This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0405
First Report to the European Securities Committee and to the European Parliament on convergence between International Financial Reporting Standards (IFRS) and third country national Generally Accepted Accounting Principles (GAAPs) {SEC(2007) 968}
L-ewwel rapport lill-Kumitat Ewropew tat-titoli u lill-Parlament Ewropew dwar il-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAPs) nazzjonali ta' pajjiżi terzi {SEG(2007) 968}
L-ewwel rapport lill-Kumitat Ewropew tat-titoli u lill-Parlament Ewropew dwar il-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAPs) nazzjonali ta' pajjiżi terzi {SEG(2007) 968}
/* KUMM/2007/0405 finali */
L-ewwel rapport lill-Kumitat Ewropew tat-titoli u lill-Parlament Ewropew dwar il-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAPs) nazzjonali ta' pajjiżi terzi {SEG(2007) 968} /* KUMM/2007/0405 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.7.2007 KUMM(2007) 405 finali L-EWWEL RAPPORT LILL-KUMITAT EWROPEW TAT-TITOLI U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar il-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali ta' Rapportaġġ Finanzjarju u l-Prinċipji Ġeneralment Aċċettati tal-Kontabilità (GAAPs) nazzjonali ta' pajjiżi terzi {SEG(2007) 968} 1. INTRODUZZJONI U BAżI LEGALI Dan ir-rapport jiffoka fuq il-kalendarji tal-ħidma rispettivi previsti mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Kanada, l-Ġappun u l-Istati Uniti ta' l-Amerika għall-konverġenza bejn l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) u l-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati nazzjonali tagħhom (GAAPs). Fih ukoll xi tagħrif preliminarju dwar l-isforzi għall-konverġenza minn xi pajjiżi terzi oħra. Dan ir-rapport dwar l-iskedi taż-żmien ta' ħidma għal konverġenza huwa meħtieġ skond iż-żewġ miżuri legali adottati mill-Kummissjoni Ewropea fl-4 ta' Diċembru 2006[1] fir-rigward ta' l-użu mill-entitajiet tal-ħruġ tal-pajjiżi terzi ta' l-informazzjoni mħejjija skond ċerti standards ta' kontabilità aċċettati madwar id-dinja kollha. Skond ir- Regolament 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 (ir-"Regolament IAS") il-kumpaniji elenkati f'suq regolat ta' kwalunkwe Stat Membru u li huma rregolati mill-liġi ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea għandhom japplikaw l-IFRS kif adottati mill-UE ('IFRS approvati') għall-kontijiet ikkonsolidati tagħhom għas-snin finanzjarji li jibdew minn Jannar 2005. Ir-rekwiżit li jiġi użat l-IFRS iffirmat fl-Unjoni Ewropea ġie estiż għal entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi li jagħmlu offerta pubblika tat-titoli fl-UE bir-Regolament dwar il-Prospett[2] u għal entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi b'titoli nnegozjati f'suq regolat ta' l-UE bid-Direttiva dwar it-Trasparenza[3]. Skond dawn id-Direttivi l-entitajiet tal-ħruġ għandhom iħejju t-tagħrif finanzjaju tagħhom f'konformità ma' l-IFRS jew ma' l-istandards tal-kontabilità nazzjonali ta' pajjiż terz (GAAPs ta' pajjiżi terzi) li huma 'ekwivalenti' għall-IFRS approvati. Dawk ir-rekwiżiti għall-bidu kienu soġġetti għal eżenzjoni tranżizzjonali sa l-1 ta' Jannar 2007. Sussegwentement, fid-dawl ta' l-isforzi ta' dawk li jfasslu l-istandards nazzjonali tal-kontabilità tal-Kanada, il-Ġappun, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u ta' ġuriżdizzjonijiet oħra, u meta tqiesu l-isforzi pożittivi għal konverġenza ma' l-IFRS li kienu diġà għaddejjin, kien hemm qbil li din id-data tiġi postposta għal sentejn oħra. Għalhekk fl-4 ta' Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat żewġ miżuri legali msemmija skond liema l-entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi setgħu jibqgħu jużaw ċerti GAAPs ta' pajjiżi terzi, għall-finijiet tar-Regolament dwar il-Prospett, fil-prospetti kollha li daħlu qabel l-1 ta' Jannar 2009 u, għall-finijiet tad-Direttiva dwar it-Trasparenza, għas-snin