Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0120

    Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE rigward il-ħarsien ta' l-ilmijiet mit-tniġġis ikkawżat minn nitrati minn għejun agrikoli għall-perjodu 2000-2003 {SEC(2007)339}

    /* KUMM/2007/0120 finali */

    52007DC0120




    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 19.3.2007

    KUMM(2007) 120 finali

    RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

    Dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE rigward il-ħarsien ta' l-ilmijiet mit-tniġġis ikkawżat minn nitrati minn għejun agrikoli għall-perjodu 2000-2003 {SEC(2007)339}

    1. INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar in-Nitrati) rigward il-ħarsien ta' l-ilmijiet minn tniġġis ikkawżat b'nitrati minn għejun agrikoli kienet adottata fit-12 ta' Diċembru 1991.

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar in-Nitrati jirrikjedi li l-Istati Membri jissottomettu rapport lill-Kummissjoni kull erba' snin minn notifika tagħha. Dan ir-rapport għandu jinkludi tagħrif dwar il-kodiċi ta' prassi agrikola tajba, żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati (NVZ), ir-riżultati ta' munituraġġ ta' l-ilma u sinteżi ta' aspetti rilevanti ta' programmi ta' azzjoni mfassla għal żoni denominati bħala vulnerabbli għan nitrati.

    L-għan ta' dan ir-rapport hu li jinforma lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istat ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati, skond l-artikolu 11 tagħha. Huwa bbażat fuq it-tagħrif mogħti mill-Istati Membri ta' l-UE-15 fil-perjodu 2004-2006 (it-tielet eżerċizzju ta' rappurtar 2000-2003) u huwa akkumpanjat b'mapep miġbura ta' pressjoni minn nitroġenu minn għejun agrikoli, ta' dejta dwar kwalità ta' l-ilma u ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati ta' nitrati nominati. Għalhekk, jitratta b'mod prinċipali l-UE-15, iżda, sabiex tingħata stampa usa, jinkludi wkoll pjan ta' fażijiet għall-implimentazzjoni fl-Unjoni Ewropea mkabbra.

    2. L-EVOLUZZJONI TA' PRESSJONIJIET MILL-AGRIKOLTURA MILL-PERJODU TA' L-AħħAR IRRAPURTAR

    Fl-agrikoltura, it-tendenza lejn intensifikazzjoni akbar u produttività ogħla matul bosta minn dawn l-aħħar ħamsin sena kienet akkumpanjata b'żieda sinifikanti fl-użu kemm ta' nitroġeni inorganiċi (N) kif ukoll ta’ fertilizzanti tal-fosfati. Madankollu, min-nofs it-Tminijiet, ġie rreġistrat tnaqqis progressiv fil-konsum ta' fertilizzant u din it-tendenza kompliet matul il-perjodu 2000-2003.

    Fil-livell ta’ l-UE-15, it-tnaqqis irreġistrat fil-perjodu 2000-2003 imqabbel mal-perjodu ta' qabel ta’ bejn 1996-1999 kien ta' 6% għan-nitroġenu u ta' 15% għall-fertilizzanti tal-fosfati rispettivament, b'tendenza ta' tnaqqis li jitkompla wkoll fl-2004 u fl-2005.

    In-numru ta' annimali żdied ukoll matul l-aħħar ħamsin sena. Dan ikkontribwixxa għal piż totali akbar ta' nitroġenu mid-demel. Tibdil fil-politika agrikola speċjalment fl-1984 u fl-1992, ikkontribwixxa minn dak iż-żmien sabiex jistabbilixxi jew inaqqas in-numru ta' baqar, ngħaġ u mogħoż, iżda n-numru ta' majjali u ta’ tjur kompla jikber. Meta nqabblu l-perjodi bejn l-2000-2003 u bejn l-1969-1999 insibu tnaqqis kontinwu fin-numri ta' baqar u ngħaġ kif ukoll ta' tjur, iżda stabilità fin-numri ta' majjali, bi tnaqqis totali stmat għal 5% fil-piż ta' nitroġenu mid-demel.

    It-tendenza għal konċentrazzjoni ssoktat, bi tkabbir fin-numri ta' annimali f'irziezet individwali: bħalissa aktar minn 50% tal-merħla tal-ħalib ta' l-UE tinstab f’irziezet b'aktar minn 50 baqra waqt li l-parti l-kbira tal-merħla tat-trobbija tal-majjali tinstab f'azjendi ta' aktar minn 100 majjal.

    Il-"pressjoni" globali min-nitroġenu fuq l-artijiet agrikoli ta’ l-UE-15 mit-trobbija ta' l-annimali (l-aktar baqar, ħnieżer, tjur u ngħaġ) hija stmata bejn wieħed u ieħor għal 7,6 miljun tunnellata fis-sena mxerrda ma' l-artijiet agrikoli. Għalhekk, il-"pressjoni" totali min-nitroġenu mxerred, meta ngħoddu t-8,9 miljun tunnellata ta' nitroġenu minn fertilizzanti minerali, kienet bejn wieħed u ieħor 16,5 miljun tunnellata fl-2003, imqabbla ma' kważi 18-il miljun tunnellata fl-1999 u 17,4 miljun tunnellata fl-1995.

