Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0130

Rapport mill-Kummissjoni għall-Kunsill u għall-Parlament Ewropew - Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta' l-2005 {SEC(2007) 365}

/* KUMM/2007/0130 finali */

52007DC0130




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.3.2007

KUMM(2007) 130 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI GĦALL-KUNSILL U GĦALL-PARLAMENT EWROPEW

Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta' l-2005 {SEC(2007) 365}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI G Ħ ALL-KUNSILL U G Ħ ALL-PARLAMENT EWROPEW

Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea - Ir-Rapport ta' l-2005

DAĦLA

1. “Is-sitwazzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea – ir-rapport ta’ l-2005”, tlesta f'Settembru 2006, u huwa ppubblikat flimkien mar-Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea.

IS-SITWAZZJONI EKONOMIKA U D-DħUL FINANZJARJU TAL-FARMS

2. Ġeneralment fl-Unjoni Ewropea d-dħul mill-agrikoltura fl-2005 naqas b'-6.3% (-6.6% fl-Istati Membri l-antiki u -3.8% fl-Istati Membri l-ġodda). Il-firxa attwali kienet tvarja minn -19.3% ta' l-Ungerija sal-+25.9% tal-Litwanja.

3. Fl-2005 ir-rata ta' żvilupp fl-UE kienet ipproġettata li tlaħħaq il-+1.5%. Minbarra l-ambjent globali b'saħħtu, il-fatturi ewlenin wara dan l-iżvilupp jinkludu l-politiċi makroekonomiċi favorevoli, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju, marġini ta' profitt aktar wiesa' u rata nominali effettiva tal-kambju u dgħajfa. Fil-bidu tas-sena l-EUR laħaq livell rekord kontra d-dollaru imma spiċċa biex għalaq is-sena b'USD 1.17.

4. Fl-ewwel disa' xhur ta' l-2005 il-valur ġenerali ta' l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Komunità żdied sew bi 8% b'differenzi kbar bejn il-prodotti agro-alimentari. L-UE baqgħet impurtatur nett tal-prodotti agrikoli imma l-bilanċ kummerċjali agrikolu tagħha ttejjeb sinifikament minħabba żieda fl-esportazzjonijiet.

L-IżVILUPPI POLITIċI U L-INIZJATTIVI LEġIżLATTIVI FL-2005

Ir-riforma tal-PAK – iz-zokkor

5. Fit-22 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' proposti għar-riforma fis-settur taz-zokkor ta' l-UE, billi rriformulat l--organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, emendat ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u waqqfet skema temporanja għar-ristrutturar ta' l-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea. Fl-24 ta' Novembru 2005 intlaħaq ftehim politiku mill-Kunsill, li fil-biċċa l-kbira rrifletta b'mod ġenerali l-proposti oriġinali tal-Kummissjoni.

6. Ir-riforma tas-settur taz-zokkor, li aġġornat li baqgħet l-istess għal kważi 40 sena għal mar-riformi tal-PAK ta' l-2003/2004, sejra tagħti xprun lill-kompetittività tas-settur, ittejjeb l-orjentazzjoni tagħha għas-suq u ġġib bilanċ sostenibbli fis-suq fir-rigward ta' l-obbligi internazzjonali ta' l-UE.

7. Ir-riforma tilħaq l-għan tagħha bl-introduzzjoni ta' qtugħ ta'36% fil-prezz garantit taz-zokkor abjad, kumpens lill-bdiewa permezz ta' ħlas diżakkoppjat, miżjud tal-ħlas uniku għall- farm , u skema volontarja ta' ristrutturar, li tipprovdi inċentivi għall-kumpaniji taz-zokkor anqas kompetittivi ta' l-UE biex iħallu s-settur.

Il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013

8. Fis-17 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill Ewropew, kif approvat mill-Parlament Ewropew, iddeċieda li jiffissa n-nefqa fl-agrikoltura bejn l-2007 u l-2013 għall-EUR 293.1 biljun għall-ħlasijiet diretti u għall-miżuri tas-suq u EUR 69.75 biljun għall-iżvilupp rurali (il-prezzijiet ta' l-2004). Fil-ftehim politiku l-PAK kienet identifikata bħala element ewlieni f' revizjoni li għandha ssir fl-2008/2009 u tkopri l-aspetti kollha ta' l-infiq u r-riżorsi ta' l-UE.

Il-bijofjuwils

9. Fit-tieni nofs ta' l-2005, wara s-sejħa għal sinjal politiku mġedded dwar il-politika ta' l-UE dwar l-enerġija fid-dawl tal-prezz taż-żejt dejjem jogħla, id-dipendenza kbira ta' l-ekonomija tagħna fuq l-enerġija u l-obbligi internazzjonali dwar il-bdil fil-klima, il-possibilità ta' żieda fil-produzzjoni tal-bijofjuwils saret kwistjoni kumplessa, transversali u dinamika.