finanzjarji kollha li jibdew qabel Jannar 2009[4]. Matul il-perjodu sa l-2009 il-Kummissjoni permezz ta' l-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-Prospett (kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1787/2006 u bl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza teħtieġ li tinforma b'mod regolari lill-Kumitat Ewropew tat-Titoli u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress lejn il-konverġenza u l-progress fir-rigward ta' l-eliminazzjoni tar-rekwiżiti ta' rikonċiljazzjoni li japplikaw għall-awtoritajiet tal-ħruġ ta' l-UE. 2. ID-DEFINIZZJONI TA' EKWIVALENZA L-istabbiliment ta' definizzjoni xierqa ta' ekwivalenza, għall-fini li jiġi ddeterminat jekk il-GAAP ta' pajjiż terz huwiex ekwivalenti għall-IFRS, huwa element kruċjali fil-ħidma f'dan il-qasam. Skond ir-Regolament dwar il-Prospett u d-Deċiżjoni taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza, il-Kummissjoni teħtieġ tistabbilixxi definizzjoni ta' ekwivalenza, tifforma mekkaniżmu għall-ekwivalenza u mbagħad tiddetermina l-ekwivalenza tal-GAAPs ta' pajjiż terz skond kalendarju taż-żmien speċifikata. Dawn il-miżuri legali jirrikjedu li l-Kummissjoni tikkonsulta mas-CESR fuq kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet. Wara l-ewwel konsultazzjoni, id-definizzjoni ta' ekwivalenza kif ġejja ġiet proposta mis-CESR: Għall-finijiet ta' ekwivalenza, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni simili irrispettivament jekk jiġux ipprovduti b'rendikonti finanzjarji bbażati fuq l-IFRS jew fuq il-GAAP ta' pajjiż terz. Din id-definizzjoni toħroġ mill-parir tas-CESR ta' Ġunju 2005 dwar l-ekwivalenza tal-GAAPs ta' l-Istati Uniti, tal-Kanada u l-Ġappun. F'dak il-parir is-CESR spjega li ekwivalenza ma tfissirx identika. Is-CESR bassar li xi diskrepanzi bejn il-GAAP ta' pajjiż terz u l-IAS/IFRS ma jagħtux lok għal deċiżjonijiet dwar investimenti li jvarjaw bejniethom. Biex tibda, il-Kummissjoni tikkunsidra li definizzjoni bħal din tipprovdi kriterju xieraq għad-definizzjoni ta' ekwivalenza. 3. L-UżU TAL-GAAPS TA' PAJJIżI TERZI FL-UNJONI EWROPEA Is-CESR elenka l-GAAPs ta' pajjiżi terzi li bħalissa qed jintużaw mill-entitajiet tal-ħruġ li t-titoli tagħhom huma elenkati f'suq regolat fl-UE. Skond is-CESR, l-entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi jirrappreżentaw madwar 5.8% ta' l-għadd totali ta' l-entitajiet tal-ħruġ li għandhom it-titoli tagħhom imdaħħla għan-negozju fis-swieq regolati ta' l-UE. Fit-tħejjija tat-tabella li ġejja, is-CESR indika li xi entitajiet tal-ħruġ setgħu ngħaddew aktar minn darba jekk kellhom titoli mdaħħla f'aktar minn pajjiż wieħed u/jew jekk daħlu forom differenti ta' titoli fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri varji. Il-GAAP nazzjonali ta': | Għadd ta' entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi kkwotati f'suq regolat ta' l-UE permezz ta' l-użu ta' dan il-GAAP. | L-Arġentina | 5 | L-Awstralja | 17 | Il-Brażil | 4 | Il-Kanada | 45 | Iċ-Ċili | 1 | Iċ-Ċina | 20 | Il-Kolumbja | 1 | L-Eġittu | 10 | Ħong Kong | 2 | L-Indja | 70 | L-Indoneżja | 2 | L-Iżrael | 8 | Il-Ġappun | 84 | Il-Libanu | 3 | Il-Malażja | 3 | Il-Messiku | 2 | Il-Marokk | 1 | New Zealand | 2 | il-Pakistan | 1 | Il-Perù | 3 | Il-Filippini | 3 | Ir-Russja | 14 | Singapor | 2 | L-Afrika t’Isfel | 9 | Il-Korea t’Isfel | 30 | L-Iżvizzera | 4 | It-Tajlandja | 4 | It-Tuneżija | 1 | It-Turkija | 7 | L-Istati Uniti | 233 | Il-Veneżwela | 1 | Iż-Żambja | 1 | Iż-Żimbabwe | 1 | Total | 594 | Sors : CESR Din l-informazzjoni mhix kompluta minħabba li s-CESR ma setax iġib id-dejta rilevanti għas-swieq regolati kollha ta' l-UE.