This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0379
Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Small, clean and competitive - A programme to help small and medium-sized enterprises comply with environmental legislation {SEC(2007}906 {SEC(2007) }907 {SEC(2007)908}
Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Żgħar, nodfa u kompetittivi Programm biex jgħin intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali {SEC(2007) 906} {SEC(2007) 907} {SEC(2007) 908}
Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Żgħar, nodfa u kompetittivi Programm biex jgħin intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali {SEC(2007) 906} {SEC(2007) 907} {SEC(2007) 908}
/* KUMM/2007/0379 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 8.10.2007 KUMM(2007) 379 finali KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Żgħar, nodfa u kompetittivi Programm biex jgħin intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali {SEC(2007) 906}{SEC(2007) 907}{SEC(2007) 908} WERREJ 1. Introduzzjoni 3 2. Il-politika ambjentali u l-SMEs 3 3. L-isfida għal SMEs iktar ekoeffiċjenti 4 4. Il-kuntest tal-politika 5 5. Il-Pjan ta' Azzjoni 6 5.1. Ir-Regolamentazzjoni Aħjar fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki, biex jiġi ffaċilitat u mnaqqas il-piż amministrattiv ta' konformità 6 5.2. Skemi ta' ġestjoni ambjentali iktar aċċessibbli u magħmula apposta għall-SMEs 7 5.3. Għajnuna finanzjarja ffokata u programm finanzjarju multijannwali għal produzzjoni sostenibbli fl-SMEs 8 5.4. Jinbena l-għarfien ambjentali lokali għall-SMEs 10 5.5. Komunikazzjoni aħjar u iktar tagħrif immirat 11 6. Konklużjoni u t-triq 'il quddiem 11 1. Introduzzjoni Il-miri ambizzjużi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew[1] għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tal-gass serra, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza ta' l-enerġija li jridu jintlaħqu sa l-2020 jeħtieġu l-ħruġ ta' mudell ġdid tan-negozju li jkun jista' jinkludi t-tħassib ambjentali bħala parti integrali tal-proċessi ta' produzzjoni u l-prodotti. L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju – l-SMEs[2] – jagħmlu parti kbira mill-ekonomija ta' l-Ewropa, u jirrappreżentaw madwar 99% ta' l-impriżi kollha u 57% tal-valur ekonomiku miżjud[3]. Għalhekk, għandhom ukoll rwol ewlieni biex iċaqalqu l-ekonomija Ewropea lejn xejriet ta' produzzjoni u ta' konsum aktar sostenibbli. Għall-fatt li jirrappreżentaw perċentwal daqshekk kbira ta' attivitajiet ekonomiċi, l-SMEs għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Il-problema mhijiex daqshekk id-ditti individwali, għalkemm f'xi każijiet jista' jkun hemm impatti serji fuq l-ambjenti u l-komunitajiet lokali, iżda l-impatt totali tagħhom f'daqqa fuq is-setturi kollha. Hemm sinjali ċari li s-setturi industrijali wiesgħa qed joqorbu lejn proċessi ta' produzzjoni iktar indaf, sabiex jirrispondu, fost affarijiet oħra, għal imperattivi tat-tibdil fil-klima – jeħtieġ li niżguraw li l-SMEs ma jaqgħux lura f'dan ir-rigward. L-SMEs jiffaċċjaw sfidi differenti xi kultant ikunu ikbar minn dawk ta' kumpaniji ikbar, u jkollhom jiffaċċjaw problemi speċifiċi meta jitrattaw l-impatti ambjentali u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali. 2. Il-politika ambjentali u l-SMEs L-SMEs kemm-il darba ma jkunux kompletament konxji ta' l-impatti ambjentali ta' l-attivitajiet tagħhom. Ħafna minnhom (bejn 75% u 90% skond stħarriġ li sar[4]) jaħsbu li l-attivitajiet tagħhom m'għandhomx impatt fuq l-ambjent. Għalhekk, ħafna minnhom ma introduċew l-ebda miżura prattika biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali, u huma biss 6% minnhom li għandhom Sistema ta' Ġestjoni Ambjentali (EMS) stabbilita. L-evidenza turi li anke jekk is-sistemi u l-għodod ta' ġestjoni ambjentali forsi huma iktar rari fost l-SMEs minn fost id-ditti ikbar (parzjalment minħabba l-ispejjeż tal-verifika esterna), meta dawn jiġu introdotti, jagħmlu differenza sinifikanti[5]. Xi kultant, l-SMEs huma parti mill-katina tal-provvista ta' l-ikel ta' kumpaniji ikbar. F'dawn il-każijiet, ir-responsabbiltà ta' dawn ta' l-aħħar biex jgħinu lill-SMEs jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali hija kruċjali. Għalkemm l-impatti ambjentali tagħhom f'daqqa huma sostanzjali, ta' sikwit, l-SMEs mhumiex marbuta ma' skemi jew leġiżlazzjoni iktar komprensivi u effettivi (bħad-Direttiva ta' l-IPPC[6] jew l-Iskema ta' l-Iskambju ta' l-Emissjonijiet[7]). Dan huwa dovut għall-fatt li dawn kemm-il darba jaqgħu taħt il-limiti li jwasslu għall-applikazzjoni ta' dawn l-istrumenti li jikkonċentraw fuq sorsi individwali ewlenin tat-tniġġis. Meta l-leġiżlazzjoni ambjentali tkun applikabbli għall-SMEs, dawn għandhom it-tendenza li jaħsbu li qed jikkonformaw, u għalhekk konformità totali kemm-il darba tkun ir-riżultat ta' azzjoni esterna wara spezzjoni, iktar milli proċess kontinwu ta' kontroll li jara li r-rekwiżiti ġuridiċi qegħdin jintlaħqu[8]. Fl-istess ħin, l-SMEs kemm-il darba ma jkollhomx l-għarfien espert legali u ambjentali biex jindirizzaw il-leġiżlazzjoni ambjentali. Din is-sitwazzjoni mhijiex mixtieqa għal tliet raġunijiet ewlenin. 1. Fid-dawl ta' l-iżviluppi riċenti fil-politiki tal-qasam ambjentali u ta' l-enerġija, l-SMEs jistgħu jitilfu l-opportunità li jgawdu l-benefiċċji ekonomiċi mill-opportunitajiet ġejjin minn ġestjoni ambjentali aħjar (eż. effiċjenza ta' l-enerġija u r-riżorsi jew proċess imtejjeb u ġestjoni tal-prodott) u ekoinnovazzjoni. 2. Jekk l-SMEs ma jkunux konxji ta' l-impatti ambjentali ta' l-attivitajiet tagħhom stess, u tal-leġiżlazzjoni ambjentali li tapplika għalihom, l-attivitajiet tagħhom jistgħu jippreżentaw theddida importanti għall-ambjent u jheddu l-integrità tal-miżuri Komunitarji għall-protezzjoni ambjentali. 3. L-impatti ambjentali ta' l-SMEs – marbuta ma' rati baxxi ta' għarfien u konformità ġuridika – jistgħu jkollhom l-effett li jżidu r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza tal-ħaddiema (esponiment għas-sustanzi kimiċi, it-tniġġis ta' l-arja, eċċ.). 3. L-ISFIDA GħAL SMES IKTAR EKOEFFIċJENTI Ir-riżultati minn riċerka u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati it-tnejn juru kunsens qawwi dwar l-ostakoli ewlenin li l-SMEs qed jiffaċċjaw fir-rigward tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u fl-isforzi tagħhom għat-titjib ambjentali ġenerali. Dawn l-ostakoli huma: - in-nuqqas ta' kuxjenza u għarfien dwar il-problemi ambjentali, l-impatti u r-riskji; - in-nuqqas ta' kuxjenza tal-benefiċċji potenzjali tal-ġestjoni ambjentali, l-impatti u r-riskji u l-ħsieb dwar iċ-ċiklu tal-ħajja; - aċċess u disponnibbiltà lokali insuffiċjenti għal tagħrif adegwat dwar l-ambjent, l-għodod u t-taħriġ; - riżorsi finanzjarji u umani/għarfien espert limitat biex jitrattaw il-konformità; - ippjanar għal perjodi ta' żmien relattivament qosra fuq il-livell ta' kumpanija; Hemm żewġ elementi oħra marbuta mal-politika ambjentali li huma ta' xkiel għall-integrazzjoni ta' tħassib ambjentali fl-attivitajiet ċentrali ta' l-SMEs. - l-imġiba ambjentali normalment hija rregolata minn regolamentazzjoni jew pressjoni pubblika; - inċentivi tas-suq/rikonoxximent limitati għal imġiba favur l-ambjent. Is-suċċess tal-politika Ewropea ta' l-SMEs tiddependi l-aktar fuq azzjonijiet fl-Istati Membri, minħabba li jżommu l-kompetenza ewlenija għall-politika dwar l-imprenditorjat u l-politika ambjentali fuq il-livell tal-kumpaniji. Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mal-politika moderna tagħha għall-SMEs, huwa li tgħin lill-SMEs jadottaw mudelli ta' produzzjoni u ta' negozju sostenibbli. Parti importanti ta' dan il-proċess huwa li jiġi żgurat li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità ma jiġux mhedda minn livelli baxxi ta' konformità. Il-Kummissjoni dan tagħmlu billi tibni fuq esperjenzi nazzjonali jew reġjonali ta' suċċess, u tiffaċilita u tappoġġa l-iżvilupp ta' inizjattivi għall-għajnuna fil-konformità madwar l-Unjoni. Għalhekk permezz ta' dan il-Programm, il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha ssegwi l-għanijiet li ġejjin: - iżżid il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali min-naħa ta' l-SMEs biex b'hekk: - tnaqqas l-impatti ambjentali u ttejjeb ir-rendiment ambjentali ta' l-SMEs; u - tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata tal-leġiżlazzjoni ambjentali u opportunitajiet indaqs għall-SMEs fis-Suq Intern. - izżid l-ekoeffiċjenza (enerġija, riżorsi) ta' l-SMEs billi jintużaw sistemi ta' ġestjoni ambjentali u għodod oħra; - iżżid l-effettività ta' l-infiq tal-politika ambjentali billi tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għall-SMEs u b'hekk tillibera r-riżorsi biex tiżdied il-konformità; - iżżid l-ekoinnovazzjoni ta' l-SMEs u l-kompetittività tagħhom. 