This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0304
Communication from the Commission to the Council, the European Parliament, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions - Posting of workers in the framework of the provision of services: maximising its benefits and potential while guaranteeing the protection of workers {SEC(2007) 747}
Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema {SEG(2007) 747}
Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema {SEG(2007) 747}
/* KUMM/2007/0304 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 13.6.2007 KUMM(2007) 304 finali KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi:jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema {SEG(2007) 747} KOMMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema 1. DAħLA Fl-4 ta' April 2006 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni ‘Gwida għall-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ l-għoti ta’ servizzi’[1], kif ukoll dokument ta’ ħidma ta' l-Istaff[2] dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE li tikkonċerna l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta' l-għoti ta' servizzi[3] (minn hawn 'il-quddiem "id-Direttiva"). L-għan ta' din il-Komunikazzjoni kien li tgħin lill-Istati Membri jiksbu r-riżultati meħtieġa minn din id-Direttiva b'mod aktar effettiv (b'mod partikolari rigward l-aċċess għal tagħrif u l-kooperazzjoni amministrattiva), kif ukoll li tiżgura l-konformità sħiħa ma' l- acquis tal-Komunità prevalenti, partikolarment ma' l-Artikolu 49 KE dwar il-provvista ħielsa tas-servizzi, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ), rigward il-ħtiġijiet amministrattivi u l-miżuri ta' kontroll imposti fuq il-fornituri tas-servizzi. Il-Komunikazzjoni attwali (u d-dokument mehmuż ta’ ħidma ta' l-Istaff) twieġeb għall-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta' April 2006 biex tissorvelja l-iżviluppi fl-Istati Membri[4] rigward il-kwistjonijiet kollha trattati f'din il-Komunikazzjoni. L-għan tagħha huwa: - li tippreżenta fehma oġġettiva tas-sitwazzjoni; - li tivvaluta jekk inkisibx progress minn April 2006, li jirrifletti l-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni; - li tislet konklużjonijiet operattivi mill-eżerċizzju ta' monitoraġġ; - li tindika l-passi u l-miżuri xierqa biex tkun irranġata s-sitwazzjoni, jekk ikun hemm bżonn. Il-Komunikazzjoni attwali hija bbażata fuq eżami dettaljat tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri, deskritta fid-dokument mehmuż ta’ ħidma ta' l-Istaff. Dan l-eżami jibbaża l-aktar, iżda mhux esklussivament, fuq tagħrif mogħti mill-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali fuq livell ta' l-UE (kemm dak settorjali kif ukoll ta' bejn l-industriji) fi tweġiba għal kwestjonarji ppreżentati lilhom f'Ottubru 2006[5]. L-eżami jqis ukoll it-tagħrif mogħti u t-tħassib espress mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva. M'hemm l-ebda ċifri u estimi preċiżi tal-ħaddiema stazzjonati fl-UE. Madankollu, in-numru globali tal-ħaddiema stazzjonati huwa stmat għal ftit anqas minn miljun jew madwar 0.4% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE fl-2005[6]. Huma jirrappreżentaw numri sinifikanti f'xi Stati Membri (il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, il-Belġju u l-Polonja) iżda l-fenomenu huwa dejjem aktar mifrux u issa jaffettwa l-Istati Membri kollha bħala pajjiżi li jibagħtu u/jew li jirċievu. L-importanza ekonomika ta' l-istazzjonar tiżboq id-daqs kwantitattiv tiegħu, billi dan jista' jkollu rwol kruċjali fl-irranġar ta' nuqqasijiet temporanji fil-provvista tax-xogħol f'ċerti professjonijiet jew setturi (eż. il-kostruzzjoni, it-trasport). Barra minn hekk, l-istazzjonar tal-ħaddiema jtejjeb il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi bil-vantaġġi kollha magħrufa u marbuta mas-suq wieħed (iżjed kompetizzjoni, kisbiet fl-effiċjenza eċċ.). Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, b'mod partikolari l-pagi, offruti lill-ħaddiema stazzjonati, jekk ma jkunux soġġetti għal kontroll u infurzar xierqa, jistgħu jiddevjaw mill-kundizzjonijiet minimi stabbiliti bil-liġi jew innegozjati skond il-ftehim kollettiv li japplika b'mod ġenerali. Jekk din id-diverġenza sseħħ fuq skala kbira din tista' timmina l-organizzazzjoni u t-tħaddim tas-swieq tax-xogħol lokali. Fl-istess waqt, fuq livell aktar ġenerali, ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tax-xogħol jistgħu jaggravaw l-użu ta' xogħol mhux iddikjarat. Meta jeżistu nuqqasijiet fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li diġà hi implimentata, dan il-fenomenu jwassal għal konsegwenzi soċjali mhux mixtieqa kemm għal ħaddiema mhux iddikjarati kif ukoll għal ħaddiema regolari.[7] . 