[5] 4. AġġORNAMENTI DWAR IL-KONVERġENZA TAL-GAAP TAL-KANADA, TAL-ĠAPPUN U TA' L-ISTATI UNITI LEJN L-IFRS Il-GAAP ta' l-Istati Uniti L-eliminazzjoni tar-rekwiżit ta' rikonċiljazzjoni għall-awtoritajiet tal-ħruġ tal-GAAP ta' l-Istati Uniti u ta' l-UE hija għan ewlieni tal-Kummissjoni. Is-SEC żviluppa Pjan ta' Direzzjoni li jiddeskrievi l-passi li jwasslu għat-tmiem tar-rekwiżit ta' rikonċiljazzjoni u indika li filwaqt, li huwa importanti li jsir progress sinifikanti fir-rigward ta' kwistjonijiet prijoritarji, mhuwiex neċessarji li jintlaħaq livell stabbilit għal konverġenza. Fil-bidu ta' l-2006, il-Bord għall-Istandards Finanzjarji tal-Kontabilità ta' l-Istati Uniti (FASB) u l-Bord ta' l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ikkonkludew Memorandum ta' Ftehim (MoU) li jispeċifika programm ta' ħidma għall-konverġenza bejn il-GAAP ta' l-Istati Uniti u l-IFRS. L-MoU jaqsam il-ħidma għall-konverġenza f'żewġ kategoriji skond iż-żmien mistenni għat-tlestija tagħhom. Fiż-żmien qasir l-għan tal-ħidma għall-konverġenza huwa li tintlaħaq konklużjoni sa l-2008 dwar jekk għandhomx jitneħħew id-diskrepanzi kbar f'għadd żgħir ta' oqsma prinċipali permezz ta' proġett wieħed jew aktar fuq il-medda qasira ta' l-istabbiliment ta' standards, u jekk iva, jekk għandhiex titlesta kompletament jew sostanzjalment il-ħidma f'dawn l-oqsma. Il-progress globali jidher li qed javvanza b'pass sodisfaċenti. Lil hinn mill-medda l-qasira, l-MoU għamlet provvediment għaż-żewġ Bordijiet sabiex jaħdmu flimkien u sabiex sa l-2008 jagħmlu progress sinifikanti f'oqsma prinċipali fejn il-prattiki preżenti huma meqjusa bħal "kandidati li jirrikjedu titjib." Jidher li l-ħidma fuq il-biċċa l-kbira tagħhom miexja 'l quddiem bil-pass li permezz tiegħu r-rekwiżiti fil-Pjan ta' Direzzjoni għandhom jintlaħqu fiż-żmien stipulat. Dan jinkludi l-proġett ta' Konsolidazzjonijiet. Is-CESR ta tagħrif preliminarju dwar il-progress li sar fuq il-programmi ta' ħidma għall-konverġenza tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti, billi uża l-parir tas-CESR ta' 2005 bħala bażi u ta indikazzjoni kemm tas-sitwazzjoni preżenti kif ukoll ta' l-iżviluppi mistennija għall-2007/2008. Madankollu r-rapport tas-CESR[6] espressament jiddikjara li ma għandux jiġi kkunsidrat li jipprovdi xi evalwazzjoni jew valutazzjoni tal-progress dwar il-konverġenza f'dan l-istadju iżda minflok jagħti indikazzjoni tas-sitwazzjoni kurrenti skond l-informazzjoni miksuba permezz tas-sorsi pubbliċi. Il-parir tekniku identifika d-differenza prinċipali fl-ambitu ta’ rendikonti għall-finijiet ta' konsolidazzjoni ( scope of consolidation ) (IAS 27) fejn issuġġerixxa rendikont supplimentari bħala rimedju. Il-proġett ta' Konsolidazzjonijiet huwa inkluż fil-programm ta' konverġenza, flimkien ma' dokument għad-diskussjoni mistenni għas-sajf ta' l-2007 u abbozz għad-diskussjoni fit-tieni nofs ta' l-2008. Differenzi oħrajn potenzjalment sinifikanti li ġew identifikati mill-parir tekniku (jiġifieri differenzi fejn l-indikazzjoni kwantitattiva ta' l-impatt ġiet proposta bħala rimedju) kienu relatati ma': l-IFRS 3 – Tagħqid ta' negozji b'akkwist, l-IAS 28 – Investimenti f'Assoċjati (Uniformità ta' politiki dwar il-Kontabilità), l-IAS 36 - Tħassir ta' l-Assi, l-IAS 38 – Assi mhux tanġibbli (Kapitalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-iżvilupp) u l-IAS 41 – Agrikoltura (Differenzi fil-kejl tal-valur ġust ta' entrati speċifiċi ta' l-agrikoltura. It-Tagħqid ta' Negozji b'akkwist huwa mdaħħal; fil-programmi ta' ħidma għall-konverġenza u l-istandards finali huma mistennija fl-2007. L-IAS 36 – Tħassir ta' l-assi u l-IAS 38 Assi mhux Tanġibbli huma wkoll inklużi fil-programmi ta' ħidma għall-konverġenza, iżda bħalissa qegħdin fl-istadju ta' riċerka mill-persunal u ma hemmx indikazzjoni ċara dwar l-iskeda taż-żmien. L-IAS 28 – Investiment f'Assoċjati u l-IAS 41- Agrikoltura bħalissa mhumiex inklużi fil-programm ta' konverġenza. Fl-2006 is-SEC beda janalizza l-ewwel dħul ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji mill-kumpaniji ta' l-UE li kienu bbażati fuq l-IFRS. L-uffiċjali tas-SEC minn dak iż-żmien bdew jiddeskrivu l-osservazzjonijiet tagħhom bħala "tfittxija għal informazzjoni" fejn l-affarijet ma kienux ċari għalihom. Il-mistoqsijiet iffokaw