EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0127

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza' {SEG(2007) 360}

/* KUMM/2007/0127 finali */

52007DC0127




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.3.2007

KUMM(2007) 127 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza'

{SEG(2007) 360}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza'

1. INTRODUZZJONI

Fit-3 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat Green Paper[1] sabiex tagħti spinta 'l quddiem lill-"Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza"[2] (ETI).

L-għan tal-Green Paper kien li tniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa' dwar il-komponenti ewlenin ta' l-ETI li ġejjin:

- Il-ħtieġa għal qafas iktar strutturat għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati ( lobbyists );

- Rispons dwar l-istandards minimi tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni[3] ("standards ta' konsultazzjoni")

- L-iżvelar mandatorju ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi mill-UE taħt il-ġestjoni maqsuma.

Minn Mejju sa Awissu 2006, il-Kummissjoni kkonsultat b'mod wiesa' u komprensiv, partikolarment permezz ta' konsultazzjoni miftuħa bbażata fuq l-internet. Barra minn hekk, ir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni organizzaw laqgħat ta' konsultazzjoni f'għadd ta' Stati Membri. F'Ġunju 2006, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC) organizza smigħ ma' iktar minn 60 grupp ta' interess Ewropej u ma' partijiet interessati oħrajn, li pprovda opportunità utli oħra għal skambju ta' fehmiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni[4].

Bħala rispons għall-konsultazzjoni permezz ta' l-internet, il-Kummissjoni rċeviet kontributi minn iktar minn 160 parti interessata. Dawn kienu jinkludu sottomissjonijiet minn xi Stati Membri ta' l-UE, minn gruppi interessati mis-settur privat, mill-komunità ta' l-NGOs u minn għadd ta' ċittadini individawali. Fil-proċess ta' konsultazzjoni ipparteċipaw mhux biss organizzazzjonijiet Ewropej, iżda wkoll organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali. B'konformità ma' l-istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-kontributi kollha ntwerew fuq il-websajt ta' konsultazzjoni ta' l-ETI[5].

F'termini ta' reazzjoni minn entitajiet konsultattivi ta' l-UE, kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[6] kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni[7] ressqu opinjoni dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni.

Il-Green Paper tal-Kummissjoni ġġenerat interess pubbliku wiesa'. Kull xahar kienu rreġistrati għadd ta' eluf ta' żjajjar fil-websajt ta' konsultazzjoni ta' l-ETI. Permezz ta' din il-Komunikazzjoni, issa l-Kummissjoni tixtieq tagħti rispons dwar l-argumenti mressqa fil-proċess ta' konsultazzjoni u tiddeċiedi dwar il-miżuri ta' segwitu għall-Green Paper.

2. RISPONS U SEGWITU

2.1. Rappreżentazzjoni ta' l-interessi( Lobbying )

2.1.1. Il-metodu, it-terminoloġija u l-iskop ġenerali

L-opportunità għad-diskussjoni tal-kwistjoni ta' rappreżentazzjoni ta' l-interessi fuq livell Ewropew kienet milqugħa b'mod ġenerali, għalkemm bosta parteċipanti fil-proċess ta' konsultazzjoni kkritikaw l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-terminu 'lobbying' sabiex jiddeskrivi dan il-fenomenu. Għalhekk, għal darba oħra għandu jiġi enfasizzat li d-definizzjoni tal-Kummissjoni tat-terminu " lobbying " ma kinitx tinkludi ġudizzju negattiv. Lobbying kienet tirreferi għal "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej". Il-Kummissjoni espliċitament enfasizzat l-irwol leġittimu u utli ta' attivitajiet ta' lobbying f'sistema demokratika. Madankollu, ir-reġistru l-ġdid tal-Kummissjoni (ara iktar 'l isfel) ser jiġi intitolat 'Reġistru tar-Rappreżentazzjoni ta' l-Interessi'.

Konsultazzjonijiet għal affarijiet pubbliċi, unitajiet ta' lobby tal-kumpaniji ("rappreżentanti interni"), NGOs, think tanks , assoċjazzjonijiet tan-negozju u uffiċċji legali ser jiġu inkoraġġuti jissieħbu mar-reġistru u jingħataw l-opportunità sabiex jindikaw taħt liema kategorija jaqgħu.

2.1.2. Il-Proposti fil-Green Paper

Fil-Green Paper tagħha ta' l-ETI, il-Kummissjoni ssuġġeriet qafas ġdid għal attivitajiet ta' lobbying li jkun ibbażat fuq:

- Sistema volontarja ta' reġistrazzjoni b'inċentivi għar-reġistrazzjoni ta' lobbyists . L-inċentivi jinkludu twissijiet awtomatiċi għal konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interess għall-partijiet interessati.