2. MIżURI TA' KONTROLL - IL-QAFAS LEGALI FUQ LIVELL TA' L-UE 2.1. Ir-rwol ewlieni u l-importanza tad-Direttiva 96/71/KE Id-Direttiva timmira li tirrikonċilja l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali tal-kumpaniji li jipprovdu s-servizzi transkonfinali skond l-Artikolu 49 KE, minn naħa waħda, u mal-ħarsien xieraq tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati temporanjament barra minn pajjiżhom biex jipprovdu dawn is-servizzi, min-naħa l-oħra. Biex tagħmel dan hi tidentifika r-regoli mandatorji ta' interess ġenerali fuq livell Komunitarju li għandhom japplikaw għal ħaddiema stazzjonati fil-pajjiż li jospita. Id-Direttiva tistabbilixxi nukleu ta' termini u kundizzjonijiet ta' xogħol u impjieg għall-ħarsien minimu tal-ħaddiema, li huma definiti b'mod ċar u li għandhom jiġu osservati mill-fornitur tas-servizzi fil-pajjiż li jospita. Għalhekk din id-Direttiva tipprovdi livell sinifikanti ta' ħarsien għall-ħaddiema, li jistgħu jkunu vulnerabbli minħabba l-qagħda tagħhom (impjieg temporanju f'pajjiż barrani, id-diffikultà biex jiksbu rappreżentanza xierqa, in-nuqqas ta' għarfien tal-liġijiet, ta' l-istituzzjonijiet u tal-lingwa lokali). Id-Direttiva għandha wkoll rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-klima meħtieġa għal kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri kollha tas-servizzi (inklużi dawk minn Stati Membri oħra) billi tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs, kif ukoll ċertezza legali għal fornituri tas-servizzi, riċevituri tas-servizzi, u ħaddiema stazzjonati fi ħdan il-kuntest ta' l-għoti ta' servizzi. 2.2. Il-kontenut u l-pertinenza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Skond il-ġurisprudenza stabbilita sewwa tal-QEĠ[8], l-Artikolu 49 KE dwar il-libertà tal-provvista ħielsa tas-servizzi jeħtieġ mhux biss l-eliminazzjoni ta' kull diskriminazzjoni kontra l-fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-eliminazzjoni ta' kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr diskriminazzjoni għal fornituri tas-servizzi u għal dawk minn Stati Membri oħra, li x'aktarx tipprevjeni, ixxekkel jew tagħmel anqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn legalment jipprovdi servizzi simili. Barra minn hekk, bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat tal-KE, il-provvista ħielsa tas-servizzi tista' tkun limitata biss bir-regoli li huma ġustifikati b'raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali, sakemm dawn japplikaw mingħajr distinzjoni, u safejn dak l-interess m'huwiex diġà taħt il-ħarsien tar-regoli li għalihom huwa soġġett il-fornitur tas-servizz fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Il-QEĠ laqgħet il-ħarsien tal-ħaddiem[9], inkluż il-ħarsien ta' ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni[10], bħala raġuni prevalenti ta' interess ġenerali. Barra minn dan, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli nazzjonali ta' Stat Membru għal fornituri tas-servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor hija meħtieġa biex tiżgura l-kisba ta' l-għan imfittex u ma tistax teċċedi dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan. L-Istati Membri ma jistgħux iqajmu kunsiderazzjonijiet purament amministrattivi biex jidderogaw mil-liġi Komunitarja[11]. Barra minn dan, il-QEĠ aċċettat li l-Istati Membri għandhom il-poter li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji rigward l-għoti ta' servizzi. Għalhekk hi tagħraf li l-miżuri ta' spezzjoni jistgħu jkunu ġustifikati li jissorveljaw l-osservanza ta' l-obbligi ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali[12]. Meta jwettqu l-ispezzjonijiet marbuta ma' l-implimentazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, madankollu, iħarsu l-Artikolu 49 KE u jżommu milli joħolqu jew jiddefendu restrizzjonijiet mhux ġustifikati u sproporzjonati lil fornituri tas-servizzi fi ħdan il-Komunità. Il-QEĠ saħqet bosta drabi li dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikunu adegwati biex jinkisbu l-għanijiet imfittxa mingħajr ma jirrestrinġu din il-libertà aktar milli meħtieġ[13], skond il-prinċipju ta' proporzjonalità. Ta' min jiftakar ukoll f'dan il-kuntest li Stat Membru ma jistax jibbaża lilu nnifsu, skond il-ġurisprudenza eżistenti tal-QEĠ, fuq preżunzjoni ġenerali ta' frodi jew abbuż minn persuna jew kumpanija li teżerċita l-libertà fundamentali garantita mit-Trattat, biex jiġġustifika r-restrizzjoni ta' din il-libertà fundamentali[14]. 2.3. Linji gwida previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' April 2006 Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha ta' April 2006, spjegat u ċċarat kif l- acquis tal-Komunità, u b'mod partikolari l-Artikolu 49 KE kif interpretat mill-QEĠ, kellu jiġi osservat u kif ir-riżultati meħtieġa mid-Direttiva setgħu jinkisbu b'mod aktar effettiv. Fost il-miżuri ta' kontroll li ġew applikati mill-Istati Membri fil-kuntest ta' sorveljanza ta' l-istazzjonar tal-ħaddiema, hi ffukat b'mod espliċitu fuq it-tipi ta' rekwiżiti amministrattivi li ġejjin: - li jkun hemm rappreżentant stabbilit fit-territorju ta' l-Istat Membru li jospita; - li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel fl-Istat Membru li jospita jew li ssir reġistrazzjoni magħhom, jew xi obbligu ieħor ekwivalenti; - li ssir dikjarazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li jospita; - li jinżammu d-dokumenti soċjali fit-territorju tal-pajjiż li jospita u/jew skond il-kundizzjonijiet li japplikaw fit-territorju tiegħu; kif ukoll - il-miżuri li japplikaw speċifikament għal ħaddiema stazzjonati li ġejjin minn pajjiżi terzi. 