fejn ikun xieraq, ħtiġijiet ġodda relatati mas-sigurtà.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tieħu miżuri xierqa biex tinkoraġġixxi li l-proġetti ta' trasport urban iffinanzjati mill-UE jkunu jinkludu, fejn ikun meqjus neċessarju , dimensjoni adegwata tas-sigurtà.

[1] Komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-linji ta' Politika ta' l-UE fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja (COM (2006)332) at-28 ta' Ġunju 2006.

[2] Ara, per eżempju, il-Komunikazzjoni ta' Settembru 2005 COM(2005)313.

[3] Fit-12 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta' l-Infrastruttura Kritika (European Programme for Critical Infrastructure Protection - EPCIP) COM(2006) 786 finali u proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni u l-għażla ta' l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħha COM(2006) 787 finali.

[4] Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea – Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, 29 Marzu 2004 (Dokument 07906/04)

[5] Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku ‘Ġustizzja Kriminali’ għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja.

[6] Tista' tinsab deskrizzjoni tad-39 proġetti ta' riċerka tal-PASR, inklużi r-riżultati finali u intermedji, fuq: http://ec.europa.eu/enterprise/security/articles/article_2007-02-23_en.htm

[7] Il-ħolqien ta' l-ESRIF ġie mħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar djalogu pubbliku-privat fil-qasam tar- riċerka u l-innovazzjoni fis-sigurtà Ewropea (COM(2007)511 finali) tal-11.9.2007.

[8] Il-'Grupp ta' Personalitajiet' (GoP) twaqqaf fl-2003. Fir-rapport finali tiegħu (Riċerka għal Ewropa Sigura: Rapport tal-Grupp ta' Personalitajiet fil-qasam tar-Riċerka għas-Sigurtà, 15 ta' Marzu 2004, http://ec.europa.eu/enterprise/security/doc/gop_en.pdf.) il-GoP irrakkomanda t-tnedija ta' tema tar-riċerka għas-sigurtà fl-FP7 b'limitu minimu ta' € 1 biljun kull sena kif ukoll il-ħolqien tal-‘Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka għas-Sigurtà’ (European Security Research Advisory Board - ESRAB).

Top