    Stimi reġjonalizzati tar-rata ta' l-applikazzjoni ta' nitroġenu mid-demel (Mappa 1) juru ammonti li jisbqu l-170 kg/ettaru fis-sena fil-Belġju (Flanders) u l-Olanda, iżda, fuq livell lokali wkoll, fl-Italja, Franza (il-Brittanja), Spanja u l-Portugall. Rati ta' l-applikazzjoni ta' nitroġenu mid-demel fuq livell reġjonali ta' bejn 120 u 170 kg/ettaru jeżistu wkoll fid-Danimarka, ir-Renju Unit (l-Ingilterra), xi wħud mill-kontej ta' l-Irlanda u tan-Nofsinhar tal-Ġermanja. Dawn l-oqsma kollha msemmija hawn fuq għandhom ukoll l-ogħla rati ta' l-applikazzjoni ta' fosfru minn demel tal-bhejjem (aktar minn 90 kg fosfru għal kull ettaru fis-sena għaż-żoni l-aktar intensivi, Mappa 2) u rati ta' l-applikazzjoni totali ta' nitroġenu u fosfru (demel u fertilizzanti kimiċi) b'valuri ta' aktar minn 240 kg nitroġenu u 90 kg fosfru rispettivament għal kull ettaru fis-sena (Mapep 3 u 4).

    Il-"bilanċ gross ta’ nutrienti" huwa indikatur ta' pressjonijiet min-nitroġenu minn għejun agrikoli, li jirrapreżenta d-differenza bejn dħul nitroġeniku (minn fertilizzanti minerali, demel, deposizzjonijiet atmosferiċi, fissazzjoni minn uċuħ ta' legumi u għejun oħra minuri) u ħruġ nitroġeniku (teħid minn uċuħ, mergħat u wċuħ li jintużaw bħala għalf) għal kull ettaru ta' art agrikola użata. Skond kalkoli mill-Agenzija Ewropea għall-Ambjent, il-livell ta' l-UE-15 tal-bilanċ gross ta’ nitroġenu fl-2000 kien 55 kg/ettaru, tnaqqis ta' 16% meta mqabbel ma' l-1990, b'medda minn 37 kg/ettaru (l-Italja) sa 226 kg/ettaru (l-Olanda). Il-bilanċ gross ta' nitroġenu żejjed naqas fl-Istati Membri kollha barra fl-Irlanda u Spanja (EEA, 2005 a).

    L-ammonti żejda relattivament żgħar fil-bilanċ gross tan-nitroġenu fuq livell nazzjonali jissottovalutaw l-ammonti żejda f'reġjuni speċifiċi. Stima tal-bilanċ gross tan-nitroġenu (N) ikkalkulata fuq livell reġjonali mid- database CAPRI[1] b'referenza għas-sena 2001 (http://www.agp.uni-bonn.de/agpo/rsrch/dynaspat/dynaspat_e.htm) turi l-eteroġeneità bejn reġjuni ta' l-UE, b'ammont żejjed li jvarja minn 0 sa 300 kg N/ettaru, bil-massimu jintlaħaq f'żoni b'densità għolja ta' trobbija ta' bhejjem iżda wkoll f'reġjuni intensivi fit-tkabbir ta' frott u ħxejjex, jew ċereali u qamħirrun b'fertilizzazzjoni sbilanċjata. (Mappa 5).

    L-ogħla ammonti żejda nazzjonali ta' nitroġenu jinstabu fir-reġjuni ta' l-Olanda u l-Belġju (> 150 jew 200 kg N/ettaru). Madankollu, l-istess livelli ta' ammonti żejda, jistgħu jinstabu fil-Brittanja (Franza) u fil-Vechta Cloppenburg (is-Sassonja t'isfel, il-Ġermanja). Ammonti żejda ta' valuri ta' 100-150 kg N/ettaru fis-sena jinstabu wkoll fi Stati Membri b'eċċess nazzjonali relattivament baxx bħal Spanja (il-Katalunja), l-Italja (il-Lombardija), ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq, Wales u l-Ingilterra tal-Punent).

    Densità ogħla ta' bhejjem li twassal għal żieda fil-faċilitajiet għat-trobbija ta' l-annimali, ħażna u tixrid ta' demel, irriżultat f'aktar volatilizzazzjoni ta' l-ammonja u deposizzjoni atmosferika fuq ħamrija u ilmijiet fil-qrib b'valuri rreġistrati li telgħu sa 50-60 kg nitroġenu kull ettaru fis-sena f'reġjuni bħal dawn (Dijagramma 1).

    L-agrikoltura hija sors sinifikanti ta' nitroġenu li jinxtered fl-ambjent akwatiku. Skond studji riċenti (EEA, 2005b; JRC, 2006), li aġġornaw it-tagħrif dwar il-kontribuzzjoni għat-tniġġis ta' l-ilma mis-setturi differenti, tipikament, hija responsabbli għal 50-80% tal-piż totali (Mappa 6).

    Ir-rilevanza ta' l-emissjoni tan-nitroġenu mill-agrikoltura fl-ambjent naturali ġiet ikkonfermata mid-dejta rrapurtata minn diversi Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Lussemburgu, l-Olanda u r-Renju Unit) fir-rapporti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati. L-agrikoltura tirrapreżenta bejn wieħed u ieħor 62% tal-piż tan-nitroġenu fl-ilma tal-wiċċ, (minn minimu ta' 18% fil-Portugall għal massimu ta' 97% fid-Danimarka). Stati Membri li stabbilixxew sistemi effiċjenti ta' trattament ta' skart likwidu industrijali u skart likwidu urban, u b'hekk naqqsu b'mod drastiku l-piż tan-nitroġenu minn dawk l-għejun, għandhom proporzjonijiet ogħla.