3. ĦARSA ġENERALI LEJN IS-SITWAZZJONI 3.1. Il-miżuri ta' kontroll użati – ir-raġunijiet imqajma biex jiġġustifikaw il-ħtieġa li jiġu imposti dawn il-miżuri Skond it-tagħrif mogħti mill-Istati Membri[15], kważi kollha jimponu mill-inqas kategorija waħda mir-rekwiżiti msemmija hawn fuq: - L-obbligu impost fuq l-impriża ta' l-istazzjonar li għandu jkollha rappreżentant fil-pajjiż li jospita isir b'mod espliċitu fis-6 Stati Membri[16] (u b'mod impliċitu fi 3 oħra)[17]; - F'żewġ Stati Membri teżisti sistema ta' awtorizzazzjoni/reġistrazzjoni speċifikament għall-istazzjonar tal-ħaddiema[18]; - L-obbligu li ssir dikjarazzjoni qabel jinbeda x-xogħol mill-fornitur tas-servizz jeżisti f'16-il Stat Membru[19]; filwaqt li Stat Membru wieħed[20] jimponi dan l-obbligu fuq ir-riċevitur tas-servizz; - L-obbligi li jinżammu ċerti dokumenti soċjali fit-territorju tal-pajjiż li jospita u/jew skond il-kundizzjonijiet li japplikaw fit-territorju tiegħu huma imposti f'14-il Stat Membru b'modi varji u li jikkonċernaw tipi differenti ta' dokumenti[21]. Mit-tweġibiet għall-kwestjonarji u mid-dibattitu ġenerali dwar il-Komunikazzjoni ta' April 2006 jirriżulta li l-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali għandhom fehmiet diverġenti dwar jekk ċerti miżuri ta' kontroll humiex meħtieġa kif ukoll dwar jekk dawn humiex kompatibbli mal-liġi Komunitarja. F'Ottubru 2006, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni[22] li tallega d-dritt ta' l-Istat Membru li jospita li jimponi ċerti formalitajiet għal min jimpjega u jistazzjona l-ħaddiema biex l-awtoritajiet ta' dan il-pajjiż ikunu jistgħu jiżguraw il-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg. Għal għadd ta' Stati Membri dan jikkostitwixxi kwistjoni sensittiva ferm, li tolqot il-karatteristiċi ewlenin tal-mudell soċjali tagħhom. Il-miżuri ta' kontroll imposti mill-Istati Membri huma inkorporati fl-oqfsa legali u istituzzjonali tagħhom, u f'xi wħud l-Imsieħba Soċjali jistgħu jiġu fdati bil-kompitu li jikkontrollaw u jissorveljaw it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg. In-nuqqas ta' tagħrif dwar l-identità u/jew il-leġittimità tal-fornituri tas-servizzi, in-natura temporanja u ħafna drabi ż-żmien qasir ħafna tax-xogħol ta' stazzjonar, ir-riskji meqjusa ta' "dumping soċjali" jew id-distorsjoni fil-kompetizzjoni, kif ukoll id-distanza kulturali u fiżika bejn l-awtoritajiet li jagħmlu l-kontrolli, huma msemmija biex jiġġustifikaw l-użu ta' ċerti miżuri ta' kontroll minn awtoritajiet tal-pajjiżi li jospitaw. Min-naħa l-oħra, dawn spiss jitqiesu bħala eċċessivi mill-fornituri tas-servizzi u mill-awtoritajiet tal-pajjiżi li jibagħtu, u bħala għanijiet imfittxa li jmorru lil hinn mill-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. 3.2. Evalwazzjoni L-inventarju ta' miżuri ta' kontroll użati mill-Istati Membri juri d-diversità impressjonanti tagħhom Bħala kwistjoni ta' prinċipju, m'huwiex maħsub li jqajjem dubju dwar il-mudelli soċjali differenti magħżula mill-Istati Membri u lanqas dwar il-mod kif huma jorganizzaw is-sistema tagħhom ta' relazzjonijiet ta' xogħol u ta' negozjar kollettiv, sakemm jiġi implimentat u applikat b'mod li huwa kompatibbli bis-sħiħ ma' l-obbligi skond it-Trattat. Barra minn hekk, il-ħtieġa ta' azzjonijiet preventivi u sanzjonijiet xierqa bl-għan li jilqgħu għall-impjieg illegali u x-xogħol mhux iddikjarat, inkluż l-impjieg ta' min jaħdem għal rasu bil-moħbi, kif ukoll li jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali ta' aġenziji ta' l-impjieg barranin u fittizji, hija indiskutibbli. L-aħħar iżda mhux l-anqas, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li r-rati minimi ta' paga, fejn rilevanti, jkunu applikati għal min iħaddem u jipprovdi servizzi fit-territorju tiegħu, ikun xi jkun il-pajjiż fejn ikun stabbilit min iħaddem u l-liġi Komunitarja ma żżommx lill-Istati Membri milli jinfurzaw dawn ir-regoli b'mezzi xierqa. Waqt li jissorveljaw il-konformità man-nukleu ta' regoli obbligatorji, l-Istati Membri għandhom jilħqu l-bilanċ ġust bejn, fuq naħa waħda, il-ħtieġa li jingħata u jiġi salvagwardjat il-ħarsien effettiv tal-ħaddiema, u, fuq in-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jkun żgurat li r-rekwiżiti formali u l-miżuri ta' kontroll użati jew imposti biex jiggarantixxu r-rispett tar-raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali (bħal ħarsien ta' ħaddiema stazzjonati), inkluż il-mod kif dawn huma applikati, eżerċitati jew