4. Il-kuntest tal-politika Dan il-programm kien previst mis-Sitt Programm ta' Azzjoni Komunitarju dwar l-Ambjent li ppropona l-istabbiliment ta' "programm ta' għajnuna għall-konformità, b'għajnuna speċifika għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju”[9]. Programm ta' konformità bħal dan tqies bħala wieħed mill-approċċi strateġiċi biex jinkisbu l-għanijiet l-Programm ta' Azzjoni u jiġi implimentat il-prinċipju li l-azzjoni ambjentali għandha tkun marbuta man-natura u l-kobor tal-problema ambjentali, aktar milli d-daqs ta' l-intrapriża. Il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi ukoll lejn l-għanijiet ta' Liżbona. L-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona tiddikjara li: "Suċċess dejjiemi għall-Unjoni jiddependi fuq kemm ikunu jistgħu jintlaqgħu għadd ta' sfidi ambjentali u ta’ riżorsi għax jekk dawn jitħallew għal riħhom, jiġri li ma jkunx jista’ jsir tkabbir fil-futur. Dan il-ħsieb jinsab fil-qalba ta’ l-iżvilupp sostenibbli. L-Ewropa trid tilqa’ għal din l-isfida u tkun minn ta' quddiem fil-mixja lejn xejriet aktar sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum"[10]. Dan jirrifletti wkoll l-impenn tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, li l-għanijiet tagħha huma billi tissimplifika u ttejjeb l-ambjent regolatorju , iżżid l-għarfien tar-rekwiżiti u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi żejda. Huwa wkoll konsistenti ma' l-għanijiet tal-Kummissjoni għall-Politika Moderna ta' l-SMEs. 5. Il-Pjan ta' Azzjoni L-attivitajiet ta' infurzar huma meħtieġa imma mhumiex biżżejjed biex jiżguraw il-konformità ambjentali, ukoll għaliex rari jwasslu għal tibdil aktar dejjiemi fl-imġiba ta' l-SMEs spezzjonati. L-evidenza mil-letteratura u mill-każistika turi li biex jinkisbu r-riżultati għandha tintuża kombinazzjoni ta' dan li ġej: regoli mfassla sew; għodod ambjentali aċċessibbli; edukazzjoni u ħolqien ta' kuxjenza; kontrolli fuq il-post flimkien ma’ ''identifkazzjoni tal-problemi eżistenti; tagħrif dettaljat: u skambju ta' prattiki tajbin. Għalhekk hija proposta sensiela ta' azzjonijiet madwar it-temi li ġejjin, li jibdew minn inizjattivi iktar strutturali u jimxu għal azzjonijiet ad hoc [11]: 4. Ir-Regolamentazzjoni Aħjar fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki , biex jiġi ffaċilitat u mnaqqas il-piż amministrattiv ta' konformità għall-SMEs u jiġu lliberati r-riżorsi tagħhom biex tittejjeb il-konformità; 5. Skemi ta' ġestjoni ambjentali iktar aċċessibbli u magħmula apposta għall-SMEs , biex jintegraw it-tħassib ambjentali fl-attivitajiet ċentrali tan-negozji ta' l-SMEs f'mod koerenti u effettiv fl-infiq; 6. Għajnuna finanzjarja ffokata u programm finanzjarju multijannwali, għall-promozzjoni u l-appoġġ ta' inizjattivi mill-awtoritajiet pubbliċi jew netwerks ta' appoġġ għan-negozji li jimmiraw għal produzzjoni sostenibbli għall-SMEs; 7. Il-bini ta' għarfien ambjentali lokali għall-SMEs, biex jingħeleb in-nuqqas ta' għarfien applikat fuq il-livell tal-kumpaniji; 8. Komunikazzjoni aħjar u iktar tagħrif immirat, biex jindirizzaw lakuni ta' tagħrif speċifiku. 5.1. Ir-Regolamentazzjoni Aħjar fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-politiki, biex jiġi ffaċilitat u mnaqqas il-piż amministrattiv ta' konformità Il-bidliet fid-disinn u t-tħaddim jistgħu, f'xi każijiet, jgħinu lill-SMEs jilħqu l-obbligi tagħhom iktar faċilment, billi jiċċaraw iktar ir-rekwiżiti u jużaw modi iktar sempiċi biex jilħqu l-istess għanijiet ambjentali. L-Istati Membri u l-UE għandhom ifasslu l-leġiżlazzjoni f'tali mod biex jitnaqqas il-piż amministrattiv ta' konformità u l-SMEs ikunu jistgħu jilliberaw ir-riżorsi tagħhom biex tittejjeb il-konformità u l-prestazzjoni ambjentali; L-inizjattiva tar-Regolamentazzjoni Aħjar imwettqa mill-Kummissjoni f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri se tkun ta' għajnuna partikolari biex l-SMEs jilħqu l-konformità[12]. - Jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fil-livell ta'l-UE, nazzjonali u reġjonali. Il-Kummissjoni qed teżamina l-leġiżlażżjoni kollha tagħha biex tidentifika minn fejn tista' tnaqqas xi spejjeż superfluwi fejn jidħol il-forniment ta' tagħrif min-naħa ta' l-SMEs. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-parti tagħhom f'dan l-eżerċizzju. Ħafna drabi, l-ispejjeż fil-livell nazzjonali jistgħu jitnaqqsu billi ma jiġux idduplikati t-talbiet għat-tagħrif, billi jintużaw soluzzjonijiet u tekniki ta' l-ikkampjunar ta' l-IT, billi jiġu integrati l-proċeduri tal-permess jew jiġi ssimplifikat il-mod kif jiġi ppreżentat it-tagħrif. Għandu jiġi esplorat ukoll l-użu tal- one-stop-shops għal proċeduri ta' permessi u proċeduri regolatorji oħrajn. - Identifikazzjoni u tixtrid ta’ l-aħjar prassi/prassi tajbin fl-UE. Rapport mill-grupp ta' esperti BEST jiddeskrivi madwar 76 eżempju ta' azzjonijiet konkreti li ttieħdu f'24 pajjiż[13]. Ir-rapport u n-netwerk eżistenti jipprovdu mekkaniżmu stabbilit biex jappoġġaw azzjonijiet għall-implimentazzjoni ambjentali bl-aktar mod ekonomiku. - Il-ħidma ma' l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni. Biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali u tiżdied il-konformità magħhom, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli l-kooperazzjoni tagħha man-netwerk IMPEL[14]. B'mod partikolari, in-netwerk ta' l-IMPEL sejjer jikkontribwixxi għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Kriterji Minimi għall-Ispezzjonijiet Ambjentali[15], billi jinkludi l-esperjenzi prattiċi tiegħu mal-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet ta' l-SMEs. - L-involviment tal-partijiet interessati ta' l-SMEs fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. Fil-linji ta' gwida interni aġġornati għall-istimi ta' l-impatt tal-politiki u l-leġiżlazzjoni ta' l-UE, il-Kummissjoni saħħet id-dimensjoni ta' l-SMEs. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-konsultazzjoni ta' l-SMEs interessati, kemm fit-tfassil tal-politika kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politika, biex tiżgura li r-rekwiżiti speċifiċi ta' l-SMEs jitqiesu kif jixraq u li miżuri speċifiċi jkunu ddisinjati, kulmeta jkun meħtieġ, biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' regoli ambjentali ġodda[16]. 5.2. Skemi ta' ġestjoni ambjentali iktar aċċessibbli u magħmula apposta għall-SMEs L-implimentazzjoni ta' Sistema Ambjentali ta' Ġestjoni (EMS) u t-tfassil espliċitu ta' responsabbiltà għal kwistjonijiet ambjentali għandhom influwenza ferm iżjed pożittiva fuq l-ingaġġ ta' kumpaniji favur l-ambjent milli spezzjonijiet jew kontrolli ta' konfomità ta' darba. Barra l-EMAS (l-Iskema tal-Verifika u ta' l-Ekoġestjoni ta' l-UE), diversi EMS oħra żviluppaw fis-snin li ġejjin bħala tweġiba għal karatteristiċi speċifiċi għas-settur u l-livell tal-kumplessità tan-negozju, jew biex jiffukaw fuq aspetti ambjentali uniċi. Permezz ta' dawn l-inizjattivi, l-SMEs għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom firxa kbira ta' sistemi ta' ġestjoni ambjentali li jistgħu jimplimentaw fuq bażi volontarja. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaċċettaw l-EMS iċċertifikat bħala alternattiva affidabbli għall-kontrolli jew spezzjonijiet dan għandu jwassal għal kontrolli jew rapporti inqas spissi. Dan ser inaqqas il-piżijiet amministrattivi u jħeġġeġ l-SMEs biex jintroduċu EMS. Minħabba r-rekwiżiti stretti u t-trasparenza tagħha, l-EMAS tipprovdi garanziji reali għall-awtoritajiet pubbliċi. L-EMAS attwalment qed tiġi rreveduta sabiex issir iktar soda u affidabbli mil-lat tal-prestazzjoni ambjentali u l-konformità legali. Għalkemm l-iskema ta' l-EMAS hija mfassla għall-użu minn organizzazzjonijiet ta' kull daqs u tip, se jittieħdu il-miżuri speċifiċi li ġejjin biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' skema għall-SMEs fil-medda l-qasira jew dik aktar fit-tul. - Il-Kummissjoni għandha tippromwovi u tappoġġa partenarjati pubbliċi-privati (konsorzji jew entitajiet ta' koordinazzjoni) u inizjattivi oħra, biex iħeġġu l-użu ta' l- EMAS