Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007AG0004

Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 4/2007 tal- 5 ta' Marzu 2007 adottata mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f'riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja

ĠU C 103E, 8.5.2007, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

CE 103/1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) NRU 4/2007

adottata mill-Kunsill fil-5 ta' Marzu 2007

bil-ħsieb ta' l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Nru …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f'riskju (il-Programm Daphne III) bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”

(2007/C 103 E/01)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

It-Trattat jistabbilixxi li fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi u attivitajiet Komunitarji kollha għandu jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa tal-bniedem; l-Artikolu 3(1)(p) tiegħu jesiġi li l-azzjoni Komunitarja tinkludi kontribut għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa.

(2)

L-azzjoni Komunitarja għandha tikkomplementa l-linji politiċi nazzjonali diretti lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, filwaqt li tevita s-sorsi ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem.

(3)

Il-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, inkluż it-theddid ta' tali atti, ta' koerċizzjoni jew tat-tneħħija arbitrarja tal-libertà, kemm jekk isiru fil-ħajja pubblika kif ukoll jekk isiru f'dik privata, jikkostitwixxu ksur tad-dritt tagħhom għall-ħajja, għas-sigurtà, għal-libertà, għad-dinjità u għall-integrità fiżika u emozzjonali tagħhom u theddid serju għas-saħħa fiżika u mentali tal-vittmi ta' tali vjolenza. Din il-vjolenza, mifruxa kif inhi fil-Komunità kollha, tikkostitwixxi ksur reali tad-drittijiet fundamentali, qerda tas-saħħa u ostakolu għat-tgawdija ta' ċittadinanza sigura, libera u ġusta.

(4)

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tiddefinixxi s-saħħa bħala stat sħiħ ta' benesseri fiżiku, mentali u soċjali u mhux biss bħala n-nuqqas ta' mard jew infermità. Skond riżoluzzjoni ta' l-1996 ta' l-Assemblea tal-WHO, il-vjolenza hija problema ewlenija tas-saħħa pubblika fid-dinja kollha. Fir-rapport tagħha dwar il-vjolenza u s-saħħa tat-3 ta' Ottubru 2002, il-WHO tirrakkomanda l-promozzjoni ta' risposti preventivi ewlenin, it-tisħiħ tar-risposti għall-vittmi tal-vjolenza u t-tiżjid tal-kollaborazzjoni u ta' l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza.

(5)

Dawn il-prinċipji huma rikonoxxuti f'bosta konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u protokolli ta' l-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali ewlenin bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), il-Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u l-Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal.

(6)

Il-ġlieda kontra l-vjolenza għandha titpoġġa fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif rikonoxxuti mill-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (4) u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha, filwaqt li jittieħed kont ta' l-istatus tagħha, li tirrikonoxxi, inter alia, id-dritt għad-dinjità, għall-ugwaljanza u għas-solidarjetà. Din tinkludi numru ta' artikoli speċifiċi relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni ta' l-integrità fiżika u mentali, it-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa, id-drittijiet tat-tfal u n-non-diskriminazzjoni, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-projbizzjoni ta' trattament inuman jew degradanti, ta' l-iskjavitù u tax-xogħol forzat, u tax-xogħol tat-tfal. Hija tirrikonoxxi li huwa meħtieġ livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-attivitajiet Komunitarji kollha.

(7)

Il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tfassal u timplimenta programmi ta' azzjoni sabiex jikkumbattu tali vjolenza, inter alia, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2000 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: “Għal azzjonijiet ulterjuri fil-ġlieda kontra t-traffikar tan-nisa” (5); ta' l-20 ta' Settembru 2001 dwar il-mutilazzjoni ġenitali feminili (6); tas-17 ta' Jannar 2006 dwar strateġiji ta' prevenzjoni kontra t-traffikar ta' nisa u tfal li jkunu vulnerabbli għall-isfruttament sesswali (7); u tat-2 ta' Frar 2006 dwar is-sitwazzjoni attwali fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa (8) u kwalunkwe azzjoni futura.

(8)

Il-programm ta' azzjoni Komunitarja stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Jannar 2000 li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja (il-programm Daphne) (2000 sa 2003) dwar miżuri preventivi li jikkumbattu l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa (9), għen sabiex jiżdied l-għarfien ġewwa l-Unjoni Ewropea u sabiex tiżdied u tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn organizzazzjonijiet, fl-Istati Membri, attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza.