- Kodoċi ta' kondotta komuni għall- lobbyists kollha, jew għallinqas ħtiġiet minimi komuni.

- Sistema ta' monitoraġġ, u sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ reġistrazzjoni żbaljata u/jew ksur tal-kodiċi tal-kondotta.

2.1.3. Reġistru tar-Rappreżentazzjoni ta' l-Interessi

Ħafna kontributi appoġġjaw il-ħolqien ta' reġistru volontarju. Madankollu, numru konsiderevoli minn dawk ikkonsultati, partikolarment l-NGOs, kienu favur metodu obbligatorju bħala l-uniku mezz li bih tista' tiġi żgurata t-trasparenza.

Għall-Kummissjoni, it-trasparenza sħiħa tfisser li, l-ewwel u qabel kollox, l-ambjent tar-rappreżentanti interessati Ewropej jiġi kopert bl-iktar mod komprensiv possibbli. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet metodu volontarju bbażat fuq inċentivi. Il- lobbyists li jirreġistraw ċerta informazzjoni dwarhom infushom jingħataw opportunità sabiex jindikaw l-interessi speċifiċi tagħhom u, bħala kumpens, jiġu mgħarrfa b'konsultazzjonijiet f'dawk l-oqsma speċifiċi.

Ġie argumentat li dan ma jinċentivax biżżejjed ir-reġistrazzjoni volontarja. Fil-kuntest tal-proċess ta' konsultazzjoni jidher li l-funzjoni ta' twissija awtomatika probabbilment ma tipprovdix inċentiv suffiċjenti għar-reġistrazzjoni, partikolarment għal gruppi interessati fi Brussell, li jsegwu l-attivitajiet tal-Kummissjoni kuljum.

Għalhekk għandu jinżied inċentiv addizzjonali mas-sistema, li fl-istess ħin isaħħaħ kemm l-applikazzjoni kif ukoll l-infurzar tal-politika eżistenti tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni (ara wkoll il-kapitolu 2.2.). L- istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni jitolbu li l-partijiet interessati li jixtiequ jressqu kummenti fil-kuntest ta' konsultazzjonijiet permezz ta' l-internet għandhom ikunu lesti li jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni dwar l-għanijiet u l-istruttura tagħhom. Il-politika mistqarra tal-Kummissjoni tgħid li "jekk l-informazzjoni ma tingħatax, is-sottomissjonijiet jiġu kkunsidrati bħala kontributi individwali" [8].

B'hekk il-Kummissjoni bi ħsiebha tlaqqa' r-reġistru volontarju ma' mudell standard ġdid għall-konsultazzjonijiet permezz ta' l-internet. Jekk xi organizzazzjonijiet iressqu l-kontributi tagħhom fil-kuntest ta' din ix-xorta ta' konsultazzjoni dawn jiġu sistematikament mistiedna jużaw ir-reġistru sabiex jiddikkjaraw lil min jirrapreżentaw, x'inhi l-missjoni tagħhom u kif jiġu ffinanzjati.

Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni dwar l-organizzazzjoniet li jipparteċipaw f'konsultazzjoni, din tkun prekondizzjoni ċara għal kwalunkwe valutazzjoni sinifikanti tar-rilevanza u l-utilità tal-kontributi li jressqu.

Is-sistema l-ġdida mhux biss ser iżżid it-trasparenza b'mod ġenerali iżda ser tikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta' l-għanijiet tal-Kummissjoni għal "regolamentazzjoni aħjar". Konsultazzjonijiet miftuħa u inklussivi mal-partijiet interessati huma strumenti essenzjali għat-twettiq tal-valutazzjoni ta' l-impatt u għat-tisħiħ tal-metodu ta' tfassil tal-politika bbażat fuq l-għarfien.

Fir-rigward ta' l-iżvelar finanzjarju meħtieġ għall-inklużjoni fir-reġistru, il-Kummissjoni tqis li huwa kemm meħtieġ kif ukoll proporzjonat li titlob lir-reġistranti sabiex jiddikkjaraw il-figuri baġitarji rilevanti u analiżi dwar il-klijenti ewlenin u/jew is-sorsi ta' finanzjament. L-għan ewlieni ta' l-iżvelar kif rappreżentanti interessati huma ffinanzjati huwa sabiex jiġi żgurat li min jieħu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali jistgħu jevalwaw is-saħħa ta' l-iktar argumenti importanti favur l-attivita' ta' lobbying .