fi gruppi jew distretti industrijali ta' SMEs billi jużaw strateġiji speċifiċi ta' gruppi jew katini tal-provvisti. Dawn l-istrateġiji jnaqqsu l-ispejjeż tal-konsultazzjonijiet jew tal-verifikar għall-SMEs parteċipanti, u jiffaċilitaw it-tqassim ta' l-għarfien u l-iskambju ta' esperjenza addizzjonali fost il-parteċipanti, waqt li jħeġġu politika ambjentali koerenti fil-grupp[17]. - Għodod eżistenti għall-implimentazzjoni ta' l-EMAS fl-SMEs bħall- EMAS-Easy , għandhom jiġu żviluppati iktar u applikati fuq skala ikbar permezz ta' proġetti fl-Istati Membri kollha ta' l-UE. Diġà saret fażi pilota ta' l-EMAS-Easy fl-Istati Membri ġodda u wriet li reġistrazzjoni sħiħa ta' l-EMAS hija faċilment fattibbli fil-mikrokumpaniji. - Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tnaqqas iktar il-piż amministrattiv ta' l-EMAS, li għandu jkun ta' benefiċċju partikolari għall-SMEs. L-EMAS għandu jsir iktar aċċessibbli , li jista' jinftiehem aħjar u li jkun iktar effettiv , b' inqas burokrazija filwaqt li jinżamm il-livell eċċellenti ta' l-iskema. Huwa importanti li tiżdied ukoll " il-viżibbiltà " permezz ta' promozzjoni aħjar min-naħa tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri, u b'hekk tista' ssir ukoll strument interessanti ta' kummerċjalizzazzjoni għall-SMEs reġistrati. Huwa ppjanat ukoll li l-Istati Membri jiġu mħeġġa joffru inċentivi konkreti għall-SMEs irreġistrati . 5.3. Għajnuna finanzjarja ffokata u programm finanzjarju multijannwali għal produzzjoni sostenibbli fl-SMEs Mod ieħor biex l-SMEs jiġu megħjuna jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali b'mod iktar ekonomiku, u ġeneralment itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, huwa li jixxerred l-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli u jiġu promossi teknoloġiji u prattiki innovattivi. Għal dan it-tip ta' investiment, l-SMEs jeħtieġu inċentivi pubbliċi speċifiċi u għajnuna bil-parteċipazzjoni fil-programmi ta' riċerka jew programmi oħra li jappoġġaw teknoloġiji ambjentali innovattivi[18]. Fil-perjodu finanzjarju ġdid Ewropew 2007-2013 tfassal finanzjament speċifiku għall-SMEs u l-politika ambjentali. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali ta' spiss ikollhom rwol speċifiku fil-ġestjoni tagħhom. L-iktar għejun ta' fondi rilevanti jinsabu elenkati hawn taħt. - Fir- Regolament LIFE+ propost, tfassal programm multiannwali ta' EUR 5 miljuni għall-perjodu 2008-2013 biex jappoġġa l-miżuri ta' għajnuna għall-konformità ambjentali għall-SMEs li jkopri ħafna mill-azzjonijiet deskritti fil-paragrafi 5.2, 5.4 u 5.5. L-attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati jistgħu jkunu, pereżempju, il-ħolqien ta' entitajiet ta' koordinazzjoni ta' gruppi għar-reġistrazzjoni ta' l-EMAS, programmi ta' għajnuna għall-konformità reġjonali li joffru l-SMEs verifika u gwida ambjentali liberi jew faċilitati, inizjattivi ta' tagħrif speċifiċi għas-settur, taħriġ ambjentali orjentat lejn l-SMEs għan-netwerks ta' appoġġ għan-negozji eċċ. - L- istrumenti ġodda tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-13 jippermettu fondi sostanzjali għall-Istati Membri għall-investimenti fil-protezzjoni ambjentali, speċjalment għall-SMEs. Wara l-"prijoritajiet ta' Liżbona" u l-prinċipju ta' l-integrazzjoni tar-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u attivitajiet Komunitarji[19], il-biċċa l-kbira tal-finanzjament ambjentali għall-SMEs għandu jiġi mill-Fondi Strutturali. B'mod partikolari, waħda mill-kategoriji ta' prijorità għall- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali il-ġdid u l- Fond ta' Koeżjoni [20] tirreferi għall-"Għajnuna għal SMEs għall-promozzjoni ta' prodotti u proċessi ta' produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent (introduzzjoni ta' sistema effettiva għall-ġestjoni ta' l-ambjent, l-adozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji għall-prevenzjoni tat-tniġġis, integrazzjoni ta' teknoloġiji nodfa fil-produzzjoni tal-kumpaniji)". Barra minn hekk, il- Fond Soċjali Ewropew [21] jinkludi fost l-għanijiet tiegħu, taħriġ u tagħrif fl-SMEs dwar "teknoloġiji ekoloġiċi u ħiliet fil-ġestjoni". L-Istati Membri għandhom jallokaw riżorsi sostanzjali u