fuq il-preżentazzjoni kif ukoll l-iżvelar tat-tagħrif tal-kontijiet finanzjarji. Is-CESR u s-SEC qablu dwar u ppubblikaw Pjan ta' Ħidma konġunt fit-2 ta' Awissu 2006. Dan il-Pjan ta' Ħidma huwa pass importanti lejn il-ksib ta kooperazzjoni ta' operat u ta' sorverljanza bejn ir-regolaturi biex jiżguraw infurzar konsistenti ta' l-IFRS u l-GAAP ta' l-Istati Uniti. Barra minn hekk, il-Kunsill għar-Rapportaġġ Finanzjarju (FRC), is-SEC u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit (FSA) fil-25 ta' April 2007 iffirmaw protokoll għall-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma bejn l-SEC u s-CESR kif jirrelata mat-taqsim ta' l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-IFRS mill-awtoritajiet ta' ħruġ illistjati fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. F'April 2007, fil-qafas tas-Summit UE-US regolari ta' kull sena, iż-żewġ naħat qablu li jitteħdu l-passi lejn il-konverġenza, l-ekwivalenza jew ir-rikonoxximent reċiproku, fejn xieraq, ta' standards regolatorji bbażati fuq il-prinċipji ta' kwalità għolja. B'mod partikolari, ser jingħata attenzjoni fuq il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet għall-Istati Uniti. Il-GAAP u l-IFRS għandhom jiġu rikonoxxuti fiż-żewġ ġurisdizzjonijeit. Bħala konferma ta' dan il-ftehim, il-President ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni fit-30 ta' April iffirmaw ftehim li kien fih din id-dikjarazzjoni fir-rigward tar-rappurtaġġ finanzjarju: "Swieq Finanzjarji . Il-promozzjoni u l-ksib ta' kundizzjonijiet għall-Prinċipji tal-Kontabilità Ġeneralment Aċċettati ta' l-Istati Uniti u l-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rapportaġġ Finanzjarju biex jiġu rikonoxxuti fiż-żewġ ġurisdizzjonijiet mingħajr il-ħtieġa ta' rikonċiljazzjoni sa l-2009 jew possibilment qabel[7]. " Wara stqarrija għall-istampa f'April[8], is-SEC, fl-20 ta' Ġunju 2007 ħabbar il-proposta tiegħu li jippermetti li dikjarazzjonijiet finanzjarji bbażati fuq l-IFRS ta' l-awtaritajiet ta' ħruġ barranin jiġu ffajljati mingħajr ir-rekwiżit ta' rikonċiljazzjoni[9]. Il-perjodu għad-dħul ta' kummenti kien stabbilit għal 75 ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni fir-Reġistru Federali. L-istess stqarrija għall-istampa kienet indikat wkoll il-possibilità li s-SEC jagħti lill-kumpaniji bbażati fl-Istati Uniti l-għażla li jużaw l-IFRS għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom minflok il-GAAP ta' l-Istati Uniti. Il-GAAP Ġappuniż F'Marzu 2005 il-Bord għall-Istandards tal-Kontabilità tal-Ġappun (ASBJ) u l-IASB nedew proġett konġunt (għall-konverġenza) bil-għan aħħari li tinkiseb konverġenza bejn il-GAAP Ġappuniż u l-IFRS. Matul il-proġett l-ASBJ aċċellera l-analiżi tiegħu ta' l-istandards tal-kontabilità Ġappuniżi biex inaqqsu d-differenzi bejn iż-żewġ GAAPs. Permezz ta' dan il-metodu l-ASBJ u l-IASB identifikaw “proġetti fuq medda qasira” u “proġetti fit-tul”. Proġetti fuq medda qasira huma skedati biek jitlestew sal-bidu ta' l-2008. Għal proġetti li jdumu aktar fit-tul bħar-rikonoxximent tad-dħul, ir-rapportaġġ dwar il-prestazzjoni (il-preżentazzjoni tal-kontijiet finanzjarji), l-assi mhux tanġibbli (inkluż l-ispejjeż ta' l-R&D), rendikonti għall-finijiet ta' konsolidazzjoni (inkluż ta' Entitajiet bi Skopijiet Speċjali "SPEs"), it-tħassir ta' l-assi fissi u l-benefiċċji ta' l-irtirar, l-ASBJ iddeċieda li jibda proġetti (ta' riċerka) għall-allinjament tal-ħidma li saret fil-proġetti ta' l-IASB u l-FASB. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, is-CESR ta tagħrif preliminarju dwar il-progress li sar fuq il-programmi ta' ħidma għall-konverġenza u ta indikazzjoni kemm tas-sitwazzjoni preżenti kif ukoll ta' l-iżviluppi mistennija għall-2007/2008. Ħarsa ġenerali tal-kwistjonijiet li ġew identifikati mis-CESR jew li għalihom hemm proġett ta' konverġenza tingħata f'anness 2 ta' dan ir-rapport. Tlieta minn sitta u għoxrin kwistjoni identifikati mis-CESR fl-2005 ġew ikklassifikati bħala li jirrikjedu kontijiet supplimentari. It-tliet kwistjonijiet u l-progress mistenni tagħhom fir-rigward tal-konverġenza huma kif ġej: 1. Tagħqid ta' negozji b'akkwist (bil-metodu tal-ġbir ta' l-interessi) Tnieda Tim tal-Proġett f'Diċembru 2006. Rapport dwar ir-riċerka għandu jinħareġ fit-tielet kwart ta' l-2007. Skond id-diskussjoni li toħroġ minn dan ir-rapport dwar ir-riċerka, tista' toħroġ karta għad-diskussjoni fir-raba' kwart ta' l-2007. Rapport riċenti mill-Borża ta' Tokjo juri li l-metodu tal-ġbir ta' l-interessi ma kien użat għal l-ebda tagħqid ta' negozji matul l-ewwel nofs tas-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta' Settembru 2006. Dan il-fatt għandu jkollu impatt fuq il-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-metodu tal-ġbir ta' l-interessi. 2. L-għażla ta' kumpaniji għall-finijiet ta' konsolidazzjoni (żvelar u konsolidazzjoni aħjar ta' SPEs) Ġie stabbilit kumitat tekniku għal din il-kwistjoni u bdew bid-deliberazzjonijiet dwarha. Fir-rigward tad-deliberazzjonijiet dwar l-iżvelar, l-ASBJ ħareġ il-"Gwida għal Żvelar dwar Ċerti Entitajiet bi Skop Speċjali" fit-23 ta' Marzu 2007 b'effett għas-snin finanzjajri li jibdew minn jew wara l-1 ta' April 2007. Fir-rigward tad-deliberazzjonijiet dwar l-għażla ta' kumpaniji għall-finijiet ta' konsolidazzjoni, dokument għad-diskussjoni għandu jinħareġ fi tmiem l-2007. Wieħed għandu jinnota li l-progress lejn il-konverġenza sar ukoll f'oqsma oħra: - Fil-qasam ta' l-IAS 2 Inventarji u għall-kwistjoni ta' l-użu tal-metodu LIFO (l-ewwel ta' l-aħħar ( last-in-first-out )) l-ABSJ stabbilixxa tim tal-proġett f'Jannar 2007 bil-għan li sal-bidu ta' l-2008 tkun ittieħdet deċiżjoni. - Fir-rigward ta' l-IAS 36 Tħassir ta' l-Assi l-ASBJ f'Jannar 2007 tnieda tim tal-proġett. It-tim tal-proġett għandu l-għan li jippreżenta rapport dwar ir-riċerka lill-Bord ta' l-ASBJ sa timiem l-2007. - Fir-rigward tad-deliberazzjonijiet dwar l-IAS 28 Assi Mhux Tanġibbli u l-kwistjoni dwar il-kapitalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ta' l-iżvilupp, l-ASBJ huwa mistenni li joħroġ dokument għad-diskussjoni sa tmiem l-2007. - L-uniformità ta' politiki dwar il-kontabilità (sussidjarji barranin u kumpaniji assoċjati) Wara l-ħruġ ta' Nru. 18 tat-Task Force dwar Kwistjonijiet Prattiċi (PITF) (Mejju 2006), il-politiki dwar il-kontabilità applikabbli għal sussidjarji barranin għandhom jissieħbu sostanzjalment ma' dawk applikabbli għal kumpaniji prinċipali. Il-PITF Nru. 18 għandu jiġi applikat minn April 2008 (imħeġġa l-applikazzjoni minn qabel) Fir-rigward tal-kumpaniji assoċjati, l-ASBJ nieda tim tal-proġett f'Jannar 2007. Sa tmiem l-2007 jista' jinħareġ abbozz għad-diskussjoni bbażat fuq id-deliberazjzonijiet. Fl-ewwel żewġ sessjonijiet dwar il-kontabilità bejn l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea u dawk tal-FSA Ġappuniż, ġie diskuss il-progress tal-programm ta' ħidma. Skond il-Pjan tal-Proġett f'Jannar 2008, 7 minn 16-il proġett jew subproġett se jkunu waslu għall-istatus finali tal-proġett u 2 (possibilment 5) minnhom se jkunu fil-fażi ta' deliberazzjoni viċin il-finalizzazzjoni fuq il-livell tal-Bord. Il-GAAP Kanadiż F'Jannar 2006, il-Bord għall-Istandards tal-Kontabilità tal-Kanada (AcSB) iddeċieda li jittrasferixxi r-rapportaġġ finanzjarju għal intrapriżi li jinżammu pubblikament responsabbli lill-IFRS. Id-definizjoni ta' intrapriżi li jinżammu pubblikament responsabbli bħalissa tinkludi kumpaniji kkwotati u entitajiet li jiġbru fondi mill-pubbliku, bħal banek u kumpaniji ta' assigurazzjoni. Il-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' l-AcSB għall-inkorprazzjoni ta' l-IFRS fil-GAAP li ġie ippublikat fit-30 ta' Ġunju 2006 jassumi li l-IFRS jiġu implimentati mill-1 ta' Jannar 2011. Dan il-limitu taż-żmien għandu jiġi ffinalizzat sal-31 ta' Marzu wara li tkun saret analiżi tal-progress li bħalissa għaddejja. 