10. Fis-7 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-Bijomassa bil-għan ewlieni biex sa l-2010 jiżdied l-użu tal-bijomassa fl-UE b'aktar mid-doppju u titwitta t-triq għal aktar żidiet sa l-2020. Din l-inizjattiva preliminari ta' l-UE se sservi wkoll bħala bażi għall-Kommunikazzjoni għall-Istrateġija ta' l-UE dwar il-Bijofjuwils, li l-adozzjoni tagħha maħsuba għall-bidu ta' l-2006.

Il-politika dwar il-kwalità

11. Matul l-2005, il-Kummissjoni żiedet 24 isem mal-lista tad-denominazzjonjiet ta’ l-oriġini protetti u ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti; il-lista bħalissa fiha 705 prodotti. Erba' modifiki ta' l-ispeċifikazzjonijiet tal-DPO/IĠP irreġistrati huma wkoll mniżżlin fl-anness.

L-agrikoltura organika

12. Fil-21 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament ġdid tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika (COM/2005/671/finali). Il-proposta ssegwi l-Komunikazzjoni (COM/2004/415) dwar Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi.

Miżuri promozzjonali

13. Fl-2005 il-Kummissjoni approvat għall-kofinanzjament 25 programm ġdid ta' promozzjoni barra mit-territorju ta' l-UE. Dawn il-programmi huma mmirati prinċipalment għall-Ġappun, ir-Russja, l-Istati Uniti u pajjiżi Ewropej li mhumiex membri ta' l-UE. Il-prodotti promossi jinkludu nbejjed ta' kwalità, żejt taż-żebbuġa, ġobnijiet, prodotti tal-laħam u frott u ħaxix. Il-maġġoranza tal-programmi jdumu tliet snin. Il-kofinanzjament totali li ġej mill-UE għal dawn il-programmi jammonta għal EUR 23.4 miljun.

14. Għas-suq intern ta' l-UE, il-Kummissjoni b'kollox approvat total ta' 51 programm ġdid b'kofinanzjament li ġej mill-Komunità għal baġit totali ta' EUR 51.6 miljun. Il-maġġoranza tal-programmi jdumu tliet snin. Il-prodotti promossi jinkludu frott u ħaxix, prodotti organiċi, prodotti b'denominazzjoni ta' DPO jew IĠP, fjuri u pjanti, prodotti tal-ħalib, żejt taż-żebbuġa u sa ċertu limitu ċ-ċanga. Fl-2005, l-Istati Membri l-ġodda rċevew ukoll programmi ta' promozzjoni u ħafna proposti ġew aċċettati għal kofinanzjament.

Is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni agrikola

15. Il-proċess ta' simplifikazzjoni baqa' għan importanti għall-2005, għax il-pjan ta' azzjoni fir-rigward ta' Regolamentazzjoni Aħjar baqa' jżidu fl-importanza politika fl-ambitu ta' l-Aġenda ta' Liżbona. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Is-Simplifikazzjoni u Regolamentazzjoni Aħjar għall-Politika Agrikola Komuni" (COM(2005)509 finali) ( Traduzzjoni mhux uffiċjali ) ġie ppubblikata fid-19 ta' Ottubru 2005. Hija ssejjaħ partikolarment għal żvilupp ta' pjan ta' azzjoni simplifikat matul l-2006, l-elaborazzjoni ta' Regolament għal "OSK (CMO) waħda" li eventwalment tgħaqqad il-21 Organizzazzjoni tas-Suq Komuni f'qafas regolatorju waħdieni u konferenza dwar il-proċess ta' simplifikazzjoni li għandha ssir fil-Ħarifa ta' l-2006.

Għajnuna mill-Istat

16. Il-Kummissjoni rċeviet 261 notifika għall-abbozz ta' miżuri għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi agrikoli u agro-industrijali. Il-Kummissjoni bdiet ukoll l-evalwazzjoni ta' 25 miżura ta' għajnuna, li ma kinux ġew innotifikati qabel skond l-Art.88.3 tat-Trattat tal-KE.

L-assistenza lil dawk fil-bżonn

17. L-Unjoni Ewropea kompliet bl-implimentazzjoni tal-programm ta' għajnuna tagħha għal min hu fil-bżonn. Din l-azzjoni tikkonsisti fid-distribuzzjoni ta' prodotti agrikoli (ipproċessati jew mhumiex) mill-istokkijiet ta' l-intervent ta' l-Unjoni għal assoċjazzjonijiet li jaħdmu ma' nies fil-bżonn fl-Istati Membri.

Ir-Reġjuni Periferiċi – Riforma ta' l-arranġamenti tal-POSEI

18. Wara diskussjonijiet dettaljati li saru matul l-2005, fit-2 ta' Diċembru 2005 l-Istati Membri magħqudin figrupp ta' ħidma dwar ir-reġjuni periferiċi qablu unanimament li l-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Kunsill għar-riforma dwar l-arranġamenti tal-POSEI jridu jitressqu għall-adozzjoni bħala punt I/A mill-Coreper u l-Kunsill.