(9)

Il-programm ta' azzjoni Komunitarja stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 803/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jadotta programm ta' azzjoni Komunitarja (2004 sa 2008) sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi l-vittmi u l-gruppi li jkunu f'riskju (il-programm Daphne II) (10), żviluppa aktar ir-riżultati miksuba diġà mill-programm Daphne; skond l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Nru 803/2004/KE il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura konsistenza bejn l-approprjazzjonijiet annwali u l-perspettivi finanzjarji l-ġodda.

(10)

Huwa kunsiljabbli li tiġi żgurata l-kontinwità għall-proġetti appoġġati mill-programmi Daphne u Daphne II.

(11)

Huwa importanti u meħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-implikazzjonijiet serji immedjati u dawk fit-tul tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom, u għall-iżvilupp psikoloġiku u soċjali tagħhom, kif ukoll għall-opportunitajiet ugwali għal dawk konċernati, għall-individwi, familji u komunitajiet, u l-ispejjeż għolja soċjali u ekonomiċi għas-soċjetà ġeneralment.

(12)

Il-vjolenza kontra n-nisa tieħu ħafna forom li jvarjaw minn vjolenza domestika, li hija prevalenti fil-livelli kollha tas-soċjetà, għal drawwiet tradizzjonali dannużi assoċjati ma' l-eżerċizzju ta' vjolenza fiżika kontra n-nisa, bħall-mutilazzjoni ġenitali u bħal reati relatati ma' l-unur, li jikkostitwixxu forma partikolari ta' vjolenza kontra n-nisa.

(13)

It-tfal, iż-żgħażagħ jew in-nisa li jkunu xhieda ta' qarib viċin li jiġi attakkat għandhom jiġu meqjusa bħala vittmi ta' vjolenza skond il-programm stabbilit minn din id-Deċiżjoni (“il-programm”).

(14)

Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-vjolenza, inklużi l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, taż-żgħażagħ u tan-nisa u l-protezzjoni tal-vittmi u tal-gruppi li jkunu f'riskju, l-Unjoni Ewropea tista' tagħti valur miżjud lill-azzjonijiet li prevalentement iridu jittieħdu mill-Istati Membri b'dawn il-mezzi li ġejjin: id-disseminazzjoni u l-iskambju ta' l-informazzjoni, ta' l-esperjenza u ta' prattika tajba; il-promozzjoni ta' approċċ innovattiv; it-twaqqif konġunt ta' prijoritajiet; l-iżvilupp tan-networking skond kif ikun meħtieġ; l-għażla ta' proġetti mifruxa mal-Komunità kollha inklużi proġetti li jappoġġaw free-phone helplines għat-tfal u hotlines għal tfal neqsin u sfruttati sesswalment; il-motivazzjoni u l-mobilizzazzjoni tal-partijiet kollha konċernati u kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku kontra l-vjolenza fl-Ewropa kollha. Dawn l-azzjonijiet għandhom jinkludu wkoll appoġġ għat-tfal, żgħażagħ u nisa li jkunu vittmi ta' traffikar.

(15)

Billi l-kawżi bażilari u l-konsegwenzi ta' vjolenza jistgħu sikwit jiġu indirizzati b'mod effettiv minn organizzazzjonijiet lokali u reġjonali li jaġixxu f'koperazzjoni mal-kontraparti tagħhom minn Stati Membri oħrajn, il-programm għandu jagħti importanza xierqa lill-miżuri u azzjonijiet preventivi ta' appoġġ għall-vittmi li jitwettqu fil-livelli lokali u reġjonali.

(16)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri sabiex tipprevjeni u tikkumbatti kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri minħabba l-ħtieġa ta' skambju ta' informazzjoni fil-livell Komunitarju u tad-disseminazzjoni mal-Kommunità kollha ta' informazzjoni dwar prattika tajba, u jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, minħabba l-ħtieġa ta' ħidma koordinata u multidixxiplinari u minħabba l-iskala jew l-impatt tal-programm, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(17)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għall-perjodu operattiv kollu tal-Programm, pakkett finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza prinċipali, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (11), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali.

(18)

Hija meħtieġa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”, u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (13) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) 1605/2002, li jissalvagwardaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti baġitarji, ta' limitazzjoni fuq in-numru tal-każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(19)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri adegwati għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa, sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, indebitament imħallsa jew skorrettament użati, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (14), mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (15) u mar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (16).