5. IL-ħIDMA GħALL-KONVERġENZA MINN TERZI PAJJIżI OħRAJN Il-GAAP Ċiniż Fi Frar 2006, il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (l-'MoF') ħabbar uffiċjalment il-ħruġ ta' l-Istandard tal-Kontabilità għall-Intrapriżi Kummerċjali (l-'ASBE'). Dawn l-ASBEs ikopru kważi s-suġġetti kollha li hemm preżentement fl-IFRS ta' bħalissa, għalkemm xi eċċezzjonijiet għall-IFRSs ġew innotati. Dawn l-istandards, li daħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2007, huma mandatorji għall-intrapriżi Ċiniżi kollha kkwotati. Intrapriżi Ċiniżi oħrajn huma mħeġġa biex japplikaw dawn l-istandards huma wkoll. L-MoF u l-IASB irrikonoxxew li l-konverġenza hija proċess li għadu għaddej. L-MoF identifika għadd ta' kwistjonijiet dwar il-kontabilità li jista' jkun il-każ li jgħinu jagħtu tagħrif lill-IASB biex isib soluzzjonijiet għall-proġetti ta' l-IFRS li hemm bħalissa fil-qasam ta' l-iżvelar ta' tranżazzjonijiet ma' parti relatata – b'mod partikolari l-'eżenzjoni għall-intrapriżi kkontrollati mill-istat' – (l-IASB ippubblika Abbozz għad-Diskussjoni fit-22 ta' Frar 2007), it-tagħqid ta' negozji ta' entitajiet taħt l-istess kontroll, u l-kejl tal-valur ġust. F'Novembru 2006 il-Ministeru tal-Finanzi taċ-Ċina ħareġ pubblikazzjoni limitata ta' gwida għall-implimentazzjoni dwar 32 mit-38 Standard tal-Kontabilità għall-Intrapriżi Kummerċjali (l-ASBEs) li kien adotta fi Frar 2006, u li daħlu fis-seħħ għar-rapporti finanzjarji ta' l-2007 tal-kumpaniji Ċiniżi kkwotati. Il-gwida ta' l-MOF hija bħalissa disponibbli biss biċ-Ċiniż. Il-GAAP ta' l-Indja F'Marzu 2006, il-Prim Ministru Indjan ħabbar li l-gvern tiegħu se jdaħħal leġiżlazzjoni komprensiva ġdida għall-kumpaniji li tinkludi allinjament ta' l-istandards tal-kontabilità ta' l-Indja ma' l-IFRS. Il-liġi ġdida għandha tissostitwixxi l-liġi Indjana għall-kumpaniji li ilha eżistenti għal 50 sena u għandha l-għan li tippromwovi aktar trasparenza u tmexxija effiċjenti. L-Istitut ta' Chartered Accountants ta' l-Indja (ICAI) stabbilixxa task force biex jesplora l-possibilità li jiġu adottati l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju, mingħajr modifiki, bħall-istandards ta' l-Indja. Dan għandu jiżviluppa dokument ta' kunċett għall-adozzjoni ta' l-IFRS fl-Indja. Il-GAAP Russu Id-deċiżjoni tal-Gvern li l-Kumpaniji Russi kkwotati jersqu lejn l-IFRS ittieħdet fl-2002. Skond dan il-pjan, mill-2004 il-kumpaniji kkwotati fir-Russja kellhom iħejju l-kontijiet kkonsolidati finanzjarji tagħhom bl-IFRS. Il-kontijiet finanzjarji ta' kumpaniji individwali tal-membri tal-grupp jibqgħu jsiru bil-GAAP Russu. Il-banek, inkluż il-banek individwali kellhom iħejju l-kontijiet finanzjarji tagħhom bl-IFRS flimkien mal-kontijiet bil-GAAP Russu. Bħalissa, il-banek biss huma meħtieġa jħejju l-kontijiet ikkonsolidati tagħhom bl-IFRS u l-kontijiet individwali bil-GAAP lokali. Ma sar ebda progress mill-2005 fir-rigward tar-rekwiiżit li l-kumpaniji kkwotati jħejju l-kontijiet tagħhom bl-IFRS; il-kumpaniji qegħdin iħejju l-kontijiet tagħhom bil-GAAP lokali (Russu), li għad fih ċerti diskrepanzi li jvarjaw mill-IFRS. Flimkien mal-GAAP statutorju, ċerti kumpaniji kkwotati jirrapportaw ukoll bl-IFRS (jew bil-GAAP ta' l-Istati Uniti) fuq bażi volontarja. 6. KONKLUżJONIJIET F'dan l-ewwel rapport il-Kummissjoni hija mħeġġa bl-iskedi taż-żmien ta' l-awtoritajiet tal-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti fir-rigward tal-ħidma li qiegħda ssir skond il-programmi ta' konverġenza. Fir-rigward ta' l-Istati Uniti, il-Kummissjoni tinnota l-progress li sar fuq il-konveġenza. Minbarra dan il-Kummissjoni tilqa' d-dikjarazzjonijiet li saru mill-uffiċjali tas-SEC li jispjegaw li mhumiex qegħdin "ifittxu jimponu l-interpretazzjonijiet ta' l-IFRS"[10] u tinnota li l-analiżi tagħhom tal-kontijiet finanzjarji bl-IFRS li ddaħħlu fl-ewwel sena mill-entitajiet tal-ħruġ Ewropej iffokat fuq kwistjonijiet ta' preżentazzjoni u żvelar. Wara li fit-30 ta' April intlaħaq ftehim bejn l-Istati Unitu u l-UE, il-Kummissjoni tilqa' wkoll