B'konformità mal-metodu awtoregolatorju, ir-reġistranti għandhom ikunu responsabbli mill-kalkolu u l-iżvelar preċiż u oġġettiv dwar kif huma ffinanzjati. Skond dan, fil-valutazzjoni dwar jekk l-informazzjoni mogħtija tkunx biżżejjed sabiex tiġi inkluża fir-reġistru, il-Kummissjoni ser tapplika l-kriterji minimi li ġejjin:

- Fir-rigward tal-konsulenzi professjonali u l-uffiċcji legali involuti fil- lobbying ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, għandhom jiġu ddikjarati l-qligħ marbut mal- lobbying ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet relattivi li jagħtu l-klijenti għal dan il-qligħ.

- Għall- lobbyists "interni" u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju attivi fil- lobbying , għandha ssir stima tan-nefqa assoċjata mal- lobbying dirett ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE.

- Għall-NGOs u t- think tanks , għandhom jiġu ddikjarati kemm il-baġit ġenerali kif ukoll l-analiżi skond is-sorsi ewlenin tal-finanzjament (l-ammonti u s-sorsi tal- fondi pubbliċi, donazzjonijiet, miżati għas-sħubija eċċ.)

Ir-Regolament 1367/2006 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fuq l-Istituzzjonijiet Komunitarji jistipula li l-NGOs (li jirrispettaw numru ta' ħtiġiet speċifiċi) ser jkunu intitolati sabiex jitolbu reviżjoni interna ta' ċerti atti amministrattivi taħt il-liġi ambjentali. Għalhekk, bħala inċentiv ulterjuri għar-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni ser teżamina sa liema limitu r-reġistru ġejjieni jista' jservi ta' strument għall-identifikazzjoni ta' NGOs intitolati li jniedu din il-proċedura (eż. fis-sura ta' rikonoxximent avvanzat).

2.1.4. Kodiċi ta’ kondotta

Il-Green Paper stqarret li l-appplikanti għar-reġistru "għandhom jissottoskrivu ma' kodiċi ta' kondotta , li jiġi infurzat b'mod kredibbli u trasparenti."

Il-kwistjonijiet dwar kif għandu jitħejja dan il-kodiċi ta' kondotta u kif ser jiġi segwit eżattament fil-prattika ma ġewx indirizzati fid-dettall. Saret diskussjoni dwar jekk l-aħjar għażla tistax tkun dik ta' kodiċi volontarju komuni, żviluppat u segwit mil- lobbyists infushom (u li jinkludi l-impożizzjoni ta' penali). Madankollu, ir-rispons għall-Green Paper jissuġġerixxi li f'dan l-eżerċizzju huwa verament diffiċli li jintlaħaq qbil bejn il-partijiet varji tal-komunità tal- lobbying , speċjalment fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn is-settur privat u l-NGOs.

Jidher ċar li l-Kummissjoni ser tibqa' dejjem responsabbli mir-relazzjonijiet tajbin mar-rappreżentanti ta' interessi esterni. Għalhekk, ikun diffiċli li wieħed jipprevedi li l-Kummissjoni tagħti r-responsabbiltà għad-definizzjoni u l-monitoraġġ ta' kodiċi lil entitajiet esterni. L-awtoregolamentazzjoni tal- lobbyists mhix meqjusa bħala għażla vijabbli. Minflok, il-Kummissjoni għandha tirrevedi u taġġorna l-ħtiġiet minimi eżistenti li adottat fl-1992. Il-kontenut ta' dan il-kodiċi mġedded ser jiġi diskuss mal-partijiet interessati. Is-sottoskrizzjoni ma' dan il-kodiċi għandha ssir rekwiiżit għal- lobbyists li jixtiequ jiġu inklużi fir-reġistru l-ġdid, b'konformità ma' l-eżempju stabbilit mill-Parlament Ewropew.

M'hemmx bżonn jingħad li l-informazzjoni fattwali mogħtija mill-partijiet interessati sabiex jiġu rreġistrati għandha tkun dejjem preċiża. Ir-reġistranti li jinqabdu jibagħtu informazzjoni impreċiża ser jiġu mistiedna, possibbilment b'mod pubbliku, sabiex jirranġawha. Bħala l-aħħar miżura, il-Kummissjoni tista' teskludi li tirreġistra lobbyists li jagħtu informazzjoni impreċiża mir-reġistru. Proċedura simili ser tapplika għal ksur allegat tal-Kodiċi ta' Kondotta.