imwettqa fil-prattika u b'mod effettiv, huma ġustifikati u proporzjonati fid-dawl tal-miri mfittxa u l-għanijiet li għandhom jinkisbu. Għandu jitħares, b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità, inkluż il-mistoqsija dwar jekk l-għan leġittimu jistax jinkiseb b'mod anqas restrittiv iżda effettiv indaqs. Il-partikolaritajiet inerenti fil-qagħda ta' stazzjonar (bħan-natura temporanja u ħafna drabi ż-żmien qasir ħafna, ir-riskju meqjus ta' "dumping soċjali" jew ta' distorsjoni serja fil-kompetizzjoni, id-distanza kulturali u fiżika bejn l-awtoritajiet li jagħmlu l-kontrolli u l-impriżi ta' l-istazzjonar), jeħtieġ li jkunu meqjusa biżżejjed, bil-konsegwenza li tinħtieġ evalwazzjoni każ b'każ tal-kompatibbiltà. Filwaqt li jintlaħaq bilanċ, għandhom jitqiesu wkoll il-kontrolli u s-sorveljanza li diġà twettqu fl-Istat Membru ta' l-oriġini, kif ukoll l-effettività tal-kooperazzjoni amministrattiva[23]. Anki jekk miżura tidher aċċettabbli fiha nnfisha, bħall-użu ta' dikjarazzjoni sa ma jibda x-xogħol, li tindika kemm għandhom jiġu stazzjonati ħaddiema, fejn u għalkemm żmien, jistgħu jiġu mehmuża magħha formalitajiet addizzjonali[24] li jistgħu jagħmlu l-użu tagħha tant għali u diffiċli li jfixklu bla bżonn l-għoti ta' servizzi. L-obbligu ta' rappreżentant stabbilit fl-Istat Membru li jospita u l-obbligu li jinżammu ċerti dokumenti soċjali fit-territorju tiegħu, mingħajr l-ebda eċċezzjoni u/jew limitu ta' żmien, u/jew l-obbligu li jitfasslu dokumenti skond ir-regoli fil-pajjiż li jospita[25], huwa sproporzjonat u mhux ġustifikat għas-sorveljanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema stazzjonati meta t-tagħrif jista' jinkiseb permezz ta' min iħaddem jew ta' l-awtoritajiet fl-Istat Membru ta' l-oriġini f'dewmien raġonevoli. Il-ħarsien effettiv tal-ħaddiema, madankollu, jista' jeħtieġ li ċerti dokumenti, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà u ħinijiet ta' xogħol, jinżammu fil-post jew fit-territorju ta' l-Istat Membru li jospita[26]. Barra minn dan, jekk u safejn il-miżuri ta' kontroll ma jinfurzawx b'mod sinifikanti l-ħarsien tal-ħaddiema stazzjonati, il-ġustifikazzjoni, il-bżonn u l-proporzjonalità tagħhom huma diskutibbli. Barra minn hekk, il-miżuri li japplikaw b'mod awtomatiku u bla kundizzjoni, abbażi ta' preżunzjoni ġenerali ta' frodi jew abbuż minn persuna jew kumpanija li teżerċita l-libertà fundamentali garantita mit-Trattat, jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata[27]. Fid-dawl tat-tagħrif disponibbli u ta' evalwazzjoni ulterjuri li tinsab pendenti, għadd ta' miżuri ta' kontroll applikati mill-Istati Membri jidhru li m'humiex konformi ma' l-Artikolu 49 KE kif interpretat mill-QEĠ. Madankollu, l-evalwazzjoni finali tas-sitwazzjoni se tiddependi fuq evalwazzjoni dwar jekk ċerti ħtiġijiet leġittimi ta' sorveljanza jistgħux jiġu sodisfatti b'aċċess aħjar għal tagħrif u/jew b'kooperazzjoni amministrattiva aktar effettiva bejn l-Istat Membru li jospita u l-Istat Membru ta' l-oriġini (li se jkun is-suġġett tal-kapitlu 4 hawn isfel). 3.3. Il-miżuri li japplikaw għal ħaddiema stazzjonati li ġejjin minn pajjiżi terzi It-tagħrif li wasal juri li għadd konsiderevoli ta' Stati Membri (15[28]) jeħtieġu permess tax-xogħol jew jimponu obbligi ta' viża marbuta ma' l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal ħaddiema stazzjonati minn pajjiżi terzi li qed jgħixu u jaħdmu b'mod legali fi Stat Membru ieħor. Għadhom japplikaw kundizzjonijiet addizzjonali rigward il-permessi ta' residenza u/jew obbligi ta' viża, li jistgħu jfixklu l-eżerċizzju effettiv tal-libertà fundamentali mill-fornitur tas-servizz. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm perjodi minimi ta' impjieg jew tip ta' kuntratti fil-pajjiż ta' l-oriġini, jew it-tul minimu tal-permess ta' residenza fil-pajjiż fejn ikun stabbilit min iħaddem. Dawn il-miżuri m'humiex konformi mar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta' għoti ta' servizzi kif interpretati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' April 2006[29], il-Kummissjoni kkonkludiet li abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti[30] l-Istat Membru li jospita ma jistax jimponi formalitajiet amministrattivi jew kundizzjonijiet addizzjonali fuq ħaddiema stazzjonati li ġejjin minn pajjiżi terzi meta dawn ikunu impjegati legalment minn fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor, mingħajr preġudizzju, madankollu, għad-dritt ta' l-Istat Membru li jospita li jiċċekkja li dawn il-kundizzjonijiet huma mħarsa fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur tas-servizz. Barra minn hekk, għad hemm għadd konsiderevoli ta' Stati Membri li ma jirrispettawx kompletament jew b'mod korrett din il-ġurisprudenza, jew lanqas biss japplikawha. 