    Il-kontribut ta' l-agrikoltura għat-telf ta' nitroġenu u fosforu fl-ilma huwa kkonfermat ukoll mir-rapporti skond id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma. ( http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/wfd/home) . Fl-2005 bosta Stati Membri identifikaw l-ewtrofikazzjoni u l-kontribuzzjonijiet relatati minn għejun agrikoli bħala fost l-akbar theddid għal ksib ta' status tajjeb ta' l-ilma.

    3. ĦARSA LEJN IL-KOMPLETEZZA TAR-RAPPORTI SOTTOMESSI MINN STATI MEMBRI

    Kull Stat Membru ssottometta rapport formali lill-Kummissjoni Ewropea fl-2004-2005. Aktar dejta nieqsa, b'mod partikulari dwar kwalità ta' ilma, żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati u agrikoltura, ġiet sottomessa matul l-2006.

    Bosta Stati Membri mxew fuq il-qafas tal-linji gwida tar-rappurtar ippreparati mill-Kummissjoni fl-2000, iżda, minħabba l-livell differenti ta' dettall u format ta' dejta, kien meħtieġ aktar xogħol biex id-dejta dwar kwalità ta' ilma u n-nominazzjoni ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati jiġu kkonsolidati fuq il-livell ta' l-UE-15. Ir-Renju Unit, li ma kienx irraporta matul il-perjodu preċedenti ta' rappurtar ta' bejn l-1996-1999, issottometta tagħrif dwar iż-żewġ perjodi ta' rappurtar.

    Ir-rapporti sottomessi mill-Istati Membri jindirizzaw ġeneralment is-suġġetti elenkati fl-anness V tad-Direttiva dwar in-Nitrati. Il-livell ta' dettall u kompletezza tat-tagħrif tjieb meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtar ta' qabel. Madankollu għad baqa' lakuni fir-rigward ta' kwalità ta' ilma, b'mod partikulari rigward l-ewtrofikazzjoni ta' ilmijiet, kemm friski kif ukoll dawk ta' max-xtut, il-previżjoni ta' l-evoluzzjoni tal-kwalità ta' l-ilma minn dejta agrikola, bħal l-użu tan-nitroġenu f'żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati u l-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' programmi ta' azzjoni.

    4. IL-KWALITÀ, L-ISTATUS U T-TENDENZI TA' L-ILMA

    Netwerk ta' munituraġġ

    In-netwerks ta' l-istazzjonijiet tat-teħid tal-kampjuni jridu jkopru l-ilma ta' taħt l-art (anke jekk ma jintużax bħala ilma għax-xorb), xmajjar, lagi u digi, ilmijiet ta' max-xtut u ta' l-ibħra, kif meħtieg mill-artikolu 6 tad-Direttiva dwar in-Nitrati.

    L-Istati Membri stabbilixxew netwerks ta' munituraġġ li jagħtu stampa ċara ta' l-istatus u t-tendenzi ta' l-ilma. Il-kwalita' u l-limitu tagħhom tjiebu mit-tieni perjodu ta' rappurtar, kemm għall-ilmijiet ta' taħt l-art kif ukoll għal dawk tal-wiċċ. Total ta' madwar 20.000 stazzjon ta' munituraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art kienu qed joperaw fl-2000-2003 meta mqabbel ma' 16.000 fl-1996-1999. In-numru ta' stazzjonijiet tat-teħid komuni ta' kampjuni bejn iż-żewġ perjodi ta' rappurtar kien bejn wieħed u ieħor ta' 11.100. Dan ippermetta li r-riżultati setgħu jintużaw għal valutazzjoni ta' tendenzi.

    Id-densità tat-teħid ta' kampjuni ta' l-ilma ta' taħt l-art kienet fil-medja ta' 12,5 punti ta' teħid ta' kampjuni kull 1000 km2 fl-UE-15. L-ogħla densità kienet fil-Belġju-Wallonia (50 punt ta' teħid ta' kampjuni kull 1000 km2) u fl-Olanda u l-Awstrija (25-30 punt ta' teħid ta' kampjuni kull 1000 km2).

    Densità relattivament baxxa ta' teħid ta' kampjuni fil-Finlanja u l-Iżvezja (0,19 u 0,33 punt ta' teħid ta' kampjuni kull 1000 km2 rispettivament) tirrifletti l-persentaġġ għoli ta' żoni naturali hemmhekk.Xi Stati Membri (id-Danimarka, l-Olanda) trasmettew dejta ta' munituraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art għal fondijiet differenti. Madankollu, l-Olanda pprovdiet dejta aggregata (14-il figura aggregata relatata ma' 358 stazzjon ta' munituraġġ) għall-fond ta' 0-5 metri. Il-Ġreċja ma ssottomettietx dejta dwar il-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art mar-rapport tagħha, iżda iktar tard ipprovdiet dejta minn munituraġġ li sar fl-2003. Il-Belġju (Flanders) naqqas l-istazzjonijiet ta' munituraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art minn 392 għal 97 fl-2003.

    Xi Stati Membri li ħadu politika ta' programm ta' azzjoni għal pajjiż sħiħ, bħall-Ġermanja u l-Finlandja, stabbilixxew netwerk speċifiku sabiex jiġu vvalutati l-istatus tal-kwalità ta' l-ilma u t-tendenzi f'żoni bi prevalenza f'attivitajiet agrikoli intensivi flimkien man-netwerk ġenerali ta' madwar il-pajjiż għal munituraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art.

    Fl-2000-2003 ġie stabbilit total ta' madwar 22.000 stazzjon ta' munituraġġ ta' l-ilma tal-wiċċ meta mqabbel ma' 14.000 fl-1996-1999; 12.000 stazzjon komuni tat-teħid ta' kampjuni bejn iż-żewġ perjodi ta' rappurtar ippermettew il-valutazzjoni ta' tendenzi. Id-densità tat-teħid ta' kampjuni kienet tvarja sew (minn minimu ta' 0,8 stazzjonijiet ta' munituraġġ kull 1000 km2 (il-Greċja) sa 59 (il-Belġju-Flanders) u 33 (ir-Renju Unit, l-Ingilterra) stazzjon ta' munituraġġ kull 1000 km2.

    L-Istati Membri (barra Spanja, il-Greċja u l-Irlanda) issottomettew dettalji dwar il-programm tagħhom ta' munituraġġ ta' frekwenza. Il-frekwenza tal-munituraġġ tvarja minn 12-il darba - 24-26 darba kull sena għall-ilmijiet tal-wiċċ, għal darba – 6 darbiet kull sena għall-ilma ta' taħt l-art.

    L-Istati Membri rrapurtaw dejta b'referenza ġeografika f'format kompatibbli mas-Sistema ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS)[2], li tuża kodiċi u klassifikazzjonijiet kif ġew żviluppati mil-linji gwida tar-rappurtar imfassla mill-Kummissjoni fl-2000[3]. ħalhekk, jistgħu jitħejjew mapep aggregati ta' kwalità ta' l-ilma fuq livell ta' l-UE rigward in-nitrati.

    Ittejjeb it-tagħrif dwar l-ewtrofikazzjoni, meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtar ta' qabel, iżda mhux l-Istati Membri kollha rrapurtaw dwar il-kriterji użati fil-valutazzjoni ta' l-ewtrofikazzjoni, u xi ftit biss issottomettew ir-riżultati tal-valutazzjoni ta' ilmijiet individwali, xmajjar u lagi (l-Awstrija, limitata għall-lagi u d-Danubju, il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Portugall) u l-ilmijiet ta' max-xtut u ta' l-ibħra (l-Irlanda, id-Danimarka, l-Olanda u l-Finlandja). Xi Stati Membri rrapurtaw dwar xi wħud mill-parametri ta' ewtrofikazzjoni li ġejjin: nitroġenu totali, fosfru totali, ortofosfat, Chlorophyll a.

    Ir-riżultati ta' l-istħarriġ dwar il-kwalità ta' l-ilma

    Ilma ta' taħt l-art

    Fil-perjodu 2000-2003, 17% ta' stazzjonijiet ta' munituraġġ fl-UE (valuri medji) kellhom konċentrazzjonijiet ta' nitrati ogħla minn 50 mg NO3/1, 7% kienu fil-medda ta' 40 sa 50 mg NO3/1 u 15% kienu fil-medda ta' 25 sa 40 mg NO3/l. Madwar 61% ta' l-istazzjonijiet ta' l-ilma ta' taħt l-art kellhom konċentrazzjoni taħt il-25 mg NO3/1[4] (Mapep 7 u 8).

    Fl-Istati Membri individwali kien hemm differenzi kbar. Dawn kienu jiddependu mill-fond ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ u mit-tip ta' munituraġġ. Il-Belġju (Flanders), l-Olanda (0-5 m[5], dejta aggregata), il-Portugall, Spanja u l-Lussemburgu rrapurtaw l-ogħla persentaġġ ta' siti ta' teħid ta' kampjuni ta' l-ilma ta' taħt l-art b'aktar minn 50 mg NO3/1 (minn 60% sa 20% ta' stazzjonijiet ta' munituraġġ). Il-Ġermanja u l-Finlandja wkoll irrapurtaw persentaġġ għoli ta' siti li kellhom konċentrazzjoni ta' nitrati ogħla minn 50 mg NO3/1 fin-netwerks ta' munituraġġ tas-siti agrikoli tagħhom. Il-limitu preskritt ta' 40 mg NO3/1 inqabeż fi Franza u r-Renju Unit (l-Ingilterra) f'aktar minn 20% tal-punti ta' teħid ta' kampjuni (Dijagramma 2).

    Meta mqabbla mad-dejta tal-perjodu ta' rappurtar ta' qabel, jidher li fil-livell ta' l-UE-15, tendenzi stabbli u li qed jonqsu jiddominaw (64% ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ, b'30% minnhom bi tnaqqis). Madankollu, 36% ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ għadhom juru tendenzi ta' żidiet (Mappa 9 u Dijagramma 3).

    L-Istati Membri b'tendenzi ta' żidiet f'aktar minn 30% ta' stazzjonijiet ta' munituraġġ kienu l-Belġju (Wallonja), Franza, Spanja, il-Portugall, il-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Olanda (0-5 m fond) u l-Lussemburgu. Madankollu, b'mod ġenerali, bl-eċċezzjoni ta' Spanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Belġju, il-persentaġġ ta' stazzjonijiet b'żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati huwa bbilanċjat min-naħa l-oħra b'persentaġġ simili jew anke ogħla ta' kwalità li qed titijieb. L-ilma ta' taħt l-art fil-baxx fid-Danimarka u fl-Irlanda wera titjib iżjed kbir meta mqabbel ma' l-ilma ta' taħt l-art fil-fond. Id-Danimarka, l-Awstrija, l-Iżvezja rreġistraw tendenzi ġeneralment stabbli jew li qed jonqsu. It-tendenzi ma setgħux jiġu determinati minħabba l-modifikazzjoni fin-netwerk ta' munituraġġ u/jew nuqqas ta' dejta għall-Greċja, l-Italja u l-Belġju (Flanders) (Dijagramma 3).

    Ilma tal-wiċċ

    Il-medja ta' konċentrazzjonijiet ta' nitrati (medja annwali) ta' inqas minn 10 mg NO3/1 kienu osservati fi 53% ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ u daqshekk jew anqas minn 2 mg NO3/1 f'19% ta' stazzjonijiet ta' munituraġġ b'mod speċjali f'żoni muntanjużi. Fi 2.5% ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ il-konċentrazzjoni ta' nitrati qabżet il-50 mg NO3/1 u f'4% mill-valuri rreġistrati kienet fil-medda ta' 40 u 50 mg NO3/l[6]. L-Istati Membri bl-ogħla proporzjon ta' punti ta' teħid ta' kampjuni li wrew konċentrazzjoni ta' nitrati ogħla minn 50 mg NO3/l kienu r-Renju Unit, Franza u l-Olanda (4,5%, 2% u 1,2% rispettivament). Valuri ogħla minn 40 mg/l nitrati ġew irreġistrati fi 11% u 7% ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ fir-Renju Unit u fi Franza rispettivament. Valuri għoljin, ta' 'l fuq minn 25 u anke 40 mg NO3/l kienu osservati fil-pjanuri agrikoli tad-Danimarka, l-Olanda, il-Belġju (Flanders) u l-majjistral ta' Franza. Fil-Lussemburgu, il-Belġju (Wallonja), l-Irlanda (lbiċ), żoni speċifiċi ta' Spanja (grigal, nofsinhar), l-Italja (grigal) u l-Awstrija (grigal fiż-żona ta' qbid ta' l-ilma Morava-Dyje) proporzjon sinifikanti ta' valuri kienu bejn 10 u 25 mg NO3/l, li jindikaw flussi diġa konsiderevoli ta' nitroġenu lejn lagi u ibħra u effetti importanti ta' ewtrofikazzjoni potenzjali (Mapep 10, 11, 12 u Dijagramma 4).

    Meta mqabbla ma' l-istħarriġ ta' bejn l-1996-1999 jidher li, fil-biċċa l-kbira ta' ilmijiet tal-wiċċ, il-konċentrazzjoni ta' nitrati qiegħda tonqos jew hi stabbli (55% u 31% rispettivament ta' l-istazzjonijiet tal-munituraġġ). Dan għandu jikkonferma tendenza ġenerali ta' tnaqqis osservat fil-perjodu ta' rappurtar ta' qabel, iżda hemm bżonn ta' iżjed dejta biex tiġi vvalutata l-influwenza ta' kundizzjonijiet klimatiċi u titjib fit-trattament ta' skart likwidu urban f'din l-evoluzzjoni. F'14% ta' stazzjonijiet ta' munituraġġ il-konċentrazzjoni qiegħda tiżdied (l-aktar fil-Lussemburgu, Franza, ir-Renju Unit, il-Portugall u l-Belġju). Bħala tendenza ġeneralizzata ġew irrapurtati konċentrazzjonijiet stabbli jew li qed jonqsu fl-ilma tal-wiċċ (aktar minn 90% ta' siti ta' munituraġġ) fid-Danimarka (ilmijiet ħelwin), l-Awstrija, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Ġermanja u l-Olanda (ilmijiet ħelwin). L-inċidenza ta' stazzjonijiet ta' teħid ta' kampjuni b'tendenzi li qed jiżdiedu hija għolja b'mod partikulari fil-grigal u n-nofsinhar ta' Franza, in-nofsinhar ta' l-Ingilterra, il-lvant ta' Spanja u t-tramuntana tal-Portugall (Mappa 13 u Dijagramma 5).

    Id-diskussjoni u l-evalwazzjoni ta' l-istatus ta' nutriment ta' l-ilmijiet huma mfixkla ħafna bil-metodi differenti u l-kriterji li l-Istati Membri jkunu użaw għall-valutazzjoni ta' l-ewtrofikazzjoni. B'riżultat ta' dan, ma ġewx ippreparati mapep ta' l-ewtrofikazzjoni ta' l-ilmijiet tal-wiċċ ta' l-UE-15. Stampa bis-satellita tal-konċentrazzjoni tal-chlorophyll f'ibħra ta' l-UE (Mappa 14) tenfasiżża ż-żoni bi żvilupp qawwi ta' phytoplankton. L-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma hija mistennija tegħleb din id-diffikultà billi tikkonsolida l-kriterju għad-definizzjoni ta' ewtrofikazzjoni permezz tal-valutazzjoni ta' l-istatus ekoloġiku u l-eżerċizzju ta' interkalibrazzjoni (http://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/objectives.html). Flimkien ma' dan, f'dan ir-rigward bħalissa qed jiġi żviluppat dokument ta' gwida (http://forum.europa.eu.int/Public/irc/env/wfd/library?l=/framework_directive/thematic_documents/13_eutrophication).

    5. NOMINAZZJONI TA' ŻONI DENOMINATI BħALA VULNERABBLI GħAN-NITRATI

    L-Istati Membri huma mitluba jistudjaw, u jekk hemm bżonn jirrevedu, iż-żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati għall-inqas kull erba' snin fuq il-bażi tar-riżultati tal-munituraġġ ta' l-ilma skond l-artikolu 6 tad-Direttiva dwar in-Nitrati. L-ewwel nominazzjonijiet għandhom jkunu tlestew sa Diċembru 1993 b'reviżjonijiet kull erba' snin wara din id-data.

    Fil-perjodu 2000-2003 sar aktar progress fin-nominazzjoni ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati .Sebgħa minn ħmistax-il-Stat Membru għażlu, skond id-Direttiva dwar in-Nitrati, biex ma jidentifikawx żoni speċifiċi vulnerabbli għan-nitrati, iżda biex jistabbilixxu u japplikaw programm ta' azzjoni madwar it-territorju kollu. Flimkien ma' l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Olanda, l-Irlanda stabbilixxiet politika ta' territorju sħiħ f'Marzu 2003.

    Stati Membri oħra żiedu, f'bosta każijiet sostanzjalment, iż-żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati sa mill-1999: Ir-Renju Unit (minn 2,4% sa 32,8% tat-territorju), Spanja (minn 5% sa 11%), l-Italja (minn 2% sa 6%), l-Iżvezja (minn 9% sa 15%), il-Belġju (minn 5,8% sa 24%). Ma kienx hemm dejjem motivazzjoni għal aktar nominazzjonijiet. Fil-maġġoranza tal-każijiet kienet ibbażata fuq it-tniġġis ta' l-ilma ta' taħt l-art bin-nitrati ( i.e . fl-Istati Membri ta' l-Ewropa ta' Nofsinhar) u t-tniġġis ta' l-ilma tal-wiċċ bin-nitrati (il-kriterji A2 u A1 ta' l-Anness 1 tad-Direttiva dwar in-Nitrati); kienet ibbażata b'mod anqas fuq l-ewtrofikazzjoni (per eżempju l-Iżvezja u s-Seine-Normandija fi Franza).

    Fil-UE-15, b'mod ġenerali, in-nominazzjoni ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati żdiedet minn 35,5% tat-territorju fl-aħħar ta' l-1999 sa 44% fl-aħħar ta' 2003 (Tabella 1 u Mappa 14). Mill-2003 'l quddiem saru aktar nominazzjonijiet, fl-Italja, Spanja, il-Portugall u r-Renju Unit, t-Tramuntana ta' l-Irlanda (Mappa 15). Il-Belġju stabbilixxa l-proċedura biex iżżid in-nominazzjoni tagħha sabiex tinkludi 42% tat-territorju Wallonja u Flanders kollha.

    Madankollu, skond reviżjoni ta' tagħrif disponibbli dwar il-pressjoni minn nitroġenu u l-kwalità ta' l-ilma, b'mod partikulari, rigward l-ewtrofikazzjoni u ilma ta' taħt l-art fil-baxx għad hemm xi lakuni fin-nominazzjoni. Hemm bżonn tax-xogħol biex jiġu eliminati dawn il-lakuni.

    6. PROGRAMMI TA' AZZJONI

    Sa l-aħħar ta' l-2003, l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' l-Irlanda, kienu stabbilixxew, għalkemm xi wħud pjuttost tard, programm ta' azzjoni wieħed jew aktar fit-territorju tagħhom. Sa fl-aħħar, l-Irlanda stabbilixxiet il-programm tagħha fl-2006.

    L-Istati Membri ssottomettew tagħrif dwar il-programmi ta' azzjoni ġodda stabbiliti sa mill-1999 u dwar il-modifikazzjonijiet introdotti bħala riżultat tar-reviżjoni perjodika rekwiżita mid-Direttiva dwar in-Nitrati.

    Id-Direttiva dwar in-Nitrati tbassar il-possibbiltà li jitfasslu u jiġu implimentati programmi ta' azzjoni dwar żoni individwali vulnerabbli għan-nitrati jew parti minn żoni. Franza, il-Portugall, Spanja, l-Italja, il-Greċja, ir-Renju Unit u l-Belġju għamlu din l-għażla, u b'riżultat ta' dan, madwar 110 programmi ta' azzjoni kienu bdew sa l-aħħar ta' l-2003.

    Għalkemm qed isir progress fil-kwalità ta' programmi ta' azzjoni, ħafna minnhom għadhom juru bosta oqsma ta' nuqqas ta' konformità.

    Bosta Stati Membri ma rnexxilhomx jeżiġu konformità ma' l-istandard ta' l-applikazzjoni tan-nitroġenu mid-demel (minn 20.12.2002, 170 kg N/ettaru).

    Miżura oħra ewlenija, il-kapaċità ta' ħażna minima ta' demel tal-bhejjem, ma ġietx stabbilita bħala mandatorja f'xi programmi ta' azzjoni; f'każijiet oħra, il-kapaċità ta' ħażna meħtieġa mhix biżżejjed biex tkopri l-perjodi meta l-għoti tad-demel huwa pprojbit jew impossibli minħabba kundizzjonijiet ta' temp. Ir-rekwiżiti ta' kapaċità ta' ħażna stabbiliti fi programmi ta' azzjoni jvarjaw minn xahrejn sa 12-il xahar, b'varjazzjonijiet kbar anki f'reġjuni qrib xulxin b'kundizzjonijiet simili ta' klima. Studji (ERM, 2001) jissuġerixxu li għandu jiġi stabbilit minimu li jvarja minn 4 xhur (żoni Mediterranji) sa 9 xhur-11-il xahar (żoni boreali).

    Fertilizzazzjoni bbilanċjata sabiex jitnaqqas id-dħul totali tan-nitroġenu (kemm demel kif ukoll fetiliżżanti kimiċi) fil-ħtiġijiet ta' uċuħ tar-raba', li tikkunsidra l-kontribuzzjoni mill-ħamrija u dħul ieħor, ukoll m'hijiex implimentata biżżejjed f'bosta programmi ta' azzjoni. Il-politika li qed isegwu l-Istati Membri tvarja minn sistema ta' bilanċ, li tipprovdi metodoloġija għall-kalkulazzjonijiet fuq bażi ta' razzett b'razzett, għad-definizzjoni ta' standards għall-applikazzjoni totali ta' nitroġenu għall kull wiċċ jew gruppi ta' wċuħ (nitroġenu totali jew "nitroġenu disponibbli"). Madankollu, bosta drabi, id-disposizzjonijiet huma ġenerali ħafna u ma jistabbilixxux rekwiżiti mandatorji għal bdiewa.

    Aspetti oħra kritiċi huma:

    - il-miżuri dwar perjodi ristretti għall-applikazzjoni ta' fertilizzant mhumiex twal biżżejjed jew huma limitati fl-applikazzjoni (għal fertilizzanti speċifiċi, uċuħ jew tipi ta' ħamrija);

    - il-miżuri dwar l-applikazzjoni ħdejn ilmijiet huma insuffiċjenti (nuqqas ta' distanza minima għall-applikazzjoni ta' fertilizzant jew strixex marġinali ta' protezzjoni mhux fertilizzati dojoq iżżejjed);

    - nuqqas jew insuffiċjenza ta' restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni ta' fertilizzanti fuq art wieqfa u mxaqilba, għalkemm hemm bżonn li jiġi evitat it-telf ta' nitroġenu bl-erożjoni, u ma' l-ilma ġieri mill-wiċċ u minn taħt il-ħamrija;

    - ebda restrizzjoni fuq l-applikazzjoni ta' fertilizzant meta l-kundizzjonijiet tal-ħamrija mhumiex xierqa (mifqugħa bl-ilma, mgħarrqa, miksija bil-borra u art iffriżata).

    Madankollu, minkejja l-bżonn ta' aktar żvilupp, fl-2000-2003, sar progress permezz ta' tfassil u implimentazzjoni ta' programmi ta' azzjoni ġodda u titjib fil-miżuri tal-programmi ta' azzjoni eżistenti fil-kuntest tar-reviżjoni perjodika. Illum, permezz ta' kwalità aħjar fil-miżuri qed isir iżjed progress. Fl-Anness hemm deskrizzjoni tal-progress riċenti fil-miżuri ta' programmi ta' azzjoni.

    7. DEROGI

    Id-Direttiva dwar in-Nitrati tippermetti l-possibbiltà ta' teħid ta' deroga rigward l-ammont massimu ta' 170 kg nitroġenu kull ettaru fis-sena applikabbli ma' demel ta' bhejjem, sakemm jintwera li l-għanijiet tad-direttiva jintlaħqu xorta waħda. Wara l-parir pożittiv tal-Kumitat Regolatorju dwar in-Nitrati, li jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni, id-derogi jeħtieġu Deċiżjoni tal-Kummissjoni. In-nominazzjoni xierqa ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati u programmi ta' azzjoni b'konformità sħiħa mad-Direttiva dwar in-Nitrati huma prekundizzjonijiet ta' kull deroga u d-derogi nnifishom japplikaw biss għal waqt il-programm ta' azzjoni. Lista tad-derogi mogħtija sa Diċembru 2006 tinstab fl-Anness.

    8. TBASSIR TAL-KWALITÀ TA' L-ILMA

    Kważi l-Istati Membri kollha, ħlief l-Italja, il-Portugall u l-Greċja, issottomettew għall-inqas xi elementi dwar metodi ta' valutazzjoni (mudelli ta' simulazzjoni u analiżi ta' tendenżi) għall-evalwazzjoni ta' tendenzi fi pressjonijiet agrikoli u/jew evoluzzjoni tal-kwalità ta' l-ilma.

    Madankollu, ftit mill-Istati Membri ssottomettew tagħrif kwantitattiv dwar it-tul ta' żmien previst li matulu jew il-livell ta' tniġġis attwali jiġi stabblizzat jew il-kwalità ta' l-ilma tkun irkuprata (it-tnejn għan-nitrati u ewtrofikazzjoni). Id-diffikultà għat tfassil ta' konklużjonijiet tiddependi fuq il-ħafna inċertezzi rigward, per eżempju, klima u proċessi ta' trasport tal-ħamrija.

    Konklużjoni ġenerali hi li hemm bżonn ta' bosta snin qabel ma jkun osservat titjib fil-kwalità ta' l-ilma bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-programm ta' azzjoni u l-modifikazzjoni ta' prassi agrikoli (inkluż it-tnaqqis fin-numru ta' bhejjem). Fil-ftit każijiet li fihom hemm tul ta' żmien meħtieġ għal titjib fil-kwalità ta' l-ilma (xi drabi bħala riżultat ta' simulazzjoni għal baċini speċifiċi) dan ivarja fuq medda ta' minimu ta' sentejn-4 snin għal aktar minn 30 sena.

    9. PROċEDURI TA' KSUR

    Attwalment, l-implimentazzjoni tad-Direttiva tan-Nitrati għadha mhix lesta, kif ġie kkonfermat minn bosta proċeduri ta' ksur (7 fuq 15-il Stat Membru, Tabella 2), l-aktar fuq nominazzjoni insuffiċjenti ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati u nuqqas ta' konformità ma' programmi ta' azzjoni.

    10. IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IN-NITRATI FL-ISTATI MEMBRI ĠODDA (UE 10)

    Fl-Istat Membri ġodda qed tiġi implimentata d-Direttiva dwar in-Nitrati. Skond l-impenji meħuda waqt in-negozjati għall-adeżjoni, l-Istati Membri wettqu l-obbligu tagħhom billi żguraw it-transpożizzjoni, waqqfu netwerk ta' munituraġġ ta' l-ilma u nnominaw żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati . Illum ġew stabbiliti programmi ta' azzjoni f'kull Stat Membru ġdid. Il-Kummissjoni qed tanaliżża n-nominazzjoni u l-programm ta' azzjoni biex tivvaluta l-konformità tagħhom mad-Direttiva dwar in-Nitrati. Tlieta minn għaxar Stati Membri ġodda (Malta, is-Slovenja u l-Litwanja) ħadu "politika ta' territorju sħiħ" u għalhekk iddeċidew biex ma jinnominawx żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati speċifiċi, iżda biex jimplimentaw programm ta' azzjoni fuq it-territorju kollu. Seba' Stati Membri nnominaw persentaġġ mit-territorju li jvarja minn 2,5% (fil-Polonja) għal 48% (fl-Ungerija) bħala żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati.

    11. KONKLUżJONIJIET

    It-tielet rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati għall-perjodu ta' rappurtar 2000-2003 li ssottomettew l-Istati Membri ta' l-l-EU-15 juri titjib fil-kwalità ta' munituraġġ u rrapurtar.

    Fir-rigward tal-kwalità ta' ilma, fuq ilma ta' taħt l-art, għalkemm it-tendenza ġenerali hija stabbli jew qed titjieb f'64% mis-siti, għaldaqstant kien hemm żieda fit-tniġġis min-nitrati f'36% mis-siti u 17% mis-siti kellhom konċentrazzjoni ta' nitrati ogħla minn 50 mg kull litru. Fl-ilmijiet tal-wiċċ kien hemm konċentrazzjonijiet stabbli jew li qed jonqsu ta' nitrati f'86% ta' siti ta' munituraġġ. Dan jikkonferma tendenza li diġà rajna f'bosta Stati Membri fir-rapport ta' qabel. Madankollu, għad hemm bżonn ta' aktar dejta sabiex tiġi vvalutata l-influwenza ta' kundizzjonijiet klimatiċi u titjib fit-trattament ta' drenaġġ urban fuq dan l-iżvilupp.

    F'dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti kemm rigward in-nominazzjoni ta' żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati kif ukoll rigward il-programmi ta' azzjoni. Kien hemm żieda fiż-żoni denominati bħala vulnerabbli għan-nitrati minn 35,5% fit-territorju EU-15 fl-1999 għal 44% fl-2003, b'aktar nominazzjonijiet iktar tard. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li għad hemm lakuni fid-denominazzjoni li jridu jintlew, fuq bazi ta' tagħrif disponibbli dwar pressjoni min-nitroġeni u l-kwalità ta' l-ilma.

    F'dawn l-aħħar snin kien hemm progress sinifikanti fil-kwalità ta' programmi ta' azzjoni u dan għandu jikkontribwixxi lejn titjib fil-kwalità ta' l-ilma fil-perjodi ta' rappurtar għall-ġejjieni.

    L-analiżi ġenerali tal-Kummisssjoni hi li issa qed isir progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati, iżda li ser ikun hemm bżonn ta' aktar xogħol konsiderevoli fit-titjib ta' nominazzjonijiet u l-kwalità ta' programmi ta' azzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet kollha tad-Direttiva fir-rigward ta' kwalità ta' ilma. Qed tispera li jkun hemm kooperazzjoni li tikber kontinwament mill-Istati Membri f'dan il-qasam.

    [1] CAPRI (Impatt Reġjonali tal-Politika Agrikola Komuni) huwa mudell tas-settur agrikolu li jkopri kemm l-UE-27 kollha kif ukoll n-Norveġja fuq livell reġjonali (250-il reġjun) u swieq agrikoli globali. Jippermetti l-analiżi ta' l-impatt ta' l-elementi differenti tal-Politika Agrikola Komuni, ta' politika ambjentali jew kummerċjali fuq agrikoltura fl-UE fuq livell reġjonali. Fil-qasam ta' l-ambjent jippermitti l-istima ta' indikaturi bħal emissjonijiet tal-gass u bilanċi N, P, K fuq livell reġjonali.

    [2] Fil-kuntest tas-sottomissjoni tar-rapport jew aktar tard, matul l-2005 u l-2006

    [3] KEE, DĠ Ambjent, 2000. Id-Direttiva (91/676/KEE) dwar in-Nitrati; L-istatus u t-tendezi ta' ambjent akwatiku u prassi agrikola. Gwida għall-iżvilupp tar-rapport ta' l-Istati Membri

    [4] Id-distribuzzjoni tas-siti ta' l-istazzjonijiet tal-munituraġġ kienet imqassma b'mod iktar ekwu fit-tielet perjodu ta' rappurtar meta mqabbla mat-tieni, b'bilanċ aħjar bejn żoni mniġġsa u dawk li mhumiex.

    [5] Dan jirrifletti l-konċentrazzjoni fl-ewwel metru ta' ilma ta' taħt l-art jew ta' ilma li jitlaq miż-żona ta' l-għeruq

    [6] Wieħed irid jinnota li hemm bżonn ta' distribuzzjoni iżjed bilanċjata ta' l-istazzjonijiet tat-teħid ta' kampjuni biex tingħata stampa ġenerali ta' l-UE-15. Per eżempju, l-istazzjonijiet ta' munituraġġ ta' l-ilma tal-wiċċ fir-Renju Unit (l-Ingilterra), li jirrapreżentaw kważi 30% tan-numru totali ta' l-istazzjonijiet ta' munituraġġ fl-UE-15, b'persentaġġ relattivament għoli ta' valuri fit-tliet klassijiet 'l fuq minn 25 mg/l, jista' jippreġudika d-distribuzzjoni tal-frekwenzi ta' l-UE-15.

    Top