2.1.5. Il-kooperazzjoni insteristituzzjonali possibbli

Ħafna minn dawk li pparteċipaw fil-konsultazzjoni dwar il-Green Paper ta' l-ETI argumentaw favur metodu ta' lobbying interistituzzjonali. Huma talbu sabiex ir-reġistru u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-ġejjieni jkunu komuni għall-Kummissjoni u, għallinqas, għall-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ ma' din l-idea u temmen li r-reġistrazzjoni permezz ta' " one stop shop " ser tkun ta' inċentiv ikbar sabiex il-partijiet interessati jirreġistraw. Għalhekk il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jeżaminaw il-possibbiltà ta' kooperazzjoni eqreb f'dan il-qasam.

2.1.6. Iż-żmien u l-eżaminar

Il-Kummissjoni tikkonsidra li l-miżuri l-ġodda deskritti f'din il-Komunikazzjoni ser ikunu qafas ibbilanċjat u proporzjonat għal iktar trasparenza fil- lobbying . Il-Kummissjoni ser tniedi d-diskussjonijet mal-partijiet interessati dwar Kodiċi ta' Kondotta komuni qabel is-sajf ta' l-2007, u ser tiftaħ ir-Reġistru għal Rappreżentanti Interessati fir-rebbiegħa ta' l-2008. Wara t-tnedija tar-Reġistru, is-servizzi tal-Kummissjoni ser jiġu ggwidati dwar kif jippromwovu r-reġistrazzjoni b'mod attiv u kif jittrattaw rappreżentanti interesssati li ma jkunux irreġistrati. Fir-rebbiegħa ta' l-2009, il-Kummissjoni ser teżamina jekk is-sistema l-ġdida tkunx wasslet għar-riżultati mixtieqa, bl-inklużjoni ta' l-ilħuq tal-gruppi mmirati għar-reġistrazzjoni. Jekk le, għandha tingħata kunsiderazzjoni għal miżuri iktar stretti, fis-sura ta' reġistrazzjoni u rrappurtar obbligatorji.

2.2. Standards ta' Konsultazzjoni

Daħlu iktar minn 100 kontribut[9] dwar il-kapitolu ta' l-"istandards minimi" tal-Green Paper, l-iktar minn diversi gruppi interessati tan-negozju u NGOs.

Dawk li pparteċipaw fil-konsultazzjoni ġeneralment laqgħu l-istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni u l-isforzi li saru mill-Kummissjoni għat-titjib tal-proċessi konsultattivi tagħha. Fl-istess ħin, il-parteċipanti ġibdu l-attenzjoni lejn ċerti oqsma batuti fl-applikazzjoni ta' l-istandards ta' konsultazzjoni. Partikolarment, hemm nuqqasijiet fl-għoti ta' rispons ġenerali li jispjega kif u sa liema limitu dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni, kif ukoll il-limitu ta' żmien minimu ta' 8 ġimgħat għal konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa (pereżempju, fejn il-perjodu kien jinkludi perjodu ta' vaganza maġġuri). Inħass li l-konsultazzjonijiet immirati bejn is-setturi rilevanti mhux dejjem kienu bbilanċjati biżżejjed.

Filwaqt li mhux intiż li ssir eżami tal-kontenut ta' l-istandards ta' konsultazzjoni f'dan l-istadju[10], huwa meħtieġ tisħiħ ta' l-applikazzjoni tagħhom sabiex jittejjeb il-livell ġenerali tal-kwalità tal-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni. Din l-applikazzjoni msaħħa ser tiffoka partikolarment fuq l-għoti aħjar ta' rispons, metodu iktar ikkoordinat għall-konsultazzjoni u l-ħtieġa ta' l-iżgurar tal-pluralità ta' l-ideat u ta' l-interessi mfissra fil-konsultazzjonijiet. Dan il-metodu għandu jtejjeb il-kwalità tal-valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni, u b'hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Kummissjoni dwar "regolamentazzjoni aħjar".

Għalhekk il-Kummissjoni ser tenfasizza iktar miżuri bħal:

- Taħriġ u azzjoni biex jitqajjem għarfien xieraq fost il-persunal;

- L-iskambju ta' informazzjoni u prattiċi tajbin dwar il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati bejn id-Direttorati Ġenerali;

- Ir-reviżjoni tal-linji prattiċi ta' gwida għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati;

- Il-ħolqien ta' mudell ta' standard ta' konsultazzjoni ġdid għat-titjib tal-konsistenza ta' konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa.

Ladarba dawn il-miżuri ġodda jiddaħħlu fis-seħħ u jiġu ttestjati, il-Kummissjoni bi ħsiebha tressaq il-politika ta' konsultazzjoni tagħha għal evalwazzjoni esterna.