4. AċċESS GħAT-TAGħRIF – KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA L-Artikolu 4 tad-Direttiva jenfasizza żewġ assi ta' kooperazzjoni rigward it-tagħrif fil-kuntest ta' l-istazzjonar tal-ħaddiema: - L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva jimponi obbligi ċari rigward il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonjiet nazzjonali, u jagħmel lill-Istati Membri responsabbli għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal din il-kooperazzjoni. Dan l-obbligu jinkludi l-ħatra ta' awtorità ta' sorveljanza organizzata u attrezzata b'tali mod li tiffunzjona b'mod effettiv u li tkun kapaċi twieġeb mingħajr dewmien rigward ir-rekwiżiti dwar termini u kundizzjonijiet koperti mid-Direttiva. - Barra minn hekk, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jistipula obbligu ċar għall-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa ħalli t-tagħrif dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ikun ġeneralment disponibbli, mhux biss lill-fornituri tas-servizzi barranin, iżda wkoll lill-ħaddiema stazzjonati kkonċernati[31]. L-evidenza miġbura fid-dokument ta’ ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni SEG(2006) 439 turi li kien hemm lok konsiderevoli għal aċċess aħjar għat-tagħrif, għal kooperazzjoni amministrattiva u għal sorveljanza tal-konformità, inter alia permezz ta' l-identifikazzjoni u t-tixrid ta' l-aħjar prassi. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew saħqet li għadd kbir ta' ħaddiema stazzjonati lanqas biss huma konxji tad-drittijiet tagħhom skond id-direttiva; hi tappella għall-miżuri meħtieġa biex jingħata aċċess effettiv għat-tagħrif għal ħaddiema stazzjonati u għal min iħaddimhom[32]. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet għall-kwestjonarji juru titjib inkoraġġanti f'għadd kbir ta' Stati Membri rigward id-disponibbiltà tat-tagħrif maħsub speċifikament għall-istazzjonar, kemm permezz ta' websajts, punti ta' kuntatt, brochures, fuljetti, vade-mecums jew mezzi oħra. Madankollu, kienu għadhom jidhru għadd ta' nuqqasijiet[33]. Xi pajjiżi jippubblikaw biss tagħrif fil-lingwa nazzjonali tagħhom. Ħafna drabi t-tagħrif li jingħata jidher ukoll limitat wisq u/jew kumpless, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fejn japplikaw ftehimiet kollettivi differenti fuq livell reġjonali, fejn teżisti aktar minn awtorità waħda ta' sorveljanza jew fejn hemm involuti partijiet oħra minbarra l-ispezzjonijiet tax-xogħol. Rigward il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri, l-għadd ferm żgħir ta' kuntatti li saru permezz ta' uffiċċji ta' kollegament, stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, jindika li l-Istati Membri jew jinjoraw din il-forma ta' kooperazzjoni jew fittxew forom oħra, per eżempju permezz ta' kuntatti bilaterali bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza u l-pajjiżi ġirien. Fil-prattika l-'Istandards ta' kooperazzjoni' stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta miftiehma mill-grupp ta' esperti tal-gvern dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema[34] jidher li ġew implimentati u rrispettati meta jiġu trattati t-talbiet minn Stati Membri oħra, iżda huwa rrappurtat li rari ntlaħqet l-iskadenza ta' 4 ġimgħat għat-tweġibiet. L-użu tal-forma multilingwi m'hijiex mifruxa u saret ħafna kritika rigward l-effettività tagħha. Bosta tweġibiet jindikaw li r-rwol u r-responsabbiltajietta' l-uffiċċji ta' kollegament jistħoqqilhom kjarifika, u jista' jkun li jkollhom jiġu riveduti. Fil-qosor, minkejja t-titjib f'termini ta' aċċess għat-tagħrif, hemm tħassib iġġustifikat dwar il-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw u/jew japplikaw ir-regoli dwar kooperazzjoni amminsitrattiva kif previst bid-Direttiva. Is-suċċess fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva ma jidhirx li huwa possibbli sakemm din is-sitwazzjoni ma tiġix irranġata. L-aċċess għal tagħrif bil-quddiem dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg applikabbli fil-pajjiż li jospita huwa prerekwiżit għal partijiet interessati biex ikunu kapaċi jwettqu s-servizzi meħtieġa skond id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttiva u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali. It-tħaddim tajjeb tal-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri huwa strument essenzjali għall-kontroll ta' konformità; il-kważi nuqqas jista' jispjega għaliex l-Istati Membri jaqilbu għal miżuri ta' kontroll, li jidhru sproporzjonati u/jew mhux meħtieġa fid-dawl ta' l-interpretazzjoni mill-QEĠ ta' l-Artikolu 49 KE. 5. IT-TISħIħ TAS-SORVELJANZA TA' KONFORMITÀ U INFURZAR Skond id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva billi jieħdu l-miżuri xierqa, b'mod partikolari biex jiżguraw li jkun hemm proċeduri adegwati għall-infurzar ta' l-obbligi skond id-Direttiva. Kif previst bl-Artikolu 6 tad-Direttiva, l-Istati Membri ppermettew li jinbdew proċeduri ġudizzjarji fit-territorju tagħhom biex ikun jista' jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg garantiti bid-Direttiva. Minkejja li l-applikazzjoni tad-Direttiva ma tidhirx li