suffiċjenti għal dawn l-għanijiet fid-dokumenti ta' programmar tagħhom u fl-applikazzjonijiet għal-Fondi Strutturali ta' l-UE għall-perjodu 2007-2013, waqt li japplikaw fil-livell reġjunali l-iktar prattiki tajbin u xierqa elenkati fl-Anness I u II. - L-investimenti ambjentali ġew identifikati bħala s-setturi ewlenin għall-appoġġ skond il- JEREMIE (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi minn Mikro sa Medji) [22], inizjattiva ġdida li għandha tibda l-fażi ta' ħidma tagħha fl-2007 u għandha tippermetti l-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali biex jistabbilixxu strumenti finanzjarji (reġjonali) għall-SMEs, inklużi l-għajnuna konsultattiva u teknika, l-ekwità u l-kapital ta' riskju u l-garanziji. - Il- Linji ta' Gwida għall-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali jippermettu l-Istati Membri li jagħtu għajnuna tranżitorja ta' l-investiment biex jgħinu lill-SMEs jadattaw għan-normi Komunitarji fil-politika ambjentali. Dawn jippermettu wkoll li tingħata l-għajnuna għall-investiment għat-titjib ta' l-istandards ambjentali u għall-investimenti fl-iffrankar ta' l-enerġija[23]. Waqt li tirrevedi l-linji ta' gwida ambjentali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk għandhiex tiġi awtorizzata għajnuna biex tadatta minn kmieni għall-istandards Komunitarji futuri minflok għajnuna għal addattament għall-istandards eżistenti, u b'hekk jaġixxu bħala inċentiv għal imġiba proattiva lejn ir-regoli ambjentali. - Il- Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013 (CIP) [24] huwa mfassal biex itejjeb il-kapaċità kompetittiva u innovattiva tal-Komunità u għandu enfażi qawwija fuq l-SMEs, li se jkunu l-benefiċjarji ewlenin tal-programm, kemm direttament kif ukoll indirettament. Is-CIP jinkludi sottoprogramm dwar Imprenditorjat u l-Innovazzjoni biex jiffaċilita l-aċċess għall-iffinanzjar tal-fażi tal-bidu u għat-tkabbir ta' l-SMEs, u jinkludi EUR 430 miljun għall-investimenti fl-attivitajiet ekoinnovattivi. Is-sottoprogramm dwar l-Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE) se jinkludi wkoll EUR 727 miljun għal proġetti dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija u proġetti għall-enerġija rinnovabbli. - Finalment, bit-tnedija ta' bosta strumenti finanzjarji ġodda jew irreveduti sew għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni Ewropea sejra tippubblika manwal (f'forma elettronika jew stampata) li jistabbilixxi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament għal proġetti li jappoġġaw konformità u rendiment ambjentali aħjar fost l-SMEs. 5.4. Jinbena l-għarfien ambjentali lokali għall-SMEs L-SMEs għandhom ikunu jistgħu jsibu esperti lokali li jistgħu jwieġbu l-mistoqsijiet tagħhom u jgħidulhom dwar id-doveri tagħhom, u l-opportunitajiet marbuta mal-politika fiskali. Dan l-għan se jkun segwit bl-azzjonijiet li ġejjin. - Il-Kummissjoni se tibda torganizza l-ewwel sensiela ta' seminars għall- bini tal-kapaċitajiet fl-Istati Membri fl-2007 biex jibda jinbena kulfejn huwa meħtieġ, netwerk ta' esperti ambjentali f'organizzazzjonijiet ta' appoġġ għan-negozju (assoċjazzjonijiet tan-negozju/Kmamar tal-Kummerċ/Ċentri ta' l-EwroInfo/organizzazzjonijiet settorjali jew distrettwali) biex jgħinu lill-SMEs. Il-fokus tal-workshops se jkun dwar fejn jista' jinsab it-tagħrif, il-preżentazzjoni kemm tar-rekwiżiti ġuridiċi kif ukoll tal-benefiċċji ta' prestazzjoni ambjentali, u se jikludi modulu ta' taħriġ dwar kif għandha tingħata l-għajnuna lill-SMEs (approċċ reattiv) u kif jiġu involuti l-SMEs fil-politika ambjentali lil hinn mill-konformità (approċċ proattiv). - In- netwerk taċ-Ċentri Euro Info (EIC), u sa mill-2008, in-netwerk ġdid ta' appoġġ għan-negozju u l-innovazzjoni, l-integrazzjoni tas-servizzi ta' l-EICs u ċ-Ċentri ta' Kollegament dwar l-Innovazzjoni (IRCs), se jappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni fil-ħolqien ta' għarfien espert ambjentali adegwat u fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet varji tal-Programm billi[25]: - jippromwovu partenarjati ma' organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, assoċjazzjonijiet ta' l-SMEs u organizzazzjonijiet li jgħinu l-SMEs jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offerti mill-Programm u jgħinuhom jikkonformaw fil-mod l-iktar ekonomiku mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, billi jżidu l-kapaċità ekoeffiċjenti u ekoinnovattiva tagħhom. - jaħdmu b'mod proattiv ma' l-SMEs biex jispjegaw il-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti jew ġdida li qed taffetwahom, billi jużaw l-iktar mezzi effettivi, fosthom iż-żjajjar fuq il-post, is-siti fuq l-internet, il-bulettini, u s-seminars biex tinħoloq kuxjenza dwar l-impatti ambjentali u l-benefiċċji ta' sistema proprja ta' ġestjoni ambjentali. 