2.3. Pubblikazzjoni ta' l-identità tal-Benefiċjarji tal-Fondi ta' l-UE

2.3.1. Il-proċess leġiżlattiv

Il-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar it-Trasparenza wasslet għal kopertura medjatika intensa dwar il-kwistjoni tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar benefiċjarji ta' fondi għal ġestjoni maqsuma. Dan ippermetta lill-Kummissjoni sabiex tibda diskussjonijiet kostruttivi ma' l-Istati Membri, mal-Parlament, ma' rappreżentanti interessati u organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili, li wasslu għal kunsens dwar ix-xewqa tal-pubblikazzjoni tad- data rilevanti. Il-Kummissjoni kienet inkoraġġita meta rat li bosta Stati Membri ma baqgħux jopponu b'mod espliċitu u qablu dwar kooperazzjoni mal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni u dan wassal għall-adozzjoni mgħaġġla tal-ħtiġiet bażiċi għall-introduzzjoni tal-problema, jiġifieri l-inklużjoni tal-ħtieġa fir-Regolament Finanzjarju, li kien għaddej minn reviżjoni ta' kull tliet snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2003.

Deskrizzjoni ta' l-emendi għall-atti legali varji kkonċernati hija pprovduta fl-anness.

2.3.2. L-implimentazzjoni prattika

L-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni rilevanti hija l-ewwel pass f'dik li neċessarjament se tkun ħidma kumplessa, li tkun teħtieġ kooperazzjoni sinifikanti ma' firxa wiesgħa ta' entitajiet ta' implimentazzjoni madwar l-UE kif ukoll metodu maqsum fi stadji.

Ċerti kummenti magħmula fil-kuntest tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Green Paper jippuntaw lejn ix-xewqa ta' database sempliċi, ċentralizzata, ġestita mill-Kummissjoni, li tkun tinkludi l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-benefiċjarji.

Madankollu, ir-realtà hi li d- data dwar il-benefiċjarji tinġabar minn entitajiet ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri li jiġu ddelegati bil-ġestjoni. Fil-qasam ta' l-għajnuna diretta u miżuri tas-suq tal-KAP, id- data tinbagħat lill-Kummissjoni taħt ir-responsabbiltà ta' dawn l-entitajiet u l-Kummissjoni m'għandha l-ebda mezz kif tista' tivverifika l-affidabilità ta' kull biċċa informazzjoni ta' data li tirċievi. Madankollu, il-Kummissjoni adottat proposta li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jippubblikaw din id- data li tinkludi n-nefqa għall-iżvilupp rurali. Fil-qasam tal-fondi strutturali, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni, b'mod ċar jitfa' r-responsabbilità tal-ġbir u l-pubblikazzjoni tad- data dwar il-benefiċjarji fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni anqas biss tirċievi s-settijiet tad- data rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tagħmel sforzi determinati sabiex tikseb "Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni" pożittiva mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, kif mitlub mill-Artikolu 248 KE. Dan jitlob sforzi determinati mill-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tal-ġestjoni diretta, iżda l-Istati Membri ser ikollhom rwol kruċjali sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet innutati mill-Qorti fil-qasam tal-ġestjoni maqsuma. Għalhekk il-Kummissjoni trid tenfasizza l-importanza tar-reponsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri taħt ġestjoni maqsuma.

B'hekk, sabiex jinkiseb l-għan tal-pubblikazzjoni tad- data sa l-2008, il-proċedura li ġejja, b'kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Ħarsien tad- Data , tidher li hi l-iktar proċedura xierqa.

L-Ewwel Pass: Il-pubblikazzjoni tad-data fis-sura attwali tagħha

B'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju Emendat u l-leġiżlazzjoni applikabbli speċifika għas-settur, dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan ser jippermettu l-aċċess pubbliku għad- data , permezz ta' websajts u mezzi oħrajn li jqisu xierqa, għall-programmi kollha b'ġestjoni maqsuma.

Il-Kummissjoni ser tospita portal ċentrali tal-web marbut mal-websajts rilevanti Dan is-sit ser ikollu link għall-websajt dwar il-fondi ta' UE taħt ġestjoni diretta mniedi mill-Kummissjoni fl-2006. Dan għandu jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn programmi ta' ġestjoni diretta u dawk b'ġestjoni maqsuma.

