Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0307

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (rati differenzjati tat-taxxa fuq il-petrol imqassam minn pompi tal-petrol attrezzati b’mod speċjalizzat)

/* KUMM/2007/0307 finali */

52007DC0307

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 19(1) tad-direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (rati differenzjati tat-taxxa fuq il-petrol imqassam minn pompi tal-petrol attrezzati b’mod speċjalizzat) /* KUMM/2007/0307 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.6.2007

KUMM(2007) 307 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (rati differenzjati tat-taxxa fuq il-petrol imqassam minn pompi tal-petrol attrezzati b’mod speċjalizzat)

1. daħla

Skond l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (minn hawn ‘il quddiem “Id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija” jew “Id-Direttiva”) flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti fid-Direttiva, b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru (li jkun talab dan) biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet fiskali jew tnaqqis fiskali għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika.

Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba. Wara li tagħmel dan, għandha jew tippreżenta proposta lill-Kunsill, inkella tinforma lill-Kunsill bir-raġunijiet għaliex ma pproponietx l-awtorizzazzjoni ta' miżura bħal din.

Fi ħdan qafas usa’ ta’ reviżjoni tad-derogi skond id-Direttiva tat-Taxxa fuq l-Enerġija li għandhom jiskadu sa l-aħħar ta' l-2006, id-Danimarka ressqet talba għal awtorizzazzjoni sabiex mill-2007 'l quddiem għal perjodu ta' sentejn tapplika rati differenzjati tat-taxxa tas-sisa bejn petrol imqassam minn pompi tal-petrol li huma attrezzati b'sistema ta' ritorn għad-dħaħen tal-petrol u petrol imqassam minn pompi tal-petrol oħrajn, jekk kemm-il darba r-rati differenzjati jkunu skond l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, u b'mod partikolari ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa. Din l-ittra ġiet irreġistrata mad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali[2].

L-għan ta’ din il-komunikazzjoni huwa li tgħarraf lill-Kunsill bir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizzazzjoni mitluba.

2. Sommarju tar-talba

Id-Danimarka tixtieq tapplika rati differenzjati tat-taxxa tas-sisa bejn petrol imqassam minn pompi tal-petrol li huma attrezzati b'sistema ta' ritorn għad-dħaħen tal-petrol u petrol imqassam minn pompi tal-petrol oħrajn, jekk kemm-il darba r-rati differenzjati jkunu skond l-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva, u b'mod partikolari ir-rati minimi tat-taxxa tas-sisa

L-għan ta' din il-miżura huwa li jibqa' inċentiv għall-pompi tal-petrol biex jinstallaw sistema ta' ritorn għad-dħaħen tal-petrol li jillimtaw l-emissjonijiet ta' komposti volatili organiċi fl-arja, li sussegwentement huwa ta' benefiċċjugħall-ambjent.

Ir-talba tipprevedi l-31 ta’ Diċembru 2008 bħala d-data tat-tmiem.

3. L-isfond tar-rikjesti

Id-deroga mogħtija lid-Danimarka tmur lura għall-1995 [3]u ġiet estiża għall-aħħar darba fl-2001[4]. Fl-2003 ġiet inkorporata fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija bil-ħsieb li tiskadi sa l-aħħar ta' l-2006.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2006 , Reviżjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta l-2006 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunikazzjoni ta’ l-2006”)[5], il-Kummissjoni ddikjarat li meta l-miżura ġiet introdotta għall-ewwel darba setgħet serviet biex tinkuraġġixxi l-introduzzjoni ta' tagħmir speċifiku, iżda huwa loġiku li d-deroga titwaqqaf gradwalment wara ċertu perjodu ta' żmien. Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li mill-2007 'l quddiem id-deroga m'għandhiex terġa tiġġedded.

Għalkemm il-Kummissjoni ma pproponietx it-tiġdid ta' l-ebda deroga stabbilita fl-Annessi II u III għad-Direttiva, indikat li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu talba skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva, fil-każ li qiesu li għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika kien jeħtieġ deroga oħra.

4. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kontroll tal-komposti organiċi volatili (VOCs) li joħorġu meta l-vetturi jkunu qed jerġgħu jingħataw il-fjuwil, ġeneralment jikkostitwixxu miżura utli favur l-ambjent. Dan kien ġie kkonfermat iktar reċentement permezz ta' għanijiet stabbiliti bid-Direttiva 2001/81/KE[6] Barra minn hekk, fil-kuntest ta' proposta leġiżlattiva ġdida fuq il-kwalità tal-petrol u tad-dijżil u wkoll bħala miżura għall-ħarsien ambjentali, il-Kummissjoni indikat ir-rieda tagħha li tressaq proposta oħra fil-ġejjien qrib, bil-ħsieb li tiżgura li l-irkupru tal-gassijiet mill-petrol qed jitwettaq madwar l-UE kollha[7].

Għal dawn ir-raġunijiet, id-Danimarka tat deroga għall-ewwel darba fl-1995 u minn dak iż-żmien ġiet estiża, iktar reċentement bil-ħsieb li tiskadi fl-2006 (ara iktar 'l fuq). Mit-tnedija ta' l-iskema u skond l-informazzjoni pprovduta, 1,802 stazzjonijiet, minn total ta' 1,843, installaw it-tagħmir speċjali, li jikkorrespondi għal 97%. L-effett pożitiiv tal-miżura ma kienx lineari tul il-ħdax-il sena ta' applikazzjoni tar-rata differenzjata. L-impatt beda jitnaqqas matul dawn l-aħħar sitt snin li matulhom 180 stazzjon biss installaw is-sistema, jiġifieri 41 baqgħu mingħajr l-apparat. Waqt is-sena 2006 15-il stazzjon biss installa l-apparat meta mqabbel ma’ 437 fl-1996. Għalhekk qed jidher li l-impatt tad-deroga kważi spiċċa għal kollox.

Waqt li titqies is-sitwazzjoni kurrenti konkreta tad-Danimarka, kif ġie deskritt iktar 'il fuq, il-miżura m'għadhiex tidher proporzjonata ma' l-għan tagħha, li baqa' ma nbidilix.

Fir-rigward ta' l-istazzjonijiet mgħammra diġà, u minħabba li għadda ż-żmien mindu ngħatat id-deroga, l-ispejjeż ta' l-investiment, fil-biċċa l-kbira tal-każi, diġà inqatgħu. Għalhekk, il-miżura talba mid-Danimarka, biex tapplika rata iktar baxxa mir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa fuq il-petrol imqassam mill-istazzjonijiet kollha tal-petrol mgħammra b'sistema ta' ritorn għad-dħaħen tal-petrol, ikun ifisser benefiċċju mhux ġustifikat għal għadd kbir ta' stazzjonijiet diġà mgħammra. F'dan ir-rigward, din il-miżura ma tistax tiġi ġġustifikata iktar bil-għan imsemmi hawn fuq. .

Il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti iktar 'il fuq jimplikaw fl-istess mod, li l-miżura hija sproporzjonata sakemm l-għan fil-kwistjoni issa jikkonċentra fuq l-għadd żgħir ta' stazzjonijiet li baqa' (41 stazzjon), jiġifieri l-għan jikkonsisti fiż-żamma ta' inċentiv korrispondenti fir-rigward tagħhom.

5. KONKLUżJONI

Filwaqt li tiġi rikonoxxuta ġustifikazzjoni ambjentali soda għall-kontroll tal-VOCs li jintefgħu fl-arja waqt li jkun qed jingħata l-fjuwil lill-vetturi[8], il-Kummissjoni tqis li l-argumenti li tressqu mid-Danimarka ma jistgħux jiġġustifikaw iktar il-ħtieġa ta' deroga mir-regoli Komunitarji dwar l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa, kif stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE.

Jekk id-Danimarka tikkunsidra li jeħtieġ iktar appoġġ favur t-tagħmir ta' l-istazzjonijiet tal-petrol, u sakemm il-liġi Komunitarja titħares minn kull lat[9], din tista' tirrikorri għal mezzi iktar xierqa, kemm fin-natura u fl-iskop, li ma jinvolvux eżenzjoni anomala mit-taxxi armonizzati.

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma tipproponix l-awtorizzazzjoni mitluba .

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003 p. 51); Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttivi 2004/74/KE u 2004/75/KE (ĠU L 157 tat-30 ta' April 2004, p. 87 u p.100).

[2] Ittra rreġistrata fit-13 ta' Novembru 2006

[3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/585/KE tat-22 ta' Diċembru 1995.

[4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KEE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU L 84 tat-23 ta’ Marzu 2001, p. 23).

[5] COM(2006)342 tat-30 ta’ Ġunju 2006 Reviżjoni tad-derogi fl-Annessi II u III tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li jiskadu sa l-aħħar ta’ l-2006 .

[6] Id-Direttiva 2001/81/KE tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta' l-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, ĠU L 309, p.22.

[7] Ara. COM(2007)18 finali/2, paġna 8.

[8] Ara l-ewwel paragrafu ta' l-evalwazzjoni u r-referenzi tal-Kummissjoni stabbiliti fih.

[9] Inklużi r-regoli dwar għajnuna mill-Istat.

Top