19. Ir-riforma ser tbiddel l-approċċ għat-twassil ta' l-għajnuna lir-reġjuni periferiċi billi se tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni fil-proċess ta' deċiżjoni u tiġi mgħaġġla r-risposta għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Ir-Regolament jipprovdi għall-preżentazzjoni tal-programmi mill-Istati Membri, li mbagħad għandu jiġi approvat mill-Kummissjoni u implimentat matul l-2006. Dawn il-programmi se jinkludu sezzjoni dwar l-arranġamenti speċifiċi ta' forniment għal dawk il-prodotti agrikoli li huma essenzjali għall-konsum tal-bniedem jew għall-produzzjoni agrikola jew prodotti oħra fir-reġjuni periferali u sezzjoni oħra dwar l-appoġġ għall-produzzjoni lokali.

20. Ir-Regolament ma jaffetwax is-sorsi ta' finanzjament jew l-intensità ta' l-appoġġ Komunitarju.

Miżuri ta’ informazzjoni li jikkonċernaw il-PAK

21. L-għan tal-politika ta' informazzjoni huwa biex jiġu spjegati l-kwistjonijiet marbuta mal-PAK, li jiġi promoss il-mudell Ewropew ta' l-agrikoltura, li il-bdiewa u l-interessi rurali oħra jinżammu nfurmati u li jiżdied l-għarfien tal-pubbliku ta' l-implikazzjonijiet u l-miri tal-PAK. Dan jista' jsir billi jiġu estiżi l-għotjiet lil numru ta' benefiċarji pubbliċi u NGOs għal seminars, konferenzi, pubblikazzjonijiet stampati u produzzjonijiet awdjoviżivi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat avvenimenti li jkopru firxa wiesa ta' temi, bħal konferenzi stampa, aġġornamenti għall-istampa, żjarat ta' informazzjoni, taħditiet, konferenzi ġewwa Brussell, missjonijiet sew ġewwa l-UE u anke 'l barra mit-territorju u parteċipazzjoni f'ċerti fieri internazzjonali u agrikoli.

22. Ġew ippublikati għadd ta' skedi informattivi speċifiċi, rapporti, fuljetti, bookmarks , posters, atti ta' konferenzi u bulettini dwar kwistjonijiet internazzjonali u rurali.

Aċċess għad-dokumenti

23. Fl-2005, l-interess muri miċ-ċittadini ta' l-UE biex jirċievu dokumenti interni mid-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali baqa' jiżdied, imma mhux sinifikament daqs l-2004. Meta mqabbel ma' l-2004, l-għadd ta' talbiet magħmulin miċ-ċittadini ta' l-UE b'applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni fis-settur ta' l-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali żdied b'+/- 25%. Dan ġab in-numru ta' talbiet f'dak is-settur fl-2005 għal +/- 185.

IS-SWIEQ AGRIKOLI

Ċerti prodotti ta' l-għelejjel

24. Il-produzzjoni taċ-ċereali dinjija (minbarra r-ross) fis-sena kummerċjali ta' l-2004/05 żdiedet fuq is-sena ta' qabel. Fl-2004/05 il-ħsad totali taċ-ċereali ta' l-UE-25 kien ta' 284 Miljun t, 54 Miljun t jew 23% ogħla mill-produzzjoni ta' l-2003/04. Fl-UE, l-erja żdiedet b'Miljun ha filwaqt il-produzzjoni taċ-ċereali żdiedet b'1 t/ha jew b'22%. Iċ-ċereali kollha fl-UE, minbarra l-ħafur, kellhom produzzjoni ogħla mill-2003/04, li varjai minn żieda ta' 11% għax-xgħir sa 42% għas-segala. Il-produzzjoni medja taċ-ċereali kienet produzzjoni rekord għall-EU-15 (6.02 t/ha) kif ukoll għall-Istati Membri l-ġodda (4.09 t/ha).

25. Skond iċ-ċifri tal-Kunsill Internazzjonali tal-Qmuħ, sa l-aħħar ta' Novembru 2005, il-ħsad dinji fl-2004/05 kien ta' 1 632miljun tunnellata kontra l-1 467miljun tunnellata għas-sena kummerċjali ta' qabel.

26. L-istokkijiet dinjija taċ-ċereali żdiedu. Skond l-istima ta' l-2004/05 kienu jammontaw għal 312-il miljun tunnellata (kontra l-264 miljun tunnellata fl-2003/04 u t-333 miljun tunnellata fl-2002/03), magħmulin minn 137 miljun tunnellata qamħ u, minħabba l-ħsad enormi ta' l-Istati Uniti, 167 miljun tunnellata qmuħ għall-għalf (137 is-sena l-oħra). Fl-1 ta' Novembru 2004 l-istokkijiet miżmuma mill-aġenziji ta' intervent fl-UE kienu ta' 5 miljun tunnellata: 3 miljun tunnellata segala, 0.9 miljun tunnellata xgħir, 1.0 miljun tunnellata qamħ u 0.2 miljun tunnellata qamħirrun.

27. Il-volum totali tal-kummerċ dinji taċ-ċereali fl-2004/05 kien ta' 211-il miljun tunnellata (106 miljun tunnellata ta' qamħ u 104 miljun tunnellata ta' qamħ mhux maħdum) kontra il-207 miljun tunnellata tas-sena ta' qabel.

28. Il-produzzjoni taċ-ċereali utiliżabbli fl-UE-25 għandha tlaħħaq il-282 miljun t. Skond l-indikaturi fl-2005/06 bir-ritorn tar-rata ta' art mwarrba ta' 10%, ser ikun hemm tnaqqis fir-raba' biċ-ċereali fl-UE-25 ta' 2.4% għal madwar 51 miljun ha.

29. Din l-erja kultivabbli, flimkien ma' stimi ta' tendenza fil-produzzjoni jwasslu għall-produzzjoni ta' ħsad ta' 263 Miljun t, 20 Miljun t anqas jew – 14% anqas meta mqabbel ma' l-2004/05. Il-produzzjoni medja hija stmata li hi ta' 5.15 t/ha, tnaqqis ta' 5% meta kkumparat mal-figura tas-sena l-oħra.

30. Il-produzzjoni tas-segala naqset minn 7.2 għal 5 miljun tunnellata, wara tnaqqis fl-erja miżrugħa l-aktar minħabba deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-iskema ta' intervent għas-segala.

31. Fl-2005 l-erja totali biż-żrieragħ li jipproduċu ż-żejt fl-EU-25 kienet pjuttost stabbli (+3% meta mqabbel ma' l-2004) bil-produzzjoni taż-żerriegħa tal-kolza tiżdied b'7% għal 4.7 miljun ha, il-produzzjoni taż-żerriegħa tal-ġirasol żdiedet bi ftit b'1% għal 2.23 miljun ha u s-sojja żdiedet b'2.5% għal 282 000 ha. L-erja totali biż-żrieragħ li jipproduċu ż-żejt hija attwalment stmata b'7 miljun ha, li jinkludu l-870 000 ha taħt l-iskema ta' twarrib mhux ta' l-ikel u 350 000 ha taħt l-iskema ta' uċuħ għall-enerġija. Wara il-produzzjoni fqira ta' l-2003, il-produzzjoni reġgħet żdiedet minħabba il-kundizzjonijiet eċċellenti tat-temp, fejn irriżultat produzzjoni totali ta' 20 miljun tunnellata fuq l-istess livell ta' l-2004/05. Parti kbira tat-2.6 miljun tunnellata taż-żejt taż-żrieragħ li jipproduċu ż-żejt stmata bħala mhux ikel kienet żejt tal-kolza. Il-ħsad ta' l-2005/06 għandu jkun magħmul minn 15.3 miljun tunnellata taż-żerriegħa tal-kolza, 3.8 miljun tunnellata ta' żrieragħ tal-ġirasol u 805 000 tunnellata tas-sojja.

32. L-importazzjoni globali taż-żrieragħ li jipproduċu ż-żejt niżlet minn 17-il miljun tunnellata fl-2002/03 għal 16-il miljun tunnellata fl-2004/05 u l-parti l-kbira kienet magħmula mis-sojja (95%).

33. Il-konsum Ewropew huwa kkaratteristikat minn użu dejjem jikber taż-żjut taż-żrieragħ li jipproduċu ż-żejt fis-settur mhux ta' l-ikel. Iż-żejt tal-kolza jikkostitwixxi eżempju sinifikattiv: 43% tal-kwantità totali taż-żejt tal-kolza aċċessibbli fis-suq Ewropew huwa użat fis-settur ta' l-ikel filwaqt li 57% jintuża għas-settur mhux ta' l-ikel, speċjalment għall-produzzjoni tal-bijodiżil. Iż-żieda kbira fid-domanda taż-żejt tal-kolza bħala enerġija li tiġġedded u l-prezzijiet għoljin li jirriżultaw x'aktarx se jikkontribwixxu għal xi ftit tnaqqis fil-konsum taż-żejt tal-kolza fis-settur ta' l-ikel.

34. Fl-2005/06 l-erja mwarrba obbligatorjament kienet ta' madwar 4 miljun ha, bir-rata ta' twarrib ta' art ta' 10%. Barra minn hekk, 3 miljun ha ma ġewx użati għall-produzzjoni minkejja li kienu eliġibbli għall-appoġġ ta' ħlas diżakkoppjat. Partikolarment, madwar 870 000 ha ta' art mwarrba obbligatorjament kienet użata għal żrieragħ li jipproduċu żejt mhux ta' ikel, l-aktar għall-produzzjoni tal-bijodijżil. Il-produzzjoni totali ta' għelejjel mhux ta' l-ikel ikkultivati f'uċuħ ta' raba' mwarrba ammontat għal 2.8 miljun tunnellata.

35. Taħt ir-riforma tal-PAK, qiegħda tingħata għajnuna ġdida ta' EUR 45/ettaru għal żoni miżrugħa b'għelejjel enerġetiċi. L-appoġġ huwa limitat għal żona massima garantita (MGA) ta' 1.5 miljun ha. Dan ir-reġim ġie applikat għal ewwel darba fl-2004 u f'dik is-sena żona ta' 330 000 ha ibbenefikat taħt dik l-iskema. Fl-2005 iż-żona laħqet madwar 570 000 ha, li tirrapreżenta 38% ta' l-MGA u madwar 65% tal-wiċċ tradizzjonalment taħt żrieragħ li jipproduċu żejt mhux ta' l-ikel ikkultivat f'uċuħ imwarrba. Fl-2006 hu mistenni żieda akbar fl-erja miżruha minn għelejjel enerġetiċi.

36. Sew fl-2004/05 u anke qabel fl-2003/04, il-produzzjoni globali taz-zokkor baqgħet sinifikament taħt il-produzzjoni żejda ta' l-2002/03. It-titjib fil-bilanċ globali taz-zokkor huwa indikat bit-tnaqqis fil-proporzjon ta' l-istokk/konsum li naqas għal 45.5%, l-aktar livell baxx li qatt laħaq mill-1997/98 meta laħaq l-40.94%.

37. Fl-2005 il-prezzijiet tjiebu sinifikament minħabba l-ekwilibriju milħuq bejn il-produzzjoni u l-konsum fuq livell globali, kif ukoll id-defiċit li hu mistenni fl-2005/06.

38. Fl-2004/05 l-esportazzjoni totali taz-zokkor żdiedet minn 0.8 miljun t għal 4.92 miljun t, li jinkludu t-2.44 miljun t taz-zokkor 'C' esportat mingħajr kumpens.

39. Fl-2005 is-suq taz-zokkor tal-Komunità kien ikkaratteristikat minn sitwazzjoni importanti ta' produzzjoni żejda li kellha ukoll effett ħażin ħafna fuq il-prezzijiet u l-bilanċ tas-suq. Għall-ewwel darba f'kważi għoxrin sena iz-zokkor ġie offrut fl-intervent. Fl-2005 il-kwantità totali offruta fl-intervent mill-operaturi u aċċettati mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kienet tgħodd 1 324 286 t.

40. Fis-sena kummerċjali ta' l-2005/06 il-produzzjoni taz-zokkor tal-Komunità hija stmata għal 19.6 miljun tunnellata, daqsxejn anqas mid-19.93 miljun tunnellata prodotti fl-2004. Kontra dak li ġara fl-2004/05, kien neċessarju li jitnaqqsu l-kwoti tal-Komunità sinifikament sabiex ikunu konformi ma' l-obbligi tal-WTO.

41. Il-miżura ta' intervent tax-xiri ( buying-in ), li kienet użata ftit li xejn fl-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor saret strument importanti fis-sena tas-suq fl-2004/05.

Ċerti prodotti tal-bhejjem

42. L-istimi inizjali jissuġġerixxu li l-produzzjoni tal-ħalib fid-dinja li laħqet is-618 miljun tunnellata fl-2004 se tiżdied b'3% fl-2005.

43. Il-merħliet tal-ħalib ta' l-UE mistennija jinżlu b'3.6% għal 22.7 miljun. Madankollu, il-produzzjoni mistennija tiżdied bi 3% għal 6 170 kg għal kull bhima kull sena. Il-produzzjoni tal-ħalib mistennija tibqa' stabbli b'142.6 miljun tunnellata. L-Istati Membri jaħsbu li l-kunsinni ta' ħalib jiżdiedu għal volum totali ta' 131.2 miljun tunnellata, l-aktar minħabba 6% żieda li ġejja mill-għaxar Stati Membri l-ġodda.

44. Fl-UE-25 il-produzzjoni tal-ħalib għax-xorb baqgħet relattivament stabbli b'33 miljun tunnellata. Il-produzzjoni tal-krema għall-konsum baqgħet stabbli b'2.6 miljun tunnellata, u l-produzzjoni tal- yoghurt uriet żieda ta' 5%.

45. Il-produzzjoni tal-butir mistennija tiżdied b'40 000 tunnellata għal 2.17 miljun tunnellata.

46. Lejn l-aħħar ta' l-2005 l-UE kellha 1.4 miljun raħħal fis-settur tal-ħalib, 90 000 anqas mill-2004. Kien hemm tnaqqis gradwali fin-numru tal-bdiewa fl-Istati Membri kollha, imma l-Polonja waħidha rreġistrat tnaqqis ta' 60 000. In-numru medju ta' baqar għal kull ażjenda żdied għal 39 (li jvarja mill-4 tal-Polonja għall-282 tal-Latvija. L-ammont ta' ħalib minn kull ażjenda huwa ta' 94 000 kg. Madankollu il-figura medja ta' l-UE-15 hija ta' 240 000 u ta' l-għaxar Stati Membri l-ġodda 19 000 biss. Hemm varjazzjoni kbira fil-kwantità medja kkunsinjata lil kull farm, li tvarja minn 6 500 tunnellata tal-Litwanja għal 1 367 600 tunnellata tar-Repubblika Ċeka.

47. Sa mill-1996 il-konsum totali tal-prodotti tal-ħalib, definit bħala l-użijiet kollha tal-ħalib disponibbli fl-Unjoni Ewropea, baqa' jiżdied b'0.3% kull sena.

48. Fl-2005, 5 000 tunnellata biss ta' l-SMP inxtraw bl-intervent. Lejn l-aħħar tas-sena anqas minn 10 000 tunnellata kienu għadhom fl-istokkijiet. Dan minħabba s-sitwazzjoni bbilanċjata bejn il-provvista u d-domanda għas-suq tal-proteina tal-ħalib fl-UE fl-2005. Għall-butir 36 000 tunnellata nxtraw bl-intervent. Lejn l-aħħar tas-sena l-istokkijiet kienu għadhom 125 000 tunnellata. Dan juri li s-suq ta' l-UE-25 għax-xaħam tal-ħalib huwa anqas ibbilanċjat.

49. Fl-1 ta' Lulju l-prezzijiet istituzzjonali tnaqqsu b'7% għall-butir u b'5% għat-trab tal-ħalib xkumat, għal EUR 282.44 u EUR 185.00/100 kg rispettivament.

50. Ir-riżultati proviżorji ta' l-istħarriġ ta' Mejju/Ġunju 2005 urew aktar tnaqqis ta' 1% tal-bhejjem bovini fl-UE meta mqabbla mas-sena ta' qabel. In-numru totali tal-merħliet tal-baqar fl-UE naqsu b'0.7%. Il-merħliet tal-ħalib naqsu b'1.5%, filwaqt li n-numru ta' baqar li jreddgħu żdied bi ftit (+0.8%).

51. Fl-2005 il-produzzjoni taċ-ċanga u l-vitella fl-UE-25 ġiet stmata għal 7.84 miljun tunnellata jew 2.5% anqas mil-livell ta' l-2004. Il-konsum totali taċ-ċanga u l-vitella fl-UE-25 fl-2005 ġie stmata għal 8.14 miljun tunnellata. Fl-2005 l-importazzjoni totali taċ-ċanga kienet tammonta għal 528 000 tunnellata. Mill-2003 ’l hawn, il-Komunità saret importatur nett taċ-ċanga. Bejn il-perjodu ta' Jannar u Ottubru 2005, l-importazzjoni totali qabżet l-esportazzjoni b'242 000 tunnellati. Meta ġie kkunsidrat il-kummerċ tal-laħam taċ-ċanga biss, l-importazzjoni netta kienet tammonta għal madwar 302 000 tunnellata.

52. Matul l-2005 is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tan-nagħaġ u l-mogħoż fl-UE kienet relattivament stabbli. Fir-raba' kwart tas-sena l-prezz medju tal-ħaruf ( light lamb) kien għoli ħafna (madwar 25% ogħla mis-sena ta' qabel),

53. L-esportazzjoni tal-Komunità baqgħet kważi ineżistenti. L-Unjoni Ewropea timporta kwantità li tikkorrispondi għal aktar minn 20% tal-bżonnijiet tagħha. L-importazzjoni lejn il-Komunità prinċipalment ssir taħt il-kwoti tar-rati tat-tariffi bl-eżenzjoni jew bir-rata mnaqqsa tad-dazji ta' l-importazzjoni. Skond l-istħarriġ li sar fuq il-bhejjem, il-popolazzjoni tan-nagħaġ u l-mogħoż fl-UE hija aktar minn 100 miljun.

54. Ibbażat fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 21/2004 li jistabilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini, l-identifikazzjoni individwali ta' l-annimali saret obbligatorja sa mid-9 ta' Lulju 2005.

55. Fl-2005, il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal fl-UE mistennija li tibqa' stabbli għal madwar 21 miljun tunnellata. Il-prezz medju se jibqa' madwar EUR 139/100kg. Il-konsum kull ras tal-laħam tal-majjal mistenni li jonqos xi ftit għal 42.9kg/ras.

56. Sa mill-1999, il-produzzjoni dinjija tal-laħam tat-tiġieġ żdiedet regolari u b'mod sostanzjali (+20%). Fl-2003 il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea naqset ħafna (-6.6%) minħabba l-influwenza tat-tjur fl-Olanda u l-Belġju, u t-tnaqqis tal-produzzjoni f'ħafna Stati Membri (Franza, l-Italja u l-Iżvezja). Fl-UE-25 il-produzzjoni reġgħet bdiet tirkupra fl-2004 (+1.4% imqabbel ma' l-1999). Fil-preżent is-sitwazzjoni tas-suq hija fraġli ħafna għaliex il-konsum tal-laħam tat-tiġieġ naqas matul l-aħħar erba' xhur ta' l-2005 minħabba rappurtar negattiv min-naħa tal-midja dwar l-Influwenza ta' l-Għasafar minkejja l-assenza ta' epidemija fi ħdan il-qatgħat tat-tiġieġ kummerċjali ta' l-UE.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMA TA' L-2003

57. Mill-1 ta' Jannar 2005 il-bdiewa kollha ta' l-UE li jirċievu ħlasijiet diretti iridu josservaw il-kundizzjonijiet tal-konformità reċiproka. L-għaxar Stati Membri bdew jimplimentaw is-Sistema Unika ta' Ħlas fl-2005. Ħames Stati Membri minn għaxra u żewġ reġjuni fir-Renju Unit għażlu l-mudell storiku li jqassam l-ammonti ta' riferenza skond biedja individwali biss fil-perjodu ta' riferenza, filwaqt li l-mudell reġjonali ta' lanqas jalloka parti mill-ammont ta' riferenza skond l-attività tal-biedja fl-2005.

ŻVILUPP RURALI

58. Fil-perjodu ta' bejn 2000-2006, l-ipprogrammar ta’ l-iżvilupp rurali se jikkonsisti f’dan li ġej: 68 Programm ta' Żvilupp Rurali - jew RDPs - (ikkofinanzjati mit-taqsima Garanzija ta’ l-EAGGF), 69 programm reġjonali tat-tip Għan 1 - programmi operattivi u dokumenti programmatiċi uniċi- b'miżuri ta' żvilupp rurali (ikkofinanzjati mit-taqsima Gwida ta’ l-EAGGF) u 20 programm għal reġjuni tat-tip Għan 2 b'miżuri ta' żvilupp rurali (ikkofinanzjati mit-taqsima Garanzija ta’ l-EAGFF).

59. Bit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004, ġie introdott reġim speċjali għall-iżvilupp rurali għall-Istati Membri l-ġodda ‘Strument Temporanju għall-Iżvilupp Rurali (TRDI)'. Fit-territorju ta' l-EU-10 hemm żewġ tipi ta' programmi: 10 RDPs ikkofinanzjati mit-TRDI u 9 programmi reġjonali tat-tip Għan 1, li jkopru l-biċċa l-kbira tat-territorju ta' l-Istati Membri l-ġodda, (ikkofinanzjati mit-taqsima Gwida ta’ l-EAGGF).

60. Fl-2005, in-nefqa Komunitarja għall-iżvilupp rurali ammontat għal EUR 8 501 8 miljun (it-taqsimiet tal-Garanzija u tal-Gwida magħqudin).

61. Mat-73 programm LEADER+ ġew approvati għall-perjodu 2000-2006. Fl-2005 il-ħlasijiet għal dawn il-programmi laħqu s-somma ta’ EUR 332 miljun mill-Gwida ta' l-EAGGF .

62. L-2005 kien ikkaratteriżat minn bidla importanti fil-politika ta' żvilupp rurali għal perjodu ta' l-pprogrammar li jmiss mill-2007 sa l-2013: Fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni (COM (2004) 490 finali) il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar ir-Regolament il-ġdid ta' Żvilupp Rurali f'Ġunju 2005 li wara ċerti adattamenti tekniċi, kien formalment approvat f'Settembru u ppubblikat bħala r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005. Il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament il-ġdid għall-iffinanzjar tal-PAK li bih inħoloq Fond waħdieni u ġdid (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali –EAFRD) (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005). Dawn iż-żewġ għodda jistabilixxu r-regoli bażiċi u l-mekkaniżmi għal programmazzjoni u għat-tmexxija finanzjarja għall-politika ta' żvilupp rurali fil-perjodu 2007-2013. Aktar minn hekk, il-politika l-ġdida se tieħu approċċ aktar strateġiku (permezz ta' Linji Gwida strateġiċi Komunitarji u ppjanar strateġiku fi ħdan l-Istati Membri) fejn għandha tkun iffukata fuq numru limitat ta' prijoritajiet ta' l-UE (assi għall-kompetittività fis-settur ta' l-agrikoltura/forestrija, ġestjoni ta' l-art/ambjent, diversifikazzjoni/kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, approċċ tal-Leader), fejn għandhom jiġu kkunsidrati l-aġendi ta' Liżbona u ta' Göteborg, filwaqt li għandhom jiġu konsiderevolment issimplifikati l-programmi, l-iffinanzjar, it-tmexxija finanzjarja u l-kontroll tal-programmi l-ġodda.

L-AMBJENT U L-FORESTI

63. Fil-bidu ta' l-2005tnieda studju ta' sentejn (2005-2006) bit-titlu "Studju dwarl-indikaturi ambjentali tal-Kundizzjonalità fil-kuntest tas-Sistema tal-Pariri fil-Farm (l-istudju taċ-CIFAS).

64. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta' azzjoni għall-Bijodiversità għall-agrikoltura, addottat mill-Kunsill f'Ġunju 2001 u mill-Parlament Ewropew f'Marzu 2002, kompla matul l-2005.

65. Is-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (6th EAP) jibqa' l-fattur ewlieni tal-politika ambjentali ta' l-UE sa l-2012. Barra milli jipprovdi l-bażi għall-inizjattivi ta' politika ambjentali, dan il-Programm ta' Azzjoni jerġa' jtenni l-obbligu skond it-Trattat biex jiġu integrati r-rekwiżiti għall-protezzjoni ta' l-ambjent fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet Komunitarji oħra.

Miżuri forestali oħrajn

66. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Forestali ta’ l-UE, COM(2005) 84 finali, ġiet addottata fl-10 ta' Marzu 2005. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proposti mressqa mill-Kummissjoni permezz tal-Komunikazzjoni ġew adottati mill-Kunsill ta' l-Agrikoltura u s-Sajd fit-30 ta' Mejju 2005. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' l-Istati Membri komplew permezz tal-Kumitat Permanenti tal-Forestrija.

IL-FINANZJAMENT TAL-PAK FL-2005

67. In-nefqa tal-PAK hija mħallsa skond il-Perspettivi Finanzjarji kif ġew deċiżi waqt is-Samit ta' Berlin fl-1999 u aġġustati waqt is-Samit ta' Kopenħagen lejn l-aħħar ta' l-2002 u trid tqis l-effetti finanzjarji tat-tkabbir ta' l-Unjoni biex jiġu inklużi l-għaxar pajjiżi ġodda. Għalhekk, livelli ġodda japplikaw għall-EU-25 mis-sena tal-baġit 2005.

IT-TKABBIR

68. It-Trattat ta' Adeżjoni mal-Bulgarija u r-Romanija ġie ffirmat fil-25 ta' April 2005. Skond it-termini speċifiċi tiegħu l-Bulgarija u r-Romanija se jingħaqdu ma' l-UE fl-1 ta' Jannar 2007.

RELAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI

69. Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO seħħet f'Diċembru 2005 ġewwa Hong Kong. Il-modalitajiet kollha ma ntlaħqux, iżda l-laqgħa ppermettiet li jiġi kkonfermat il-progress magħmul sa mill-Ftehim ta' Qafas ta' l-2004. Kien maqbul li l-modalitajiet kollha fl-agrikoltura jridu jintlaħqu sa l-aħħar ta' April 2006 u dwar il-kwistjonijiet l-oħra taħt negozjati (NAMA, Servizzi, kummerċ aktar aċċessibli u regoli, inklużi GIs) sa l-aħħar ta' Lulju 2006.

70. Dwar il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni, il-KE qablet waqt il-Laqgħa Ministerjali ta' Hong Kong li telimina s-sussidji ta' l-esportazzjoni sa l-aħħar ta' l-2013 sakemm il-Membri l-oħra tal-WTO jiżguraw l-eliminazzjoni parallela ta' kull forma ta' sussidju għall-esportazzjoni permezz ta' strumenti oħra għall-kompetizzjoni fl-esportazzjoni bħall- Intrapriżi tal-Kummerċ Statali, il-krediti għall-esportazzjoni appoġġjati uffiċjalment u prattiċi ta' għajnuna alimentari mhux ġenwini.

71. Id-diskussjonijiet kummerċjali fuq livelli bilaterali u reġjonali saru taħt il-Ftehimiet ta' Sbuħija Ekonomika mifruxin fuq 6 reġjuni, l-Afrika t'Isfel, iż-ŻEE u bilateralment mal-Ġappun, il-Korea t'Isfel u t-Tajlandja.

72. Fl-14 ta' Novembru 2005, il-Kunsill adotta mandat ambizzjuż biex jinbdew negozjati bilaterali mas-sħab Mediterranji għal-liberalizazzjoni tal-kummerċ. Dan il-mandat ġie bbażat fuq rakkomandazzjoni addottata mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin Ewro-Mediterranji waqt il-laqgħa tagħhom ġewwa il-Lussemburgu f'Mejju 2005. In-negozjati se jibdew fil-bidu ta' l-2006.

73. Wara madwar 20 sena ta' negozjati, l-ewwel fażi ta' ftehim dwar il-kummerċ fl-inbid intlaħaq bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan il-ftehim jipprovdi għat-tkomplija ta' l-awtorizzazzjonijiet speċjali u eżistenti tal-Komunità mgħotija lill-Istati Uniti dwar il-prattiċi tal-proċess ta' l-inbid, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni u għall-eżenzjoni ta' l-inbid kollu tal-Komunità mir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni ta' l-Istati Uniti.

Top