5.5. Komunikazzjoni aħjar u iktar tagħrif immirat M'hemmx dubju dwar in-nuqqas ta' kuxjenza ġenerali dwar il-kwistjonijiet ambjentali fost l-SMEs[26]. Jidher ċar li din il-problema trid tiġi indirizzata sabiex tiżgura iktar għarfien dwar il-leġiżlazzjoni, u b'riżultat ta' dan, iżjed konformità. Fejn din teżisti, it-tħassib dwar is-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent huwa limitat għal theddid speċifiċi u evidenti. - Il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi websajt multiligwi ġdid, illinkjat mal-Portal ta' l-SMEs[27], u mfassal biex isir sors ewlieni ta' tagħrif għan-netwerks ta' appoġġ għall-SMEs fuq il-politika ambjentali ta' l-UE u ta' l-SMEs , permezz ta' kampanja relatata biex toħloq kuxjenza. Il-websajt se jkun fih tagħrif ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni eżistenti u futura li taffettwa l-SMEs, iżda se jiffoka b'mod partikolari fuq kwistjonijiet ta' interess għal SMEs bħal: l-implimentazzjoni, l-għodod ta' ġestjoni disponibbli, l-opportunitajiet ta' finanzjament, l-għażla ta' prattiki ġodda bi kriterji settorjali u ġeografiċi, it-taħriġ disponibbli, ir-riżultati rilevanti mill-proġetti ta' wiri dwar il-produzzjoni sostenibbli fl-SMEs reċentement iffinanzjati minn LIFE-Environment (LIFE III), u r-rabtiet ma' inizjattivi nazzjonali u sorsi oħra ta' tagħrif. - Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa linji ta' gwida operattivi biex jakkumpanjaw l-SMEs pass pass fl-indirizzar ta' l-impatti ambjentali ewlenin tagħhom: il-konsum ta' l-enerġija, il-produzzjoni ta' l-iskart, il-ġestjoni tal-kimiċi, l-emissjonijiet ta' l-ajru, u l-emissjonijiet tas-sustanzi ta' tniġġis fl-ilma u fil-ħamrija. Dawn is-settijiet ta' għodod se jieħdu approċċ gradwali, billi jżidu l-livell ta' sofistikazzjoni skond is-settur, u d-daqs u l-ħtiġijiet tal-kumpaniji, u sejrin jużaw lingwa sempliċi u mhux teknika. 6. Konklużjoni u t-triq 'il quddiem Dan il-programm u l-implimentazzjoni tiegħu għandhom jiġu reveduti regolarment mill-Kummissjoni f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, permezz ta' netwerk ta' punti ta' kuntatt nazzjonali "l-SMEs & l-Ambjent" li jridu jiġu ddeżinjati mill-Istati Membri. Waqt il-laqgħat annwali, in-netwerk għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Programm, jagħmel skambju ta' l-għarfien u l-esperjenza, u jiggwida l-approċċ tal-Kummissjoni għal inizjattivi futuri f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni hija impenjata li timplimenta dan il-Programm. "It-titjib tar-rendiment ambjentali u l-ekoeffiċjenza ta' l-SMEs" huwa wkoll parti mill-prijoritajiet tal-"Politika Moderna ta' l-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi". Il-Kummissjoni tistaqsi lill-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex: - japprovaw dan il-programm u jħeġġu l-implimentazzjoni rapida tiegħu permezz ta' pjanijiet nazzjonali ta' implimentazzjoni; - jipprevedu sa l-2010 valutazzjoni tal-bidu mill-Kummissjoni flimkien ma l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, li jinkludi tagħrif iddettaljat dwar il-miżuri li ttieħdu fuq l-Għajnuna għall-Konformità, data dwar il-kontribut mill-SMEs għall-problemi ambjentali, data dwar ir-rata ta' konformità ta' l-SMEs mal-leġiżlazzjoni ambjentali, u rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet fil-futur. [1] Ara l-Konklużjonijiet tal-Presidenza – il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 8/9 ta' Marzu 2007. [2] L-SMEs huma intrapriżi li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-€50 miljun, u/jew karta tal-bilanċ annwali li ma taqbiżx il-€43 