(20)

Ir-Regolament Finanzjarju jesiġi li jkun provdut att bażiku sabiex jiġu koperti l-għotjiet operattivi.

(21)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizju tas-setgħat ta' implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (17).

(22)

Il-parteċipazzjoni bilanċjata ta' nisa u rġiel fil-proċess deċiżjonali hija element ċentrali fil-kisba ta' ugwaljanża sostantiva bejn in-nisa u l-irġiel. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jużaw l-aqwa sforzi tagħhom sabiex jiksbu bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Filwaqt li tibni fuq il-linji politiċi u l-objettivi stabbiliti fil-programmi Daphne u Daphne II, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku sabiex jipprevjeni u jikkumbatti l-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u sabiex jipproteġi lill-vittmi u lill-gruppi li jkunu f'riskju (il-programm Daphne III), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-programm”, bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fondamentali u Ġustizzja”, sabiex jikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni mill-vjolenza sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali.

2.   Il-programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

3.   Għall-finijiet tal-programm, it-terminu “tfal” ikopri firxa ta' età ta' 0-18-il sena, skond l-istrumenti internazzjonali li jirrigwardaw id-drittijiet tat-tfal.

4.   Madankollu, il-proġetti b'azzjonijiet imfassla b'mod partikolari għal gruppi benefiċjarji bħal, per eżempju, “adoloxxenti” (13 sa 19-il sena) jew persuni minn 12 sa 25 sena, għandhom jiġu kkunsidrati bħala proġetti li jimmiraw lejn il-kategorija taż-żgħażagħ.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

1.   L-għan tal-programm għandu jkun li jikkontribwixxi għall-protezzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tan-nisa kontra kull forma ta' vjolenza u li jikseb livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa, benessere u koeżjoni soċjali.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-objettivi u setgħat tal-Komunità Ewropea, l-objettivi ġenerali tal-programm għandhom jikkontribwixxu, b'mod speċjali fir-rigward ta' tfal, żgħażagħ u nisa, għall-iżvilupp ta' linji politiċi Komunitarji, u b'mod iżjed speċifiku, għal dawk marbuta mas-saħħa pubblika, mad-drittijiet tal-bniedem u ma' l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll għal azzjonijiet immirati lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali.

Artikolu 3

Objettiv speċifiku

Il-programm għandu jkollu l-objettiv speċifiku li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra, kull forma ta' vjolenza li sseħħ fil-pubbliku jew fil-privat kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, inklużi l-isfruttament sesswali u t-traffikar fil-bnedmin, billi jittieħdu miżuri preventivi u jingħata appoġġ lill-vittmi u lill-gruppi li jkunu f'riskju. Dan għandu jinkiseb permezz ta' l-azzjonijiet transnazzjonali li ġejjin, jew tipi oħrajn ta' azzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 4:

(a)

l-għoti ta' assistenza u inkoraġġiment lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u organizzazzjonijiet oħrajn attivi f'dan il-qasam, kif imsemmi fl-Artikolu 7;

(b)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni tal-kuxjenzi li jimmiraw udjenzi speċifiċi, bħal professjonijiet speċifiċi, awtoritajiet kompetenti, setturi identifikati tal-pubbliku ġenerali u gruppi li jkunu f'riskju, bil-ħsieb kemm li jitjieb l-apprezzament ta', u tiġi promossa l-adozzjoni ta', approċċ ta' tolleranza-żero lejn il-vjolenza kif ukoll li jiġi inkoraġġut l-appoġġ għall-vittmi u r-rapportar ta' inċidenti ta' vjolenza lill-awtoritajiet kompetenti;

(ċ)

id-disseminazzjoni tar-riżultati miksuba taħt il-programmi Daphne u Daphne II, inklużi l-adattament, it-trasferiment u l-użu tagħhom minn benefiċjarji oħrajn jew f'żoni ġeografiċi oħrajn;

(d)

l-identifikazzjoni u t-tisħiħ ta' azzjonijiet li jikkontribwixxu għat-trattament pożittiv ta' persuni li jkunu f'riskju ta' vjolenza, jiġifieri permezz ta' approċċ li jinkoraġġixxi rispett għalihom u jippromwovi l-benessere u r-realizzazzjoni personali tagħhom;

(e)

it-twaqqif u l-appoġġ ta' networks multidixxiplinarji bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-NGOs u organizzazzjonijiet oħrajn attivi f'dan il-qasam;

(f)

l-assigurazzjoni ta' l-espansjoni ta' informazzjoni bbażata fuq evidenza u tal-bażi tal-konoxxenza, l-iskambju ta' informazzjoni, l-identifikazzjoni u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni u prattika tajba, anke permezz ta' riċerka, taħriġ, żjarat ta' studju u skambju ta' persunal;

(g)

it-tfassil u l-ittestjar ta' materjali ta' sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza u edukattivi fir-rigward tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, u s-supplimentar u addattament ta' dawk li huma diġà disponibbli għall-użu f'żoni ġeografiċi oħrajn jew għal gruppi mmirati oħrajn;

(h)

studju ta' fenomeni relatati mal-vjolenza u l-impatt tagħhom, kemm fuq il-vittmi kif ukoll fuq is-soċjetà kollha, inklużi l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażilari tal-vjolenza fil-livelli kollha tas-soċjetà;

(i)

l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' programmi ta' appoġġ għal vittmi u persuni li jkunu f'riskju u programmi ta' intervent għal min jikkommetti r-reat, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-vittmi.

Artikolu 4

Tipi ta' azzjonijiet

Bil-ħsieb li jsegwi l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, il-programm għandu jappoġġa t-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma:

(a)

azzjonijiet speċifiċi meħuda mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ pubbliku u surveys, żvilupp ta' indikaturi u metodoloġiji, ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta' data u ta' statistika, seminars, konferenzi u laqgħat ta' esperti, organizzazzjoni ta' kampanji pubbliċi u avvenimenti, żvilupp u manteniment ta' servizz ta' helpdesk u websites, tħejjija u disseminazzjoni ta' materjal ta' informazzjoni (inklużi applikazzjonijiet ta' IT u riżorsi ta' taħriġ), twaqqif u faċilitazzjoni ta' think-tank ta' partijiet interessati li jipprovdi konsulenza esperta relatata mal-vjolenza, appoġġ għal networks ta' esperti nazzjonali, u attivitajiet ta' analiżi, monitoraġġ u valutazzjoni;

(b)

proġetti transnazzjonali speċifiċi ta' interess Komunitarju li jinvolvu mill-inqas żewġ Stati Membri taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma;

(ċ)

appoġġ għall-attivitajiet ta' NGOs jew organizzazzjonijiet oħrajn f'ħidma għal għan ta' interess Ewropew ġenerali rigward l-objettivi ġenerali tal-programm, stabbiliti fl-Artikolu 2 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma.

Artikolu 5

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

Il-pajjiżi li ġejjin jistgħu jieħdu sehem fl-azzjonijiet tal-programm:

(a)

pajjiżi li magħhom l-Unjoni Ewropea iffirmat Trattat ta' Adeżjoni;

(b)

pajjiżi kandidati li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skond il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi Komunitarji stabbiliti, rispettivament, bil-Ftehim Kwadru u bid-deċiżjonjiet tal-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni;

(ċ)

l-Istati ta' l-EFTA li huma Partijiet għall-Ftehim dwar iż-ŻEE, skond id-dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim;

(d)

il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, skond l-arranġamenti li jridu jiġu stabbiliti ma' dawk il-pajjiżi taħt ftehim kwadru dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi Komunitarji;

Mal-proġetti jistgħu jkunu assoċjati pajjiżi kandidati li ma jieħdux sehem fil-programm, fejn dan jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tagħhom għall-adeżjoni, jew pajjiżi terzi oħrajn li ma jieħdux sehem fil-programm, fejn dan iservi għall-finijiet tal-proġetti.

Artikolu 6

Il-gruppi benefiċjarji u l-gruppi mmirati

1.   Il-programm għandu jibbenefika t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa li jkunu vittmi, jew li jkunu f'riskju li jsiru vittmi, tal-vjolenza.

2.   Il-gruppi prinċipalment immirati mill-programm għandhom ikunu, inter alia, il-familji, l-għalliema u l-persunal edukattiv, il-ħaddiema soċjali, il-pulizija u l-gwardjani tal-fruntiera, l-awtoritajiet lokali, nazzjonali u militari, il-persunal mediku u paramediku, il-persunal ġudizzjali, l-NGOs, it-trade unions u l-komunitajiet reliġjużi.

Artikolu 7

Aċċess għall-programm

L-aċċess għall-programm għandu jkun miftuħ għal organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet privati jew pubbliċi (l-awtoritajiet lokali fil-livell xieraq, dipartimenti ta' l-università u ċentri ta' riċerka) li jaħdmu sabiex jipprevjenu u jikkumbattu l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa jew sabiex jipprovdu protezzjoni minn din il-vjolenza jew sabiex jagħtu appoġġ lill-vittmi jew jimplimentaw azzjonijiet maħsuba sabiex jippromwovu ċ-ċaħda ta' din il-vjolenza jew iħeġġu tibdil fl-attitudni jew fl-imġiba lejn il-gruppi vulnerabbli u l-vittmi tal-vjolenza.

Artikolu 8

Tipi ta' intervent

1.   Il-finanzjament Komunitarju jista' jkun fil-forom legali li ġejjin:

għotjiet,

kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2.   L-għotjiet tal-Komunità għandhom jingħataw wara l-konsiderazzjoni ta' l-applikazzjonijiet li jiġu preżentati fuq sejħiet għal proposti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali ta' urġenza debitament sostanzjati jew fejn il-karatteristiċi tal-benefiċjarju ma jħallux għażla oħra għal azzjoni partikolari. L-għotjiet tal-Komunità għandhom jiġu pprovduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet. Ir-rata massima ta' kofinanzjament għandha tiġi speċifikata fil-programmi annwali ta' ħidma.

3.   Barra minn hekk, in-nefqa tista' ssir disponibbli għal miżuri komplementari, permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, f'liema każ il-fondi Komunitarji għandhom ikopru l-akkwist ta' servizzi u ta' oġġetti, relatati direttament mal-miri tal-programm. Dan għandu jkopri, inter alia, in-nefqa għal informazzjoni u komunikazzjoni, tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, kontroll u valutazzjoni ta' proġetti, linji politiċi, programmi u leġislazzjoni.

Artikolu 9

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-asssitenza Komunitarja skond ir-Regolament Finanzjarju.

2.   Sabiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta' l-objettivi ġenerali, tal-programm, stabbiliti fl-Artikolu 2, tadotta programm annwali ta' ħidma li jispeċifika l-objettivi speċifiċi tiegħu, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament previsti fl-Artikolu 8 u, jekk tkun meħtieġa, lista ta' azzjonijiet oħrajn. Il-programm annwali ta' ħidma għandu jispeċifika l-perċentwali minima tan-nefqa annwali li għandha tingħata għall-għotjiet.

3.   Il-programm annwali ta' ħidma għandu jkun addottat skond il-proċedura ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 10(2).

4.   Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward tal-materji l-oħrajn kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 10(3).

5.   Il-proċeduri ta' valutazzjoni u ta' allokazzjoni relatati ma' għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont ta', inter alia, dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-objettivi ġenerali u speċifiċi kif speċifikati fl-Artikoli 2 u 3 u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikolu 3 u l-konformità mal-programm annwali ta' ħidma;

(b)

il-kwalità ta' l-azzjoni proposta fir-rigward tal-konċezzjoni, organizzazzjoni, preżentazzjoni u r-riżultati mistennija tagħha;

(ċ)

l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u l-effikaċja fid-dawl ta' l-ispejjeż fir-rigward tar-riżultati mistennija;

(d)

l-impatt tar-riżultati mistennija fir-rigward ta' l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm definiti fl-Artikoli 2 u 3 u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikolu 3;

(e)

l-innovazzjoni:

6.   L-applikazzjonijiet għal għotjiet operattivi, imsemmija fl-Artikolu 4(ċ), għandhom jiġu valutati fid-dawl ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-konsistenza ma' l-objettivi tal-programm;

(b)

il-kwalità ta' l-attivitajiet pjanati;

(ċ)

l-effett multiplikatorju probabbli fuq il-pubbliku ta' dawn l-attivitajiet;

(d)

l-impatt ġeografiku ta' l-attivitajiet imwettqa;

(e)

l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi konċernati;

(f)

il-proporzjon spiża-effikaċja ta' l-attività proposta.

Artikolu 10

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal xahrejn.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Komplementarjetà

1.   Għandhom ikunu mfittxija s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma' strumenti Komunitarji oħrajn, b'mod partikolari mal-programmi ġenerali “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet” u “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni”, is-Seba' Programm Kwadru ta' Riċerka u Żvilupp kif ukoll il-programmi dwar il-protezzjoni tas-saħħa, “Impjiegi u Solidarjetà Soċjali — PROGRESS” u “Safer Internet Plus”. Il-komplementarjetà għandha tiġi mfittxija ma' l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. L-element statistiku ta' informazzjoni dwar il-vjolenza għandu jiġi żviluppat b'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, bl-użu kif meħtieġ tal-Programm Statistiku Komunitarju.

2.   Dan il-programm jista' jikkondividi riżorsi ma' strumenti Komunitarji oħrajn, b'mod partikolari mal-programmi ġenerali “Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet”, “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni” u s-Seba' Programm Kwadru ta' Riċerka u Żvilupp sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jilħqu l-objettivi tal-programmi kollha.

3.   L-operazzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni ma għandhomx jirċievu assistenza għall-istess skop minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarji tal-programm jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar finanzjament riċevut mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea u minn sorsi oħrajn, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 12

Finanzjament

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni huwa stabbilit għal EUR 116,85 miljun għall-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1.

2.   L-allokazzjonijiet għall-azzjonijiet previsti fil-programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.   Għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-programm, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jippreżenta rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress fix-xogħol. Għandu jiġi ppreżentat ukoll rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programm jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta' kontrolli fuq il-post, inkluż kontrolli ta' kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Għal perjodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-Kummissjoni għandha tesiġi li l-benefiċjarju ta' għajnuna finanzjarja jżomm, għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, id-dokumenti kollha ta' sostenn rigward l-infiq fuq l-azzjoni.

4.   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u tal-kontrolli ta' kampjuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, taġġusta l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-allokazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja oriġinarjament approvata, kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kull pass ieħor meħtieġ sabiex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu korrettament u konformement mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz ta' l-irkupru ta' l-ammonti indebitament imħallsa u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt dan il-programm, għandhom japplikaw ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għal kull ksur ta' xi dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta' operatur ekonomiku, li jkollu, jew kien ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati taħtu, b'element ta' nefqa mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tnaqqas, tissospendi jew tirkupra l-ammont ta' assistenza finanzjarja mogħtija għal azzjoni jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew tad-deċiżjoni individwali jew tal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet suġġetta għal tibdil li jmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet implimentattivi tal-proġett.

4.   Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja allokata tkun ġustifikata mill-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju sabiex jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tikkanċella l-assistenza finanzjarja li jkun fadal u tesiġi ir-rimbors tas-somom diġà mħallsa.

5.   Kwalunkwe pagament indebitu għandu jiġi rimborsat lill-Kummissjoni. L-interessi għandhom jiġu magħduda ma' kull somma mhux rimborsata fiż-żmien adegwat taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Valutazzjoni

1.   Il-programm għandu jiġi mmonitorjat regolarment sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet imwettqa taħtu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura valutazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

rapport interim ta' valutazzjoni dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-programm mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2011 akkumpanjat minn lista tal-proġetti u miżuri ffinanzjati;

(b)

komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni ta' dan il-programm mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2012;

(ċ)

rapport ta' valutazzjoni ex post, dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 16

Il-pubblikazzjoni tal-proġetti

Il-Kummissjoni għandha annwalment tippubblika lista tal-proġetti ffinanzjati taħt il-programm flimkien ma' deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 17

Miżuri transitorji

Id-Deċiżjoni Nru 803/2004/KE hija b'dan imħassra. L-azzjonijiet mibdija skond dik id-Deċiżjoni għandhom ikomplu jkunu regolati minnha, sakemm jitlestew.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika minn …

Magħmul fi Brussel,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 69, 21.3.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 25.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2007, u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(5)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 307.

(6)  ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 126.

(7)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 75.

(8)  ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 66.

(9)  ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.

(10)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 1.

(11)  ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.

(12)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(13)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

(14)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(15)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(16)  ĠU L 136, 31.05.1999, p. 1.

(17)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).


DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   DAĦLA

Fit-13 ta' April 2005, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, abbażi ta' l-Artikolu 152 tat-Trattat, proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Ġlieda kontra l-vjolenza (Daphne) u prevenzjoni u informazzjoni dwar id-drogi” bħala parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”.

Madankollu, bi tweġiba għall-fehmiet espressi mill-Grupp ta' Ħidma Ad Hoc tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza f'Jannar 2006 u x-xewqa tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tan-Nisa biex il-programm Daphne jiġi separat mill-programm dwar il-prevenzjoni tad-drogi, il-Kummissjoni, fl-24 ta' Mejju 2006, ippreżentat proposta emendata li tistabbilixxi żewġ programmi speċifiċi.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fid-19 ta' Jannar 2006.

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta l-Opinjoni tiegħu fis-16 ta' Frar 2006.

Il-Parlament Ewropew ta l-Opinjoni tiegħu fil-5 ta' Settembru 2006 (l-ewwel qari).

Il-Kunsill adotta Pożizzjoni Komuni fl-5 ta' Marzu 2007 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat.

II.   OBJETTIV

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm ta' seba' snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 biex jipprevjeni u jiġġieled il-vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa u li jipproteġi l-vittmi u l-gruppi f'riskju (Daphne III). Dan huwa parti mill-programm ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja” u jibni fuq il-linji politiċi u l-objettivi stabbiliti fl-ewwel programm Daphne u l-programm Daphne II.

L-objettivi speċifiċi tal-programm huma mmirati lejn il-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza, inkluż l-esplojtazzjoni sesswali u t-traffikar fi bnedmin, li jseħħu fil-kamp pubbliku jew privat. Biex dawn l-objettivi jinkisbu, il-programm għandu baġit globali ta' EUR 116.85 miljun, li jirrappreżenta żjieda konsiderevoli meta mqabbel mal-programm Dapne II li kellu EUR 50 miljun għal perijodu ta' ħames snin.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-Pożizzjoni Komuni nqablet abbażi ta' negozjati tripartitiċi informali, wara serje ta' laqgħat bejn il-Presidenza attwali, il-ko-relaturi u r-relaturi alternattivi, u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni. Fl-1 ta' Diċembru 2006, il-Kunsill EPSCO laħaq ftehim politiku dwar dan it-test u, bħala parti mill-ftehim ta' kompromess, qabel dwar dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew li tistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà ta' inizjattiva għas-Sena Ewropea biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa (1).

2.   L-Emendi tal-Parlament Ewropew

Fl-ewwel qari tiegħu fil-5 ta' Settembru 2006, il-Parlament Ewropew adotta 53 emenda.

2.1   Emenda tal-Parlament Ewropew aċċettata mill-Kunsill

Fil-pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill ħa kont ta' 32 emenda. Minn dawn, il-Kunsill:

aċċetta 7 emenda fl-intier, kif għamlet il-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha. Dawn kienu l-emendi 6, 13, 22, 25, 30, 50 u 65.

aċċetta 17-il emenda fil-prinċipju jew parzjalment, billi segwa l-approċċ meħud mill-Kummissjoni (Nri. 3, 5, 15, 23, 27, 29, 31, 34, 38, 39, 43, 45, 46, 55, 56, 61, 66);

laħaq kompromess mal-Parlament dwar 8 emendi oħrajn (Nri. 4, 32, 33, 35, 70, 59, 63, 64).

2.2   Emendi tal-Parlament Ewropew mhux aċċettabbli għall-Kunsill

Il-Kunsill ma aċċettax 19-il emenda għar-raġunijiet spjegati mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha (Nri 14, 17 & 67, 18, 19, 24, 26, 36, 37, 40, 41, 68, 42, 44, 51, 53, 54, 58, 60 u 74).

Il-Kunsill ma setax jaċċetta wkoll l-emendi 20 u 69 & 72 marbuta man-Netwerk Ewropew ta' Difensuri Ċiviċi għat-Tfal (ENOC) peress li pprefera li l-organizzazzjonijiet kollha li jkunu jixtiequ jibbenifikaw minn għotja operattiva jiġu trattati b'mod ugwali. Il-Kunsill għaldaqstant ħassar ukoll il-premessa 13 u l-Artikoli 4(d) u 9(6) tal-proposta emendata tal-Kummissjoni li semmiet organizzazzjoni speċifika waħda.

3.   Bidliet oħra mwettqa mill-Kunsill

Fl-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tiegħu, il-Kunsill għamel numru ta' bidliet oħrajn għall-proposta emendata tal-Kummissjoni, li diversi minnhom huma modifiki ta' natura teknika. Il-bidliet ewlenin l-oħrajn huma marbuta ma' dan li ġej:

 

Premessa 13: il-premessa fil-proposta emendata tal-Kummissjoni tħassret peress li l-Kunsill ma aċċettax l-emenda 20, iżda kienet sostitwita b'referenza għar-rwol li seta' jiġi kopert minn organizzazzjonijiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-għeruq-kawżi u l-konsegwenzi tal-vjolenza.

 

Artikolu 2 (Objettivi ġenerali): il-Kunsill ipprefera jiffoka direttament fuq il-kwistjoni li jipproteġi t-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa kontra kull forma ta' vjolenza minflok isemmi l-objettiv usa' li tiġi stabbilita żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

 

Artikolu 3 (Objettiv speċifiku): għal raġunijiet ta' ċarezza, il-Kunsill biddel l-istruttura ta' dan l-artikolu, sabiex hemm objettiv speċifiku wieħed biss, segwit b'lista tad-diversi azzjonijiet transnazzjonali.

 

Artikolu 4(b) (Tipi ta' azzjonijiet): il-Kunsill ipprefera jmur lura għas-sitwazzjoni f'Daphne II fejn, biex ikun hemm l-eliġibbiltà għal finanzjament taħt il-programm, proġetti transnazzjonali ta' interess Komunitarju kellhom jinvolvu mill-anqas żewġ, aktar minn tliet, Stati Membri.

 

Artikolu 5 (Parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi): l-istruttura nbidlet biex tirrifletti l-formula li ntużat reċentament fid-Deċiżjoni 771/2006/KE dwar is-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Ugwali għal Kulħadd (2007) (2).

 

Artikolu 6 (Benefiċjarji u Gruppi ta' Mira): Il-Kunsill biddel il-proposta tal-Kummissjoni biex jagħmel distinzjoni bejn il-benefiċjarji tal-programm (tfal, żgħażagħ u nisa li huma, jew li jirriskjaw isiru, vittimi tal-vjolenza) u l-gruppi ta' mira ewlenin tal-programm, bħal familji, għalliema, assistenti soċjali, u organizzazzjonijiet mhux governattivi, eċċ.

 

Artikolu 9(2) (Miżuri ta' implimentazzjoni): Sabiex jiġi żgurat li proporzjon suffiċjenti tal-baġit jintuża biex jiffinanzja proġetti transnazzjonali, il-paragrafu 2 issa jistipula li l-programm ta' ħidma annwali ser jistabbilixxi perċentwal minimu ta' nefqa annwali li għandu jiġi ddedikat għal għotjiet.

 

Artikolu 9(3 u 3a) (Miżuri ta' implimentazzjoni): u Artikolu 10 (Kumitat): il-Kunsill ipprefera li jmur lura għall-proċedura ta' komitoloġija mħallta li kienet intużat fil-programm Daphne II, fejn il-programm ta' ħidma annwali jiġi adottat skond il-proċedura ta' ġestjoni tal-kumitat u miżuri oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni jiġu adottati bl-użu tal-proċedura konsultattiva tal-kumitat.

 

Artikolu 11 (Kumplimentarjetà): il-Kunsill jikkonsidra xieraq li tiddaħħal referenza għall-Programm Komunitarju adottat reċentament għall-Impjiegi u s-Solidarjetà Soċjali — PROGRESS (3).

 

Artikolu 13(3) (Monitoraġġ): id-dispożizzjonijiet kontra l-frodi fit-tielet paragrafu kienu sostitwiti bi premessa standard (17a) li tirreferi għal diversi Regolamenti tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità u kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, il-Parlament Ewropew u r-Regolament tal-Kunsill dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew għall-Kontra l-Frodi.

Għandu wkoll ikun innotat li sar numru ieħor ta' bidliet tekniċi lit-test finali waqt il-proċedura legali/lingwistika normali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkonsidra li, kollox ma' kollox, il-Pożizzjoni Komuni hija konformi ma' l-objettivi fundamentali tal-proposta emendata tal-Kummissjoni u jikkonsidra li ntlaħaq kompromess tajjeb mal-Parlament Ewropew matul in-negozjati informali.


(1)  Dok. 15869/06.

(2)  ĠU L 146, 31.5.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.


Top