It-tieni pass: Jiġu żgurati l-kumparabilità u l-'konsultabilità' tad-data

Il-Kummissjoni tagħraf bis-sħiħ il-ħtieġa ta' data li tkun kumparabbli u li tkun tista' tiġi kkonsultata b'mod sempliċi, u bħala pass sussegwenti, fil-Ħarifa ta' l-2007 ser tipproponi standard komuni għall-pubblikazzjoni ta' data dwar ġestjoni maqsuma, sabiex tiżgura li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jwettqu analiżi konsistenti madwar l-UE, Dan l-istandard komuni ser jikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-oqsma varji ta' politika taħt ġestjoni maqsuma.

3. KONKLUŻJONIJIET

Bħala segwitu għall-Green Paper tagħha dwar l-"Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza", il-Kummissjoni ser:

- Toħloq u tniedi fir-rebbiegħa ta' l-2008 reġistru volontarju ġdid għal- lobbyists b'funzjoni ta' "twissija" (id- database eżistenti CONECCS mhux ser tibqa' tintuża);

- Iżżid it-trasparenza permezz ta' applikazzjoni msaħħa ta' l-istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni bbażata, partikolarment, fuq websajt standard għall-konsultazzjonijiet permezz ta' l-internet, u li tinkludi skrutinju tal-parteċipanti. Dan l-istrument ser ikollu link mar-reġistru;

- Tabbozza Kodiċi ta' Kondotta li għandu jiġi diskuss mal-partijiet interessati fl-2007. Il-Kodiċi ser ikun meħtieġ għad-dħul fir-reġistru u ser jiġi segwit mill-Kummissjoni.

- Issaħħaħ l-applikazzjoni ta' l-istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni permezz ta' serje ta' miżuri prattiċi interni (ara taħt it-2.2.).

- Tissokta u timplimenta l-politika tagħha dwar il-pubblikazzjoni ta' l-identità tal-benefiċjarji tal-fondi ta' l-UE.

ANNESS

Benefiċjarji tal-Fondi ta' l-UE – Emenda ta' l-Atti Legali

1. Emenda tar-Regolament Finanzjarju

Ir-Regolament 1995/2006, li jemenda r-Regolament Finanzjarju Nru 1605/2002, fl-introduzzjoni tiegħu jistqarr:

"Billi:(6) Sabiex tkun żgurata t-trasparenza ta’ l-użu tal-fondi li ġejjin mill-baġit, huwa meħtieġ li informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ dawn il-fondi ssir disponibbli f’ċerti limiti meħtieġa biex jipproteġu l-interessi pubbliċi u privati leġittimi u b'kunsiderazzjoni lejn il-perjodu ta’ kontabilità partikolari għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija."

Il-paragrafu ġdid numru 3 miżjud fl-Artikolu 30 jitlob il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar benefiċjarji skond it-tipi kollha ta' modi ta' ġestjoni ta' programmi:

"Il-Kummissjoni għandha tipprovdi ... informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta' fondi pprovduti mill-entitajiet li lilhom il-ħidma ta' implimentazzjoni tal-baġit hija ddelegata skond modi oħrajn ta' ġestjoni.

Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli b’osservanza tal-ħtiġiet ta’ kunfidenzjalità, partikolarment il-protezzjoni tad-data personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali u l-moviment ħieles ta’ tali data u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 t a’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi rigward l-ipproċessar ta’ data mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta’ tali data, u tal-ħtiġiet tas-sigurtà, filwaqt li jitqiesu l-partikularitajiet ta’ kull mod ta’ ġestjoni kif imsemmi fl-Artikolu 53 u fejn applikabbli f’konformità mar-regoli rilevanti speċifiċi għas-settur."

L-Artikolu 53b l-ġdid jispeċifika l-frekwenza tal-pubblikazzjoni u l-fatt li l-arranġamenti prattiċi għandhom jiġu stabbiliti fir-regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur.

"Artikolu 53b

1. Fejn il-Kummissjoni timplimenta l-baġit permezz ta' ġestjoni maqsuma, il-ħidmiet ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ddelegati lill-Istati Membri. Dak il-metodu għandu japplika partikolarment għall-azzjonijiet imsemmija fl-Ewwel u t-Tieni Titoli tat-Tieni Parti.

2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet kumplementari inklużi fir-regolamenti rilevanti speċifiċi skond is-settur, u sabiex fil-ġestjoni maqsuma jiġi żgurat li l-fondi jintużaw skond ir-regoli u l-prinċipji applikabbli, l-Istati Membri għandhom (…)

(d) jiżguraw, permezz ta’ regolamenti rilevanti speċifiċi għas-settur u f’konformità ma’ l-Artikolu 30(3), il-pubblikazzjoni annwali ex post xierqa tal-benefiċjarji tal-fondi li ġejjin mill-baġit."

Skond it-termini ta' dispożizzjoni tranżitorja speċifika l-benefiċjarji ta' l-għajnuna mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (EAGF) ser jiġu żvelati sa minn ħlasijiet mill-baġit 2008.

"Artikolu 181

4. L-Artikolu 30(3) għandu japplika għall-ewwel darba fuq il-fond imsemmi fl-Artikolu 148(1) fir-rigward tal-ħlasijiet mill-baġit ta' l-2008."

2. Leġislazzjoni settorjali

2.1. Fond Ewropew għas-Sajd (EFF)

Ir-Regolament tal-Kunsill ta' l-EFF (KE) Nru 1198/2006 ġie adottat fis-27 ta’ Lulju 2006. L-obbligu ta' l-awtorità ta' ġestjoni sabiex torganizza l-pubblikazzjoni ta' lista ta' benefiċjarji, l-ismijiet tal-ħidmiet u l-ammont ta' fondi pubbliċi allokati għall-ħidma huma msemmija b'mod ċar fl-abbozz tar-regolament li jimplimenta (l-Artikolu 31), li hu mistenni li jiġi adottat mill-Kummissjoni sa l-aħħar ta' Marzu 2007. Madankollu, diġà ntlaħaq ftehim politiku mill-Istati Membri fil-Kumitat EFF.

2.2. Fondi Strutturali – ERDF, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew ta’ l-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta' Diċembru 2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill għat-tliet fondi, jispeċifika fl-Artikolu 7.2.d tiegħu li l-awtorità ta' ġestjoni għandha tkun responsabbli mill-organizzazzjoni ta'... "il-pubblikazzjoni elettronika jew f'sura oħra, tal-lista ta' benefiċjarji, l-ismijiet tal-ħidmiet u l-ammont ta' fondi pubbliċi allokati għall-ħidmiet. Il-parteċipanti f'ħidma ta' l-ESF m'għandhomx jissemmew. "

2.3. Politika Agrikola Komuni (għajnuna diretta u miżuri tas-suq; żvilupp rurali)

Proposta biex ikun emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, li jistabbilixxi regoli għall-finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew, kemm f'termini ta' ħlasijiet diretti, miżuri tas-suq u ta' l-iżvilupp rurali, għadha kif ġiet adottata mill-Kummissjoni sabiex tiġi inkluża dispożizzjoni li tobbliga l-pubblikazzjoni ta' l-ismijiet tal-benefiċjarji. Ladarba approvat mill-Kunsill, ir-Regolament ser jeħtieġ li jiġi ssupplimentat mir-regoli relevanti ta' implimentazzjoni.

DIKJARAZZJONI TA' L-IMPATT TAL-BAĠIT(ara l-Artikolu 16 tar-Regoli Interni)

QASAM TA’ POLITIKA: KOORDINAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KUMMISSJONI U PARIRI LEGALI ATTIVITÀ: RELAZZJONIJIET MAS-SOċJETÀ ċIVILI, TRASPARENZA U INFORMAZZJONI |

Programm ta’ ħidma għall: 2007-2008 |

1. INTESTATURI KKONĊERNATI TAL-BAĠIT U TITOLU

- 25.02.04.02 Pubblikazzjonijiet ġenerali

- u l-linja ta' baġit li tkopri l-istaff awżiljarju u dak b'kuntratt.

2. BAŻI LEGALI

Il-ħidmiet li jirriżultaw mill-prerograttivi tal-Kummissjoni fuq livell istituzzjonali.

3. FIGURI GLOBALI GĦAS-SENA FINANZJARJA (f'Euro)

◘ 3.a - Sena kurrenti 2007

CA |

Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) | 2 200 000 |

Trasferimenti | --- |

Approprjazzjonijiet addizzjonali | --- |

Approprjazzjoni totali | 2 200 000 |

Approprjazzjonijiet imwarrba minn programm ieħor ta' ħidma | 2 200 000 (POP 2007) |

Bilanċ disponibbli |

Ammont għall-azzjoni proposta | 75 000 (Diġà inklużi fil-POP 2007) +300 000 |

◘ 3.b – Trasferimenti 'l-quddiem

CA |

Trasferimenti 'l-quddiem | --- |

Approprjazzjonijiet imwarrba minn programm ieħor ta' ħidma | --- |

Bilanċ disponibbli | --- |

Ammont għall-azzjoni proposta | --- |

◘ 3.c – Sena finanzjarja li jmiss: 2008

L-ammont li għandu jiġi inkluż fit-tħejjija tal-PDB ta' l-2008

CA |

Approprjazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja (baġit) | Il-PDB ta' l-2008 li għandu jitħejja |

Trasferimenti |

Approprjazzjonijiet addizzjonali |

Approprjazzjoni totali |

Approprjazzjonijiet imwarrba minn programm ieħor ta' ħidma |

Bilanċ disponibbli |

Ammont għall-azzjoni proposta | 450 000 |

4. ID-DESKRIZZJONI TA’ L-AZZJONI

Fit-3 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat Green Paper – KUMM(2006) 194 - sabiex tagħti spinta 'l quddiem lill-"Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza" (ETI). L-għan kien li titnieda konsultazzjoni pubblika wiesgħa partikolarment dwar il-ħtieġa għal qafas iktar strutturat għall-attivitajiet ta' rappreżentanti interessati (lobbyists) . Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ser toħloq reġistru volontarju ġdid għal- lobbyists , b'funzjoni ta' twissija.

Din l-azzjoni tiġġenera żewġ tipi ta' spejjeż:

- Spejjeż taħt il-linja ta' baġit 25.02.04.02 li tkopri l-produzzjoni tar-reġistru (fuq l-internet) u l-manteniment tagħha.

- Spejjeż għal żewġ aġenti kuntrattwali ta' livell A. Din hija spiża addizzjonali li għadha mhix koperta mill-approprjazzjonijiet allokati lis-Segratarjat Ġenerali.

- Aġent wieħed li jgħin fil-ħidmiet ta' disinn, koordinazzjoni u monitoraġġ tal-proġett globali

- Professjonist wieħed għall-ħidmiet speċifiċi kollha relatati ma' l-IT tal-proġett

5. METODU TAL-KALKOLU ADOTTAT (f'Euro)

Persunal |

2007 | 8 xhur | 2 aġenti | 84 376 |

2008 | Sena sħiħa | 2 aġenti | 127 104 |

2009 | 1 għal 6 xhur, 1 għal 12-il xahar | 95 328 |

Tħejjija u żvilupp tar-Reġistru |

2007 | L-analiżi, id-dokument ta' viżjoni, l-istudju ta' fattibilità, eċċ.kuntratt wieħed | 75 000 |

L-iżvilupp ta' modulu ta' ġestjoni, il-modulu ta' tixrid: L-ewwel fażi | 300 000 |

2008 | L-iżvilupp tat-Tieni Fażi (flimkien mal-produzzjoni ta' l-1 verżjoni u t-tħejjija tat-2 verżjoni): kuntratt | 450 000 |

2009 u wara | L-ispejjeż tal-manteniment | 50 000 fis-sena |

TOTAL |

Sena | Aġenti | Żvilupp |

2007 | 84 376 | 375 000 |

2008 | 127 104 | 450 000 |

2009 | 95 328 | 50 000 |

6. SKEDA TAL-ĦLAS (F'EURO)

Intestatura | Approprjazzonijiet | Ħlasijiet |

2007 | 2008 |

25.02.04.02 | 2007 | 375 000 | 375 000 |

2008 | 450 000 | 450 000 |

Total | 825 000 | 375 000 | 450 000 |

Aġenti | 2007 | 84 376 | 84 376 |

2008 | 127 104 | 127 104 |

Total | 211 480 | 84 376 | 127 104 |

Il-ħtiġiet għal riżorsi umani u amministrattivi għandhom jiġu koperti mill-allokazzjoni mogħtija lis-servizz ta' ġestjoni fil-qafas tal-proċedura ta' l-allokazzjoni annwali.

Minħabba l-fatt li l-baġit għall-2007 u l-APS2008 diġà ġew adottati, il-ħtiġiet il-ġodda ta' riżorsi umani għandhom jiġu koperti permezz ta' tqassim mill-ġdid jew billi jintużaw l-approprjazzjonijiet eżistenti għall-istaff estern.

[1] KUMM(2006) 194.

[2] SEG(2005) 1300.

[3] KUMM(2002) 704.

[4] http://eesc.europa.eu/sco/events/11_07_06_transparency/minutes-en.pdf

[5] http://ec.europa.eu/transparency/eti/index_en.htm

[6] CESE 1373/2006.

[7] CoR 235/2006.

[8] COM(2002) 704.

[9] Il-kontributi huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/comm/eti/contributions.htm

[10] Mingħajr preġudizzju lejn il-miżuri possibbli meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali fuq Istituzzjonijiet u Korpi Komunitarji.

Top