miljun. Ir-Rakkomandazzjoni dwar id-definizzjoni ta' l-SMEs (2003/361/KE) tas-6.5.2003. [3] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ' Politika Moderna ta' l-SMEs għat-Tkabbir u l-Impjiegi' (COM (2005) 551). [4] Ara eż. SME-nvironment 2005 fi http://www.netregs.gov.uk [5] Ara "A Comparative Analysis of the Environmental Management, Performance and Innovation of SMEs and Larger Firms based on the OECD database", Julien Labonne, 07/2006 [6] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24.09.1996 [7] Id-Direttiva 2003/87/KE ta' l-PE u tal-Kunsill tat-13.10.2003 [8] R. Fairman & C. Yapp, Making an impact on SME compliance behaviour: An evaluation of the effect of interventions upon compliance with health and safety legislation in SMEs , Kings College London for the Health and Safety Executive 2005, Research Report 366. [9] Art.3.5 tad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-PE u tal-Kunsill tat-22.07.2002 [10] COM (2005) 24 [11] B'appoġġ għal dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni, fl-Anness għal din il-Komunikazzjoni, tippreżenta għażla ta' prattiki tajbin fl-għajnuna għall-konformità minn 15-il Stat Membru ta' l-UE jew pajjiżi ta' l-OECD. L-istudji ta' każijiet speċifiċi jinkludu stima kemm ta' effettività kif ukoll ta' transferabbiltà lil hinn mill-inizjattivi, jipprovdu firxa ta' eżempji konkreti għall-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjoni ta' appoġġ għan-negozji. [12] Ara http://ec.europa.eu/governance/better_regulation [13] Ir-Rapport ta' l-2006 mill-Grupp Espert BEST “Reducing Burdens on Industry: Simplifying the Implementation of Environmental Regulation”. http://ec.europa.eu/enterprise/environment/index_home/best_project/intro.htm [14] Netwerk għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL); http://ec.europa.eu/environment/impel [15] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/331/KE [16] Eżempju tajjeb huwa r-REACH, regolament ġdid dwar is-sustanzi kimiċi (ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-PE u tal-Kunsill tat-18.12.2006), fejn qed jitħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-Istati Membri dwar kif jistgħu jitwaqqfu fergħat speċjali ta' għajnuna tar-REACH għall-SMEs. [17] Diġà twettqu xi proġetti pilota. Ara pereżempju http://www.life-pioneer.info [18] Ara il-pjan ta' Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali ta' l-UE: http://ec.europa.eu/environment/etap [19] L-Artikolu 6 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. [20] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, u r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-5.07.2006. [21] Ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5.07.2006. [22] Ara http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/2007/jjj/jeremie_en.htm [23] L-għajnuna għall-SMEs għas-servizzi ta' parir/konsultazzjoni fil-qasam ambjentali tista' tingħata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12.01.2001 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna ta’ l-Istat lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Hija permessa l-għajnuna għal attivitajiet ta' taħriġ ambjentali skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001 tat-12.01.2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ta’ l-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ Għajnuna finanzjarja sa EUR 200 000, li tingħata fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15.12.2006 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis , m'għandhiex titqies bħala għajnuna mill-Istat. [24] Id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-PE u tal-Kunsill ta' l-24.10.2006 [25] Ara s-Sejħa għall-Proposti (ENT/CIP/07/0001) "Servizzi li jappoġġjaw in-negozju u l-innovazzjoni" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. [26] Pereżempju, 70% ta' l-SMEs Franċiżi jammettu li ftit li xejn jafu dwar l-għodod ambjentali disponibbli (EMS, ċertifikati dwar l-enerġija, l-inċentivi fiskali, eċċ) [ADEME 6.2.2007] u 95% ta' l-SMEs tar-Renju Unit jiddikjaraw li jixtiequ jingħataw iktar tagħrif/gwida dwar il-kwistjonijiet ambjentali [SME-nvironment 2005, Aġenzija Ambjentali]. [27] http://ec.europa.eu/enterprise/sme/index_en.htm