qajmet formalment ħafna lmenti jew proċeduri legali, il-Parlament Ewropew[35], kif ukoll għadd ta' tweġibiet għall-kwestjonarji, b'mod partikolari mill-imsieħba soċjali, jiddispjaċihom li l-mekkaniżmi li nħolqu biex isewwu n-nuqqasijiet mhux se jkunu biżżejjed u mhux se joffru miżuri xierqa jew proporzjonati biex jissorveljaw il-konformità mad-Direttiva. L-imsieħba soċjali jenfasizzaw in-nuqqas ta' azzjonijiet legali kollettivi, filwaqt li xi Stati Membri jenfasizzaw il-ħtieġa ta' strumenti ta' l-UE għal sanzjoni transkonfinali effettiva tal-ksur minn fornituri tas-servizzi barranin. Ħafna draba l-infurzar ta' multi imposti f'pajjiż barrani jissemmew bħala problematiċi. Għadd ta' reazzjonijiet jikkontestaw l-utilità ta' sanzjonijiet amministrattivi imposti fil-kuntest ta' l-istazzjonar tal-ħaddiema rigward id-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2005/214/JHA ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal pieni finanzjarji[36]. Minkejja li dan ta' l-aħħar għandu jitqies bħala applikabbli għall-istazzjonar tal-ħaddiema, il-pertinenza tiegħu hija kkontestata: il-proċeduri li jwasslu għal deċiżjoni infurzabbli jitqiesu bħala twal wisq biex ikopru l-maġġoranza tas-sitwazzjonijiet transkonfinali, filwaqt li titqies ukoll in-natura temporanja u ħafna drabi qasira ta' l-istazzjonar. Barra minn hekk, xi Stati Membri jindikaw li r-regoli proċedurali nazzjonali tagħhom xi kultant jagħmluha wisq diffiċli (u anki jipprojbixxu) li jitniedu proċeduri amminsitrattivi kontra kumpaniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. It-tweġibiet għall-kwestjonarji juru li f'si Stati Membri jeżistu diversi sistemi konġunti u solidali[37], li jimponu l-obbligu ta' sorveljanza direttament fuq il-kumpanija jew il-kuntrattur li jirċievu fil-pajjiż li jospita.Għall-Istati Membri kkonċernati dan joffri metodu ta' kontroll u verifika dirett, effettiv u possibbli, meta mqabbel ma' proċeduri twal rigward kumpanija jew sottokuntrattur stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Il-QĠE sostniet[38] li l-Artikolu 5 tad-Direttiva, interpretat fid-dawl ta' l-Artikolu 49 KE, ma jeskludix fil-prinċipju l-użu ta' sistemi konġunti u solidali għal kuntratturi ġenerali jew ewlenin bħala miżura xierqa f'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-Direttiva. Il-Qorti, madankollu, tindika wkoll li din il-miżura m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex (filwaqt li tirreferi l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta' din il-miżura lill-qorti nazzjonali). F'sentenza aktar reċenti[39] hi tqis sistema speċifika ta' responsabbiltà konġunta bħala sproporzjonata u kuntrarja għall-Artikolu 49 KE fost raġunijiet oħra minħabba n-natura awtomatika u bla kundizzjonijiet u l-ambitu eċċessiv tagħha. Il-kwistjoni jekk ir-responsabbiltà sussidjarja tistax tikkostitwixxi mod effettiv u proporzjonat biex jiżdiedu l-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformità mal-liġi Komunitarja jistħoqqilha eżami u riflessjoni ulterjuri. Il- Green Paper tal-Kummissjoni "L-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-Seklu 21" kienet tinkludi mistoqsija simili[40]. 6. KONKLUżJONIJIET L-eżerċizzju ta' monitoraġġ imniedi abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' April 2006 juri li bosta Stat Membri jiddependu biss fuq il-miżuri u l-istrumenti nazzjonali tagħhom biex jikkontrollaw il-fornituri tas-servizzi u b'mod li ma jidhirx li huwa dejjem konformi la ma' l-Artikolu 49 KE kif interpretat mill-QĠE u lanqas mad-Direttiva. Din il-qagħda tista' tkun marbuta ma', jekk mhux ikkawżata mill-kważi nuqqas ta' kooperazzjoni amminsitrattiva, l-aċċess għat-tagħrif li għadu mhux sodisfaċenti kif ukoll il-problemi ta' infurzar transkonfinali. Dawn il-problemi ma jistgħux jissolvew jekk l-Istati Membri ma jtejbux il-mod kif jikkooperaw ma' xulxin u, b'mod partikolari kif jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom dwar il-kooperazzjoni amminsitrattiva u l-aċċess għat-tagħrif kif stipulati fid-Direttiva[41],[42]. Meta jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jagħtu sehem sostanzjali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi skond l-għanijiet stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. It-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva għandu jikkostitwixxi wkoll element importanti fl-għan biex titjieb u tiżdied il-konformità effettiva mal-liġi Komunitarja u l-infurzar tagħha. L-infurzar u l-implimentazzjoni adegwati u effettivi huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, filwaqt li l-infurzar dgħajjef ixekkel l-effettività tar-regoli Komunitarji applikabbli f'dan il-qasam. Il-kooperazzjoni mill-qrib, imsaħħa jekk ikun hemm bżonn, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija għalhekk primordjali, iżda r-rwol importanti ta' l-Imsieħba Soċjali f'dan ir-rigward m'għandux jiġi traskurat. Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex issewwi n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li tinħtieġ azzjoni urġenti u tipprevedi l-miżuri li ġejjin: - Li tkun adottata Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (abbażi ta' l-Artikolu 211 KE), li għandha tkun approvata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill biex tkun imsaħħa l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri permezz ta' l-użu ta' Sistemi ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI)[43] u li jkun iċċarat ir-rwol ta' l-uffiċċji ta' kollegament; - Li tkun adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf Kumitat ta' livell għoli, biex jappoġġa u jgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u fl-iskambju ta' l-aħjar prassi u biex jiġi istituzzjonalizzat il-Grupp informali, attwali, ta' esperti tal-gvern billi jiġu identifikati, bi preċiżjoni akbar, ir-rwol, il-ħidmiet u r-responsabbiltajiet tiegħu u biex l-imsieħba soċjali jkunu involuti formalment b'mod regolari. - Li tkun żgurata, każ b'każ, il-konformità effettiva mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat-KE, kif interpretat mill-QĠE, minn dawk l-Istati Membri li jimponu ħtiġijiet amministrattivi u miżuri ta' kontroll meqjusa inkompatibbli mal-liġi Komunitarja prevalenti (bħall-ħtieġa li jkun hemm rappreżentant stabbilit fl-Istat Membru li jospita jew l-obbligu li jinżammu ċerti dokumenti soċjali fit-territorju tiegħu, mingħajr eċċezzjoni u/jew limitu ta' żmien, meta t-tagħrif jista' jinkiseb permezz ta' min iħaddem jew ta' l-awtoritajiet fl-Istat Membru ta' l-oriġini f'dewmien raġonevoli) inkluża, jekk ikun hemm bżonn, it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur skond l-Artikolu 226 KE; - Li tkun żgurata l-konformità mal-liġi Komunitarja, kif interpretata mill-QĠE partikolarment fis-sentenza "Vander Elst", rigward dawk l-Istati Membri li għadhom jeħtieġu permessi tax-xogħol u kundizzjonijiet oħra għal ħaddiema stazzjonati minn pajjiżi terzi li qed jgħixu u jaħdmu b'mod legali fi Stat Membru ieħor, billi jitniedu proċeduri ta' ksur skond l-Artikolu 226 KE; - Li jitkompla l-monitoraġġ tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni adottati mill-Istati Membri u ta' l-applikazzjoni tagħhom għall-kwistjonijiet l-oħra kollha li mhumiex trattati f'din il-Komunikazzjoni, inklużi dawk is-sitwazzjonijiet, fejn, għall-kuntrarju ta' l-Artikolu 4 paragrafu 3, l-aċċessibilità u t-trasparenza tat-tagħrif jibqgħu problema, u, jekk ikun hemm bżonn, jittieħdu l-miżuri xierqa, inkluża t-tnedija ta' proċeduri ta' ksur skond l-Artikolu 226 KE; - Li jsir, per eżempju fil-Kumitat ta' livell għoli msemmi hawn fuq, eżami fil-fond flimkien ma' l-Istati Membri u l-Imsieħba Soċjali tal-problemi ta' infurzar transkonfinali (sanzjonijiet, multi, responsabbiltajiet konġunti u solidali). Fuq il-bażi ta' dan l-eżami l-Kummissjoni se tieħu azzjoni xierqa. [1] KUMM(2006) 159. [2] SEG(2006) 439. [3] Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fi ħdan il-qafas ta' l-għoti ta' servizzi, (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1). [4] L-analiżi hija limitata għall-25 Stat Membru ta' l-Unjoni fl-2006. L-implimentazzjoni ta' l- acquis fir-Rumanija u l-Bulgarija rigward l-istazzjonar tal-ħaddiema, inklużi l-kwistjonijiet li ġew diskussi fil-komunikazzjoni adottata fl-4 ta' April 2006, se jiġu vvalutati separatament fil-kuntest ġenerali tal-valutazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni wara t-tkabbir. [5] Il-Kummissjoni poġġiet għad-dispożizzjoni formola permezz tal-websajt tagħha, filwaqt li tippermetti lill-utenti li jesprimu l-esperjenza tagħhom. [6] L-aktar data statistika aġġornata u ta' min jafda fuqha għad-dispożizzjoni tagħna llum hija bbażata fuq l-għadd ta' ċertifikati E101 mogħtija mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiżi li jkunu qed jibagħtu għal kull stazzjonament li ma jaqbiżx it-12-il xahar. [7] Kif indikat fir-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim ta' ftehimiet tranżitorji stabbiliti fit-Trattat ta' Adeżjoni ta' l-2003, KUMM(2006) 48, 8.2.2006, paragrafu 20. [8] Kif jingħad fil-qosor, per eżempju, fis-sentenza tat-23.11.1999, fil-każijiet konġunti C-369/96 u 376/96, Arblade e.a, paragrafi 33-39 (u fil-ġurisprudenza msemmija hawnhekk). [9] Ara s-sentenza Webb tas-17.12.1981, każ 279/80, paragrafu 19, u s-sentenzi tat-3.2.1982, każijiet konġunti 62 u 63/81, Seco u Desquenne & Giral, paragrafu 14, u tas-27.3.1990, C-113/89, Rush Portuguesa, paragrafu 18. [10] Is-sentenza Guiot tat-28.3.1996, każ C-272/94, paragrafu 16. [11] Ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26.1.1999, Terhoeve, Każ C-18/95, ECR p. I-345, paragrafu 45. [12] F'dan il-kuntest, ara s-sentenza Rush Portuguesa tas-27.3.1990, każ C-113/89, paragrafu 18, u s-sentenza Arblade, imsemmija hawn fuq, paragrafi 38, 61 sa 63 u 74. [13] Ara, f'dan il-kuntest, is-sentenza Rush Portuguesa, imsemmija hawn fuq, paragrafu 17, kif ukoll is-sentenzi