it-tħabbira tas-SEC dwar tibdiliet proposti fir-regoli sabiex jitħallew jiġu ffajljati kontijiet finanzjarji bbażati fuq l-IFRS mingħajr ir-rekwiżit ta' rikonċiljazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra ta' importanza kbira l-ħidma tas-SEC fil-Pjan ta' Direzzjoni għat-tneħħija tar-rekwiżit ta' rikonċiljazzjoni mal-GAAP ta' l-Istati Uniti u dan se jkun punt ċentrali prinċipali fir-rapport tal-Kummisjoni f'April 2008. Issa li l-iskedi taż-żmien ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti ġew allinjati, it-tnejn għandhom il-possibilità li jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi fil-ġuriżdizzjoni l-oħra. F'dan il-kuntest, hemm ħtieġa ċara għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-SEC. Għandu jkun hemm laqgħat regolari bejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEC biex jistabbilixxu perjodi ta' waqfien u janalizzaw l-iżviluppi. Bl-istess mod, progress kostanti lejn l-eliminazzjoni tal-ħtieġa ta' rikonċiljażzzjoni jiddependi b'mod sinifikanti fuq il-fiduċja u l-komunikazzjoni li teżisti fost ir-regolaturi. Il-kooperazzjoni u l-qsim ta' informazzjoni fost ir-regolaturi jeħtieġ li jittejbu, u għalhekk il-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ il-pjan ta' ħidma tas-SEC u s-CESR, li jinkludi djalogu dwar l-implimentazzjoni ta' l-IFRS. Billi jirrikonoxxu li l-IFRS huma standards bbażati fuq prinċipji, ir-regolaturi għandhom iqisu bis-sħiħ il-pożizzjonijiet tal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom fir-rigward ta' l-applikazzjoni u l-infurzar ta' l-IFRS, u għandhom jipprovaw bis-serjetà biex jevitaw konklużjonijiet konfliġġenti. Fir-rigward tal-Ġappun, qed tintlaqa' tajjeb it-tnedija f'Ottubru 2006 tal-"Pjan għal Proġett ta' l-ASBJ" li jiffoka fuq proġetti relatati speċifikament mal-konverġenza. Fit-tnedija tal-Pjan għal Proġett ta' l-ASBJ saret enfasi primarja fuq it-tfassil tad-direzzjoni tal-ħidma li għandha titlesta sa tmiem l-2007, kif ukoll dwar il-kjarifika tal-prospetti dwar l-istatus tal-konverġenza mill-bidu ta' l-2008. Prijorità ngħatat għal inizjattivi fir-rigward ta' 26 kwistjonijiet li rimedji għalihom ingħataw mis-CESR fil-parir tagħhom lill-Kummissjoni fl-2005. Il-Kummissjoni hija mħeġġa minn dawn l-iżviluppi pożittivi iżda tenfasizza li hemm il-ħtieġa li jinżamm ir-ritmu ta', (u f'ċerti oqsma dan għandu wkoll jitħaffef) lejn l-attivitajiet għal konverġenza. Sabiex jiksbu l-għanijiet kif stipulati fil-programm ta' ħidma, l-awtoritajiet Ġappuniżi jridu jżommu għoli ħafna l-livell ta' attività għal konverġenza u kif ukoll jipprovdu tagħrif eżatt u komplet dwar il-progress, inkluż kwalunkwe dewmien li jista' jkun hemm. Il-programm huwa wieħed ambizzjuż iżda l-kisba ta' l-għanijiet tiegħu tikkostitwixxi bażi importanti fit-teħid tad-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza. Il-Kummissjoni tilqa' b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-Kanada, fl-2006, dwar l-adozzjoni ta' l-IFRS għar-rapportaġġ finanzjarju ta' l-intrapriżi Kanadiżi li huma pubblikament responsabbli kif ukoll l-indikazzjoni ta' l-1 ta' Jannar 2011 bħala d-data għal bidla bħal din. Il-Kummissjoni tafda li din id-data jew ukoll aktar kmieni u l-limitu taż-żmien għat-trasferiment lejn l-IFRS għall-inkorporazzjoni tal-GAAP Kanadiż fl-IFRS jiġi kkonfermat fl-2008. Fir-rigward taċ-Ċina, il-ħruġ ta' l-ASBEs li jkopru kważi s-suġġetti kollha li hemm preżentement fl-IFRS (għalkemm ġew innotati xi eċċezzjonijiet għall-IFRSs) qed jintlaqa' bħala pass pożittiv. Il-Kummissjoni tħeġġeġ l-awtoritajiet Ċiniżi biex jissoktaw bil-ħidma għall-konverġenza u tilqa' l-ħruġ ta' skeda taż-żmien iddettaljata li tistabbilixxi l-istadji prinċipali previsti li għandhom jintlaħqu fil-futur qarib. Fl-Indja, id-deċiżjoni għall-allinjament tar-regoli ma' l-IFRS flimken ma' task force li għadu kif ġie stabbilit biex jesplora l-possibilità għall-adozzjoni ta' l-IFRS bis-sħiħ jagħti kuraġġ. Il-Kummissjoni tkun tilqa' b’sodisfazzjon aktar tagħrif dwar dawn il-pjanijiet għall-adozzjoni ta' l-IFRS mingħajr modifiki u b'mod speċjali fir-rigward tal-perjodi taż-żmien biex jintlaħqu xi stadji prinċipali li jistgħu jiġu previsti fil-futur qarib. Fir-rigward tar-Russja, diskussjonijiet riċenti ma' l-awtoritajiet Russi jikkonfermaw li d-deċiżjonijiet tal-Gvern li l-Kumpaniji Russi kkwotati jimxu lejn l-IFRS u li jġibu l-GAAP Russu f'konformità ma' l-istandards internazzjonali għadhom fuq l-aġenda. Il-Kummissjoni tispera li l-ostakli ta' bħalissa li qed iżommu dan il-ħidma jiġu solvuti. Il-Kummissjoni tixtieq tilqa' aktar kjarifiki fir-rigward tal-possibiltajiet li l-ħidma terġa’ tibda malajr u, ladarba l-ħidma tkun inbdiet mill-ġdid, il-perjodi taż-żmien biex il-GAAP Russu jiġi konformi ma' l-IFRS. Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja mill-qrib u tinforma fuq bażi regolari l-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar il-progress għall-konverġenza fir-rigward tal-GAAP Kanadiż, Ġappuniż u ta' l-Istati Uniti, kif meħtieġ bl-Artikolu 35(5A) tar-Regolament dwar il-Prospett u l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza. Il-kwistjonijiet relatati mal-konverġenza jidhru fid-diskussjonijiet tad-Djalogi Regolatorji u hemm kuntatti regolari fuq il-livell tal-persunal bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-Kummissjoni ser tkompli tinforma fuq bażi regolari l-Kumitat Ewropew tat-Titoli u l-Parlament Ewropew dwar l-iżvilupp fid-diskussjonijiet regolatorji u l-ammont ta' progress li sar fir-rigward tal-konverġenza ma' l-IFRS fil-pajjiżi terzi l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 35(5A(c)) tar-Regolament dwar il-Prospett u l-Artikolu 1 (c) tad-Deċiżjoni taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza. Tagħrif regolari bħal dan huwa obbligu skond l-Artikolu 35(5B) tar-Regolament dwar il-Prospett u l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza. L-UE hija l-akbar ġuriżdizzjoni li tagħmel użu mill-IFRS u għandha interess qawwi li timxi 'l quddiem lejn standards dinjin. Il-Kummissjoni għalhekk tilqa' l-inizjattivi kollha li jgħinu jwittu t-triq sabiex l-IFRS isiru standards globali. Annessi: Il-Pjan ta' Direzzjoni IASB - FASB, il-Pjan għal Proġett dwar l-iżvilupp ta' l-Istandards tal-Kontabilità tal-Ġappun, il-programm ta' ħidma għall-konverġenza tal-Kanada. [1] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1787/2006 ta' l-4 ta' Diċembru 2006 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 2006/891 ta' l-4 ta' Diċembru 2006 (id-"Deċiżjoni skond id-Direttiva dwar it-Trasparenza"). [2] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 (ir-"Regolament dwar il-Prospett"). Dan ir-Regolament jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 (‘Id-Direttiva dwar il-Prospett'). [3] Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 (id-"Direttiva dwar it-Trasparenza"). [4] Ara l-Art. 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/891/KE u l-Art. 35(5A) tar-Regolament dwar il-Prospett, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1787/2006/KE. [5] Il-membri tas-CESR identifikaw ukoll madwar 130 entitajiet tal-ħruġ ta' pajjiżi terzi permezz ta' l-użu tal-GAAP nazzjonali ta' l-Istati Membri ( eż. UK GAAP). [6] Il-parir tas-CESR lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-programmi ta' ħidma ta' dawk li jfasslu l-istandards Kanadiżi, Ġappuniżi, u ta' l-Istati Uniti, id-definizzjoni ta' ekwivalenza u l-lista tal-GAAPs ta' pajjiżi terzi li jintużaw bħalissa fis-Swieq Kapitali ta' l-UE (is-6 ta' Marzu 2007). [7] Qafas għall-Avvanz ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unit ta' l-Amerika - Anness 2 Proġetti ta' Prijorità Lighthouse [8] Stqarrija għall-Istamp tas-SEC 2007-72 ta' l-24 ta' April 2007. [9] Laqgħa miftuħa tas-SEC fl-20 ta' Ġunju 2007. [10] Diskors li sar minn John A. White, Direttur, Division of Corporate Finance (SEC), Londra, 15 ta' Jannar 2007