tal-21.10.2004, il-Kummissjoni v il-Lussemburgu, każ C-445/03, paragrafu 40, u tad-19.1.2006, il-Kummissjoni v il-Ġermanja, C-224/04, paragrafu 36. [14] Ara, per eżempju s-sentenzi tal-15.9.2005, il-Kummissjoni v id-Danimarka, C-464/02, paragrafu 81, tal-15.6.2006, C-255/04, il-Kummissjoni v Franza, paragrafu 52, u tad-9.11.2006, każ C-433/04, il-Kummissjoni v il-Belġju, paragrafu 35. [15] Għal aktar dettalji ara r-rapport tas-servizzi, kif ukoll il-ħarsa ġenerali u skematika prevista fl-anness 1 ta' dan ir-rapport. [16] Jiġifieri l-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja. [17] Jiġifieri l-Estonja, Franza u l-Latvja. [18] Malta u l-Lussemburgu (dan ta' l-aħħar jeħtieġ awtorizzazzjoni biss għall-istazzjonar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi). [19] Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja [20] Ir-Repubblika Ċeka. [21] Il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja [22] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport ta' Schroedter tas-26 ta' Ottubru 2006. [23] Għall-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni msemmija hawn fuq, l-Istati Membri li jospitaw għandhom ikunu kapaċi fiċ-ċirkustanzi kollha jitolbu d-dokumenti meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità, u titqies ta' ħtieġa d-disponibbiltà ta' persuna li tista' tagħmilha ta' rappreżentant tal-kumpanija ta' l-istazzjonar. [24] Xi Stati Membri jeħtieġu wkoll li d-dikjarazzjoni minn qabel għandha tkun akkumpanjata b'formola E-101użata għal raġunijiet ta' sigurtà soċjali fil-kuntest tar-Regolament 1408/71 (li tista', bħala tali, ma tkunx konformi mal-ġurisprudenza tal-QEĠ f'dan ir-rigward). [25] Is-sentenza Arblade, imsemmija hawn fuq, paragrafu 66. [26] Is-sentenza Arblade, imsemmija hawn fuq, paragrafu 61. [27] Ara per eżempju s-sentenzi tal-QEĠ tal-15.9.2005, il-Kummissjoni v id-Danimarka, C-464/02, paragrafu 81, tal-15.6.2006, C-255/04, il-Kummissjoni v Franza, C-255/04, paragrafu 52, u tad-9.11.2006, il-Kummissjoni v il-Belġju, C-433/04, paragrafi 35-38. [28] Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Finlandja Hemm sentenzi tal-QEĠ rigward dawn l-obbligi kontra l-Belġju, il-Ġermanja u l-Lussemburgu, u proċedura miftuħa ta' ksur kontra l-Italja. [29] Ara b'mod partikolari l-punt 2.2, paġna 8. [30] Ara s-sentenzi tad-9.8.1994, Vander Elst, każ C-43/93, tal-21.10.2004, il-Kummissjoni v il-Lussemburgu, każ C-445/03, u tad-19.1.2006, il-Kummissjoni v il-Ġermanja, każ C-224/04. Idem, sentenza tal-21.9.2006, il-Kummissjoni v l-Awstrija, każ C-168/04. [31] Għalhekk l-Artikolu 4 jsemmi t-tipi differenti ta' kooperazzjoni u ta' aċċess għat-tagħrif: kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għas-sorveljanza tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg imsemmija fid-Direttiva; kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi biex jeżaminaw xi diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(10); u l-ħtieġa li jkun żgurat li t-tagħrif dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ikun ġeneralment disponibbli (Idem Komunikazzjoni: L-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE fl-Istati Membri, KUMM(2003) 458 tal-25.7.2003, paġna 10). [32] Ara l-punt 18 tar-Riżoluzzjoni. [33] Għal aktar dettalji ara r-Rapport tas-Servizzi. [34] Stabbiliti skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' grupp ta' Diretturi Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrijali (2002/260/KE) tas-27 ta' Marzu 2002, (ĠU L 91, 6.4.2002, paġna 30). [35] Ara r-Riżoluzzjoni dwar ir-rapport ta' Schroedter skond is-sezzjoni I, u l-punti 29 et seq. [36] ĠU L 76, 22.3.2005, paġna 17. [37] B'mod partikolari: L-Awstrija, il-Belġju, Franza l-Olanda u aktar reċenti l-Finlandja. [38] Każ C-60/03 (Wolff & Müller GmbH & Co. KG v José Felipe Pereira Félix), is-sentenza tat-12.11.2004, paragrafu 37. [39] Is-sentenza tad-9.11.2006, il-Kummissjoni v il-Belġju, każ C-433/04, b'mod partikolari l-paragrafi 37-41. [40] KUMM(2006) 708, tat-22.11.2006. [41] Dan il-punt huwa enfasizzat ukoll fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Ara b'mod partikolari l-punti 21 u 32 et seq. [42] F'kull każ, in-nuqqas ta' kooperazzjoni effettiva li tkun minħabba rifjut jew tnikkir min-naħa ta' l-Istati Membri li jużaw dan l-istrument ma jistax waħdu jiġġustifika ż-żamma ta' miżuri ta' kontroll. [43] IMI hija sistema ta' informazzjoni maħsuba biex tiffaċilita l-għajnuna reċiproka u l-iskambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri. Is-sistema tipprovdi għodda għal skambju rapidu u sikur ta' data fost l-awtoritajiet Ewropej, filwaqt li tħallihom jaħdmu flimkien b'mod effettiv minkejja l-ostakli minħabba l-użu ta' lingwi u proċeduri u strutturi amminsitrattivi differenti. L-ewwel applikazzjonijiet żviluppati se jappoġġaw id-Direttiva riveduta dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) u d-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE).